52013PC0689

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehimiet fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth tal-Awstralja, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, il-Kanada, ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Ħong Kong tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Indja u l-Ġappun skont l-Artikolu XXI tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) 1994, rigward il-modifiki tal-impenji fl-iskedi tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija matul l-adeżjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea /* COM/2013/0689 final */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Kull Membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) ehmeż mal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (minn issa 'l quddiem imsejjaħ: GATS) lista ta' impenji speċifiċi li tinkludi l-kundizzjonijiet tal-aċċess għas-suq u t-trattament nazzjonali għal kull settur tas-servizz u, fejn applikabbli, tal-eċċezzjonijiet għall-klawżola tan-Nazzjon l-Aktar Iffavorit.

Fdak iż-żmien, il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha ppreżentaw, fl-aħħar tas-Sessjoni tal-Urugwaj (1994), skeda unika ta’ impenji u ta’ eżenzjonijiet tan-Nazzjon l-Aktar Iffavorit li rriflettew l-obbligi tagħhom fil-konfront ta’ pajjiżi terzi (KE-12).

Fl-2003, il-Komunitajiet Ewropej[1] nedew il-konsolidazzjoni tal-iskeda tal-GATS KE-12 u tat-13-il skeda tal-GATS separati tal-Istati Membri tal-KE li ngħaqdu mal-KE fl-1995 u fl-2004 (jiġifieri, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Finlandja, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Renju tal-Isvezja).

In-negozjati mal-Membri tad-WTO u l-proċess ta’ ċertifikazzjoni tal-iskeda l-ġdida tal-GATS tal-KE-25 ġew konklużi fi tmiem l-2006. Bħalissa għaddejja l-konklużjoni tal-ftehimiet iffirmati mal-Membri differenti tad-WTO li huma affettwati (qed tiġi mistennija r-ratifika f’ħames Stati Membri).

Wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija fl-UE, l-iskedi tal-GATS tagħhom għandhom jiġu kkonsolidati ma’ dik tal-UE-25 u tnieda l-proċess ta’ konsolidazzjoni tal-iskeda ċċertifikata tal-GATS tal-UE-25 u tal-iskedi tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija (UE-27).

B’Komunikazzjoni skont l-Artikolu V tal-GATS (li ċċirkulat bħala d-dokument S/SECRET/11, bid-data tat-30 ta’ Ottubru 2007, u S/SECRET/11/Corr.1, bid-data tas-26 ta’ Novembru 2007), il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha nnotifikaw l-intenzjoni tagħhom li jimmodifikaw l-impenji inklużi fil-lista ta’ impenji mehmuża mal-Komunikazzjoni fid-dawl tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija mal-UE (“UE 27”).

Fil-31 ta’ Jannar 2008, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni li tiftaħ negozjati ma’ ċerti Membri oħrajn tad-WTO skont l-Artikolu XXI tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) 1994, bil-għan li jintlaħaq ftehim dwar kwalunkwe aġġustament kumpensatorju meħtieġ li jirriżulta mill-modifika tal-impenji kummerċjali tal-GATS bħala konsegwenza tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija mal-Unjoni Ewropea.

Wara s-sottomissjoni ta’ dik il-Komunikazzjoni, il-Commonwealth tal-Awstralja, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, il-Kanada, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Indja, ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Ħong Kong tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-Ġappun u l-Istati Uniti tal-Messiku[2] ppreżentaw dikjarazzjonijiet rispettivi ta’ interess.

Skont il-paragrafu 4 tal-proċeduri għall-implimentazzjoni tal-Artikolu XXI tal-GATS (S/L/80), il-Membru modifikanti u kull Membru li jikkunsidra lilu nnifsu affettwat, jidħol f’negozjati bil-ħsieb li jilħaq ftehim fi żmien tliet xhur mill-aħħar data li fiha tkun tista' ssir dikjarazzjoni ta’ interess.

In-negozjati mal-Commonwealth tal-Awstralja, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, il-Kanada, ir-Repubblika tal-Indja, ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Ħong Kong tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Ġappun irriżultaw fl-abbozz ta’ Ftehimiet fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri li ġew inizjalati min-naħa tal-UE fi XXXX [data li għandha tidaħħal aktar tard] u min-naħa tal-Commonwealth tal-Awstralja, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, il-Kanada, ir-Repubblika tal-Indja, ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Ħong Kong tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Ġappun fi XXXX [data li għandha tiddaħħal aktar tard].

