Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2009/71/EURATOM li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-Sikurezza Nukleari ta’ installazzjonijiet nukleari /* COM/2013/0715 final - 2013/0340 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA 1.1. Kuntest ġenerali L-aċċident fl-impjant nukleari (NPP)
ta’ Fukushima Daiichi fl-2011 wassal għal ħsara ambjentali, ekonomika
u soċjali sinifikanti u qajjem tħassib dwar il-possibbiltà ta’
effetti fuq is-saħħa fil-populazzjoni affettwata fil-Ġappun.
Minkejja li ġie kkawżat minn terremot u tsunami ta’ saħħa
immensa, l-investigazzjonijiet tal-kawżi tal-aċċident
jiżvelaw firxa ta’ fatturi prevedibbli li flimkien jagħtu eżitu
katastrofiku. L-analiżi tal-aċċident nukleari ta’ Fukushima
tiżvela kwistjonijiet tekniċi pjuttost sostanzjali u rikorrenti kif
ukoll nuqqasijiet istituzzjonali persistenti simili għal dawk
tal-evalwazzjonijiet ta’ wara l-aċċidenti nukleari ta’ Three Mile
Island u ta’ Chernobyl għexieren ta’ snin ilu. Dan l-aħħar
aċċident nukleari għal darb’oħra affettwa ħażin
il-fiduċja tal-pubbliku fir-rigward tas-sikurezza tal-enerġija
nukleari; u b’mod partikolari fi żmien fejn l-użu tal-enerġija
nukleari qiegħed jiġi diskuss bħala għażla possibbli
sabiex jiġu ssodisfati d-domandi globali għall-enerġija b’mod
sostenibbli. L-aċċident nukleari ta’ Fukushima
reġa’ tefa’ attenzjoni fuq l-importanza kbira li jiġu żgurati
l-livelli l-aktar robusti ta’ sikurezza nukleari fl-UE u madwar id-dinja. Fil-preżent, l-enerġija nukleari
tiġġenera kważi 30 % tal-elettriku kollu fl-UE u madwar
żewġ terzi tal-elettriku b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju. L-UE
għandha 132 reattur operattiv, li jirrappreżentaw madwar terz mill-437
reattur operattiv tal-enerġija nukleari fid-dinja. Il-biċċa
l-kbira tal-NPPs tal-UE kienu diġà nbnew tlieta sa erba’ deċennji
ilu, u huma bbażati fuq disinji u dispożizzjonijiet dwar is-sikurezza
li minn dak iż-żmien baqgħu jiġu aġġornati. Is-sikurezza nukleari hija tal-akbar
importanza għall-UE u n-nies tagħha. L-effetti
tal-aċċidenti nukleari ma jiqfux sal-konfini nazzjonali u
jistgħu jwasslu għal konsegwenzi potenzjalment perikolużi
għas-saħħa tal-ħaddiema u għaċ-ċittadini kif
ukoll għal implikazzjonjiet ekonomiċi kbar. Għalhekk huwa essenzjali
għas-soċjetà u l-ekonomija li jitnaqqas ir-riskju ta’
aċċidenti nukleari fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE billi jiġu
applikati standards għoljin għas-sikurezza nukleari u tkun garantita
kwalità għolja ta’ sorveljanza regolatorja. Fil-perjodu eżatt wara
l-aċċident nukleari ta’ Fukushima, ir-rispons tal-UE
għall-avvenimenti kien wieħed immedjat. Abbażi ta’ mandat mill-Kunsill Ewropew
fil-laqgħa tiegħu tal-24-25 ta’ Marzu 2011[1], il-Kummissjoni Ewropea,
flimkien mal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari (ENSREG),
nediet valutazzjonijiet komprensivi tas-sikurezza u r-riskju madwar l-UE
tal-impjanti nukleari (“Testijiet tal-Istress”). It-Testijiet tal-Istress
ġew iddefiniti bħala valutazzjoni mill-ġdid immirata lejn il-marġnijiet
ta’ sikurezza tal-NPPs fid-dawl tal-avvenimenti f’Fukushima relatati ma’
avvenimenti naturali estremi li joħolqu sfida għall-funzjonijiet
tas-sikurezza tal-impjanti. Kull wieħed mill-erbatax-il Stat Membru tal-UE
li jopera impjant nukleari[2]
flimkien mal-Litwanja[3]
pparteċipaw f’dawn il-valutazzjonijiet. L-Isvizzera, l-Ukrajna u l-Kroazja
pparteċipaw b’mod sħiħ fit-Testijiet tal-Istress tal-UE u
fil-proċess ta’ evalwazzjoni bejn il-pari, filwaqt li pajjiżi
ġirien oħra (eż. it-Turkija, il-Belarus u l-Armenja) li
laħqu ftehim fuq li jużaw l-istess metodoloġija, qegħdin
jaħdmu fi skedi ta’ żmien differenti. It-Testijiet tal-Istress inbdew
fl-2011 permezz ta’ awtovalutazzjonijiet imwettqa mill-operaturi nukleari u
t-tħejjija tar-rapporti nazzjonali mir-regolaturi nazzjonali.
F’Novembru 2011 ġew ippreżentanti s-sejbiet preliminari
f’Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Rapport tat-Testijiet tal-Istress Interim[4] u minn Jannar sa
April 2012 twettaq proċess estensiv ta’ evalwazzjoni bejn il-pari
mifrux madwar l-UE. Tfassal rapport ġenerali
mill-Bord ta’ Evalwazzjoni bejn il-Pari tal-ENSREG[5] u dan ġie
approvat mill-ENSREG. Minbarra dan, l-ENSREG qabel ukoll fuq Pjan ta’ Azzjoni[6] biex isegwi
l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta’ evalwazzjoni bejn il-pari.
F’Ottubru 2012, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar
ir-Rapport Finali tat-Testijiet tal-Istress[7].
Fil-preżent, f’konformità mar-rekwiżiti tal-Pjan ta’ Azzjoni
tal-ENSREG, tħejjew Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali[8] assoċjati mal-lezzjonijiet
mitgħallma minn wara Fukushima u minn rakkomandazzjonijiet
tal-evalwazzjoni bejn il-pari li ġew riveduti f’termini tal-kontenut u
l-istatus tal-implimentazzjoni fil-qafas
tal-Workshop ta’ April 2013. Ir-Rapport ta’ Sommarju
tal-Workshop huwa maħsub li jiġi ppreżentat fit-Tieni Konferenza
tal-ENSREG għall-2013 dwar is-Sikurezza Nukleari fl-Ewropa[9]. Barra minn hekk,
fil-proċess li jiġi żgurat segwitu xieraq għat-testijiet
tal-istress, il-Kummissjoni b’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENSREG sejra telabora
rapport konsolidat dwar l-istatus tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet
tat-Testijiet tal-Istress, li mistenni jinħareġ
f’Ġunju 2014 u jintbagħat lill-Kunsill Ewropew. Fil-qafas leġiżlattiv,
il-Kummissjoni Ewropea rċeviet mandat ċar mill-Kunsill Ewropew
f’Marzu 2011 “biex tirrevedi l-qafas legali u regolatorju eżistenti
għas-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari” u tipproponi kwalunkwe
titjib li jaf ikun meħtieġ. Il-Parlament Ewropew
ħeġġeġ ukoll li jkun hemm reviżjoni
leġiżlattiva. Fir-Riżoluzzjoni tal-2011 dwar il-prijoritajiet
tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u lil hinn[10], huwa ddikjara li “huma
essenzjali inizjattivi leġiżlattivi futuri biex jitwaqqaf qafas
komuni għas-sikurezza nukleari sabiex kontinwament jittejbu l-istandards
tas-sikurezza fl-Ewropa”. Barra minn hekk, fir-Riżoluzzjoni tal-2011 dwar
il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2012[11], il-Parlament sejjaħ
għal “reviżjoni urġenti tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari
bil-għan li din tiġi msaħħa, b’mod partikolari billi
jitqiesu r-riżultati tat-Testijiet tal-Istress implimentanti
eżattament wara l-aċċident ta’ Fukushima”. Aktar
reċentement, fir-Riżoluzzjoni tal-2013 dwar it-Testijiet tal-Istress[12], sejjaħ biex
ir-reviżjoni tkun waħda “ambizzjuża fin-natura tagħha”, li
tinkludi titjib kbir f’oqsma bħal dak tal-“oqsma bħall-proċeduri
u l-oqsfa ta' sikurezza – b'mod partikolari permezz tad-definizzjoni u
l-implimentazzjoni ta' standards ta' sikurezza nukleari vinnkolanti li
jirriflettu prattiki l-aktar avvanzati fl-UE fl-ambitu tekniku, regolatorju u
operattiv – kif ukoll ir-rwol u r-riżorsi tal-awtoritajiet regolatorji
nukleari u, b'mod partikolari, għandu jagħti spinta
lill-indipendenza, lill-ftuħ u lit-trasparenza ta' dawn l-awtoritajiet,
filwaqt li jsaħħaħ il-monitoraġġ u r-rieżami bejn
il-pari”. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
fl-Opinjoni Tiegħu dwar il-Komunikazzjoni lill-Kummissjoni tal-2012 dwar
Rapport Finali tat-Testijiet tal-Istress[13]
esprima l-appoġġ tiegħu għall-“intenzjoni tal-Kummissjoni
li twettaq reviżjoni ambizzjuża tad-Direttiva dwar is-Sikurezza
Nukleari”. B’rispons għall-mandat mill-Kunsill
Ewropew u s-sejħet mill-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE,
il-Kummissjoni impenjat ruħha fi proċess komprensiv ta’ analiżi
u ġbir ta’ opinjonijiet, biex tidentifika l-oqsma u l-mekkaniżmi xierqa
għal intervent leġiżlattiv. Dan il-proċess inkluda
konsultazzjoni pubblika online miftuħa (Diċembru 2011 – Frar 2012),
li ġiet ikkumplimentata permezz ta' djalogu estensiv mal-partijiet
interessati. Il-Komunikazzjonijiet
dwar it-Testijiet tal-Istress tal-2011 u l-2012 fihom indikazzjonjiet dwar
l-oqsma potenzjali ta’ titjib leġiżlattiv. F’dan il-kuntest,
b’referenza għad-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom li
tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sikurezza tal-installazzjonijiet
nukleari[14]
(minn hawn ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari”),
il-Komunikazzjoni msemmija l-aħħar tenfasizza l-oqsma
tal-proċeduri u l-oqfsa tas-sikurezza, ir-rwol u l-mezzi tal-awtoritajiet
regolatorji nukleari, il-ftuħ u t-trasparenza, is-sorveljanza u l-verifika.
Barra minn hekk, is-servizzi tal-Kummissjoni
matul l-2012, żviluppaw Valutazzjoni tal-Impatt, ibbażata fuq firxa
wiesgħa ta’ sorsi ta’ informazzjoni u li tqis l-iżviluppi
internazzjonali u tal-UE ta’ wara Fukushima fil-qasam nukleari. Abbażi ta’ dan, ġie żviluppat
abbozz ta’ proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva dwar
is-Sikurezza Nukleari, li tibbenefika mill-kontribut u l-għarfien espert
tal-Grupp ta’ esperti xjentifiċi tal-Artikolu 31 tat-Trattat
tal-Eurotom, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, kif ukoll
proċess ta’ konsultazzjoni estensiv mar-rappreżentanti ta’ livell
għoli tal-awtoritajiet regolatorji nukleari nazzjonali miġbura
flimkien mill-ġdid fl-ENSREG. 1.2. Raġunijiet u objettivi
tal-proposta Id-Direttiva
attwali dwar is-Sikurezza Nukleari kienet avvanz ewlieni. Madankollu,
fl-ispirtu tal-filosofija tas-sikurezza nukleari ta’ titjib kontinwu, u b’hekk
bl-intenzjoni li inter alia jitqiesu l-lezzjonijiet mitgħallma
mill-aċċident nukleari ta’ Fukushima u l-eżiti tat-Testijiet
tal-Istress sussegwenti, kienet meħtieġa li tiġi kkunsidrata
mill-ġdid is-suffiċjenza tad-dispożizzjonijiet eżistenti. L-aċċident nukleari ta’ Fukushima
wera li l-lezzjonijiet magħrufa sew mitgħallma minn
aċċidenti li seħħew deċennji ilu ma ttieħdux
b’mod volontarju minn partijiet tal-industrija u ma ġewx infurzati b’mod
suffiċjenti mir-regolaturi, anki f’nazzjon bħall-Ġappun li
wieħed kien jassumi li għandu standards ta’ sikurezza industrijali u
nukleari għoljin. Il-kwistjonijiet tekniċi u organizzattivi li
joħorġu mill-analiżi ta’ dan l-aċċident huma
għalhekk rilevanti għal kunsiderazzjoni usa’. Fl-Ewropa, it-Testijiet tal-Istress
ikkonfermaw li hemm differenzi kontinwi bejn l-Istati Membri fl-iżgurar
ta’ identifikazzjoni u ġestjoni komprensiva u trasparenti ta’
kwistjonijiet tas-sikurezza ewlenin. Barra minn hekk, it-Testijiet tal-Istress
urew biċ-ċar il-benefiċċji ta’ mekkaniżmi ta’
kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn il-partijiet kollha li għandhom
responsabbiltajiet għas-sikurezza nukleari, bħall-evalwazzjonijiet
bejn il-pari. Barra minn hekk, waqt il--laqgħat
pubbliċi organizzati fil-qafas tat-Testijiet tal-Istress, kien hemm
talbiet biex il-valutazzjoni tiġi estiża għat-tħejjija
għall-emerġenzi u l-arranġamenti ta’ rispons. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis xieraq li
temenda, issaħħaħ u tissupplimenta d-Direttiva dwar is-Sikurezza
Nukleari, billi tgħaqqad flimkien it-titjib tekniku ma’ kwistjonijiet
tas-sikurezza usa’ bħat-tmexxija, it-trasparenza, u t-tħejjija u
r-rispons fuq il-post. L-emendi proposti għandhom l-għan li
jsaħħu l-qafas regolatorju għas-sikurezza nukleari fl-UE, b’mod
partikolari billi: –
Jissaħħaħ ir-rwol u
tissaħħaħ l-indipendenza effettiva tal-awtoritajiet regolatorji
nazzjonali; –
Tittejjeb it-trasparenza fi kwistjonijiet marbuta
mas-sikurezza nukleari; –
Jissaħħu l-prinċipji eżistenti,
u jiġu introdotti għanijiet u rekwiżiti ġenerali ġodda
marbuta mas-sikurezza nukleari, jiġu indirizzati kwistjonijiet
tekniċi speċifiċi matul iċ-ċiklu ta’ ħajja kollu
tal-installazzjonijiet nukleari, b’mod partikolari l-NPPs; –
Jiġu rinforzati s-sorveljanza u l-iskambju ta’
esperjenzi, billi tiġi stabbilita sistema Ewropea ta’ evalwazzjonijiet
bejn il-pari; –
Jiġi stabbilit mekkaniżmu
għall-iżvilupp ta’ linji gwida armonizzati dwar is-sikurezza nukleari
mifruxa madwar l-UE. 1.3. Leġiżlazzjoni
Eżistenti tal-UE fil-qasam tas-Sikurezza nukleari Wara
r-rikonoxximent mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fil-Każ 29/99[15] tar-rabta intrinsika bejn
il-protezzjoni mir-radjazzjoni u s-sikurezza nukleari u, b'hekk, tal-kompetenza
tal-Komunità Euratom biex tilleġiżla fil-qasam tas-sikurezza
nukleari, id-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari hija l-ewwel strument topiku
legalment vinkolanti għall-UE kollha[16].
