52013PC0743

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed fit-Tmintax-il Laqgħa Ordinarja tal-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona għall-Protezzjoni tal-Ambjent u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran, fir-rigward tal-proposta għall-emenda tal-Annessi II u III tal-Protokoll dwar Żoni Protetti b'mod Speċjali u l-Bijodiversità Bijoloġika fil-Mediterran u fir-rigward tal-proposta għall-adozzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni Reġjonali dwar l-Iskart fil-Baħar /* COM/2013/0743 final - 2013/0357 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           L-UE hija Parti għall-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (“il-Konvenzjoni ta’ Barċellona”)[1], u l-Protokolli tagħha. L-Italja, il-Greċja, Spanja, Franza, is-Slovenja, Malta, Ċipru u l-Kroazja huma wkoll Partijiet għal din il-Konvenzjoni u l-Protokolli tagħha, flimkien ma’ 13-il pajjiż tal-Mediterran li mhumiex fl-UE.

2.           It-Tmintax-il Laqgħa Ordinarja tal-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona (MOP) se ssir bejn it-3 u s-6 ta’ Diċembru 2013 f’Istanbul, it-Turkija.

3.           Fil-Laqgħa tal-Partijiet se tintalab deċiżjoni, i.a. fuq żewġ atti li għandhom effetti legali:

– Proposta għall-adozzjoni ta' Pjan ta’ Azzjoni Reġjonali dwar l-Iskart fil-Baħar, skont il-Protokoll għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran kontra t-Tniġġis minn Sorsi Bbażati fuq l-Art ("il-Protokoll LBS" - Land Based Sources)

– Proposta għal emenda tal-Annessi II u III tal-Protokoll dwar Żoni Protetti b’mod Speċjali (SPA - Specially Protected Areas) u d-Diversità Bijoloġika fil-Mediterran[2] ("il-Protokoll dwar SPA u l-Bijodiversità")

4.           Rigward il-proposta għall-adozzjoni ta' Pjan ta’ Azzjoni Reġjonali dwar l-Iskart fil-Baħar:

(a) Il-Protokoll LBS jistipula l-adozzjoni mill-Konvenzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni reġjonali sabiex jiġi eliminat it-tniġġis mis-sorsi u mill-attivitajiet ibbażati fuq l-art. Ladarba l-pjanijiet jiġu adottati, il-miżuri u l-iskedi tagħhom isiru vinkolanti legalment, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Protokoll dwar is-Sorsi Bbażati fuq l-Art.

(b) Is-Segretarjat tal-Konvenzjoni fformola proposta ġdida għal Pjan ta' Azzjoni Reġjonali dwar l-Iskart fil-Baħar, li f'Ġunju tal-2013 kienet approvata minn MEDPOL, il-korp tekniku rilevanti tal-Konvenzjoni. Din il-proposta hija f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart u l-ilma[3],u l-impenn Rio+20 sabiex jitnaqqas b’mod sinifikanti l-iskart fil-baħar[4]. Għandha tissaħħaħ ukoll permezz ta' xi ftit adattamenti tekniċi addizzjonali fl-MOP 18. Il-kooperazzjoni msaħħa ma’ pajjiżi terzi għall-ħarsien tal-ambjent tal-baħar hija meħtieġa sabiex jingħata kontribut ħalli jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina 2008/56/KE[5].

(c) Il-Pjan ta' Azzjoni Reġjonali dwar l-Iskart fil-Baħar huwa, kif iddikjarat fl-Artikolu 5 tiegħu “mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar stretti, jirrispetta l-miżuri ta’ ġestjoni tal-iskart tal-baħar li jinsabu fi strumenti jew programmi eżistenti jew futuri, nazzjonali, reġjonali jew internazzjonali oħrajn”. Huwa jistieden lill-Partijiet biex jelaboraw, skont kif meħtieġ, il-miżuri u l-programmi rilevanti li jindirizzaw l-iskart fil-baħar.

5.           Dwar il-proposta li temenda l-Protokoll dwar SPA u l-Bijodiversità, sabiex tmexxi l-ħames speċijiet ta' qroll mill-Anness III għall-Anness II u biex tinkludi sitt speċijiet oħra direttament fl-Anness II tal-Protokoll dwar SPA u l-bijodiversità.