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

In-negozjati tmexxew mill-Kummissjoni fil-qafas tad-direttivi ta' negozjati maħruġa mill-Kunsill[3]. Il-Kunsill (TPC) u l-Parlament Ewropew (INTA) ġew infurmati bit-test tal-abbozz tal-Ftehimiet qabel ma ġie inizjalat.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Din il-proposta titlob lill-Kunsill li jawtorizza l-iffirmar tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri mal-Commonwealth tal-Awstralja, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, il-Kanada, ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Ħong Kong tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Indja u l-Ġappun.

B'mod parallel, qiegħda titressaq ukoll proposta separata dwar il-konklużjoni ta’ dawn il-Ftehimiet.

Ladarba d-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' dawn il-Ftehimiet tiġi adottata, il-Kummissjoni se tniedi l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni stipulata permezz tar-regoli applikabbli tad-WTO.

2013/0331 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehimiet fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth tal-Awstralja, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, il-Kanada, ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Ħong Kong tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Indja u l-Ġappun skont l-Artikolu XXI tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) 1994, rigward il-modifiki tal-impenji fl-iskedi tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija matul l-adeżjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikoli 207(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Fil-31 ta’ Jannar 2008, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni li tiftaħ negozjati ma’ ċerti Membri oħrajn tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ skont l-Artikolu XXI tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) 1994, bil-għan li jintlaħaq ftehim dwar kwalunkwe aġġustament kumpensatorju meħtieġ li jirriżulta mill-modifika tal-impenji kummerċjali tal-GATS bħala konsegwenza tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea.

(2)       In-negozjati tmexxew mill-Kummissjoni fi ħdan il-qafas tad-direttivi ta’ negozjar adottati mill-Kunsill.

(3)       Dawn in-negozjati ġew konklużi u l-Ftehimiet fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth tal-Awstralja, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, il-Kanada, ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Ħong Kong tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Indja u l-Ġappun skont l-Artikolu XXI tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) 1994, rigward il-modifika tal-impenji fl-iskedi tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija matul l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea (“il-Ftehimiet”) inbdew minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea fi xxxxxx u minn rappreżentant tal-Commonwealth tal-Awstralja, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, il-Kanada, ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Ħong Kong tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Indja u l-Ġappun fi xxxxxx , rispettivament.

(4)       Il-Ftehimiet għandhom jiġu ffirmati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehimiet fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth tal-Awstralja, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, il-Kanada, ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Ħong Kong tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Indja u l-Ġappun skont l-Artikolu XXI tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) 1994, rigward il-modifiki tal-impenji fl-iskedi tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija matul l-adeżjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea ("il-Ftehimiet") huwa b'dan awtorizzat f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehimiet imsemmija ([4]).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar lill-persuna/i bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehimiet f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               Issa: L-Unjoni Ewropea (UE)

[2]               Il-Messiku u ċ-Ċina rtiraw l-allegazzjonijiet tagħhom aktar tard.

[3]               5291/08 bid-data tal-31 ta’ Jannar 2008

[4]               It-test tal-Ftehimiet se jkun ippubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.

ANNESS

għall-

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehimiet f'għamla ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth tal-Awstralja, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, il-Kanada, ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Indja u l-Ġappun skont l-Artikolu XXI tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) 1994, rigward il-modifika tal-impenji fl-iskedi tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija matul l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea

FTEHIM F'GĦAMLA TA’ SKAMBJU TA’ ITTRI

bejn l-Unjoni Ewropea u XXXXX skont l-Artikolu XXI tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) 1994 rigward il-modifika tal-impenji fl-iskedi tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija matul l-adeżjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea.

A. Ittra mill-Unjoni Ewropea

Post, data

Sinjur,

Wara negozjati skont l-Artikolu XXI tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) 1994 fir-rigward tal-modifika fl-Iskedi tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija matul l-adeżjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea, għandi l-unur li nibgħatlek l-ittra konġunta mehmuża kif ukoll l-abbozz tar-rapport dwar ir-riżultat tan-negozjati mmexxija skont l-Artikolu XXI:2(a) tal-GATS.

Ir-rapport jinkludi żewġ annessi: (1) modifiki proposti fin-notifiki u (2) l-elementi miftiehma dwar il-pakkett ta' kumpens.