Id-Direttiva tistabbilixxi qafas legali vinkolanti bbażat fuq
prinċipji u obbligi rikonoxxuti tal-istrumenti prinċipali
internazzjonali disponibbli, jiġifieri l-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza
Nukleari[17]
u l-Fundamentali tas-Sikurezza[18]
stabbiliti permezz tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika
(IAEA). 1.4. Konsistenza ma’ oqsma politiċi
oħra Il-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza
nukleari tal-Eurotom, minħabba l-fatt li finalment l-għan tagħha
huwa li tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema u tal-pubbliku
ġenerali kontra d-dannu tar-radjazzjoni jonizzanti, hija
prinċipalment marbuta mal-korpus tal-leġiżlazzjoni
tal-protezzjoni mir-radjazzjoni tal-Eurotam, li l-pilastru ewlieni
tiegħu hija d-Direttiva dwar l-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza[19]. Mhuwiex possibbli li
tintlaħaq il-protezzjoni tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali
mill-perikli tar-radjazzjoni jonizzanti mingħajr ma jiġu kkontrollati
s-sorsi ta’ ħsara potenzjali ta’ dik ir-radjazzjoni. Is-sikurezza nukleari hija ta’ importanza
kbira għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons ġenerali
għad-diżastri fl-Istati Membri. B’hekk id-direttiva dwar is-sikurezza
nukleari hija marbuta mill-qrib mal-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni
Ċivili tal-Unjoni[20]
li jipprovdi l-qafas għall-kooperazzjoni tal-UE f’dan il-qasam,
inkluż ir-rispons għall-emerġenzi radjoloġiċi
ġewwa u barra l-Unjoni. 2. RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET
MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONI TAL-IMPATT 2.1. Konsultazzjoni tal-partijiet
interessati Fil-perjodu ta’ wara l-aċċident
nukleari ta’ Fukushima, il-Kummissjoni involviet ruħha fi djalogu estensiv
u trasparenti mad-diversi partijiet interessati u l-pubbliku, li kien jinkludi
t-tnedija ta’ konsultazzjoni miftuħa fuq l-internet, f’konformità mal-istandards
minimi ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni[21].
B’rispons għall-konsultazzjoni pubblika fuq
l-internet li tfittex l-opinjonijiet dwar oqsma ta’ rinfurzar tal-qafas
leġiżlattiv eżistenti tas-sikurezza nukleari tal-Euratom, waslu
kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet regolatorji nukleari, awtoritajiet
pubbliċi oħra, kumpaniji, organizzazzjonijiet mhux governattivi, kif
ukoll individwi. Din il-konsultazzjoni toffri
għarfien dwar firxa wiesgħa ta’ opinjonijiet tal-partijiet
interessati. Ir-riżultat ġenerali juri li aktar minn 90 %
ta’ dawk li wieġbu jaqblu fuq l-importanza ta’ qafas ta’ sikurezza
nukleari tal-Euratom, li jistabbilixxi regoli komuni għall-Istati Membri
tal-UE, filwaqt li 76 % jaqblu fuq il-ħtieġa li
jissaħħaħ il-qafas leġiżlattiv eżistenti
tas-sikurezza. Il-Kummissjoni
rċeviet ukoll kemm kontribuzzjonijiet bil-miktub kif ukoll oħrajn
ibbażati fuq il-laqgħat minn diversi partijiet interessati, eż.
awtoritajiet regolatorji nukleari, awtoritajiet pubbliċi oħra,
kumpaniji individwali, assoċjazzjonijiet industrijali u
organizzazzjonijiet mhux governattivi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni flimkien
mal-ENSREG organizzat konferenzi u dibattiti pubbliċi li jinvolvu firxa
wiesgħa ta’ partijiet interessati, inkluż organizzazzjonijiet mhux
governattivi, fuq il-proċess, ir-riżultati intermedji u dawk finali
tat-Testijiet tal-Istress[22].
L-imsieħba
soċjali Ewropej mill-industrija tal-Kumitat għad-Djalogu Soċjali
Settorjali dwar l-Elettriku ġew ikkonsultati wkoll. Fit-tweġiba
tagħhom, l-imsieħba soċjali jenfasizzaw l-irwol tal-qafas
leġiżlattiv dwar is-sikurezza nukleari tal-Euratom fl-istabbiliment
ta’ regoli komuni għall-Istati Membri. Ingħata rwol
speċjali lill-ENSREG, li jirrappreżenta punt fokali uniku ta’
għarfien espert, peress li jlaqqa’ flimkien lil rappreżentanti ta’
livell għoli tal-awtoritajiet regolatorji nukleari nazzjonali mill-Istati
Membri kollha tal-UE, kemm nukleari kif ukoll mhux nukleari. Waslet u tqieset
kontribuzzjoni ddettaljata mill-ENSREG. Bħala parti
mill-proċedura stabbilita fit-Trattat Euratom, il-Kummissjoni kkonsultat
il-Grupp ta’ esperti xjentifiċi tal-Artikolu 31. Fl-opinjoni
tagħhom, l-esperti laqgħu l-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi
emendata d-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari u għamlu diversi
suġġerimenti biex tissaħħaħ ir-rabta
mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni mir-radjazzjoni. Finalment,
il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (EESC), fl-Opinjoni tiegħu
dwar l-abbozz tal-proposta maħruġ skont l-Artikolu 31 tat-Trattat
Euratom[23],
japprezza l-azzjoni f'waqtha li ttieħdet mill-Kummissjoni biex tmexxi 'l
quddiem il-proposta għal emenda tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari.
Il-Kumitat jinsab kuntent li diversi kwistjonijiet li ngħataw attenzjoni
fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sikurezza nukleari ġew
indirizzati f'din il-proposta. B'mod partikolari, japprezza l-approċċ
iktar b'saħħtu lejn l-armonizzazzjoni fost l-istati membri,
l-iċċarar tar-responsabbiltajiet regolatorji, il-kompetenza u
l-kapaċità, l-indipendenza mtejba tar-regolaturi nazzjonali, u l-azzjoni
fit-tħejjija u r-rispons waqt emerġenza fuq is-sit. Il-Kumitat
ifaħħar ukoll l-approċċ imsaħħaħ
tat-trasparenza globali. Hemm bżonn li r-rekwiżiti
leġiżlattivi ġodda jingħataw importanza, ikunu
proporzjonati u jservu l-iskop li jassiguraw is-sikurezza pubblika, b'hekk
il-Kumitat jilqa' l-bilanċ li jixraq li nkiseb f'dik il-perspettiva
fid-Direttiva ta' emenda. Il-Kumitat
ippropona li jsaħħaħ id-dispożizzjonijiet tal-abbozz
tal-proposta f'xi oqsma u rrakkomanda li l-Istati Membri
huma meħtieġa li jiżguraw li jidħol fis-seħħ
proċess parteċipattiv għat-tisħiħ tal-involviment
tal-pubbliku fl-ippjanar, ir-reviżjoni u t-teħid
tad-deċiżjonijiet. F'dan ir-rigward,
il-Kummissjoni temmen li r-rwol tal-pubbliku fit-teħid
tad-deċiżjonijiet regolatorji jiġi rikonoxxut permezz
tar-rekwiżit tal-proposta li jiġi effettivament involut matul
il-proċess tal-liċenzjar tal-installazzjonijiet nukleari. Skont
il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 31 tat-Trattat Euratom,
il-konsultazzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-abbozz
tal-proposta kien prerekwiżit għall-adozzjoni sussegwenti
tal-proposta finali tal-Kummissjoni. 2.2. Valutazzjoni tal-impatt Fl-2012, ġiet żviluppata
Valutazzjoni tal-Impatt. Id-dokument janalizza l-isfidi li jiġu
żgurati livelli suffiċjenti ta’ sikurezza nukleari fl-UE.
Tiddefinixxi l-għanijiet ġenerali u speċifiċi
għat-tisħiħ tal-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-aċċidenti
nukleari. Huma proposti u analizzati għadd ta’ għażliet
politiċi, li jvarjaw miż-żamma tas-sitwazzjoni attwali għal
riformi aktar profondi. Kull għażla ġiet ivvalutata skont
l-impatti tas-sikurezza, ekonomiċi, ambjentali u soċjali stmati
tagħha. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA 3.1. Bażi Legali Kwalunkwe emenda
leġiżlattiva għandha tkun mibnija fuq l-approċċ
tad-Direttiva attwali dwar is-Sikurezza Nukleari u ssaħħaħha.
Għalhekk, l-Artikoli 31 u 32 jibqgħu l-bażi legali
tat-Trattat Euratom. 3.2. Sussidjarjetà u
proporzjonalità Il-proposta
għandha l-għan li tkompli ssaħħaħ l-irwol u
l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji kompetenti, peress li jidher
biċ-ċar li l-operat tajjeb tal-impjanti nukleari fl-UE jista' jista'
jiġi ssorveljat u żgurat biss permezz ta' regolaturi b’saħħithom
li huma mogħnija bis-setgħat kollha meħtieġa u
bil-garanziji ta’ indipendenza. Hija mħeġġa kemm
il-kooperazzjoni mill-qrib kif ukoll il-kondiviżjoni tal-informazzjoni
bejn ir-regolaturi, filwaqt li jitqiesu l-impatti transkonfinali potenzjali ta’
aċċident nukleari. Fid-dawl
tal-konsegwenzi wiesgħa ta’ aċċidenti nukleari u b’mod
partikolari l-bżonn tal-pubbliku għal informazzjoni f’każ
bħal dan, huwa essenzjali approċċ mifrux madwar l-UE fuq
kwistjonijiet marbuta mat-trasparenza. Dan jista’ jiżgura li,
irrispettivament mill-konfini tal-istat, il-pubbliku jkun infurmat kif xieraq
fuq kull kwistjoni rilevanti marbuta mas-sikurezza nukleari.
Id-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Direttiva huma emendati f’dan
is-sens. Fl-Ewropa,
it-Testijiet tal-Istress ikkonfermaw li mhux biss hemm differenzi kontinwi bejn
l-Istati Membri tal-UE fl-iżgurar ta’ identifikazzjoni u ġestjoni
komprensiva u trasparenti ta’ kwistjonijiet tas-sikurezza ewlenin, iżda li
għad baqa’ wkoll xi lakuni. Għalhekk, id-Direttiva dwar is-Sikurezza
Nukleari hija msaħħa biex tinkludi sett ta’ għanijiet
kondiviżi li għandhom l-għan li jarmonizzaw l-approċċ
tal-UE lejn is-sikurezza nukleari. Barra minn hekk, l-esperjenza
mill-aċċident nukleari ta’ Fukushima u l-għarfien siewi li
jirriżulta mit-Testijiet tal-Istress urew b’mod ċar li l-iskambju ta’
informazzjoni u l-evalwazzjonijiet bejn il-pari huma element essenzjali biex
tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva u kontinwa ta’ kwalunkwe
reġim ta’ sikurezza. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-azzjoni leġiżlattiva proposta ma
tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu
l-għanijiet. Barra minn hekk, filwaqt li jitqiesu s-sitwazzjonijiet
differenti fl-Istati Membri, huwa ddefinit approċċ flessibbli u
proprozjonat fir-rigward tal-livell ta’ applikabbilità. Huwa ddefinit
mekkaniżmu ta' żvilupp konġunt mill-Istati Membri tal-linji
gwida tekniċi fil-livell tal-UE b’kunsiderazzjoni speċjali
tal-prinċipju ta’ proporzjonalita, billi tintuża l-esperjenza
prattika u l-għarfien ta’ esperti regolatorji. L-applikabbiltà u l-firxa
tad-dispożizzjonijiet tal-proposta jvarjaw skont it-tip ta’ installazzjoni
nukleari. Għalhekk, meta jiġu implimentati dawn
id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri għandhom isegwu
approċċ proporzjonat, filwaqt li jitqiesu r-riskji mit-tipi
speċifiċi ta’ installazzjonijiet nukleari. 3.3. Elementi legali tal-proposta Il-proposta tintroduċi
dispożizzjonijiet ġodda jew issaħħaħ dawk
eżistenti li għandhom x’jaqsmu mid-Direttiva dwar is-Sikurezza
Nukleari bil-għan ġenerali li tittejjeb is-sikurezza nukleari u
r-regolamentazzjoni tagħha fuq il-livell tal-UE. Hawn taħt
qiegħda tiġi ppreżentata informazzjoni speċifika dwar
l-emendi ewlenin proposti tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari. Objettivi L-Artikolu 1 huwa kkumplimentat
b’objettiv ġdid li jimmira li jiżgura l-evitar ta’ rilaxxi
radjuattivi matul l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja
tal-instazzjonijiet nukleari (lokazzjoni, disinn, kostruzzjoni, armar,
tħaddim, żarmar). Definizzjonijiet Fl-Artikolu 3,
ġew introdotti definizzjonijiet ġodda li jikkorrispondu
għat-termini użati fid-dispożizzjonijiet il-ġodda,
bħal “aċċident”, “avveniment mhux normali”, “bażi
tad-disinn”, “aċċident tal-bażi tad-disinn”, “aċċident
lil hinn mill--bażi tad-disinn”, “reviżjoni perjodika tas-sikurezza”.