(a) Il-proposta ġiet diskussa fil-korp tekniku rilevanti tal-Konvenzjoni: il-laqgħa tal-punti ewlenin tal-Protokoll dwar SPA u l-Bijodiversità. Il-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM - General Fisheries Commission for the Mediterranean) ħadet sehem fil-laqgħa. Skont l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni u skont l-Artikolu 14(1) tal-Protokoll dwar SPA u l-bijodiversità, emenda tal-Annessi tal-Protokoll se tidħol fis-seħħ għall-Partijiet Kontraenti kollha hekk kif jiskadi l-perjodu deċiż mill-Partijiet Kontraenti kkonċernati meta tiġi adottata l-emenda, għajr għal dawk il-Partijiet Kontraenti li jagħmlu riżerva b’notifika bil-miktub lid-Depożitarju.

(b) L-ispeċijiet tal-qroll ikkonċernati huma inklużi fl-Anness I tad-Direttiva tal-Ħabitats[6] bħala tipi ta' ħabitats naturali ta' interess għall-komunità u li l-konservazzjoni tagħhom tirrekkjedi l-għażla ta' żoni speċjali ta' konservazzjoni[7]. Ħamsa minn dawn l-ispeċijiet ta' qroll (Callogorgia verticillata, Cladocora caespitosa, Ellisella paraplexauroides, Lophelia pertusa u Madrepora oculata) jissemmew b'mod espliċitu fl-interpretazzjoni tal-manwal tal-ħabitats tal-UE[8] u speċijiet oħra (Antipatella subpinnata, Antipathes dichotoma, Antipathes fragilis, Leiopathes glaberrima, Parantipathes larix, Cladocora debilis) huma inklużi bħala komponenti tal-massa tal-iskoll koralloġeniku.

(c) L-appoġġ għal dawn il-proposti mill-UE jiżgura l-konsistenza bejn l-azzjoni interna u esterna. L-UE hija impenjata f’kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tal-bijodiversità f’konformità mal-Artikolu 191(1) tat-TFUE u skont l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD), il-ftehimiet li saru waqt il-Konferenza tal-Partijiet tas-CBD li saret f’Nagoya fl-2010, it-tħassib espress fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fl-2012 “dwar il-vulnerabbiltà sinifikanti tas-sikek tal-qroll u tal-mangrovji għall-impatti, inkluż mit-tibdil fil-klima, l-aċidifikazzjoni tal-oċeani, is-sajd żejjed, tal-prattiki distruttivi tas-sajd u t-tniġġis.” l-impenn “biex tappoġġa l-kooperazzjoni internazzjonali bil-għan li jitħarsu s-sikek tal-qroll u l-ekosistemi tal-mangrovji u li jitwettqu l-benefiċċji soċjali, ekonomiċi u ambjentali tagħhom kif ukoll l-iffaċilitar tal-kollaborazzjoni teknika u l-iskambju ta’ informazzjoni volontarju" kif ukoll il-Mira tal-Bijodiversità Aichi Nru 10 skont liema "sal-2015, diversi pressjonijiet antropoġeniċi fuq sikek tal-qroll, u l-ekosistemi vulnerabbli l-oħra li jintlaqtu mit-tibdil tal-klima jew l-aċidifikazzjoni tal-oċeani jiġu mnaqqsa kemm jista’ jkun, sabiex jinżammu l-integrità u l-funzjonament tagħhom”.

6.           Il-proposta għal emenda tal-Protokoll dwar SPA u l-Bijodiversità u l-proposta għal Pjan ta' Azzjoni Reġjonali dwar l-Iskart fil-Baħar skont l-Artikolu 15 tal-Protokoll LBS ma jeћtieġu l-ebda bidla fil-Liġi tal-Unjoni.

7.           Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġa l-proposta li tadotta Pjan ta’ Azzjoni Reġjonali dwar l-Iskart fil-Baħar u l-proposta li temenda l-Annessi II u III tal-Protokoll dwar Żoni Protetti b’mod Speċjali u d-Diversità Bijoloġika fil-Mediterran.

