52013PC0627

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi miżuri biex jitlesta s-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika u biex jinkiseb Kontinent Konness, u li jemenda d-Direttivi 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/22/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1211/2009 u (UE) Nru 531/2012. /* COM/2013/0627 final - 2013/0309 (COD) */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1. L-għanijiet tal-proposta

L-Ewropa trid tesplora sorsi ġodda ta' tkabbir biex terġa' ssir kompetittiva, tagħti spinta lill-innovazzjoni u toħloq impjiegi ġodda. L-ekonomija globali qed tevolvi f'ekonomija tal-internet, u l-ICT għandha tingħaraf bis-sħiħ bħala sors ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. L-Ewropa ma taffordjax li tirrinunzja l-benefiċċji tat-teknoloġiji konnessi li jammontaw għal 50 % f'kisbiet produttività f’dawn l-aħħar snin, madwar is-setturi kollha; li joħolqu ħames impjiegi għal kull tnejn mitlufa; li huma inċentivgħal servizzi innovattivi ġodda li malajr jistgħu jilħqu skala globali jekk jitħallew jikbru. Dan hija ċ-ċavetta biex l-Ewropa toħroġ aktar b’saħħitha mill-kriżi: nidirizzaw l-ostakli għat-tkabbir li jirriżultaw mill-frammentazzjoni ta' bħalissa. Dan ġie rikonoxxut bis-sħiħ mill-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa tal-2013, li l-Konklużjonijiet tiegħu pprevedew li l-Kummissjoni għandha tirrapporta sa Ottubru 2013 dwar l-ostakli li jkun fadal għat-tlestija ta' Suq Uniku Diġitali li jiffunzjona bis-sħiħ, u tippreżenta mill-aktar fis miżuri konkreti għall-ħolqien tas-suq uniku fl-informazzjoni u t-teknoloġija tat-telekomunikazzjonijiet

L-għan ġenerali tal-proposta hu li nimxu lejn suq uniku għall-komunikazzjoni elettronika li fih:

- iċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jaċċessaw servizzi tal-komunikazzjoni elettronika kull fejn huma pprovduti fl-Unjoni, mingħajr restrizzjonijiet transfruntieri jew spejjeż addizzjonali mhux ġustifikati;

- il-kumpaniji li jipprovdu netwerks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika jkunu jistgħu joperaw u jipprovduhom kull fejn ikunu stabbiliti jew kull fejn ikunu jinsabu l-klijenti tagħhom fl-UE.

Din il-mira ambizzjuża hija importanti fiha nnifsha, wara aktar minn deċennju ta’ interventi leġiżlattivi tal-Unjoni biex jilliberalizzaw u jintegraw dawn is-swieq. Huma għalhekk dejjem aktar vitali miżuri urġenti u deċiżiva biex tintlħaq din il-mira, kif stipulat f’din il-proposta, għax uħud minnhom se jieħdu ż-żmien, wara l-adozzjoni, biex jipproduċu l-effetti kollha tagħhom. Suq uniku għall-komunikazzjonijiet elettroniċi jippromwovi l-kompetizzjoni, l-investiment u l-innovazzjoni fin-netwerks u s-servizzi billi jrawwem l-integrazzjoni tas-suq u l-investiment transfruntieri f’netwerks u l-forniment ta’ servizzi. Il-miżuri speċifiċi proposti għandhom iwasslu għal livelli ogħla ta’ kompetizzjoni fuq il-kwalità tal-infrastruttura kif ukoll fuq il-prezz, innovazzjoni u differenzjazzjoni aktar b’saħħithom, inkluż fil-mudelli tan-negozju, u ppjanar aktar faċli tal-elementi kummerċjali u tekniċi ta’ deċiżjonijiet ta’ investiment rigward id-dħul jew l-espansjoni fuq swieq fissi jew bla wajers. Dan sejjer għalhekk jirfed miżuri oħra li jkunu ttieħdu biex jippromwovu l-miri ambizzjużi għall-broadband stabbiliti fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa kif ukoll l-istabbiliment ta’ Suq Uniku Diġitali ġenwin fejn il-kontenut, l-applikazzjoni u servizzi diġitali oħrajn jistgħu jiċċirkolaw b’mod ħieles. Livelli mtejba ta’ kompetizzjoni u l-integrazzjoni tal-infrastruttura madwar l-Unjoni għandhom iwasslu wkoll għal tnaqqis fil-punti ta’ konġestjoni u għaldaqstant hemm il-ħtieġa għal regolazzjoni ex ante tas-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, li biż-żmien jagħmluh lil dans is-settur bħal kwalunkwe settur ekonomiku ieħor suġġett għal regolamentazzjoni orizzontali u r-regoli tal-kompetizzjoni.

Id-disponibbiltà dejjem akbar ta' infrastrutturi u servizzi diġitali min-naħa tagħha tkabbar l-għażla tal-konsumaturi u l-kwalità tas-servizz, u tgħin għall-koeżjoni territorjali u soċjali, kif ukoll biex tiffaċilitaf il-mobilità madwar l-UE; filwaqt li għall-ekonomija diġitali b’mod ġenerali, funzjonament aħjar fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fl-Unjoni kollha għandu jwassal għal għażla u kwalità akbar tal-kontributi min-naħa tan-negozju, li jippermettu l-kisba ta’ gwadanni fil-produttività assoċjati ma’ l-użu tal-ICT kif ukoll mas-servizzi pubbliċi mmodernizzati. L-għan aħħari hu li tintrifed il-kompetittività Ewropea f'dinja li dejjem tistrieħ aktar fuq l-ekonomija diġitali biex taħdem u tikber.

Sfidi kbar għas-suq uniku jinkludu: L-ewwel nett, it-tneħħija ta' ostakli mhux meħtieġa fir-reġim tal-awtorizzazzjoni u fir-regoli li japplikaw għal forniment tas-servizz sabiex awtorizzazzjoni miksuba fi Stat Membru wieħed tkun valida fl-Istati Membri kollha, u li l-operaturi jistgħu jipprovdu s-servizzi fuq il-bażi ta’ applikazzjoni konsistenti u stabbli tal-obbligi regolatorji. It-tieni, li tkun żgurata armonizzazzjoni akbar biex jiġu aċċessati inputs essenzjali billi: l-operaturi tat-telefonija mobbli jkunu żgurati kundizzjonijiet tal-assenjazzjoni prevedibbli u limiti taż-żmien koordinati għall-aċċess tal-ispettru għall-broadband bla wajers madwar l-UE; permezz tal-armonizzazzjoni ta' modi ta' aċċess tan-netwerks fissi Ewropej sabiex il-provdituri jistgħu aktar faċilment joffru s-servizzi tagħhom madwar is-suq uniku. It-tielet, li jkunu żgurati livelli għoljin komuni ta' protezzjoni tal-konsumatur madwar l-Unjoni u kundizzjonijiet kummerċjali komuni f'dan ir-rigward, inklużi miżuri li ftit ftit jeliminaw is-soprataxxi tar-roaming bil-mowbajl u jissalvagwardjaw aċċess għall-internet miftuħ. Dawn huma sfidi partikolari, li din il-proposta tagħti soluzzjonijiet preċiżi għalihom, iżda kollha huma vitali għat-teħid ta’ deċiżjonijiet kummerċjali u ta’ investiment f’dan is-settur, u għall-benefiċċju tal-konsumaturi jridu kollha jiġu indirizzati flimkien issa sabiex jinħarġu l-benefiċċji tas-suq uniku. Dawn jimxu id f''id mal-isfidi usa' tal-bini ta' suq diġitali uniku, bħar-regoli li japplikaw għall-kontenut online.

Biex l-Ewropej ikunu jistgħu jgawdu servizzi ġodda innovattivi ta' kwalità għolja, jeħtieġ jitħaffef l-investiment fl-infrastruttura tal-ġenerazzjoni li jmiss. L-ambjent regolatorju t-tajjeb huwa kruċjali biex jgħin ħalli jinħoloq suq dinamiku u kompetittiv. Għandu jipprovdi l-aħjar bilanċ ta' riskju u premju għal min lest jinvesti. U dan jista' jġib fi tmiemha l-frammentazzjoni fil-forniment tas-servizzi sabiex i-benefiċċji kollha jkunu disponibbli għall-industriji u l-utenti madwar l-UE. Sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni qed tadotta flimkien ma’ din il-proposta Rakkomandazzjoni dwar obbligi mhux diskriminatorji konsistenti u metodoloġiji tal-ikkostjar biex jippromwovu l-kompetizzjoni u jtejbu l-ambjent tal-investiment fil-broadband.[1] Din ir-Rakkomandazzjoni se tippromwovi l-kompetizzjoni u ttejjeb l-investimenti f’netwerks b’veloċità għolja billi tipprovdi stabbiltà fuq medda twila ta’ żmien lill-prezzijiet tal-aċċess għar-ram, tiżgura aċċess ugwali għan-netwerks tal-operaturi diġà stabbiliti, u tistipula l-kundizzjonijiet li taħthom ir-regolamentazzjoni tal-prezzijiet tan-netwerks NGA m’għadhiex ġustifikata, sabiex l-investituri f’tali netwerks ikollhom libertà akbar li jiskopru strateġiji tal-ipprezzar xierqa sabiex jiżguraw redditu finanzjarju fil-preżenza ta’ infrastrutturi li qed jikkompetu bħar-ram regolat, kif ukoll il-kejbil f’xi oqsma u, dejjem aktar, in-netwerks mobbli tar-4a’ ġenerazzjoni.

Din il-proposta għandha titqies ukoll fil-kuntest ta’ inizjattivi oħra reċenti jew imminenti f’dan il-qasam. Il-proposta tibni fuq id-direttivi prinċipali tal-2002 li jirregolaw il-forniment ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, kif emendati fl-2009, billi tintroduċi dispożizzjonijiet leġiżlattivi direttament applikabbli li joperaw flimkien mad-dispożizzjonijiet tad-direttivi dwar suġġetti bħall-awtorizzazzjoni, l-assenjar tal-ispettru u l-aċċess għan-netwerks. Il-proposta hija adottata fl-isfond tal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri biex tonqos l-ispiża biex isiru netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja[2], li diġà ħadet l-approċċ li tindirizza fi strument uniku numru ta’ elementi regolatorji distinti tal-ikkostjar fi stadji varji tal-proċess tal-investiment fin-netwerk li, meħuda flimkien, jippermettu li jitnaqqsu l-ispejjeż għall-introduzzjoni tal-broadband sa 30 %. Din il-proposta hija wkoll adottati bl-għarfien li r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-swieq relevanti[3] għandha tiġi riveduta fl-2014, u li x-xogħol preparatorju huwa avvanzat sew; l-adozzjoni u l-implimentazzjoni rapidi ta' din il-proposta jistgħu jippermettu tnaqqis fin-numru jew l-ambitu tas-swieq suġġetti għal regolazzjoni ex ante bħala parti mill-analiżi prospettiva tal-iżvilupp tal-kompetizzjoni f’suq uniku.

1.2. Il-kuntest ġenerali

Fid-dinja tal-lum, bosta servizzi diġitali u applikazzjonijiet ġodda qed isiru aċċessibbli online fis-suq uniku tal-UE. L-opportunitajiet tal-lum għall-innovazzjoni u t-tkabbir spiss huma diġitali fi prattikament kull settur tal-ekonomija, li jvarjaw mis-settur awtomobilistiku (karozzi konnessi) sa l-enerġija (sistemi elettriċi intelliġenti), l-amministrazzjonijiet pubbliċi (gvern elettroniku) uservizzi ġenerali (saħħa elettronika). Biex wieħed imexxi xi tip ta' negozju, minn negozju żgħir li għadu jibda sa intrapriża kbira, dan ikollu bżonn jaċċessa servizzi u infrastruttura tal-aqwa kwalità. Din l-ekosistema kollha tiddependi mill-konnettività li jagħtu n-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika.

Daż-żmien, l-Ewropa hija frammentata fi 28 suq nazzjonali tal-komunikazzjoni separat, kull wieħed b'għadd limitat ta' atturi. Bħala konsegwenza, filwaqt li l-ebda operatur ma huwa preżenti f’aktar minn nofs l-Istati Membri, bosta f’ħafna anqas, b’mod ġenerali aktar minn 200 operaturi jaqdu suq ta’ 510 miljun klijent. Ir-regoli tal-UE dwar, pereżempju, l-awtorizzazzjonijiet, il-kundizzjonijiet regolatorji, l-assenjament tal-ispettru u l-protezzjoni tal-konsumatur jiġu implimentati b'modi diverġenti. Dan ix-xenarju mifni rqajja' joħloq ostakli għad-dħul u jżid l-ispejjeż għall-operaturi li jridu jipprovdu servizzi transfruntieri u allura jxekkel it-twessigħ tagħhom. Dan jikkuntrasta bil-kbir mal-Istati Uniti jew iċ-Ċina li għandhom suq uniku wieħed ta’ 330 u 1400 miljun konsumatur rispettivament, servuti minn erba’ sa ħames operaturi kbar, b’leġiżlazzjoni waħda, sistema ta’ liċenzjar waħda, u politika tal-ispettru waħda .

L-ekonomiji ta’ skala u opportunitajiet ġodda ta’ tkabbir jistgħu jtejbu r-redditi fuq l-investiment f’netwerks b’veloċità għolja u jistgħu fl-istess ħin jagħtu spinta lill-kompetizzjoni u l-kompetittività globali. Madanakollu fl-UE, l-operaturi ma jistgħux igawdu biżżejjed minnhom. Bnadi oħra tad-dinja qed jagħmlusforzi u investimenti diġitali sinifikanti - dawn l-investimenti qed irendu kemm għall-investituri kif ukoll għall-konsumaturi, iżda fl-Ewropa dawn l-aġġornamenti mhux qed isiru malajr biżżejjed.

Fl-istess waqt, minħabba s-sweiq nazzjonali frammentati, il-konsumaturi qed isibu inqas għażla, servizzi inqas innovattivi u ta' kwalità baxxa, u xorta qed iħallsu prezz għali biex iċemplu bejn fruntiera u oħra jew biex jużaw ir-roaming fl-UE . Dan ifisser li s-servizzi diġitali li potenzjalment huma disponibbli daż-żmien, dawn ma jistgħux jisfruttawhom bl-aħjar mod possibbli.

Minħabba f'hekk, l-Ewropa mhix tisfrutta sors ta' potenzjal kbir ta' tkabbir. La fid-dinja l-ICT hi pervażiva, suq tal-komunikazzjoni elettronika li jkun frammentat, ixekkel l-effiċjenza u l-produttività fl-ekonomija kollha. Il-potenzjal mhux sfruttat ta' suq uniku tal-UE tal-komunikazzjoni elettronika hu stmat li jilħaq sa 0,9% tal-PDG, jew EUR 110 biljun kull sena.[4] Waħidhom, il-benefiċċji li jagħti suq uniku għas-servizzi tal-komunikazzjoni kummerċjali jammontaw kważi EUR 90 biljun kull sena.[5]

Suq b'saħħtu tat-telekomunikazzjonijiet jirfed ekonomija diġitali usa', li d-dinamiżmu tagħha huwa rifless fl-impjiegi sostnuti tiegħu. Bħal idea tal-kobor u s-saħħa tal-ekonomija usa', wieħed jista' jinnota li hemm aktar minn 4 miljun speċjalist tal-ICT jaħdmu fl-UE, numru li qed ikompli jikber minkejja r-riċessjoni. Fl-ekonomija usa', iż-żieda fl-investiment fl-ICT, it-titjib tal-ħiliet fl-elettronika tal-forza tax-xogħol u r-riforma tal-kundizzjonijiet għall-ekonomija tal-internet jistgħu jikkontribwixxu għal żieda fil-PGD minn ammont addizzjonali ta’ 5 % sal-2020,[6]u joħolqu 3.8 miljun impjieg.[7]

Dawn l-ostakli fis-suq tal-komunikazzjoni elettronika jfixklu l-benefiċċji tas-servizzi mal-Ewropa kollha: kwalità aħjar, l-ekonomiji ta' skala, investiment akbar, aktar effiċjenza u pożizzjonijiet ta' negozjar aktar b'saħħithom. Dan jolqot ħażin l-ekosistema diġitali usa', inklużi lill-manifatturi tat-tagħmir tal-UE, lill-provdituri tal-kontenut u tal-applikazzjonijiet, minn negozji li għadhom jibdew sal-gvernijiet. Dan iħalli impatt ukoll fuq setturi ekonomiċi bħas-servizzi bankarji, tal-karozzi, tal-loġistika, tal-bejgħ bl-imnut, tal-enerġija u tat-trasport li jiddependu mill-konnettività biex itejbu l-produttività, bħal pereżempju bil-cloud computing, l-oġġetti konnessi u l-forniment integrat tas-servizzi.

1.3. Il-kuntest politiku

L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (DAE), inizjattiva ewlenija tal-istrateġija Ewropa 2020 tal-UE, diġà wriet dan ir-rwol vitali tal-ICT u l-konnettività tan-netwerks. Din tistabbilixxi bosta inizjattivi li jippromwovu l-investiment, issaħħu l-kompetizzjoni u jnaqqsu l-ispiża biex jiġu offruti netwerks ta' veloċità għolja, ħalli tiżgura li kull Ewropew ikollu aċċess għal broadband veloċi. Il-Kummissjoni nediet ukoll il-Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali biex tindirizza l-potenzjal tal-impjiegi f'dan is-settur.

Il-Kummissjoni qed timplimenta wkoll inizjattivi biex tiżgura "Suq Uniku Diġitali" u biex tippromwovi l-kontenut online, inkluż il-kummerċ elettroniku u l-gvern elettroniku. Din proponiet ukoll li ssir riforma fir-Regolament tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta, biex tħares il-privatezza taċ-ċittadini filwaqt li tiffaċilita l-innovazzjoni u n-negozju f'suq uniku; u strateġija biex tippromwovi ċ-ċibersigurtà u tiddefendi infrastrutturi u netwerks kritiċi tal-UE, inkluż abbozz ta’ Direttiva dwar is-sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni,[8] li huwa appoġġ vitali għall-fiduċja taċ-ċittadini u l-konsumaturi fl-ambjent online

Il-mixja lejn suq uniku tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tista' tappoġġa l-ekosistema tas-Suq Uniku Diġitali. Dan is-suq ma jfissirx biss infrastruttura moderna, iżda anke servizzi diġitali innovattivi u siguri.

Filwaqt li jirrikonoxxi dan, il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2013 saħaq fuq l-importanza tas-suq uniku diġitali għat-tkabbir u talab lill-Kummissjoni biex (fi żmien il-Kunsill Ewropew ta' Ottubru) tippreżenta miżuri konkreti li jistabbilixxu Suq Uniku fl-ICT mill-aktar fis possibbli. Din il-proposta, flimkien mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar obbligi nondiskriminatorji u metodoloġiji tal-ikkostjar konsistenti biex tiġi promossa l-kompetizzjoni u jitjieb l-ambjent tal-investiment fil-broadband, issawwar sett ta' miżuri bilanċjati mmirati biex jinkiseb is-Suq Uniku fit-Telekomunikazzjoni u jitkattar l-investiment.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

2.1. L-opinjonijiet tal-partijiet interessati

Sa minn meta l-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa stabbilixxa fil-konklużjonijiet tiegħu l-ħtieġa għal proposti konkreti biex jiġu ppreżentati qabel il-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru, saru konsultazzjonijiet pubbliċi fi ħdan il-ħin limitat ta' skeda impjenattiva. Minbarra konsultazzjonijiet formali speċifiċi u avvenimenti konsultattivi, il-Kummissjoni kienet involuta b'mod estensiv ma' firxa wiesgħa ta' organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati biex tivvaluta l-qagħda ġenerali tas-suq tal-komunikazzjoni elettronika u kif jista' jiġi stabbilit suq uniku. Din waslulha sottomissjonijiet mingħand partijiet interessati li jirrappreżentaw kull segment tal-industrija, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, is-soċjetà ċivili, u r-regolaturi u l-gvernijiet nazzjonali.

barra minn hekk, il-Kummissjoni organizzat bosta avvenimenti konsultattivi li attendew għalihom l-partijiet interessati li jirrappreżentaw is-setturi kollha tal-industrija, tal-konsumaturi u tas-soċjetà ċivili[9]. Dawn il-konsultazzjonijiet urew li maġġoranza kbira tal-partijiet interessati jaqblu mal-analiżi tal-problema li għamlet il-Kummissjoni u jagħrfu l-bżonn li tittieħed azzjoni urġenti.

Barra minn hekk, saru diskussjonijiet fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill tal-Ministri (il-Kunsill TTE). Fil-Kunsill, il-biċċa l-kbira tad-delegazzjonijiet ikkondividew l-analiżi tal-problema u l-ħtieġa għat-teħid ta’ miżuri biex jinkiseb suq uniku ta’ veru, bil-għan li jiġu salvagwardati jew imtejba l-kompetizzjoni u l-għażla tal-konsumatur, jindirizzaw in-newtralità tal-internet u r-roaming u biex jiġi evitat arbitraġġ regolatorju filwaqt li tiġi żgurata aktar konsistenza regolatorja, inkluż fil-ġestjoni tal-ispettru tar-radju u li fl-istess ħin tiġi evitata ċ-ċentralizzazzjoni eċċessiva tal-kompetenzi. Diskussjonijiet fil-Parlament Ewropew urew ppoġġ qawwi għall-impetu tal-proposti tal-Kummissjoni u enfasizzaw b’mod partikolari l-urġenza li jiġi eliminat ir-roaming bħala parti minn suq uniku għall-komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll għall-introduzzjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u regoli ċari dwar in-newtralità tal-internet.

2.2. L-għarfien espert

Fl-2012 tlesta studju kbir dwar "Steps towards a truly internal market for e-communications", (Nersqu lejn suq intern veru għall-komunikazzjoni elettronika), magħruf ukoll bħala l-"cost of non-Europe in telecoms".[10] L-istudju jivvaluta l-qagħda tas-suq uniku tal-UE għall-komunikazzjoni elettronika u jistma l-potenzjal ekonomiku ta' suq uniku.

Il-Kummissjoni użat ukoll bosta sorsi oħra ta' prova, bħalma huma Valutazzjoni tal-Aġenda Diġitali annwali u l-istudji ekonomiċi mwettqa mid-DĠ ECFIN, bħal dwar frammentazzjoni tas-suq tat-telekomunikazzjoni fl-Ewropa.[11] Il-mekkaniżmu tal-konsultazzjoni tal-UE fil-qafas regolatorju enfasizza wkoll prattiċi inkonsistenti mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (NRAs) meta jirregolaw is-swieq rilevanti. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-Programm ta' Politika tal-Ispettru tar-Radju, il-Kummissjoni sabet ċertu nuqqas ta' koerenza fost l-Istati Membri fejn tidħol l-awtorizzazzjoni u l-ftuħ tal-baned tal-ispettru għal użu teknoloġikament newtrali, l-aktar fejn jidħlu l-kundizzjonijiet mehmuża u l-iskedar.

2.3. Valutazzjoni tal-Impatt tar-Regolament propost

F'konformità mal-politika tagħha ta’ "Regolamentazzjoni Aħjar", is-servizzi tal-Kummissjoni għamlu valutazzjoni tal-impatt tal-alternattivi strateġiċi.

L-għejun prinċipali għal frammentazzjoni regolatorja huma marbuta mar-rekiwżiti ewlenin speċifiċi għas-settur għall-forniment ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li huma soġġetti għal-liġi tal-UE (awtorizzazzjoni, l-aċċess għal inputs fissi u bla wajers, il-konformità ma’ regoli tal-protezzjoni tal-utent finali). Filwaqt li kull wieħed minn dawn l-elementi għandu karatteristiċi distiniti ħafna, u s-soluzzjonijiet għal frammentazzjoni neċessarjament se jkunu differenti ħafna, kollha huma vitali jekk iridu jingħelbu l-ostakli ewlenin għall-forniment integrat tan-netwerks u s-servizzi tal- komunikazzjonijiet elettroniċi fl-Unjoni. B’mod partikolari, l-evalwazzjoni tas-soluzzjonijiet ġiet diviża b’referenza għal a) l-ostakli minħabba reġimi ta’ awtorizzazzjoni nazzjonali marbuta ma’ inkonsistenza fl-approċċi regolatorji implimentati mill-NRAs; b) nuqqas ta’ koordinazzjoni fl-assenjazzjonijiet tal-ispettru tar-radju u l-kondizzjonijiet, kif ukoll inċertezza regolatorja għal dak li għandu x’jaqsam mad-disponibbiltà tal-frekwenzi; c) nuqqas ta’ prodotti fuq il-livell tal-operatur li jippermettu l-forniment ta’ servizzi li jużaw in-netwerk ta’ operatur ieħo b' livelli konsistenti ta’ interoperabbiltà tas-servizz, fil-qafas ta’ rimedji tas-suq jew negozjati reċiproċi; d) il-frammentazzjoni tar-regoli tal-ħarsien tal-konsumatur li jwasslu għal livelli mhux uniformi tal-protezzjoni tal-konsumatur u kundizzjonijiet kummerċjali li jvarjaw, inkluż spejjeż għoljin tar-roaming u s-sejħiet internazzjonali kif ukoll imblukkar jew trażżin ta’ servizzi.

Sabiex jiġu indirizzati dawn is-sorsi ta’ frammentazzjoni, intgħażlu tliet alternattivi ta’ politika għal aktar analiżi. L-ewwel alternattiva hija bbażata fuq il-qafas regolatorju għall-komunikazzjoni elettronika kif inhu. It-tieni alternattiva qieset strument leġiżlattiv uniku (Regolament) li jaġġusta l-qafas regolatorju biss meta jkun hemm bżonngħal suq uniku tal-UE għall-komunikazzjoni elettronika, ibbażat fuq kordinazzjoni aħjar fl-UE. It-tielet alternattiva fiha s-sustanza tat-tieni alternattiva, iżda l-istruttura tal-governanza attwali tibdilha b'regolatur uniku tal-UE ħalli tinkiseb kordinazzjoni regolatorja sħiħa.

Kull alternattiva strateġika ġiet valutata skont l-effettività tagħha biex tilħaq l-għanijiet strateġiċi, filwaqt li tiffoka fuq l-ispejjeż u l-benefiċċji għan-naħat tad-domanda u tal-provvista, inkluż l-impatt fuq l-istruttura tal-industrija tal-komunikazzjoni elettronika tal-UE, l-ekonomija, l-impjiegi, l-eċċess tal-konsumaturi u l-ambjent.

Ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt jikkonkludi li t-tieni alternattiva hi l-aqwa waħda disponibbli. L-ewwel nett, awtorizzazzjoni unika Ewropea timmira li tnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-operaturi Ewropej u tiżgura l-konsistenza tat- trattament regolatorju tagħhom.

Il-koordinazzjoni tal-użu tal-ispettru tar-radju fis-suq uniku se tiżgura d-disponibbiltà sinkronizzata tal-inpu tal-ispettru u l-applikazzjoni kundizzjonijiet konsistenti marbuta mal-użu tiegħu madwar l-Ewropa, u b’hekkjiġi żgurat użu effiċjenti tal-ispettru. Fl-istess ħin, dan ikun ta’ għajnuna għal ambjent ta’ investiment prevedibbli għal netwerks ta’ veloċità għolja, inkluż il-kopertura territorjali wiesgħa tagħhom, li hija wkoll interess aħħari tal-utent għaż-żmien fit-tul.

Id-disponibbiltà ta’ prodotti, fuq il-livell tal-operatur, standardizzati għall-aċċess fil-livell tal-UE bħala rimedju potenzjali għal saħħa sinifikanti fis-suq se jippermetti li l-operaturi tat-telefonija fissa jipprovdu s-servizzi ta’ konnettività tagħhom lill-klijenti tagħhom madwar l-Unjoni, b’servizz ta’ kwalità għolja. Din id-disponibbiltà mistennija jkollha effett pożittiv fuq l-investimenti, speċjalment mal-fruntieri tal-Istati Membri, u tagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji biex jidħlu fi swieq ġodda li jsegwu d-domanda tal-klijenti u li jippermettulhom jagħmlu dan bi prodotti tal-aċċess ta’ standard ta' kwalità għolja, u b’hekk tissaħħaħ il-kompetizzjoni u l-operaturi jiġu obbligati jtejbu l-offerta tagħhom billi jinvestu fl-infrastruttura u s-servizzi.

Regoli komuni dwar il-kwalità tas-servizzi se jiżguraw il-libertà tal-utenti li jkollhom aċċess għas-servizzi u l-applikazzjonijiet tal-għażla tagħhom u fuq il-bażi ta’ termini kuntrattwali ċari fl-Unjoni kollha, mingħajr ma l-aċċess tagħhom għall-internet jitrażżan jew jiġi mwaqqaf. Fl-istess ħin se jiżguraw il-possibbiltà li jakkwistaw servizzi speċjalizzati għall-forniment ta’ kontenut, applikazzjonijiet u servizzi speċifiċi ma’ kwalità mtejba ta’ servizzi. Trasparenza u drittijiet kuntrattwali msaħħa jiżguraw l-interess tal-konsumaturi b’servizzi ta’ kwalità għolja u affidabbli u jsaħħu d-dinamiki kompetittivi tas-suq.

Fl-aħħarnett, miżuri dwar differenzi inġustifikabbli fil-prezzijiet bejn sejħiet domestiċi u intra-UE u dawk li jiffaċilitaw il-forniment ta’ offerti Roaming Like at Home permezz ta' ftehimiet tar-roaming għandhom l-għan li jabolixxu spejjeż addizzjonali mhux ġustifikati għal servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi provduti b’mod transfruntieri.

Il-konklużjoni hi li din l-alternattiva ttejjeb il-prevedibbiltà legali u t-trasparenza bl-iktar mod effiċjenti u f'waqtu. B’mod partikolari, il-kontestabilità akbar tas-swieq, kundizzjonijiet tal-operat aktar komuni (aċċess tal-input, regoli speċifiċi għall-konsumatur), kif ukoll il-mogħdija ta' vantaġġi ta' skala minħabba l-elastiċità tal-prezzijiet jew il-pressjoni kompetittiva, għandhom iwasslul għal konverġenza akbar. Aktar pressjoni kompetittiva, li twassal għal inċentivi ta' differenzazzjoni, flimkien ma’ vantaġġi fuq skala akbar, prevedibbiltà regolatorja akbar, u ambjent aħjar għad-distribuzzjoni tal-massa ta’ servizzi innovattivi, kollha għandhom eventwalment itejbu l-ambjent tal-investiment. Filwaqt li dawn il-pożizzjonijiet mistennija jkollhom impatt pożittiv fuq il-ħolqien tax-xogħol, l-impatt preċiżi fuq il-ligvell tal-impjieg u fuq il-livell soċjali huma diffiċli biex jiġu vvalutati f'dan l-istadju. Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni speċjali lil dan l-aspett tul il-monitoraġġ u l-velwazzjoni tal-leġiżlazzjoni.

Meta mqabbla mal-alternattiva ppreferuta, 3 sa 5 snin aktar ikunu meħtieġa biex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq taħt l-Alternattivi 1 (li tapplika l-qafas attwali) u 3 (tibdil sħiħ tal-governanza regolatorju għal servizzi pan-UE), b’potenzjal addizzjonali għall-PDG sa 3.7 % matul il-perjodu bejn l-2015 u l-2020.

Din l-alternattiva tieħu l-inqas ħin biex tħalli l-effetti tagħha u tilħaq kull għan speċifiku li għandha, u b'hekk tikseb l-aktar benefiċċji ekonomiċi u soċjali possibbli minn fost l-alternattivi kollha meqjusa.

Il-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt ta opinjoni dwar l-abbozz tal-valutazzjoni tal-impatt fis-6 ta' Settembru 2013.

Ir-rapport u s-sommarju eżekuttiv tiegħu ġew ippubblikati mal-proposta.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

3.1. Il-bażi legali

Il-proposta bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, billi marbuta mas-suq intern għall-komunikazzjoniet elettroniċi u l-funzjonament tiegħu.

3.2. Is-sussidjarjetà

Il-qafas regolatorju attwali ma setgħet jilħaq l-għan tiegħu bis-sħiħ, jiġifieri li jistabbilixxi suq uniku għall-komunikazzjoni elettronika. Madankollu, id-differenzi fir-regoli nazzjonali, għalkemm ikunu kompatibbli mal-qafas regolatorju tal-UE eżistenti, joħolqu ostakli li għat-tħaddim u l-kisba tas-servizzi bejn il-fruntieri, u allura jillimitaw il-libertà li tiġi pprovduta komunikazzjoni elettronika, kif tiggarantixxi l-liġi tal-UE. Dan għandu effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern. L-Istati Membri la għandhom il-kompetenza u lanqas l-inċentiv biex ibiddlu x-xenarju regolatorju attwali.

Hemm bżonn miżuri fil-livell tal-UE biex jiġu indirizzati l-kawżi sottostanti tal-problema. L-ewwel nett, il-frammentazzjoni attwali li ġejja mid-dimensjoni nazzjonali tas-sistemi tal-awtorizzazzjoni ġenerali hi indirizzata billi tiddaħħal awtorizzazzjoni unika tal-UE. Mekkaniżmu ta' awtorizzazzjoni unika tal-UE flimkien ma' kontroll tal-pajjiż tad-domiċilju dwar l-irtirar u/jew is-sospensjoni ta' awtorizzazzjoni bħal din, jiffaċilita r-reġistrazzjoni tal-operaturi tal-UE u l-kordinazzjoni tal-aktar miżuri ta' infurzar serji li japplikaw għalihom. Il-proposta tiggarantixxi konsistenza u prevedibbiltà regolatorja akbar għal dawn il-kumpaniji billi lill-Kummissjoni tagħtiha s-setgħa teżiġi lir-regolaturi nazzjonali biex jirtiraw rimedji proposti li jkunu inkompatibbli mal-liġi tal-UE. Il-proposta tiżgura konverġenza ferm akbar fil-kundizzjonijiet regolati tal-aċċess għal inputs fissi u bla wajres li jiffaċilitaw il-provdiment ta' servizzi pan-Ewropej. L-armonizzazzjoni sħiħa d-drittijiet tal-utenti finali tiżgura li ċ-ċittadini u l-provdi fl-UE jkollhom drittijiet u obbligi simili, b'mod partikolari l-possibbiltà li ssir kummerċjalizzazzjoni u jinkisbu servizzi bejn il-fruntieri bl-istess kundizzjonijiet.

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa rispettat għax l-intervent tal-UE se jiġi limitat sakemm hemm bżonn biex jintlaħqu l-għanijiet speċifikati tas-suq intern.

L-ewwel nett, awtorizzazzjoni unika tal-UE hija disponibbli għall-operaturi li jkollhom l-intenzjoni li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fuq dimensjoni pan-Ewropea u l-obbligi regolatorji intrinsikament marbuta mal-post fejn netwerkjtinsab jew servizz huwa fornut għad iridu jiġu deċiżi mir-regolatur nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. Id-dħul intaxxat mill-assenjazzjonijiet tal-ispettru tar-radju se jibqgħu f’idejn l-Istat Membru kkonċernat, filwaqt li aktar prinċipji regolatorji dettaljati dwar l-użu tal-ispettru li jikkumplimentaw l-għanijiet ta’ livell għoli fi ħdan il-qafas regolatorju tal-UE għadhom iħallu marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni dwar dettalji lill-Istati Membri. Bl-istess mod, fir-rigward tal-proċedura ta’ notifika lill-Kummissjoni dwar l-ispettru, din hija bbażata fuq verifika tal-kompatibbiltà legali, aktar milli s-sostituzzjoni tad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni għal dik tal-Istati Membri, u hija soġġetta għal aktar salvagwardji bħal pereżempju l-proċedura tal-eżami fi ħdan il-komitoloġija. L-estenzjoni tal-benefiċċju tal-awtorizzazzjoni ġenerali biex jintużaw punti tal-aċċess bla wajers f'żoni żgħar hija limitata għal użu b'qawwa baxxa u li ma jagħtix fil-għajn, definit strettament b'miżuri ta' implimentazzjoni. Fl-aħħar nett, l-impożizzjoni ta’ prodotti Ewropej għall-aċċess virtwali tibqa’ f’idejn l-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru fejn jinsab in-netwerk, wara analiżi tas-suq ibbażata fuq il-qafas eżistenti; fl-istess ħin, l-armonizzazzjoni ta’ prodotti għall-aċċess virtwali tuża l-istess mekkaniżmu bħala għal fiżiċi prodotti għall-aċċess fuq il-livell tal-operatur previsti diġà fl-ambitu tal-qafas eżistenti.