Dawn id-definizzjonijiet huma allinjati mat-terminoloġija internazzjonali,
bħall-Glossarju tas-Sikurezza tal-IAEA. Qafas
leġiżlattiv, regolatorju u organizzattiv L-Artikolu 4
huwa emendat sabiex jiċċara ulterjorment l-elementi ewlenin tal-qafas
nazzjonali. Pereżempju, huwa speċifikat li r-rekwiżiti
nazzjonali tas-sikurezza msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) għandhom ikopru
l-istadji kollha taċ-ċiklu ta’ ħajja tal-installazzjonijiet
nukleari. Awtorità regolatorja kompetenti
(indipendenza effettiva, rwol regolatorju) Id-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari fiha
biss dispożizzjonijiet minimi li jenfasizzaw l-indipendenza tal-awtorità
regolatorja nazzjonali kompetenti fl-Artikolu 5(2). Dawn
id-dispożizzjonijiet huma msaħħa f’konformità
mal-aħħar gwida internazzjonali[24],
billi jiġu ddefiniti kriterji ta’ valutazzjoni komparattiva
b’saħħithom u effettivi u rekwiżiti biex tiġi ggarantita
l-indipendenza effettiva tar-regolaturi. Rekwiżiti ġodda jinkludu li
tiġi żgurata l-indipendenza effettiva fit-teħid
tad-deċiżjonijiet, allokazzjonijiet xierqa tal-baġit u
awtonomija fl-implimentazzjoni, rekwiżiti ċari għall-ħatra
u t-tkeċċija tal-persunal, l-evitar u s-soluzzjoni tal-kunflitti ta’
interess, u l-livelli ta’ persunal bil-kwalifiki, l-esperjenza u
l-għarfien espert meħtieġa. Id-Direttiva dwar
is-Sikurezza Nukleari telenka b’mod ġenerali l-kompetenzi ewlenin
tal-awtorità regolatorja kompetenti fl-Artikolu 5(2). Permezz tal-emenda,
dawn id-dispożizzjonijiet huma ddettaljati ulterjorment biex jiġi
żgurat li r-regolaturi jkollhom is-setgħat xierqa biex iwettqu
sorveljanza regolatorja b’saħħitha. Għal dan il-għan, huwa
miżjud il-kompitu ewlieni tal-awtorità regolatorja kompetenti biex
jiġu ddefiniti r-rekwiżiti nazzjonali dwar is-sikurezza nukleari
mal-katalogu eżistenti tal-kompetenzi regolatorji. Transparenza
Id-dispożizzjonijiet eżistenti
tal-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari huma limitati
għar-rekwiżiti ġeneriċi dwar l-informazzjoni pubblika.
Barra minn hekk, dan l-Artikolu ma jimponix xi obbligu fuq id-detentur
tal-liċenzja, li għandu r-responsabbiltà ewlenija għas-sikurezza
nukleari. Biex jimtlew dawn il-lakuni, fl-emenda proposta, id-dispożizzjonijiet
eżistenti huma estiżi u speċifikati. Għalhekk, kemm
l-awtorità regolatorja kompetenti kif ukoll id-detentur tal-liċenzja huma
meħtieġa li jiżviluppaw strateġija dwar it-trasparenza, li
tkopri dispożizzjoni dwar l-informazzjoni taħt kundizzjonijiet
operattivi normali tal-installazzjonijiet nukleari kif ukoll il-komunikazzjoni
fil-każ ta’ aċċident jew kundizzjonijiet ta’ avveniment
anormali. L-irwol tal-pubbliku huwa rrikonoxxut b’mod sħiħ permezz
tar-rekwiżit li jipparteċipa b’mod effettiv fil-proċess ta’
liċenzjar tal-installazzjonijiet nukleari. L-iskambji organizzati dan
l-aħħar mal-esperti[25]
fil-qasam ikkonfermaw li l-pubbliku għandu rwol importanti ħafna
billi jiġi involut b’mod effettiv fil-proċeduri ta’ teħid ta’
deċiżjonijiet u l-opinjonijiet tal-pubbliku għandhom jitqiesu,
filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’
Aarhus[26].
Objettivi tas-Sikurezza Nukleari Id-Direttiva
attwali dwar is-Sikurezza Nukleari ma tinkludix rekwiżiti
speċifiċi għall-istadji differenti taċ-ċiklu
tal-ħajja tal-installazzjonijiet nukleari. Għalhekk, pereżempju
t-tip ta’ riskji relatati mal-kwistjonijiet identifikati fl-analiżi
tal-aċċident ta’ Fukushima u t-Testijiet tal-Istress sussegwenti
mhumiex identifikati u indirizzati mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva
attwali, eż.: ·
Il-ħtieġa li tiġi evalwata
l-adegwatezza tal-lokalizzazzjoni tal-installazzjonijiet nukleari abbażi
ta' kunsiderazzjonijiet dwar kif, fejn ikun possibbli jiġi pprevenut u
mnaqqas l-impatt tal-perikli esterni; ·
Il-ħtieġa li kontinwament tiġi
vvalutata l-probabbiltà ta’ tali perikli u l-impatti tagħhom fil-kors ta’
reviżjonijiet perjodiċi tas-sikurezza u titwettaq reviżjoni
tal-bażi tad-disinn korrespondenti għal kull installazzjoni nukleari,
inkluż għall-fini ta’ estensjoni possibbli tal-ħajja utli; ·
Il-ħtieġa li l-valutazzjonijiet
tar-riskju, inklużi dawk għall-avvenimenti esterni, jiġu
bbażati fuq metodi li jirriflettu progress fl-iżvilupp xjentifiku u
b’hekk jippermettu titjib kontinwu effettiv tas-sikurezza. B’mod konformi
mal-prinċipju ta’ titjib kontinwu tas-Sikurezza Nukleari, l-emenda
tintroduċi objettivi ġenerali tas-sikurezza għal
installazzjonijiet nukleari (Artikolu 8a) li jirriflettu l-progress miksub
fil-livell ta’ WENRA fl-iżvilupp ta’ objettivi tas-sikurezza għal
NPPs ġodda. Għall-ilħuq ta’ dawn l-objettivi
tas-sikurezza ta’ livell għoli, hemm stabbilit dispożizzjonijiet
aktar dettaljati għal fażijiet ta’ ċiklu tal-ħajja
differenti ta’ installazzjonijiet nukleari (Artikolu 8b). Barra minn hekk, sabiex tiġi
appoġġata l-implimentazzjoni konsistenti tagħhom,
fl-Artikolu 8c ġew stabbiliti rekwiżiti metodoloġiċi
dwar il-lokazzjoni, id-disinn, il-kostruzzjoni, it-tħaddim u t-twaqqif
mill-użu tal-installazzjonijiet nukleari. Dan
l-approċċ jipprovdi flessibilità għall-oqfsa nazzjonali, billi
jassenja objettivi ta’ livell għoli li għandhom jiġu sodisfatti
mil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mal-prinċipju ta’
titjib kontinwu tas-sikurezza nukleari. Pereżempju, dan iħalli
f’idejn l-Istati Membri l-għażla li jagħżlu fost
is-soluzzjonijiet tal-inġinerija disponibbli sabiex jaġġornaw
l-installazzjonijiet nukleari tagħhom meta jindirizzaw kwistjonijiet
tas-sikurezza bbażati fuq lezzjonijiet mitgħallma minn
aċċidenti serji, bħall-ħtieġa li tippermettu
t-tbaxxija sikura tal-pressjoni fl-istruttura ta’ konteniment tar-reattur
fil-każ ta’ aċċident (eż. permezz ta’ sistemi ta’ ventilazzjoni
ffiltrata tal-istruttura ta’ konteniment). Stat ta’ tħejjija u rispons għal
emerġenza L-emenda tinkludi dispożizzjonijiet dwar
l-istat ta’ tħejjija u rispons fil-każ ta’ emerġenza fuq is-sit
minħabba li d-Direttiva attwali ma tipprovdix għal miżuri
bħal dawn. Id-dispożizzjonijiet il-ġodda jinkludu
indikazzjonijiet fuq il-miżuri ta’ ppjanar u organizzazzjoni li
għandhom jiġu pprovduti mid-detentur tal-liċenzja
(Artikolu 8d). Bħala eżempju tar-rekwiżiti l-ġodda,
l-emenda tistabbilixxi li hemm bżonn ta’ ċentru ta’ rispons
f’każ ta’ emerġenza fuq is-sit għal installazzjoni nukleari, li
jkun protett biżżejjed kontra l-effetti minn avvenimenti esterni u
aċċidenti severi, inkluż dawk radjoloġiċi u li
għandu jkun mgħammar bil-materjal neċessarju sabiex itaffi
l-effetti ta’ aċċidenti severi. Reviżjonijiet Bejn il-Pari Id-dispożizzjonijiet eżistenti
tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari tal-Artikolu 9(3) jinkludu
rekwiżit għal awtovalutazzjoni perjodika tal-qafas nazzjonali
tal-Istati Membri u awtoritajiet regolatorji kompetenti, flimkien mal-obbligu
li jistiednu reviżjoni bejn il-pari internazzjonali fuq aspetti rilevanti.
Dan il-kunċett jibqa’ mhux mibdul fil-proposta, fl-Artikolu 8e(1). L-emenda tintroduċi
dispożizzjonijiet ġodda dwar l-awtovalutazzjonijiet u
reviżjonijiet bejn il-pari ta’ installazzjonijiet nukleari bbażati
fuq temi tas-sikurezza nazzjonali magħżula mill-Istati Membri b’mod konġunt u f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-installazzjonijiet
nukleari (eżempju jista’ jkun it-tbaxxija tal-pressjoni fl-istruttura ta’
konteniment tar-reattur kif imsemmi fuq fil-każ ta’ aċċident
serju sabiex tiġi evitata splużjoni bl-idroġenu). Jekk l-Istati
Membri jonqsu li jagħżlu b’mod konġunt għallinqas tema
waħda, il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħżel it-temi li
għandhom ikunu s-suġġett tar-reviżjonijiet bejn il-pari.
Barra minn hekk, kull Stat Membru għandu jiddefinixxi metodoloġija
għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tekniċi
mill-proċess ta’ reviżjoni bejn il-pari. Jekk
il-Kummissjoni tidentifika devjazzjonijiet jew dewmien sostanzjali
fl-implimentazjzoni tar-rakkomandazzjonijiet tekniċi mill-proċess ta’
reviżjoni bejn il-pari, il-Kummissjoni għandha tistieden
lill-awtoritajiet regolatorji kompetenti tal-Istati Membri mhux
ikkonċernati sabiex jorganizzaw u jwettqu missjoni ta’ verifika sabiex
jiksbu stampa sħiħa tas-sitwazzjoni u jinformaw lill-Istat Membru
kkonċernat bil-miżuri possibbli sabiex jagħmel tajjeb għal
kwalunkwe nuqqas identifikat. Fil-każ ta’ aċċident
b’konsegwenzi lil hinn mis-sit, għandha tiġi organizzata
reviżjoni speċjali bejn il-pari. Dan il-mekkaniżmu ġdid obbligatorju
u regolari tar-reviżjonijet bejn il-pari tal-UE (Artikoli 8e(2) sa
(5)) jimmira li jivverifika l-livell ta’ konformità teknika mal-objettivi
tas-sikurezza f’kull Stat Membru. Dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda
li jistabbilixxu l-mekkaniżmu tal-evalwazzjoni bejn il-pari huma
mingħajr preġudizzju għar-regoli li jirregolaw il-proċedura
ta' ksur f'każ li Stat Membru jonqos milli jissodisfa obbligu skont
it-Trattati, kif stabbilit fl-Artikoli 258, 259 u 260 tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU). Implimentazzjoni proporzjonata
tad-Direttiva emendata L-emenda
tagħraf li l-applikabilità u l-firxa tad-dispożizzjonijiet
tad-Direttiva emendata jvarjaw skont it-tip tal-installazzjoni nukleari.
Għaldaqstant, meta jkunu qegħdin jimplimentaw dawn
id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri għandu isegwu approċċ
proporzjonat, filwaqt li jqisu r-riskji maħluqa mit-tipi
speċifiċi tal-installazzjonijiet nukleari li huma jippjanaw jew li
jħaddmu. Rapportar dwar implimentazzjoni prattika
tad-Direttiva emendata Id-dispożizzzjonijiet tad-Direttiva dwar
is-Sikurezza Nukleari dwar ir-rapportar mhumiex mibdula minn din il-proposta, u
jħallu d-data għall-ewwel rapportar
fit-22 ta’ Lulju 2014, li fiha l-Istati Membri huma mistennija
li jissottomettu rapport dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet
eżistenti tad-Direttiva. Madankollu, fil-ħin tat-tieni rapportar dwar
l-implimentazzjoni, sat-22 ta’ Lulju 2017, l-Istati Membri
għandhom jirrapportaw fuq l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar
is-Sikurezza Nukleari kif emendata b’din il-proposta. 4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA
Il-proposta ma
għandha ebda implikazzjoni baġitarja għall-baġit tal-UE. 5. Dokumenti ta’ spjega Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta
tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar dokumenti ta’ spjega
tat-28 ta’ Settembru 2011, l-Istati Membri bdew jakkompanjaw,
f’każijiet iġġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’
traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjega
r-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrespondenti
tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva,
il-Kummissjoni tqis li t-trasmissjoni ta’ dokumenti bħal dawn hija
ġġustifikata għar-raġunijiet li ġejjin: ·
Il-kumplessità tat-traspożizzjoni
tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari emendata fuq livell nazzjonali Id-dispożizzjonijiet eżistenti
tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari huma msaħħa b’mod sinifikanti
b’din il-proposta li tintroduċi wkoll dispożizzjonijiet sostanzjali
ġodda f’bosta oqsma. Il-kumplessità tat-traspożizzjoni tad-direttiva
emendata hija għaldaqstant determinata mill-fatt li tkopri bosta
kwistjonijiet differenti, inkluż rekwiżiti fuq qafas nazzjonali
għas-sikurezza nukleari ta’ installazzjonijiet nukleari, l-irwol u
l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-obbligi tad-detenturi
tal-liċenzji, il-ħiliet fis-sikurezza nazzjonali, it-trasparenza fi
kwistjonijiet tas-sikurezza nukleari, objettivi tekniċi u rekwiżiti
dwar is-sikurezza nukleari tal-installazzjoni nukleari, it-tħejjija u
r-rispons fuq is-sit fil-każ ta’ emerġenza u dispożizzjonijiet
dwar il-valutazzjonijiet nazzjonali tal-installazzjonijiet nukleari u
reviżjonijiet bejn il-pari topiċi relatati. Barra minn hekk,
id-Direttiva tpoġġi rekwiżiti fuq korpi differenti tal-Istati
Membri kif ukoll fuq atturi privati. L-obbligi differenti inerenti
għad-direttiva emendata huma għaldaqstant probabbli li jwasslu
għal traspożizzjoni kumplessa fuq livell nazzjonali.
Id-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Direttiva dwar is-Sikurezza
Nukleari diġà ġew trasposti b’mod ġenerali permezz ta' bosta
miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali minn kull Stat Membru,
madankollu, f’xi każijiet, in-numru qiegħed jaqbeż il-15-il
miżura ta’ traspożizzjoni. Leġittimament, wieħed jista’
jistenna li n-numru ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni nnotifikati sejjer
jiżdied, bid-dispożizzjonijiet il-ġodda miġjuba
fid-direttiva eżistenti minn din il-proposta. Barra minn hekk,
minħabba l-ispeċifiċità tas-sikurezza nukleari, jintużaw u
jiġu nnotifikati diversi miżuri ta’ traspożizzjoni
lill-Kummissjoni, li jvarjaw minn liġijiet, digrieti tal-gvern u ordnijiet
ministerjali għal struzzjonijiet u deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet
regolatorji nukleari nazzjonali. Il-ħtieġa għal dokumenti ta’
spjega li jispjegaw ir-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva
dwar is-Sikurezza Nukleari emendata u l-partijiet korrespondenti ta’
miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali tidher li hija ovvja f’dawn
iċ-ċirkostanzi. ·
Leġiżlazzjoni nazzjonali
pre-eżistenti F’xi Stati Membri, diġà hemm
fis-seħħ xi leġiżlazzjoni fil-qasam tal-emendi ta' din
il-proposta. It-traspożizzjoni tad-Direttiva emendata hija
għaldaqstant probabbli li tirriżulta f’kombinazzjoni ta’ emendi
għal leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti u adozzjoni ta’
leġiżlazzjoni ġdida. F’sitwazzjoni bħal din, id-dokumenti
ta’ spjega jkunu meħtieġa sabiex tinkiseb stampa ċara u komprensiva
tat-traspożizzjoni. ·
Direttiva Qafas L-emendi proposti ma jibdlux b’mod
fundamentali l-karattru ta’ ‘qafas’ tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari.
