52013PC0720

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li se tieħu l-Unjoni Ewropea fil-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Jemen mad-WTO /* COM/2013/0720 final - 2013/0342 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

I. INTRODUZZJONI

Il-Membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u r-Repubblika tal-Jemen laħqu l-istadju konklussiv ta' ftehim dwar it-termini tal-adeżjoni tal-Jemen mal-organizzazzjoni. Dan intlaħaq wara 13-il sena ta’ negozjati, li bdew meta l-Jemen ressqet l-applikazzjoni tagħha biex tingħaqad mad-WTO fis-sena 2000. It-talba tal-Jemen għall-adeżjoni ġiet eżaminata skont il-linji gwida stipulati mill-Kunsill Ġenerali tad-WTO dwar l-adeżjoni tal-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDC) u jeħtieġ li issa jkun hemm Deċiżjoni tal-Kunsill li tapprova t-termini tal-adeżjoni tal-Jemen, qabel l-UE tkun tista' tappoġġa formalment din l-approvazzjoni fid-WTO.

Taqsira tat-termini tal-adeżjoni tinsab hawn taħt.

II. TAQSIRA TAT-TERMINI TAL-ADEŻJONI TAL-JEMEN MAD-WTO SKONT IS-SETTUR

Skeda tal-impenji

Prodotti

Ir-rata ta’ tariffa medja finali (FBR) fl-iskeda tal-adeżjoni tal-Jemen hija ta’ 22,2 %.

L-FBR medja għall-prodotti tal-agrikoltura hija ta' 26,2 %, kemxejn ogħla mill-20.1 % osservata għall-prodotti industrijali. It-tariffi għoljin huma ogħla fl-agrikoltura (100 % massimu f’ċerti prodotti tal-agrikoltura mqabbla mal-40 % massimu osservati fil-prodotti industrijali).

Il-Jemen se jimplimenta l-FBRs mid-data tal-adeżjoni.

Dawn il-livelli medji għat-tariffi huma pjuttost raġonevoli meta jitqies l-istatus tal-LDC tal-Jemen kif ukoll id-daqs żgħir u l-vulnerabbiltà tal-ekonomija tiegħu. Fl-imgħoddi l-prassi tal-UE marbuta mal-LDCs kienu li dawn il-livelli ta’ tariffi jiġu aċċettati bħala ekonomiji raġonevoli ta’ daqs komparabbli.

Prodotti Industrijali

– L-FBR medja għall-prodotti mhux agrikoli hija ta' 20,1 %.

– L-ogħla medji ta' madwar 27 % huma osservati fis-setturi tal-għamara u ż-żraben.

– L-aktar medji baxxi, ta' madwar 10 %, jirrigwardaw il-prodotti tat-Teknoloġija tal-Informatika (IT).

– Il-livelli massimi tat-tariffi għoljin huma 40 % (siment u xi ħut ipproċessat) u 43 % (l-iktar tas-sajd u prodotti tas-sajd ipproċessati).

Prodotti agrikoli

– L-FBR medja għall-prodotti agrikoli hija ta' 26,2 %.

– Il-livelli massimi tat-tariffi għoljin fl-agrikoltura jinsabu fit-tabakk u l-kafè b’100 %.

Servizzi

L-iskeda ta' impenji speċifiċi tal-Jemen fis-servizzi hija sodisfaċenti meta jitqies l-istatus tiegħu ta' LDC. Il-Jemen se jidħol għall-impenji ta' aċċess għas-suq u ta' trattament nazzjonali f'firxa wiesgħa ta' setturi tas-servizzi, inklużi s-servizzi professjonali, tal-kompjuter u ta' negozju ieħor, is-servizzi tal-komunikazzjoni (ta' kurrier u tat-telekomunikazzjonijiet), servizzi tal-kostruzzjoni, tad-distribuzzjoni, tal-edukazzjoni privata, tal-ambjent, servizzi finanzjarji (tal-assigurazzjoni u bankarji), servizzi privati marbuta mas-saħħa, tat-turiżmu u t-trasport (trasport marittimu u ferrovjarju).

L-impenji tal-protokoll

Fl-istadju multilaterali finali tal-proċess ta' adeżjoni, il-Membri tad-WTO fittxew kollettivament li jiżguraw il-kompatibbiltà bażika tal-liġijiet u l-istituzzjonijiet kummerċjali tal-Jemen mar-regoli u l-ftehimiet tad-WTO, stabbiliti fil-Protokoll ta’ adeżjoni u r-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma.

Perjodi ta’ tranżizzjoni kienu mitluba f’għadd ta’ oqsma; il-kwistjonijiet li ġejjin huma ta’ interess partikolari għall-UE:

Id-drittijiet tal-kummerċ: Il-Jemen ikkonferma li se jagħti lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika ta’ Membru tad-WTO, irrispettivament mill-preżenza fiżika jew l-investiment fil-Jemen, id-dritt li tkun l-importatur irreġistrat ta’ kull prodott li huwa permess li jiġi importat lejn il-Jemen mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2014. Il-liġijiet u r-regolamenti tal-Jemen marbuta mat-tariffi, l-imposti u t-taxxi kollha imposti f’konnessjoni ma’ dan il-kummerċ, se jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi tiegħu tad-WTO.