3.3. Il-proporzjonalità

L-azzjoni tal-UE hi limitata għal kulma hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet identifikati. Il-miżuri se jiffokaw fuq l-indirizzar ċar tal-ostakli għas-Suq Uniku, bl-inqas emendi meħtieġa ill-qafas regolatorju eżistenti sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet li jippermettu swieq ġodda transfruntieri tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ġodda biex jiżviluppaw fil-livell tal-UE. B’hekk tippermetti li jinkiseb l-għan dupliċi tas-Suq Uniku tal-libertà tal-provvista u l-libertà tal-konsum ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Fl-istess ħin, jekk il-qafas regolatorju eżistenti jitħalla fil-biċċa l-kbira bla mittiefes, inkluż fil-mod kif l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jissorveljaw is-swieq, dan jevita mit-tfixkil tal-operazzjonijiet ta’ dawk il-provdituri li jagħżlu li jżommu impronta nazzjonali (jew sotto-nazzjonali).

Barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ swieq ġodda transfruntieri għandu jseħħ taħt il-prinċipju tar-‘regolamentazzjoni aħjar’, jiġifieri billi tonqos progressivament il-pressjoni regolatorja jekk is-swieq huma ppruvati li jkunu kompetittivi f'kuntest Ewropew iktar integrat iżda skont il-kompetenzi superviżorji tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u soġġetti għal kontroll tal-kompetizzjoni ex post. Dan ikun ta’ benefiċċju minħabba li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu fl-aħjar pożizzjoni biex iqisu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali meta (i) jirregolaw l-aċċess għall-infrastrutturi fiżiċi li min-natura tagħhom jibqgħu ġeografikament limitati għal-livell nazzjonali jew reġjonali; u (ii) jindirizzaw mistoqsijiet tal-konsumatur f’kuntest nazzjonali (partikolarment fil-lingwa tagħhom).

Skont dan, il-miżuri proposti mhumiex se jinvolvu bidliet sinifikanti fil-governanza umhu se jċaqalqu l-kompetenzi lejn il-livell Ewropew, bħal pereżempju permezz ta' regolatur tal-UE jew b'liċenzjar tal-ispettru pan-Ewropew.

Is-soluzzjonijiet se jippermettu lill-partijiet interessati rilevanti jisfruttaw is-sinerġiji ta' suq uniku kbir u jnaqqsu l-ineffiċjenzi fl-operazzjonijiet u fl-investimenti tagħhom, bl-aktar mod f'waqtu u effettiv. Fl-istess ħin, il-proposta tiżgura lil dawk l-operaturi li jagħżlu li jipprovdu servizzi fi Stat Membru wieħed biss, il-kontinwità tar-regoli kurrenti filwaqt li jibbenefikaw minn regoli aktar ċari u mtejba fir-rigward tad-drittijiett tal-utenti aħħarin, u ambjent aktar prevedibbli għall-aċċess għall- inputs tal-ispettru u l-prodotti tal-aċċess għan-netwerks fissi ta’ kwalità għolja.

3.4. Id-drittijiet fundamentali

Ġie analizzat l-impatt tal-proposta fuq id-drittijiet fundamentali bħal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà li jsir negozju, in-nondiskriminazzjoni, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-protezzjoni tad-dejta personali. B'mod partikolari, ir-Regolament se jissalvagwardja l-aċċess għall-internet miftuħ; dan jistabbilixxi livell għoli għal drittijiet tal-utenti finali li jkunu armonizzati bis-sħiħ, iżid il-libertà tan-negozju fuq l-iskala Ewropea u maż-żmien għandu jwassal tonqos ir-regolamentazzjoni speċifika għas-setturi.

3.5. L-għażla tal-istrument

Il-Kummissjoni tipproponi Regolament billi dan jiżgura t-tneħħija tal-ostakli għas-suq intern għax jikkomplementa l-qafas regolatorju eżistenti għall-komunikazzjoni elettronika. Dan jinkludi drittijiet u obbligi speċifiċi, applikabbli direttament għall-provdituri u għall-utenti finali; u jinkludi wkoll mekkaniżmi tal-kordinazzjoni dwar ċerti inputs fil-livell Ewropew biex jeħfief il-provdiment tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika bejn il-fruntieri. Regolament huwa importanti, pereżempju, f'qasam bħall-Internet miftuħ u l-ġestjoni tat-traffiku, fejn approċċ tassew komuni huwa meħtieġ biex tiġi evitata mill-bidunett it-tendenza attwali lejn soluzzjonijiet nazzjonali diverġenti u biex titwitta t-triq għall-ġestjoni integrata tan-netwerk u l-iżvilupp ta’ kontenut, applikazzjonijiet u servizzi online li jistgħu jsiru disponibbli b’mod komuni fl-Unjoni kollha.

3.6. L-istruttura tal-proposta u d-drittijiet u l-obbligi ewlenin

Dispożizzjonijiet ġenerali (il-Kapitolu I, l-Artikoli 1 u 2)

Il-Kapitlu 1 fih id-dispożizzjonijiet ġenerali, kif ukoll definizzjonijiet rilevanti. Dan jistabbilixxi l-prinċipji regolatorji li skonthom għandhom jaġixxu l-korpi regolatorji involuti meta japplikaw dan ir-Regolament flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-qafas eżistenti

Awtorizzazzjoni unika tal-UE (il-Kapitolu II, l-Artikoli 3 sa 7)

L-operaturi li jixtiequ jipprovdu servizzi f'bosta Stati Membri bħalissa jridu jiġu awtorizzati f'kull wieħed minnhom. Dan ir-Regolament idaħħal awtorizzazzjoni unika tal-UE msejsa fuq sistema unika ta' notifika fl-Istat Membru tal-istabbiliment ewlieni tal-provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika (il-pajjiż tad-domiċilju) u jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li japplikaw għaliha. L-irtirar u/jew is-sospensjoni tal-awtorizzazzjoni unika tal-UE huma soġġetti għal kontroll tal-pajjiż tad-domiċilju. Id-detenturi ta' awtorizzazzjoni unika tal-UE huma intitolati għal trattament regolatorju ugwali f'sitwazzjonijiet simili fi ħdan u bejn l-Istati Membri u parteċipanti ġodda u operaturi transfruntieri iżgħar huma eżentati mill-miżati amministrattivi u l-kontribuzzjonijiet għall-finanzjament tas-servizz universali fl-Istati Membri li mhumiex il-pajjiż tad-domiċilju (il-pajjiżi ospitanti). Id-detenturi ta’ awtorizzazzjoni unika tal-UE se jkomplu jipprovdu servizzi madwar l-Ewropa abbażi ta’ applikazzjoni aktar konsistenti tal-obbligi regolatorji

B'hekk il-passaport Ewropew se jnaqqas il-piż amministrattiv bla bżonn, u lill-provdituri Ewropej jiżguralhom drittijiet u obbligi aktar konsistenti biex joperaw fl-UE u jiksbu skala.

L-inputs Ewropej (il-Kapitolu III)

It-Taqsima 1 (l-Artikoli 8 sa 16)

Daż-żmien, il-provdituri tat-telefonija mobbli fl-Ewropa ma għandhomx il-prevedibbiltà meħtieġa fejn tidħol id-disponibbiltà tal-ispettru fl-UE u jkollhom jiltaqgħu ma' kundizjonijiet tal-assenjament diverġenti. B'hekk ikun ferm aktar diffiċli għalihom biex jippjanaw fit-tul, jinvestu bejn il-fruntieri u eventwalment jiksbu skala. Din is-sitwazzjoni mifnija rqajja' tfisser li l-manifatturi l-apparat ifasslu l-prodotti tagħhom għal swieq oħra bi prospetti akbar ta' skala u tkabbir. Biex tispiċċa din is-sitwazzjoni insostenibbli, trid tkun żgurata l-armonizzazzjoni tal-inputs tal-ispettru billi:

· Jiġu definiti prinċipji regolatorji komuni applikabbli għal Stat Membru meta jiddefinixxu l-kundizzjonijiet dwar l-użu tal-ispettru li huwa armonizzat għal komunikazzjonijiet broadband bla wajers.

· Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta atti ta' implimentazzjoni li jarmonizzaw id-disponibbiltà tal-ispettru, il-waqt meta jsiru l-assenjamenti u t-tul tad-drittijiet tal-użu tal-ispettru.

· Jintuża mekkaniżmu ta' konsultazzjoni li bih il-Kummissjoni tkun tista' tirrevedi l-abbozzi tal-miżuri nazzjonali li għandhom x'jaqsmu mal-assenjazzjoni u mal-użu tal-ispettru.

· Jiġu ssimplifikati l-kundizzjonijiet għall-użu u l-provdiment ta' aċċess broadband bla wajers b'qawwa baxxa ("WiFi", ċelloli żgħar) biex tiżdied il-kompetizzjoni u tonqos il-konġestjoni fin-netwerk.

It-Taqsima 2 (l-Artikoli 17 sa 20)

Aċċess virtwali armonizzat u ta' kwalità għolja għal netwerks fissi jiffaċilita d-dħul fis-suq u l-provdiment ta' servizzi transfruntieri kemm lill-utenti finali u lin-negozji, u jgħin biex tiżdied il-kompetizzjoni u jitkattar l-investiment. Illum, madwar l-UE, il-prodotti tal-aċċess virtwali fissi huma definiti f'bosta modi. Aċċess virtwali għal netwerks fissi biex jiġu pprovduti servizzi transfrunitieri hu armonizzat billi:

· Jiġu definiti l-karatteristiċi komuni tal-prodotti tal-aċċess virtwali armonizzati tal-UE (diżaggregazzjoni virtwali, bitstream tal-IP u segmenti tat-terminazzjoni tal-linji mikrija) meta mogħtija lil operaturi b'saħħa sinifikanti fis-suq.

· Għalhekk, ir-regolaturi nazzjonali huma meħtieġa biex iqisu l-introduzzjoni ta’ tali prodotti ta' aċċess armonizzat meta jimponu rimedji regolatorji, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-infrastruttura eżistenti tal l-kompetizzjoni u l-investimenti u r-rekwiżiti globali tal-proporzjonalità. Il-proposta tkun tirrifletti wkoll prattika tad-deċiżjonijiet, permezz ta' dispożizzjoni li tgħaqqad konsiderazzjoni tal-obbligi tal-kontroll tal-prezz għall-operaturi f'netwerks NGA ma' restrizzjonijiet kompetittivi minn infrastrutturi alternattivi, garanziji effettivi ta' aċċess nondiskriminatorju u l-livell tal-kompetizzjoni għall-konsumaturi mil-lat ta' prezz, għażla u kwalità.

· Jingħata dritt lil provdituri tal-komunikazzjoni elettronika biex b'termini raġonevoli joffru u jaċċessaw prodotti tal-konnettività armonizzati bi kwalità tas-servizzi żgurata ħalli jinħolqu tipi ġodda ta' servizzi online.

Drittijiet lill-utenti finali (il-Kapitolu IV, l-Artikoli 21 sa 29)

Fl-Ewropa, il-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika kif ukoll l-utenti finali jiffaċċjaw regoli inkonsistenti dwar id-drittijiet tal-utenti finali, u dawn joħolqu livelli mhux uniformi tal-protezzjoni u varjetà ta' regoli diverġenti li jridu jiġu rispettati fi Stati Membri differenti. Din il-frammentazzjoni hi għalja għall-operaturi, mhix sodisfaċenti għall-utenti finali u eventwalment ixxekkel il-provdiment tas-servizzi bejn il-fruntieri u taffettwa ħażin ir-rieda tal-utenti finali biex jużawhom. Biex ikun żgurat livell xieraq ta' protezzjoni tal-konsumatur madwar l-UE, ir-regoli li jiddefinixxu d-drittijiet tal-utenti finali huma armonizzati, inklużi:

– in-nondiskriminazzjoni bejn ċerti servizzi nazzjonali u intra-UE (internazzjonali) (sakemm id-differenzi ma jkunux ġustifikati oġġettivament),

– l-informazzjoni pre-kuntrattwali u kuntrattwali obbligatorja,

– aktar trasparenza u faċilitajiet biex ikunu evitati l-"ħasdiet bil-kontijiet",

– id-dritt li jiġi terminat il-kuntratt wara sitt xhur mingħajr spejjeż (ħlief il-valur residwu ta' kull tagħmir sussidjat jew promozzjonijiet oħra),

– l-obbligu tal-provdituri biex jipprovdu konnessjoni bla xkiel għal kull kontenut, applikazzjoni jew servizz li jaċċessaw l-utenti finali – l-hekk magħrufa Newtralità tan-Net – filwaqt li jkun regolat l-użu tal-miżuri tal-ġestjoni tat-traffiku mill-operaturi fejn jidħol l-aċċess għall-internet ġenerali. Fl-istess ħin, hu ċċarat il-qafas legali għal servizzi speċjalizzati ta' kwalità aħjar.

Teħfief il-bidla minn provditur għal ieħor (il-Kapitolu V, l-Artikolu 30)

Regoli mtejba dwar il-bidla minn provditur għal ieħor, jippromwovu d-dħul fis-suq u l-kompetizzjoni bejn il-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika, u l-utenti finali jsibuha eħfef biex jagħżlu l-provditur li jissodisfa l-aktar il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom. Huma pprovduti wkoll prinċipji armonizzati applikabbli għall-proċeduri ta' bidla minn provditur għal ieħor, bħall-orjentazzjoni lejn l-ispiża, il-proċess immexxi mill-provditur riċeventi, it-terminazzjoni awtomatika ta' kuntratt mal-provditur trasferenti.

Dispożizzjonijiet organizzattivi u finali (il-Kapitolu VI, l-Artikoli 31 sa 40)

Dan il-Kapitolu, l-ewwel fih dispożizzjonijiet ġenerali dwar is-setgħat ta' sanzjonar tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u regoli dwar is-setgħa tal-Kummissjoni biex tadotta atti delegati jew atti ta' implimentazzjoni.

Fih hemm stabbiliti wkoll modifiki għall-Qafas Regolatorju kif ukoll għar-Regolament dwar ir-Roaming u għar-Regolament BEREC. B'mod partikolari, fir-rigward tar-regolamentazzjoni tas-suq ex ante u billi kull NRA għadha responsabbli mis-swieq (nazzjonali) rispettivi tagħha, il-modifiki jimmiraw li jiżviluppaw aktar konsistenza u stabbiltà madwar l-UE fejn jidħlu l-valutazzjoni tal-NRAs dwar is-swieq u l-impożizzjoni tal-obbligi regolatorji fuq id-detenturi ta' awtorizzazzjoni unika tal-UE sabiex jiġu limitati l-każijiet meta jiffaċċjaw obbligi diverġenti għall-istess falliment tas-suq f'kull Stat Membru fejn ikunu preżenti. Għal dan il-għan, id-dispożizzjonijiet jaħsbu għal setgħa lill-Kummissjoni biex tkun tista' teżiġi li jiġu rtirati rimedji imposti fuq kumpaniji b'awtorizzazzjoni unika tal-UE, kif ukoll iċ-ċertezza legali dwar il-kriterji biex jinstabu swieq soġġetti għal rimedji ex ante, filwaqt li jitqiesu wkoll ir-restrizzjonijiet kompetittivi minn servizzi ekwivalenti li jipprovdu atturi "over-the-top" (OTT).

Filwaqt li Regolament Roaming III, bil-miżuri strutturali tiegħu, se jinjetta kompetizzjoni akbar fis-suq, mhuwiex mistenni li waħdu joħloq sitwazzjoni fejn il-klijenti jistgħu kunfidentament jirreplikaw l-imġiba tal-konsum tagħhom fl-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom meta jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom u b’hekk jintemmu s-soprataxxi tar-roaming fl-Ewropa. L-Artikolu 37 jibni għalhekk fuq ir-Regolament dwar ir-Roaming, u jagħti aktar inċentivi lill-operaturi biex jipprovdu roaming b'livelli tal-prezzijiet domestiċi. Il-proposta ddaħħal mekkaniżmu volontarju għall-operaturi tat-telefonija mobbli biex jidħlu fi ftehimiet bilaterali jew multilaterali tar-roaming li bihom ikunu jistgħu jinternalizzaw l-ispejjeż tar-roaming għall-operaturi u gradwalment idaħħlu servizzi tar-roaming bi'livelli domestiċi tal-prezzijiet sa Lulju 2016, filwaqt li jillimitaw ir-riskju ta' arbitraġġ tal-prezzijiet. Ftehimiet bħal dawn dwar ir-roaming mhumiex meqjusa bħala xi ħaġa ġdida fis-suq. Ftehimiet dwar ir-roaming diġà jeżistu li jippermettu lill-parteċipanti tagħhom (suġġett għall-konformità mal-liġi tal-kompetizzjoni) joħolqu ekonomiji ta’ skala fil-forniment tas-servizzi tar-roaming bħala bejn il-partijiet kontraenti. Il-proposta, madankollu, teħtieġ li huma jkunu notifikati biex itejbu t-trasparenza tagħhom. Is-sistema volontarja proposta hija intiża biex tgħaddi dawn l-ekonomiji ta' skala leġittimi lill-konsumaturi permezz tal-għoti ta’ servizzi roaming fil-livelli domestiċi tal-prezzijiet, taħt kondizzjonijiet li jiżguraw li r-roaming madwar l-Unjoni huwa kopert u li l-konsumaturi fl-Unjoni kollha jibbenefikaw meta jkun il-waqt minn dawn l-offerti. Fl-istess ħin, il-proposta tipprovdi l-bilanċ meħtieġ li l-operaturi jitħallew jaġġustaw l-offerti kummerċjali tagħhom u sabiex gradwalment jiżguraw il-benefiċċji ta' bażi riżultanti kollha għall-klijent. Mingħajr ftehimiet bilaterali jew multilaterali dwar ir-roaming, mhuwiex realistiku li wieħed jimmaġina li operatur waħdu jkun kapaċi jipprovdi roaming b'livelli domestiċi tal-prezzijiet fl-Unjoni kollha fiż-żmien previst.

Fl-aħħar nett, ir-Regolament BEREC jeħtieġ isirulu tibdiliet biex jipprovdi aktar stabbiltà lill-Korp u biex dan ikun jista' jaqdi rwol aktar strateġiku, b'mod partikolari bil-ħatra ta' President professjonali għal tliet snin.

4. L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ir-Regolament propost ma għandu l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

B'mod partikolari, il-proposta biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 m'għandhiex impatt la fuq l-għadd ta' postijiet fil-pjan ta' stabbiliment u lanqas fuq il-kontribut finanzjarju tal-UE lill-Uffijċu BEREC u hija konformi maċ-ċifri stipulati fil-Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)519 finali).

2013/0309 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi miżuri biex jitlesta s-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika u biex jinkiseb Kontinent Konness, u li jemenda d-Direttivi 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/22/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1211/2009 u (UE) Nru 531/2012.

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[12],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[13],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       L-Ewropa għandha tisfrutta s-sorsi kollha ta' tkabbir biex toħroġ mill-kriżi, toħloq l-impjiegi u terġa' ssir kompetittiva. L-Istrateġija Ewropa 2020 għamndha l-għan li ġġib tkabbir u toħloq l-impjiegi fl-Unjoni. Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2013 saħaq fuq l-importanza tas-suq uniku diġitali għat-tkabbir u talab miżuri konkreti li jistabbilixxu suq uniku fit-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (l-ICT) mill-aktar fis possibbli. F'konformità mal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u ma' din is-sejħa, dan ir-Regolament għandu l-għan li jistabbilixxi suq uniku għall-komunikazzjoni elettronika billi jlesti u jadatta il-Qafas Regolatorju tal-Unjoni eżistenti għall-Komunikazzjoni Elettronika.

(2)       L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (DAE), waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020, diġà għarfet ir-rwol tal-ICT u l-konnettività tan-netwerk bħala bażi vitali għall-iżvilupp tal-ekonomija u tas-soċjetà tagħna. Biex l-Ewropa tgawdi mill-benefiċċji tal-bidla diġitali, l-Unjoni teħtieġ suq uniku dinamiku fil-komunikazzjoni elettronika għas-setturi kollha u madwar l-Ewropa kollha. Dan is-suq tassew uniku tal-komunikazzjoni se jkun is-sinsla ta' ekonomija diġitali innovattiva u "intelliġenti" u s-sies ta' suq uniku diġitali li fih is-servizzi online inkunu jistgħu jaqbżu liberament il-fruniteri.

(3)       F'suq uniku tal-komunikazzjoni elettronika bla intoppi, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u netwerks tal-komunikazzjoni elettronika lil kull konsumatur fl-Unjoni u d-dritt ta' kull utent finali li jagħżel l-aqwa offerta disponibbli fis-suq għandhom ikunu żgurati u ma għandhomx jixxekklu bil-frammentazzjoni tas-swieq tul il-fruntieri nazzjonali. Il-qafas regolatorju attwali għall-komunikazzjoni elettronika ma jindirizzax bis-sħiħ din il-frammentazzjoni, b'reġimi tal-awtorizzazzjoni nazzjonali minflok reġimi tal-awtorizzazzjoni ġenerali mifruxin mal-Ewropa, bi skemi nazzjonali tal-assenjament tal-ispettru, bi prodotti tal-aċċess differenti disponibbli għall-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika fi Stati Membri differenti, u b'settijiet differenti ta' regoli tal-konsumatur speċifiċi għas-settur applikabbli. Ħafna drabi, ir-regoli tal-Unjoni sempliċement jiddefinixxu linja bażi u l-Istati Membri jimplimentawhom b'modi diverġenti.

(4)       Suq tassew uniku għall-komunikazzjoni elettronika għandu jippromwovi l-kompetizzjoni, l-investiment u l-innovazzjoni f'netwerks u servizzi ġodda u mtejba billi jrawwem l-integrazzjoni tas-suq u l-offerti ta' servizz bejn il-fruntieri. Għalhekk dan għandu jgħin biex jintlaħqu l-miri ambizzjużi ta' broadband b'veloċità għolja li tistabbilixxi d-DAE. Id-disponibbiltà dejjem akbar ta' infrastrutturi u servizzi diġitali min-naħa tagħha għandha żżid l-għażla tal-konsumaturi u l-kwalità tas-servizzi, u tgħin għal koeżjoni territorjali u soċjali, kif ukoll biex teħfief il-mobilità fl-Unjoni.

(5)       Il-benefiċċji li jġib suq uniku għall-komunikazzjoni elettronika għandhom jitwessgħu fl-ekosistema diġitali usa' li tinkludi l-manifatturi tat-tagħmir tal-Unjoni, il-provdituri tal-kontenut u tal-applikazzjonijiet u l-ekonomija usa' li tkopri setturi bħal dawk bankarji, tal-karozzi, tal-loġistika, tal-bejgħ bl-imnut, tal-enerġija, tat-trasport, li jistrieħu fuq il-konnettività biex itejbu l-produttività tagħhom pereżempju b'applikazzjonijiet cloud aċċessibbli kullimkien, oġġetti konnessi u possibbiltajiet għall-provdiment integrat tas-servizzi lil partijiet differenti tal-kumpanija. L-amministrazzjonijiet pubbliċi u s-settur tas-saħħa għandhom jibbenefikaw ukoll minn disponibbiltà usa' tas-servizzi tal-gvern elettroniku u tas-saħħa elettronika. L-offerta ta' kontenut u servizzi kulturali, u d-diversità kulturali inġenerali, tista' wkoll titjieb f'suq uniku għall-komunikazzjonijiet elettroniċi. Il-provdiment ta' konnettività b'netwerks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika għandu importanza partikolari għall-ekonomija usa' u għas-soċjetà tant li għandhom jiġu evitati piżijiet, regolatorji jew mod ieħor, speċifiċi għas-setturi, li mhumiex ġustifikati.

(6)       Dan ir-Regolament għandu l-għan li jitlesta s-suq uniku tal-komunikazzjoni elettronika permezz ta' azzjoni fuq tliet assi wisgħin u interrelatati. L-ewwel nett, dan għandu jiżgura l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-komunikazzjoni elettronika bejn il-fruntieri u netwerks tal-komunikazzjoni elettronika fi Stati Membri differenti, filwaqt li jibni fuq il-kunċett ta' awtorizzazzjoni unika tal-UE li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jiżguraw aktar konsistenza u prevedibbiltà fil-kontenut u l-implimentazzjoni ta' regolamentazzjoni speċifika għas-setturi madwar l-Unjoni kollha. It-tieni, dan hu meħtieġ biex b'termini u kundizzjonijiet aktar konverġenti għal inputs essenzjali, ikun jista' jsir aċċess għall-provdiment ta' netwerks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, mhux biss għall-komunikazzjoni broadband bla wajers, li għaliha l-ispettru liċenzjat u mhux liċenzjat huma importanti, iżda anke għall-konnettività tal-linja fissa. It-tielet, bl-interessi li jiġu allinjati l-kundizzjonijiet kummerċjali u li tinbena l-kunfidenza diġitali taċ-ċittadini, dan ir-Regolament għandu jarmonizza r-regoli dwar il-protezzjoni tal-utenti finali, l-aktar tal-konsumaturi. Dan jinkludi regoli dwar in-nondiskriminazzjoni, l-informazzjoni kuntrattwali, it-terminazzjoni ta' kuntratti u l-bidla minn provditur għal ieħor, kif ukoll regoli dwar l-aċċess għall-kontenut, l-applikazzjonijiet u s-servizzi online, u dwar il-ġestjoni tat-traffiku li ma jħarsux biss lill-utenti finali iżda fl-istess waqt jiżguraw kontinwità fil-funzjonament tal-ekosistema tal-onternet bħala mutur tal-innovazzjoni. Barra minn hekk, aktar riformi fil-qasam tar-roaming, lill-utenti finali għandhom jagħtuhom il-kunfidenza biex jibqgħu konnessi meta jivvjaġġaw fl-Unjoni, u maż-żmien għandhom jimbuttaw kundizzjonijiet konvergenti dwar l-ipprezzar u oħrajn fl-Unjoni.

(7)       Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jikkomplementa l-qafas regolatorju eżistenti tal-Unjoni (id-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[14], id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[15], id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[16], id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[17], id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[18], id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE[19], kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[20], ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[21] u d-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew[22]) u l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli adottati f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, billi jistabbilixxi drittijiet u obbligi speċifiċi għall-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika kif ukoll għall-utenti finali, billi jagħmel emendi konsegwenzjali fid-Direttivi eżistenti u fir-Regolament (UE) Nru 531/2012 sabiex jiżgura konverġenza akbar u xi tibdiliet sostantivi konsistenti f'Suq Uniku aktar kompetittiv.

(8)       Il-miżuri previst f'dan ir-Regolament jirrispettaw il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika jiġifieri li la jimponu u lanqas jiddiskriminaw favur l-użu ta' tip partikolari ta' teknoloġija.

(9)       Il-provdiment tal-komunikazzjoni elettronika bejn il-fruntieri għadu soġġett għal piżijiet akbar minn dawk fil-fruntieri nazzjonali. B'mod partikolari, il-provdituri transfruntieri għadhom jinnotifikaw u jħallsu l-miżati fi Stati Membri ospitanti individwali. Id-detenturi ta' awtorizzazzjoni unika tal-UE għandhom ikunu soġġetti għal sistema unika ta' notifika fl-Istat Membru tal-istabbiliment ewlieni tagħhom (l-Istat Membru tad-domiċilju), u għalhekk jitnaqqas il-piż amministrattiv lill-operaturi transfruntieri. L-awtorizzazzjoni unika tal-UE għandha tapplika għal kull impriża li tipprovdi jew beħsiebha tipprovdi servizzi u netwerks tal-komunikazzjoni elettronika f'aktar minn Stat Membru wieħed, u biha tkun intitolata tgawdi d-drittijiet mehmuża mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u netwerks tal-komunikazzjoni elettronika skont dan ir-Regolament fi kwalunkwe Stat Membru. Awtorizzazzjoni unika tal-UE li tiddefinixxi l-qafas legali applikabbli għall-operaturi tal-komunikazzjoni elettronika li jipprovdu servizzi madwar l-Istati Membri skont awtorizzazzjoni ġenerali fl-Istat Membru tad-domiċilju għandha tiżgura l-effikaċja tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u netwerks tal-komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni kollha.

(10)     Il-provdiment ta' servizzi u netwerks tal-komunikazzjoni elettronika bejn il-fruntieri jaf jieħu forom differenti, u dan jiddependi minn bosta fatturi fosthom it-tip ta' netwerk jew servizz ipprovdut, il-qies tal-infrastruttura fiżika meħtieġa jew l-għadd ta' abbonati fl-Istati Membri differenti. L-intenzjoni li jiġu pprovduti servizzi tal-komunikazzjoni elettronika bejn il-fruntieri jew li jiġi operat netwerk tal-komunikazzjoni elettronika f'aktar minn Stat Membru wieħed tista' tintwera b'attivitajiet bħan-negozjar ta' ftehimiet dwar l-aċċess għal netwerks fi Stat Membru partikolari jew il-kummerċjalizzazzjoni minn sit fuq l-internet fil-lingwa tal-Istat Membru mmirat.

(11)     Irrispettivament minn kif il-provditur jagħżel li jopera netwerks tal-komunikazzjoni elettronika jew minn kif jipprovdi s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika bejn il-fruntieri, ir-reġim regolatorju applikabbli għal provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika għandu jkun newtrali fil-konfront tal-għażliet kummerċjali sottostanti għall-organizzazzjoni tal-funzjonijiet u l-attivitajiet madwar l-Istati Membri. Għalhekk, irrispettivament mill-istruttura kummerċjali tal-impriża, l-Istat Membru tad-domiċilju ta' provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika għandu jkun dak l-Istat Membru fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet strateġiċi dwar il-provdiment ta' netwerks jew servizzi tal-komunikazzjoni elettronika.

(12)     L-awtorizzazzjoni unika tal-UE għandha tissejjes fuq l-awtorizzazzjoni ġenerali fl-Istat Membru tad-domiċilju. Din ma għandhiex tkun soġġetta għal kundizzjonijiet li diġà huma applikabbli premezz ta' xi liġi nazzjonali eżistenti oħra li mhix speċifika għas-settur tal-komunikazzjoni elettronika. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 għandhom japplikaw ukoll għall-provdituri Ewropej tal-komunikazzjoni elettronika.

(13)     Il-biċċa l-kbira tal-kundizzjonijiet speċifiċi għas-setturi, bħal pereżempju dwar l-aċċess għal netwerks jew is-sigurtà u l-integrità tagħhom jew dwar l-aċċess għal servizzi ta' emerġenza, huma relatati ferm mal-post fejn jinsab dan in-netwerk jew fejn jiġi pprovdut dan is-servizz. Għalhekk, provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika jaf ikun soġġett għal kundizzjonijiet applikabbli fl-Istati Membri fejn jopera, sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor.

(14)     Meta l-Istati Membri ikun jeħtieġu kontribuzzjoni mingħand is-settur biex jiffinanzjaw l-obbligi tas-servizz universali u l-ispejjeż amministrattivi tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, il-kriterji u l-proċeduri biex jitqassmu l-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati u nondiskriminatorji fir-rigward tal-provdituri Ewropej tal-komunikazzjoni elettronika, sabiex ma jixxekkilx id-dħul fis-suq transfruntieri, b'mod partikolari ta' parteċipanti ġodda jew operaturi iżgħar; għalhekk il-kontribuzzjonijiet mingħand impenji individwali għandhom iqisu s-sehem tas-suq tal-kontributur mil-lat ta' fatturat li għamel fl-Istat Membru rilevanti u għandhom ikunu soġġetti għall-applikazzjoni ta' livell limitu de minimis.

(15)     Hemm bżonn ikun żgurat li f'ċirkustanzi simili ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni fit-trattament ta' kull provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika minn Stati Membri differenti u li jiġu applikati prattiċi regolatorji konsistenti fis-suq uniku, b'mod partikolari fir-rigward ta' miżuri li huma fl-ambitu tal-Artikoli 15 jew 16 tad-Direttiva 2002/21/KE, jew tal-Artikoli 5 jew 8 tad-Direttiva 2002/19/KE. Għalhekk il-provdituri Ewropej tal-komunikazzjoni elettronika għandu jkollhom dritt għal trattament ugwali mill-Istati Membri differenti f'sitwazzjonijiet oġġettivament ekwivalenti sabiex ikunu jistgħu isiru operazzjonijiet multiterritorjali aktar integrati. Barra minn hekk, għandu jkun hemm proċeduri speċifiċi fil-livell tal-Unjoni għar-reviżjoni ta' abbozzi tad-deċiżjonijiet dwar ir-rimedji skont it-tifsira tal-Artikolu 7a tad-Direttiva 2002/21/KE f'każijiet bħal dawn, sabiex ikunu evitati diverġenzi mhux ġustifikati fl-obbligi applikabbli għall-provdituri Ewropej tal-komunikazzjoni elettronika fi Stati Membri differenti.

(16)     Għandha tiġi stabbilita allokazzjoni ta' kompetenzi regolatorji u superviżorji bejn l-Istat Membru tad-domiċilju u l-Istat Membru ospitanti tal-provdituri Ewropej tal-komunikazzjoni elettronika bil-għan li jonqsu l-ostakli għad-dħul filwaqt li jkun żgurat li jiġu infurzati kif jixraq il-kundizzjonijiet applikabbli għall-provdiment ta' servizzi u entwerks tal-komunikazzjoni elettronika minn dawn il-provdituri. Għalhekk, filwaqt li kull awtorità regolatorja nazzjonali għandha tissorvelja l-konformità mal-kundizzjonijiet applikabbli fit-territorju tagħha skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, inkluż b'sanzjonijiet u miżuri interim, l-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru tad-domiċilju biss għandha tkun intitolata li tissospendi jew tirtira d-drittijiet ta' provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika milli jipprovdi netwerks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni kollha jew f'parti minnha.

(17)     L-ispettru tar-radju hu ġid pubbliku u riżors essenzjali għas-suq intern għal komunikazzjoni mobbli, broadband bla wajers u bis-satellita fl-Unjoni. L-iżvilupp tal-komunikazzjoni broadband bla wajers tgħin fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa u b'mod partikolari fl-għan li jkun żgurat aċċess għall-broadband b'veloċità ta’ mhux inqas minn 30 Mbps sal-2020 għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni u li l-Unjoni jkollha provdiment ta' broadband bl-ogħla veloċità u kapaċità possibbli. Madankollu, reġjuni globali kbar oħrajn — l-Amerika ta' Fuq, l-Afrika u partijiet mill-Asja — qabżuha lill-Unjoni fejn jidħlu l-varar u l-penetrazzjoni ta' teknoloġiji broadband bla wajers tal-aħħar ġenerazzjoni li hemm bżonn biex jintlaħqu dawk l-għanijiet strateġiċi. Il-proċess frammentat biex tingħata awtorizzazzjoni u biex tkun disponibbli banda ta' 800 MHz għal komunikazzjoni broadband bla wajers, b'aktar minn nofs l-Istati Membri jitolbu deroga jew inkella ma jirnexxilhomx jagħmlu dan sal-iskadenza stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju[23] (RSPP), jixhed l-urġenza ta' azzjoni anke fit-terminu tal-RSPP attwali. Il-miżuri tal-Unjoni biex tarmonizza l-kundizzjonijiet tad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-ispettru tar-radju għal komunikazzjoni broadband bla wajers skont id-Deċiżjoni 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[24] ma kinux biżżejjed biex jindirizzaw din il-problema.

(18)     L-applikazzjoni ta' bosta politiki nazzjonali toħloq inkonsistenzi u frammentazzjoni fis-suq intern li jfixklu l-varar ta' servizzi madwar l-Unjoni u t-tlestija tas-suq intern għal komunikazzjoni broadband bla wajers. B'mod partikolari din tista' toħloq kundizzjonijiet mhux indaqs għall-aċċess għal servizzi bħal dawn, ixxekkel il-kompetizzjoni bejn impenji fi Stati Membri differenti u toħnoq investimenti f'netwerks u teknoloġiji aktar avvanzati u l-ħruġ ta' servizzi innovattivi, u b'hekk iċaħħad liċ-ċittadini u lin-negozji milli jkollhom servizzi integrati ta' kwalità għolja aċessibbli kullimkien u ċċaħħad lill-operaturi tal-broadband bla wajers milli jżidu aktar l-effiċjenza permezz ta' operazzjonijiet aktar integrati fuq skala kbira. Għalhekk, azzjoni fil-livell tal-Unjoni dwar ċerti aspetti tal-assenjament tal-ispettru tar-radju għandhom jakkumpanjaw l-iżvilupp ta' kopertura integrata wiesgħa ta' servizzi avvanzati tal-komunikazzjoni broadband bla wajers madwar l-Unjoni kollha. Fl-istess waqt, l-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li jadottaw miżuri biex jorganizzaw l-ispettru tar-radju tagħhom għal finijiet ta' ordni pubblika, sigurtà pubblika u difiża.