Id-direttiva emendata tibqa’ tinkludi prinċipji u rekwiżiti
ġenerali. Huwa importanti għall-Kummissjoni, u
għall-monitoraġġ tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni,
li tkun taf liema dispożizzjonijiet nazzjonali jittrasponu
l-prinċipji u r-rekwiżiti ġenerali stabbiliti mid-direttiva
emendata. Pereżempju, il-proposta tintroduċi objettivi u
rekwiżiti ġeneralitas-sikurezza għat-tipi kollha ta’
installazzjonijiet nukleari. Minħabba l-ambitu wiesa’ ħafna ta’ dawn
l-objettivi u rekwiżiti ġodda tas-sikurezza, huwa ta’ importanza
kbira għall-Kummissjoni, iżda wkoll għall-pubbliku li jiġi
aċċertat kif dawn jiġu trasposti fuq livell nazzjonali. IL-PRINĊIPJI TAL-PROPORZJONALITÀ Ir-rekwiżit li jiġu pprovduti
dokumenti ta’ spjega jista’ joħloq piż amministrattiv addizzjonali
fuq l-Istati Membri. Madankollu, dan il-piż mhuwiex sproporzjonat meta
wieħed iqis l-objettivi tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari emendata
u l-kumplessità tal-materja tas-suġġett tagħha. Barra minn hekk,
huwa neċessarju għall-Kummissjoni li tħalli verifika effettiva
tat-traspożizzjoni korretta. Ma hemmx miżuri ta' inqas piż
sabiex tkun tista’ ssir verifika effiċjenti, meta wieħed iqis
il-kumplessità probabbli tat-traspożizzjoni fil-livell nazzjonali li
tista’ tirriżulta f’leġislazzjoni ġdida jew emendata.
Għandu jingħad ukoll li numru rilevanti ta’ Stati Membri diġà
qegħdin jinnotifikaw dokumenti ta’ spjega utli lill-Kummissjoni dwar
it-traspożizzjoni tagħhom tal-leġiżlazzjoni Euratom
eżistenti bħad-Direttiva eżistenti dwar is-Sikurezza Nukleari
jew atti leġiżlattivi oħra. 2013/0340 (NLE) Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2009/71/EURATOM li
tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-Sikurezza Nukleari ta’
installazzjonijiet nukleari IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi
l-Komunità tal-Enerġija Atomika Ewropea, u b’mod partikolari
l-Artikoli 31 u 32 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea, imfassla wara li ttieħdet l-opinjoni ta’ grupp ta’ persuni
maħtura mill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku minn fost l-esperti
xjentifiċi fl-Istati Membri, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament
Ewropew, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat
Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Billi: (1) L-Artikolu 2(b)
tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija Atomika Ewropea
(‘It-Trattat Euratom’) jipprovdi għall-istabbiliment ta’ standards
uniformi ta’ sikurezza għall-ħarsien tas-saħħa
tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali. (2) L-Artikolu 30
tat-Trattat Euratom jipprevedi għall-istabbiliment ta’ standards
bażiċi fil-Komunità tal-Enerġija Atomika Ewropea (‘il-Komunità’)
għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku
ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti. (3) Id-Direttiva tal-Kunsill
96/29/Euratom tat-13 ta’ Mejju 1996 li tistabbilixxi standards
bażiċi ta’ sikurezza għall-ħarsien tas-saħħa
tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn
radjazzjoni jonizzanti[27]
tistabbilixxi l-istandards bażiċi tas-sikurezza. Din id-Direttiva
tistabbilixxi rekwiżiti għal sistema ta’ protezzjoni kontra
r-radjazzjoni li jinkludu l-ġustifikazzjoni u l-ottimizzazzjoni ta’
espożizzjonijiet għar-radjazzjoni u limitazzjonijiet tad-dożi
għall-espożizzjoni tal-pubbliku u tal-ħaddiema. Hija
tispeċifika r-rekwiżiti għall-kontroll tal-espożizzjonijiet
għar-radjazzjoni għall-pubbliku u għall-ħaddiema kemm
taħt sitwazzjonijiet normali ta’ ħidma kif ukoll waqt sitwazzjonijiet
ta’ emerġenza. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/29/Euratom
ġew issupplimentati minn leġiżlazzjoni aktar speċifika. (4) Il-Qorti tal-Ġustizzja
tal-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet fil-każistika[28] tagħha li l-Komunità
taqsam il-kompetenzi, flimkien mal-Istati Membri tagħha, f’oqsma koperti
mill-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari[29]. (5) Id-Direttiva tal-Kunsill
2009/71/Euratom tal-25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi
qafas Komunitarju għas-Sikurezza Nukleari ta’ installazzjonijiet nukleari[30] timponi obbligi fuq l-Istati
Membri sabiex jistabbilixxu u jżommu qafas nazzjonali għas-sikurezza
nukleari. Din id-Direttiva tirrifletti d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti
internazzjonali ewlenin fil-qasam, jiġifieri l-Konvenzjoni dwar
is-Sikurezza Nukleari[31]
u l-Prinċipji Fundamentali tas-Sikurezza[32]
stabbiliti mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika
(‘IAEA’). L-iskadenza sabiex l-Istati Membri jdaħħlu
fis-seħħ u jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-liġijiet,
ir-regolamenti u l-proċeduri nazzjonali ta’ konformità
mad-Direttiva 2009/71/Euratom għalqet
fit-22 ta’ Lulju 2011. (6) Id-Direttiva
tal-Kunsill 2011/70/Euratom tad-19 ta’ Lulju 2011 li
tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli u sigura
ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv[33]
timponi obbligi fuq l-Istati Membri sabiex jistabbilixxu u jżommu qafas
nazzjonali għall-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv. (7) Il-Konklużjonijiet
tal-Kunsill tat-8 ta' Mejju 2007 dwar is-sikurezza nukleari u l-ġestjoni
sikura tal-fjuwil nukleari użat u l-iskart radjuattiv[34] aċċennaw li
s-"sikurezza nukleari hija responabbiltà nazzjonali eżerċitata
fejn jixraq fi ħdan qafas tal-UE. Id-deċiżjonijiet dwar
l-azzjonijiet tas-sikurezza u s-superviżjoni tal-installazzjonijiet
nukleari jibqgħu r-responsabbiltà tal-operaturi u l-awtoritajiet nazzjonali
biss". (8) B’segwitu għall-istedina
tal-Kunsill sabiex jistabblixxi Grupp ta’ Livell Għoli fil-livell tal-UE,
kif irreġistrat fil-Konklużjonijiet tiegħu imsemmija hawn fuq
tat-8 ta’ Mejju 2007, il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej fil-qasam
tas-Sikurezza Nazzjonali (ENSREG) kien stabbilit mid-Deċiżjoni
tal-Kummissjoni 2007/530/Euratom tas-17 ta’ Lulju 2007 dwar
l-istabbiliment tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Sikurezza Nukleari u
l-Ġestjoni tal-Iskart[35]
sabiex jikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tal-Komunità
fil-qasam tas-sikurezza nukleari. (9) L-aċċident nukleari
ta’ Fukushima fil-Ġappun fl-2011 ġedded l-attenzjoni dinjija fuq
il-miżuri meħtieġa għat-tnaqqis tar-riskju u sabiex
jiġu assigurati l-aħjar livelli ta’ sikurezza nukleari. Abbażi
tal-mandat mill-Kunsill Ewropew f’Marzu 2011[36],
il-Kummissjoni, flimkien mal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej fil-qasam
tas-Sikurezza Nukleari (‘ENSREG’), għamlet valutazzjonijiet komprensivi
madwar l-Unjoni dwar ir-riskju u s-sikurezza ta’ impjanti tal-enerġija
nukleari (‘stress tests’). Ir-riżultati identifikaw għadd ta’ titjib
li jista’ jiġi implimentat f’approċċi ta’ sikurezza nukleari u
prattiki industrijali fil-pajjiżi parteċipanti[37]. (10) Barra minn hekk, il-Kunsill
Ewropew ta wkoll mandat lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi l-qafas legali u
regolatorju eżistenti għas-sikurezza ta’ installazzjonijiet nukleari
u sabiex tipproponi kwalunkwe titjib li jista’ jkun meħtieġ.
Il-Kunsill Ewropew enfasizza wkoll li l-ogħla standards
għas-sikurezza nazzjonali għandhom ikunu implimentati u mtejba
kontinwament fl-UE. (11) Il-Kummissjoni inkludiet
opinjonijiet inizjali dwar oqsma potenzjali ta’ titjib leġiżlattiv
fil-Komunikazzjoni tagħha dwar ir-Rapport Interim fuq il-Valutazzjonijiet
Komprensivi tar-Riskju u s-Sikurezza (“testijiet tal-istress”) ta’ Impjanti
tal-Enerġija Nukleari fl-Unjoni Ewropea[38]
tal-24 ta’ Novembru 2011. (12) F’konformità
mal-prinċipji ġenerali ta’ konsultazzjoni u djalogu, il-Kummissjoni
wettqet ukoll konsultazzjoni pubblika online, bejn Diċembru 2011 u Frar 2012,
fejn fittxet l-opinjonijiet dwar oqsma ta’ tisħiħ tal-qafas
Komunitarju tas-Sikurezza Nukleari. (13) Il-Kummissjoni identifikat
għadd ta’ oqsma għar-reviżjoni tad-Direttiva 2009/71/Euratom
attwali, kif spjegat fil-Komunikazzjoni tagħha tal-4 ta’ Ottubru 2012
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar
il-valutazzjonijiet komprensivi tar-riskju u tas-sikurezza (“testijiet
tal-istress”) ta’ impjanti tal-enerġija nukleari fl-UE u attivitajiet
relatati[39]. (14) Fl-identifikazzjoni tal-oqsma
rilevanti għat-titjib, il-Kummissjoni kkunsidrat il-progress tekniku
miksub fil-livell Ewropew u internazzjonali, l-esperjenza u r-riżultati
miksuba mit-testijiet tal-istress, is-sejbiet tad-diversi rapporti dwar
l-aċċident nukleari ta’ Fukushima, l-opinjonijiet espressi
fil-konsultazzjoni pubblika dwar oqsma għat-tisħiħ tal-qafas
leġiżlattiv Komunitarju, l-opinjonijiet espressi minn diversi
partijiet interessati inklużi awtoritajiet regolatorji nazzjonali kompetenti,
l-industrija u s-soċjetà ċivili, u r-riżultati tal-valutazzjoni
preliminari tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tal-Istati Membri. (15) Awtorità regolatorja
kompetenti b’saħħitha u indipendenti hija kundizzjoni fundamentali
tal-qafas regolatorju Ewropew dwar is-sikurezza nukleari. L-indipendenza
tagħha u l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha b’mod
imparzjali u trasparenti huma fatturi kruċjali għall-assigurazzjoni
ta’ livell għoli ta’ sikurezza nazzjonali. Deċiżjonijiet
regolatorji objettivi u azzjonijiet ta’ infurzar għandhom jiġu
stabbiliti mingħajr ebda influwenza esterna li tista’ tikkomprometti
s-sikurezza, bħal pressjoni assoċjata ma’ tibdil fil-kundizzjonijiet
politiċi, ekonomiċi jew soċjetali, jew pressjoni minn
dipartimenti tal-gvern jew kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra.
Il-konsegwenzi negattivi tan-nuqqas ta’ indipendenza kienu evidenti
fl-aċċident ta’ Fukushima. Id-dispożizzjonijiet
tad-Direttiva 2009/71/Euratom dwar is-separazzjoni funzjonali
tal-awtoritajiet regolatorji kompetenti għandha tissaħħaħ
sabiex tkun żgurata l-indipendenza effettiva tal-awtoritajiet regolatorji
u sabiex ikun garantit li jingħataw il-mezzi u l-kompetenzi xierqa sabiex
iwettqu kif xieraq ir-responsabbiltajiet mogħtija lilhom. B’mod
partikolari, l-awtorità regolatorja għandu jkollha setgħat legali suffiċjenti,
persunal suffiċjenti u riżorsi finanzjarji suffiċjenti
għall-qadi xieraq tar-responsabbiltajiet fdati lilha. Ir-rekwiżiti
msaħħa li jkollhom l-għan li jassiguraw l-indipendenza
fit-twettiq ta’ kompiti regolatorji għandhom madankollu jkunu mingħajr
preġudizzju għall-kooperazzjoni mill-qrib, kif xieraq, ma’
awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħrajn jew għal linji gwida ta’
politika ġenerali maħruġa mill-gvern mhux relatati
mas-setgħat u d-doveri regolatorji. (16) L-indipendenza tat-teħid
tad-deċiżjonijiet tal-awtorità regolatorja tiddependi wkoll
mill-kompetenza tal-persunal tagħha. Għaldaqstant l-awtorità
regolatorja għandha timpjega persunal bil-kwalifiki, l-esperjenza u
l-għarfien meħtieġa sabiex tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet u
r-responsabbiltajiet tagħha. Minħabba n-natura speċjalizzata
tal-industrija nukleari u d-disponibbiltà limitata ta’ persuni bl-esperjenza u
l-kompetenza meħtieġa, li jirriżulta fil-possibbiltà ta’
rotazzjoni tal-persuni b’responsabbiltà eżekuttiva bejn l-industrija
nukleari u r-regolaturi, għandha tingħata attenzjoni speċjali
sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess. Barra minn hekk,
għandhom isiru arranġamenti sabiex jiġi żgurat li ma jkun
hemm l-ebda kunflitt ta’ interess għal dawk l-organizzazzjonijiet li
jipprovdu pariri jew servizzi lill-korp regolatorju. (17) Meta jiġu implimentati
proġetti infrastrutturali li jistgħu jaffettwaw is-sikurezza nukleari
ta’ installazzjonijiet nukleari, għandhom jiġu stabbiliti
l-mekkaniżmi nazzjonali xierqa ta’ konsultazzjoni mal-awtoritajiet
regolatorji nazzjonali u mal-pubbliku u l-opinjonijiet tagħhom
għandhom jiġu kkunsidrati b’mod sħiħ. (18) Id-Direttiva 2011/92/UE dwar
l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq
l-ambjent[40]
hija rilevanti għall-installazzjonijiet nukleari. Din id-Direttiva
tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jassiguraw li, qabel jingħata
l-kunsens għall-iżvilupp, il-proġetti li aktarx ikollhom effetti
sinifikanti fuq l-ambjent, minħabba, inter alia, in-natura, id-daqs
jew il-post tagħhom għandhom ikunu soġġetti għal
valutazzjoni tal-effetti ambjentali. F’dan ir-rigward, hija għodda sabiex
ikun żgurat li l-kunsiderazzjonijiet ambjentali jkunu integrati
fil-proċess ta’ għoti ta’ liċenzji lill-installazzjonijiet
nukleari. (19) Kwalunkwe valutazzjoni
taħt din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal
kwalunkwe valutazzjoni ambjentali rilevanti. (20) Għall-installazzjonijiet
nukleari li għalihom l-obbligu li jwettqu valutazzjonijiet tal-effetti fuq
l-ambjent jirriżultaw fl-istess waqt minn din id-Direttiva u
leġiżlazzjoni oħra Ewropea, l-Istati Membri jistgħu
jipprovdu għal proċeduri koordinati jew konġunti li jissodisfaw
ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni. (21) Il-konsegwenzi ta’
aċċident nukleari jistgħu jmorru lil hinn mill-fruntieri
nazzjonali, u għaldaqstant il-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni u
l-iskambju ta’ informazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet regolatorji ta’
pajjiżi ġirien jew ta’ pajjiżi fl-istess reġjun,
irrispettivament minn jekk iħaddmux installazzjonijiet nukleari jew le,
għandhom jiġu mħeġġa. F’dan ir-rigward, l-Istati
Membri għandhom jassiguraw li jkunu fis-seħħ arranġamenti
xierqa li jiffaċilitaw din il-kooperazjoni dwar kwistjonijiet ta’ sikurezza
nukleari b’impatti transkonfinali, inkluż ma’ pajjiżi terzi. Għandhom
jinstabu sinerġiji mal-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili
tal-Unjoni[41]
li jipprovdi qafas tal-UE għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri
fil-qasam tal-protezzjoni ċivili fit-titjib tal-effikaċja ta’ sistemi
għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għal diżastri
naturali u kkawżati mill-bniedem. (22) Sabiex ikun żgurat li
jinkisbu l-ħiliet xierqa u li jinkisbu u jinżammu l-livelli adegwati
ta’ kompetenza, il-partijiet kollha għandhom jassiguraw li l-persunal
kollu (inklużi s-subkuntratturi) li jkollu responsabbiltajiet marbuta
mas-sikurezza nukleari ta’ installazzjonijiet nukleari u mat-tħejjija fuq
il-post għall-emerġenza u mal-arranġamenti tar-rispons,
jgħaddi minn proċess kontinwu ta’ tagħlim. Dan jista’ jinkiseb
permezz tal-istabbiliment ta’ programmi ta’ taħriġ u pjanijiet ta’
taħriġ, proċeduri għar-reviżjoni perjodiċi u
l-aġġornament tal-programmi ta’ taħriġ kif ukoll
dispożizzjonijiet baġitarji xierqa għat-taħriġ. (23) Tagħlima ewlenija
oħra li ħadna mill-aċċident nukleari ta’ Fukushima hija
l-importanza li titjieb it-trasparenza fi kwistjonijiet ta’ sikurezza nukleari.