Skont l-istess skedi, il-Jemen se jagħti drittijiet kummerċjali b’mod mhux diskriminatorju u mhux diskrezzjonali b'konformità mal-Ftehimiet tad-WTO. Kwalunkwe rekwiżit għal reġistrazzjoni kummerċjali jew applikazzjoni għad-drittijiet tal-kummerċ se jkun għal finijiet doganali jew fiskali biss u ma jkunx jeħtieġ investiment fil-Jemen.

Dazji u imposti oħra: Il-Jemen huwa impenjat li jorbot dazji u imposti oħra fit-tifsira tal-Artikolu II:1(b) tal-GATT 1994 b’rata ta’ 0,25 fil-mija sa mhux aktar tard minn erba' snin wara l-adeżjoni, ir-rata fissa għal dawn id-dazji u imposti oħra tkun 0 kif previst fl-Iskeda ta' Prodotti tal-Jemen.

Tariffi u imposti għal servizzi mogħtija: ir-rekwiżit li ċ-ċertifikati ta' oriġini u l-fatturi ta’ importazzjonijiet lejn il-Jemen jiġu approvati jew iċċertifikati b'mod notarili mill-Konsulati tal-Jemen barra l-pajjiż se jintemm sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2017.

Valutazzjoni doganali: Il-leġiżlazzjoni u r-regolamenti ta’ implimentazzjoni tal-Jemen sad-data tal-adeżjoni se jkunu korformi mal-Ftehim dwar l-Evalwazzjoni Doganali. Il-Jemen se jimplimenta progressivament il-Ftehim skont Pjan ta’ Azzjoni stabbilit fir-rapport tal-Grupp ta’ Ħidma u fil-31 ta’ Diċembru 2016se japplika bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tad-WTO li jikkonċernaw il-valutazzjoni doganali, inkluż il-Ftehim tad-WTO dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VII tal-GATT 1994 u l-Anness I (Noti interpretattivi). Il-Jemen ikkonferma li matul il-perjodu tranżitorju, il-Jemen jiżgura li r-regolamenti tiegħu skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ u r-regolamenti addizzjonali implimentati matul it-tranżizzjoni dwar il-valutazzjoni doganali se jiġu applikati fuq bażi mhux diskriminatorja fuq l-importazzjonijiet kollha.

Miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS): Il-Jemen se jibbenefika minn perjodu ta’ tranżizzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2016 għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim SPS, kif stabbilit fi pjan ta’ azzjoni inkluż fir-rapport tal-grupp ta’ ħidma.

Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (OTK): Il-Jemen se jimplimenta bis-sħiħ il-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ sal-31 ta’ Diċembru 2016. Pjan ta’ azzjoni huwa stabbilit fir-rapport tal-grupp ta’ ħidma.

Drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (TRIPS): L-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim TRIPS se tkun effettiva sa tmiem l-2016 (ħlief għall-protezzjoni tal-privattiva ta’ farmaċewtiċi koperti mid-Deċiżjoni dwar it-TRIPS u s-Saħħa Pubblika (WT/L/641)).

III. RAKKOMANDAZZJONI

Bis-sottomissjoni tat-termini tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Jemen fid-WTO għall-approvazzjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni tqis dawn it-termini li jirrappreżentaw pakkett bilanċjat u ambizzjuż ta’ impenji għall-ftuħ tas-suq, li se jġib benefiċċji sostanzjali lil Jemen u lill-imsieħba kummerċjali tiegħu tad-WTO bl-istess mod.

2013/0342 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li se tieħu l-Unjoni Ewropea fil-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Jemen mad-WTO

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 91, 100(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Fit-12 ta’ April 2000 il-Gvern tar-Repubblika tal-Jemen applika għall-adeżjoni mal-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), b’konformità mal-Artikolu XII ta’ dan il-Ftehim.

(2)       Fis-17 u d-19 ta’ Lulju 2000 ġie stabbilit Grupp ta’ Ħidma dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Jemen sabiex jintlaħaq ftehim dwar it-termini tal-adeżjoni aċċettabbli għar-Repubblika tal-Jemen u l-Membri kollha tad-WTO.

(3)       Il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, innegozjat għadd komprensiv ta' impenji għall-ftuħ tas-suq min-naħa tar-Repubblika tal-Jemen li jissodisfaw it-talbiet tal-Unjoni.

(4)       Issa dawn l-impenji huma inkorporati fil-Protokoll ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Jemen mad-WTO.

(5)       L-adeżjoni mad-WTO hija mistennija li tagħti kontribut pożittiv u dejjiemi għall-proċess tar-riforma ekonomika u l-iżvilupp sostenibbli fir-Repubblika tal-Jemen.

(6)       Il-Protokoll ta’ Adeżjoni għandu għalhekk jiġi approvat.

(7)       L-Artikolu XII tal-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO jistipula li għandu jintlaħaq ftehim dwar it-termini tal-adeżjoni bejn il-Membru li qed jissieħeb u d-WTO, u li l-Konferenza Ministerjali tad-WTO tapprova t-termini tal-adeżjoni min-naħa tad-WTO.

(8)       Għaldaqtant, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-Konferenza Ministerjali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Jemen mad-WTO, hija li tapprova l-adeżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni ssir effettiva fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President