(19)     Il-provdituri tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, inklużi operaturi tat-telefonija mobbli jew konsorzji ta' dawn l-operaturi, għandhom ikunu jistgħu jorganizzaw flimkien il-koperatura effiċjenti u affordabbli ta' parti wiesgħa mit-territorju tal-Unjoni għall-benefiċċju fit-tul tal-utenti finali, u għalhekk jużaw l-ispettru tar-radju f'bosta Stati Membri b'kundizzjonijiet, proċeduri, spejjeż, skedar, tul taż-żmien simili f'baned armonizzati, u b'pakketti komplementari tal-ispettru tar-radju, bħal taħlita ta' frekwenzi aktar baxxi u ogħla għal kopertura f'żoni b'popolazzjoni densa u inqas densa. Inizjattivi għal aktar kordinazzjoni u konsistenza jtejbu wkoll il-prevedibbiltà tal-ambjent tal-investiment tan-netwerk. Din il-prevedibbiltà tiffavorixxiha sew politika ċara favur id-drittijiet għal żmien fit-tul tal-użu relatat mal-ispettru tar-radju, mingħajr preġudizzju għan-natura indefinita ta' drittijiet bħal dawn f'xi Stati Membri, u marbuta min-naħa tagħha ma' kundizzjonijiet ċari għat-trasferiment, il-kera jew il-kondiviżjoni ta' parti jew l-ispettru tar-radju kollu soġġett għal dritt individwali tal-użu bħal dan.

(20)     Għandhom jittejbu l-koordinazzjoni u l-konsistenza tad-drittijiet tal-użu tal-ispettru tar-radju, għallinqas għal baned li ġew armonizzati għal komunikazzjoni broadband fissa bla wajers, nomadika u mobbli. Din tinkludi l-baned identifikati fil-livell ITU għas-Sistemi Avvanzati tat-Telekomunikazzjoni Mobbli Internazzjonali (IMT), kif ukoll il-baned użati għan-netwerks taż-żona lokali bir-radju (RLAN) bħal dawk ta' 2.4 GHz u 5 GHz. Din għandha titwessa' wkoll għal baned li jistgħu jiġu armonizzati fil-futur għal komunikazzjoni broadband bla wajers, kif previst fl-Artikolu 3(b) tal-RSPP u fl-Opinjoni tal-RSPG dwar "Strategic challenges facing Europe in addressing the growing radio spectrum demand for wireless broadband" (L-isfidi strateġiċi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Ewropa biex tindirizza d-domanda dejjem tikber tal-ispettru tar-radju għall-broadband bla wajers) adottata fit-13 ta' Ġunju 2013, bħall-baned, fil-futur qarib, ta' 700 MHz, 1.5 GHz u 3.8-4.2 GHz.

(21)     Il-konsistenza bejn il-proċeduri nazzjonali differenti tal-assenjament tal-ispettru tar-radju se tingħata preferenza b'aktar dispożizzjonijiet espliċiti dwar il-kriterji rilevanti għall-iskedar tal-proċeduri ta' awtorizzazzjoni; għal kemm żmien ingħataw id-drittijiet tal-użu, il-miżati u l-modalitajiet kif għandhom jitħallsu; l-obbligi tal-kapaċità u tal-koperatura; definizzjoni tal-firxa tal-ispettru tar-radju u tal-blokki tal-ispettru soġġetta għal proċedura tal-għoti; rekwiżiti oġġettivi tal-livell limitu biex tiġi promossa kompetizzjoni effettiva; kundizzjonijiet għan-negozjabbiltà tad-drittijiet tal-użu, inklużi l-kundizzjonijiet tal-kondiviżjoni.

(22)     Il-limitazzjoni tal-piż tat-tariffi għal dak li teħtieġ ġestjoni ottimali tal-ispettru tar-radju, b'bilanċ bejn ħlasijiet immedjati u l-miżati perjodiċi, tħeġġeg investiment fl-infrastruttura u varar tat-teknoloġija, u tittrasferixxi l-vantaġġi tal-ispiża relatati lill-utenti finali.

(23)     Aktar assenjamenti sinkronizzati tal-ispettru tar-radju u varar konsegwenzjali tal-broadband bla wajers madwar l-Unjoni għandhom jappoġġaw il-kisba tal-effetti ta' skala fl-industriji relatati bħal tat-tagħmir tan-netwerk u tal-apparat terminali Dawn l-industriji, min-naħa tagħhom, jistgħu jqisu aktar l-inizjattivi u l-politiki tal-Unjoni dwar l-użu tal-ispettru tar-radju, milli tqiesu dan l-aħħar. Għaldaqstant għandhom jiġu stabbiliti proċedura ta' armonizzazzjoni għall-iskedi taż-żmien għall-assenjzazzjoni u tul minimu jew komuni tad-drittijiet tal-użu f'baned bħal dawn.

(24)     Fir-rigward ta' kundizzjonijiet sostantivi ewlenin oħrajn li jistgħu jingħaqdu mad-drittijiet tal-użu tal-ispettru tar-radju għall-broadband bla wajers, l-applikazzjoni konverġenti minn Stati Membri individwali tal-prinċipji u l-kriterji regolatorji stabbiliti f'dan ir-Regolament se tingħata preferenza b'mekkaniżmu tal-kordinazzjoni li permezz tiegħu l-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra jkollhom l-opportunità jikkummentaw qabel Stat Membru partikolari jagħti drittijiet tal-użu u li permezz tiegħu l-Kummissjoni jkollha l-opportunità li wara li tqis il-fehmiet tal-Istati Membri, tevita l-implimentazzjoni ta' xi proposta li jidher li ma tkunx konformi mal-liġi tal-Unjoni.

(25)     Iż-żieda kbira fid-domanda tal-ispettru tar-radju għall-broadband bla wajers, turi li għandhom jiġu promossi soluzzjonijiet għal aċċess alternattiv għall-broadband bla wajers li jkun effiċjenti fl-użu tal-ispettru. Dawn jinkludu l-użu ta' sistemi tal-aċċess bla wajers b'qawwa baxxa li jkollhom firxiet fuq żoni żgħar, bħall-hekk imsejħa "hotspots" tan-netwerks taż-żona lokali bir-radju (RLAN, magħrufa wkoll bħala "WiFi"), kif ukoll punti ta' aċċessċellulari żgħar ta' qawwa baxxa (li jissejħu wkoll femtoċelloli, pikoċelloli jew metroċelloli).

(26)     Sistemi kumplimentari tal-aċċess bla wajers bħall-RLAN, b'mod partikolari punti tal-aċċess RLAN aċċessibbli għall-pubbliku, jippermettu dejjem aktar lill-utenti finali li jaċċessaw l-internet u jippermettu lill-operaturi tat-telefonija mobbli li jtaffu t-traffiku mobbli, għax jużaw minn riżorsi armonizzati tal-ispettru tar-radju mingħajr il-bżonn ta' awtorizzazzjoni individwali jew dritt tal-użu tal-ispettru tar-radju.

(27)     S'issa, il-biċċa l-kbira tal-punti tal-aċċess RLAN jużawhom l-utenti privati bħala estensjoni lokali bla wajers tal-konnessjoni broadband fissa tagħhom. Jekk fil-limiti tal-abbonament tal-internet tagħhom, l-utenti finali jagħżlu li jaqsmu l-aċċess RLAN tagħhom ma' oħrajn, id-disponibbiltà ta' għadd kbir ta' punti tal-aċċess bħal dawn, b'mod partikolari f'żoni b'popolazzjoni densa, għandha timmassimizza l-kapaċità tad-dejta bla wajers permezz tal-użu mill-ġdid tal-ispettru tar-radju u toħloq infrastruttura broadband bla wajers kumplimentari u kosteffikaċi li tkun aċċessibbli għal utenti finali oħra. Għalhekk, għandhom jitneħħew jew jiġu evitati restrizzjonijiet bla bżonn għall-utenti finali biex jaqsmu l-punti tal-aċċess RLAN tagħhom ma' utenti finali oħra jew biex jikkomunikaw ma' dawn il-punti tal-aċċess.

(28)     Barra minn hekk, għandhom jitneħħew ukoll restrizzjonijiet bla bżonn għall-użu u l-interkonnessjoni ta' punti tal-aċċess RLAN. L-awtoritajiet pubbliċi jew il-provdituri ta' servizzi pubbliċi qed jużaw dejjem aktar il-punti tal-aċċess RLAN fl-istabbilimenti tagħhom għall-iskop tagħhom, pereżempju biex jużahom il-persunal tagħhom, ħalli l-aċċess kosteffikaċi fuq il-post miċ-ċittadini għas-servizzi tal-gvern elettroniku ikun aktar faċli, jew biex ikun sostnut il-provdiment ta' servizzi pubbliċi intelliġenti b'informazzjoni f'ħin reali, bħal pereżempju għat-trasport pubbliku jew għall-ġestjoni tat-traffiku. Dawn il-korpi jistgħu jipprovdu wkoll aċċess għal punti tal-aċċess bħal dawn għaċ-ċittadini inġenerali bħala servizz anċillari għas-servizzi offruti lill-pubbliku f'dawn l-istabbilimenti, u għandhom jitħallew jagħmlu dan skont ir-regoli dwar il-kompetizzjoni u l-akkwist pubbliku. Li aċċess lokali għan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika jsir disponibbli fi proprjetà privata jew madwarha jew f'żona pubblika limitata bħala servizz anċillari għal attività oħra li mhix dipendenti fuq dan l-aċċess, bħal pereżempju hotspots RLAN li jkunu disponibbli għall-klijenti ta' attivitajiet kummerċjali oħra jew għall-pubbliku ġenerali f'dik iż-żona, ma għandux jikkwalifika lil dan il-provditur bħala provditur tal-komunikazzjoni elettronika.

(29)     Il-punti tal-aċċess bla wajers f'żoni żgħar b'qawwa baxxa tagħmir żgħar ħafna u li ma tagħtix fil-għajn simili għar-routers tal-WiFi domestiċi, li għalihom għandhom jiġu speċifikati karatteristiċi tekniċi fil-livell tal-Unjoni għall-varar u l-użu tagħhom f'kuntesti lokali differenti soġġetti għall-awtorizzazzjoni ġenerali, mingħajr restizzjonijiet mhux xierqa minn ippjanar individwali jew permessi oħra. Il-proporzjonalità ta' miżuri li jispeċifikaw il-karatteristiċi tekniċi għal dan l-użu biex jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni ġenerali għandha tkun żgurata b'karatteristiċi li huma ferm aktar restrittivi mil-livelli limitu massimi applikabbli f'miżuri tal-Unjoni fejn jidħlu parametri bħall-output tal-enerġija.

(30)     L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ġestjoni tal-ispettru tar-radju fil-livell nazzjonali ma jżommx lil Stati Membri oħra milli jużaw l-ispettru tar-radju li huma intitolati għalih, jew milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom fejn jidħlu l-baned li għalihom, l-użu jkun armonizzat fil-livell tal-Unjoni. Filwaqt li l-attivitajiet eżistenti tal-RSPG jkunu l-pedament, hemm bżonn mekkaniżmu tal-kordinazzjoni li jiżgura li kull Stat Membru jkollu aċċess ekwu għall-ispettru tar-radju u li r-riżultati tal-kordinazzjoni jkunu konsistenti u infurzabbli.

(31)     L-esperjenza fl-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju tal-UE turi li d-dispożizzjonijiet eżistenti li jeżiġu l-applikazzjoni konsistenti tal-miżuri regolatorji kif ukoll l-għan ta' kontribut għall-iżvilupp tas-suq intern ma ħolqux biżżejjed inċentivi biex jitfasslu prodotti tal-aċċess skont standards u proċessi armonizzati, b'mod partikolari fejn jidħlu n-netwerks fissi. Meta joperaw fi Stati Membri differenti, l-operaturi jsibuha diffiċli jsibu inputs tal-aċċess bil-livelli t-tajba tal-kwalità u tal-interoperabbiltà tan-netwerk u tas-servizz, u meta dawn ikunu disponibbli, dawn l-inputs juru karatteristiċi tekniċi differenti. Dan iżid l-ispejjeż u jkun ta' xkiel għall-provdiment tas-servizzi bejn il-fruntieri nazzjonali.

(32)     L-integrazzjoni tas-suq uniku għall-komunikazzjoni elettronika se tiżdied bit-twaqqif ta' qafas li jiddefinixxi ċerti prodotti virtwali Ewropej ewlenin, li huma partikolarment importanti għall-provdituri tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika biex jipprovdu servizzi transfruntieri u biex jadottaw strateġija pan-Unjoni f'ambjent li qed isir dejjem aktar għalkollox bl-IPs, skont parametri ewlenin u karatteristiċi minimi.

(33)     Għandhom jiġu indirizzati l-ħtiġijiet operattivi li jaqdu bosta prodotti virtwali. Il-prodotti tal-aċċess broadband virtwali Ewropej għandhom ikunu disponibbli meta operatur b'saħħa sinifikanti fis-suq ikun intalab skont it-termini tad-Direttiva Qafas u tad-Direttiva dwar l-Aċċess, biex jipprovdi aċċess fuq termini regolati f''punt tal-aċċess speċifiku fin-netwerk tiegħu. L-ewwel, għandu jeħfief id-dħul tranfruntieri effiċjenti permezz ta' prodotti armonizzati li jippermettu l-provdiment tal-bidu minn provdituri trasnfruntieri tas-servizzi lill-klijenti finali tagħhom bla dewmien u bi kwalità prevedibbli u biżżejjed, inklużi servizzi lil klijenti kummerċjali b'bosta stabbilimenti fi Stati Membri differenti, meta dan ikun meħtieġ u proporzjonat skont l-analiżi tas-suq. Dawn prodotti armonizzati għandhom ikunu disponibbli għal biżżejjed żmien biex min ifittex aċċess u l-provdituri jkunu jistgħu jippjanaw investimenti għal żmien medju u fit-tul.

(34)     It-tieni, prodotti tal-aċċess virtwali sofistikati li jeħtieġu livell ogħla ta' investiment minn min ifittex aċċess u li jippermettulhom livell ogħla ta' kontroll u differenzjazzjoni, b'mod partikolari billi jipprovdu aċċess fuq livell aktar lokali, huma importantibiex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal kompetizzjoni sostenibbli fis-suq intern kollu. Għalhekk, dawn il-prodotti tal-aċċess ewlenin għall-operaturi għal netwerks tal-aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss (NGA) għandhom ikunu armonizzati wkoll biex jeħfief l-investiment transfruntieri. Dawn il-prodotti tal-aċċess broadband virtwali għandhom jitfasslu bil-funzjonalitajiet ekwivalenti għad-diżaggregazzjoni fiżika, sabiex iwessgħu l-firxa ta' rimedji potenzjali għall-operaturi li jkunu jistgħu jitqiesu mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fil-valutazzjoni tal-proporzjonalità skont id-Direttiva 2002/19/KE.

(35)     It-tielet nett, jeħtieġ ukoll li jiġi armonizzat prodott tal-aċċess għall-oepraturi għal segmenti tat-terminazzjoni tal-linji mikrija b'interfaċċi mtejba, ħalli jkun jista' jsir provdiment transfruntieri ta' servizzi ta' konnessjoni kritika għall-missjoni għall-aktar utenti kummerċjali eżiġenti.

(36)     F'kuntest ta' migrazzjoni progressiva gћal "netwerks ibbażati għalkollox fuq l-IPs", in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' prodotti tal-konnettività bbażati fuq il-protokoll tal-IP għal klassijiet differenti ta' servizzi bi kwalità tas-servizzi żgurata li tippermetti mogħdijiet tal-komunikazzjoni bejn id-dominji tan-netwerk u bejn it-trufijiet tan-netwerk, kemm fl-Istati Membri kif ukoll bejniethom, ixekkel l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet li jistrieħu fuq l-aċċess għal netwerks oħrajn, u allura jillimita l-innovazzjoni teknoloġika. Barra minn hekk, din is-sitwazzjoni żżomm it-tixrid fuq skala usa' ta' effiċjenzi relatati mal-ġestjoni u l-provdiment ta' netwerks ibbażati fuq l-IPs u prodotti tal-konnettività b'livell żgurat ta' kwalità tas-servizzi, b'mod partikolari aktar sigurtà, affidabbiltà u flessibbiltà, kosteffikaċja u provdiment aktar malajr, li minnhom igawdu l-operaturi tan-netwerk, il-provdituri tas-servizzi u l-utenti finali. Għaldaqstant approċċ armonizzat għat-tfassil u d-disponibbiltà ta' dawn il-prodotti hu meħtieġ skont termini raġonevoli inkluż, meta tintalab, il-possibbiltà ta' provdiment inkroċjat mill-impenji tal-komunikazzjoni elettronika kkonċernati.

(37)     It-twaqqif ta' prodotti tal-aċċess broadband virtwali Ewropej skont dan ir-Regolament għandu jkun rifless fil-valutazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-aktar rimedji xierqa tal-aċċess għan-netwerks tal-operaturi magħrufa li għandhom saħħa sinifikanti fis-suq, filwaqt li għandha tiġi evitata regolamentazzjoni żejda bil-multiplikazzjoni inutli ta' prodotti tal-aċċess għall-operaturi, kemm jekk ikunu imposti skont l-analiżi tas-suq jew jekk provduti skont kundizzjonijiet oħrajn. B'mod partikolari, l-introduzzjoni ta' prodotti tal-aċċess virtwali Ewropej ma għandux fih innifsu jwassal biex jiżdied l-għadd ta' prodotti tal-aċċess regolati imposti fuq operatur partikolari. Barra ninn hekk, il-ħtieġa biex l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, jivvalutaw jekk prodott tal-broadband għall-aċċess virtwali għandux ikun impost minflok rimedji tal-aċċess fuq il-livell tal-operaturi,u jekk hux xieraq li jiġi impost prodott Ewropew tal-broadband għall-aċċess virtwali fil-kuntest ta' nalaiżijiet futuri tas-suq fejn isibu saħħa fis-suq sinifikanti, m'għandhiex teffettwa r-responsabbiltà tagħhom li jidndtifikaw l-aktar rimedju xieraq u effettiv biex jindirizzaw il-problema tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE.

(38)     Fl-interessi tal-prevedibbiltà regolatorja, anke l-elementi ewlenin tal-prattika tad-deċiżjonijiet li qed tevolvi fil-qafas legali attwali li taffettwa l-kundizzjonijiet li skonthom il-prodotti tal-aċċess għall-operaturi, inklużi l-prodotti tal-aċċess broadband virtwali Ewropej, isiru disponibbli għan-netwerks NGA, għandhom jiġu riflessi fil-leġiżlazzjoni. Dawn għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jirriflettu l-importanza, għall-analiżi tas-swieq tal-aċċess għall-operaturi u b'mod partikolari dwar jekk hemmx bżonn kontrolli tal-prezzijiet għal dan l-aċċess għan-netwerks NGA, tar-relazzjoni bejn ir-restrizzjonijiet kompetittivi minn infrastrutturi fissi jew bla wajers alternattivi, garanziji effettivi ta' aċċess nondiskriminatorju, u l-livell attwali ta' kompetizzjoni mil-lat ta' prezz, għażla u kwalità għall-konsumaturi. Fl-aħħar mill-aħħar, din l-aħħar kunsiderazzjoni tiddetermina l-benefiċċji għall-utenti finali. Pereżempju, meta jmexxu l-valutazzjoni tagħhom skont il-każ konformi mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE u bla preġudizzju għall-valutazzjoni tas-saħħa sinifikanti fis-suq u l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jqisu li fil-preżenza ta' żewġ netwerks NGA fissi, il-kundizzjonijiet tas-swieq huma kompetittivi biżżejjed biex imexxu l-aġġornamenti tan-netwerks u jeveolvu lejn il-forniment ta' servizzi ultraveloċi, li huwa parametru importnati tal-kompetizzjoni fuq il-livell tal-konsumaturi.

(39)     Hu mistenni li ż-żieda fil-kompetizzjoni f'suq uniku twassal biex maż-żmien tonqos ir-regolamentazzjoni speċifika għas-setturi, abbażi tal-analiżi tas-suq. Fil-fatt, it-tlestija tas-suq uniku għandha twassal, fost l-oħrajn, għal xejra akbar ta' kompetizzjoni effettiva fis-swieq rilevanti, filwaqt li l-applikazzjoni ex post tal-liġi dwar il-kompetizzjoni qed kulma jmur titqies aktar biżżejjed biex tiżgura l-funzjonament tas-suq. Sabiex tkun żgurata ċ-ċarezza legali u prevedibbiltà ta' approċċi regolatorji bejn il-fruntieri, għandhom jiġu pprovduti kriterji ċari u vinkolanti dwar kif għandha ssir valutazzjoni jekk suq partikolari jiġġustifikax xorta l-impożizzjoni ta' obbligi regolatorji ex-ante , b'referenza għad-durabbiltà tal-ostakli u l-prospetti tal-kompetizzjoni, b'mod partikolari l-kompetizzjoni bbażata fuq l-infrastruttura, u l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fil-livell tal-konsumaturi skont parametri bħall-prezz, l-għażla u l-kwalità, li fl-aħħar minn l-aħħar huma dawk rilevanti għall-utenti finali u għall-kompetittività globali tal-ekonomija tal-UE. Dan għandu jsaħħaħ ir-reviżjonijiet suċċessivi tal-lista ta' swieq suxxettibbli għar-regolamentazzjoni ex ante u jgħin lir-regolaturi nazzjonali biex jiffokaw l-isforzi tagħhom fejn il-kompetizzjoni tkun għadha mhix effettiva u biex dan jagħmluh b'mod konverġenti. It-twaqqif ta' suq tassew uniku għall-komunikazzjoni elettronika jista' jaffettwaw ukoll l-ambitu ġeografiku tas-swieq, għall-finijiet kemm tar-regolamentazzjoni speċifika għas-setturi bbażata fuq il-prinċipji tal-kompetizzjoni kif ukoll tal-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni innifisha.

(40)     Id-differenzi fl-implimentazzjoni nazzjonali tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-utenti finali li huma speċifiċi għas-setturi, joħolqu ostakli sinifikanti għas-suq diġitali uniku, b'mod partikolari fi spejjeż żejda ta' konformità għall-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku li jixtiequ joffru servizzi madwar l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-frammentazzjoni u l-inċertezza rigward il-livell ta' protezzjoni mogħti fi Stati Membri differenti jimminaw il-fiduċja tal-utenti finali u jżommuhom lura milli jixtru servizzi tal-komunikazzjoni elettronika barra l-pajjiż. Sabiex jintlaħaq l-għan tal-Unjoni li jitneħħew l-ostakli għas-suq intern, hemm bżonn li jinbidlu l-miżuri legali nazzjonali diverġenti eżistenti f'sett uniku u armonizzat bis-sħiħ ta' regoli speċifiċi għas-setturi li joħolqu livell komuni għoli ta' protezzjoni għall-utenti finali. Din l-armonizzazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet legali ma għandhiex twaqqaf lill-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku milli joffru arranġamenti kuntrattwali lill-konsumaturi, li jaqbżu dak il-livell ta' protezzjoni.

(41)     Billi dan ir-Regolament jarmonizza biss ċerti regoli speċifiċi għas-setturi, dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli ġenerali dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, kif stabbilit minn atti tal-Unjoni u l-leġislazzjoni nazzjonali li timplimentahom.

(42)     Meta d-dispożizzjonijiet fil-Kapitoli 4 u 5 ta' dan ir-Regolament ikunu jirreferu għall-utenti finali, dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx japplikaw biss għall-konsumaturi iżda anke għal kategoriji oħrajn tal-utenti finali, primarjament il-mikrointrapriżi. Fuq talba individwali tagħhom, l-utenti finali ħlief il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jiftiehmu, b'kuntratt individwali, biex jitbiegħdu minn ċerti dispożizzjonijiet.

(43)     It-tlestija tas-suq uniku għall-komunikazzjoni elettronika teħtieġ ukoll it-tneħħija tal-ostakli għall-utenti finali biex jiksbu servizzi tal-komunikazzjoni elettronika madwar l-Unjoni kollha. Għalhekk, l-awtoritajiet pubbliċi ma għandhomx joħolqu jew iżommu ostakli għal xiri transfruntieri ta' servizzi bħal dawn. Il-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku ma għandhomx iċaħħdu jew jillimitaw l-aċċess jew jiddiskriminaw kontra l-utenti finali abbażi tan-nazzjonalità tagħhom jew l-Istat Membru ta' residenza. Madankollu, id-differenzjazzjoni għandha tkun tista' ssir skont differenzi ġustifikati oġġettivament fl-ispejjeż, ir-riskji u l-kundizzjonijiet tas-suq bħalma huma l-varjazzjonijiet fid-domanda u l-prezzijiet tal-kompetituri.

(44)     Jibqgħu jiddominaw differenzi sinifikanti ħafna fil-prezzijiet, kemm għal komunikazzjoni fissa kif ukoll mobbli, bejn il-komunikazzjoni domestika bil-vuċi u bl-SMS u dik li tintemm fi Stat Membru ieħor. Filwaqt li hemm differenzi sostanzjali bejn il-pajjiżi, l-operaturi u l-pakketti tat-tariffi, u bejn is-servizzi fissi u mobbli, dawn jibqgħu jaffettwaw gruppi ta' klijenti aktar vulnerabbli u joħolqu ostakli għall-komunikazzjoni bla intoppi fl-Unjoni. Dan iseħħ minkejja tnaqqis sinifikanti ħafna, u konverġenza f'termini assoluti, fir-rati tat-terminazzjoni fi Stati Membri differenti, u l-prezzijiet baxxi fis-swieq tat-tranżitu. Barra minn hekk, maż-żmien, it-tranżizzjoni għal ambjent tal-komunikazzjoni elettronika "għalkollox bl-IPs" għandha ġġib aktar tnaqqis fl-ispejjeż. Għalhekk, b'referenza għall-kriterji oġġettivi, għandha tiġi ġġustifikata kull differenza sinifikanti fit-tariffi għall-konsumaturi bejn il-komunikazzjoni fissa domestika f'distanzi twal li tkun komunikazzjoni oħra ħlief dawk f'żona lokali waħda identifikata b'kodiċi taż-żona ġeografika fil-pjan tan-numerazzjoni nazzjonali, u l-konumikazzjoni fissa li tintemm fi Stat Membru ieħor. It-tariffi għall-konsumaturi għall-komunikazzjoni mobbli internazzjonali ma għandhomx jaqbżu l-ewrotariffi tal-vuċi u tal-SMS għal sejħiet u messaġġi tar-roaming regolati rispettivament, previsti fir-Regolament (UE) Nru 531/2012 sakemm dan ma jkunx iġġustifikat b'referenza għall-kriterji oġġettivi. Dawn il-kriterji jaf jinkludu spejjeż addizzjonali u marġini relatat raġonevoli. Fatturi oġġettivi oħrajn jistgħu jinkludu differenzi fl-elastiċità tal-prezz relatat u d-disponibbiltà faċli ta' tariffi alternattivi għall-utenti finali kollha minn provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku li joffru tal-komunikazzjoni transfruntieri fl-Unjoni bi ftit ħlas jew bla ħlas, jew ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni b'funzjonalitajiet komparabbli, sakemm l-utenti finali jkunu infurmati b’mod attiv b'dawn l-alternattivi mill-provdituri tagħhom.

(45)     Matul l-aħħar deċennji l-internet żviluppa fi pjattaforma miftuħa għall-innovazzjoni bi ftit xkiel għall-aċċess għall-utenti finali, għall-provdituri tal-kontenut u tal-applikazzjonijiet u għall-provdituri tas-servizzi tal-internet. Il-qafas regolatorju attwali għandu l-għan li jippromwovi l-kapaċità tal-utenti finali li jaċċessaw u jxerrdu l-informazzjoni jew li jużaw l-applikazzjonijiet u s-servizzi li jagħżlu huma. Madankollu, dan l-aħħar, ir-rapport tal-Korp tar-Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjoni Elettronika (BEREC) dwar prattiki tal-ġestjoni tat-traffiku ppubblikat f'Mejju 2012 u studju li kkummissjonat l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumaturi u s-Saħħa u ppubblikat f'Diċembru 2012 dwar il-funzjonament tas-suq tal-aċċess u l-provdiment tal-internet minn perspettiva tal-konsumatur, urew li għadd sinifikanti ta' utenti finali jiġu affettwati minn prattiki tal-ġestjoni tat-traffiku li jimblukkaw jew jisslowjaw applikazzjonijiet speċifiċi. Dawn ix-xejriet jeħtieġu regoli ċari fil-livell tal-Unjoni biex jinżamm l-internet miftuħ u biex tkun evitata frammentazzjoni tas-suq uniku minħabba miżuri ta' Stati Membri individwali.

(46)     Il-libertà tal-utenti finali biex jaċċessaw u jxerrdu l-informazzjoni u kontenut legali, jużaw applikazzjonijiet u servizzi tal-għażla tagħhom hija soġġetta li tirrispetta l-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali kompatibbli. Dan ir-Regolament jiddefinixxi l-limiti għal kull restrizzjoni ta' din il-libertà minn provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku iżda hi mingħajr preġudizzju għal leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni, inkluż ir-regoli dwar id-dritt tal-awtur u d-Direttiva 2000/31/KE.

(47)     F'internet miftuħ, il-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku, fil-limiti miftiehma fil-kuntratt dwar il-volumi tad-dejta u l-veloċitajiet għas-servizzi tal-aċċess għall-internet, ma għandhomx jimblukkaw, jisslowjaw, jiddegradaw jew jiddiskriminaw kontra kontenut, applikazzjonijiet jew servizzi speċifiċi jew kontra klassijiet speċifiċi tagħhom ħlief għal għadd limitat ta' miżuri ta' ġestjoni raġonevoli tat-traffiku raġonevoli. Dawn il-miżuri għandhom ikunu trasparenti, proporzjonati u nondiskriminatorji. ġestjoni raġonevoli tat-traffiku tinkludi prevenzjoni jew impediment minn reati kriminali serji, inklużi azzjonijiet volontarji ta' provdituri biex jipprevenu l-aċċess għall-pornografija tat-tfal u t-tixrid tagħha. It-tnaqqis kemm jista' jkun tal-effetti tal-konġestjoni tan-netwerk għandu jitqies raġonevoli sakemm il-konġestjoni tan-netwerk tkun biss temporanja jew f'ċirkostanzi eċċezzjonali.

(48)     It-tariffi bbażati fuq il-volum għandhom jitqiesu kompatibbli mal-prinċipju ta' internet miftuħ sakemm dawn ikunu jippermettu lill-utenti finali biex jagħżlu t-tariffa korrispondenti għall-konsum normali tad-dejta tagħhom, skont informazzjoni trasparenti dwar il-kundizzjonijiet u l-implikazzjonijiet ta' din l-għażla. Fl-istess waqt, dawn it-tariffi għandhom jippermettu lill-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku li jadattaw aħjar il-kapaċitajiet tan-netwerks skont il-volumi tad-dejta mistennija. Hu essenzjali li l-utenti finali jkunu infurmati bis-sħiħ, qabel jaqblu ma' xi limitazzjonijiet fil-volum jew fil-veloċità tad-dejta u mat-tariffi applikabbli, li huma jistgħu jsegwu kontinwament il-konsum tagħhom u faċilment jistgħu jiksbu estensjonijiet fil-volumi tad-dejta disponibbli jekk dawn ikunu jixtiequ.

(49)     L-utenti finali qed juru domanda wkoll għal servizzi u applikazzjonijiet li jeħtieġu livell aħjar ta' kwalità tas-servizzi li joffru l-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku jew il-provdituri tal-kontenut, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi. Dawn is-servizzi, fost l-oħrajn, jistgħu jinkludu xandir bil-Protokoll tal-Internet (IP-TV), mezzi ta' vidjokonferenza u ċerti applikazzjonijiet tas-saħħa. Għalhekk l-utenti finali għandhom ukoll ikunu liberi biex jikkonkludu ftehimiet dwar il-provdiment ta' servizzi speċjalizzati bi kwalità tas-servizzi aħjar ma' provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku jew ma' provdituri tal-kontenut, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi.

(50)     Barra minn hekk, hemm domanda għall-provdituri tal-kontenut, l-applikazzjonijiet u s-servizzi biex jipprovdu servizzi ta' trażmissjoni bbażati fuq parametri tal-kwalità flessibbli, inklużi livelli aktar baxxi ta' prijorità għat-traffiku li ma tkunx sensittiva għall-ħin. Il-possibbiltà għall-provdituri tal-kontenut, l-applikazzjonijiet u s-servizzi biex jinnegozjaw dawn il-livelli flessibbli ta' kwalità ta' servizzi ma' provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku hemm bżonnha għall-provdiment ta' servizzi speċjalizzati u hu mistenni li jkollha rwol importanti fl-iżvilupp ta' servizzi ġodda bħall-komunikazzjoni M2M (bejn magna u magna). Fl-istess waqt, dawn l-arranġamenti għandhom jippermettu lill-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku li jibbilanċjaw aħjar it-traffiku u jipprevenu konġestjoni fin-netwerks. Għalhekk, il-provdituri tal-kontenut, l-applikazzjonijiet u s-servizzi, u l-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku għandhom ikunu liberi li jikkonkludu ftehimiet dwar servizzi speċjalizzati b'livelli definiti ta' kwalità tas-servizzi sakemm dawn il-ftehimiet ma jkunux qed idgħajfu sostanzjalment il-kwalità ġenerali tas-servizzi tal-aċċess għall-internet.

(51)     L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jaqdu rwol essenzjali biex ikun żgurat li l-utenti finali effettivament ikunu jistgħu jeżerċitaw din il-libertà biex jużaw l-aċċess tal-internet miftuħ. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandu jkollhom l-obbligi tal-monitoraġġ u tar-rappurtar, u jiżguraw il-konformità tal-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku u d-disponibbiltà ta' servizzi tal-aċċess għall-internet nondiskriminatorji u ta' kwalità għolja li ma jiddgħajfux sostanzjalment minn servizzi speċjalizzati. Fil-valutazzjoni tagħhom ta' xkiel ġenerali possibbli għas-servizzi tal-internet, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom iqisu parametri ta' kwalità bħat-timing u l-affidabbiltà (latenza, jitter, telf fil-pakketti), livelli u effetti tal-konġestjoni fin-netwerk, veleoċitajiet attwali kontra dawk riklamati, il-prestazzjoni tas-servizzi tal-aċċess tal-internet imqabbla ma' servizzi speċjalizzati, u l-kwalità kif perċepita mill-utenti aħħarin. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jingħataw is-setgħa jimponu rekwiżiti minimi tal-kwalità tas-servizzi fuq kull provditur tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku jew fuq uħud individwali, jekk dan ikun meħtieġ biex jevita degradazzjoni ġenerali fil-kwalità tas-servizzi għal servizzi tal-aċċess għall-internet.

(52)     Il-miżuri li jiżguraw aktar trasparenza u komparabbiltà tal-prezzijiet, it-tariffi, it-termini u l-kundizzjonijiet, u l-parametri tal-kwalità tas-servizzi, inklużi dawk speċifiċi għall-provdiment tas-servizzi tal-aċċess għall-internet, għandhom iżidu l-kapaċità tal-utenti finali biex jottimizzaw l-għażla tagħhom tal-provdituri u b'hekk igawdu l-kompetizzjoni bis-sħiħ.

(53)     L-utenti finali għandhom ikunu infurmati kif jixraq dwar il-prezz u t-tip ta' servizz offrut qabel jixtru servizz. Din l-informazzjoni għandha tingħata wkoll minnufih qabel il-konnessjoni tas-sejħa meta s-sejħa għal numru jew servizz speċifiċi tkun soġġetta għal kundizzjonijiet partikolari tal-prezzijiet, bħal sejħiet għal servizzi b'rata premium li bosta drabi jkunu soġġetti għal rata speċjali. Meta obbligu bħal dan ikun sproporzjonat minħabba t-tul u l-ispiża tal-informazzjoni dwar it-tariffi għall-provditur tas-servizz meta mqabbel mat-tul medju tas-sejħa u r-riskju tal-ispiża li għalih ikun espost l-utent finali, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jagħtu deroga. L-utenti finali għandhom ikunu informati wkoll jekk numru ta' telefonata bla ħlas ikunx soġġett għal ħlasijiet addizzjonali.

(54)     Il-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku għandhom jinfurmaw lill-utenti finali kif jixraq, fost l-oħrajn dwar is-servizzi u t-tariffi tagħhom, il-parametri tal-kwalità tas-servizzi, l-aċċess għas-servizzi ta' emerġenza u kull limitazzjoni, u l-għażla ta' servizzi u prodotti li tfasslu għal konsumaturi b'diżabbiltà. Din l-informazzjoni għandha tingħata b'mod ċar u trasparenti u tkun speċifika għall-Istati Membri fejn ikunu pprovduti s-servizzi, u tiġi aġġornata meta jkollhom xi tibdil. Il-provdituri għandhom jiġu eżentati minn dawn ir-rekwiżiti tal-informazzjoni meta l-offerti li jiġu negozjati b'mod individwali.