It-trasparenza hija wkoll mezz importanti sabiex tkun promossa l-indipendenza
fit-teħid ta’ deċiżjonijiet regolatorji. Għaldaqstant,
id-dispożizzjonijiet attwali tad-Direttiva 2009/71/Euratom dwar
l-informazzjoni li għandha tkun ipprovduta lill-pubbliku għandhom
ikunu aktar speċifiċi rigward liema tip ta’ informazzjoni
għandha tingħata, bħala minimu mill-awtorità regolatorja
kompetenti u mid-detentur tal-liċenzja, u f’kemm żmien. Għal dan
il-għan, pereżempju, it-tip ta’ informazzjoni li għandha
tingħata, bħala minimu mill-awtorità regolatorja kompetenti u
mid-detentur tal-liċenzja bħala parti mill-istrateġiji usa’ ta’
trasparenza tagħhom, għandha tkun identifikata. L-informazzjoni
għandha tinħareġ f’waqtha, b’mod partikolari f’każ ta’
avvenimenti jew aċċidenti mhux tas-soltu. Ir-riżultati ta’
reviżjonijiet perjodiċi tas-sikurezza u reviżjonijiet bejn
il-pari internazzjonali wkoll għandhom jiġu ppubblikati. (24) Ir-rekwiżiti ta’ din
id-Direttiva dwar it-trasparenza jikkumplimentaw lil dawk
tal-leġiżlazzjoni Euratom eżistenti. Id-Deċiżjoni
tal-Kunsill 87/600/Euratom tal-14 ta’ Diċembru 1987
dwar l-arranġamenti Komunitarji għall-iskambju bikri ta’
informazzjoni fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika[42] timponi obbligi fuq l-Istati
Membri sabiex jinnotifikaw u jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni u lil
Stati Membri oħrajn f’każ ta’ emerġenza radjoloġika
fit-territorju tagħhom, filwaqt li d-Direttiva tal-Kunsill 89/618 Euratom
tas-27 ta’ Novembru 1989[43]
tipprevedi rekwiżiti fuq l-Istati Membri sabiex jinformaw lill-pubbliku
dwar miżuri ta’ protezzjoni tas-saħħa li għandhom ikunu
applikati u l-passi li għandhom jittieħdu fil-każ ta’
emerġenza radjoloġika, u sabiex jipprovdu informazzjoni minn qabel u
kontinwa lill-popolazzjoni li aktarx li tkun affettwata f’każ ta’
emerġenza bħal din. Madankollu, minbarra l-informazzjoni li
għandha tingħata f’każ bħal dan, l-Istati Membri
għandhom taħt din id-Direttiva jagħmlu arranġamenti
għal dispożizzjonijiet xierqa ta’ trasparenza, bil-ħruġ
f’waqtu u regolari ta’ informazzjoni aġġornata sabiex ikun
żgurat li l-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali jinżammu
infurmati dwar l-avvenimenti kollha marbuta mas-sikurezza nukleari, inkluż
f’kundizzjonijiet ta’ avvenimenti jew aċċidenti mhux tas-soltu. Barra
minn hekk, il-pubbliku għandu jingħata opportunitajiet sabiex
jipparteċipa b’mod effettiv fil-proċess ta’ għoti ta’
liċenzji lil installazzjonijiet nukleari u l-awtorità regolatorja
kompetenti għandha tipprovdi kwalunkwe informazzjoni marbuta mas-sikurezza
b’mod indipendenti, mingħajr il-ħtieġa ta’ kunsens minn qabel
minn xi entità pubblika jew privata oħra. (25) Id-Direttiva 2009/71/Euratom
tistabbilixxi qafas Komunitarju legalment vinkolanti bħala bażi
għal sistema ta’ sikurezza nukleari leġiżlattiva,
amministrattiva u organizzattiva. Ma tinkludix rekwiżiti
speċifiċi għall-installazzjonijiet nukleari. Minħabba
l-progress tekniku miksub mill-IAEA, u l-Assoċjazzjoni tar-Regolaturi
Nukleari tal-Ewropa tal-Punent (‘WENRA’) u sorsi oħrajn ta’ esperjenza,
inkluż it-tagħlim miksub mit-testijiet tal-istress u
l-investigazzjonijiet dwar l-aċċident nukleari ta’ Fukushima, id-Direttiva 2009/71/Euratom
għandha tiġi emendata sabiex tinkludi l-għanijiet ta’ sikurezza nukleari
tal-Komunità li jkopru l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja
tal-installazzjonijiet nukleari (il-lokalizzazzjoni, it-tfassil, il-bini,
l-użu, it-tħaddim, it-twaqqif mill-użu). (26) Metodi bbażati fuq
ir-riskji jeżaminaw il-probabbiltà ta’ kull avveniment f’sekwenza ta’
avvenimenti li aktarx li jwasslu jew jikkontribwixxu għal
aċċident kif ukoll il-konsegwenzi possibbli tiegħu.
It-tweġibiet jistgħu jintużaw sabiex jipprovdu għarfien
dwar is-saħħiet u d-dgħufijiet tad-disinn u t-tħaddim ta’
installazzjoni nukleari u b’hekk jistgħu jiggwidaw l-attenzjoni, mil-lat
ta' rekwiżiti u regolamenti, għall-kwistjonijiet li fihom jista’
jinkiseb l-akbar benefiċċju għas-sikurezza ta’ installazzjoni
nukleari. Wara li investew għal dawn l-aħħar għexieren ta’
snin riżorsi konsiderevoli fl-iżvilupp ta’ Valutazzjonijiet
tas-Sikurezza Probabilistiċi għall-installazzjonijiet nukleari, b’mod
partikolari għal impjanti tal-enerġija nukleari u reatturi ta’
riċerka, id-detenturi tal-liċenzji u l-awtoritajiet regolatorji
kompetenti fid-dinja kollha issa jinsabu f’qagħda li jużaw
l-għarfien miksub sabiex itejbu s-sikurezza ta’ installazzjonijiet
nukleari fuq bażi infurmata dwar ir-riskju filwaqt li jħaddmuhom
bl-aktar mod effiċjenti. (27) It-tiqdim ta’ strutturi,
sistemi u komponenti ta’ installazzjoni nukleari relatati mas-sikurezza, u
b’mod speċjali t-tmermir ta’ komponenti li diffiċilment jistgħu
jinbidlu fil-prattika, bħal pereżempju tankijiet tar-reatturi
taħt pressjoni, jimponi limitu naturali fuq l-operat kontinwu
aċċettabbli tagħha. Kemm minn perspettiva ta’ sikurezza kif
ukoll minn lat ekonomiku, il-limitu tal-ħajja operattiva huwa normalment
ta’ 40 sena wara l-bidu tal-operat kummerċjali u għaldaqstant
l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-estensjoni possibbli
tal-ħajja utli ta’ impjanti eżistenti tal-enerġija nukleari ma
tesponix lill-ħaddiema u lill-pubbliku għal aktar riskji. Għal
dan il-għan, id-Direttiva 2009/71/Euratom għandha tkun emendata
sabiex tinkludi għanijiet ta’ sikurezza ġodda għall-Komunità
kollha li għandhom jiġu rrispettati mill-awtoritajiet regolatorji u
mid-detenturi tal-liċenzji f’każ ta’ estensjoni tal-ħajja ta’
impjanti eżistenti tal-enerġija nukleari. (28) Għal disinn ta’ reatturi
ġodda, hemm aspettattiva ċara li jiġi indirizzat fid-disinn
oriġinali dak li jmur lil hinn mid-disinn tal-ġenerazzjonijiet
preċedenti ta’ reatturi. Il-kundizzjonijiet tal-estensjoni tad-disinn huma
kundizzjonijiet ta’ aċċident li mhumiex ikkunsidrati għal
aċċidenti ta’ disinn bażiku, iżda huma meqjusa
fil-proċess tad-disinn tal-installazzjoni skont il-metodoloġija
tal-aqwa stima, u li għalihom ir-rilaxx ta’ materjal radjuattiv
jinżamm fil-limiti aċċettabbli. Il-kundizzjonijiet ta’
estensjoni tad-disinn jistgħu jinkludu kundizzjonijiet ta’ aċċidenti
serji. (29) L-applikazzjoni
tal-kunċett ta’ difiża profonda fl-attivitajiet relatati
mal-organizzazzjoni, l-imġiba u d-disinn ta’ installazzjoni nukleari,
tassigura li attivitajiet relatati mas-sikurezza huma soġġetti
għal diversi livelli indipendenti ta’ dispożizzjonijiet, b’mod li
jekk isseħħ xi ħsara, tkun skoperta u kkompensata b’miżuri
xierqa. L-effikaċja indipendenti ta’ kull wieħed mil-livelli
differenti hija element essenzjali tad-difiża profonda sabiex jiġu
evitati aċċidenti u jitnaqqsu l-konsegwenzi jekk tabilħaqq
iseħħu. (30) Wara l-aċċidenti
nukleari fi Three Mile Island u Chernobyl, l-aċċident nukleari ta’
Fukushima enfasizza għal darb’oħra l-importanza kritika tal-funzjoni
ta’ konteniment, li hija l-aħħar ilqugħ li jħares lin-nies
u lill-ambjent mir-rilaxx radjuattiv li jirriżulta minn
aċċident. Għaldaqstant l-applikant għal liċenzja
għall-kostruzzjoni ta’ reattur ġdid tal-enerġija jew ta’
riċerka għandu juri li d-disinn jillimita b’mod prattiku l-effetti
ta’ ħsara fil-qalba tar-reattur sa ġol-konteniment, jiġifieri
għandu jipprova li rilaxx radjuattiv barra l-konteniment huwa
fiżikament impossibbli jew jista’ jitqies estremament improbabbli bi grad
għoli ta’ kunfidenza li rilaxx bħal dan jista’ jseħħ. (31) Id-Direttiva 2009/71/Euratom
ma tinkludix miżuri li jirrigwardaw it-tħejjija u r-rispons
għall-emerġenza fuq il-post, li, kif wera l-aċċident
nukleari ta’ Fukushima, huma kruċjali biex jonqsu l-konsegwenzi ta’
aċċident nukleari. Id-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom tipprevedi
li, f’każ ta’ emerġenzi radjoloġiċi, huwa neċessarju
li jiġi organizzat intervent xieraq li jwaqqaf jew li jnaqqas l-emissjoni
ta’ radjonuklidi, u li jiġu vvalutati u rreġistrati l-konsegwenzi
tal-emerġenza u l-effikaċja tal-intervent. Għandu jkun hemm
ukoll miżuri stabbiliti għall-protezzjoni u l-monitoraġġ
tal-ambjent u tal-popolazzjoni. Madankollu, hemm bżonn ta’
dispożizzjonijiet aktar speċifiċi rigward it-tħejjija u
r-rispons fuq il-post sabiex jiġu vvalutati sitwazzjonijiet li
jistgħu jeħtieġu miżuri protettivi fuq il-post, ta’
struttura organizzattiva u ta’ koordinazzjoni fost il-korpi ta’ rispons, u li
jiġi żgurat li jkun hemm disponibbli riżorsi suffiċjenti
biex ikunu applikati dawk il-miżuri protettivi xierqa anki f’każijiet
estremi. (32) It-testijiet tal-istress urew
l-irwol ewlieni ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni mtejba
bejn il-partijiet kollha li għandhom responsabbiltajiet
għas-sikurezza nukleari. Ir-reviżjonijiet bejn il-pari wrew li huma
mezz tajjeb għall-bini tal-fiduċja, bl-għan li tiġi
żviluppata u skambjata l-esperjenza u tkun żgurata l-applikazzjoni
komuni ta’ standards ta’ sikurezza nazzjonali għolja. L-ambitu
tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/71/Euratom madankollu huwa
limitat biss għal awtovalutazzjonijiet u reviżjonijiet bejn il-pari
internazzjonali tal-infrastruttura leġiżlattiva, regolatorja u
organizzattiva tal-Istati Membri u għalhekk id-Direttiva għandha
titwessa’ sabiex tinkludi reviżjonijiet bejn il-pari ta’
installazzjonijiet nukleari. (33) Din id-Direttiva
tintroduċi dispożizzjonijiet ġodda dwar l-awtovalutazzjonijiet u
r-reviżjonijiet bejn il-pari ta’ installazzjonijiet nukleari bbażati
fuq għażla ta’ temi ta’ sikurezza nukleari li jkopru
ċ-ċiklu tal-ħajja sħiħa tagħhom. F’livell
internazzjonali, hemm diġà esperjenza kkonfermata fit-twettiq ta’ tali
reviżjonijiet bejn il-pari fuq impjanti tal-enerġija nukleari.
