52013PC0732

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 /* COM/2013/0732 final - 2011/0194 (COD) */


2011/0194 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000

1.           Sfond

Data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (dokument COM(2011) 416 finali – 2011/0194(COD): || it-13 ta' Lulju 2011.

Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: || it-28 ta' Marzu 2012.

Data tal-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni: || l-4 ta' Mejju 2012.

Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: || it-12 ta' Settembru 2012.

Data tat-trażmissjoni tal-proposta emendata: || .

Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill: || is-17 ta' Ottubru 2013.

2.           Objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni

L-għan ta' din il-proposta huwa li tikkontribwixxi għall-objettivi tar-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd, u b'mod partikolari għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd u l-akkwakultura. L-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq (OKS) fil-prodotti tas-Sajd u tal-Akkwakultura beħsiebha tissimplifika l-leġiżlazzjoni attwali u tnaqqas il-piż amministrattiv, biex timplimenta loġika ġdida ta' intervent, biex issaħħaħ ir-rwol tal-Organizzazzjonijiet tal-Produtturi (OP) u biex tinforma aħjar lill-konsumaturi.

3.           Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

3.1         Kummenti ġenerali dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill:

Il-Kummissjoni taqbel mal-pożizzjoni tal-Kunsill, li l-ftehim politiku ta' kompromess bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iżomm il-punti prinċipali tal-proposta tal-Kummissjoni, jiġifieri, 1) is-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, tal-proċeduri u tal-obbligi ta' rappurtar, kif ukoll it-tnaqqis tal-piż ammininistrattiv għall-operaturi, l-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-Kummissjoni, 2) l-eliminazzjoni immedjata tal-mekkaniżmi għall-irtirar ta' ħut mis-suq u l-introduzzjoni ta' mekkaniżmu għal għajnuna unika għall-ħażna ta' prodotti tas-sajd maħsuba għall-konsum mill-bniedem, 3) l-għoti ta' setgħa lill-Organizzazzjonijiet tal-Produtturi biex ikollhom rwol ikbar fl-ippjanar u l-ġestjoni kollettiva tal-attivitajiet tas-sajd u l-akkwakultura biex tinkiseb politika sostenibbli tas-sajd u tal-akkwakultura, inkluża l-eliminazzjoni tal-iskart.

3.2         Emendi magħmula mill-Parlament Ewropew fl-ewwel qari:

Il-Parlament Ewropew introduċa 146 emenda fil-partijiet kollha tal-proposta tal-Kummissjoni. Waqt it-trijalogi, l-emendi tal-Parlament Ewropew ġew irriveduti u nnegozjati. Uħud minnhom ġew integrati bis-sħiħ fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari. Dan kien il-każ għall-emendi 1, 7, 30, 89, 104, 130, 131 u 134, kif ukoll l-emenda li tikkonċerna l-irkaptu tas-sajd.

Għall-biċċa l-kbira tal-emendi tal-Parlament Ewropew, il-pożizzjoni tal-Kunsill ġiet ifformulata b'tali mod li tirrappreżenta l-punti prinċipali tal-pożizzjoni tal-Parlament. Dan kien il-każ għall-emendi 2, 3, 23, 27, 29, 32, 36, 38, 39, 74, 97, 111, 113, 128, 133, 135 u 139. L-emenda 123 toħloq l-obbligu għall-Kummissjoni li tressaq rapport ta' fattibbiltà dwar l-għażliet għal skema tal-ekotikketta.

L-emendi 43 u 44 eliminaw il-miżura li tikkonċerna t-tqassim mingħajr ħlas, mill-Organizzazzjonijiet tal-Produtturi, ta' prodotti li jkunu nħattu l-art għal finijiet filantropiċi jew karitatevoli.

3.3         Dispożizzjonijiet ġodda introdotti mill-pożizzjoni tal-Kunsill u l-Kummissjoni f’dan ir-rigward

Il-Kunsill introduċa dispożizzjonijiet ġodda li jikkonċernaw il-funzjonament ta' Organizzazzjonijiet tal-Produtturi u ta' organizzazzjonijiet interprofessjonali (l-Artikolu 18a il-ġdid), l-informazzjoni obbligatorja (l-Artikolu 42, il-punti 2 sa 5) u d-deżinjazzjoni kummerċjali (l-Artikolu 43, il-punti 2 u 3).

Il-Kunsill elimina l-Artikolu 38 relatat mal-fond kollettiv.

Il-Kummissjoni tista' taċċetta dawn il-bidliet peress li ma jbiddlux l-objettiv prinċipali tal-proposta tal-Kummissjoni. Madankollu, tinnota b'dispjaċir l-eliminazzjoni ta' 4 Artikoli li jipprevedu atti delegati li kellhom jippermettu lill-Kummissjoni tirreaġixxi b'mod flessibbli għas-sitwazzjonijiet tas-suq li jinbidlu b'mod stabbli u li kellhom jippermettu wkoll lill-Kummissjoni tipprovdi aktar dettalji ta' natura teknika fir-regoli li jridu jiġu adottati biex jipprovdu lis-settur b'aktar preċiżjoni dwar l-obbligi li dawn iridu josservaw (L-Artikolu 24 jikkonċerna l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent ta' Organizzazzjonijiet tal-Produtturi u r-regoli dwar il-verifiki li jridu jsiru mill-Istati Membri, l-Artikolu 33 relatat mal-kontenut tal-pjanijiet ta' produzzjoni u ta' kummerċjalizzazzjoni, l-Artikolu 41 dwar id-definizzjoni tal-istandards komuni ta' kummerċjalizzazzjoni u l-Artikolu 46 jikkonċerna l-informazzjoni obbligatorja għall-konsumaturi u d-definizzjoni tal-kriterji minimi għall-informazzjoni volontarja).