(55)     Id-disponibbiltà ta' informazzjoni komparabbli dwar prodotti u servizzi hi importanti ħafna biex l-utenti finali ikunu jistgħu jagħmlu evalwazzjoni indipendenti tal-offerti. L-esperjenza turi li d-disponibilità ta' informazzjoni affidabbli u komparabbli żżid il-kunfidenza tal-utenti finali biex jużaw is-servizzi u żżidilhom ir-rieda biex jeżerċitaw l-għażla tagħhom.

(56)     Il-kuntratti huma mezz importanti għall-utenti finali biex ikun żgurat livell għoli ta' trasparenza fl-informazzjoni u ċertezza legali. Lill-utent finali, il-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku għandhom jagħtuh informazzjoni ċara u komprensiva dwar kull element essenzjali tal-kuntratt qabel dan jintrabat bih. L-informazzjoni għandha tkun obbligatorja u ma għandhiex tinbidel ħlief bi ftehim sussegwenti bejn l-utent finali u l-provditur Dan l-aħħar, il-Kummissjoni u bosta awtoritajiet regolatorji nazzjonali sabu diskrepanzi konsiderevoli bejn il-veloċità riklamata tas-servizzi tal-aċċess għall-internet u l-veloċità proprja disponibbli lill-utenti finali. Għalhekk, il-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku għandhom jinfurmaw lill-utenti finali, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, dwar il-veloċità u parametri oħra tal-kwalità tas-servizzi li huma jistgħu realistikament jipprovdu fil-post ewlieni tal-utent finali.

(57)     Fir-rigward ta' tagħmir terminali, il-kuntratti għandhom jispeċifikaw kull restrizzjoni imposta mill-provditur fejn jidħol l-użu tat-tagħmir, pereżempju b'apparat mobbli bis-"SIM-locking", u kull imposta dovuta għat-terminazzjoni tal-kuntratt qabel id-data tal-iskadenza miftiehma. L-ebda imposta ma għandha tkun dovuta wara li jiskadi t-tul taż-żmien miftiehem tal-kuntratt.

(58)     Biex jiġu evitati ħasdiet bil-kontijiet, l-utenti finali għandhom ikunu jistgħu jiddefinixxu limiti finanzjarji massimi għall-imposti relatati ma' kemm jużaw is-servizzi tas-sejħiet u tal-aċċess għall-internet. Din il-faċilità għandha tkun disponibbli bla ħlas, b'notifika xierqa li tkun tista' terġa' tiġi kkonsultata mill-ġdid meta jinqorob il-limitu. Meta jintlaħaq il-limitu massimu, l-utenti finali ma għandhomx jibqgħu jirċievu dawk is-servizzi u ma għandhomx jibqgħu jintalbu jħallsu għalihom, sakemm dawn ma jitolbux speċifikament li jissokta l-provdiment kif miftiehem mal-provditur.

(59)     L-esperjenza mill-Istati Membri u minn studju riċenti li kkummissjonat l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumaturi u s-Saħħa wriet li perjodi twal tal-kuntratt u estensjonijiet awtomatiċi jew taċiti tal-kuntratti joħolqu ostakli sinifikanti biex wieħed ikun jista' jibdel il-provditur. Għaldaqstant hu mixtieq li bla ma jġarrbu spejjeż, l-utenti finali għandhom ikunu jistgħu jitterminaw kuntratt sitt xhur wara l-konklużjoni tiegħu. F'dan il-każ, l-utenti finali jistgħu jintalbu jikkompensaw lill-provdituri tagħhom għall-valur residwu tat-tagħmir terminali sussidjat jew għall-valur pro rata tempore ta' xi promozzjonijiet oħrajn. Il-kuntratti li jiġu estiżi b'mod taċitu għandhom ikunu soġġetti għal terminazzjoni b'perjodu ta' avviż ta' xahar.

(60)     Kull bidla sinifikanti fil-kundizzjonijiet kuntrattwali imposti mill-provdituri ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku għad-detriment tal-utenti finali, pereżempju fejn jidħlu l-ispejjeż, it-tariffi, il-limitazzjonijiet fil-volum tad-dejta, il-veloċitajiet tad-dejta, il-kopertura jew l-ipproċessar tad-dejta personali, għandhom jitqiesu li jagħtu lok għad-dritt lill-utent finali biex itemm il-kuntratt mingħajr ma jġarrab spejjeż.

(61)     Raggruppamenti li jinkludu komunikazzjoni elettronika u servizzi oħra bħal xandir lineari saru dejjem aktar mifruxin u huma element importanti tal-kompetizzjoni. Meta regoli kuntrattwali diverġenti dwar it-terminazzjoni tal-kuntratt u l-bidla minn provditur għal ieħor, ikunu japplikaw għas-servizzi differenti li jiffurmaw dawn ir-raggruppamenti, l-utenti finali jiġu evitati effettivament milli jaqilbu għal offerti kompetittivi għar-raġġuppament kollu jew partijiet minnu. Għalhekk, id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament dwar it-terminazzjoni tal-kuntratt u l-bidla minn provditur għal ieħor, għandhom japplikaw għal kull element ta' raggruppament bħal dan.

(62)     Sabiex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-ambjent kompetittiv, l-utenti finali għandhom ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati u jibdlu minn provditur għal ieħor meta dan ikun fl-interess tagħhom. Għalhekk, l-utenti finali għandhom ikunu jistgħu jaqilbu mingħajr ma jixxekklu minn ostakli legali, tekniċi jew proċedurali, inklużi l-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-imposti. Il-portabbiltà tan-numri hu faċilitatur ewlieni għall-għażla tal-konsumaturi u għal kompetizzjoni effikaċi. Din għandha tiġi implimentata b'dewmien mill-anqas ħalli n-numru jiġi attivat effettivament fi żmien ġurnata tax-xogħol minn meta jiġi konkluż ftehim għall-portabbiltà tan-numru. L-għeluq ta' kontijiet pendenti ma għandux ikun kundizzjoni għall-eżekuzzjoni ta' talba għall-portabbiltà.

(63)     Sabiex jiġi appoġġat il-provdiment ta' one-stop-shops u sabiex l-utenti finali jsibuha eħfef biex jibdlu l-provditur bla intoppi, il-proċess tal-bidla minn provditur għal ieħor għandu jmexxih il-provditur riċeventi tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku. Il-provditur trasferenti tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku ma għandux itawwal jew ixekkel il-proċess tal-bidla minn provditur għal ieħor. Għandhom jintużaw kemm jista' jkun proċessi awtomatizzati u jkun żgurat livell għoli ta' protezzjoni tad-dejta personali. Id-disponibbiltà ta' informazzjoni trasparenti, preċiża u f'waqtha dwar il-bidla minn provditur għal ieħor, għandha żżid il-kunfidenza tal-utenti finali fil-bdil u tagħmilhom aktar disposti li jieħdu sehem b'mod attiv fil-proċess kompetittiv.

(64)     Il-kuntratti mal-providituri trasferenti tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku għandhom jiġu terminati awtomatikament wara li ssir il-bidla minn provditur għal ieħor, u l-utenti ma għandhomx jintalbu jagħmlu passi oħrajn. Fil-każ ta' servizzi mħallsa minn qabel, kull bilanċ ta' kreditu li ma jintefaqx għandu jintradd lura lil konsumatur li jkun qed jibdel il-provditur.

(65)     L-utenti finali jeħtieġu l-kontinwità meta jbiddlu identifikaturi importanti bħal indirizzi tal-email. Għal dan il-għan, u biex ikun żgurat li ma jintilfux l-emails, l-utenti finali għandhom jingħataw l-opportunità li jagħżlu faċilità tad-direzzjonar tal-emails, bla ħlas, li joffri l-provditur trasferenti tas-servizz tal-aċċess għall-internet meta l-utent finali jkollu indirizz tal-email pprovdut mill-provditur trasferenti.

(66)     L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jippreskrivu proċessi globali tal-portabbiltà tan-numri u tal-bidla minn provditur għal ieħor, filwaqt li jqisu l-iżvilupp teknoloġiku u l-ħtieġa li jkun żgurat proċess tal-bidla veloċi, effiċjenti u favur il-konsumatur. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom ikunu jistgħu jimponu miżuri proporzjonati biex iarsu lill-utenti finali kif jixraq tul il-proċess kollu tal-bidla minn provditur għal ieħor, inklużi sanzjonijiet xierqa li hemm bżonn biex jitnaqqsu kemm jista' jkun ir-riskji ta' abbuż jew dewmien u r-riskju li l-utenti finali jinbidlu għal provditur ieħor mingħajr il-kunsens tagħhom. Dawn għandhom ikunu jistgħu wkoll jistabbilixxu mekkaniżmu ta' kumpens awtomatiku għall-utenti finali f'każijiet bħal dawn.

(67)     L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jieħdu azzjoni effettiva biex jissorveljaw u jiżguraw konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, inkluża s-setgħa li jimponu penali finanzjarji jew amministrattivi effettivi fil-każ ta' ksur tagħhom.

(68)     Sabiex jitqiesu l-iżviluppi tekniċi u fis-suq, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' adattament tal-Annessi. Hu partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti. Meta tħejji u tfassal l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(69)     Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat ta' implimentazzjoni fir-rigward deċiżjoni li teżiġi lill-Istati Membri biex jadattaw il-pjanijiet tagħhom għall-konformità ma' skeda komuni biex jingħataw id-drittijiet tal-użu u l-użu proprja.

(70)     Is-setgħat ta' implimentazzjoni relatati mal-armonizzazzjoni u l-kordinazzjoni tal-awtorizzazzjoni tal-ispettru tar-radju, il-karatteristiċi ta' punti tal-aċċess bla wajers f'żoni żgħar, il-koordinazzjoni bejn Stati Membri fl-allokazzjoni tal-ispettru tar-radju, aktar regoli tekniċi u metodoloġiċi dettaljati dwar il-prodotti tal-aċċess virtwali Ewropej, u s-salvagwardja ta' aċċess għall-internet u ta' ġestjoni raġonevoli tat-traffiku u ta' kwalità tas-servizzi, għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.[25]

(71)     Sabiex tkun żgurata konsistenza bejn l-għan u l-miżuri meħtieġa biex jitlesta s-suq uniku tal-komunikazzjoni elettronika skont dan ir-Regolament u xi dispożizzjonijiet leġiżlattivi eżistenti speċifiċi u biex ikunu riflessi elementi ewlenin tal-prattika tad-deċiżjonijiet li qed tevolvi, għandhom jiġu emendati d-Direttiva 2002/21/KE, id-Direttivi 2002/20/KE u 2002/22/KE u r-Regolament Nru 531/2012. Dan jinkludi li għad-Direttiva 2002/21/KE u d-Direttivi relatati li jridu jinqraw ma' dan ir-Regolament, ikunu previsti l-introduzzjoni ta' setgħat imsaħħa lill-Kummissjoni biex tiżgura konsistenza tar-rimedji imposti fuq provdituri Ewropej tal-komunikazzjoni elettronika li jkollhom saħħa sinifikanti fis-suq, fil-kuntest tal-mekkaniżmu Ewropew tal-konsultazzjoni, l-armonizzazzjoni tal-kriterji adottati fil-valutazzjoni tad-definizzjoni u tal-kompetittività tas-swieq rilevanti, l-adattament tas-sistema ta' notifika skont id-Direttiva 2002/20/KE fid-dawl tal-awtorizzazzjoni unika tal-UE kif ukoll ir-revoka ta' dispożizzjonijiet dwar armonizzazzjoni minima tal-utenti finali previsti fid-Direttiva 2002/22/KE li ma jibqax bżonnhom wara l-armonizzazzjoni sħiħa prevista f'dan ir-Regolament.

(72)     Is-suq tal-komunikazzjoni mobbli jibqa' frammentat fl-Unjoni, u bla netwerk tat-telefonija mobbli li jkopri l-Istati Membri kollha. Minħabba f'hekk, sabiex jipprovdu servizzi tal-komunikazzjoni mobbli lill-klijenti domestiċi tagћhom li jivvjaġġaw fl-Unjoni, il-provdituri tar-roaming iridu jixtru servizzi tar-roaming għall-operaturi mingħand operaturi fi Stat Membru miżjur. Dawn it-tariffi għall-operaturi joħolqu impediment importanti biex jiġu pprovduti servizzi tar-roaming f'livelli ta' prezzijiet li jikkorrispondu għal servizzi mobbli domestiċi. Għalhekk għandhom jiġu adottati aktar miżuri li jiffaċilitaw it-tnaqqis ta' dawn it-tariffi. Ftehimiet kummerċjali jew tekniċi bejn il-provdituri tar-roaming li jippermettu estensjoni virtwali tal-kopertura tan-netwerk tagħhom madwar l-UE, jipprovdu mezz biex jiġu internalizzati l-ispejjeż għall-operaturi. Sabiex jiġu pprovduti inċentivi xierqa, għandhom jiġu adoatti ċerti obbligi regolatorji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[26] . B'mod partikolari, meta l-provdituri tar-roaming, bis-saħħa tan-netwerks tagħhom stess jew permezz ta' ftehimiet tar-roaming bilaterali jew multilaterali jiżguraw li l-klijenti tagħhom fl-Unjoni jiġu offruti tariffi tar-roaming fil-livell tat-tariffi domestiċi, l-obbligu li l-provdituri domestiċi jippermettu lill-klijenti tagħhom aċċess għal servizzi tar-roaming bl-SMS, il-vuċi u d-dejta ta' xi provditur alternattiv tar-roaming, ma għandux japplika għal dawn il-provdituri, u soġġett għal perjodu ta' tranżizzjoni meta dan l-aċċess ikun diġà ngħata.

(73)     Il-ftehimiet bilaterali jew multilaterali dwar ir-roaming jistgħu jippermettu operatur tat-telefonija mobbli li jittratta r-roaming mill-klijenti domestiċi tiegħu bin-netwerks ta' msieħba, bħala li, sa ċertu livell sinifikanti, ikun ekwivalenti għall-provdiment ta' servizzi lil dawn il-klijenti bin-netwerks tiegħu, b'effetti konsegwenzjali fuq il-prezzijiet tiegħu għall-konsumaturi għal din il-kopertura virtwali fuq in-netwerk proprju madwar l-Unjoni. Arranġament bħal dan fil-livell tal-operaturi jista' jippermetti l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda tar-roaming u għalhekk iżid l-għażla u l-kompetizzjoni fil-livell tal-konsumaturi.

(74)     L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa u r-Regolament Nru 531/2012 jistabbilixxu l-għan strateġiku li għandha tixxejjen id-differenza bejn it-tariffi tar-roaming u dawk domestiċi. F'termini prattiċi, dan jeħtieġ li l-konsumaturi li jkunu jaqgħu f'xi kategorija osservabbli wiesgħa tal-konsum domestiku, identifikati b'referenza għall-bosta pakketti domestiċi għall-konsumaturi li toffri xi parti, ikunu jistgħu b'mod kunfidenti jirreplikaw ix-xejra tipika tal-konsum domestiku li tkun assoċjata mal-pakketti domestiċi rispettivi tagħhom għall-konsumaturi filwaqt li minn żmien għal żmien ikunu qed jivvjaġġaw fl-Unjoni, mingħajr spejjeż addizzjonali ma' dawk imġarrba f'ambjent domestiku. Dawn il-kategoriji wiesgħin jistgħu jiġu identifikati mill-prattika kummerċjali attwali b'referenza, pereżempju, għad-differenzjazzjoni fil-pakketti domestiċi għall-konsumaturi bejn klijenti li jħallus qabel u dawk li jħallsu wara; pakketti ta' GSM biss (jiġifieri bil-vuċi, bl-SMS); pakketti adattati għal volumi differenti ta' konsum; pakketti għan-negozji u għall-użu tal-konsumatur rispettivament; pakketti għall-konsumaturi bi prezzijiet għal kull unità kkunsmata u dawk li jipprovdu "damma" ta’ unitajiet (eż. damma ta' minuti ta' vuċi, damma ta' megabytes ta' dejta) b'miżata standard, irrispettivament mill-konsum attwali. Id-diversità tal-pjanijiet u l-pakkett ta' tariffi għall-konsumaturi li huma disponibbli għal klijenti fi swieq domestiċi tat-telefonija mobbli amdwar l-Unjoni, takkomoda d-domandi varji tal-utenti li huma assoċjati ma' suq kompetittiv. Dik il-flessibbiltà fis-swieq domestiċi għandha tkun riflessa wkoll fl-ambjent tar-roaming intra-Unjoni, filwaqt li ma għandux jintesa li l-ħtieġa ta' provdituri tar-roaming għal inputs għall-operaturi mingħand operaturi indipendenti tan-netwerk fi Stati Membri differenti, xorta tista' tiġġustifika l-impożizzjoni ta' limiti b'referenza għal użu raġonevoli jekk it-tariffi domestiċi jiġu applikati għal konsum tar-roaming bħal dan..

(75)     Filwaqt li qabelxejn hu f'idejn il-provdituri tar-roaming li jivvalutaw huma stess il-karattru raġonevoli tal-volumi tas-sejħiet bil-vuċi, l-SMS u d-dejta tar-roaming li jridu jkopru r-rati domestiċi f'bosta pakketti għall-konsumaturi li jkollhom, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jissorveljaw l-applikazzjoni mingħand il-provdituri tar-roaming ta' dawn il-limiti tal-użu raġonevoli u jiżguraw li dawn ikunu definiti speċifikament b'referenza għall-informazzjoni kwantifikata dettaljata fil-kuntratti b'termini ċari u trasparenti għall-klijenti. Meta jagħmlu dan, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom iqisu sew il-gwida rilevanti tal-BEREC. Fil-gwida tiegħu, il-BEREC għandu jidentifika bosta mudelli sostanzjati bix-xejriet sottostanti tal-użu tal-vuċi, id-dejta u l-SMS fil-livell tal-Unjoni, u l-evoluzzjoni tal-aspettattivi b'mod partikolari fejn jidħol il-konsum tad-data bla wajers.

(76)     Barra minn hekk, issa, it-tnaqqis sinifikanti fir-rati tat-terminazzjoni mobbli madwar l-Unjoni kollha fil-passat riċenti għandu jippermetti t-tneħħija ta' tariffi tar-roaming addizzjonali għal telefonati riċevuti.

(77)     Sabiex tiġi pprovduta stabilità u tmexxija strateġika lill-attivitajiet tal-BEREC, il-Bord tar-Regolaturi BEREC għandu jkun irrappreżentat minn President b’impjieg sħiħ maħtur mill-Bord tar-Regolaturi, fuq il-bażi tal-mertu, il-ħiliet, l-għarfien dwar il-parteċipanti fis-swieq tal-komunikazzjoni elettronika u s-swieq, u tal-esperjenza rilevanti għas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni, wara proċedura miftuħa tal-għażla organizzata u ġestita mill-Bord tar-Regolaturi assistit mill-Kummissjoni. Għan-nomina tal-ewwel President tal-Bord tar-Regolaturi, il-Kummissjoni għandha, inter alia, tasal għal lista finali ta’ kandidati fuq il-bażi tal-mertu, il-ħiliet, l-għarfien tal-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji, u l-esperjenza rilevanti għas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni finanzjarja. Għan-nomini sussegwenti, l-opportunità li jkun hemm lista mqassra mfassla mill-Kummissjoni għandha tiġi riveduta f’rapport li għandu jiġi stabbilit skont dan ir-Regolament. L-Uffiċċju tal-BEREC għandu għalhekk jinkludi l-President tal-Bord tar-Regolaturi, Kumitat ta’ tmexxija u Maniġer Amministrattiv.

(78)     Għalhekk id-Direttivi 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/22/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1211/2009 u (UE) Nru 531/2012 għandhom jiġu emendati skont dan.

(79)     Il-Kummissjoni tista' dejjem titlob l-opinjoni tal-BEREC skont ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009, meta jidhrilha li tkun meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

(80)     Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva d-drittijiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, notevolment l-Artikolu 8 (il-protezzjoni tad-dejta personali), l-Artikolu 11 (il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni), l-Artikolu 16 (il-libertà li wieħed ikollu negozju), l-Artikolu 21 (in-nondiskriminazzjoni) u l-Artikolu 38 (il-protezzjoni tal-konsumatur).

(81)     Peress li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi l-prinċipji regolatorji u r-regoli dettaljati meħtieġa biex jitlesta suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista' jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif jistabbilixxi l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif jistabbilixxi dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu I Dispożizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 1 – L-għan u l-kamp ta' applikazzjoni

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-prinċipji regolatorji u r-regoli dettaljati meħtieġa biex jitlesta suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika, li fih:

(a) il-provdituri ta' servizzi u netwerks tal-komunikazzjoni elettronika jkollhom id-dritt, il-kapaċità u l-inċentiv li jiżviluppaw, jestendu u joperaw in-netwerks tagħhom u li jipprovdu servizzi irrispettivament minn fejn il-provditur ikun stabbilit jew fejn fl-Unjoni jkunu jinsabu l-klijenti tiegħu,

(b) iċ-ċittadini u n-negozji jkollhom id-dritt u l-possibbiltà li jaċċessaw servizzi tal-komunikazzjoni elettronika kompetittivi, siguri u affidabbli, irrispettivament minn fejn ikunu pprovduti fl-Unjoni, mingħajr ma jixxekklu minn restrizzjonijiet transfruntieri jew spejjeż addizzjonali mhux ġustifikati.

2. B'mod partikolari, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-prinċipji regolatorji li skonthom il-Kummissjoni, il-Korp tar-Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjoni Elettronika (BEREC) u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jaġixxu, ilkoll fil-limiti tal-kompetenzi tagħhom, flimkien mad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2002/19/KE, 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/22/KE, biex:

a) ikunu żgurati kundizzjonijiet regolatorji simplifikati, prevedibbli u konverġenti rigward parametri amministrattivi u kummerċjali ewlenin, inkluż fir-rigward tal-proporzjonalità ta' obbligi individwali li jistgħu jiġu imposti skont l-analiżi tas-suq;

b) tkun promossa kompetizzjoni sostenibbli fis-suq uniku u l-kompetittività globali tal-Unjoni, u biex tonqos ir-regolamentazzjoni tas-suq speċifika għas-setturi kif jixraq, meta jintlaħqu dawn l-għanijiet;

b) jitħeġġu l-investiment u l-innovazzjoni f'infrastrutturi ġodda u msaħħa ta' kapaċità għolja li jilħqu l-Unjoni kollha u li jistgħu jaqdu d-domanda tal-utenti finali li dejjem tevolvi;

d) jiġi faċilitat provdiment tas-servizz innovattiv u ta' kwalità għolja;

e) ikunu żgurati d-disponibbiltà u l-użu tassew effiċjenti tal-ispettru tar-radju, kemm jekk soġġett għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali jew tad-drittijet għall-użu individwali, għal servizzi broadband bla wajers b'appoġġ għall-innovazzjoni, l-investiment, l-impjiegi u l-ġid tal-utenti finali;

f) jinqdew l-interessi taċ-ċittadini u l-utenti finali tal-konnettività billi jitrawmu l-kundizzjonijiet tal-investiment biex tiżdied l-għażla u l-kwalità tal-aċċess għan-netwerk u tas-servizz, u billi tkun faċilitata l-mobilità madwar l-Unjoni u l-inklużjoni kemm territorjali kif ukoll soċjali.

3. Sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni tal-prinċipji regolatorji ġenerali stabbiliti fil-paragrafu 2, dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll ir-regoli dettaljati meħtieġa għal:

(a) awtorizzazzjoni unika tal-UE għall-provdituri Ewropej tal-komunikazzjoni elettronika

(b) aktar konverġenza tal-kundizzjonijiet regolatorji fir-rigward tal-ħtieġa u l-proporzjonalità ta' rimedji imposti mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fuq il-provdituri Ewropej tal-komunikazzjoni elettronika;

(c) il-providment armonizzat fil-livell tal-Unjoni ta' ċerti prodotti għall-operaturi għal broadband skont kundizzjonijiet regolatorji konverġenti;

(d) qafas Ewropew kordinat għall-assenjament tal-ispettru tar-radju armonizzat għal servizzi tal-komunikazzjoni broadband bla wajers, sabiex b'hekk jinħoloq spazju Ewropew bla wajers;

(e) l-armonizzazzjoni ta' regoli relatati mad-drittijiet tal-utenti finali u l-promozzjoni ta' kompetizzjoni effettiva fis-swieq tal-konsumaturi, biex b'hekk jinħoloq spazju Ewropew tal-konsumaturi għall-komunikazzjoni elettronika;

(f) it-tneħħija ta' soprataxxi mhux ġustifikati fuq il-komunikazzjonijiet intra-Unjoni u komunikazzjonijiet tar-roaming fl-Unjoni.

L-Artikolu 2 – Id-definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttivi 2002/19/KE, 2002/20/KE, 2002/21/KE, 2002/22/KE u 2002/77/KE.

Għandhom japplikaw ukoll dawn id-definizzjonijiet:

(1) "provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika" tfisser impriża stabbilita fl-Unjoni li tipprovdi jew beħsiebha tipprovdi netwerks jew servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, direttament jew minn sussidjarja waħda jew iżjed, indirizzati għal aktar minn Stat Membru wieħed u li ma tistax titqies bħala sussidjarja ta' provditur ieħor tal-komunikazzjoni elettronika;

(2) "provditur tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku" tfisser impriża li tipprovdi netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni elettronika jew servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku;

(3) "sussidjarja" tfisser impriża li fiha, impriża oħra direttament jew indirettament:

(i) għandha s-setgħa teżerċita aktar minn nofs id-drittijiet tal-vot, jew

(ii) għandha s-setgħa taħtar aktar minn nofs il-membri tal-bord tas-superviżjoni, tal-bord tat-tmexxija jew tal-korpi li jirrappreżentaw lill-impriża legalment, jew

(iii) għandha d-dritt tmexxi l-affarijiet tal-impriża;

(4) "awtorizzazzjoni unika tal-UE" tfisser il-qafas legali applikabbli għal provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni kollha skont l-awtorizzazzjoni ġenerali fl-Istat Membru tad-domiċilju u skont dan ir-Regolament;

(5) "Stat Membru tad-domiċilju" tfisser l-Istat Membru fejn il-provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika għandu l-istabbiliment ewlieni tiegħu;

(6) "l-istabbiliment ewlieni" tfisser il-post tal-istabbiliment fl-Istat Membru fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet ewlenin dwar l-investimenti fi u twettiq tal-provdiment ta' servizzi jew netwerks tal-komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni;

(7) "Stat Membru ospitant" tfisser kull Stat Membru differenti mill-Istat Membru tad-domiċilju, fejn il-provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika jipprovdi netwerks jew servizzi tal-komunikazzjoni elettronika;

(8) "spettru tar-radju armonizzat għall-komunikazzjoni broadband bla wajers" tfisser l-ispettru tar-radju li għalih il-kundizzjonijiet tad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti huma armonizzati fil-livell tal-Unjoni, b'mod partikolari skont id-Deċiżjoni 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,[27] u jintuża għal servizzi tal-komunikazzjoni elettronika ħlief għax-xandir;

(9) "punt tal-aċċess bla wajers f'żoni żgħar" tfisser tagħmir żgħir tal-aċċess għal netwerk bla wajers b'qawwa baxxa li jaħdem f'distanzi qosra, li jista' jkun jew ma jkunx parti minn netwerk tal-komunikazzjoni mobbli terrestri pubbliku, u li jkollu antenna b'impatt viżiv baxx, waħda jew aktar, biex il-pubbliku jkollu aċċess bla wajers għal netwerks tal-komunikazzjoni elettronika irrispettivament mit-tipoloġija tan-netwerk sottostanti;

(10) "netwerk taż-żona lokali bir-radju" (RLAN) tfisser sistema tal-aċċess bla wajers b'qawwa baxxa, li topera f'medda qasira, li għandha riskju baxx ta' interferenza ma' sistemi oħra bħalha li jkunu qed jużaw utenti finali fil-viċinanzi, u li tuża spettru fuq bażi mhux esklussiva li għalih il-kundizzjonijiet tad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti għal dan il-għan ikunu armonizzati fil-livell tal-Unjoni;

(11) "aċċess virtwali għal broadband" tfisser tip ta' aċċess għall-importaturi għal netwerks broadband li jikkonsisti f'link tal-aċċess virtwali għal xi arkitettura tan-netwerk tal-aċċess, ħlief id-diżaggregazzjoni fiżika (tar-raggruppamenti), kif ukoll servizz ta' trażmissjoni lejn sett definit ta' punti tat-trasferiment, u inklużi elementi speċifiċi tan-netwerk, funzjonalitajiet speċifiċi tan-netwerk u sistemi tal-IT anċillari;

(12) "prodott ta' konnettività b'servizz ta' kwalità żgurat (ASQ)" tfisser prodott li jsir disponibbli fl-exchange tal-protokoll tal-internet (IP), li bih il-klijenti jkunu jistgħu jagħmlu link tal-komunikazzjoni bl-IP bejn punt tal-interkonnessjoni u wieħed jew bosta punti fissi tat-terminazzjoni tan-netwerk, u jippermetti livelli definiti tal-prestazzjoni tan-netwerk bejn tarf u ieħor għall-provdiment ta' servizzi speċifiċi lill-utenti finali skont it-twassil ta' kwalità garantita speċifikata tas-servizz, skont parametri speċifikati;

(13) "komunikazzjoni f'distanzi twal" tfisser servizzi tal-vuċi jew il-messaġġi li jintemmu barra mill-exchange lokali u miż-żoni reġjonali tal-imposti kif jidentifika l-kodiċi taż-żona ġeografika fil-pjan tan-numerazzjoni nazzjonali;

(14) "servizz tal-aċċess għall-internet" tfisser servizz tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku li jipprovdi konnettività mal-internet, u allura konnettività bejn kull punt finali virtwalment konness mal-internet, irrispettivament mit-teknoloġija tan-netwerk użata;

(15) "servizz speċjalizzat" tfisser servizz tal-komunikazzjoni elettronika jew servizz ieħor li jipprovdi l-kapaċità ta' aċċess għal kontenut, applikazzjonijiet jew servizzi speċifiċi, jew taħlita tagħhom, u li l-karatteristiċi tekniċi tiegħu huma kontrollati minn tarf għal ieħor jew jipprovdi l-kapaċità li tintbagħat jew tasal dejta lejn jew mingħand għadd determinat ta' partijiet jew punti terminali; u li ma jkunx kummerċjalizzat jew użat ħafna bħala sostitut għal servizz tal-aċċess għall-internet;

(16) "provditur riċeventi tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku" tfisser provditur tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku li lilu jiġi trasferit in-numru tat-telefown jew is-servizz;

(17) "provditur trasferenti tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku" tfisser provditur tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku li mingħandu jiġi trasferit in-numru tat-telefown jew is-servizz.

Kapitolu II Awtorizzazzjoni unika tal-UE

Artikolu 3 – Il-libertà li tiġi provduta komunikazzjoni elettronika mal-Unjoni

1. Provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika għandu d-dritt li jipprovdi netwerks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni kollha u li jeżerċita d-drittijiet relatati mal-provdiment ta' dawn in-netwerks u s-servizzi f'kull Stat Membru fejn jopera skont awtorizzazzjoni unika tal-UE li hi soġġetta biss għar-rekwiżiti ta' notifika previsti fl-Artikolu 4.

2. Provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika hu soġġett għar-regoli u l-kundizzjonijiet applikati f'kull Stat Membru kkonċernat f'konformità mal-liġi tal-Unjoni sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor f'dan ir-Regolament u mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 531/2012.

3. B'deroga mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/20/KE, provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika jista' jkun soġġett biex iħallas miżati amministrattivi applikabbli fl-Istat Membru ospitanti biss jekk ikollu fatturat annwali għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika f'dak l-Istat Membru aktar minn 0,5% tal-fatturat totali nazzjonali tal-komunikazzjoni elettronika. Meta jiġu imposti dawn l-imposti, għandu jitqies biss il-fatturat għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fl-Istat Membru kkonċernat.

4. B'deroga mill-Artikolu 13(1)(b) tad-Direttiva 2002/22/KE, provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika jista' jkun soġġett għall-kontribuzzjonijiet imposti biex jaqsam il-kost nett tal-obbligi universali tas-servizz fl-Istat Membru ospitanti biss jekk ikollu fatturat annwali għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika f'dak l-Istat Membru aktar minn 3% tal-fatturat totali nazzjonali tal-komunikazzjoni elettronika. Meta tiġi imposta din il-kontribuzzjoni, għandu jitqies biss il-fatturat fl-Istat Membru kkonċernat.

5. Provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettroniċka għandu jkun intitolat għal trattament ugwali mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ta' Stati Membri differenti f'sitwazzjonijiet oġġettivament ekwivalenti.

6. Fil-każ ta' tilwim bejn impenji li jinvolvi provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika rigward l-obbligi applikabbli skont id-Direttivi 2002/19/KE, 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/22/KE, dan ir-Regolament jew ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 fi Stat Membru ospitanti, il-provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika jista' jikkonsulta lill-awtorità regolatorja kompetenti fl-Istat Membru tad-domiċilju li tista' tagħti opinjoni bil-ħsieb li jkun żgurat l-iżvilupp tal-prattiċi regolatorji konsistenti. Meta tiddeċiedi dwar tilwim, l-awtorità regolatorja nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti għandha tqis sew l-opinjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru tad-domiċilju.

7. Il-provdituri Ewropej tal-komunikazzjoni elettronika li, meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, ikollhom id-dritt li jipprovdu netwerks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika f'aktar minn Stat Membru wieħed, għandhom iressqu n-notifika prevista fl-Artikolu 4 sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2016.

Artikolu 4 – Il-proċedura tan-notifika għall-provdituri Ewropej tal-komunikazzjoni elettronika

1. Provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika għandu jressaq notifika waħda skont dan ir-Regolament biss lill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru tad-domiċilju, qabel jibda l-attività f'mill-anqas Stat Membru wieħed.

2. In-notifika għandu jkun fiha dikjarazzjoni dwar il-provdiment jew dwar l-intenzjoni li jinbeda l-provdiment ta' netwerks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika u magħha jkollha biss din l-informazzjoni:

(a) isem il-provditur, l-istatus u l-forma legali tiegħu, in-numru ta' reġistrazzjoni, fejn il-provditur ikun reġistrat f'negozju jew reġistru pubbliku simili ieħor, l-indirizz ġeografiku tal-istabbiliment ewlieni, persuna ta' kuntatt, deskrizzjoni qasira tan-netwerks jew tas-servizzi pprovduti jew li beħsiebhom jiġu pprovduti, inkluża l-identifikazzjoni tal-Istat Membru tad-domiċilju;

(b) l-Istat(i) Membru/i ospitanti fejn ikunu pprovduti jew beħsiebhom jiġu pprovduti s-servizzi u n-netwerks direttament jew minn sussidjarji u, fil-każ tal-aħħar, l-isem, l-istatus u l-forma legali tiegħu, l-indirizz ġeografiku, in-numru ta' reġistrazzjoni, fejn il-fornitur ikun reġistrat f'negozju jew reġistru pubbliku simili ieħor fl-Istat Membru ospitanti, u l-punt ta' kuntatt ta' kull kumpanija sussidjarja kkonċernata u ż-żoni rispettivi fejn topera. Meta kumpanija sussidjarja jikkontrollawha konġuntament żewġ provdituri tal-komunikazzjoni elettronika jew aktar li jkollhom l-istabbilimenti ewlenin tagħhom fi Stati Membri differenti, il-kumpanija sussidjarja għandha tindika l-Istat Membru tad-domiċilju rilevanti minn fost dawk tal-kumpaniji azzjonarja għall-finijiet ta' dan ir-Regolament u għandha tiġi notifikata mill-kumpanija azzjonarja b'dak l-Istat Membru tad-domiċilju kif xieraq.

In-notifika għandha titressaq bil-lingwa jew bil-lingwi applikabbli fl-Istat Membru tad-domiċilju u fl-Istat Membru ospitanti.

3. Kull modifika fl-informazzjoni mressqa skont il-paragrafu 2 għandha tkun disponibbli lill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru tad-domiċilju fi żmien xahar mill-modifika. Fil-każ li l-modifika li trid tiġi notifikata jkollha x'taqsam mal-intenzjoni li jiġu pprovduti netwerks jew servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fi Stat Membru ospitanti li mhux kopert minn notifika preċedenti, il-provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika jista' jibda l-attività f'dak l-Istat Membru ospitanti man-notifika.

4. Kull nuqqas ta' konformità mar-rekwiżit ta' notifika stabbilit f'dan l-Artikolu għandu jitqies bħala ksur tal-kundizzjonijiet komuni applikabbli għall-provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika fl-Istat Membru tad-domiċilju.