Napprezza jekk tikkonferma li l-Gvern tiegħek jaqbel mal-kontenut ta’ din l-ittra. Għandi l-unur nipproponilek li jekk ikun il-każ, din l-ittra flimkien mal-konferma tiegħek ikunu jikkostitwixxu Ftehim f'għamla ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u XXXXX (il-"Ftehim").

Jekk inti taqbel, nipproponi li inti wkoll tiffirma l-ittra konġunta u tagħmel l-inizjali tiegħek fir-rapport anness ma' din il-ittra u tibgħat lura dawn id-dokumenti, li imbagħad jien niffirma u nagħmel l-inizjali tiegħi u nibgħathom lis-Segretarjat tad-WTO, skont il-proċeduri tad-WTO.

Dejjem tiegħek,

Għall-Unjoni Ewropea:

B. Ittra minn XXXXX

Post, data

Sinjur,

Għandi l-unur ngħarrfek li rċevejt l-ittra tiegħek ta’ …, li tgħid hekk:

“Wara negozjati li saru skont l-Artikolu XXI tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) 1994 fir-rigward tal-modifika fl-Iskedi tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija matul l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea, għandi l-unur nibgħatlek l-ittra konġunta mehmuża kif ukoll l-abbozz tar-rapport dwar ir-riżultat tan-negozjati mmexxija skont l-Artikolu XXI:2(a) tal-GATS.

Ir-rapport jinkludi żewġ annessi: (1) modifiki proposti fin-notifiki u (2) l-elementi miftiehma dwar il-pakkett ta' kumpens.

Napprezza jekk tikkonferma li l-Gvern tiegħek jaqbel mal-kontenut ta’ din l-ittra. Għandi l-unur nipproponi li jekk ikun il-każ, din l-ittra flimkien mal-konferma tiegħek ikunu jikkostitwixxu Ftehim f'għamla ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u XXXXX (il-"Ftehim").

Jekk inti taqbel, nipproponi li inti wkoll tiffirma l-ittra konġunta u tagħmel l-inizjali tiegħek fir-rapport anness ma' din il-ittra u tibgħat lura dawn id-dokumenti, li imbagħad jien niffirma u nagħmel l-inizjali tiegħi u nibgħathom lis-Segretarjat tad-WTO, skont il-proċeduri tad-WTO."

B’dan għandi l-unur nesprimi l-qbil tal-Gvern tiegħi mal-ittra ta' hawn fuq.

Dejjem tiegħek,

F’isem XXXXX

Ittra konġunta

mill-Unjoni Ewropea fuq naħa waħda, u XXXXX, fuq in-naħa l-oħra, skont il-paragrafu 5 tal-Proċeduri għall-implimentazzjoni tal-Artikolu XXI tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) (S/L/80 tad-29 ta’ Ottubru 1999) rigward il-modifiki proposti fl-Iskedi tal-GATS tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem l-UE) biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea

Fit-22 ta’ Ottubru 2007, l-Unjoni Ewropea (“UE”) bagħtet Komunikazzjoni skont l-Artikolu V tal-GATS (iċċirkolata bħala dokument S/SECRET/11, bid-data tat-30 ta’ Ottubru 2007[1]), li biha nnotifikat l-intenzjoni tagħha li timmodifika impenji speċifiċi inklużi fil-lista mehmuża mal-Komunikazzjoni, skont l-Artikolu V:5 tal-GATS u skont it-termini tal-Artikolu XXI:1(b) tal-GATS.

Wara s-sottomissjoni tal-Komunikazzjoni, XXXXX ressaq dikjarazzjoni ta’ interess skont l-Artikolu XXI:2(a) tal-GATS (XXXX). L-UE u XXXXX daħlu f'negozjati skont l-Artikolu XXI:2(a) tal-GATS fir-rigward ta' S/SECRET/11.

Rigward il-proċedura mibdija bin-notifika li kienet tinsab fid-dokument S/SECRET/11, il-perjodu inizjali għan-negozjati, li skada fl-14 ta' Marzu 2008, ġie estiż (permezz ta' ftehim reċiproku) tlettax-il darba ((sal-25 ta' April 2008, sas-6 ta' Ġunju 2008, sas-6 ta' Ottubru 2008, sad-9 ta' Jannar 2009, sas-27 ta' Marzu 2009, sas- 26 ta' Ġunju 2009, sal- 31 ta' Jannar 2010, sat- 30 ta' Settembru 2010, sat- 30 ta' Ġunju 2011, sad- 29 ta' Ġunju 2012, sal- 15 ta' Jannar 2013, sal- 15 ta' Lulju 2013 u fl-aħħar sal-15 ta' Jannar 2014)). Wara dawn in-negozjati, l-UE u XXXXX qablu dwar aġġustamenti kumpensatorji relatati mal-modifiki li jinsabu fid-dokument S/SECRET/11.