2013/0357 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed fit-Tmintax-il Laqgħa Ordinarja tal-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona għall-Protezzjoni tal-Ambjent u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran, fir-rigward tal-proposta għall-emenda tal-Annessi II u III tal-Protokoll dwar Żoni Protetti b'mod Speċjali u l-Bijodiversità Bijoloġika fil-Mediterran u fir-rigward tal-proposta għall-adozzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni Reġjonali dwar l-Iskart fil-Baħar

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[9],

Billi:

(1)       L-UE hija Parti għall-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran[10] (minn hawn 'il quddiem magħrufa bħala "l-Konvenzjoni ta’ Barċellona").

(2)       L-UE hija Parti għall-Protokoll għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran kontra t-Tniġġis minn Sorsi Bbażati fuq l-Art (minn hawn ’il quddiem magħruf bħala “l-Protokoll LBS”) u għall-Protokoll dwar Żoni Protetti b’mod Speċjali u d-Diversità Bijoloġika fil-Mediterran[11] ("il-Protokoll dwar SPA u l-Bijodiversità").

(3)       Fit-tmintax-il Laqgħa Ordinarja tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha, li se ssir f’Istanbul (it-Turkija) bejn it-3 u s-6 ta’ Diċembru 2013 se tiġi eżaminata l-adozzjoni ta’:

(a) Proposta għall-adozzjoni ta' Pjan ta’ Azzjoni Reġjonali dwar l-Iskart fil-Baħar, skont il-Protokoll għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran kontra t-Tniġġis minn Sorsi Bbażati fuq l-Art ("il-Protokoll LBS").

(b) Proposta għal emenda tal-Annessi II u III tal-Protokoll dwar Żoni Protetti b’mod Speċjali u d-Diversità Bijoloġika fil-Mediterran (“il-Protokolli dwar SPA u l-bijodiversità”).

(4)       Fir-rigward tal-proposta biex temenda l-Annessi II u III tal-Protokoll dwar Żoni Protetti b’mod Speċjali u d-Diversità Bijoloġika fil-Mediterran:

(a) Il-Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti hija l-korp li jieħu d-deċiżjonijiet tal-Konvenzjoni, u fost is-setgħat mogħtija lilu hemm inkluża l-kapaċità li jemenda kif meħtieġ l-annessi tal-Konvenzjoni u tal-protokolli tagħha. Skont l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta' Barċellona u skont l-Artikolu 14(1) tal-Protokoll, emenda tal-Annessi tal-Protokoll għandha tidħol fis-seħħ għall-Partijiet Kontraenti kollha għall-Protokoll hekk kif jiskadi l-perjodu deċiż mill-Partijiet Kontraenti kkonċernati meta tiġi adottata l-emenda, għajr għal dawk li jagħmlu riżerva b’notifika bil-miktub lid-Depożitarju li huma ma jistgħux japprovaw l-emenda.

(b) Skont il-Memorandum ta’ Qbil iffirmat bejn il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Mediterran (UNEP/MAP) u l-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM), l-emendi possibbli tal-Annessi tal-Protokoll għandhom jiġu kkonsultati bejn il-Partijiet filwaqt li tkun żgurata ċ-ċirkolazzjoni ta' tagħrif xjentifiku f'waqtha u addatata.

(c) L-UE għandha tappoġġa din il-proposta minħabba li hija xjentifikament soda, konsistenti mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni b’mod partikolari skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats u mal-impenn tal-Unjoni għall-kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tal-bijodiversità, u skont l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika[12], il-mira miftiehma fil-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika fl-2010 sabiex titnaqqas b’mod sinifikanti r-rata attwali tat-telf tal-bijodiversità sal-2020 kif ukoll il-Mira tal-Bijodiversità Aichi Nru 10 li skonthom “sal-2015, diversi pressjonijiet antropoġeniċi fuq sikek tal-qroll, u l-ekosistemi vulnerabbli l-oħra li jintlaqtu mit-tibdil tal-klima jew l-aċidifikazzjoni tal-oċeani jiġu mnaqqsa kemm jista’ jkun, sabiex jinżammu l-integrità u l-funzjonament tagħhom”.