5. L-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tgħaddi l-informazzjoni li taslilha skont il-paragrafu 2 u kull modifika f'dik l-informazzjoni skont il-paragrafu 3 lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri ospitanti kkonċernati u lill-Uffiċċju BEREC fi żmien ġimgħa minn meta tirċievi dik il-informazzjoni jew xi modifika.

L-Uffiċċju BEREC għandu jżomm reġistru aċċessibbli għall-pubbliku bin-notifiki li jsiru skont dan ir-Regolament.

6. Meta jitlobha l-provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika, l-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha toħroġ dikjarazzjoni skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/20/KE li tispeċifika li l-impriża inkwistjoni hi soġġetta għall-awtorizzazzjoni unika tal-UE.

7. Jekk waħda jew aktar mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fi Stati Membri differenti jidhrilha li l-identifikazzjoni tal-Istat Membru tad-domiċilju f'notifika li ssir skont il-paragrafu 2 jew kull modifika fiha li ssir skont il-paragrafu 3, ma tkunx jew ma tibqax tikkorrispondi mal-istabbiliment ewlieni tal-impriża skont dan ir-Regolament, din għandha tirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni, filwaqt li tissostanzja r-raġunijiet li fuqhom issejjes l-evalwazzjoni tagħha. Kopja tar-riferiment għandha tintbagħat lill-Uffiċċju BEREC għall-informazzjoni. Wara li tkun tat l-opportunità lill-provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika rilevanti u lill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru tad-domiċilju kkontestat biex jesprimu l-fehmiet tagħhom, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni biex tiddetermina l-Istat Membru tad-domiċilju tal-impriża inkwistjoni skont dan ir-Regolament fi żmien tliet xhur mir-riferiment tal-kwistjoni.

Artikolu 5 – Konformità mal-awtorizzazzjoni unika tal-UE

1. L-awtorità regolatorja nazzjonali ta' kull Stat Membru kkonċernat għandha tissorvelja u tiżgura, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha li timplimenta l-proċeduri previsti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2002/20/KE, li l-provdituri Ewropej tal-komunikazzjoni elettronika jikkonformaw mar-regoli u mal-kundizzjonijiet applikabbli fit-territorju tagħha skont l-Artikolu 3.

2. L-awtorità regolatorja nazzjonali ta' Stat Membru ospitanti għandha tgħaddi lill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru tad-domiċilju, kull informazzjoni rilevanti dwar miżuri individwali adottati fir-rigward ta' provdituri Ewropej tal-komunikazzjoni elettronika bil-ħsieb li tkun żgurata konformità mar-regoli u mal-kundizzjonijiet applikabbli fit-territorju tagħha skont l-Artikolu 3.

Artikolu 6 – Is-sospensjoni u l-irtirar tad-drittijiet tal-provdituri Ewropej tal-komunikazzjoni elettronika milli jipprovdu komunikazzjoni elettronika

1. Mingħajr preġudizzju għall-miżuri li għandhom x'jaqsmu mas-sospensjoni jew l-irtirar tad-drittijiet tal-użu tal-ispettru jew tan-numri mogħtija minn xi Stat Membru kkonċernat u l-miżuri interim adottati skont il-paragrafu 3, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju biss tista' tissospendi jew tirtira d-drittijiet ta' provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika milli jipprovdi netwerks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni kollha jew f'parti minnha skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta l-Artikolu 10(5) tad-Direttiva 2002/20/KE.

2. F'każijiet ta' ksur serju jew ripetut tar-regoli u tal-kundizzjonijiet applikabbli fi Stat Membru ospitanti skont l-Artikolu 3, meta jkunu fallew il-miżuri maħsuba biex jiżguraw konformità li tadotta l-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 5, din għandha tgħarraf lill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru tad-domiċilju u titlobha tadotta l-miżuri previsti fil-paragrafu 1.

3. Sakemm l-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru tad-domiċilju tadotta deċiżjoni finali dwar talba skont il-paragrafu 2, l-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti tista' tieħu miżuri interim urġenti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta l-Artikolu 10(6) tad-Direttiva 2002/20/KE meta jkollha evidenza li nkisru r-regoli u l-kundizzjonijiet applikabbli fit-territorju tagħha skont l-Artikolu 3. B'deroga mit-tliet xhur limitu taż-żmien previst fl-Artikolu 10(6) tad-Direttiva 2002/20/KE, dawn il-miżuri interim jistgħu jkunu validi sakemm l-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru tad-domiċilju tadotta deċiżjoni finali.

Il-Kummissjoni, il-BEREC u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istat Membru tad-domiċilju u Stati Membri ospitanti oħra għandhom jiġu informati bil-miżura interim adottata fi żmien debitu.

4. Meta l-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru tad-domiċilju jidhrilha li għandha tieħu deċiżjoni biex tissospendi jew tirtira d-drittijiet ta' provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika skont il-paragrafu 1, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew meta titlobha l-awtorità regolatorja nazzjonali ta' Stat Membru ospitanti, din għandha tinnotifika l-intenzjoni tagħha lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ta' kull Stat Membru ospitanti li jintlaqat b'din id-deċiżjoni. L-awtorità regolatorja nazzjonali ta' Stat Membru ospitanti tista' tagħti opinjoni fi żmien xahar.

5. Filwaqt li tqis sew kull opinjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istati Membri ospitanti kkonċernati, l-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tadotta deċiżjoni finali u tgħaddiha lill-Kummissjoni, lill-BEREC u lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri ospitanti li jintlaqtu b'deċiżjoni bħal din, fi żmien ġimgħa mill-adozzjoni tagħha.

6. Meta l-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru tad-domiċilju tiddeċiedi li tissospendi jew tirtira drittijiet ta' provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika skont il-paragrafu 1, l-awtorità regolatorja nazzjonali ta' xi Stat Membru ospitanti kkonċernat għandha tieħdu l-miżuri xierqa biex lill-provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika tipprevenih milli jibqa' jipprovdi aktar servizzi jew netwerks ikkonċernati b'din id-deċiżjoni, fit-territorju tiegħu.

L-Artikolu 7 – Il-kordinazzjoni tal-miżuri ta' infurzar

1. Meta jiġi applikat l-Artikolu 6, l-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tieħu miżuri ta' superviżjoni jew infurzar relatati ma' servizz jew netwerk tal-komunikazzjoni elettronika pprovdut fi Stat Membru ieħor jew li kkawża danni fi Stat Membru ieħor bl-istess diliġenza daqslikieku s-servizz jew in-netwerk tal-komunikazzjoni elettronika kkonċernat ġie pprovdut fl-Istat Membru tad-domiċilju.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fit-territorji tagħhom jistgħu jiġu serviti d-dokumenti legali relatati mal-miżuri li ttieħdu skont l-Artikoli 5 u 6.

Kapitolu III Inputs Ewropej

Taqsima 1 – Kordinazzjoni tal-użu tal-ispettru tar-radju fis-suq uniku

L-Artikolu 8 – Il-kamp ta' applikazzjoni u dispożizzjonijiet ġenerali

1. Din it-taqsima għandha tapplika għall-ispettru tar-radju armonizzat għal komunikazzjoni broadband bla wajers.

2. Din it-taqsima għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jibbenefikaw minn tariffi imposti sabiex ikun żgurat l-aqwa użu tar-riżorsi tal-ispettru tar-radju skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/20/KE u sabiex l-ispettru tar-radju tagħhom jorganizzawh u jużawh għall-ordni pubblika, is-sigurtà pubblika u d-difiża.

3. Fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija f'din it-taqsima, il-Kummissjoni għandha tqis sew kull opinjoni rilevanti li ta l-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (RSPG) stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/622/KE[28].

Artikolu 9 – L-użu tal-Ispettru tar-Radju għall-komunikazzjoni broadband bla wajers: il-prinċipji regolatorji

1. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għall-ispettru tar-radju għandhom jgħinu fl-iżvilupp ta' spazju bla wajers li fih jikkonverġu l-kundizzjonijiet tal-investiment u kompetittivi għall-komunikazzjoni broadband bla wajers b'veloċità għolja u li bih ikunu jistgħu jsiru ppjanar u provdiment ta' netwerks u servizzi multiterritorjali u jinkisbu l-ekonomiji ta' skala, ħalli b'hekk jitkattru l-innovazzjoni, it-tkabbir ekonomiku u l-benefiċċju fit-tul tal-utenti finali.

L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jieqfu japplikaw proċeduri jew jimponu kundizzjonijiet għall-użu tal-ispettru tar-radju li jtellfu lill-provdituri Ewropej tal-komunikazzjoni elettronika milli jipprovdu netwerks u servizzi integrati tal-komunikazzjoni elettronika f'bosta Stati Membri jew madwar l-Unjoni kollha.

2. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom japplikaw l-inqas sistema tal-awtorizzazzjoni oneruża possibbli sabiex jippermettu l-użu tal-ispettru, skont kriterji oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati, b'tali mod li jimmassimizzaw il-flessibbiltà u l-effiċjenza fl-użu tal-ispettru tar-radju u jippromwovu kundizzjonijiet komparabbli madwar l-Unjoni kollha għal investimenti u operazzjonijiet multiterritorjali integrati mill-provdituri Ewropej tal-komunikazzjoni elettronika.

3. Meta jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni u proċeduri għall-użu tal-ispettru tar-radju, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għal trattament ugwali bejn l-operaturi eżistenti u potenzjali u bejn il-provdituri Ewropej tal-komunikazzjoni elettronika u impenji oħrajn.

4. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iqisu u, meta meħtieġ, għandhom jirrikonċiljaw dawn il-prinċipji regolatorji meta jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni u l-proċeduri għad-drittijiet tal-użu tal-ispettru tar-radju:

a) massimizzazzjoni tal-interess tal-utenti finali, inkluż l-interess tal-utenti finali fl-investiment effiċjenti fit-tul u fl-innovazzjoni f'netwerks u servizzi bla wajer u f'kompetizzjoni effettiva;

b) li jkun żgurat l-aktar użu effiċjenti u ġestjoni effettiva tal-ispettru tar-radju;

c) li jkunu żgurati kundizzjonijiet prevedibbli u komparabbli sabiex ikun jista' jsir l-ippjanar ta' investimenti fin-netweks u servizzi fuq bażi multiterritorjali u jinkisbu l-ekonomiji ta' skala;

d) li jkunu żgurati l-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-kundizzjonijiet imposti, inkluż permezz ta' valutazzjoni oġġettiva ta' jekk ikunx ġustifikat li jiġu imposti kundizzjonijiet addizzjonali li jaf ikunu favur jew ta' detriment għal ċerti operaturi;

e) li jkunu żgurati kopertura territorjali wiesgħa ta' netwerks broadband bla wajers b'veloċità għolja u livell għoli ta' penetrazzjoni u konsum tas-servizzi relatati.

5. Meta jiġu biex iqisu jekk jimponux xi kundizzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta' drittijiet tal-użu tal-ispettru tar-radju msemmijin fl-Artikolu 10, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-kriterji stabbiliti f'dak l-Artikolu.

Artikolu 10 – Kriterji rilevanti li jridu jitqiesu għall-użu tal-ispettru tar-radju

1. Meta jiġu biex jiddeterminaw l-ammont u t-tip ta' spettru tar-radju li għandu jiġi assenjat fi proċedura partikolari biex jingħataw drittijiet tal-użu tal-ispettru tar-radju, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iqisu:

(a) il-karatteristiċi tekniċi tal-baned tal-ispettru tar-radju disponibbli differenti;

(b) il-taħlita possibbli ta' baned komplementari fi proċedura unika; u

(c) ir-rilevanza ta' portafolli koerenti tad-drittijiet tal-użu tal-ispettru tar-radju fi Stati Membri differenti għall-provdiment ta' netwerks jew servizzi lis-suq kollu tal-Unjoni jew parti sinifikanti minnu.

2. Meta jiġu biex jiddeterminaw jekk għandux jiġi speċifikat xi ammont minimu jew massimu ta' spettru tar-radju, li jiġi definit skont dritt tal-użu ta' banda partikolari jew taħlita ta' baned kumplimentari, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jiżguraw:

(a) l-aktar użu effiċjenti tal-ispettru tar-radju skont l-Artikolu 9(4)(b), filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tal-banda jew baned ikkonċernati;

(b) investiment effiċjenti fin-netwerk skont l-Artikolu 9(4)(a).

Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-paragrafu 5 fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jiddefinixxu ammonti massimi tal-ispettru tar-radju.

3. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jiżguraw li l-imposti għad-drittijiet tal-użu tal-ispettru tar-radju, jekk ikun hemm:

(a) ikunu jirriflettu kif jixraq il-valur soċjali u ekonomiku tal-ispettru tar-radju, inklużi l-esternalitajiet ta' benefiċċju;

(b) jevitaw sottoutilizzazzjoni u jkattru l-investiment fil-kapaċità, il-kopertura u l-kwalità tan-netwerks u tas-servizzi;

(c) jevitaw diskriminazzjoni u jiżguraw ugwaljanza tal-opportunità bejn l-operaturi, anke bejn l-operaturi eżistenti u potenzjali;

(d) jilħqu l-aqwa distribuzzjoni bejn ħlasijiet immedjat u, jekk ikun hemm, ħlasijiet perjodiċi, wara li b'mod partikolari titqies, b’mod partikolari, il-ħtieġa li jiġi inċentivat il-varar malajr tan-netwerk u l-użu tal-ispettru tar-radju skont l-Artikolu 9(4)(b) u (e).

Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-paragrafu 5 fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jwasslu għal miżati differenzjati bejn l-operaturi li jiġu stabbiliti bil-ħsieb li jippromwovu kompetizzjoni effettiva.

4. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jistgħu jimponu obbligi biex tinkiseb kopertura territorjali minima biss meta jkunu meħtieġa u proporzjonati, skont l-Artikolu 9(4)(d), biex jintlaħqu l-għanijiet speċifiċi ta' interess ġenerali stabbiliti fil-livell nazzjonali. Meta jiġu biex jimponu obbligi bħal dawn, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iqisu:

(a) kull kopertura pre-eżistenti tat-territorju nazzjonali mis-servizzi rilevanti, jew minn servizzi tal-komunikazzjoni elettronika oħrajn;

(b) il-minimizzazzjoni tal-għadd ta' operaturi potenzjalment soġġetti għal obbligi bħal dawn;

(c) il-possibbiltà ta' kondiviżjoni u reċiproċità tal-piż fost il-bosta operaturi, inklużi l-provdituri ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika oħrajn;

(d) l-investimenti meħtieġa biex tinkiseb kopertura bħal din u l-ħtieġa biex dawn jiġu riflessi fit-tariffi applikabbli;

(e) l-adegwatezza teknika tal-baned rilevanti għal provdiment effiċjenti ta' kopertura territorjali wiesgħa;

5. Meta jiġu biex jiddeterminaw jekk għandhomx jimponu xi waħda mill-miżuri biex tiġi promossa kompetizzjoni effettiva previsti fl-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni Nru 243/2012/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,[29] l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, filwaqt li jqisu l-kundizzjonijiet tas-suq u l-punti ta' riferiment disponibbli, għandhom isejsu d-deċiżjoni tagħhom fuq evalwazzjoni prospettiva oġġettiva ta':

(a) jekk hux probabbli li tinżamm jew tinkiseb kompetizzjoni effettiva meta ma jkunx hemm miżuri bħal dawn, u

(b) l-effett probabbli ta' miżuri temporanji bħal dawn, fuq l-investimenti eżistenti u futuri mill-operaturi tas-suq.

6. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li skonthom l-impenji jkunu jistgħu jittrasferixxu jew jikru lil impenji oħra, id-drittijiet individwali tagħhom kollha jew parti minnhom tal-użu tal-ispettru tar-radju, inkluż il-kondiviżjoni ta' dan l-ispettru tar-radju. Meta jiġu biex jiddeterminaw dawn il-kundizzjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iqisu:

(a) l-ottimizzazzjoni tal-użu effiċjenti tal-ispettru tar-radju skont l-Artikolu 9(4)(b).

(b) li jiġu sfruttati l-opportunitajiet ta' kondiviżjoni li jkunu ta' benefiċċju;

(c) li jiġu rikonċiljati l-interessi tad-detenturi tad-dritt eżistenti u potenzjali;

(d) li jinħoloq suq aktar likwidu li jiffunzjona aħjar, għall-aċċess għall-ispettru tar-radju.

Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni lill-impenji.

7. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jawtorizzaw il-kondiviżjoni ta' infrastruttura passiva u attiva u l-varar konġunt ta' infrastruttura għall-komunikazzjoni broadband bla wajers, filwaqt li jqisu:

(a) il-qagħda tal-kompetizzjoni bbażata fuq l-infrastruttura u kull kompetizzjoni oħra bbażata fuq is-servizzi;

(b) ir-rekwiżiti tal-użu effiċjenti tal-ispettru tar-radju;

(c) aktar għażla u aktar kwalità tas-servizzi għall-utenti finali;

(d) l-innovazzjoni teknoloġika.

Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni lill-impenji.

Artikolu 11 – Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mal-kundizzjonijiet għall-użu tal-ispettru tar-radju

1. Meta l-kundizzjonijiet tekniċi għad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-ispettru tar-radju armonizzat għall-komunikazzjoni broadband bla wajers, jagħmluha possibbli li jintuża l-ispettru tar-radju rilevanti skont reġim ta' awtorizzazzjoni ġenerali, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jevitaw milli jimponu kundizzjoni addizzjonali u għandhom jipprevenu li xi użu alternattiv ifixkel l-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-reġim armonizzat.

2. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jistabbilixxu kundizzjonijiet ta' awtorizzazzjoni li permezz tagħhom tkun tista' tiġi revokata jew titħassar awtorizzazzjoni individwali jew dritt tal-użu, meta jkun hemm nuqqas persistenti ta' użu tal-ispettru tar-radju. Ir-revoka jew it-tħassira tista' tkun soġġett għal kumpens xieraq jekk in-nuqqas ta' użu tal-ispettru tar-radju jkun minħabba raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-operatur, u dan ikun ġustifikat oġġettivament.

3. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iqisu l-ħtieġa li f'konformità mar-regoli dwar il-kompetizzjoni u bil-ħsieb li jinħeles fil-ħin jew jiġi kondiviż biżżejjed spettru tar-radju armonizzat f'baned kosteffikaċi għal servizzi broadband bla wajers ta' kapaċità għolja, jistabbilixxu:

(a) kumpens xieraq jew ħlasijiet ta' inċentiv lil utenti eżistenti jew lil detenturi tad-dritt tal-użu tal-ispettru tar-radju, fost l-oħrajn, b'inkorporazzjoni fis-sistema tal-offerti jew ammont fiss għad-drittijiet tal-użu; jew

(b) ħlasijiet ta' inċentiv li jridu jitħallsu minn utenti eżistenti jew minn detenturi tad-dritt tal-użu tal-ispettru tar-radju.

4. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iqisu il-ħtieġa li jiffissaw livell ta' prestazzjoni teknoloġika minima xierqa għal baned differenti skont l-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni Nru 243/2012/KE bil-ħsieb li tittejjeb l-effiċjenza spettrali u mingħajr preġudizzju għall-miżuri adottati skont id-Deċiżjoni Nru 676/2002.

Meta jiffissaw dawk il-livelli, b'mod partikolari dawn għandhom:

(a) iqisu ċ-ċikli tal-iżvilupp teknoloġiku u tat-tiġdid tat-tagħmir, b'mod partikolari t-tagħmir terminali; u

(b) japplikaw il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika biex jintlaħaq il-livell ta' prestazzjoni speċifikat, f'konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/21/KE.

Artikolu 12 – L-armonizzazzjoni ta' ċerti kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni relattivi għall-komunikazzjoni broadband bla wajers

1. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jistabbilixxu skedi taż-żmien għall-għoti jew l-assenjament mill-ġdid tad-drittijiet tal-użu, jew għat-tiġdid ta' dawk id-drittijiet skont it-termini tad-drittijiet eżistenti, li għandhom japplikaw għall-ispettru tar-radju armonizzat għall-komunikazzjoni broadband bla wajers.

It-tul tad-drittijiet tal-użu jew id-dati għal tiġdid sussegwenti għandhom jiġu stabbiliti sew qabel il-proċedura rilevanti inkluża fl-iskeda taż-żmien imsemmija fl-ewwel subparagrafu. L-iskedi taż-żmien, it-tul u ċ-ċikli tat-tiġdid għandhom iqisu l-ħtieġa ta' ambjent prevedibbli tal-investiment, il-possibbiltà effettiva li tiġi rilaxxata xi banda ġdida rilevanti tal-ispettru tar-radju għall-komunikazzjoni broadband bla wajers, u l-perjodu għall-amortizzazzjoni ta' investimenti relatati skont kundizzjonijiet kompetittivi.

2. Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni koerenti tal-paragrafu 1 madwar l-Unjoni kollha u b'mod partikolari għal disponibbiltà sinkronizzata tas-servizzi bla wajers fl-Unjoni, il-Kummissjoni b'atti ta' implimentazzjoni, tista':

(a) tistabbilixxi skeda taż-żmien komuni għall-Unjoni kollha, jew skedi taż-żmien li jkunu jixirqu għaċ-ċirkostanzi ta' kategoriji differenti ta' Stati Membri, id-data/i sa meta għandhom jingħataw id-drittijiet tal-użu ta' banda armonizzata jew taħlita ta' baned armonizzati komplimentari u sa meta l-użu proprja tal-ispettru tar-radju għandu jkun permess għal provdiment esklussiv jew kondiviż ta' komunikazzjoni broadband bla wajers fl-Unjoni kollha;

(b) tistabbilixxu tul taż-żmien minimu għad-drittijiet mogħtija fil-baned armonizzati;

(c) tistabbilixxi, fil-każ ta' drittijiet li ma jkunux ta’ karattru indefinit, data sinkronizzata tal-iskadenza jew tat-tiġdid għall-Unjoni kollha;

(d) tistabbilixxi d-data tal-iskadenza ta' kull dritt eżistenti tal-użu tal-baned armonizzati ħlief għall-komunikazzjoni broadband bla wajers, jew, fil-każ ta' drittijiet ta' tul taż-żmien indefinit, id-data sa meta għandu jiġi emendat id-dritt tal-użu, sabiex ikun jista' jsir provdiment tal-komunikazzjoni broadband bla wajers.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 33(2).

3. Il-Kummissjoni tista' wkoll tadotta atti ta' implimentazzjoni li tarmonizza d-data tal-iskadenza jew tat-tiġdid tad-drittijiet individwali tal-użu tal-ispettru tar-radju għall-broadband bla wajers f'baned armonizzati, li diġà jeżistu fid-data tal-adozzjoni ta' dawn l-atti, bil-ħsieb li madwar l-Unjoni kollha tkun sinkronizzata d-data tat-tiġdid jew tal-assenjament mill-ġdid tad-drittijiet tal-użu ta' baned bħal dawn, inkluża sinkronizzazzjoni possibbli mad-data tat-tiġdid jew tar-riassenjament ta' baned oħra armonizzati b'miżuri ta' implimentazzjoni adottati skont il-paragrafu 2 jew dan il-paragrafu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 33(2).

Meta l-atti ta' implimentazzjoni previsti f'dan il-paragrafu jistabbilixxu data armonizzata tat-tiġdid jew tar-riassenjament tad-drittijiet tal-użu tal-ispettru li tkun tiġi wara d-data tal-iskadenza jew tat-tiġdid ta' xi drittijiet individwali eżistenti tal-użu ta' spettru tar-radju bħal dan f'xi wieħed mill-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jestendu d-drittijiet eżistenti sad-data armonizzata skont l-istess kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni sostantivi li kienu japplikaw qabel, inklużi xi ħlasijiet perjodiċi applikabbli.

Meta l-estensjoni tal-perjodu mogħtija f'konformità mat-tieni subparagrafu tkun sinifikanti meta mqabbla mat-tul taż-żmien oriġinali tad-drittijiet tal-użu, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jistgħu jissoġġettaw l-estensjoni tad-drittijiet għal xi adattamenti tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni li kienu japplikaw qabel u li jkun hemm bżonn fid-dawl taċ-ċirkostanzi mibdula, inkluża l-impożizzjoni ta' ħlasijiet addizzjonali. Dawn il-ħlasijiet addizzjonali għandhom jissejsu fuq applikazzjoni pro rata temporis ta' xi miżata inizjali għad-drittijiet oriġinali tal-użu li kienet ġiet ikkalkulata espressament b'referenza għat-tul taż-żmien previst oriġinarjament.

L-atti ta' implimentazzjoni previsti f'dan il-paragrafu ma jeħtiġux li jiqsar it-tul taż-żmien tad-drittijiet eżistenti tal-użu f'xi Stat Membru ħlief f'konformità mal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2002/20/KE u ma għandhomx japplikaw għad-drittijiet eżistenti ta' tul taż-żmien indefinit.

Meta l-Kummissjoni tadotta att ta' implimentazzjoni skont il-paragrafu 2, din tista' tapplika d-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu mutatis mutandis għal kwalunkwe drittijiet tal-użu tal-banda armonizzata kkonċernata għall-broadband bla wajers.

4. Meta tiġi biex tadotta l-atti ta' implimentazzjoni previsti fil-paragrafi 2 u 3, il-Kummissjoni għandha tqis:

(a) il-prinċipji regolatorji stabbiliti fl-Artikolu 9;

(b) varjazzjonijiet oġġettivi madwar l-Unjoni fil-ħtiġijiet għal aktar spettru tar-radju għall-provdiment ta' broadband bla wajers, filwaqt li tqis il-ħtiġijiet tal-ispettru tar-radju komuni għal netwerks integrati li jkopru bosta Stati Membri;

(c) il-prevedibbiltà tal-kundizzjonijiet operattivi għal min juża l-ispettru tar-radju eżistenti;

(d) iċ-ċikli tal-adozzjoni, l-iżvilupp u l-investiment ta' ġenerazzjonijiet suċċessivi ta' teknoloġiji broadband bla wajers;

(e) id-domanda tal-utenti finali għal komunikazzjoni broadband bla wajers ta' kapaċità għolja.

Meta tiġi biex tistabbilixxi l-iskedi taż-żmien għal kategoriji differenti ta' Stati Membri li jkun għadhom ma tawx drittijiet individwali tal-użu u ppermettew l-użu proprju tal-banda armonizzata inkwistjoni, il-Kummissjoni għandha tqis sew kull sottomissjoni li jagħmlu l-Istati Membri dwar il-mod kif ingħataw storikament id-drittijiet tal-ispettru tar-radju, ir-raġunijiet għal restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(3) u (4) tad-Direttiva 2002/21/KE, il-ħtieġa possibbli li titbattal il-banda inkwistjoni, l-effetti fuq il-kompetizzjoni jew ir-restrizzjonijiet ġeografiċi jew tekniċi, filwaqt li jitqies l-effett fuq is-suq intern. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-implimentazzjoni ma tiġix deferita kif mhux xieraq u kull varjazzjoni fl-iskedi taż-żmien bejn l-Istati Membri ma twassalx għal differenzi mhux xierqa fis-sitwazzjonijiet kompetittivi jew regolatorji bejn l-Istati Membri.

5. Il-paragrafu 2 għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jagħtu drittijiet tal-użu għal u biex jippermettu l-użu proprju ta' banda armonizzata qabel l-adozzjoni ta' att ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' dik il-banda, soġġett għal konformità mat-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu, jew qabel id-data armonizzata li jistabbilixxi att ta' implimentazzjoni għal dik il-banda.

Meta l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jagħtu d-drittijiet tal-użu f'banda armonizzata qabel l-adozzjoni ta' att ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' dik il-banda, għandhom jiddefinixxu l-kundizzjonijiet ta' dan l-għoti, u partikolarment dawk relatati mat-tul ta' żmien, b'tali mod li l-benfiċjari tad-drittijiet tal-użu ikunu konxji mill-possibbiltà li l-Kummissjoni tadotta atti ta' implimentazzjoni skont il-paragrafu 2 li jistabbilixxi tul ta' żmien minimu ta' drittijiet bħal dawn jew ċiklu sinkronizzat ta' skadenza jew tiġdid għall-Unjoni kollha kemm hi. Dan is-subparagrafu ma għandux japplika għall-għoti tad-drittijiet b'tul taż-żmien indefinit.

6. Għal meded armonizzati li għalihom tkun ġiet stabbilita skeda taż-żmien komuni għall-għoti tad-drittijiet tal-użu u li tippermetti l-użu proprju, f'att ta' implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jipprovdu informazzjoni dettaljata biżżejjed u f'waqtha lill-Kummissjoni dwar il-pjanijiet tagħhom biex jiżguraw il-konformità. Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jiddefinixxu l-format u l-proċeduri għall-għoti ta' din l-informazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 33(2).

Jekk meta tivvaluta dawn il-pjanijiet dettaljati li taha Stat Membru, il-Kummissjoni tqis li hu oġġettivament improbabbli li l-Istat Membru inkwistjoni se jkun jista' jikkonforma mal-iskeda taż-żmien applikabbli għalih, il-Kummissjoni tista' tadotta deċiżjoni b'att ta' implimentazzjoni biex teżiġi li dak l-Istat Membru jadatta l-pjanijiet tiegħu kif jixraq biex jiżgura din il-konformità.

Artikolu 13 – Il-kordinazzjoni tal-proċeduri ta' awtorizzazzjoni u l-kundizzjonijiet tal-użu tal-ispettru tar-radju għall-broadband bla wajers fis-suq intern

1. Meta awtorità kompetenti nazzjonali jkun beħsiebha tissoġġetta l-użu tal-ispettru tar-radju għal awtorizzazzjoni ġenerali jew tagħti drittijiet individwali tal-użu tal-ispettru tar-radju, jew li temenda d-drittijiet u l-obbligi dwar l-użu tal-ispettru tar-radju f'konformità mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2002/20/KE, din ngħandha tagħmel aċċessibbli l-abbozz tal-miżura tagħha kif ukoll ir-raġunijiet tagħha, fl-istess ħin lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti għall-ispettru tar-radju tal-Istati Membri l-oħra, malli titlesta l-konsultazzjoni pubblika msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/21/KE, jekk applikabbli, u f'kull każ biss waqt xi stadju tal-preparazzjoni tagħha li fih tkun tista' tipprovdi lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra, informazzjoni biżżejjed u stabbli dwar il-kwistjonijiet rilevanti kollha.

L-awtorità kompetenti nazzjonali għandha tipprovdi informazzjoni li għallinqas, meta applikabbli, tkun tinkludi:

(a) it-tip ta' proċess tal-awtorizzazzjoni;

(b) l-iskedar tal-proċess tal-awtorizzazzjoni;

(c) it-tul taż-żmien tad-drittijiet tal-użu

(d) it-tip u l-ammont ta' spettru tar-radju disponibbli, b'mod ġenerali jew għal xi impriża partikolari;

(e) l-ammont u l-istruttura ta' xi tariffi li jridu jitħallsu;

(f) il-kumpens jew l-inċentivi meta l-utenti eżistenti jbattlu jew jaqsmu bejniethom l-ispettru tar-radju;

(g) l-obbligi tal-koperatura;

(h) ir-rekwiżiti tar-roaming nazzjonali jew reġjonali għall-aċċess għall-operaturi;

(i) ir-riżerva tal-ispettru tar-radju għal ċerti tipi ta' operaturi, jew l-esklużjoni ta' ċerti tipi ta' operaturi;

(j) il-kundizzjonijiet relattivi għall-assenjament, it-trasferiment jew l-akkumulazzjoni ta' drittijiet tal-użu;

(k) il-possibbiltà li l-ispettru tar-radju jintuża b'mod kondiviż;

(l) il-kondiżivjoni tal-infrastruttura;

(m) il-livell minimi tal-prestazzjoni teknoloġika;

(n) ir-restrizzjoni applikati skont l-Artikolu 9(3) u 9(4) tad-Direttiva 2002/21/KE;

(o) revoka jew irtirar ta' wieħed jew bosta drittijiet tal-użu jew emenda tad-drittijiet jew tal-kundizzjonijiet relatati ma' dawn id-drittijiet li ma tistax titqies żgħira skont it-tifsira tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2002/20/KE.

2. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u l-Kummissjoni jistgħu jgħaddu kummenti lill-awtorità kompetenti kkonċernata fi żmien xahrejn. Il-perjodu ta' xahrejn ma għandux jiġi estiż.

Meta tiġi biex tivvaluta l-abbozz tal-miżura skont dan l-Artikolu, b'mod partikolari l-Kummissjoni għandha tqis:

(a) id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2002/20/KE u 2002/21/KE u tad-Deċiżjoni Nru 243/2012/KE;

(b) il-prinċipji regolatorji stabbiliti fl-Artikolu 9;

(c) il-kriterji rilevanti għal ċerti kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 10 u d-dispożizzjonijiet addizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 11;

(d) kull att ta' implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 12;

(e) il-koerenza mal-proċeduri tal-awtorizzazzjoni riċenti, pendenti jew ippjanati fi Stati Membri oħra, u l-effetti possibbli fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

Jekk f'dan il-perjodu, il-Kummissjoni tinnotifika lill-awtorità kompetenti li l-abbozz tal-miżura joħloq ostaklu għas-suq intern jew li għandha dubji serji dwar il-kompatibbiltà tiegħu mal-liġi tal-Unjoni, l-abbozz tal-miżura ma għandux jiġi adottat għal perjodu ieħor ta' xahrejn. F'dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra bil-pożizzjoni li ħadet dwar l-abbozz tal-miżura.

3. Fil-perjodu addizzjonali ta' xahrejn imsemmi fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni u l-awtorità kompetenti kkonċernata għandhom jikkoperaw mill-qrib biex jidentifikaw l-iktar miżura xierqa u effettiva fid-dawl tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 2, filwaqt li jqisu kif jixraq il-fehmiet tal-parteċipanti tas-suq u l-ħtieġa li jkun żgurat l-iżvilupp ta' prattika regolatorja konsistenti.

4. F'kull stadju waqt il-proċedura, l-awtorità kompetenti tista' temenda jew tirtira l-abbozz tal-miżura tagħha filwaqt li tqis sew in-notifika tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 2.

5. Waqt il-perjodu addizzjonali ta' xahrejn imsemmi fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista':

a) tippreżenta abbozz ta' deċiżjoni lill-Kumitat tal-Komunikazzjoni li jeżiġi lill-awtorità kompetenti kkonċernata biex tirtira l-abbozz tal-miżura. L-abbozz tad-deċiżjoni għandu jkun akkompanjat b'analiżi ddettaljata u oġġettiva dwar ir-raġuni għalfejn il-Kummissjoni qed tqis li l-abbozz tal-miżura ma għandux jiġi adottat kif notifikat, u flimkien ma' proposti speċifiċi li jemendaw l-abbozz tal-miżura, meta meħtieġ. jew

b) tieħu deċiżjoni li tibdel il-pożizzjoni tagħha dwar l-abbozz tal-miżura kkonċernat.

6. Meta l-Kummissjoni ma tippreżentax abbozz tad-deċiżjoni kif jissemma fil-paragrafu 5(a) jew tieħu deċiżjoni kif jissemma fil-paragrafu 5(b), l-awtorità kompetenti kkonċernata tista' tadotta l-abbozz tal-miżura.

Meta l-Kummissjoni tippreżenta abbozz tad-deċiżjoni msemmi skont il-paragrafu 5(a), l-abbozz tal-miżura ma għandux jiġi adottat mill-awtorità kompetenti għal perjodu li mhux itwal minn sitt xhur minn meta n-notifika tintbagħat lill-awtorità kompetenti skont il-paragrafu 2.

Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibdel il-pożizzjoni tagħha dwar l-abbozz tal-miżura kkonċernata f'kull stadju tal-proċedura, anki wara li jitressaq abbozz tad-deċiżjoni lill-Kumitat tal-Komunikazzjoni.

7. Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li teżiġi lill-awtorità kompetenti biex tirtira l-abbozz tal-miżura tagħha permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 33(2).

8. Meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni skont il-paragrafu 7, l-awtorità kompetenti għandha temenda jew tirtira l-abbozz tal-miżura fi żmien sitt xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Meta l-abbozz tal-miżura jiġi emendat, l-awtorità kompetenti għandha timpenja ruħha li tagħmel konsultazzjoni pubblika meta jixraq, u l-abbozz tal-miżura għandha tagħmlu aċċessibbli għall-Kummissjoni skont il-paragrafu 1.

9. L-awtorità kompetenti kkonċernata għandha tqis sew il-kummenti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u tal-Kummissjoni, u ħlief fil-każijiet koperti bit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2, bit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 6 u bil-paragrafu 7, tista' tadotta l-abbozz tal-miżura li jirriżulta u, meta tagħmel dan, għandha tibagħtu lill-Kummissjoni.