Ir-Rapport dwar ir-riżultat ta’ dawn in-negozjati, li huwa mehmuż ma’ din l-ittra, jinkludi (1) il-modifiki proposti fin-notifika msemmija hawn fuq u (2) l-aġġustamenti ta’ kumpens miftiehma fir-rigward tal-modifiki nnotifikati f’S/SECRET/11.

Din l-ittra flimkien mal-Annessi I u II tar-rapport mehmuż magħha jikkostitwixxu l-ftehim bejn l-UE u XXXXX fir-rigward ta’ S/SECRET/11 għall-finijiet tal-Artikolu XXI:2 (a) tal-GATS u l-proċeduri li jinsabu fil-paragrafi 5 u 6 ta’ S/L/80.[2] Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat bħala li jimmodifika l-Listi tal-Eżenzjonijiet tal-Artikolu II tal-UE. Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat bħala li jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet skont l-Artikolu VIII tal-GATS.

Sabiex jikkonformaw mal-proċeduri msemmija fil-paragrafi 20 sa 22 ta’ S/L/80, l-UE, hekk kif jitlestew il-proċeduri ta’ approvazzjoni interni rilevanti tal-UE, se tiċċirkola permezz tas-Segretarjat għaċ-ċertifikazzjoni l-modifiki u aġġustamenti kumpensatorji stabbiliti f’dan il-Ftehim fil-forma ta’ abbozz ta' skeda kkonsolidata. Dan l-abbozz ta' skeda se jirriżulta meta jingħaqdu l-iskedi eżistenti ta' impenji tal-UE u billi jiddaħħlu f'dawn l-iskedi kemm il-modifiki tal-impenji nnotifikati mill-UE skont id-dokument S/SECRET/11 kif ukoll l-aġġustamenti kompensatorji maqbula bejn l-UE u XXXXX.

Skont il-paragrafu 20 ta’ S/L/80 l-iskeda ċċertifikata se tidħol fis-seħħ malli jiġi konkluż perjodu ta’ 45 ġurnata mid-data ta’ ċirkolazzjoni, sakemm ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni minn Membru għal raġuni li l-abbozz ta' skeda ma jkunx jirrifletti sewwa r-riżultati tal-azzjoni skont l-Artikolu XXI u/jew li l-modifiki li jinsabu fl-abbozz ta’ skeda jaqbżu lil dawk inizjalment notifikati. B'riżultat ta' dan, il-modifiki proposti fid-domumenti S/SECRET/11 ma għandhomx jidħlu fis-seħħ sakemm ikunu daħlu fis seħħ l-aġġustamenti kumpensatorji kollha indikati fl-Anness II.

Dan il-Ftehim huwa mfassal f’żewġ kopji fil-lingwa Ingliża, Franċiża u Spanjola, kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiċi.

           

Missjoni Permanenti tal-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ || Missjoni Permanenti ta' XXXXX fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

Magħmul fi: || Magħmul fi:

Data: || Data:

Rapport

dwar ir-riżultat tan-negozjati mmexxija skont l-Artikolu XXI:2(a) tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) rigward il-modifiki proposti fl-Iskedi tal-GATS tal-Unjoni Ewropea (minn hawn’ il quddiem “l-UE”) sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea,

Skont il-paragrafu 5 tal-Proċeduri għall-implimentazzjoni tal-Artikolu XXI tal-GATS (S/L/80 tad-29 ta' Ottubru 1999), l-UE tressaq dan ir-rapport li ġej:

1.           Fit-22 ta’ Ottubru 2007, l-UE bagħtet Komunikazzjoni skont l-Artikolu V tal-GATS (iċċirkolata bħala dokument S/SECRET/11, bid-data tat-30 ta’ Ottubru 2007[3]), li biha nnotifikat l-intenzjoni tagħha li timmodifika l-impenji speċifiċi inklużi fil-lista mehmuża mal-Komunikazzjoni, skont l-Artikolu V:5 tal-GATS u skont it-termini tal-Artikolu XXI:1(b) tal-GATS.