(5)       Fir-rigward tal-proposta għall-adozzjoni ta' Pjan ta’ Azzjoni Reġjonali dwar l-Iskart fil-Baħar, skont il-Protokoll għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran kontra t-Tniġġis minn Sorsi Bbażati fuq l-Art ("il-Protokoll LBS"):

(a) Il-Protokoll LBS jistipula l-adozzjoni mill-Laqgħa tal-Partijiet ta' programmi u pjanijiet ta’ azzjoni Reġjonali, inklużi l-miżuri u l-iskedi, sabiex jiġi eliminat it-tniġġis mis-sorsi u mill-attivitajiet ibbażati fuq l-art. Bis-saħħa tal-Artikolu 15 tal-Protokoll, meta l-pjanijiet jiġu adottati, il-miżuri u l-iskedi tagħhom isiru vinkolanti għall-Partijiet fil-mija u tmenin jum wara dak tan-notifika mis-Segretarjat lill-Partijiet kollha.

(b) Il-Pjan ta’ Azzjoni Reġjonali dwar l-Iskart fil-Baħar ġie fformulat mill-korp innominat mill-Partijiet bħala responsabbli biex iħejji l-Laqgħa tal-Partijiet, u ġie approvat mill-korp tekniku rilevanti tal-Konvenzjoni. Barra minn hekk, il-Pjan ta’ Azzjoni Reġjonali għandu jittejjeb bi ftit modifiki tekniċi, sabiex dan isir aktar konformi mal-prattiki attwali fl-UE.

(c) Il-Pjan ta’ Azzjoni Reġjonali jikkonċerna qasam kopert mil-liġi tal-Unjoni b’mod partikolari l-qasam tal-iskart u l-ilma kif ukoll tat-trasport[13] u huwa koerenti mal-impenn li sar f’Rio+20 biex jitnaqqas b'mod sinifikanti l-iskart fil-baħar. Il-kooperazzjoni msaħħa ma’ pajjiżi terzi għall-ħarsien tal-ambjent tal-baħar hija meħtieġa sabiex jingħata kontribut ħalli jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina 2008/56/KE.

(6)       Iż-żewġ proposti li se jiġu eżaminati waqt it-Tmintax-il Laqgħa Ordinarja tal-Partijiet Kontraenti ma jeħtieġu l-ebda bidla fil-liġi tal-Unjoni.

(7)       L-UE għandha tappoġġa dawn il-proposti.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fit-tmintax-il Laqgħa Ordinarja tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha, il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea għandha tkun li tappoġġa ż-żieda tal-ispeċijiet li ġejjin mal-Anness II tal-Protokoll u t-tħassir rispettiv tagħhom mill-Anness III:

· Antipatella subpinnata (Ellis & Solander, 1786);

· Antipathes dichotoma (Pallas, 1766);

· Antipathes fragilis (Gravier, 1918);

· Leiopathes glaberrima (Esper, 1792);

· Parantipathes larix (Esper, 1790);

U l-inklużjoni tal-ispeċijiet li ġejjin fl-Anness II:

· Callogorgia verticillata (Pallas, 1766);

· Cladocora caespitosa (Linnaeus, 1767);

· Cladocora debilis (Edwards & Haime, 1849);

· Ellisella paraplexauroides (Stiasny, 1936);

· Lophelia pertusa (Linnaenus, 1758);

· Madrepora oculata (Linnaeus, 1758).

Artikolu 2

F’din il-laqgħa, il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea għandha wkoll tkun li tappoġġa l-adozzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni Reġjonali dwar l-Iskart fil-Baħar, skont il-qafas tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Protokoll għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran kontra t-Tniġġis minn Sorsi u Atiitvitajiet Ibbażati fuq l-Art.

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni se jippruvaw jiżguraw li qabel l-adozzjoni t-test ikun kemxejn emendat sabiex:

- jirrifletti l-ħtieġa li jiġu stabbiliti linji gwida u jiġu diskussi l-prattiki tajba dwar is-sajd għall-iskart,

- jiddefendi l-kompatibbiltà tal-Bank tad-Dejta tar-Reġjun tal-Mediterran dwar l-iskart fil-baħar ma’ bażijiet tad-dejta reġjonali jew globali oħra,

- jinkludi l-mikroplastiċi fid-definizzjoni tal-iskart tal-baħar, u

- jinfurza mill-ġdid ir-referenzi għall-involviment tal-partijiet interessati.