Il-Kunsill introduċa wkoll Artikolu 53a ġdid li jikkonċerna t-tkomplija tar-regoli attwali li jistabbilixxu standards komuni ta' kummerċjalizzazzjoni. Fin-nuqqas ta' atti delegati dwar id-definizzjoni tal-istandards, din id-dispożizzjoni hija xierqa biex tispeċifika li se jibqgħu japplikaw l-atti li attwalment huma fis-seħħ.

3.4         Problemi li nqalgħu fl-adozzjoni tal-pożizzjoni fl-ewwel qari u l-pożizzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward:

Matul il-finalizzazzjoni tan-negozjati, il-koleġiżlaturi estendew is-setgħat ta' implimentazzjoni għall-formula ta' applikazzjonijiet għar-rikonoxximent tal-Organizzazzjonijiet tal-Produrtturi u għall-format u l-istruttura tal-pjanijiet ta' produzzjoni u ta' kummerċjalizzazzjoni, rispettivament. Il-Kummissjoni tista' taċetta din l-estensjoni fuq il-bażi li ma tissupplimenta l-ebda dispożizzjoni tal-att ta' kodeċiżjoni iżda pjuttost tiffaċilita l-implimentazzjoni uniformi tal-OKS.

Il-Kummissjoni tqis li r-riforma tal-OKS naqset milli ttejjeb aktar l-informazzjoni għall-konsumaturi dwar il-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura billi telimina d-dispożizzjonijiet għad-"data tal-qabda/tal-ħsad" u għar-rekwiżiti ta' tikkettar għall-prodotti ppreservati u ppreparati (id-deżinjazzjoni kummerċjali u l-provenjenza).

4.           Konklużjoni

Il-Kummissjoni tista' taqbel mal-pożizzjoni tal-Kunsill li hija r-riżultat tan-negozjati mal-Parlament Ewropew. Minkejja dan, il-Kummissjoni tagħmel id-dikjarazzjoni li ġejja fir-rigward ta' ċerti dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar:

Il-Kummissjoni tinnota b'dispjaċir li l-ftehim bejn il-koleġiżlaturi elimina mill-proposta tal-Kummissjoni l-obbligu li tiġi indikata d-"data tal-qabda" u d-"data tal-ħsad" għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, rispettivament. Il-Kummissjoni tqis li dawn id-dati jipprovdu informazzjoni essenzjali għall-konsumaturi. L-indikazzjoni tad-dati tal-qabda u l-ħsad huma b'mod ċar ta' benefiċċju għas-sajjieda u l-bdiewa fuq skala żgħira tal-Unjoni, u jippromwovu kanali ta' distribuzzjoni qosra għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura. Il-Kummissjoni tinnota wkoll b'dispjaċir li l-koleġiżlaturi eliminaw mill-proposta tal-Kummissjoni l-applikazzjoni ta' ċerti rekwiżiti ta' tikkettar għall-prodotti ppreservati u ppreperati, jiġifieri l-isem kummerċjali, il-metodu ta' produzzjoni u l-provenjenza. Il-Kummissjoni temmen li dawn ir-rekwiżiti jwieġbu għad-domanda pubblika li dejjem tikber ta' informazzjoni dwar il-kontenut ta' prodotti ppreservati u ppreparati. Din hija wkoll kwistjoni essenzjali għall-kredibbiltà u l-valur tal-produzzjoni tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni tixtieq tisħaq li t-titjib fit-tikkettar propost hawn fuq mill-Kummissjoni, mhux se jimponi l-ebda piż sproporzjonat fuq l-industrija tas-sajd peress li dawn ikomplu jibnu fuq ir-rekwiżiti ta' traċċabbiltà eżistenti.

Il-Kummissjoni ma taqbilx mal-bidla introdotta mill-ġuristi lingwisti fl-Artikolu 42(1)(e) dwar it-test tal-ftehim politiku li ntlaħaq fit-tijalogu informali tat-8 ta' Mejju 2013 dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq għall-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura (l-Artikolu 35(1)(e) il-ġdid tad-dokument 12005/13). Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija li, kif ġie maqbul matul it-trijalogu informali tat-8 ta' Mejju 2013, l-immarkar jew it-tikkettar xieraq għandu jindika d-data ta' durabbiltà minima, mingħajr l-ebda kwalifika addizzjonali, għall-prodotti kollha tas-sajd u tal-akkwakultura msemmija fl-Artikolu 42(1) (l-Artikolu 35(1) il-ġdid tad-dokument 12005/13) li jinbiegħu lill-konsumatur finali. L-introduzzjoni tal-kliem "fejn xieraq" fl-aħħar tal-Artikolu 42(1)(e) (l-Artikolu 35(1)(e) il-ġdid tad-dokument 12005/13) se toħloq nuqqas ta' ċertezza legali u se tipperikola l-kisba tal-objettiv li titjieb it-trasparenza għall-konsumaturi.