52013PC0608

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lil-Lussemburgu jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud /* COM/2013/0608 final - 2013/0296 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112/KE [1]tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, il-Kunsill, bi qbil unanimu ma' proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali ta' deroga mid-Direttiva msemmija sabiex jissimplifika l-proċedura ta' ħlas tat-taxxa jew biex iwaqqaf milli jsiru ċerti tipi ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa.

B'ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-24 ta’ Ottubru 2012, il-Lussemburgu talab awtorizzazzjoni biex japplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, li tkun tippermettilu jeżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li d-dħul annwali tagħhom ma jkunx jaqbeż il-EUR 25 000.

B’konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittra datata d-9 ta’ Novembru 2012 bit-talba tal-Lussemburgu. B’ittra datata t-12 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Lussemburgu li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.

Il-kuntest ġenerali

Il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li japplikaw skemi speċjali għall-impriżi żgħar, inkluża l-possibbiltà li jeżentaw lil persuni taxxabbli b'inqas minn ċertu dħul annwali. Din l-eżenzjoni timplika li persuna taxxabbli ma għandhiex għalfejn tħallas il-VAT fuq il-provvisti tagħha u, konsegwentement, ma tistax tnaqqas il-VAT minn fuq ix-xiri tagħha.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istati Membri, li ma eżerċitawx l-għażla prevista fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 67/228/KEE li jintroduċu eżenzjonijiet jew ħelsien gradwat mit-taxxa, jistgħu jagħtu eżenzjoni mit-taxxa lill-persuni taxxabbli li d-dħul annwali tagħhom ma jaqbiżx il-EUR 5 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, dawk l-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu ħelsien gradwat mit-taxxa lill-persuni taxxabbli li d-dħul annwali tagħhom jaqbeż il-limitu massimu stabbilit minnhom għall-applikazzjoni tiegħu.

Skont l-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni, il-Lussemburgu bħalissa jeżenta mill-VAT persuni taxxabbli li d-dħul annwali tagħhom ma jaqbiżx l-EUR 10 000. Barra minn hekk, il-Lussemburgu informa lill-Kummissjoni li jagħmel użu mill-għażla skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE billi jagħti ħelsien gradwat mit-taxxa lill-persuni taxxabbli li d-dħul annwali tagħhom hu bejn l-EUR 10 000 u l-EUR 25 000.

Il-Lussemburgu għandu l-għan li japplika limitu ta' dħul ta' EUR 25 000 rigward l-iskema ta’ eżenzjoni għan-negozji żgħar filwaqt li fl-istess ħin ineħħi l-applikazzjoni ta’ ħelsien gradwat mit-taxxa. Iqis li, bħala parti minn programm ta’ rkupru ekonomiku u wkoll biex jittieħed kont tad-deprezzament monetarju li seħħ mill-introduzzjoni tal-iskema ta’ eżenzjoni fil-Lussemburgu, iż-żieda tal-limitu massimu tal-iskema attwali ta’ eżenzjoni għal impriżi żgħar għal EUR 25 000 għandha tippermetti li l-piż amministrattiv tal-VAT jitnaqqas b’mod sinifikanti għall-impriżi b’livell baxx ta’ dħul u għandha trawwem il-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda għal dan it-tip ta’ negozju.

L-applikazzjoni tal-limitu miżjud għall-eżenzjoni hija fil-fehma tiegħu xierqa biex tissimplifika s-sistema tal-VAT għall-impriżi ż-żgħar billi tnaqqas b'mod sinifikanti l-piżijiet minn fuq dawk in-negozji li huma eleġibbli għall-iskema billi tirrilaxxahom minn ħafna mill-obbligi tal-VAT skont l-arranġamenti normali tal-VAT. Barra minn hekk, il-miżura segwita se jkollha l-effett addizzjonali li tnaqqas il-piż amministrattiv għan-negozji li huma attwalment suġġetti għall-iskema għall-ħelsien gradwat mit-taxxa, li se titneħħa fl-istess ħin. Is-sistema tkun fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Skont l-awtoritajiet Lussemburgiżi, il-miżura speċjali segwita se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont totali tad-dħul mill-VAT miġbur (mhux aktar minn 0,10 %).

Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Fl-2004, il-Kummissjoni għamlet proposta biex – fost l-oħrajn – tgħolli l-limitu tad-dħul annwali disponibbli lill-Istati Membri (COM(2004) 728 finali[2]) għall-eżenzjoni mill-VAT tal-persuni taxxabbli għal EUR 100 000. Dik il-proposta għadha fl-aġenda fil-Kunsill.

Fit-terminu medju, il-Kummissjoni tqis li l-adozzjoni ta’ dik il-proposta tkun triq 'il quddiem aktar xierqa minn approċċ frammentat ibbażat fuq derogi individwali. Il-Kummissjoni għalhekk tistieden lill-Kunsill biex ikompli n-negozjati dwar dik il-proposta.

Konsistenza ma' politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni

Mhux applikabbli.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Mhux rilevanti.

Il-ġbir u l-użu ta' kompetenzi

Ma kienx hemm bżonn ta’ kompetenzi esterni.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill għandha l-għan li tapplika miżura ta' simplifikazzjoni li tneħħi ħafna mill-obbligi tal-VAT għan-negozji li jaħdmu bi dħul annwali ta’ mhux aktar minn EUR 25 000, u għalhekk għandha impatt potenzjali pożittiv.

Minħabba l-kamp ta' applikazzjoni limitat tad-deroga u l-applikazzjoni limitata tagħha fiż-żmien, l-impatt, fi kwalunkwe każ, se jkun limitat.