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni jistgħu jaqblu dwar bidliet minuri fuq din il-pożizzjoni fit-Tmintax-il Laqgħa Ordinarja tal-Partijiet Kontraenti mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President                                                                        [...]

[1]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/585/KEE tal-25 ta’ Lulju 1977 li tikkonkludi l-Konvenzjoni għall-protezzjoni tal-Baħar Mediterran mit-tniġġis u l-Protokoll għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-Baħar Mediterran bir-rimi tal-iskart minn bastimenti u vetturi tal-ajru, ĠU L 240, 19.9.1977, p. 1.

[2]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/800/KE tat-22 ta' Ottubru 1999 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jikkonċerna żoni protetti b'mod speċjali u d-diversità bijoloġika fil-Mediterran, u dwar l-aċċettazzjoni tal-annessi ta' dak il-Protokoll (Konvenzjoni ta' Barċellona), ĠU L 322, 14.12.1999, p. 1.

[3]               Bħalma hija d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, P. 3-30), id-Direttiva dwar l-Ilma Urban Mormi (id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi ĠU L 135, 30.5.1991, P. 40-52), kif ukoll id-Direttiva dwar il-formalitajiet ta’ rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri (id-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ĠU L 283, 29.10.2010, p. 1-10) u d-Direttiva dwar il-faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Portijiet (id-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (ĠU L 332, 28/12/2000 P. 0081-0090).

[4]               Id-dokument finali tal-Konferenza Rio+20 bl-isem ta' "il-Futur li Rridu", il-paragrafu 163 "Aħna nimpenjaw ruħna aktar li, sal-2025, nieħdu azzjoni biex, abbażi ta' dejta xjentifika miġbura, niksbu tnaqqis sinifikanti fl-iskart fil-baħar biex tiġi evitata l-ħsara lill-ambjent kostali u dak tal-baħar.".

[5]               ĠU L 162, 21.6.2008, p. 11.

[6]               Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.

[7]               Żoni speċjali ta' konservazzjoni kif definit fl-Artikolu 1(l) tad-Direttiva tal-Ħabitats tfisser sit ta’ importanza għall-Komunità nnominat mill-Istati Membri permezz ta’ att statutorju, amministrattiv u/jew kuntrattwali li bih il-miżuri meħtieġa ta’ konservazzjoni huma applikati għall-manteniment jew għar-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, il-ħabitat naturali u/jew il-popolazzjonijiet tal-ispeċi li għalihom is-sit ġie nominat.

[8]               http://ec.europa.eu/environment/nature/legislation/habitatsdirective/docs/Int_Manual_EU28.pdf

[9]               ĠU C [...], [...], p. [...].

[10]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/585/KEE tal-25 ta’ Lulju 1977 li tikkonkludi l-Konvenzjoni għall-protezzjoni tal-Baħar Mediterran mit-tniġġis u l-Protokoll għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-Baħar Mediterran bir-rimi tal-iskart minn bastimenti u vetturi tal-ajru, ĠU L 240, 19.9.1977, p. 1.

[11]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/800/KE tat-22 ta' Ottubru 1999 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jikkonċerna żoni protetti b'mod speċjali u d-diversità bijoloġika fil-Mediterran, u dwar l-aċċettazzjoni tal-annessi għal dak il-Protokoll (il-Konvenzjoni ta' Barċellona), ĠU L 322, 14.12.1999, p. 1.

[12]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/626/KEE tal-25 ta’ Ottubru 1993 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika, ĠU L 309, 13.12.1993, p. 1.

[13]             Bħalma hija d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, P. 3-30), id-Direttiva dwar l-Ilma Urban Mormi (id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi ĠU L 135, 30.5.1991, P. 40-52), u barra minn hek anki d-Direttiva dwar il-formalitajiet ta’ rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri (id-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ĠU L 283, 29.10.2010, p. 1-10) u d-Direttiva dwar il-faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Portijiet (id-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (ĠU L 332, 28/12/2000 P. 0081-0090).