2.           XXXXX ressaq dikjarazzjoni ta’ interess skont l-Artikolu XXI:2(a) tal-GATS (XXXX). L-UE u XXXXX daħlu f'negozjati skont l-Artikolu XXI:2(a) tal-GATS fir-rigward ta' S/SECRET/11.

3.           Rigward il-proċedura mibdija bin-notifika li tinsab fid-dokument S/SECRET/11, il-perjodu inizjali għan-negozjati, li skada fl-14 ta' Marzu 2008, ġie estiż (permezz ta' ftehim reċiproku) tlettax-il darba (sal-25 ta' April 2008, sas-6 ta' Ġunju 2008, sas-6 ta' Ottubru 2008, sad-9 ta' Jannar 2009, sas-27 ta' Marzu 2009, sas- 26 ta' Ġunju 2009, sal- 31 ta' Jannar 2010, sat- 30 ta' Settembru 2010, sat- 30 ta' Ġunju 2011, sad- 29 ta' Ġunju 2012, sal- 15 ta' Jannar 2013, sal- 15 ta' Lulju 2013 u fl-aħħar sal-15 ta' Jannar 2014).

4.           Wara dawn in-negozjati, l-UE u XXXXX qablu dwar aġġustamenti kumpensatorji relatati mal-modifiki li jinsabu fid-dokument S/SECRET/11. L-Annessi I u II ta' dan ir-rapport, flimkien mal-ittra konġunta mehmuża miegħu, jikkostitwixxu l-ftehim bejn l-UE u XXXXX rigward S/SECRET/11 għall-finijiet tal-Artikolu XXI:2(a) tal-GATS.[4] Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat bħala li jimmodifika l-listi tal-Eżenzjonijiet tal-Artikolu II tal-UE. Dan il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat bħala li jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet skont l-Artikolu VIII tal-GATS.

5.           Fid-dawl ta' dan kollu, il-modifiki proposti u l-aġġustamenti kumpensatorji miftiehma huma inkorporati fl-abbozz tal-iskeda kkonsolidata tal-GATS tal-UE, li rriżulta meta ngħaqdu l-iskedi eżistenti tal-impenji tal-UE u meta ddaħħlu fih kemm il-modifiki tal-impenji nnotifikati mill-UE skont id-dokument S/SECRET/11 kif ukoll l-aġġustamenti kumpensatorji miftiehma bejn l-UE u XXXXX.

6.           Sabiex jikkonformaw mal-proċeduri msemmija fil-paragrafi 20 sa 22 ta’ S/L/80, meta jitlestew il-proċeduri ta’ approvazzjoni interni rilevanti, l-UE se tiċċirkola, permezz tas-Segretarjat għaċ-ċertifikazzjoni, il-modifiki u l-aġġustamenti kumpensatorji stabbiliti f’dan il-ftehim fil-forma ta’ abbozz ta' skeda kkonsolidata. Dan l-abbozz ta' skeda se jirriżulta billi jingħaqdu l-iskedi eżistenti ta' impenji tal-UE u billi jiddaħħlu f'dawn l-iskedi kemm il-modifiki tal-impenji nnotifikati mill-UE skont id-dokument S/SECRET/11 kif ukoll l-aġġustamenti kompensatorji maqbula bejn l-UE u XXXXX.

7.           Skont il-paragrafu 20 ta’ S/L/80 l-iskeda ċċertifikata se tidħol fis-seħħ malli jiġi konkluż perjodu ta’ 45 ġurnata mid-data ta’ ċirkolazzjoni, sakemm ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni minn Membru għal raġuni li l-abbozz ta' skeda ma jkunx jirrifletti sewwa r-riżultati tal-azzjoni skont l-Artikolu XXI u/jew li l-modifiki li jinsabu fl-abbozz ta’ skeda jaqbżu lil dawk inizjalment notifikati. B'riżultat ta' dan, il-modifiki proposti fid-domumenti S/SECRET/11 ma għandhomx jidħlu fis-seħħ sakemm ikunu daħlu fis seħħ l-aġġustamenti kumpensatorji kollha indikati fl-Anness II.