3.           ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Sommarju tal-azzjoni proposta

Il-proposta għandha l-għan li tawtorizza lil-Lussemburgu jintroduċi miżura ta’ simplifikazzjoni li tagħti deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex il-persuni taxxabbli bi dħul annwali mhux ogħla minn EUR 25 000 ikunu jistgħu jiġu eżentati mill-VAT. Il-persuni taxxabbli għadhom ikunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT.

Bażi ġuridika

L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE.

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Din il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità minħabba li din id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq it-talba tiegħu stess u ma timplika l-ebda obbligu.

Minħabba l-kamp ta' applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan mixtieq.

L-għażla tal-istrumenti

L-istrument li qed jiġi propost: Deċiżjoni tal-Kunsill.

Mezzi oħrajn ma jkunux adegwati għar-raġunijiet li ġejjin:

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jkun qiegħed jaġixxi b'mod unanimu wara proposta mill-Kummissjoni. Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq peress li tista' tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta mhix se taffettwa b'mod negattiv lir-riżorsi proprji tal-Unjoni mill-VAT minħabba li l-Lussemburgu se jwettaq kalkolu tal-kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, EURATOM) Nru 1553/89.

5.           ELEMENTI FAKULTATTIVI

Il-proposta tinkludi klawżola sunset.

2013/0296 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lil-Lussemburgu jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud[3], u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       B'ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-24 ta’ Ottubru 2012, il-Lussemburgu talab awtorizzazzjoni biex japplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, li tkun tippermettilu jeżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li d-dħul annwali tagħhom ma jkunx jaqbeż il-EUR 25 000. Permezz ta’ din il-miżura, dawk il-persuni taxxabbli se jkomplu jkunu eżenti minn ċerti obbligi jew mill-obbligi kollha fir-rigward tal-VAT imsemmija fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE.

(2)       B’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, b’ittra datata d-9 ta’ Novembru 2012 il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba li saret mil-Lussemburgu. Permezz ta' ittra datata t-12 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Lussemburgu li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(3)       Skont l-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istati Membri li m’għamlux użu minn din l-għażla skont l-Artikolu 14 tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE tal-11 ta’ April 1967 dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, struttura u proċeduri għall-applikazzjoni tas-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud[4], jistgħu jagħtu eżenzjoni mill-VAT lill-persuni taxxabbli li d-dħul annwali tagħhom ma jaqbiżx il-EUR 5 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali u jistgħu wkoll jagħtu ħelsien gradwat mit-taxxa lill-persuni taxxabbli li d-dħul annwali tagħhom jaqbeż il-limitu massimu stabbilit minnhom għall-applikazzjoni tiegħu.

(4)       Il-Lussemburgu informa lill-Kummissjoni li bħalissa jeżenta mill-VAT persuni taxxabbli li d-dħul annwali tagħhom ma jaqbiżx l-EUR 10 000 u li jagħmel użu mill-għażla li jagħti ħelsien gradwat mit-taxxa fir-rigward ta’ persuni taxxabbli li d-dħul annwali tagħhom hu bejn l-EUR 10 000 u l-EUR 25 000. Il-Lussemburgu talab l-awtorizzazzjoni, bħala miżura ta' deroga, biex jeżenta mill-VAT persuni taxxabbli li d-dħul annwali tagħhom ma jaqbiżx il-EUR 25 000.

(5)       Limitu ogħla għall-iskema speċjali hu miżura ta’ simplifikazzjoni, minħabba li dan jista’ jnaqqas b’mod sinifikanti l-obbligi tal-VAT għan-negozji ż-żgħar u jippermetti lil-Lussemburgu jieqaf japplika l-iskema ta’ ħelsien gradwat mit-taxxa li hija ta’ piż għan-negozji. Il-persuni taxxabbli għadhom ikunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT.

(6)       Fil-proposta tagħha għal Direttiva li temenda d-Direttiva 77/388/KEE bl-għan li tissimplifika l-obbligi tat-taxxa tal-valur miżjud bid-data tad-29ta' Ottubru 2004[5], il-Kummissjoni inkludiet dispożizzjonijiet immirati li jippermettu lill-Istati Membri jistabbilixxu limitu annwali ta' dħul għall-iskema ta' eżenzjoni mill-VAT li jista' jasal sa EUR 100 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali, bil-possibbiltà li jiġi aġġornat l-ammont kull sena. Din id-Deċiżjoni hi konformi ma’ dik il-proposta.

(7)       Id-deroga se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali ta’ taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effetti negattivi fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mit-taxxa fuq il-valur miżjud.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Lussemburgu hu awtorizzat li jeżenta mill-VAT persuni taxxabbli li d-dħul annwali tagħhom ma jaqbiżx il-EUR 25 000.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha.

Din id-Deċiżjoni tapplika sad-data tad-dħul fis-seħħ tar-regoli tal-Unjoni li jemendaw l-ammonti tal-limiti massimi ta’ dħul annwali li taħthom il-persuni taxxabbli jistgħu jikkwalifikaw għal eżenzjoni mill-VAT jew sal-31 ta’ Diċembru 2016, skont liema data tiġi l-ewwel.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU 347, 11.12.2006, p. 1.

[2]               http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2004:0728:FIN:MT:PDF

[3]               ĠU 347, 11.12.2006, p. 1.

[4]               ĠU 71, 14.4.1967, p. 1303/67.

[5]               COM(2004) 728 finali.