Fil-livell tal-UE, l-esperjenza mill-proċess tat-testijiet tal-istress
turi l-valur ta’ eżerċizzju kkoordinat sabiex tiġi vvalutata u
riveduta s-sikurezza tal-impjanti tal-enerġija nukleari tal-UE.
Mekkaniżmu simili, ibbażat fuq il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet
regolatorji tal-Istati Membri u l-Kummissjoni, għandu jkun applikat
hawnhekk. Għaldaqstant, l-awtoritajiet regolatorji kompetenti li
jikkoordinaw fil-kuntest ta’ gruppi ta’ esperti bħall-ENSREG, jistgħu
jikkontribwixxu bl-esperjenza tagħhom għall-identifikazzjoni tat-temi
ta’ sikurezza rilevanti u fit-twettiq ta’ dawn ir-reviżjonijiet bejn
il-pari. Jekk l-Istati Membri jonqsu li jagħżlu b’mod konġunt
mill-inqas tema waħda l-Kummissjoni għandha tagħżel tema
waħda jew aktar biex jiġu riveduti bejn il-pari.
Il-parteċipazzjoni ta’ partijiet interessati
oħrajn, bħal Organizzazzjonijiet ta’ Appoġġ Tekniku,
osservaturi internazzjonali jew Organizzazzjonijiet mhux governattivi
jistgħu jżidu l-valur tar-reviżjonijiet bejn il-pari. (34) Biex jiggarantixxu
r-rigorożità u l-oġġettività tar-reviżjonijiet bejn
il-pari, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-aċċess
għall-informazzjoni kollha meħtieġa, soġġetta
għall-proċeduri meħtieġa ta’ approvazzjoni tas-sikurezza,
għall-persunal u għall-installazzjoni nukleari kkonċernata. (35) Għandu jiġi
stabbilit mekkaniżmu ta’ segwitu xieraq li jassigura li l-eżitu ta’
dawn ir-reviżjonijiet bejn il-pari jiġi implimentat kif xieraq.
Ir-reviżjonijiet bejn il-pari għandhom jgħinu fit-titjib
tas-sikurezza ta’ installazzjonijiet nukleari individwali kif ukoll jgħinu
jifformulaw rakkomandazzjonijiet u linji gwida ġeneriċi validi dwar
is-sikurezza teknika madwar l-Unjoni. (36) F’każ
li l-Kummissjoni tidentifika devjazzjonijiet sostanzjali jew dewmien
fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tekniċi mill-proċess ta’
reviżjoni bejn il-pari, il-Kummissjoni għandha tistieden
lill-awtoritajiet regolatorji kompetenti tal-Istati Membri mhux ikkonċernati
sabiex jorganizzaw u jwettqu missjoni ta’ verifika bl-għan li jiksbu
stampa sħiħa tas-sitwazzjoni u jinfurmaw lill-Istat Membru
kkonċernat dwar miżuri possibbli li jirrimedjaw kwalunkwe nuqqas
identifikat. (37) Id-dispożizzjonijet ta'
din id-Direttiva li jistabbilixxu l-mekkaniżmu tal-evalwazzjoni bejn
il-pari huma mingħajr preġudizzju għar-regoli li jirregolaw
il-proċedura ta' ksur f'każ li Stat Membru jonqos milli jissodisfa
obbligu skont it-Trattati, kif stabbilit fl-Artikoli 258, 259 u 260
tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU). (38) Il-perjodiċità
tar-reviżjonijiet bejn il-pari u r-rappurtar skont din id-Direttiva
għandhom ikunu allinjati maċ-ċikli ta’ reviżjoni u ta’
rappurtar tal-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari. (39) F’konformità mal-prinċipju
tal-proporzjonalità, l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 2,
Taqsima 2 “Obbligi Speċifiċi” ta’ din id-Direttiva tiddependi
fuq it-tip ta’ installazzjonijiet nukleari fit-territorju ta’ Stat Membru.
Għaldaqstant, meta jimplimentaw dawn id-dispożizzjonijiet
fil-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ir-riskji
ppreżentati mit-tipi speċifiċi ta’ installazzjonijiet nukleari
li jippjanaw li jħaddmu. B’mod partikolari, il-prinċipju tal-proporzjonalità
jkun jirrigwarda lil dawk l-Istati Membri li jżommu biss inventorju
żgħir ta’ materjal nukleari u radjuattiv, eż. marbut
mat-tħaddim ta’ faċilitajiet żgħar ta’ reatturi ta’
riċerka, li f’każ ta’ aċċident serju ma jnisslux
konsegwenzi komparabbli ma’ dawk iġġenerati mill-impjanti tal-enerġija
nukleari. (40) Id-dispożizzjonijiet ta’
din id-Direttiva li huma intrinsikament marbuta mal-eżistenza ta’
installazzjonijiet nukleari, jiġifieri dawk li jirrigwardaw l-obbligi
tad-detentur tal-liċenzja, ir-rekwiżiti speċifiċi ġodda
għall-installazzjonijiet nukleari u d-dispożizzjonijiet li
jirrigwardaw it-tħejjija u r-rispons għall-emerġenza fuq il-post
mhumiex applikabbli għall-Istati Membri li m’għandhomx
installazzjonijiet nukleari kif definiti minn din id-Direttiva. Dawn l-Istati
Membri m’għandhomx għalfejn jittrasponu u jimplimentaw
ir-rekwiżit li jimponu penali fuq dawk li ma jikkonformawx ma’ din
id-Direttiva. Id-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta’ din id-Direttiva
għandhom jiġu trasposti u implimentati b’mod proporzjonat skont
iċ-ċirkostanzi nazzjonali u jikkunsidraw il-fatt li dawn l-Istati
Membri m’għandhomx installazzjonijiet nukleari, filwaqt li jassiguraw li
s-sikurezza nukleari tingħata attenzjoni xierqa mill-gvern jew
mill-awtoritajiet kompetenti. (41) Skont
id-Direttiva 2009/71/Euratom, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu
u jżommu qafas leġiżlattiv, regolatorju u organizzattiv
nazzjonali ('qafas nazzjonali') għas-sikurezza nukleari ta’
installazzjonijiet nukleari. Id-determinazzjoni ta’ kif id-dispożizzjonijiet
tal-qafas nazzjonali jiġu adottati u permezz ta’ liema strument jiġu
applikati tibqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri. (42) F’konformità mad-Dikjarazzjoni
Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar dokumenti ta’
spjegazzjoni tat-28 ta’ Settembru 2011, l-Istati Membri ntrabtu
li jakkumpanjaw, f’każijiet iġġustifikati, in-notifika
tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew
aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva u
l-partijiet korrispondenti ta’ strumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali.
Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur jikkunsidra li
t-trasmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġġustifikata. (43) Id-Direttiva 2009/71/Euratom
għaldaqstant għandha tiġi emendata skont dan, ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Id-Direttiva 2009/71/Euratom għandha
tiġi emendata kif ġej: (1)
L-intestatura tal-Kapitolu 1 tiġi sostitwita
b’dan li ġej: "OBJETTIVI, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U
DEFINIZZJONIJIET". (2)
Fl-Artikolu 1, għandu jiżdied
il-punt (c) li ġej: "(c) li jiġi żgurat li l-Istati
Membri għandhom jipprovdu arranġamenti nazzjonali adatti sabiex
l-installazzjonijiet nukleari jiġu mfassla, lokalizzati, mibnija,
kkummissjonati, mħaddma jew dekummissjonati b’mod li jiġi evitat
ir-rilaxx radjuattiv." (3)
L-Artikolu 2 jiġi emendat kif ġej: (a)
il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li
ġej: "1. Din id-Direttiva għandha tapplika
għal kwalunkwe installazzjoni nukleari ċivili soġġetta
għal liċenzja kif definit fl-Artikolu 3(4) fl-istadji kollha
koperti b’din il-liċenzja."; (b)
il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b’dan li
ġej: "3. Din id-Direttiva tissupplimenta
l-istandards bażiċi msemmijin fl-Artikolu 30 tat-Trattat
fir-rigward tas-sikurezza nukleari tal-installazzjonijiet nukleari u hija
mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni Komunitarja
eżistenti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u
tal-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jirriżultaw mir-radjazzjoni
jonizzanti, u b’mod partikolari d-Direttiva 96/29/Euratom.". (4)
Fl-Artikolu 3, għandhom jiżdiedu
l-paragrafi 6 sa 17: "6. ‘difiża
profonda’ tfisser l-iskjerament ġerarkiku ta’ livelli differenti ta’
tagħmir u proċeduri varjati sabiex tiġi evitata l-eskalazzjoni
ta’ okkorrenzi operattivi antiċipati u sabiex tinżamm
l-effikaċja ta’ lqugħ fiżiku mqiegħed bejn sors ta’ radjazzjoni
jew materjal radjuattiv u l-ħaddiema, il-membri tal-pubbliku jew l-arja,
l-ilma u l-ħamrija, fi stati operattivi u, għal ċertu
lqugħ, f’kundizzjonijiet ta’ aċċidenti; 7. ‘avveniment mhux normali’ tfisser kwalunkwe okkorrenza mhux intenzjonata li
l-konsegwenzi, jew il-konsegwenzi potenzjali tagħha mhumiex
negliġibbli mill-perspettiva tal-protezzjoni jew tas-sikurezza nukleari; 8. ‘aċċident’ tfisser kwalunkwe
avveniment mhux ippjanat, inklużi żbalji operattivi, ħsara
f’tagħmir jew aċċidenti oħrajn, li l-konsegwenzi, jew
il-konsegwenzi potenzjali tagħhom mhumiex negliġibbli
mill-perspettiva tal-protezzjoni jew tas-sikurezza nukleari; 9. ‘rilaxx bikri’ tfisser sitwazzjonijiet li
jkunu jeħtieġu miżuri ta’ emerġenza barra l-post iżda
b’nuqqas ta’ ħin biex jiġu implimentati; 10. ‘rilaxx kbir’ tfisser sitwazzjonijiet li
jkunu jeħtieġu miżuri ta’ protezzjoni għall-pubbliku li ma
jistgħux ikunu limitati f’żona jew f’ħin; 11. ‘li prattikament telimina’ tfisser li huwa
fiżikament impossibbli jew jista’ jitqies estremament improbabbli bi grad
għoli ta’ fiduċja li kundizzjoni sseħħ; 12. ‘raġonevolment possibbli’ tfisser li,
minbarra li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ prattika tajba
fl-inġinerija, għandhom jinstabu miżuri oħrajn ta’
sikurezza jew ta’ tnaqqis ta’ riskju għad-disinn,
il-kummissjonar, it-tħaddim jew id-dekummissjonar ta’
installazzjoni nukleari u li dawn il-miżuri għandhom ikunu
implimentati diment li ma jistax jintwera li huma wisq sproporzjonati
fir-rigward tal-benefiċċju ta’ sikurezza li jikkonferixxu; 13. ‘bażi ta’ disinn’ tfisser il-firxa
ta’ kundizzjonijiet u avvenimenti kkunsidrati b’mod espliċitu fid-disinn
ta’ installazzjoni, skont kriterji stabbiliti, b’mod li l-installazzjoni tkun
tista’ tiflaħ għalihom mingħajr ma taqbeż il-limiti
awtorizzati bit-tħaddim ippjanat tas-sistemi ta’ sikurezza; 14. ‘aċċidenti ta’ disinn
bażiku’ tfisser kundizzjonijiet ta’ aċċident li fuqhom
installazzjoni hija mfassla skont kriterji stabbiliti, u li għalihom
il-ħsara lill-fjuwil u r-rilaxx ta’ materjal radjuattiv huma miżmuma
fil-limiti awtorizzati; 15. 'lil hinn minn aċċidenti ta’
disinn bażiku’ tfisser aċċident li huwa possibbli, iżda li
ma ġiex ikkunsidrat fid-disinn minħabba li kien meqjus ferm
improbabbli; 16. ‘analiżi
tal-estensjoni tad-disinn’ tfisser sett ta’
kundizzjonijiet ta’ estensjoni ta’ disinn mnissla abbażi ta’ ġudizzju
ta’ inġinerija, valutazzjonijiet deterministiċi u valutazzjonijiet
probabilistiċi bl-iskop li tittejjeb aktar is-sikurezza tal-impjant
tal-enerġija nukleari billi jittejbu l-kapaċitajiet tal-impjant biex
ikun jiflaħ, mingħajr konsegwenzi radjoloġiċi mhux
aċċettabbli, għal aċċidenti li jew huma aktar serji
mill-aċċidenti ta’ disinn bażiku jew li jinvolvu ħsarat
oħra. Dawn il-kundizzjonijiet ta’ estensjoni tad-disinn jintużaw
sabiex jiġu identifikati xenarji ta’ aċċidenti addizzjonali li
għandhom ikunu indirizzati fid-disinn u jiġu ppjanati
dispożizzjonijiet prattikabbli għall-prevenzjoni ta’
aċċidenti bħal dawn jew it-tnaqqis tal-konsegwenzi tagħhom
jekk iseħħu tabilħaqq. 17. ‘reviżjoni perjodika tas-sikurezza’
tfisser valutazzjoni mill-ġdid tas-sikurezza ta’ installazzjoni eżistenti
li ssir f’intervalli regolari sabiex jiġu indirizzati l-effetti
kumulattivi tat-tiqdim, il-modifiki, l-esperjenzi operattivi, l-iżviluppi
tekniċi u l-aspetti tal-post u li jkollha l-għan li tassigura livell għoli
ta’ sikurezza tul il-ħajja ta’ servizz tal-installazzjoni.". (5)
Fil-Kapitolu 2, it-titolu li ġej
għandu jiddaħħal wara l-intestatura ‘OBBLIGI’: "TAQSIMA 1 Obbligi
ġenerali". (6)
L-ewwel (1) paragrafu tal-Artikolu 4
għandu jiġi emendat kif ġej: (a)
il-parti introduttorja għandha tiġi
sostitwita b’dan li ġej: "1. L-Istati Membri għandhom
jistabbilixxu u jżommu qafas leġiżlattiv, regolatorju u
organizzattiv nazzjonali (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ‘il-qafas
nazzjonali’) għas-sikurezza nukleari ta’ installazzjonijiet nukleari li
jalloka r-responsabbiltajiet u jipprovdi għall-koordinazzjoni bejn
il-korpi rilevanti tal-istat. Il-qafas nazzjonali għandu jipprovdi b’mod
partikolari għal:"; (b)
il-punt (a) jiġi sostitwit b’dan li ġej: "(a) arranġamenti ta’ sikurezza
nukleari nazzjonali, li jkopru l-istadji kollha taċ-ċiklu
tal-ħajja tal-installazzjonijiet nukleari imsemmija
fl-Artikolu 3(4);"; (c)
il-punt (b) jiġi sostitwit b’dan li
ġej: "(b) sistema ta’ liċenzjar u l-projbizzjoni tal-operat ta’
installazzjonijiet nukleari mingħajr liċenzja;"; (d)
il-punt (c) jiġi sostitwit b’dan li
ġej: "(c) sistema ta’ superviżjoni ta’ sikurezza
nukleari;". (7)
Fl-Artikolu 5, il-paragrafi 2 u 3
jiġu sostitwiti b’dan li ġej: "2. L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza effettiva tal-awtorità
regolatorja kompetenti minn influwenza mhux dovuta fit-teħid ta’
deċiżjonijiet tagħha, b’mod partikolari meta twettaq il-kompiti
regolatorji stipulati fil-paragrafu
3, u jiżguraw li s-sikurezza ma tkunx subordinata għall-interessi
politiċi, ekonomiċi jew soċjetali. Għal dan il-għan,
l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-qafas nazzjonali jesiġi li
l-awtorità regolatorja kompetenti: (a) tkun funzjonalment separata minn kull korp
pubbliku jew privat ieħor ikkonċernat mill-promozzjoni jew l-użu
ta’ enerġija nukleari, jew mill-produzzjoni tal-elettriku; (b) ma titlobx jew tieħu struzzjonijiet minn
ebda korp pubbliku jew privat ieħor ikkonċernat mill-promozzjoni jew
l-użu ta’ enerġija nukleari, jew mill-produzzjoni tal-elettriku, meta
twettaq il-kompiti regolatorji tagħha; (c) tieħu deċiżjonijiet
regolatorji, ibbażati fuq kriterji oġġettivi u verifikabbli
marbuta mas-sikurezza; (d) ikollha l-allokazzjonijiet tal-baġit
xierqa, b’awtonomija fl-implimentazzjoni tal-baġit allokat.