ANNESS I

Modifiki nnotifikati fid-dokument S/SECRET/11:

Impenji Orizzontali

1.           Aċċess għas-suq: " L-Istati Membri kollha tal-KE: is-servizzi meqjusa bħala utilitajiet pubbliċi f'livell nazzjonali jew lokali jistgħu jkunu soġġetti għal monopolji pubbliċi jew għal drittijiet esklussivi mogħtija lill-operaturi privati[5]." Din l-annotazzjoni ma kinitx inkluża fl-iskeda tal-impenji speċifiċi tal-Bulgarija u tar-Rumanija.. Din il-limitazzjoni issa tapplika għall-Istati Membri kollha.

2.           Il-limitazzjonijiet fit-trattament nazzjonali fuq il-fergħat, l-aġenziji u l-uffiċċji rappreżentattivi skont il-modalità 3: "L-Istati Membri kollha tal-KE: It-trattament mogħti lil sussidjarji (ta' kumpaniji ta' pajjiżi terzi) magħmul skont il-liġi ta' Stat Membru u li għandhom l-uffiċċju reġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post ewlieni ta' negozju tagħhom fil-Komunitajiet, mhuwiex estiż għal fergħat jew aġenziji stabbiliti fi Stat Membru minn kumpanija ta' pajjiż terz. Madanakollu, dan m’għandux iżomm Stat Membru milli jestendi dan it-trattament għal fergħat jew aġenziji stabbiliti fi Stat Membru ieħor minn kumpanija jew ditta ta' pajjiż terz, rigward l-operat tagħhom fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, sakemm tali estensjoni ma tkunx ipprojbita b’mod espliċitu mil-liġi Komunitarja.[6])". Din l-annotazzjoni ma kinitx inkluża fl-iskeda tal-impenji speċifiċi tal-Bulgarija u tar-Rumanija. Din il-limitazzjoni issa tapplika għall-Istati Membri kollha.

3.           Il-limitazzjonijiet fit-trattament nazzjonali fuq is-sussidjarji skont il-modalità 3: "L-Istati Membri kollha: Trattament anqas favorevoli jista' jingħata lil sussidjarji (ta' kumpaniji ta' pajjiżi terzi) magħmula skont il-liġi ta' Stat Membru li għandhom biss l-uffiċċju reġistrat tagħhom fit-territorju tal-Komunitajiet, sakemm ma jkunx jista' jintwera li għandhom rabta effettiva u kontinwa mal-ekonomija ta' wieħed mill-Istati Membri.[7]).". Din l-annotazzjoni ma kinitx inkluża fl-iskeda tal-impenji speċifiċi tal-Bulgarija u tar-Rumanija.. Din il-limitazzjoni issa tapplika għall-Istati Membri kollha.

4.           Il-limitazzjonijiet fit-trattament nazzjonali fuq is-sussidjarji skont il-modalità 3: " L-Istati Membri kollha minbarra l-HU, il-PL: L-eliġibilità għas-sussidji mill-Komunitajiet Ewropej jew mill-Istati Membri tista' tiġi limitata għal persuni ġuridiċi stabbiliti fit-territorju ta' Stat Membru jew f'sottodiviżjoni ġeografika partikolari tiegħu. M'hemmx irbit rigward sussidji għar-riċerka u l-iżvilupp. Il-forniment ta’ servizz, jew is-sussidjar tiegħu, fis-settur pubbliku mhuwiex ksur ta’ dan l-obbligu.

L-Istati Membri kollha minbarra AAT, BG, CY, CZ, EE, FI, HU, LT, LV, MT, PL, SE u SK: M'hemmx obbligi rigward fergħat stabbiliti fi Stat Membru minn kumpannija mhux Komunitarja.

HU, PL: M'hemmx obbligi".

L-iskeda ta’ impenji speċifiċi tal-Bulgarija u tar-Rumanija ma kinitx tinkludi l-limitazzjoni fuq is-sussidji skont il-modalità 3 iskritta fl-iskeda tal-KE u l-Istati Membri tagħha. Issa din il-limitazzjoni ġiet estiża għal dawn l-Istati Membri.

5.           Il-limitazzjonijiet fit-trattament nazzjonali fuq is-sussidji skont il-modalità 4: "L-Istati Membri kollha minbarra AT, PL: sal-punt li kwalunkwe sussidji jkunu disponibbli għal persuni fiżiċi, id-disponibilità tagħhom tista' tkun limitata għal ċittadini ta' Stat Membru tal-Komunitajiet. AT, PL: M'hemmx obbligi." L-iskeda ta’ impenji speċifiċi tar-Rumanija ma kinitx tinkludi l-limitazzjoni fuq is-sussidji skont il-modalità 4 iskritta fl-iskeda tal-KE u l-Istati Membri tagħha. Issa din il-limitazzjoni ġiet estiża għal dan l-Istat Membru.