10. L-awtorità kompetenti għandha tgħarraf lill-Kummissjoni bir-riżultati tal-proċedura li magħha għandha x'taqsam il-miżura, meta titlesta dik il-proċedura.

Artikolu 14 – Aċċess għal netwerks tal-aċċess lokali bir-radju

1. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jippermettu l-provdiment ta' aċċess minn netwerks tal-aċċess lokali bir-radju għan-netwerk ta' provditur tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku u l-użu tal-ispettru tar-radju armonizzat għal dan il-provdiment, soġġetti biss għal awtorizzazzjoni ġenerali.

2. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ma għandhomx jipprevenu provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku milli jippermettu aċċess lill-pubbliku għan-netwerks tagħhom, minn netwerks taż-żona lokali bir-radju, li jistgħu jkunu qegħdin fil-bini tal-utent finali, soġġetti għall-konformità mal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni ġenerali u l-ftehim infurmat minn qabel tal-utent finali.

3. Il-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku ma għandhomx jirrestrinġu unilateralment:

a) id-dritt tal-utenti finali li jkollhom aċċess għan-netwerks taż-żona lokali bir-radju li jagħżlu huma u li jipprovdu partijiet terzi;

b) id-dritt tal-utenti finali li b'mod reċiproku jew b'mod aktar ġenerali jippermettu utenti finali oħra li jaċċessaw in-netwerks ta' dawn il-provdituri minn netwerks taż-żona lokali bir-radju, anki abbażi ta' inizjattivi ta' parti terza li jiffederaw u jagħmlu aċċessibbli għall-pubbliku n-netwerks taż-żona lokali bir-radju ta' utenti finali differenti.

4. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ma għandhomx jirrestrinġu d-dritt tal-utenti finali li b'mod reċiproku jew b'mod aktar ġenerali jippermettu utenti finali oħra li jaċċessaw in-netwerks taż-żona lokali bir-radju, anki abbażi ta' inizjattivi ta' partijiet terzi li jiffederaw u jagħmlu aċċessibbli għall-pubbliku n-netwerks tal-aċċess lokali bir-radju ta' utenti finali differenti.

5. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ma għandhomx jirrestrinġu l-provdiment ta' aċċess pubbliku għal netwerks taż-żona lokali bir-radju:

(a) minn awtoritajiet pubbliċi fil-viċinanza immedjata ta' bini okkupat minn dawn l-awtoritajiet pubbliċi, meta dan ikun anċillari għas-servizzi pubbliċi provduti f'dan il-bini;

(b) minn inizjattivi ta' organizzazzjonijiet nongovernattivi jew awtoritajiet pubbliċi biex jiffederaw u jagħmlu aċċessibbli b'mod reċiproku jew b'mod aktar ġenerali n-netwerks taż-żona lokali bir-radju ta' utenti finali differenti, inklużi, meta applikabbli, in-netwerks taż-żona lokali bir-radju li għalihom jiġi pprovdut aċċess pubbliku skont is-subpunt (a).

6. Impriża, awtorità pubblika jew utent finali ieħor ma għandhomx jitqiesu bħala provditur tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku unikament għax jipprovdu aċċess pubbliku għal netwerks taż-żona lokali bir-radju, meta dan il-provdiment ma jkollux natura kummerċjali, jew hu sempliċiment anċillari għal attività kummerċjali oħra jew servizz pubbliku li ma jiddependix fuq it-twassil tas-sinjali f'dawn in-netwerks.

Artikolu 15 – Il-varar u t-tħaddim ta' punti tal-aċċess bla wajers f'żoni żgħar

1. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jippermettu l-varar, il-konnessjoni u t-tħaddim ta' punti tal-aċċess bla wajers f'żoni żgħar u li ma jagħtux fil-għajn skont ir-reġim tal-awtorizzazzjoni ġenerali u ma għandhomx jirrestrinġu kif mhux xieraq dawk il-varar, il-konnessjoni u t-tħaddim minħabba permessi individwali tal-ippjanar tal-art jew b'mod ieħor, meta dan l-użu jkun konformi mal-miżuri ta' implimentazzjoni adottati skont il-paragrafu 2.

Dan il-paragrafu hu mingħajr preġudizzju għal ir-reġim tal-awtorizzazzjoni għall-ispettru tar-radju użat biex jitħaddmu punti tal-aċċess bla wajers f'żoni żgħar.

2. Għall-finijiet tal-implimentazzjoni uniformi tar-reġim tal-awtorizzazzjoni ġenerali għall-varar, il-konnessjoni u t-tħaddim ta' punti tal-aċċess bla wajers f'żoni żgħar skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni b'att ta' implimentazzjoni, tista' tispeċifika karatteristiċi tekniċi għad-disinn, il-varar u t-tħaddim ta' punti tal-aċċess bla wajers f'żoni żgħar, li l-konformità miegħu għandha tiżgura li dawn ma jkunux jagħtu fil-għajn meta jintużaw f'kuntesti lokali differenti. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika dawk il-karatteristiċi tekniċi b'referenza għall-karatteristiċi massimi tad-daqs, il-qawwa, elettromanjetiċi, kif ukoll l-impatt viżiv tal-punti tal-aċċess bla wajers f'żoni żgħar varati. Dawk il-karatteristiċi tekniċi għall-użu ta' punti tal-aċċess bla wajers f'żoni żgħar għallinqas għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2013/35/UE[30] u mal-livelli limitu definiti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill Nru 1999/519/KE.[31]

Il-karatteristiċi speċifikati sabiex il-varar, il-konnessjoni u t-tħaddim ta' punt tal-aċċess bla wajers f'żoni żgħar jibbenefikaw mill-paragrafu 1, għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill relattiva għat-tqegħid fis-suq ta' dawn il-prodotti.[32]

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 33(2).

Artikolu 16 – Il-kordinazzjoni tal-ispettru tar-radju fost l-Istati Membri

1. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tagħhom skont ftehimiet internazzjonali rilevanti, inklużi r-Regolamenti dwar ir-Radju ITU, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiżguraw li l-użu tal-ispettru tar-radju ikun organizzat fit-territorju tagħhom, u b'mod partikolari għandhom jieħdu l-miżuri kollha għall-allokazzjoni u l-assenjament tal-ispettru tar-radju, sabiex ebda Stat Membru ieħor ma jinżamm milli jippermetti fit-territorju tiegħu l-użu tal-banda armonizzata speċifika skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

2. L-Istati Membri għandhom jikkoperaw flimkien f'kordinazzjoni transfruntiera tal-użu tal-ispettru tar-radju sabiex jiżguraw konformità mal-paragrafu 1 u sabiex jiżguraw li ebda Stat Membru ma jinżamm milli jkollu aċċess ekwu għall-ispettru tar-radju.

3. Kull Stat Membru kkonċernat jista' jistieden lill-Grupp tal-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju biex juża s-servizzi tiegħu biex jassisti lilu u lil kwalunkwe Stat Membru ieħor ħalli jikkonformaw ma' dan l-Artikolu.

Il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri ta' implimentazzjoni biex tiżgura li r-riżultati kordinati jirrispettaw ir-rekwiżit ta' aċċess ekwu għall-ispettru tar-radju fost l-Istati Membri rilevanti, sabiex tissolva kull inkonsistenza prattika bejn riżultati kordinati distinti fost Stati Membri differenti, jew biex tiżgura l-infurzar ta' soluzzjonijiet kordinati skont il-liġi tal-Unjoni. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 33(2).

Taqsima 2 – Il-prodotti Ewropej tal-aċċess vitwali

Artikolu 17 – Il-prodott Ewropew tal-aċċess broadband vitwali

1. Il-provdiment ta' prodott tal-aċċess broadband virtwali impost skont l-Artikoli 8 u 12 tad-Direttiva 2002/19/KE għandu jitqies bħala provdiment ta' prodott Ewropew tal-aċċess broadband virtwali jekk dan jiġi pprovdut skont il-parametri minimi elenkati f'waħda mill-Offerti stabbiliti fl-Anness I u jekk b'mod kumulattiv jissodisfa dawn ir-rekwiżiti sostantivi:

(a) il-kapaċità li jkun offrut bħala prodott ta' kwalità għolja kullimkien fl-Unjoni;

(b) il-grad massimu tal-interoperabilità tan-netwerks u tas-servizzi, u l-ġestjoni nondiskriminatorja tan-netwerk bejn l-operaturi b'mod konsistenti mat-topoloġija tan-netwerk;

(c) il-kapaċità li jaqdi lill-utenti finali mil-lat kompetittiv;

(d) il-kosteffikaċja, filwaqt li titqies il-kapaċità li jiġi implimentat f'netwerks eżistenti u mibnijin ġodda u li jkun jeżisti ma' prodotti oħra tal-aċċess li jaf jiġu pprovduti fl-istess infrastruttura tan-netwerk;

(e) l-effikaċja operattiva, b'mod partikolari fir-rigward li jiġu limitati kemm jista' jkun l-ostakli fl-implimentazzjoni u l-ispejjeż għat-varar lil provdituri tal-aċċess broadband virtwali u lil min ifittex aċċess broadband virtwali;

(f) l-osservanza tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-privatezza, id-dejta personali, is-sigurtà u l-integrità tan-netwerks u t-trasparenza f'konformità mal-liġi tal-Unjoni.

2.         Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati skont l-Artikolu 32 ħalli jiġi adattat l-Anness I fid-dawl tal-iżviluppi tas-suq u teknoloġiċi, sabiex jibqa' jissodisfa r-rekwiżiti sostantivi elenkati fil-paragrafu 1.

Artikolu 18 – Il-kundizzjonijiet regolatorji relatati ma' prodott Ewropew tal-aċċess broadband vitwali

1. Awtorità regolatorja nazzjonali li qabel tkun imponiet fuq operatur skont l-Artikoli 8 u 12 tad-Direttiva 2002/19/KE, xi obbligu biex jipprovdi aċċess għall-operaturi għal netwerk tal-ġenerazzjoni li jmiss, għandha tivvaluta jekk ikunx proporzjonat li minflok timponi obbligu għall-provdiment ta' prodott Ewropew tal-aċċess broadband virtwali li għallinqas jipprovdi funzjonalitajiet ekwivalenti għall-prodott tal-aċċess għall-operaturi li bħalissa hu imposti.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jissemmew fl-ewwel subparagrafu għandhom jagħmlu valutazzjoni meħtieġa tar-rimedji eżistenti tal-aċċess għall-operaturi, malajr kemm jista' jkun malli dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ, irrispettivament minn meta ssir l-analiżi tas-swieq rilevanti skont l-Artikolu 16(6) tad-Direttiva 2002/21/KE.

Meta awtorità regolatorja nazzjonali li qabel kienet imponiet obbligu biex jiġi pprovdut aċċess broadband virtwali, ikun jidhrilha li, wara l-valutazzjoni tagħha skont l-ewwel subparagrafu, prodott Ewropew tal-aċċess broadband virtwali ma jkunx xieraq fiċ-ċirkostanzi speċifiċi, din għandha tipprovdi spjegazzjoni raġunata fl-abbozz tal-miżura tagħha skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2002/21/KE.

2. Meta awtorità regolatorja nazzjonali tkun biħsiebha timponi obbligu fuq operatur biex jipprovdu aċċess fuq il-livell tal-operatur għal netwerk tal-ġenerazzjoni li jmiss skont l-Artikoli 8 u 12 tad-Direttiva 2002/19/KE, għandha tivvaluta partikolarment, minbarra l-fatturi stipulati fl-Artikolu 12(2) ta' dik id-Direttiva, il-merti rispetti tal-impożizzjoni ta'

(i) input passiv fuq il-livell tal-operaturi, bħall-aċċess fiżiku diżassoċjat għal-loop jew is-sub-loop lokali;

(ii) input mhux fiżiku jew virtwali fuq il-livell tal-operaturi li joffri funzjonalitajiet ekwivalenti, u partikolarment prodott Ewropew tal-aċċess għall-broadband virtwali li jissodisfa r-rekwiżiti u l-parametri sostantivi stipulat fl-Artikolu 17(1) u fl-Anness I, punt 1, ta' dan ir-Regolament.

3. B'deroga mill-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2002/19/KE, awtorità regolatorja nazzjonali li qabel kienet imponiet fuq operatur, obbligu li jipprovdi aċċess broadband virtwali skont l-Artikoli 8 u 12 ta' dik id-Direttiva, din għandha timponi obbligu għall-provdiment ta' prodott Ewropew tal-aċċess broadband virtwali li jkollu l-aktar funzjonalitajiet rilevanti biex tiġi ssodisfata l-ħtieġa identifikata fil-valutazzjoni tagħha. Meta awtorità regolatorja nazzjonali jkun jidhrilha li prodott Ewropew tal-aċċess broadband virtwali ma jkunx xieraq fiċ-ċirkostanzi speċifiċi, din għandha tipprovdi spjegazzjoni raġunata fl-abbozz tal-miżura tagħha skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2002/21/KE.

4. Meta tiġi biex tivvaluta skont il-paragrafi 1, 2 jew 3 jekk għandhiex timponi prodott Ewropew tal-aċċess broadband virtwali minflok xi prodott tal-aċċess għall-operaturi ieħor possibbli, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tqis l-interess f'kundizzjonijiet regolatorji konverġenti madwar l-Unjoni kollha għal rimedji tal-aċċess għall-operaturi, il-qagħda attwali u prospettiva tal-kompetizzjoni bbażata fuq l-infrastruttura u l-evoluzzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq lejn provdiment netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss li jikkompetu, l-investimenti li għamlu rispettivament l-operatur magħruf li għandu saħħa sinifikanti fis-suq u dawk li qed ifittxu aċċess, u l-perjodu ta' amortizzazzjoni għal dawn l-investimenti.

L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tistabbilixxi perjodu ta' tranżizzjoni biex tissostitwixxi prodott eżistenti tal-aċċess għall-operaturi bi prodott Ewropew tal-aċċess broadband virtwali, jekk ikun meħtieġ.

5. B'deroga mill-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2002/19/KE, meta operatur ikollu l-obbligi skont l-Artikoli 8 u 12 ta' dik id-Direttiva li jipprovdi prodott Ewropew tal-aċċess broadband virtwali, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni ta' offerta referenza li għallinqas ikollha l-elementi stabbiliti fil-punti 1, 2 jew 3 tal-Anness I, skont il-każ.

6. B'deroga mill-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2002/21/KE, awtorità regolatorja nazzjonali ma għandhiex timponi perjodu obbligatorju ta' avviż qabel tirtira minn obbligu impost qabel biex jiġi offrut prodott Ewropew tal-aċċess broadband virtwali li jissodisfa r-rekwiżiti sostantivi u l-parametri stabbiliti fl-Artikolu 17(1) u fil-punt 2 tal-Anness I ta' dan ir-Regolament, jekk l-operatur ikkonċernat volontarjament jimpenja ruħu li jagħmel dan il-prodott disponibbli meta jitolbuh partijiet terzi b'termini ġusti u raġonevoli għal perjodu ulterjuri ta' tliet snin.

7. Meta awtorità regolatorja nazzjonali, fil-kuntest ta' valutazzjoni skont il-paragrafi 2 jew 3, tkun qed tqis jekk għandhiex jew le timponi jew iżżomm kontrolli tal-prezzijiet skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/19/KE għal aċċess għall-operaturi għal netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss, b'wieħed mill-prodotti Ewropej tal-aċċess broadband virtwali jew b'mod ieħor, din għandha tqis il-qagħda tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-prezzijiet, l-għażla u l-kwalità tal-prodotti offruti fil-livell tal-konsumaturi. Din għandha tqis l-effikaċja tal-protezzjoni mid-diskriminazzjoni fil-livell tal-operaturi u l-qagħda tal-kompetizzjoni bbażata fuq l-infrastruttura minn netwerks oħrajn tal-linja fissa jew bla wajers, filwaqt li tagħti importanza xierqa lir-rwol tal-kompetizzjoni eżistenti bbażata fuq l-infrastruttura fost in-netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss biex tibqa' titjieb il-kwalità għall-utenti finali, sabiex jinstab jekk kontrolli tal-prezzijiet għal aċċess għall-operaturi ma jkunux meħtieġa jew proporzjonati fil-każ speċifiku.

Artikolu 19 – Prodott ta' konnettività b'servizz ta' kwalità żgurat (ASQ)

1. Kull operatur għandu jkollu d-dritt li jipprovdi prodott Ewropew tal-konnettività b'servizz ta' kwalità żgurat (ASQ) kif jispeċifika l-paragrafu 4.

2. Kull operatur għandu jissodisfa kull talba raġonevoli biex jipprovdi prodott Ewropew ta' konnettività ASQ kif jispeċifika l-paragrafu 4, li titressaq bil-miktub minn provditur awtorizzat tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika. Kull rifjut milli jiġi pprovdut prodott Ewropew ta' konnettività ASQ għandu jissejjes fuq kriterji oġġettivi. L-operatur għandu jiddikjara r-raġunijiet għal kull rifjut fi żmien xahar minn meta ssir it-talba bil-miktub.

Tkun raġuni oġġettiva għal rifjut jekk il-parti li qed titlob provdiment ta' prodott Ewropew ta' konnettività ASQ ma tkunx tista' jew ma tkunx tixtieq li fl-Unjoni jew f'pajjiżi terzi tagħmel disponibbli wkoll prodott Ewropew tal-konnettività ASQ lill-parti li ssirilha t-talba b'termini raġonevoli, jekk din tal-aħħar titlob hekk.

3. Meta t-talba tiġi rifjutata jew ma jkunx intlaħaq ftehim dwar termini u kundizzjonijiet speċifiċi, inkluż il-prezz, fi żmien xahrejn minn meta ssir it-talba bil-miktub, kull parti hi intitolata tirreferi l-kwistjoni lill-awtorità regolatorja nazzjonali rilevanti skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2002/21/KE. F'dan il-każ, jista' japplika l-Artikolu 3(6) ta' dan ir-Regolament.

4. Il-provdiment ta' prodott tal-konnettività għandu jitqies bħala provdiment ta' prodott Ewropew ta' konnettività ASQ jekk dan jiġi pprovdut skont il-parametri minimi elenkati fl-Anness II u jekk b'mod kumulattiv jissodisfa dawn ir-rekwiżiti sostantivi:

(a) il-kapaċità li jkun offrut bħala prodott ta' kwalità għolja kullimkien fl-Unjoni;

(b) bih, il-pprovdituri tas-servizz ikunu jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-utenti finali tagħhom;

(c) il-kosteffikaċja, filwaqt li jitqiesu soluzzjonijiet eżistenti li jistgħu jiġu pprovduti fl-istess netwerks;

(d) l-effikaċja operattiva, b'mod partikolari fir-rigward li jiġu limitati kemm jista' jkun l-ostakli fl-implimentazzjoni u l-ispejjeż tal-varar għall-konsumaturi; u

(e) ikun żgurat li jiġu osservati r-regoli dwar il-protezzjoni tal-privatezza, id-dejta personali, is-sigurtà u l-integrità tan-netwerks u t-trasparenza f'konformità mal-liġi tal-Unjoni.

5. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati skont l-Artikolu 32 ħalli jiġi adattat l-Anness II fid-dawl tal-iżviluppi tas-suq u teknoloġiċi, sabiex jibqa' jissodisfa r-rekwiżiti sostantivi elenkati fil-paragrafu 4.

Artikolu 20 – Miżuri relatati mal-prodotti Ewropej tal-aċċess

1. Sal-1 ta' Jannar 2016 il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu aktar regoli metodoloġiċi u tekniċi uniformi għall-implimentazzjoni ta' prodott Ewropew tal-aċċess broadband virtwali skont it-tifsira tal-Artikolu 17 u tal-Anness I, il-punt 1, f'konformità mal-kriterji u l-parametri speċifikati fih u sabiex tiżgura l-ekwivalenza tal-funzjonalità ta' dan il-prodott tal-aċċess virtwali għall-operaturi għal netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss ma' dik tal-prodott tal-aċċess diżaggregat fiżiku. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 33(2).

2. Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli metodoloġiċi u tekniċi uniformi għall-implimentazzjoni ta' wieħed jew bosta prodotti Ewropej tal-aċċess skont it-tifsira tal-Artikoli 17 u 19 u tal-Anness I, il-punti 2 u 3, u tal-Anness II, f'konformità mal-kriterji u l-parametri rispettivi speċifikati fih. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 33(2).

Kapitolu IV Drittijiet armonizzati tal-utenti aħħarin

Artikolu 21 – Ebda restrizzjoni jew diskriminazzjoni

1. Il-libertà tal-utenti finali li jużaw netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni elettronika jew servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku li tipprovdi impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, ma għandhiex tkun ristretta mill-awtoritajiet pubbliċi.

2. Il-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku ma għandhomx japplikaw rekwiżiti diskriminatorji jew kundizzjoni tal-aċċess jew l-użu lill-utenti finali abbażi tan-nazzjonalità jew il-post ta' residenza tal-utenti finali sakemm dawn id-differenzi ma jkunux ġustifikati oġġettivament.

3. Il-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku ma għandhomx japplikaw tariffi għal komunikazzjonijiet intra-Unjoni li jintemmu fi Stat Membru ieħor, sakemm dawn ma jkunux ġustifikati oġġettivament:

a) fir-rigward ta' komunikazzjoni fissa, minn tariffi għal komunikazzjoni domestiċi f'distanzi twal;

b) fir-rigward ta' komunikazzjoni mobbli, minn ewrotariffi għal komunikazzjoni regolata tar-roaming bil-vuċi u bl-SMS, rispettivament, stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 531/2012.

Artikolu 22 – Soluzzjoni għal tilwim transfruntieri

1. Il-proċeduri straġudizzjarji stabbiliti skont l-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2002/22/KE għandhom japplikaw ukoll għal tilwim relatat ma' kuntratti bejn il-konsumaturi, u utenti finali oħra safejn dawn il-proċeduri straġudizzjarji jkunu disponibbli wkoll għalihom, u l-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Għal tilwimiet fl-ambitu tad-Direttiva 2013/11/UE[33], japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' dik id-Direttiva.

Artikolu 23 – Il-libertà li jiġi pprovdut u jintuża aċċess miftuħ għall-internet, u l-ġestjoni raġonevoli tat-traffiku

1. L-utenti finali għandhom ikunu liberi biex jaċċessaw u jxerrdu informazzjoni u kontenut, jużaw applikazzjonijiet u servizzi tal-għażla tagħhom mis-servizz tal-aċċess għall-internet tagħhom.

L-utenti finali għandhom ikunu liberi biex jagħmlu ftehimiet dwar il-volumi u l-veloċitajiet tad-dejta ma' provdituri tas-servizzi tal-aċċess għall-internet u biex, f'konformità ma' ftehimiet bħal dawn relattivi għall-volumi tad-dejta, jużaw offerti tal-provdituri tal-kontenut, l-applikazzjonijiet u s-servizzi tal-internet.

2. L-utenti finali għandhom ikunu liberi wkoll biex jiftiehmu ma' provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku jew ma' provdituri ta' kontenut, applikazzjonijiet u servizzi dwar il-provdiment ta' servizzi speċjalizzati bi kwalità aħjar tas-servizzi

Sabiex ikunu jistgħu jipprovdu servizzi speċjalizzati lill-utenti finali, il-provdituri tal-kontenut, l-applikazzjonijiet u s-servizzi, u l-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku għandhom ikunu liberi biex jagħmlu ftehimiet flimkien ħalli jittrażmettu l-volumi jew it-traffiku tad-dejta relatati bħala servizzi speċjalizzati bi kwalità tas-servizzi definita jew b'kapaċità dedikata. Il-provdiment ta' dawn is-servizzi speċjalizzati ma għandux qed idgħajjef sostanzjalment il-kwalità tas-servizzi tal-aċċess għall-internet.

3. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew nazzjonali relatata mal-legalità tal-informazzjoni, il-kontenut, l-applikazzjoni jew is-servizzi trażmessi.

4. L-eżerċizzju tal-libertajiet previsti fil-paragrafi 1 u 2 għandu jeħfief billi tingħata informazzjoni sħiħa skont l-Artikolu 25(1), l-Artikolu 26(2), u l-Artikolu 27(1) u (2).

5. Fil-limiti tal-volumi jew il-veloċitajiet tad-dejta miftiehma f'kuntratt għas-servizzi tal-aċċess għall-internet, il-provdituri tas-servizzi tal-aċċess għall-internet ma għandhomx jirrestrinġu l-libertajiet previsti fil-paragrafu 1 billi jimblukkaw, jisslowjaw, jiddegradaw jew jiddiskriminaw kontra kontenut, applikazzjonijiet jew servizzi speċifiċi, jew kontra klassijiet speċifiċi tagħhom, ħlief meta dan ikun meħtieġ biex jiġu applikati miżuri ta' ġestjoni raġonevoli tat-traffiku. Il-miżuri ta' ġestjoni raġonevoli tat-traffiku għandhom ikunu trasparenti, nondiskriminatorji, proporzjonati u meħtieġa biex:

a) tiġi implimentata dispożizzjoni leġiżlattiva jew ordni tal-qorti, jew biex jiġu evitati jew impediti reati kriminali serji;

b) jinżammu l-integrità u s-sigurtà fin-netwerk, is-servizzi pprovduti minn dan in-netwerk, u t-terminali tal-utenti finali;

c) tkun evitata t-trażmissjoni ta' komunikazzjoni mhux mitluba lill-utenti finali li jkunu taw il-kunsens tagħhom minn qabel għal dan il-miżuri restrittivi;

d) jiġu minimizzati l-effetti ta' konġestjoni eċċezzjonali jew temporanja fin-netwerk sakemm tipi ekwivalenti ta' traffiku jkunu trattati bl-istess mod.

Il-ġestjoni raġonevoli tat-traffiku għandha tinvolvi biss l-ipproċessar ta' dejta meħtieġ u proporzjonat biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti f'dan il-paragrafu.

Artikolu 24 – Is-salvagwardji għall-kwalità tas-servizzi

1. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jissorveljaw mill-qrib u jiżguraw l-abilità effettiva tal-utenti finali biex igawdu l-libertajiet previsti fl-Artikolu 23(1) u (2), il-konformità mal-Artikolu 23(5), u d-disponibilità kontinwa ta' servizzi nondiskriminatorji tal-aċċess għall-internet b'livelli ta' kwalità li jixhdu l-avvanzi fit-teknoloġija u li ma jiddgħajfux minħabba servizzi speċjalizzati. F'kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali l-oħra, għandhom ukoll jimmonitorjaw l-effetti tas-servizzi speċjalizzati fuq id-diversitàkulturali u l-innovazzjoni. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jirrappurtaw kull sena lill-Kummissjoni u lill-BEREC dwar il-monitoraġġ u s-sejbiet tagħhom.

2. Sabiex tiġi evitata d-degradazzjoni ġenerali fil-kwalità tas-servizzi għal servizzi tal-aċċess għall-internet jew biex tiġi salvagwardjata l-abbiltà tal-utenti finali biex jaċċessaw u jxerrdu kontenut jew informazzjoni, jew jużaw applikazzjonijiet u servizzi tal-għażla tagħhom, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandu jkollhom is-setgħa ljimponu rekwiżiti minimi tal-kwalità tas-servizzi fuq provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku.

Kmieni biżżejjed qabel jimponu dawn ir-rekwiżiti, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'sommarju tar-raġunijiet għall-azzjoni, ir-rekwiżiti maħsuba u l-pjan ta' azzjoni propost. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli wkoll għall-BEREC. Wara li tkun eżaminat din l-informazzjoni, il-Kummissjoni tista tagħti kummenti jew rakkomandazzjonijiet dwarha, b'mod partikolari biex tiżgura li r-rekwiżiti maħsuba ma jolqtux ħażin il-funzjonament tas-suq intern. Ir-rekwiżiti maħsuba ma għandhomx jiġu adottati waqt perjodu ta' xahrejn minn meta l-Kummissjoni taslilha l-informazzjoni sħiħa sakemm il-Kummissjoni u l-awtorità regolatorja nazzjonali ma jkunux ftiehmu mod ieħor bejn, jew sakemm il-Kummissjoni tgħarraf lill-awtorità regolatorja nazzjonali b'perjodu mqassar ta' eżami, jew sakemm il-Kummissjoni tkun tat il-kummenti jew ir-rakkomandazzjonijiet. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom iqisu sew il-kummenti jew ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u għandhom jikkomunikaw ir-rekwiżiti adottati lill-Kummissjoni u lill-BEREC.

3. Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jiddefinixxu kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-obbligi tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali skont dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 33(2).

Artikolu 25 – It-trasparenza u l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni

1. Ħlief għall-offerti li jiġu negozjati b'mod individwali, il-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku għandhom jippubblikaw informazzjoni trasparenti, komparabbli, xierqa u aġġornata dwar:

a) l-isem, l-indirizz u l-informazzjoni tal-kuntatt tagħhom;

b) għal kull pjan ta' tariffa, is-servizzi offruti u l-parametri rilevanti tal-kwalità tas-servizzi, il-prezzijiet applikabbli (għall-konsumaturi inklużi t-taxxi) u kull imposta applikabbli (l-aċċess, l-użu, il-manutenzjoni u kull miżata addizzjonali), kif ukoll spejjeż għat-tagħmir terminali;

c) it-tariffi applikabbli rigward xi numru jew servizz soġġett għal kundizzjonijiet partikolari tal-prezzijiet;

d) il-kwalità tas-servizzi tagħhom, skont l-atti ta' implimentazzjoni previsti fil-paragrafu 2;

e) is-servizzi tal-aċċess għall-internet, meta offruti, li jispeċifikaw:

(i) il-veloċità tad-dejta proprjament disponibbli għad-download u l-upload fl-Istat Membru ta' residenza tal-utent finali, inkluża fil-ħin bl-aktar użu;

(ii) il-livell tal-limitazzjonijiet applikabbli fil-volum tad-dejta, jekk ikun hemm; il-prezzijiet biex jiżdied il-volum tad-dejta disponibbli fuq bażi ad hoc jew dejjiema; il-veloċità tad-dejta, u prezzha, disponibbli wara konsum sħiħ tal-volum tad-dejta applikabbli, jekk ikunu limitat; u l-mezzi biex meta jridu, l-utenti finali jkunu jistgħu jsegwu l-livell attwali tal-konsum tagħhom;

(iii) spjegazzjoni ċara u komprensiva dwar kif xi limitazzjoni fil-volum tad-dejta, il-veloċità proprja disponibbli u parametri oħra tal-kwalità, u l-użu f'daqqa ta' servizzi speċjalizzati bi kwalità aħjar tas-servizzi, jistgħu prattikament iħallu impatt fuq l-użu tal-kontenut, tal-applikazzjonijiet u tas-servizzi;

(iv) informazzjoni dwar kull proċedura li jistabbilixxi l-provditur biex ikejjel u jdawwar it-traffiku ħalli jevita konġestjoni fin-netwerk, u dwar kif dawk il-proċeduri jistgħu jaffettwaw il-kwalità tas-servizzi u l-protezzjoni tad-dejta personali;

f) il-miżuri li ttieħdu biex tkun żgurata l-ekwivalenza fl-aċċess għal utenti finali b'diżabbiltà, inkluża informazzjoni aġġornata regolarment li tagħti dettalji dwar il-prodotti u s-sevizzi maħsuba għalihom;

g) it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt standard tagħhom inkluż kull perjodu kuntrattwali minimu, il-kundizzjonijiet u kull imposta għat-terminazzjoni ta' kuntratt, il-proċeduri u l-miżati diretti relatati mal-bidla minn provditur għal ieħor u l-portabbiltà tan-numri u identifikaturi oħra, u l-arranġamenti għal kumpens minħabba dewmien jew abbuż fil-bidla minn provditur għal ieħor;

h) l-aċċess għal servizzi ta' emerġenza u informazzjoni dwar il-post mnejn tkun ġejjin t-telefonata għal kull servizz offrut, kull limitazzjoni fil-provdiment tas-servizzi ta' emerġenza skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2002/22/KE, u kull bidla fih;

i) id-drittijiet dwar is-servizz universali, inklużi, meta jixraq, il-faċilitajiet u s-servizzi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2002/22/KE.

L-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata b'mod ċar u komprensiv u tkun faċilment aċċessibbli fil-lingwa/i uffiċjali tal-Istat Membru fejn jiġi offrut is-servizz, u għandha tiġi aġġornata regolarment. Meta jintalab, l-informazzjoni għandha tingħata wkoll lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti qabel tiġi ppubblikata. Kull differenzjazzjoni fil-kundizzjonijiet applikati għall-konsumaturi u utenti finali oħra għandha tkun espliċita.

2. Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jispeċifikaw il-metodi biex titkejjel il-veloċità tas-servizzi tal-aċċess għall-internet, il-parametri tal-kwalità tas-servizzi u l-metodi biex dawn jitkejlu, u l-kontenut, il-forma u l-mod tal-informazzjoni li trid tiġi ppublikata, inklużi mekkaniżmi possibbli ta' ċertifikazzjoni tal-kwalità. Il-Kummissjoni tista' tqis il-parametri, id-definizzjonijiet u l-metodi tal-kejl stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 2002/22/KE. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 33(2).

3. L-utenti aħħarin għandhom ikollhom aċċess għal għodod indipendenti tal-evalwazzjoni li jippermettulhom iqabblu l-prestazzjoni tal-aċċess u s-servizzi tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika u l-kost ta' xejriet alternattivi tal-użu. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu skema volontarja ta'ġ ċertifikazzjoni għal siti, gwidi jew għodod simili interattivi. Iċ-ċertifikazzjoni għandha tingħata skont rekwiżiti oġġettivi, trasparenti u proporzjonati, partikolarment l-indipendenza minn kull provditur tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubblika, l-użu ta' lingwaġġ ċar, l-għoti ta' informazzjoni kompluta u aġġornata, u t-tħaddim ta' proċedura effettiva għat-trattament tal-ilmenti. Meta l-faċilitajiet ċertifikati tat-tqabbil ma jkunux disponibbli fis-suq bla ħlas jew bi prezz raġonevoli, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra għandhom jagħmlu dawn il-faċilitajiet disponibbli huma stess jew mingħand partijiet terzi konformi mar-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni. L-informazzjoni ppubblikata mill-provdituri tal-komunikazzjonijiet elettroniċi lill-pubbliku għandhom ikunu aċċessibblii u bla ħlas sabiex ikunu disponibbli l-faċilitajiet tat-tqabbil.

4. Meta jitolbuhom l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti, il-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku għandhom iqassmu bla ħlas lill-utenti finali informazzjoni li tinteressa lill-pubbliku, meta jixraq, bl-istess mezzi li kienu jużaw is-soltu biex jikkomunikaw mal-utenti finali. F'dan il-każ, dik l-informazzjoni għandhom jipprovduha l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti lill-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku f'format standardizzat u fost l-oħrajn għandha tkopri dawn is-suġġetti:

(a) l-aktar użu komuni tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika biex wieħed jidħol f'attivitajiet illegali jew ixerred kontenut dannuż, b'mod partikolari fejn dan jista' jippreġudika r-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn, inkluż ksur tad-drittijiet tal-protezzjoni tad-dejta, id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, u l-konsegwenzi legali tagħhom; u

(b) il-mezzi ta' protezzjoni mir-riskji għas-sigurtà personali u mill-aċċess illegali għad-dejta personali meta jintużaw is-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika.

