52013PC0763

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tapprova l-aġġornament tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku tal-Portugall /* COM/2013/0763 final - 2013/0372 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Fuq talba tal-Portugall, fis-17 ta' Mejju 2011, il-Kunsill ta assistenza finanzjarja lill-Portugall (id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344/UE) bħala appoġġ għal programm ekonomiku u ta' riforma ambizzjuż li għandu l-għan li jirrestawra l-fiduċja, u b'hekk l-ekonomija terġa' tibda tikber b'mod sostenibbli filwaqt li titħares l-istabbiltà finanzjarja fil-Portugall, fiż-żona tal-euro u fl-UE.

F'konformità mal-Artikolu 3(10) tad-Deċiżjoni 2011/344/UE, il-Kummissjoni, flimkien mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u f'kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), wettqet it-tmien u d-disa' analiżi biex tivvaluta l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri mifthiema kif ukoll l-effikaċja u l-impatt ekonomiku u soċjali tagħhom.

Filwaqt li qieset l-informazzjoni li waslet sadanittant, permezz tal-proposta [insert reference] il-Kummissjoni pproponiet li tiġi emendata d-Deċiżjoni 2011/344/UE.

Deċiżjoni addizzjonali hija meħtieġa wara d-dħul fis-seħħ tat-“two Pack” (speċifikament, ir-Regolament (UE) Nru 472/2013) li tiddixxiplina wkoll kif il-kundizzjonalità politika li ssostni programm ta’ aġġustament ekonomiku għandha tiġi modifikata. Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 japplika għal programmi eżistenti ta’ aġġustament makroekonomiku li qegħdin fis-seħħ mid-dħul fis-seħħ tiegħu, li, bħala konsegwenza, jirrikjedu li l-aġġustamenti jsiru skont il-proċedura tal-Artikolu 7(5).

2013/0372 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tapprova l-aġġornament tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku tal-Portugall

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom, u b'mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 japplika għall-Istati Membri li diġà qed jirċievu assistenza finanzjarja, inklużi dawk mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) u/jew mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF), fil-waqt tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

(2) Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 jistabbilixxi regoli għall-approvazzjoni ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku għall-Istati Membri li jirċievu din l-assistenza finanzjarja, li jeħtieġu li jkunu artikolati mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 407/2010 li jistabbilixxi l-EFSM meta l-Istat Membru kkonċernat jirċievi l-assistenza kemm mill-EFSM kif ukoll minn sorsi oħra.

(3) Il-Portugall ingħata assistenza finanzjarja kemm mill-EFSM permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall kif ukoll mill-EFSF.

(4) Għal raġunijiet ta’ konsistenza l-approvazzjoni tal-aġġornament tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku għall-Portugall skont ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 għandu jsir b’referenza għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE.

(5) B’konformità mal-Artikolu 3(10) tad-Deċiżjoni 2011/344/UE, il-Kummissjoni, flimkien mal-FMI u u f'kooperazzjoni mal-BĊE, wettqet it-tmien u d-disa' analiżi sabiex tivvaluta l-progress li għamel il-Portugall fuq l-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma kif ukoll l-effettività u l-impatt ekonomiku u soċjali tagħhom. Bħala konsegwenza ta’ din l-analiżi, għandhom isiru xi tibdiliet għall-programm ta’ aġġustament makroekonomiku eżistenti.

(6) Dawn il-bidliet jinsabu fid-Deċiżjoni Nru [insert reference] li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni Nru 2011/344/UE.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri speċifikati fl-Artikolu 3 minn (7) sa (9) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE li se jittieħdu mill-Portugall bħala parti mill-programm ta’ aġġustament makroekonomiku tiegħu huma b’dan approvati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Portugall.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President