Il-mekkaniżmu ta’ finanzjament u l-proċess ta’ allokazzjoni
tal-baġit għandhom ikunu definiti b’mod ċar fil-qafas
nazzjonali; (e) timpjega għadd xieraq ta’ persunal
bil-kwalifiki, bl-esperjenza u bl-għarfien meħtieġa; (f) tistabbilixxi proċeduri u kriterji
għall-ħatra u t-tkeċċija tal-persunal, u
għall-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interess; (g) tipprovdi informazzjoni relatata mas-sikurezza
mingħajr reviżjoni jew approvazzjoni minn xi entità pubblika jew
privata oħra skont l-Artikolu 8(2). 3. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li l-awtorità regolatorja kompetenti tingħata s-setgħat
legali meħtieġa sabiex twettaq l-obbligi tagħha b’rabta
mal-qafas nazzjonali deskritt fl-Artikolu 4(1) bi prijorità dovuta
għas-sikurezza. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom
jassiguraw li l-qafas nazzjonali jipprovdi għal dawn il-kompiti
regolatorji ewlenin: (a) li jiddefinixxi r-rekwiżiti ta’
sikurezza nukleari; (b) li jesiġi li d-detentur
tal-liċenzja jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ sikurezza nukleari
nazzjonali u t-termini tal-liċenzja rilevanti; (c) li jesiġi l-prova ta’ din
il-konformità, inklużi r-rekwiżiti taħt il-paragrafi 2 sa 5
tal-Artikolu 6 u l-Artikoli 8a sa 8d; (d) li jivverifika din il-konformità permezz
ta’ valutazzjonijiet u spezzjonijiet regolatorji; (e) li jwettaq azzjonijiet ta’ infurzar,
inkluż li jissospendi l-operat ta’ installazzjoni nukleari skont
il-kundizzjonijiet definiti mill-qafas nazzjonali msemmi
fl-Artikolu 4(1).". (8)
L-Artikolu 6 jiġi emendat kif ġej: (a) l-ewwel (1) paragrafu jiġi sostitwit
b’dan li ġej: "1. L-Istati Membri
għandhom jiżguraw li l-qafas nazzjonali jesiġi li
r-responsabbiltà ewlenija għas-sikurezza nukleari ta’ installazzjoni
nukleari tkun tad-detentur tal-liċenzja. Din ir-responsabbiltà ma tistax
tiġi ddelegata."; (b) il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan
li ġej: "2. L-Istati Membri
għandhom jiżguraw li l-qafas nazzjonali jesiġi li d-detenturi
tal-liċenzja, taħt is-superviżjoni tal-awtorità regolatorja
kompetenti, jivvalutaw u jivverifikaw regolarment, u jtejbu kontinwament, sakemm
ikun raġonevolment possibbli, is-sikurezza nukleari tal-installazzjonijiet
nukleari tagħhom b’mod sistematiku u verifikabbli."; (c) il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b’dan
li ġej: "3. Il-valutazzjonijiet
imsemmijin fil-paragrafu 2 għandhom jinkludu verifika li, abbażi
ta’ valutazzjoni tas-sikurezza komprensiva, hemm stabbiliti miżuri
għall-prevenzjoni ta’ aċċidenti u għat-tnaqqis
tal-konsegwenzi tal-aċċidenti, inkluża verifika
tas-suffiċjenza ta’ dispożizzjonijiet ta’ difiża profonda u
l-miżuri organizzattivi ta’ protezzjoni tad-detenturi tal-liċenzja,
li jkollhom ifallu qabel ma l-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali jkunu
affettwati b’mod sinifikanti mir-radjazzjonijiet jonizzanti."; (d) il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b’dan
li ġej: "4. L-Istati Membri
għandhom jiżguraw li l-qafas nazzjonali jesiġi li d-detenturi
tal-liċenzja jistabbilixxu u jimplimentaw sistemi ta’ ġestjoni li
jagħtu prijorità dovuta għas-sikurezza nukleari u li huma vverifikati
regolarment mill-awtorità regolatorja kompetenti."; (e) jiddaħħal il-paragrafu 4a kif
ġej: "4a. L-Istati Membri
għandhom jiżguraw li l-qafas nazzjonali jesiġi li meta japplika
għal liċenzja, l-applikant ikun mitlub jissottometti prova dettaljata
tas-sikurezza. L-ambitu u l-livell ta’ dettall tagħha għandhom ikunu proporzjonati
mal-kobor potenzjali u n-natura tal-periklu ppreżentat. Din għandha
tkun riveduta u vvalutata mill-awtorità regolatorja kompetenti skont
proċeduri definiti b’mod ċar."; (f) il-paragrafu 5 jiġi sostitwit b’dan
li ġej: "5. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li l-qafas nazzjonali jesiġi li d-detenturi ta’
liċenzja jipprevedu u jżommu riżorsi finanzjarji u umani
adegwati, bi kwalifiki, kompetenzi u ħiliet xierqa, biex jissodisfaw
l-obbligi tagħhom fir-rigward tas-sikurezza nukleari ta’ installazzjoni
nukleari, stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4a ta’ dan l-Artikolu u
fl-Artikoli 8a sa 8d ta’ din id-Direttiva. Dawn l-obbligi
jestendu wkoll għall-ħaddiema subkuntrattati.". (9)
L-Artikoli 7 u 8 ġew sostitwiti
bis-segwenti: "Artikolu 7 Kompetenza
u ħiliet fis-sikurezza nukleari L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qafas
nazzjonali jesiġi li l-partijiet kollha jagħmlu arranġamenti għall-edukazzjoni,
it-taħriġ u l-eżerċizzju għall-persunal tagħhom
b’responsabbiltajiet relatati mas-sikurezza nukleari ta’ installazzjonijiet
nukleari u biex ikunu ppreparati għal emerġenzi fuq il-post u
jkollhom arranġamenti ta’ rispons, sabiex jibnu, iżommu u jkomplu
jiżviluppaw kompetenzi u ħiliet aġġornati u rikonoxxuti
reċiprokament fis-sikurezza nukleari. Artikolu 8 Transparenza 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li
informazzjoni aġġornata u f’waqtha fir-rigward tas-sikurezza nukleari
ta’ installazzjonijiet nukleari u tar-riskji relatati tkun magħmula disponibbli għall-ħaddiema u
għall-pubbliku ġenerali, b’kunsiderazzjoni speċifika għal
dawk li jgħixu fil-viċinanza ta’ installazzjoni nukleari. L-obbligu stabbilit fl-ewwel paragrafu jinkludi
l-iżgurar li l-awtorità regolatorja kompetenti u d-detenturi ta’
liċenzja, fl-oqsma ta’ responsabbiltà tagħhom, jiżviluppaw,
jippubblikaw u jimplimentaw strateġija ta’ trasparenza li tkopri, inter
alia, informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet operattivi normali ta’
installazzjonijiet nukleari, l-attivitajiet mhux obbligatorji ta’
konsultazzjoni mal-ħaddiema u mal-pubbliku ġenerali u l-komunikazzjoni
fil-każ ta’ avvenimenti mhux normali u aċċidenti. 2. L-informazzjoni għandha tkun magħmula
disponibbli għall-pubbliku skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u
tal-Unjoni applikabbli u l-obbligi internazzjonali, sakemm dan ma jipperikolax
interessi prevalenti oħra, bħas-sigurtà, rikonoxxuta
fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew obbligi internazzjonali. 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li
l-pubbliku jingħata opportunitajiet effettivi u minn
kmieni biex jipparteċipa fil-proċess ta’ liċenzjar ta’
installazzjonijiet nukleari, skont
il-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli u obbligi
internazzjonali.". (10)
It-Taqsima 2 li ġejja ġiet
imdaħħla wara l-Artikolu 8: "TAQSIMA 2 Obbligi
speċifiċi Artikolu 8a Objettiv
tas-sikurezza għal installazzjonijiet nukleari 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li
l-qafas nazzjonali jesiġi li installazzjonijiet nukleari jiġu
ddisinjati, ippożizzjonati, mibnija, ikkummissjonati, mħaddmin u
dekommissjonati bil-għan li jiġu evitati rilaxxi radjuattivi potenzjali
billi: (a)
prattikament jeliminaw l-okkorrenza tas-sekwenzi
kollha ta’ aċċidenti li jistgħu jwasslu għal rilaxxi kmieni
jew kbar; (b)
għal aċċidenti li ma ġewx
eliminati prattikament, jimplimentaw miżuri fid-disinn sabiex ikun hemm
biss il-ħtieġa għal miżuri protettivi limitati
fiż-żona u fil-ħin għall-pubbliku u li jkun hemm
biżżejjed ħin disponibbli biex dawn il-miżuri jiġu
implimentati, u li l-frekwenza ta’ aċċidenti bħal dawn tiġi
minimizzata. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li
l-qafas nazzjonali jeħtieġ li l-objettiv stabbilit fil-paragrafu 1
japplika għal installazzjonijiet nukleari eżistenti sal-punt li dan
ikun jista' jintlaħaq b’mod raġonevoli. Artikolu 8b Implimentazzjoni
tal-objettiv tas-sikurezza għal installazzjonijiet nukleari Sabiex jilħqu l-objettiv tas-sikurezza
stabbilit fl-Artikolu 8a, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li
l-qafas nazzjonali jesiġi li l-installazzjonijiet nukleari jkunu: (a) sitwati b’tali mod
sabiex tingħata l-konsiderazzjoni dovuta sabiex, fejn possibbli, jiġu
evitati l-perikli naturali esterni u magħmula mill-bniedem
u jiġi minimizzat l-impatt tagħhom; (b) ddisinjati, mibnija, ikkummissjonati,
imħaddmin u dekommissjonati abbażi tal-kunċett ta’ difiża profonda sabiex: (i) id-dożi ta’ radjazzjoni
għall-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali ma jaqbżux il-limiti
preskritti u jinżammu baxxi kemm jista’ jkun possibbli; (ii) l-okkorrenza ta’ avvenimenti mhux normali
tiġi minimizzata; (iii) il-potenzjal ta’ eskalazzjoni għal
sitwazzjonijiet ta’ aċċidenti jitnaqqas billi titjieb
il-kapaċità tal-installazzjonijiet nukleari biex jimmaniġġjaw u
jikkontrollaw l-avvenimenti mhux normali b’mod effettiv; (iv) il-konsegwenzi dannużi ta’ avvenimenti
mhux normali u aċċidenti abbażi tad-disinn, jekk dawn
iseħħu, jiġu mtaffija biex jiġi żgurat li ma
jinduċu l-ebda impatt radjoloġiku barra mis-sit, jew li l-impatt
radjoloġiku jkun minuri biss; (v) il-perikli naturali esterni u magħmula
mill-bniedem jiġu evitati, fejn possibbli, u l-impatt tagħhom
jiġi minimizzat. Artikolu 8c Metodoloġija
għal-lokalizzazzjoni, id-disinn, il-kostruzzjoni, il-kummissjonar,
it-tħaddim u d-dekommissjonar ta’ installazzjonijiet nukleari 1. L-Istati Membri
għandhom jiżguraw li l-qafas nazzjonali jesiġi li d-detentur ta’
liċenzja, taħt is-superviżjoni tal-awtorità regolatorja
kompetenti: (a)
jevalwa b’mod regolari l-impatt radjoloġiku
ta’ installazzjoni nukleari fuq il-ħaddiema, il-pubbliku ġenerali u
l-arja, l-ilma u l-ħamrija, kemm f’kundizzjonijiet ta’ tħaddim
normali u ta’ aċċidenti; (b)
jiddefinixxi, jiddokumenta u regolarment jevalwa
mill-ġdid u mill-inqas kull għaxar snin, il-bażi tad-disinn ta’
installazzjonijiet nukleari permezz ta’ reviżjoni perjodika tas-sikurezza,
u jissumplimentaha permezz ta’ analiżi tal-estensjoni tad-disinn, biex
jiġi żgurat li l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli
ta’ titjib ikunu ġew implimentati; (c)
jiżgura li l-analiżi tal-estensjoni
tad-disinn tkopri l-aċċidenti, l-avvenimenti u l-kombinazzjoni
tal-avvenimenti kollha, inkluż perikli interni u esterni naturali u
magħmula mill-bniedem u aċċidenti serji, li jwasslu għal
kundizzjonijiet li ma jkunux inklużi fl-aċċidenti abbażi
tad-disinn; (d)
jistabbilixxi u jimplimenta strateġiji biex
itaffi kemm aċċidenti abbażi tad-disinn kif ukoll dawk mhux
ibbażati fuq id-disinn; (e)
jimplimenta Linji Gwida
għall-Immaniġġjar ta’ Aċċidenti Serji għall-impjanti kollha tal-enerġija nukleari u, jekk xieraq,
għal installazzjonijiet nukleari oħra, li jkopru l-kundizzjonijiet
operattivi kollha, aċċidenti fil-pools ta’
fjuwil użat u avvenimenti fit-tul; (f)
iwettaq reviżjoni speċifika tas-sikurezza
għal installazzjonijiet nukleari li l-awtorità regolatorja kompetenti tqis
li jkunu qrib il-limitu tal-ħajja operattiva tagħhom kif
oriġinarjament previst, u li għalihom tkun intalbet estensjoni
tal-ħajja. 2. L-Istati Membri
għandhom jiżguraw li l-qafas nazzjonali jesiġi li l-għoti jew
ir-reviżjoni ta’ liċenzja għall-bini u/jew l-operat ta’
installazzjoni nukleari għandhom ikunu bbażata fuq valutazzjoni
xierqa speċifika għas-sit u għall-installazzjoni. 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li
l-qafas nazzjonali jesiġi, għal impjanti tal-enerġija nukleari
u, jekk applikabbli, għal faċilitajiet għal reattur ta’
riċerka, li għalihom qiegħda tintalab liċenzja
tal-kostruzzjoni għall-ewwel darba, li l-awtorità regolatorja kompetenti
tobbliga lill-applikant juri li d-disinn prattikament jillimita l-effetti ta’
ħsara fil-qalba tar-reattur għal ġewwa l-konteniment. Artikolu 8d Stat ta’
tħejjija u rispons għal emerġenza L-Istati Membri għandhom jiżguraw li
l-qafas nazzjonali jesiġi li d-detentur ta’ liċenzja, taħt
is-superviżjoni tal-awtorità regolatorja kompetenti: (a)
iħejji u jaġġorna b’mod regolari
l-pjan ta’ emerġenza fuq il-post li għandu: (i) jkun ibbażat fuq valutazzjoni ta’
avvenimenti ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jeħtieġu miżuri