Artikolu 26 – Ir-rekwiżiti tal-informazzjoni għall-kuntratti

1. Qabel kuntratt dwar il-provdiment ta' konnessjoni ma' netwerk pubbliku tal-komunikazzjoni elettronika jew servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jsir vinkolanti, il-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku għandhom għallinqas jipprovdu din l-informazzjoni lill-konsumaturi, u lil utenti finali oħra, sakemm huma ma jkunux ftiehmu espliċitament mod ieħor:

(a) l-identità, l-indirizz u l-informazzjoni tal-kuntatt tal-provditur u, jekk ikunu differenti, l-indirizz u l-informazzjoni ta' kuntatt għal kull ilment;

(b) il-karatteristiċi ewlenin tas-servizzi pprovduti, inklużi b'mod partikolari:

(i) għal kull pjan ta' tariffi, it-tipi ta' servizzi offruti, il-volumi inklużi tal-komunikazzjoni u kull parametru rilevanti tal-kwalità tas-servizzi, inkluż meta se ssir il-konnessjoni tal-bidu;

(ii) jekk hux qed jiġi pprovdut aċċess għal servizzi ta' emerġenza u informazzjoni dwar il-post mnejn tkun ġejjin t-telefonata, u f'liema Stati Membri, jekk hemmx xi limitazzjonijiet fil-provdiment tas-servizzi ta' emerġenza skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2002/22/KE;

(iii) it-tipi ta' servizzi ta' wara l-bejgħ, servizzi tal-manutenzjoni u s-servizzi ta' appoġġ għall-klijenti li huma pprovduti, u l-kundizzjonijiet u t-tariffi għal dawn is-servizzi, u l-metodi ta' kuntatt għal dawn is-servizzi;

(iv) kull restrizzjoni li jimponi l-provditur fuq l-użu tat-tagħmir terminali pprovdut, inkluża l-informazzjoni dwar il-ftuħ tat-tagħmir terminali u kull imposta involuta jekk jiġi tterminat il-kuntratt qabel jintemm il-perjodu minimu tal-kuntratt;

(c) dettalji dwar il-prezzijiet u t-tariffi (għall-konsumaturi inklużi t-taxxi u imposti addizzjonali possibbilment dovuti) u l-mezzi li bihom issir disponibbli informazzjoni aġġornata dwar it-tariffi u l-imposti kollha applikabbli;

(d) il-metodi tal-ħlas offruti u kull differenza fl-ispejjeż minħabba l-metodu tal-ħlas, u l-faċilitajiet disponibbli li jissalvagwardjaw it-trasparenza fil-kontijiet u jissorveljaw il-livell tal-konsum;

(e) it-tul tal-kuntratt u l-kundizzjonijiet biex jiġġedded u jintemm, inklużi:

(i) kull użu u tul minimu meħtieġ biex wieħed jibbenefika minn termini promozzjonali;

(ii) kull imposta relatata mal-bidla minn provditur għal ieħor u l-portabbiltà tan-numri u identifikaturi oħra, inklużi l-arranġamenti għal kumpens minħabba dewmien jew abbuż fil-bidla minn provditur għal ieħor;

(iii) kull imposta dovuta bit-terminazzjoni kmieni tal-kuntratt, inkluż kull irkupru tal-ispejjeż fejn jidħol it-tagħmir terminali (abbażi tal-metodi tas-soltu għad-deprezzament) u vantaġġi promozzjonali oħra (fuq bażi pro tempore rata);

(f) kull arranġament għal kumpens u rifużjoni, inkluża referenza espliċita għad-drittijiet statutorji tal-utent finali, li japplikaw jekk ma jintlaħqux il-livelli tal-kwalità tas-servizzi fil-kuntratt;

(g) meta jkun hemm obbligu skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2002/22/KE, l-alternattivi għall-utenti finali jekk idaħħlux jew le d-dejta personali tagħhom fid-direttorju, u d-dejta kkonċernata;

(h) għal utenti finali b'diżabbiltà, id-dettalji dwar il-prodotti u s-sevizzi maħsuba għalihom;

(i) il-mezzi biex jinbdew proċeduri għal soluzzjoni tat-tilwim, inkluż it-tilwim transfruntieri, skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2002/22/KE u l-Artikolu 22 ta' dan ir-Regolament;

(j) it-tip ta' azzjoni li jista' jieħu l-provditur b'reazzjoni għal inċidenti ta' sigurtà jew integrità jew theddid u vulnerabbiltajiet.

2. Apparti dak tal-paragrafu 1, il-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku għandhom għallinqas jipprovdu lill-utenti finali, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor minn utent finali li mhux konsumatur, din l-informazzjoni dwar is-servizzi tagħhom tal-aċċess għall-internet:

(a) il-livell tal-limitazzjonijiet applikabbli fil-volum tad-dejta, jekk ikun hemm; il-prezzijiet biex jiżdied il-volum tad-dejta disponibbli fuq bażi ad hoc jew dejjiema; il-veloċità tad-dejta, u prezzha, disponibbli wara konsum sħiħ tal-volum tad-dejta applikabbli, jekk ikunu limitat; u l-mezzi biex meta jridu, l-utenti finali jkunu jistgħu jsegwu l-livell attwali tal-konsum tagħhom;

(b) il-veloċità tad-dejta attwalment disponibbli biex ittella' u tniżżel id-dejta fil-lok ewlieni tal-utneti aħħari, inkluż ċifri attwali għal meded tal-veloċità, medji tal-veloċità u veloċità fis-sigħat tal-akbar traffiku, inkluż l-impatt potenzjali tal-fatt li jiġi permess l-aċċess lil partijiet terzi permezz ta' netwerk taż-żona lokali bir-radju;

(c) parametri oħra tal-kwalità tas-servizzi;

(d) informazzjoni dwar kull proċedura li jistabbilixxi l-provditur biex ikejjel u jdawwar it-traffiku ħalli jevita konġestjoni fin-netwerk, u informazzjoni dwar kif dawk il-proċeduri jistgħu jħallu impatt fuq il-kwalità tas-servizzi u l-protezzjoni tad-dejta personali;

(e) spjegazzjoni ċara u komprensiva dwar kif xi limitazzjoni fil-volum tad-dejta, il-veloċità proprja disponibbli u parametri oħra tal-kwalità tas-servizzi, u l-użu f'daqqa ta' servizzi speċjalizzati bi kwalità aħjar tas-servizzi, jistgħu prattikament iħallu impatt fuq l-użu tal-kontenut, tal-applikazzjonijiet u tas-servizzi;

3. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tingħata b'mod ċar u komprensiv u tkun faċilment aċċessibbli fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru ta' residenza tal-utent finali, u għandha tiġi aġġornata regolarment. Din għandha tifforma parti integrali mill-kuntratt u ma għandhiex tinbidel sakemm il-partijiet ma jaqblux espressament mod ieħor. L-utent finali għandu jirċievi kopja tal-kuntratt bil-miktub.

4. Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jispeċifikaw id-dettalji dwar ir-rekwiżiti tal-informazzjoni elenkati fil-paragrafu 2. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 33(2).

5. Meta jitolbu l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti, il-kuntratt għandu jkun fih ukoll kull informazzjoni li jipprovdu dawn l-awtoritajiet għal dan l-iskop dwar l-użu ta' netwerks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika biex wieħed jidħol f'attivitajiet illegali jew ixerred kontenut dannuż, u dwar il-mezzi ta' protezzjoni mir-riskji għas-sigurtà personali, l-ipproċessar illegali tad-dejta personali, imsemmija fl-Artikolu 25(4) u rilevanti għas-servizz ipprovdut.

Artikolu 27 – Il-kontroll tal-konsum

1. Il-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku għandhom joffru lill-utenti finali l-opportunità li jagħżel, bla ħlas, faċilità li tipprovdi informazzjoni dwar il-konsum akkumulat ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika differenti mogħtija fil-munita li biha jkun il-kont tal-utent finali. Din il-faċilità għandha tiżgura li, mingħajr il-kunsens tal-utent finali, in-nefqa akkumulata tul perjodu speċifiku tal-użu ma taqbiżx limitu finanzjarju speċifikat li stabbilixxieh l-utent finali.

2. Il-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku għandhom jiżguraw li lill-utent finali tintbagħatlu notifika xierqa meta l-konsum tas-servizzi jkun laħaq 80% tal-limitu finanzjarju stabbilit skont il-paragrafu 1. In-notifika għandha tindika l-proċedura li trid tiġi segwita biex jissokta l-provdiment ta' dawk is-servizzi, inklużi l-ispejjeż tagħhom. Il-provditur għandu jieqaf jipprovdi s-servizzi speċifikati u jieqaf jimponi miżati lill-utent finali għalihom jekk il-limitu finanzjarju jinqabeż mod ieħor, sakemm l-utent finali ma jkunx talab li jissokta jew jiġġedded il-provdiment ta' dawn is-servizzi. Wara li jkunu laħqu l-limitu finanzjarju, l-utenti finali għandhom ikunu jistgħu jibqgħu jirċievu telefonati u messaġġi SMS u jaċċessaw in-numri tat-telefown bla ħlas u s-servizzi ta' emerġenza billi jċemplu n-numru ta' emerġenza Ewropew 112 bla ħlas sa tmiem il-perjodu tal-ħlas miftiehem.

3. Minnufih qabel tiġi konnessa t-telefonata, il-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku għandhom jippermettu lill-utenti finali jaċċessaw faċilment u bla ma jġarrbu spejjeż kull informazzjoni tal-ispejjeż dwar it-tariffi applikabbli rigward numru jew servizz soġġett għal kundizzjonijiet partikolari tal-prezzijiet sakemm l-awtorità regolatorja nazzjonali tkun tat deroga minn qabel għal raġunijiet ta' proporzjonalità. Kull informazzjoni bħal din għandha tingħata b'mod komparabbli għal kull numru jew servizz bħal dan.

4. Lill-utenti finali, il-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku għandhom joffrulhom l-opportunità li bla ħlas jaċċettaw li jirċievu kontijiet dettaljati.

Artikolu 28 – It-terminazzjoni tal-kuntratt

1. Il-kuntratti konklużi bejn il-konsumaturi u l-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku ma għandhomx jobbligaw perjodu minimu ta' kuntratt li jaqbeż l-24 xahar. Lill-utenti finali, il-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku għandhom joffrulhom il-possibilità li jidħlu f'kuntratt li ma jtulx aktar minn 12-il xahar.

2. Il-konsumaturi, u utenti finali oħra sakemm ma jkunux ftiehmu mod ieħor, għandu jkollhom dritt jitterminaw kuntratt b'perjodu ta' avviż ta' xahar, meta jkunu għaddew sitt xhur jew aktar minn meta sar il-kuntratt. Ebda kumpens ma għandu jkun dovut ħlief għall-valur residwu tat-tagħmir sussidjat mogħti mal-kuntratt meta sar il-kuntratt u rimborż pro rata tempore għal kull vantaġġ promozzjonali ieħor ikkumerċjalizzat bħala tali waqt li kien qed isir il-kuntratt. Il-provditur għandu jneħħi bla ħlas kull restrizzjoni fuq l-użu tat-tagħmir terminali f'netwerks oħra, mhux aktar tard minn meta jitħallas dan il-kumpens.

3. Meta l-kuntratti jew il-liġi nazzjonali jipprovdu għal perjodi tal-kuntratt biex ikunu jistgħu jiġu estiżi b'mod taċitu, il-provditur tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku għandu jinforma lill-utent finali fi żmien debitu ħalli l-utent finali jkollu mill-inqas xahar żmien biex jopponi l-estensjoni taċita. Jekk l-utent finali ma jopponix, il-kuntratt għandu jitqies bħala kuntratt permanenti li l-utent finali jista' jitterminah kull meta jrid b'perjodu ta' avviż ta' xahar u bla ma jġarrab spejjeż.

4. L-utenti finali għandu jkollhom id-dritt jitterminaw il-kuntratt tagħhom bla ma jġarrbu spejjeż meta jiġu avżati b'modifiki fil-kundizzjonijiet kuntrattwali li jipproponi l-provditur tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku sakemm il-modifiki proposti ma jkunux esklussivament għall-benefiċċju tal-utenti finali. Lill-utenti finali, il-provdituri għandhom jagħtuhom perjodu ta' avviż adegwat, mhux iqsar minn xahar, għal dawn il-modifiki, u fl-istess waqt għandhom jinfurmawhom bid-dritt tagħhom li jistgħu jitterminaw il-kuntratt bla ma jġarrbu spejjeż jekk ma jaċċettawx il-kundizzjonijiet il-ġodda. Il-paragrafu 2 għandu japplika mutatis mutandis.

5. Kull diskrepanza sinifikanti u mhux temporanja bejn il-prestazzjoni proprja fejn jidħlu l-veloċità u parametri oħra tal-kwalità, u l-prestazzjoni li jindika l-provditur tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku skont l-Artikolu 26, għandha titqies bħala nuqqas ta' konformità tal-prestazzjoni għall-finijiet biex jinstabu rimedji għall-utenti finali skont il-liġi nazzjonali.

6. Abbonament għal servizzi addizzjonali li jipprovdi l-istess provditur tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku ma għandux jerġa' jibda mill-ġdid il-perjodu tal-kuntratt tal-bidu sakemm il-prezz tas-servizz(i) addizzjonali ma jkunx jaqbeż b'mod sinifikanti l-prezz tas-servizzi tal-bidu jew sakemm ma jkunux offruti servizzi addizzjonali bħal dawn bi prezz promozzjonali speċjali relatat mat-tiġdid tal-kuntratt eżistenti.

7. Il-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku għandhom japplikaw kundizzjonijiet u proċeduri għat-terminazzjoni tal-kuntratt li ma joħolqux ostakli jew diżinċentivi milli wieħed jibdel il-provditur tas-servizz.

Artikolu 29 – Offerti raggruppati

Jekk raggruppament ta' servizzi offrut lill-konsumaturi ikun fih mill-inqas konnessjoni ma' netwerk tal-komunikazzjoni elettronika jew servizz wieħed tal-komunikazzjoni elettronika, għandhom japplikaw l-Artikolu 28 u 30 ta' dan ir-Regolament għal kull element tar-raggruppament.

Kapitolu V Il-faċilitazzjoni tal-bidla tal-fornitur

Artikolu 30 – Il-bidla minn provditur għal ieħor u l-portabbiltà tan-numri

1. Kull utent finali b'numri minn pjan tan-numerazzjoni telefonika nazzjonali, li jitlob dan, għandu jkollu d-dritt li jżomm in-numru/i tiegħu indipendentement mill-provditur tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku li jipprovdi s-servizz skont il-Parti C tal-Anness I tad-Direttiva 2002/22/KE, sakemm il-provditur ikun provditur tal-komunikazzjoni elettronika fl-Istat Membru li miegħu jirrelatat il-pjan ta' numerazzjoni nazzjonali jew sakemm il-provditur ikun provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika li nnotifika lill-awtorità regolatorja kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju dwar il-fatt li hu jipprovdi jew beħsiebu jipprovdi dawn is-servizzi fl-Istat Membru li miegħu hu relatat il-pjan tan-numerazzjoni nazzjonali.

2. L-ipprezzar bejn il-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku relatat mal-provdiment tal-portabbiltà tan-numru għandu jkun orjentat lejn l-ispiża, u l-miżati diretti għall-utenti finali, jekk ikun hemm, ma għandhomx iservu ta' diżinċentiv għall-utenti finali milli jbiddlu l-provditur tas-servizz.

3. Il-portabbiltà tan-numri u l-attivazzjoni tagħhom għandhom isiru fl-iqsar żmien possibbli. Biex l-utenti finali jagħmlu ftehim dwar il-portabbiltà ta' numru lejn provditur ġdid, dak in-numru għandu jiġi attivat fi żmien ġurnata tax-xogħol minn meta jsir dan il-ftehim. It-telfien tas-servizz waqt il-proċess tal-portabbiltà, jekk ikun hemm, ma għandux itul aktar minn minn ġurnata tax-xogħol.

4. Il-provditur riċeventi tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku għandu jmexxi l-proċess tal-bidla minn provditur għal ieħor u tal-portabbiltà. L-utenti finali għandhom jirċievu informazzjoni adegwata dwar il-bidla minn provditur għal ieħor, qabel u waqt il-proċess tal-bidla, u anki minnufih wara li din issir. Lill-utenti finali ma għandux jinbidlilhom il-provditur kontra r-rieda tagħhom.

5. Il-kuntratti tal-utenti finali mal-providituri trasferenti tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku għandhom jiġu tterminati awtomatikament wara li ssir il-bidla minn provditur għal ieħor. Il-providituri trasferenti tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku għandhom jirrifondu l-kreditu kollu li jkun baqa' lill-kunsumaturi li jkunu jużaw servizzi mħallsin minn qabel.

6. Il-provdituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku li jdumu jew jabbużaw fil-bidla minn provditur għal ieħor, inkluż billi ma jagħmlux disponibbli fil-ħin l-informazzjoni meħtieġa għall-portabbiltà, għandhom jiġu obbligati jikkumpensaw lill-utenti finali li jġarrbu dan id-dewmien jew l-abbuż.

7. Meta l-utent finali li jagħmel bidla għal provditur ġdid tas-servizzi tal-aċċess għall-internet ikollu indirizz tal-email ipprovdut mill-providitur trasferenti, dan tal-aħħar, jekk jitolbu l-utent finali, għandu jibgħat f'indirizz tal-email li jagħtih l-utent finali, bla ħlas, kull komunikazzjoni bl-email mibgħuta lill-utent finali fuq l-email preċedenti għal perjodu ta' 12-il xahar. Dan is-servizz tad-direzzjonar tal-emails għandu jinkludi tweġiba awtomatika lil kull min jibgħat email biex jinfurmah bl-indirizz tal-email il-ġdid tal-utent finali. L-utent finali għandu jkollhom l-alternattiva li jitolbu li l-indirizz tal-email il-ġdid ma jingħadx fil-messaġġ tat-tweġiba awtomatika.

Wara l-ewwel perjodu ta' 12-il xahar, il-provditur trasferenti tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku għandu jagħti l-alternattiva lill-utent finali biex bi ħlas, jekk ikun hemm bżonn, jiġi estiż il-perjodu tas-servizz tad-direzzjonar tal-emails. Il-provditur trasferenti tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku ma għandux jalloka l-indirizz tal-email tal-bidu tal-utenti finali lil utent finali ieħor qabel jgħaddu sentejn mit-terminazzjoni tal-kuntratt, u f'kull każ matul il-perjodu li għalih ġie estiż is-servizz tad-direzzjonar tal-emails.

8. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jistabbilixxu proċessi globali tal-bidla minn provditur għal ieħor u tal-portabbiltà, inkluż provdiment ta' sanzjonijiet xierqa fuq il-provdituri u kumpensi għall-utenti finali. Dan għandhom iqisu l-protezzjoni meħtieġa tal-utent finali waqt il-proċess tal-bidla minn provditur għal ieħor u l-l-ħtieġa li tkun żgurata l-effiċjenza f'dan il-proċess.

Kapitolu VI Dispożizzjonijiet organizzattivi u finali

Artikolu 31 – Il-penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2016 u għandhom jinnotifikawhom bla dewmien ta' xi emenda sussegwenti li taffettwahom.

Fejn jidħlu l-provdituri Ewropej tal-komunikazzjoni elettronika, il-penali għandhom jiġu imposti skont il-Kapitolu II dwar il-kompetenzi rispettivi tal-awtoritajiet regolatorji kompetenti nazzjonali fl-Istati Membri tad-domiċilju u ospitanti.

Artikolu 32 – Id-delega tas-setgħat

1. Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa tadotta atti delegati bil-kundizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu.

2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa għal perjodu ta' żmien mhux determinat minn [date entry into force of the Regulation], biex tadotta atti delegati msemmija fl-Artikoli 17(2) u 19(5)

3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 17(2) u 19(5) tista' titneħħa f'kull waqt mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' delega tista' ttemm id-delega tas-setgħat imsemmija f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Din ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati li diġà jkunu fis-seħħ.

4. Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 19(5) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw it-tnejn li huma lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 33 – Il-komitoloġija

1. Il-Kummissjoni għandu jassistiha l-Kumitat tal-Komunikazzjoni stabbilit bl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2002/21/KE. Dak il-kumitati għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 34 – Emendi fid-Direttiva 2002/20/KE

Fl-Artikolu 3(2), jitħassar it-tieni subparagrafu.

Artikolu 35 – Emendi fid-Direttiva 2002/21/KE

Id-Direttiva 2002/21/KE hi emendata kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 1, jiżdied dan il-paragrafu 6:

"Din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi għandhom jiġu interpretati u applikati flimkien mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru [XX/2014]."

(2) L-Artikolu 7a hu emendat kif ġej:

– (a) fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

"1. Meta miżura maħsuba koperta bl-Artikolu 7(3) ikollha l-għan li timponi, temenda jew tirtira obbligu minn fuq operatur bl-applikazzjoni tal-Artikolu 16, ta' din id-Direttiva flimkien mal-Artikolu 5 u l-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva 2002/19/KE (id-Direttiva dwar l-Aċċess), u l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/22/KE (id-Direttiva dwar is-Servizz Universali), fi żmien xahar kif previst fl-Artikolu 7(3) ta' din id-Direttiva l-Kummissjoni tista' tinnotifika lill-awtorità regolatorja nazzjonali kkonċernata u lill-BEREC bir-raġunijiet tagħha biex tqis li l-abbozz tal-miżura joħloq ostaklu għas-suq uniku jew bid-dubji serji tagħja fejn tidħol il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Komunità, filwaqt li tqis kif xieraq kull Rakkomandazzjoni adottata skont l-Artikolu 19(1) ta' din id-Direttiva dwar l-applikazzjoni armonizzata ta' dispożizzjonijiet speċifiċi ta' din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi. F'dan il-każ, l-abbozz tal-miżura ma għandux jiġi adottat għal tliet xhur oħra wara n-notifika tal-Kummissjoni."

– (b) il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

"2. Fi żmien tliet xhur kif jissemma fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni, il-BEREC u l-awtorità regolatorja nazzjonali kkonċernata għandhom jikkoperaw mill-qrib biex jidentifikaw l-iktar miżura xierqa u effettiva fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8, filwaqt li jqisu b'mod xieraq il-fehmiet tal-parteċipanti tas-suq u l-ħtieġa li jkun żgurat l-iżvilupp ta' prattika regolatorja konsistenti. Meta l-miżura maħsuba jkollha l-għan li timponi, temenda jew tirtira obbligu minn fuq provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika skont it-tifsira tar-Regolament [XXX/2014] fi Stat Membru ospitanti, l-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru tad-domiċilju tista' wkoll tieħu sehem fil-proċess ta' koperazzjoni."

– (c) fil-paragrafu 5, jiddaħħal dan il-punt (aa):

"(aa) tieħu deċiżjoni biex teżiġi li l-awtorità regolatorja nazzjonali kkonċernata tirtira l-abbozz tal-miżura, flimkien ma' proposti speċifiċi biex dan jiġi emendat, meta l-miżura maħsuba jkollha l-għan li timponi, temenda jew tirtira obbligu minn fuq provditur Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika skont it-tifsira tar-Regolament [XXX/2014]."

– (d) fil-paragrafu 6, jiżdied dan is-subparagrafu:

"L-Artikolu 7(6) għandu japplika meta l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni skont il-paragrafu 5(aa)."

(3) L-Artikolu 15 hu emendat kif ġej:

– (a) Għandu jiddaħħlu dan is-subparagrafu bejn l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-paragrafu 1:

"Waqt li tivvaluta jekk suq partikolari għandux karatteristiċi li jistgħu jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta' obbligi regolatorji ex-ante, u allura jistax jiddaħħal fir-Rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni għandha tqis b'mod partikolari l-ħtieġa ta' regolamentazzjoni konverġenti madwar l-Unjoni kollha, il-ħtieġa li ssir promozzjoni tal-investiment u l-innovazzjoni effiċjenti fl-interess tal-utenti finali u fl-interess tal-kompetittività globali, u r-rilevanza li għandu s-suq ikkonċernat, flimkien ma' fatturi oħrajn bħall-kompetizzjoni eżistenti bbażata fuq l-infrastruttura fil-livell tal-konsumaturi, għall-kompetizzjoni dwar il-prezzijiet, l-għażla u l-kwalità tal-prodotti offruti lill-utenti finali. Il-Kummissjoni għandha tqis kull restrizzjoni kompetittiva rilevanti, irrispettivament jekk in-netwerks, is-servizzi jew l-applikazzjonijiet li jimponu dawn ir-restrizzjonijiet ikunux netwerks tal-komunikazzjoni elettronika, servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, jew tipi oħra ta' servizz jew applikazzjoni li huma komparabbli mill-perspettiva tal-utent finali, sabiex issib jekk, bħala kwistjoni ġenerali fl-Unjoni jew f'parti sinifikanti minnha, humiex qed jiġu ssodisfati dawn it-tliet kriterji f'daqqa:

(a) il-preżenza ta' ħafna ostakli regolatorji jew legali, strutturali, mhux tranżitorji għad-dħul;

(b) l-istruttura tas-suq ma xxeqlibx lejn kompetizzjoni effettiva fil-medda taż-żmien rilevanti, wara li jitqiesu l-istat tal-kompetizzjoni bbażata fuq l-infrastruttura u kompetizzjoni oħra li jkun hemm wara l-ostakli għad-dħul;

(c) il-liġi tal-kompetizzjoni waħedha mhix biżżejjed biex tindirizza sew in-nuqqas(ijiet) tas-suq ikkonċernat."

– (b) fil-paragrafu 3, jiżdied dan is-subparagrafu:

"Waqt li tkun qed teżerċita s-setgħat tagħha skont l-Artikolu 7, il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk it-tliet kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 humiex jintlaħqu b'mod kumulattiv meta tkun qed tiġi rivalutata l-kompatibbiltà mal-liġi tal-Unjoni ta' abbozz tal-miżura li jikkonkludi li:

(a) suq partikolari li mhux identifikat fir-Rakkomandazzjoni għandu karatteristiċi li jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta' obbligi regolatorji, fiċ-ċirkustanzi nazzjonali speċifiċi; jew

(b) suq identifikat fir-Rakkomandazzjoni ma għandux bżonn regolamentazzjoni fiċ-ċirkustanzi nazzjonali speċifiċi."

(4) L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 hu emendat kif ġej:

"Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9 ta' din id-Direttiva u tal-Artikoli 6 u 8 tad-Direttiva 2002/20/KE (id-Direttiva tal-Awtorizzazzjoni), meta l-Kummissjoni ssib li d-diverġenzi fl-implimentazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-kompiti regolatorji speċifikati f'din id-Direttiva, fid-Direttivi Speċifiċi u fir-Regolament Nru [XX/2014], jistgħu joħolqu ostaklu għas-suq intern, il-Kummissjoni wara li qris sew il-fehma tal-BEREC, tista' toħroġ rakkomandazzjoni jew deċiżjoni dwar l-applikazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet f'din id-Direttiva, fid-Direttivi Speċifiċi u fir-Regolament Nru [XX/2014] sabiex ikomplu jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8.'

Artikolu 36 – Emendi fid-Direttiva 2002/22/KE

1. B'effett mill-1 ta' Lulju 2016, id-Direttiva 2002/22/KE hi emendata kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 1(3), titħassar l-ewwel sentenza.

(2) L-Artikoli 20, 21, 22 u 30 għandhom jitħassru.

2. L-Istati Membri għandhom iħallu fis-seħħ sal-1 ta' Jannar 2016 kull miżura li tittrasponi d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 37 – Emendi fir-Regolament (UE) Nru 531/2012

Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 hu emendat kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 1(1), jiddaħħal dan it-tielet subparagrafu:

"Dan ir-Regolament għandu japplika għal servizzi tar-roaming ipprovduti fl-Unjoni lill-utenti finali li l-provditur domestiku tagħhom ikun provditur tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku fi Stat Membru."

(2) Fl-Artikolu 2(2), jiddaħħal dan il-punt (r):

"(r) "ftehim bilaterali jew multilaterali dwar ir-roaming" tfisser ftehim kummerċjali jew tekniku, wieħed jew bosta, li jsir bejn il-provdituri tar-roaming li jippermetti l-estensjoni virtwali tal-kopertura tan-netwerk domestiku u l-provdiment sostenibbli minn kull parti għal dan il-ftehim ta' servizzi tar-roaming regolati għall-konsumaturi bl-istess livell ta' prezz bħal tas-servizzi domestiċi tal-komunikazzjoni mobbli rispettivi tagħhom."

(3) Fl-Artikolu 4, jiżdied dan il-paragrafu 7:

"7. Dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-provdituri tar-roaming li jipprovdu servizzi tar-roaming regolati għall-konsumaturi skont l-Artikolu 4a."

(4) Jiddaħħal dan l-Artikolu 4a:

"Artikolu 4a

1. Dan l-Artikolu għandu japplika għal provdituri tar-roaming li:

(b) japplikaw, awtomatikament u f'kull pakkett rispettiv tagħhom għall-konsumaturi li jkun fih servizzi tar-roaming regolati, ir-rata applikabbli tas-servizz domestiku kemm għas-servizzi domestiċi kif ukoll għas-servizzi tar-roaming regolati madwar l-Unjoni, daqslikieku s-servizzi tar-roaming regolati kienu kkonsmati fin-netwerk domestiku. u

(b) jiżguraw li, sew jekk minn netwerks tagħhom stess jew permezz ta' ftehimiet bilaterali jew multilaterali tar-roaming ma' provdituri oħra tar-roaming, li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-punt (a) minn mill-inqas provditur wieħed tar-roaming fl-Istati Membri kollha.

2. Il-paragrafi 1, 6 u 7 ma għandhomx jipprekludu l-limitazzjoni minn provditur tar-roaming għall-konsum ta' servizzi tar-roaming regolati għall-konsumaturi, bir-rata applikabbli tas-servizz domestiku b'referenza għal kriterju tal-użu raġonevoli. Kull kriterju tal-użu raġonevoli għandu jiġi applikat b'tali mod li l-konsumaturili ħadu vantaġġ mill-bosta pakketti domestiċi għall-konsumaturi tal-provditur tar-roaming, ikunu jistgħu b'mod kunfidenti jirreplikaw ix-xejra tipika tal-konsum domestiku li tkun assoċjata mal-pakketti domestiċi rispettivi tagħhom għall-konsumaturi filwaqt li minn żmien għal żmien ikunu qed jivvjaġġaw fl-Unjoni. Provditur tar-roaming li juża din il-possibbiltà għandu jippubblika, skont l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament XXX/2014, u jinkludi fil-kuntratti tagħha, skont l-Artikolu 26(1)(b) u (c) ta' dak ir-Regolament, informazzjoni kwantifikata dettaljata dwar kif jiġi applikat il-kriterju tal-użu raġonevoli, b'referenza għall-parametri ewlenin tal-ipprezzar, il-volum jew oħrajn tal-pakkett għall-konsumaturi inkwistjoni.

Sal-31 ta' Diċembru 2014, il-BEREC wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati u f'koperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, għandu jistabbilixxu linji gwida ġenerali għall-applikazzjoni ta' kriterji tal-użu raġonevoli fil-kuntratti għall-konsumaturi li jipprovdu l-provdituri tar-roaming li jagħmlu użu minn dan l-Artikolu. Il-BEREC għandu jiżviluppa dawn il-linji gwida b'referenza għall-għan ġenerali stabbilit fl-ewwel subparagrafu, u għandu jqis b'mod partikolari l-evoluzzjoni tax-xejriet fil-prezzijiet u fil-konsum fl-Istati Membri, għall-grad ta' konverġenza tal-livelli domestiċi tal-prezzijiet madwar l-Unjoni, għal kwalunkwe effett osservabbli tar-roaming b'rati domestiċi tas-servizzi fuq l-evoluzzjoni ta' dawn ir-rati, u għall-evoluzzjoni tar-rati tar-roaming fuq il-livell tal-operaturi għal traffiku żbilanċjat bejn il-provdituri tar-roaming.

L-awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti għandha timmonitorja u tissorvelja l-applikazzjoni tal-kriterji tal-użu raġonevoli, filwaqt li tqis sew il-linji gwida ġenerali tal-BEREC ġaladarba jiġu adottati, u għandha tiżgura li ma jiġux applikatit termini mhux raġonevoli.

3. L-utenti finali individwali moqdija minn provditur tar-roaming li jagħmlu użu minn dan l-Artikolu jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom stess, jagħmlu għażla deliberata u espliċita li jirrinunzjaw il-benefiċċju tal-applikazzjoni għal servizzi tar-roaming regolati tar-rata applikabbli tas-servizz domestiku f'pakkett partikolari għall-konsumaturi bi skambju għal vantaġġi oħra li joffri dak il-provditur. Il-provditur tar-roaming għandu jfakkar lil dawk l-utent finali bin-natura tal-vantaġġi tar-roaming li b'hekk jintilfu. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jimmonitorjaw b'mod partikolari jekk il-provdituri tar-roaming li qed jużaw dan l-Artikolu humiex jieħdu sehem fi prattiki kummerċjali li jfissru evitazzjoni tar-reġim prestabbilit.

4. L-imposti tar-roaming regolati għall-konsumaturi stabbiliti l-Artikoli 8, 10 u 13 ma għandhomx japplikaw għal servizzi tar-roaming offruti minn provditur tar-roaming li jagħmel użu minn dan l-Artikolu safejn dawn huma imposti fil-livell tar-rata applikabbli tas-servizz domestiku.

Meta provditur tar-roaming li jagħmel użu minn dan l-Artikolu japplika imposti differenti mir-rata applikabbli tas-servizz domestiku għall-konsum ta' servizzi tar-roaming regolati li jmorru lil hinn mill-użu raġonevoli ta' servizzi bħal dawn skont il-paragrafu 2, jew meta utent finali individwali espliċitament jirrinunzja l-benefiċċju ta' rati tas-servizz domestiku għal servizzi tar-roaming regolati skont il-paragrafu 3, l-imposti għal dawn is-servizzi tar-roaming regolati ma għandhomx jaqbżu l-miżati tar-roaming għall-konsumaturi stabbiliti fl-Artikoli 8, 10 u 13.

5. Provditur tar-roaming li jixtieq jagħmel użu minn dan l-Artikolu għandu jinnotifika d-dikjarazzjoni tiegħu stess u kwalunkwe ftehim bilaterali jew multilaterali tar-roaming li bis-saħħa tiegħu jwettaq il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1, jew xi bidliet għalih, lill-Uffiċju BEREC. Il-provditur tar-roaming notifikanti għandu jinkludi fin-notifika tiegħu prova tal-ftehim għal din in-notifika minn kull sieħeb kuntrattwali għal ftehimiet bilaterali jew multilaterali tar-roaming.

6. Fil-perjodu mill-1 ta' Lulju 2014 sat-30 ta' Ġunju 2016, dan l-Artikolu għandu japplika għall-provdituri tar-roaming li ma jissodisfawx bis-sħiħ il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, meta jirrispettaw dawn il-kundizzjonijiet:

(a) il-provditur tar-roaming jinnotifika id-dikjarazzjoni tiegħu stess u kwalunkwe ftehim bilaterali jew multilaterali tar-roaming lill-Uffiċju BEREC skont il-paragrafu 5, filwaqt li jagħmel referenza speċifika għal dan il-paragrafu;

(b) il-provditur tar-roaming jiżgura li, ikunx min-netwerks tiegħu stess jew bis-saħħa ta' ftehimiet bilaterali jew multilaterali ma' provdituri oħra tar-roaming, li jkun hemm konformità mall-kundizzjonijiet tal-punti (c), (d) u (e) f'mill-inqas 17-il Stat Membru li jirrapreżentaw 70% tal-popolazzjoni tal-Unjoni;

(c) il-provditur tar-roaming u kwalunkwe sieħeb kuntrattwali għas-sens tat-tifsira tal-punt (b) jimpenjaw ruħhom li, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2014, jew mid-data tan-notifika, skont liema waħda tiġi aktar tard, jagħmlu disponibbli u joffru b'mod attiv mill-anqas pakkett wieħed għall-konsumaturi b'għażla ta' tariffa li skontha r-rata applikabbli tas-servizz domestiku tkun tapplika kemm għas-servizzi domestiċi kif ukoll għas-servizzi tar-roaming regolati madwar l-Unjoni, daqslikieku s-servizzi tar-roaming regolati kienu kkonsmati fin-netwerk domestiku;

(d) il-provditur tar-roaming u kwalunkwe sieħeb kuntrattwali għas-sens tat-tifsira tal-punt (b) li, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2015, jew mid-data tan-notifika, skont liema waħda tiġi aktar tard, jagħmlu disponibbli u joffru b'mod attiv dawn l-għażliet ta' tariffa f'pakketti għall-konsumaturi li, fl-1 ta' Jannar ta' dik is-sena, ikunu ntużaw minn mill-anqas 50% tal-bażi tal-klijenti rispettivi tagħha;

(e) il-provditur tar-roaming u kwalunkwe sieħeb kuntrattwali għas-sens tat-tifsira tal-punt (b) jimpenjaw ruħhom li, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2016, timpenja ruħha li tikkonforma mal-paragrafu 1(b) f'kull pakkett rispettiv tagħha għall-konsumaturi.

Il-provditur tar-roaming li jagħmel użu minn dan l-Artikolu u kwalunkwe sieħeb kuntrattwali għas-sens tat-tifsira tal-punt (b) jistgħu, bħala alternattiva għall-impriża msemmija fil-punt (d), jimpenjaw ruħhom li mill-1 ta' Lulju 2015, jew mid-data tan-notifika, skont liema minnhom tkun aktar tard, kull soprataxxa tar-roaming applikata addizzjonalment għar-rata applikabbli tas-servizz domestiku fil-bosta pakketti għall-konsumaturi li jkollha, tkun, b'mod aggregat, mhux aktar minn 50% ta' dawk applikabbli f'dawk il-pakketti fl-1 ta' Jannar 2015, irrispettivament minn jekk dawn is-soprataxxi jkunux ikkalkulati skont l-unitajiet, bħal minuti ta' vuċi jew megabytes, ta' perjodi bħall-ġranet u l-ġimgħat tar-roaming, jew skont xi modi oħra jew taħlit tagħhom. Il-provdituri tar-roaming li jinvokaw dan il-punt għandhom juru konformità mar-rekwiżit ta' tnaqqis ta' 50% lill-awtorità regolatorja nazzjonali u għandhom jipprovdu kull evidenza meħtieġa ta' appoġġ li jintalbu.

