Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ Partijiet /* COM/2013/0764 final - 2013/0382 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA Abbażi
tal-awtorizzazzjoni mogħtija lilha mill-Kunsill[1], il-Kummissjoni Ewropea
fetħet in-negozjati mal-Unjoni tal-Komoros dwar it-tiġdid
tal-Protokoll tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd li hemm bejn il-Komunità
Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros. Wara dawn in-negozjati, ġie inizjalat
abbozz ta' Protokoll ġdid min-negozjaturi
fl-05 ta' Lulju 2013. Il-Protokoll il-ġdid ikopri perjodu
ta' 3 snin li jibda mid-data tal-applikazzjoni provviżorja stipulata
mill-Artikolu 13, jiġifieri mill-1 ta' Jannar 2014. L-għan
ewlieni tal-Protokoll għall-Ftehim huwa li joffri opportunitajiet tas-sajd
lill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea fiż-żona tas-sajd tal-Unjoni
tal-Komoros fil-limiti tal-kwantità żejda disponibbli. Il-Kummissjoni
ibbażat, fost oħrajn, fuq ir-riżultati ta' evalwazzjoni ex-post
imwettqa mill-esperti esterni. L-għan huwa
li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni
tal-Komoros għall-istabbiliment ta’ qafas ta’ sħubija
għall-iżvilupp ta’ politika tas-sajd sostenibbli u l-isfruttament
responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Komoros,
fl-interess taż-żewġ Partijiet. B’mod partikolari,
il-Protokoll jipprevedi opportunitajiet tas-sajd fil-kategoriji li ġejjin: –
42 bastiment tas-sajd għat-tonn
bit-tartarun mgħammra bi friżer: –
20 bastiment tas-sajd bil-konzijiet
tal-wiċċ Għandu jiġi ddefinit il-metodu
għad-distribuzzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni qed
tipproponi li l-Kunsill jadotta dan ir-Regolament. 2. RIŻULTATI TA’
KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT Il-partijiet interessati ġew ikkonsultati
fil-qafas tal-evalwazzjoni tal-Protokoll 2011-2013. Ġew ikkonsultati
wkoll l-esperti mill-Istati Membri waqt laqgħat tekniċi. Dawn
il-konsultazzjonijiet wasslu għall-konklużjoni li jkun ta’
benefiċċju li jinżamm protokoll tas-sajd mal-Unjoni tal-Komoros. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA Din
il-proċedura nbdiet b’mod parallel mal-proċeduri marbutin mad-Deċiżjoni
tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tal-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll,
kif ukoll mad-Deċiżjoni tal-Kunsill rigward il-konklużjoni
tal-Protokoll innifsu. 2013/0382 (NLE) Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet
tas-sajd skont il-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros li
jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja
previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd fis-seħħ bejn
iż-żewġ Partijiet IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 43(3)
tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) Fil-5 ta’ Ottubru 2006,
il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1563/2006 dwar il-konklużjoni ta’
Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni
tal-Komoros [2]. (2) Fit-3 ta' Mejju 2007 u fis-6
ta' Marzu 2008, il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros innotifikaw lil
xulxin dwar it-twettiq tal-proċeduri meħtieġa
għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Sħubija bejn
il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros[3]. (3) Fil-5 ta' Lulju 2013
ġie inizjalat protokoll ġdid għall-Ftehim ta’ Sħubija (minn
hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll il-ġdid”). Dan il-Protokoll il-ġdid
jagħti opportunitajiet tas-sajd lill-bastimenti tal-Unjoni
fiż-żona tas-sajd li fiha l-Unjoni tal-Komoros teżerċita
l-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward tas-sajd. (4) Fil-[…], il-Kunsill adotta
d-Deċiżjoni Nru .../2013/UE[4]
dwar l-iffirmar tal-Protokoll il-ġdid u l-applikazzjoni provviżorja
tiegħu. (5) Il-mod li bih issir
id-distribuzzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri għandu
jiġi ddefinit għall-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Protokoll
il-ġdid. (6) Skont l-Artikolu 10(1)
tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008[5], f’każ li
l-opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Unjoni Ewropea skont il-Protokoll
il-ġdid ma jkunux qed jintużaw għal kollox, il-Kummissjoni
għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati dwar dan. F’każ
li ma tintbagħatx risposta qabel jiskadi limitu ta' żmien li
għandu jiġi ffissat mill-Kunsill, dan għandu jitqies bħala
konferma li l-bastimenti tal-Istat Membru kkonċernat mhux qed jagħmlu
użu sħiħ mill-opportunitajiet tagħhom tas-sajd matul
il-perjodu kkunsidrat. Jeħtieġ li din l-iskadenza tiġi
stabbilita. (7) Sabiex jiġi żgurat
li l-bastimenti tal-Unjoni jkunu jistgħu jkomplu għaddejjin
bl-attivitajiet tas-sajd tagħhom, l-Artikolu 13 tal-Protokoll
il-ġdid jipprevedi l-possibbiltà li huwa jiġi applikat b’mod
provviżorju minn kull Parti sa mill-1 ta' Jannar 2014. (8) Jixraq li dan ir-Regolament
japplika mill-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll il-ġdid. ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 1. L-opportunitajiet ta' sajd
stabbiliti mill-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros li
jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja
previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd fis-seħħ bejn
iż-żewġ partijiet (minn issa ’l quddiem imsejjaħ
“il-Protokoll”) għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri kif ġej: –
42 bastiment tas-sajd għat-tonn
bit-tartarun: –
Spanja: 21 bastiment –
Franza: 21 bastiment –
20 bastiment tas-sajd bil-konzijiet
tal-wiċċ: –
Spanja: 8 bastimenti –
Franza: 9 bastimenti –
Il-Portugall: 3 bastimenti 2. Ir-Regolament (KE)
Nru 1006/2008 japplika mingħajr ħsara għall-Ftehim ta'
Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros. 3. L-iskadenza sa meta l-Istati
Membri għandhom jikkonfermaw li mhumiex qed jużaw għal kollox
l-opportunitajiet tas-sajd li jkunu ngħatawlhom skont il-Ftehim, kif
imsemmi fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008,
għandha tkun ta' għaxart ijiem tax-xogħol minn meta
l-Kummissjoni tgħarrafhom li l-opportunitajiet tas-sajd mhumiex qed
jintużaw kollha. Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol
fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar
2014. Dan ir-Regolament għandu jorbot
fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] Adottat fl-18 ta’ Marzu 2013 mill-Kunsill
għall-Agrikoltura u s-Sajd [2] ĠU L 290 tas-20.10.2006. [3] ĠU L 125 tad-09.05.2008. [4] ĠU C …* [5] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008
tad-29 ta' Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet
għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra
mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta' bastimenti ta' pajjiżi
terzi għall-ilmijiet tal-Komunità. (ĠU L 286,
29.10.2008, p. 33)