protettivi fuq il-post jew barra mis-sit; (ii) jkun koordinat ma’ korpi oħra involuti
u għandu jkun ibbażat fuq lezzjonijiet mitgħallma mir-rispons
ta’ esperjenza minn avvenimenti serji, jekk dawn iseħħu; (iii) jindirizza avvenimenti partikolari li
jista' jkollhom impatt fuq diversi unitajiet ta’ installazzjoni nukleari; (b)
jistabbilixxi l-istruttura organizzattiva
meħtieġa għall-allokazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet u
jiżgura d-disponibbiltà tar-riżorsi u l-assi meħtieġa; (c)
jimplimenta arranġamenti
għall-koordinazzjoni ta’ attivitajiet fuq il-post u jikkoopera mal-awtoritajiet
u l-aġenziji responsabbli għar-rispons f’emerġenza
fil-fażijiet kollha ta’ emerġenza, li għandhom jiġu
eżerċitati b’mod regolari; (d)
jipprovdi għal miżuri ta’ tħejjija
għall-ħaddiema fuq il-post fir-rigward ta’ avvenimenti mhux normali
potenzjali u aċċidenti; (e)
jipprovdi arranġamenti
għall-kooperazzjoni transkonfinali u internazzjonali, inkluż
arranġamenti definiti minn qabel biex jirċievi assistenza esterna fuq
il-post, jekk ikun hemm il-ħtieġa; (f)
jiżgura li jkun hemm ċentru għal
rispons f’każ ta’ emerġenza fuq il-post, protett biżżejjed
kontra l-perikli naturali u r-radjuattività biex jiġi żgurat li jkun
abitabbli; (g)
jieħu miżuri protettivi f’każ ta’
emerġenza sabiex itaffi xi konsegwenzi għas-saħħa
tal-bniedem u għall-arja, l-ilma u l-ħamrija.". (11)
Il-Kapitolu 2a ddaħħal wara
l-Kapitolu 2: "KAPITOLU
2a REVIŻJONIJIET
BEJN IL-PARI U LINJI GWIDA Artikolu 8e Reviżjonijiet
Bejn il-Pari 1. Mill-inqas kull għaxar snin, l-Istati
Membri għandhom jorganizzaw awtovalutazzjonijiet perjodiċi tal-qafas
nazzjonali tagħhom u tal-awtoritajiet regolatorji kompetenti u jistiednu
reviżjoni bejn il-pari internazzjonali tal-aspetti rilevanti tal-qafas
nazzjonali tagħhom u tal-awtoritajiet regolatorji kompetenti tagħhom
bil-għan li b’mod kontinwu jtejbu s-sikurezza nukleari. Ir-riżultati
ta’ kwalunkwe reviżjoni bejn il-pari għandhom jiġu rapportati
lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fejn disponibbli. 2. Stati Membri, bl-appoġġ tal-awtoritajiet regolatorji
kompetenti, għandhom perjodikament jirranġaw, u mill-inqas kull sitt
snin, sistema ta’ reviżjonijiet topiċi bejn il-pari u għandhom
jaqblu fuq skeda ta’ żmien u l-modalitajiet għall-implimentazzjoni.
Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom: (a)
flimkien u f’koordinazzjoni mill-qrib
mal-Kummissjoni jagħżlu tema waħda speċifika jew aktar
relatati mas-sikurezza nukleari ta’ installazzjonijiet nukleari. Jekk l-Istati
Membri jonqsu milli b’mod konġunt jagħżlu mill-inqas tema
fiż-żmien speċifikat f’dan il-paragrafu, il-Kummissjoni
għandha tagħżel it-temi li għandhom ikunu
s-suġġett tar-reviżjonijiet bejn il-pari; (b)
abbażi ta’ dawn it-temi,
b’kollaborazzjoni mill-qrib mad-detenturi ta’ liċenzji, iwettqu
valutazzjonijiet nazzjonali u jippubblikaw ir-riżultati; (c)
flimkien jiddefinixxu metodoloġija,
jorganizzaw u jwettqu reviżjoni bejn il-pari tar-riżultati
tal-valutazzjonijiet nazzjonali msemmija fil-punt (b), li għalihom
il-Kummissjoni hija mistiedna tipparteċipa; (d)
jippubblikaw ir-riżultati
tar-reviżjonijiet bejn il-pari msemmija fil-punt (c). 3.
Kull Stat Membru soġġett għar-reviżjoni bejn il-pari
msemmija fil-paragrafu 2 għandu jirranġa għall-ippjanar u
l-mod ta’ implimentazzjoni fit-territorju tiegħu ta’ rakkomandazzjonijiet
tekniċi rilevanti bħala riżultat tal-proċess
tar-reviżjoni bejn il-pari u għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan. 4. Jekk il-Kummissjoni tidentifika devjazzjonijiet
jew dewmien sostanzjali fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet
tekniċi bħala riżultat tal-proċess ta’ reviżjoni bejn
il-pari, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-awtoritajiet regolatorji
kompetenti tal-Istati Membri mhux ikkonċernati biex jorganizzaw u jwettqu
missjoni ta’ verifika biex tinkiseb stampa sħiħa tas-sitwazzjoni u
tinforma lill-Istat Membru kkonċernat dwar il-miżuri possibbli biex
jirrimedja għal kwalunkwe nuqqas identifikat. 5. Fil-każ ta’ aċċident li jwassal
għal rilaxx bikri jew kbir jew avveniment mhux normali li jwassal
għal sitwazzjonijiet li jkunu jeħtieġu miżuri ta’
emerġenza barra mis-sit jew miżuri li jipproteġu lill-pubbliku,
l-Istat Membru kkonċernat għandu jistieden li ssir fi żmien sitt
xhur reviżjoni bejn il-pari tal-installazzjoni kkonċernata skont
il-paragrafu 2, u li għaliha l-Kummissjoni għandha tiġi
mistiedna tipparteċipa. Artikolu
8f
Linji gwida għat-titjib tas-sikurezza nukleari Abbażi
tar-riżultati tar-reviżjonijiet bejn il-pari mwettqa skont
l-Artikolu 8e(2) u r-rakkomandazzjonijiet tekniċi li
jirriżultaw, f’konformità mal-prinċipji ta’ trasparenza u titjib
kontinwu tas-sikurezza nukleari, l-Istati Membri għandhom,
bl-appoġġ tal-awtoritajiet regolatorji kompetenti, b’mod konġunt
jiżviluppaw u jistabbilixxu linji gwida dwar it-temi speċifiċi
msemmija fl-Artikolu 8e(2)(a).". (12)
It-titolu li ġej iddaħħal wara
l-Kapitolu 2a: "KAPITOLU 2b DISPOŻIZZJONIJIET
ĠENERALI". (13)
Fl-Artikolu 9, il-paragrafu 3 ġie
revokat. (14)
L-Artikolu 9a li ġej iddaħħal
wara l-Artikolu 9: 'Artikolu 9a
Penali L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu
r-regoli dwar penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet
nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu
l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu
implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u
dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk
id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar
tard minn [daħħal id-data - din id-data trid tikkorispondi mad-data
tal-iskadenza għat-traspożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2 ta' din
il-proposta] u għandhom jinnotifikawha
mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.". (15)
Fl-Artikolu 10, il-paragrafu 1a li
ġej iddaħħal wara l-paragrafu 1: "1 a. L-obbligi tat-traspożizzjoni
u l-implimentazzjoni tal-Artikoli 6, 8a, 8b, 8c, 8d
u 9a ta’ din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw għal
Ċipru, l-Irlanda, il-Lussemburgu u Malta, sakemm ma jiddeċiedux li jiżviluppaw
xi attività marbuta mal-installazzjonijiet nukleari soġġetta
għal liċenzja taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.". Artikolu 2 1. L-Istati Membri għandhom
idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u
d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw
ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn id-data tal-iskadenza
għat-traspożizzjoni trid tiddaħħal matul il-proċess
leġiżlattiv]. Għandhom jikkomunikaw minnufih
lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk
id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din
id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza
fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati
Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza. 2. L-Istati Membri għandhom
jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin
tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva u ta’ kull emenda sussegwenti għal dawk
id-dispożizzjonijiet. Artikolu 3 Din id-Direttiva għandha tidħol
fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha
f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Artikolu 4 Din id-Direttiva hija ndirizzata
lill-Istati Membri. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] Konklużjoni tal-Kunsill Ewropew EUCO 10/1/11 [2] Il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka,
il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi,
ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, ir-Renju
Unit [3] L-NPP ta’ Ignalina qiegħda tiġi żarmata [4] COM 784 finali [5] Rapport ta’ Evalwazzjoni bejn il-Pari – Testijiet
tal-Istress fuq l-impjanti nukleari Ewropej www.ensreg.eu [6] Pjan ta’ Azzjoni tal-ENSREG dwar is-segwitu
tal-evalwazzjoni bejn il-pari tat-testijiet tal-istress imwettqa fuq l-impjanti
nukleari Ewropej [7] COM (2012) 571, 04.10.2012 [8] Huma disponibbli 17-il Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali fuq
il-websajt tal-ENSREG www.ensreg.eu [9] http://www.ensreg.eu/ensreg-conferences [10] P7_TA(2011)0318 [11] P7_TA(2011)0327 [12] P7_TA(2013)0089 [13] TEN/498 [14] ĠU L 172, 2.7.2009 [15] Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
tal-10 ta’ Diċembru 2002 [2002] ECR I-11221 [16] Qabel kienu jeżistu biss żewġ
Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill legalment mhux vinkolanti tat 22 ta’ Lulju 1975
u t-18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-problemi
teknoloġiċi tas-sikurezza nukleari [17] INFCIRC/449
tal-5 ta’ Lulju 1994 [18] Serje Standard tas-Sikurezza tal-IAEA SF-1 (2006) [19] Id-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom li
tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sikurezza għall-ħarsien
tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra
l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti [20] Proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni
tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar Mekkaniżmu għall-Protezzjoni
Ċivili tal-Unjoni (COM/2011/934 finali), li inter alia għandha
l-intenzjoni li tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/779
tat-8 ta’ Novembru 2007 li tistabbilixxi Mekkaniżmu
Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili (imfassla mill-ġdid). [21] COM(2002)
704 finali [22] Pereżempju, l-ewwel Konferenza ENSREG
fit-28-29 ta’ Ġunju 2011, Konferenza tal-Partijiet
Interessanti fis-17 ta’ Jannar 2012, Dibattitu Pubbliku u
Riżultati tal-Evalwazzjonijiet bejn il-Pari
fit-8 ta’ Mejju 2012 It-tieni Konferenza ENSREG hija skedata
għal Ġunju 2013. eż Qafas Governattiv, Legali u Regolatorju
għas-Sikurezza, Rekwiżiti tas-sikurezza ġenerali –Standards
tas-sikurezza tal-IAEA numru tas-serje. [23] L-Opinjoni tal-EESC (TEN/529) tat-2 ta' Settembru 2013
dwar l-Abbozz tal-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda
d-Direttiva 2009/71/EURATOM li tistabbilixxi Qafas tal-Komunità
għas-sikurezza nukleari tal-installazzjonijiet nukleari. [24] GSR parti 1 [25] Serje ta’ workshops internazzjonali bejn l-2009-2013
bil-parteċipazzjoni tad-DĠ ENER, id-DĠ ENV min-naħa
tal-Kummissjoni u l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Kumitati u l-Kummissjoni
tal-Informazzjoni - Franċiża “Kummissjonijiet Lokali
tal-Informazzjoni” (CLIs) u l-federazzjoni nazzjonali tagħhom (ANCCLI) [26] Konvenzjoni dwar l-aċċess
għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid
tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja
fil-kwistjonijiet ambjentali, ratifikata fis-17 ta’ Frar 2005
mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE [27] ĠU L 159, 29.6.1996, p. 1. [28] C-187/87 (1988 ECR p. 5013), C-376/90 (1992 ECR I-6153)
u C-29/99 (2002 ECR I-11221). [29] ĠU L
172, 6.5.2004, p. 7. [30] ĠU L 172, 2.7.2009. p. 18. [31] ĠU L 318, 11.12.1999, p. 20. [32] Prinċipji Fundamentali tas-Sikurezza tal-IAEA:
Prinċipji fundamentali tas-sikurezza, Serje ta’ Standards tas-Sigurtà
tal-IAEA Nru SF-1 (2006). [33] ĠU L 199, 2.8.2011. p. 48. [34] Adottati mill-COREPER
fil-25 ta’ April 2007 (Ref. dok. 8784/07) u l-Kunsill
għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji
fit-8 ta’ Mejju 2007. [35] ĠU L 195, 27.7.2007, p. 44. [36] Kunsill Ewropew, EUCO 10/1/11. [37] Rapport tal-Analiżi Inter Pares tal-ENSREG –
Testijiet taħt Stress imwettqa fuq impjanti nukleari Ewropej,
25 ta’ April 2012. [38] COM(2011) 784
finali. [39] COM (2012) 571 finali. [40] ĠU L 26, 28.01.2012, p.1 - verjżjoni
kodifikata tad-Direttiva 85/337/KEE dwar il-valutazzjoni tal-effetti ta’
ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata. [41] Proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Mekkaniżmu ta’ Protezzjoni
Ċivili tal-Unjoni (COM/2011/934 finali). [42] ĠU L 371, 30.12.1987, p. 76. [43] ĠU L 357, 7.12.1989, p.31.