Meta l-provditur tar-roaming li jagħmel użu minn dan l-Artikolu jinnotifika d-dikjarazzjoni tiegħu u kull ftehim bilaterali jew multilaterali tar-roaming lill-Uffiċċju BEREC skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu u b'hekk jaqa' taħt dan il-paragrafu, il-provditur tar-roaming notifikanti u kull sieħeb kuntrattwali għas-sens tat-tifsira tal-punt (b) għandhom ikunu marbuta li jikkonformaw mal-impenji rispettivi tagħhom skont il-punti (c), (d) u (e) tal-ewwel subparagrafu, inkluża kull impriża alternattiva għal dik prevista fil-punt (d) ta' dak is-subparagrafu, mill-inqas sal-1 ta' Lulju 2018.

7. Fil-perjodu mill-1 ta' Lulju 2014 sat-30 ta' Ġunju 2016, dan l-Artikolu għandu japplika għall-provdituri tar-roaming li ma jissodisfawx bis-sħiħ il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, meta jirrispettaw dawn il-kundizzjonijiet:

(a) il-provditur tar-roaming jinnotifika id-dikjarazzjoni tiegħu stess u kwalunkwe ftehim bilaterali jew multilaterali tar-roaming lill-Uffiċju BEREC skont il-paragrafu 5, filwaqt li jagħmel referenza speċifika għal dan il-paragrafu;

(b) il-provditur tar-roaming jiżgura li, ikunx min-netwerks tiegħu stess jew bis-saħħa ta' ftehimiet bilaterali jew multilaterali ma' provdituri oħra tar-roaming, li jkun hemm konformità mal-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1(a) f'mill-inqas 10 Stati Membri li jirrapreżentaw 30 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2014, jew mid-data tan-notifika, skont liema tkun l-aktar tard;

(c) il-provditur tar-roaming jiżgura li, ikunx min-netwerks tiegħu stess jew bis-saħħa ta' ftehimiet bilaterali jew multilaterali ma' provdituri oħra tar-roaming, li jkun hemm konformità mal-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1(a) f'mill-inqas 14-il Stat Membriu li jirrapreżentaw 50 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2015, jew mid-data tan-notifika, skont liema tkun l-aktar tard;

(d) il-provditur tar-roaming jiżgura li, ikunx min-netwerks tiegħu stess jew bis-saħħa ta' ftehimiet bilaterali jew multilaterali ma' provdituri oħra tar-roaming, li jkun hemm konformità mal-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1(a) f'mill-inqas 17-il Stat Membriu li jirrapreżentaw 70 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2016.

Meta provditur tar-roaming li jagħmel użu minn dan l-Artikolu jinnotifika d-dikjarazzjoni tiegħu u kull ftehim bilaterali jew multilaterali tar-roaming lill-Uffiċċju BEREC skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu u b'hekk jaqa' taħt dan il-paragrafu, il-provditur tar-roaming notifikanti u kull sieħeb kuntrattwali għas-sens tat-tifsira tal-punt (b) għandhom ikunu marbuta li jikkonformaw mal-impenji rispettivi tagħhom skont il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1(a), mill-inqas sal-1 ta' Lulju 2018.

8. Il-provdituri tar-roaming għandhom jinnegozjaw in bona fede arranġamenti biex jistabbilixxu ftehimiet bilaterali jew multilaterali tar-roaming, skont termini ġusti u raġonevoli li jqisu l-għan li ftehimiet bħal dawn ma' provdituri oħra tar-roaming għandhom jippermettu l-estensjoni virtwali tal-kopertura tan-netwerk domestiku u l-provdiment sostenibbli minn kull provditur tar-roaming li jagħmel użu minn dan l-Artikolu għal servizzi tar-roaming regolati għall-konsumaturi bl-istess livell ta' prezz bħal tas-servizzi domestiċi tal-komunikazzjoni mobbli rispettivi tagħhom.

9. B'eċċezzjoni għall-paragrafu 1(a), wara l-1 ta' Lulju 2016, dan l-Artikolu għandu japplika provdituri tar-roaming li jagħmlu użu minn dan l-Artikolu meta dawn il-provdituri tar-roaming juru li ppruvaw in bona fede jistabbilixxu jew jestendu ftehimiet bilaterali jew multilaterali dwar ir-roaming skont termini ġusti u raġonevoli f'kull Stat Membru fejn għandhom ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta' 1 u ma setgħu jiksbu ebda ftehim bilaterali jew multilaterali tar-roaming ma' provditur tar-roaming f'wieħed jew bosta Stati Membri, sakemm dawn ikunu jikkonformaw mal-kopertura minima tan-netwerk imsemmija fil-paragrafu 6(b) u ma' kull dispożizzjoni rilevanti oħra ta' dan l-Artikolu. F'dawk il-każijiet, il-provdituri tar-roaming li jagħmlu użu minn dan l-Artikolu għandhom ikomplu jfittxu li jistabbilixxu termini raġonevoli għall-konklużjoni ta' ftehim tar-roaming ma' provditur tar-roaming minn kwalunkwe Stat Membru mhux rappreżentat.

10. Meta provditur tar-roaming alternattiv diġà jkun ingħata aċċess għall-klijenti ta' provditur domestiku skont l-Artikolu 4(1) u diġà jkun investa kif meħtieġ biex jaqdi lil dawk il-klijenti, waqt perjodu ta' tranżizzjoni ta' tliet snin ma għandux japplika l-Artikolu 4(7) għal dan il-provditur domestiku. Il-perjodu ta' tranżizzjoni hu mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li jiġi rispettat kull perjodu kuntrattwali itwal miftiehem mal-provditur tar-roaming alternattiv.

11. Dan l-Artikolu hu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni għal ftehimiet bilaterali u multilaterali dwar ir-roaming."

(5) Fl-Artikolu 8, il-paragrafu 2 hu emendat kif ġej:

(a) l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

"2. B'effett mill-1 ta' Lulju 2013, l-ewrotariffa għall-konsumaturi (mingħajr il-VAT) tal-vuċi li provditur tar-roaming jista' jitlob mingħand il-klijent tar-roaming tiegħu għall-provdiment ta' telefonata tar-roaming regolata, tista' tvarja għal kull telefonata tar-roaming iżda ma għandhiex taqbeż EUR 0,24 kull minuta għal kull telefonata li ssir jew EUR 0,07 kull minuta għal kull telefonata li tasal. It-tariffa massima għall-konsumaturi għal telefonati li jsiru għandha tonqos għal EUR 0,19 fl-1 ta' Lulju 2014. Mill-1 ta' Lulju 2014, il-provdituri tar-roaming ma għandhom jitolbu l-ebda tariffa mingħand il-klijenti tar-roaming tagħhom għat-telefonati li jaslulhom, mingħajr preġudizzju għall-miżuri li jittieħdu biex jipprevjenu l-użu qarrieqi jew anomalu. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 19, dawk it-tariffi massimi għall-konsumaturi għall-ewrotariffa tal-vuċi għandhom jibqgħu validi sat-30 ta' Ġunju 2017."

(b) it-tielet subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

"Kull provditur tar-roaming għandu jitlob tariffa mingħand il-klijenti tar-roaming tiegħu għall-provdiment ta' kull telefonata tar-roaming regolata li għaliha tapplika ewrotariffa tal-vuċi abbażi ta' kull sekonda."

(6) Fl-Artikolu 14 jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

"1a. Meta l-konsum tas-servizzi tar-roaming regolati għall-konsumaturi bir-rata applikabbli tas-servizz domestiku ikun limitat b'referenza għal kriterju tal-użu raġonevoli skont l-Artikolu 4a(2), il-provdituri tar-roaming għandhom iwissu lill-klijenti tar-roaming meta l-konsum tat-telefonati u l-messaġġi SMS tar-roaming jilħqu l-limitu tal-użu raġonevoli u fl-istess waqt għandhom jipprovdu lill-klijenti tar-roaming b'informazzjoni personalizzata bażika tal-prezzijiet dwar it-tariffi tar-roaming applikabbli meta jagħmlu telefonata bil-vuċi jew jibagħtu messaġġ SMS barra mir-rata tas-servizz domestiku jew mill-pakkett skont it-tieni, ir-raba' u l-ħames subparagrafi tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu."

(7) Fl-Artikolu 15, jiddaħħal il-paragrafu 2 a li ġej:

"2a. Meta l-konsum tas-servizzi tar-roaming regolati għall-konsumaturi bir-rata applikabbli tas-servizz domestiku ikun limitat b'referenza għal kriterju tal-użu raġonevoli skont l-Artikolu 4a(2), il-provdituri tar-roaming għandhom iwissu lill-klijenti tar-roaming meta l-konsum tas-servizzi tar-roaming tad-dejta jilħqu l-limitu tal-użu raġonevoli u fl-istess waqt għandhom jipprovdu lill-klijenti tar-roaming b'informazzjoni personalizzata bażika tal-prezzijiet dwar it-tariffi tar-roaming applikabbli għar-roaming tad-dejta barra mir-rata tas-servizz domestiku jew mill-pakkett skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu." Il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu għandu japplika għal servizzi tar-roaming tad-dejta kkunsmati barra mir-rati applikabbli tas-servizz domestiku jew mill-pakketti msemmija fl-Artikolu 4a(2)."

(8) L-Artikolu 19 hu emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 1 hu emendat kif ġej:

(i) l-ewwel sentenza tinbidel b'dan li ġej:

"Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-funzjonament ta' dan ir-Regolament u, wara konsultazzjoni pubblika, għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2016."

(ii) il-punt (g) jinbidel b'dan li ġej:

"(g) sa liema punt l-implimentazzjoni tal-miżuri strutturali previsti fl-Artikoli 3 u 4 u tar-reġim alternattiv previsti fl-Artikolu 4a tat riżultati fl-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-suq intern għal servizzi tar-roaming sakemm ma jkunx hemm differenza effettiva bejn it-tariffi tar-roaming u dawk domestiċi;"

(iii) Jiddaħħal il-punt (i) li ġej:

"(i) il-punt, jekk hemm, sa fejn l-evoluzzjoni tal-prezzijiet domestiċi għall-konsumatur hija osservabilment effettwata mill-applikazzjoni mill-provdituri tar-roaming tar-rata domestika tas-servizz sew li-servizzi domestiċi sew lil servizzi tar-romaing regolati madwar l-Unjoni.

(b) Il-paragrafu 2 hu emendat kif ġej:

(i) l-ewwel sentenza tinbidel b'dan li ġej:

"Jekk ir-rapport juri li l-alternattivi tat-tariffi, li fihom ir-rati tas-servizz domestiku japplikaw kemm għas-servizzi domestiċi kif ukoll għas-servizzi tar-roaming regolati, ma jkunux provduti f'kull pakkett għall-konsumaturi għal użu raġonevoli minn għallinqas provditur tar-roaming wieħed f'kull Stat Membru, jew li l-offerti mill-provdituri alternattivi tar-roaming ma jkunux jagħmlu t-tariffi tar-roaming għall-konsumaturi sostanzjalment ewkivalenti, aċċessibbli faċilment għall-konsumaturi madwar l-Unjoni, il-Kummissjoni sal-istess data għandha tagħmel proposti xierqa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex tindirizza s-sitwazzjoni u għandha tiżgura li mhemm l-ebda differenza bejn it-tariffi nazzjonali u dawk tar-roaming fis-suq intern."

(ii) il-punt (d) jinbidel b'dan li ġej:

"(d) biex jinbidel it-tul taż-żmien jew jonqos il-livell massimu ta' imposti massimi previst fl-Artikoli 7, 9 u 12 bil-ħsieb li tiġi rinfurzata l-kapaċità ta' kull provditur tar-roaming biex fil-pakketti rispettivi tiegħu għall-konsumaturi għal użu raġonevoli jagħmel disponibbli alternattivi tat-tariffi li fihoom ir-rata applikabbli tas-servizz domestiku tapplika kemm għas-servizzi domestiċi kif ukoll għas-servizzi tar-roaming regolati, daqslikieku dawn tal-aħħar kienu kkunsmati fin-netwerk domestiku."

Artikolu 38 – Emendi fir-Regolament (KE) Nru 1211/2009

Ir-Regolament (UE) Nru 1211/2009 hu emendat kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

"2. Il-BEREC għandu jaġixxi fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas) u d-Direttivi 2002/19/KE, 2002/20/KE, 2002/22/KE u 2002/58/KE (id-Direttivi Speċifiċi), u tar-Regolamenti (UE) Nru 531/2012 u Nru XX/2014."

(2) Fl-Artikolu 4, il-paragrafi 4 u 5 għandhom jitħassru.

(3) Jiddaħħal dan l-Artikolu 4a:

'Artikolu 4a -Nomina u kompiti tal-President

1. Il-Bord tar-Regolaturi għandu jkun irrappreżentata minn President, li għandu jkun professjonista indipendenti b’impjieg sħiħ.

Il-President għandu jiġi ingaġġat bħala aġent temporanju tal-Aġenzija skont l-Artikolu 2(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra.

Il-President għandu jkun responsabbli mit-tħejjija tax-xogħol tal-Bord tar-Regolaturi u għandu jippresjedi mingħajr id-dritt għall-vot il-laqgħat tal-Bord tar-Regolaturi u l-Kumitat ta’ Tmexxija.

Bla preġudizzju għall-irwol tal-Bord tar-Regolaturi fir-rigward tal-kompiti tal-President, il-President ma għandu jfittex jew jaċċetta l-ebda struzzjoni minn kwalunkwe gvern jew NRA, mill-Kummissjoni, jew minn kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra.

2. Il-President għandu jinħatar mill-Bord tar-Regolaturi fuq il-bażi tal-mertu, il-ħiliet, l-għarfien tal-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji, u tal-esperjenza rilevanti għas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni finanzjarja, wara proċedura miftuħa tal-għażla.

Qabel ma jinħatar, il-kandidat magħżul mill-Bord tar-Regolaturi jista’ jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet li jagħmlulu l-membri tiegħu.

Il-ħatra tal-President hi effettiva biss wara l-approvazzjoni tal-Kumitat ta' Tmexxija.

Il-Bord tar-Regolaturi għandu jeleġġi wkoll Viċi President minn fost il-membri tiegħu li għandu jwettaq il-funzjonijiet tal-President fin-nuqqas tiegħu.

3. Il-mandat tal-President għandu jkun ta’ tliet snin u jista’ jiġi estiż darba.

4. Matul id-disa’ xhur li jippreċedu t-tmiem tal-mandat ta’ tliet snin tal-President, il-Bord tar-Regolaturi għandu jivvaluta:

(a) ir-riżultati miksuba fl-ewwel mandat u kif inkisbu;

(b) il-kompiti u r-rekwiżiti tal-Bord tar-Regolaturi għas-snin li ġejjin.

Il-Bord tar-Regolaturi jinforma lill-Parlament Ewropew jekk ikun beħsiebu jestendi l-mandat tal-President. Fix-xahar ta’ qabel kwalunkwe estensjoni bħal din, il-President jista’ jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament u jwieġeb il-mistoqsijiet magħmula mill-membri tiegħu.

5. Il-President jista’ jitneħħa mill-kariga biss fuq deċiżjoni tal-Bord tar-Regolaturi li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni u wara l-approvazzjoni tal-Kumitat ta' Tmexxija.

Il-President m’għandux jimpedixxi lill-Bord tar-Regolaturi milli jiddiskuti kwistjonijiet relatati mal-President, b’mod partikolari l-ħtieġa għat-tneħħija tiegħu, u m’għandux ikun involut f’deliberazzjonijiet dwar tali kwistjoni.'

(4) L-Artikolu 6 hu emendat kif ġej:

(a) Jitħassar il-paragrafu 2, inċiż 4.

(b) Il-paragrafu 3 hu emendat kif ġej:

ʻ3. L-Uffiċċju għandu jkun magħmul minn:

(a) President ta' Bord tar-Regolaturi

(b) Kumitat ta' Tmexxija,

(c) Maniġer Amministrattiv.'

(5) L-Artikolu 7 hu emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 2 hu emendat kif ġej:

"2. Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jaħtar il-Maniġer Amministrattiv u, fejn rilevanti, jiġi estiż il-mandat tiegħu jew jitneħħa mill-kariga skont l-Artikolu 8. Il-Maniġer Amministrattiv maħtur m’għandux jieħu sehem fit-tħejjija ta’din id-deċiżjoni jew jivvota fuqha.'

(b) Il-paragrafu 4 jitħassar.

(6) Il-paragrafi 2, 3, 4 tal-Artikolu 8 jitħassru u jiġu ssostitwiti minn dan li ġej:

"2. Il-President għandu jiġi ingaġġat bħala aġent temporanju tal-Uffiċju skont l-Artikolu 2(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra.

3. Il-Maniġer Amministrattiv għandu jinħatar mill-Bord ta’ Tmexxija, minn lista ta’ kandidati proposti mill-Kummissjoni, wara proċedura tal-għażla miftuħa u trasparenti.

Għall-iskop li jikkonkludi l-kuntratt mal-Maniġer Amministrattiv, l-Uffiċċju għandu jkun rappreżentat mill-President tal-Kumitat ta' Tmexxija.

Qabel il-ħatra, il-kandidat magħżul mill-Bord Amministrattiv jista’ jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb il-mistoqsijiet magħmula mill-membri tiegħu.

4. Iż-żmien ta' kariga tal-Maniġer Amministrattiv għandu jkun ta' ħames snin. Sal-aħħar ta’ dan il-perjodu, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni li tikkunsidra l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-Maniġer Amministrattiv u l-kompiti u l-isfidi futuri tal-Aġenzija.

5. Il-Kumitat ta' Tmexxija, fuq proposta mill-Kummissjoni li tqis l-istudju msemmi fil-paragrafu 4, jista' jestendi l-mandat tal-Maniġer Amministrattiv darba waħda, għal mhux aktar minn ħames snin.

6. Il-Kumitat ta' Tmexxija jinforma lill-Parlament Ewropew jekk ikun beħsiebu jestendi l-mandat tal-Maniġer Amministrattiv. Fix-xahar ta’ qabel kwalunkwe estensjoni bħal din, il-Maniġer Amministrattiv jista’ jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament u jwieġeb il-mistoqsijiet magħmula mill-membri tiegħu.

7. Maniġer Amministrattiv li l-mandat tiegħu jkun ġie estiż ma jistax jipparteċipa fi proċedura oħra tal-għażla għall-istess kariga fi tmiem il-perjodu globali.

8. Il-Maniġer Amministrattiv jista’ jitneħħa mill-kariga biss b’deċiżjoni tal-Kumitat ta' Tmexxija li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni.

9. Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jilħqu deċiżjonijiet dwar il-ħatra, l-estensjoni tal-mandat jew tneħħija mill-kariga tal-Maniġer Amministrattiv fuq il-bażi ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu bi dritt tal-vot.ʼ

(7) Fl-Artikolu 9, il-paragrafu 2 hu emendat kif ġej:

ʻ 2. Il-Maniġer Amministrattiv għandu jassisti lill-President tal-Bord tar-Regolaturi fit-tħejjija tal-aġenda tal-Bord tar-Regolaturi, il-Kumitat ta’ Tmexxija u l-Gruppi ta’ Ħidma tal-Esperti. Il-Maniġer Amministrattiv għandu jipparteċipa, mingħajr ma jkollu d-dritt li jivvota, fil-ħidma tal-Bord tar-Regolaturi u l-Kumitat ta’ Tmexxija.'

(8) L-Artikolu 10 hu emendat kif ġej:

"1. Ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra u r-regoli adottati bi ftehim bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jagħtu effett lil dawn ir-Regolamenti tal-Persunal u l-kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra, għandhom japplikaw għall-persunal tal-Uffċiju inkluż il-President tal-Bord tar-Regolaturi u l-Maniġer Amministrattiv.

2. Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jadotta regoli ta’ implimentazzjoni adatti li jagħtu effett lir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Aġenti Oħra, b’konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.

3. Il-Kumitat ta' Tmexxija, f'konformità mal-paragrafu 4, jeżerċita, fir-rigward tal-persunal tal-Uffiċju, is-setgħat mogħtija lill-Awtorità tal-Ħatra mir-Regolamenti tal-Persunal u mill-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' Uffiċjali Oħra lill-Awtorità bis-Setgħa Tikkonkludi Kuntratti ta’ Impjieg ("setgħat tal-awtorità li taħtar");

4. Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu, skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, jadotta deċiżjoni, abbażi tal-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 6 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' Uffiċjali Oħra, li tiddelega setgħat rilevanti ta' awtorità li taħtar lill-Maniġer Amministrattiv u li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li skonthom din id-delega ta' setgħat tista' tiġi sospiża. Il-Maniġer Amministrattiv għandu jkun awtorizzat jissottodelega dawk is-setgħat.

Fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jitolbu dan, il-Kumitat ta' Tmexxija jista’, permezz ta' deċiżjoni, jissospendi temporanjament id-delega ta' setgħat tal-awtorità tal-ħatra lil-Maniġer Amministrattiv u dawk sottodelegati minn dan tal-aħħar u jeżerċitahom hu stess jew jiddelegahom lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil membru tal-persunal għajr il-Maniġer Amministrattiv.'

(9) Jiddaħħal dan l-Artikolu 10 a:

'Artikolu 10a – Esperti nazzjonali sekondati u persunal ieħor

1. L-Uffiċju jista’ jagħmel użu minn esperti nazzjonali sekondati jew persunal ieħor mhux impjegat mill-Uffiċju.

2. Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi regoli dwar is-sekondar ta’ esperti nazzjonali mal-Uffijċu'.

Artikolu 39 – Il-klawżola ta' reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tressaq rapporti dwar l-evalwazzjoni u r-reviżjoni ta' dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f'intervalli regolari. L-ewwel rapport għandhu jiġi ppreżentat sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2018. Minn hemm ’il quddiem, ir-rapporti sussegwenti għandhom jitressqu kull erba' snin. Jekk ikunn hemm bżonn, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposti xierqa bil-ħsieb li temenda dan ir-Regolament, u tallinja strumenti legali oħra filwaqt li b'mod partikolari tqis l-iżviluppi fit-teknoloġija tal-informatika u fejn wasal il-progress fis-soċjetà tal-informazzjoni. Ir-rapporti għandhom ikunu pubbliċi.

Artikolu 40 – Id-dħul fis-seħħ

1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2. Dan għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2014.

Madanakollul, l-Artikoli 21, 22, 23, 24, 25, 26, 27, 28, 29 u 30 għandhom japplikaw mill-1 ta' Lulju 2016.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

ANNESS I PARAMETRI MINIMI GĦALL-OFFERTI TAL-PRODOTTI EWROPEJ TAL-AĊĊESS BROADBAND VITWALI

1. L-OFFERTA 1 - prodott tal-aċċess għal netwerk fiss għall-operaturi offrut f'netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss fis-Saff 2 tal-mudell b'seba' saffi tal-Organizzazzjoni tal-Istandards Internazzjonali għall-protokolli tal-komunikazzjoni ("is-Saff tad-Data Link"), li joffri funzjonalitajiet ekwivalenti għad-diżaggregazzjoni fiżika, b'punti tat-trasferiment f'livell eqreb għal-lok tal-klijenti milli hu l-livell nazzjonali jew reġjonali.

1.1 L-elementi tan-netwerk u informazzjoni relatata:

(a) deskrizzjoni tan-netwerk tal-aċċess, inklużi karatteristiċi tekniċi (li għandhom jinkludi informazzjoni dwar il-konfigurazzjoni tan-netwerk meta jkun hemm bżonn ħalli l-aċċess tan-netwerk jintuża b'mod effettiv);

(b) il-postijiet fejn se jingħata l-aċċess tan-netwerk;

(c) kull standard tekniku rilevanti għall-aċċess tan-netwerk, inkluż kull restrizzjoni għall-użu u kwistjonijiet oħra ta' sigurtà;

(d) l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interfaċċa fil-punti tal-trasferiment u fil-punti tat-terminazzjoni tan-netwerk (il-lok tal-klijenti);

(e) l-ispeċifikazzjonijiet tat-tagħmir li jrid jintuża fin-netwerk; u

(f) dettalji dwar it-testijiet tal-interoperabbiltà.

1.2 Il-funzjonalitajiet tan-netwerk:

(a) allokazzjoni flessibbli ta' VLANs abbażi ta' speċifikazzjoni teknika komuni;

(b) konnettività ta' servizz anjostiku, li tippermetti l-kontroll tal-veloċitajiet tat-traffiku tad-download u l-uplaod;

(c) jabbilita s-sigurtà;

(d) għażla flessibbli tat-tagħmir fil-lok tal-klijent (sakemm dan ikun teknikament possibbli);

(e) aċċess mill-bogħod għat-tagħmir fil-lok tal-klijent; u

(f) funzjonalità multicast, meta jkun hemm domanda, u din il-funzjonalità hemm bżonnha biex tiżgura r-replikabbiltà teknika tal-offerti konkorrenti għall-konsumaturi.

1.3 Il-proċessi operattivi u kummerċjali:

(a) il-proċess tar-rekwiżit tal-eliġibbiltà għall-ordnijiet u l-provdiment;

(b) l-informazzjoni tal-kontijiet;

(c) il-proċeduri għall-migrazzjoni, iċ-ċaqliqiet u l-waqfiet; u

(d) perjodi taż-żmien speċifiċi għat-tiswija u l-manutenzjoni.

1.4 Servizzi u Sistemi tal-IT anċillari:

(a) l-informazzjoni u l-kundizzjonijiet dwar il-provdiment ta' ko-pożizzjoni u backhaul;

(b) l-ispeċifikazzjonijiet biex jiġu aċċessati u jintużaw sistemi anċillari tal-IT għal sistemi tal-appoġġ operattiv, sistemi tal-informazzjoni jew bażijiet tad-dejta għall-ordnijiet minn qabel, il-provdiment, l-ordnijiet, it-talbiet tal-manutenzjoni u tat-tiswija, u l-kontijiet, inklużi r-restrizzjonijiet għall-użu tagħhom u l-proċeduri tal-aċċess għal dawn is-servizzi.

2. L-OFFERTA 2: Prodott tal-aċċess għal netwerk fiss għall-operaturi offrut fis-Saff 3 tal-mudell b'seba' saffi tal-Organizzazzjoni tal-Istandards Internazzjonali għall-protokolli tal-komunikazzjoni ("is-Saff tan-Netwerk"), fil-livell bitstream tal-livell tal-IP b'punti tat-trasferiment li joffru livelli ogħla ta' aggregazzjoni tar-riżorsi bħal fil-livell nazzjonali u/jew reġjonali.

2.1 L-elementi tan-netwerk u informazzjoni relatata:

(a) il-karatteristiċi tal-link tal-konnessjoni pprovdut fil-punti tat-trasferiment (mil-lat ta' veloċità, Kwalità tas-Servizzi, u l-bqija);

(b) deskrizzjoni tan-netwerk broadband li jqabbad il-lok tal-klijenti mal-punti tat-trasferiment, mil-lat ta' backhaul u arkitetturi tan-netwerk tal-aċċess;

(c) il-post tal-punt(i) tat-trasferiment; u

(d) l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interfaċċi fil-punti tat-trasferiment.

2.2 Il-funzjonalitajiet tan-netwerk:

L-abbiltà li jappoġġa livelli differenti tal-kwalità tas-servizzi (eż. QoS 1, 2 u 3) fejn jidħlu:

            (i) id-dewmien;

            (ii) il-fluttwazzjoni tal-impulsi (il-jitter);

            (iii) it-telfien tal-pakketti; u

            (iv) il-proporzjon tal-kontenzjoni.

2.3 Il-proċessi operattivi u kummerċjali:

(a) il-proċess tar-rekwiżit tal-eliġibbiltà għall-ordnijiet u l-provdiment;

(b) l-informazzjoni tal-kontijiet;

(c) il-proċeduri għall-migrazzjoni, iċ-ċaqliqiet u l-waqfiet; u

(d) perjodi taż-żmien speċifiċi għat-tiswija u l-manutenzjoni.

2.4 Sistemi tal-IT anċillari:

L-ispeċifikazzjoni biex jiġu aċċessati u jintużaw sistemi anċillari tal-IT għal sistemi tal-appoġġ operattiv, sistemi tal-informazzjoni jew bażijiet tad-dejta għall-ordnijiet minn qabel, il-provdiment, l-ordnijiet, it-talbiet tal-manutenzjoni u tat-tiswija, u l-kontijiet, inklużi r-restrizzjonijiet għall-użu tagħhom u l-proċeduri tal-aċċess għal dawn is-servizzi.

3. L-OFFERTA 3: Segmenti ta' terminazzjoni għall-operaturi ta' linji mikrija b'interfaċċa aħjar għall-użu esklussiv ta' min ifittex aċċess, li jipprovdu kapaċità simetrika permanenti mingħajr restrizzjoni fejn jidħol l-użu u bi ftehimiet fil-livell ta' servizzi, permezz ta' konnessjoni minn punt għal ieħor u bis-Saff 2 tal-mudell b'seba' saffi tal-Organizzazzjoni tal-Istandards Internazzjonali għall-interfaċċi tan-netwerk tal-protokolli tal-komunikazzjoni ("is-Saff tad-Data Link").

3.1 L-elementi tan-netwerk u informazzjoni relatata:

(a) deskrizzjoni tan-netwerk tal-aċċess, inklużi karatteristiċi tekniċi (li għandhom jinkludi informazzjoni dwar il-konfigurazzjoni tan-netwerk meta jkun hemm bżonn ħalli l-aċċess tan-netwerk jintuża b'mod effettiv);

(b) il-postijiet fejn se jingħata l-aċċess tan-netwerk;

(c) il-veloċitajiet differenti u t-tul massimu offrut;

(d) kull standard tekniku rilevanti għall-aċċess tan-netwerk (inkluż kull restrizzjoni għall-użu u kwistjonijiet oħra ta' sigurtà);

(e) dettalji dwar it-testijiet tal-interoperabbiltà;

(f) l-ispeċifikazzjonijiet tat-tagħmir permess fin-netwerk;

(g) l-interfaċċa disponibbli bejn netwerk u netwerk (NNI);

(h) id-daqs massimu permess tal-frame, f'bytes.

3.2 Il-funzjonalitajiet tan-netwerk u tal-prodott:

(a) aċċess mhux kontentat u simetriku dedikat;

(b) konnettività ta' servizz anjostiku, li tippermetti l-kontroll tal-veloċità tat-traffiku u simetrija;

(c) allokazzjoni flessibbli ta' VLANs abbażi ta' speċifikazzjoni teknika komuni, bi trasparenza tal-protokolli;

(d) parametri tal-Kwalità tas-Servizzi (id-dewmien, il-jitter, it-telfien tal-pakketti) li jippermettu prestazzjoni kummerċjalment kritika.

3.3 Il-proċessi operattivi u kummerċjali:

(a) il-proċess tar-rekwiżit tal-eliġibbiltà għall-ordnijiet u l-provdiment;

(b) il-proċeduri għall-migrazzjoni, iċ-ċaqliqiet u l-waqfiet;

(c) perjodi taż-żmien speċifiċi għat-tiswija u l-manutenzjoni;

(d) tibdil fis-sistemi tal-IT (sal-punt li jaffettwa lil operaturi alternattivi); u

(e) imposti rilevanti f'EUR, it-termini tal-ħlasijiet u l-proċeduri tal-kontijiet.

3.4 Ftehimiet fil-livell ta' servizz

(a) l-ammont ta' kumpens pagabbli minn parti waħda lil oħra meta tonqos milli twettaq l-impenji kuntrattwali, inkluż iż-żmien tal-provdiment u tat-tiswija, kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà għal kumpensi;

(b) definizzjoni u limitazzjoni tar-responsabbiltà u l-indemnità;

(c) proċeduri għal meta jkunu qed jiġu proposti tibdiliet fis-servizzi offruti, pereżempju, fit-tnedija ta' servizzi ġodda, tibdil fis-servizzi eżistenti jew tibdil fil-prezzijiet;

(d) dettalji dwar kull dritt tal-proprjetà intellettwali rilevanti;

(e) dettalji dwar it-tul u negozjar mill-ġdid tal-ftehimiet.

3.5 Sistemi tal-IT anċillari:

l-ispeċifikazzjoni biex jiġu aċċessati u jintużaw sistemi anċillari tal-IT għal sistemi tal-appoġġ operattiv, sistemi tal-informazzjoni jew bażijiet tad-dejta għall-ordnijiet minn qabel, il-provdiment, l-ordnijiet, it-talbiet tal-manutenzjoni u tat-tiswija, u l-kontijiet, inklużi r-restrizzjonijiet għall-użu tagħhom u l-proċeduri tal-aċċess għal dawn is-servizzi.

ANNESS II IL-PARAMETRI MINIMI TAL-PRODOTTI EWROPEJ TAL-KONNETTIVITÀ B'SERVIZZ TA' KWALITÀ ŻGURAT (ASQ)

L-elementi tan-netwerk u informazzjoni relatata:

- Trid tingħata deskrizzjoni tal-prodott tal-konnettività fuq netwerk fiss, inklużi karatteristiċi tekniċi u l-adozzjoni ta' kull standard rilevanti.

Il-funzjonalitajiet tan-netwerk:

- il-ftehim tal-konnettività jiżgura l-Kwalità tas-Servizzi minn tarf sa tarf, skont parametri speċifikati komuni li jippermettu l-provdiment ta' mill-inqas dawn il-klassijiet ta' servizzi:

- li jsiru telefonati bil-vuċi u bil-vidjow;

- li jitwassal kontenut awdjoviżiv; u

- jintużaw applikazzjonijiet kritiċi tad-dejta.

[1]               COM [daħħal referenzi finali]

[2]               COM(2013) 147.

[3]               ĠU L 344, 28.12.2007, p. 65.

[4]               Steps towards a truly internal market for e-communications in the run-up to 2020, Ecorys, TU Delft u TNO, 2012.

[5]               Business communications, economic growth and the competitive challenge, WIK, 2012.

[6]               Capturing the ICT dividend , Oxford Economics Research, 2011.

[7]               Quantitative estimates of the demand for cloud computing in Europe and the likely barriers to takeup, IDC, 2012.

[8]               COM(2013) 48.

[9]               B’mod partikolari, saret sessjoni pubblika ta’ informazzjoni fi Brussell fis-17 ta’ Ġunju 2013. Kien hemm ukoll avveniment ieħor bħala parti mill-Assemblea Annwali tal-Aġenda Diġitali, li saret fid-19 ta’ Ġunju f’Dublin.

[10]             Steps towards a truly internal market for e-communications in the run-up to 2020, Ecorys, TU Delft u TNO, 2012.

[11]             European Commission, European Economy Occasional Papers 129: Market Functioning in netwerk Industries - Electronic Communications, Energy and Transport, 2013.

[12]             ĠU C , , p. .

[13]             ĠU C , , p. .

[14]             Id-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', netwerks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7).

[15]             Id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta' netwerks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta' Awtorizzazzjoni) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21).

[16]             Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33).

[17]             Id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' netwerks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51).

[18]             Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

[19]             Id-Direttiva 2002/77/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2002 dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU L 249, 17.9.2002, p. 21).

[20]             Ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi l-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju (ĠU L 337, 18.12.2009, p. 1).

[21]             Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 172, 30.6.2012, p. 10).

[22]             Id-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (ĠU L 81, 21.3.2012, p. 7).

[23]             Id-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju, ĠU L 81, 21.3.2012.

[24]             Id-Deċiżjoni u tal-Kunsill Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-radju) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1).

[25]             Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

[26]             Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 172, 30.6.2012, p. 10).

[27]             Id-Deċiżjoni u tal-Kunsill Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-radju) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1).

[28]             Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/622/KE tas-26 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi Grupp għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (ĠU L 198, 27.07.2002, p. 49).

[29]             Id-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (ĠU L 81, 21.3.2012, p. 7).

[30]             Id-Direttiva 2013/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti minimi tas-saħħa u s-sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jinħolqu minn aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi) (l-20 Direttiva individwali skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) u li tħassar id-Direttiva 2004/40/KE (ĠU L 179, 29.6.2013, p. 1).

[31]             Ir-Rakkomandazzjoni 1999/519/KE tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 1999 dwar il-limiti ta' espożizzjoni tal-pubbliku għall-kampi elettromanjetiċi (0 Hz - 300 GHz) (ĠU L 1999, 30.7.1999, p. 59).

[32]             Id-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta' telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom (ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10).

[33]             Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi), ĠU L 165, 18.06.2013, p. 63).