ANNESS II

KUMPENS MINGĦAND IL-KE

– Servizzi ta’ telekomunikazzjoni

– L-allinjament tal-impenji tal-Bulgarija u tar-Rumanija ma’ dawk tal-KE-25;

– Servizzi finanzjarji

– Titjib tal-impenji tal-Bulgarija u tar-Rumanija fis-settur tal-assigurazzjoni kif ġej:

Għall-Bulgarija:

Servizzi finanzjarji

A. L-Assigurazzjoni u s-servizzi Relatati mal-Assigurazzjoni

Modalità 3: jitħassar ir-rekwiżit ta' ħames(5) snin għall-fergħat barranin:

Għar-Rumanija:

Servizzi finanzjarji

A. L-Assigurazzjoni u s-servizzi relatati mal-assigurazzjoni Riassigurazzjoni u retroċessjoni

Il-modalitajiet 1) u 2) Xejn, titħassar il-limitazzjoni "għajr li r-riassigurazzjoni fis-suq internazzjonali hija permessa biss jekk ir-riskju riassigurat ma jistax jitpoġġa fis-suq domestiku."

It-taqsiriet li ġejjin jintużaw sabiex jindikaw l-Istati Membri:

             AT             l-Awstrija

             BE              il-Belġju

             BG              il-Bulgarija

             CY              Ċipru

             CZ              ir-Repubblika Ċeka              

             DE              il-Ġermanja

             DK             id-Danimarka

             EE               l-Estonja

             EL               il-Greċja

             ES               Spanja

             FI                il-Finlandja

             FR              Franza

             HU             l-Ungerija

             IE                l-Irlanda

             IT               l-Italja

             LT              il-Litwanja

             LU              il-Lussemburgu

             LV              il-Latvja

             MT             Malta

             NL              il-Pajjiżi l-Baxxi     

             PL               il-Polonja

             PT              il-Portugall

             RO              Ir-Rumanija

             SE               l-Isvezja

             SI                is-Slovenja

             SK              ir-Repubblika Slovakka

             UK             ir-Renju Unit

[1]               Corrigendum iċċirkolat bħala d-dokument S/SECRET/11/corr.1, bid-data tas-26 ta’ Novembru 2007

[2]               Dan il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat li jippreġudika r-riżultat ta' diskussjonijiet separati fid-WTO dwar il-klassifikazzjoni tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni (telekomunikazzjonijiet bażiċi u servizzi b'valur miżjud).

[3]               Corrigendum iċċirkolat bħala d-dokument S/SECRET/11/corr.1, bid-data tas-26 ta’ Novembru 2007

[4]               Dan il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat li jippreġudika r-riżultat ta' diskussjonijiet separati fid-WTO dwar il-klassifikazzjoni tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni (telekomunikazzjonijiet bażiċi u servizzi b'valur miżjud).

[5]               Nota ta’ spjegazzjoni: Is-servizzi ta’ utilità pubblika jeżistu f’setturi bħalma huma servizzi ta’ konsultazzjoni xjentifika u teknika relatati, servizzi ta’ riċerka u żvilupp fix-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi, servizzi ta’ ttestjar u analiżi teknika, servizzi ambjentali, servizzi tas-saħħa, servizzi tat-trasport u servizzi awżiljari għal kull mod ta’ trasport. Id-drittijiet esklussivi fuq servizzi bħal dawn spiss jingħataw lil operaturi privati, pereżempju operaturi b’konċessjonijiet mill-awtoritajiet pubbliċi, soġġetti għal obbligi ta’ servizz speċifiċi. Minħabba li s-servizzi ta’ utilità pubblika spiss jeżistu wkoll fuq livell sub-ċentrali, skedar speċifiku għas-settur li jkun dettaljat u komprensiv mhuwiex prattiku. Din il-limitazzjoni ma tapplikax għal servizzi ta' telekomunikazzjoni u ta' kompjuter u servizzi relatati.

[6]               Fir-rigward tal-Awstrija tapplika wkoll għall-modalitajiet 1 u 4.

[7]               Fir-rigward tal-Awstrija tapplika wkoll għall-modalitajiet 1 u 4.