52013PC0579

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 471/2009 dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri fir-rigward tal-għoti ta' setgħat delegati u ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta' ċerti miżuri /* COM/2013/0579 final - 2013/0279 (COD) */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħmel distinzjoni bejn is-setgħat li jistgħu jiġu delegati lill-Kummissjoni biex tadotta atti mhux leġiżlattivi ta' applikazzjoni ġenerali biex tissupplimenta jew temenda ċertu elementi mhux essenzjali ta' att leġiżlattiv partikolari, kif stipulat fl-Artikolu 290(1) tat-TFUE (atti delegati), u s-setgħat ta' implimentazzjoni li għandhom jingħataw lill-Kummissjoni fejn huma meħtieġa kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' atti vinkolanti tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 291(2) tat-TFUE (atti ta' implimentazzjoni).

B'konnessjoni mal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta'Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[1], il-Kummissjoni impenjat ruħha[2] li fid-dawl tal-kriterji stipulati fit-TFUE tirrevedi atti leġiżlattivi li bħalissa fihom referenzi għall-proċedura regolatorja bi skrutinju.

L-għan kumplessiv hu li sal-aħħar tas-seba' terminu tal-Parlament (Ġunju 2014), jitneħħew id-dispożizzjonijiet kollha li jirreferu għall-proċedura regolatorja bi skrutinju mill-istrumenti leġiżlattivi kollha.

Fil-kuntest tal-allinjament tar-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95[3] mar-regoli ġodda tat-TFUE, is-setgħat ta' implimentazzjoni li bħalissa huma konferiti fuq il-Kummissjoni minn dak ir-Regolament, għandhom jingħataw lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati u/jew ta' implimentazzjoni.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-'KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Ġew ikkonsultati l-Kumitat dwar l-istatistika relatata mal-kummerċ ta' oġġetti ma' pajjiżi mhux membri u l-Kumitat Ewropew dwar is-Sistema tal-Istatistika.

M'hemmx bżonn 'valutazzjoni tal-impatt.

3.           L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

· Sommarju tal-azzjoni proposta

L-għan ta' din il-proposta huwa li temenda r-Regolament (KE) Nru 471/2009 sabiex jiġi allinjat mal-kuntest istituzzjonali l-ġdid.

B'mod partikolari, l-għan huwa li jingħataw is-setgħat lill-Kummissjoni u tiġi stabbilita proċedura xierqa għall-adozzjoni ta' miżuri skont dawn is-setgħat.

Fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 471/2009, qed jiġi propost li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati fir-rigward tal-adattament tal-lista ta' proċeduri doganali jew tat-trattament jew l-użu approvati mid-dwana, oġġetti jew movimenti speċifiċi u dispożizzjonijiet differenti jew speċifiċi applikabbli għalihom, l-esklużjoni ta' oġġetti jew movimenti mill-istatistika dwar il-kummerċ estern, il-ġbir tad-dejta skont l-Artikolu 4(2) u (4), l-ispeċifikazzjoni ulterjuri tad-dejta, ir-rekwiżit ta' settijiet limitati tad-'dejta dwar oġġetti jew movimenti speċifiċi u d-dejta pprovduta f'konformità mal-Artikoli 4(2), il-karatteristiċi tal-kampjun, il-perjodu tar-rappurtar u l-livell ta' aggregazzjoni għall-pajjiżi msieħba, oġġetti jew muniti għall-istatistika dwar il-kummerċ skont il-munita tal-fatturat, l-adattament tad-data tal-iskadenza għat-trażmissjoni tal-istatistika u l-kontenut, il-kopertura u l-kundizzjonijiet ta' reviżjoni għall-istatistika diġà trażmessa, id-data tal-iskadenza għat-trażmissjoni tal-istatistika dwar il-karatteristiċi tan-negozju u l-istatistika dwar il-kummerċ imqassma skont il-munita tal-fatturat.

Barra minn hekk, qed jiġi propost ukoll li jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tkun tista' tadotta miżuri relatati mal-kodiċijiet li għandhom jintużaw għad-dejta msemmija fl-Artikolu 5(1), u anke miżuri relatati mar-rabtiet tad-dejta dwar il-karatteristiċi tan-negozju mad-dejta rrekordjata f'konformità mal-istess Artikolu.

· Simplifikazzjoni tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea[4] iddefinixxa s-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS) bħala sħubija bejn l-awtorità Ewropea tal-istatistika, li hija l-Kummissjoni (il-Eurostat), u l-istituti nazzjonali tal-istatistika (NSIs) u awtoritajiet nazzjonali oħra responsabbli f'kull Stat Membru għall-iżvilupp u t-tixrid tal-istatistika Ewropea.

Il-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESSC), imwaqqaf bl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, huwa meqjus bħala l-kumitat prinċipali fl-EES. Dan jassisti lill-Kummissjoni waqt li tkun qed teżerċita s-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha għal ċerti dominji tal-istatistika. Dawn jeskludu l-istatistika dwar il-kummerċ internazzjonali tal-oġġetti.

F'dan il-dominju, il-Kumitat dwar l-istatistika relatata mal-kummerċ ta' oġġetti ma' pajjiżi mhux Membri jassisti lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 471/2009.

Il-Kummissjoni qed tipproponi struttura ġdida tal-ESS biex ittejjeb il-koordinazzjoni u s-sħubija fi struttura piramida ċara fi ħdan l-ESS, mal-ESSC bħala l-ogħla korp strateġiku. L-ewwel aspett ta' din is-simplifikazzjoni huwa li s-setgħat tal-komitoloġija jkunu f'idejn l-ESSC. Fi Frar tal-2012[5], l-ESSC appoġġja dan l-approċċ ġdid.

Għaldaqstant qed jiġi propost li r-Regolament (KE) Nru 471/2009, jiġi emendat billi r-referenzi għall-Kumitat tal-Extrastat jinbidlu b'referenza għall-ESSC.

· Il-bażi ġuridika

L-Artikolu 338(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

· L-għażla tal-istrument

Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

4.           L-IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.

5.           ELEMENTI FAKULTATTIVI OĦRA

Xejn.

Iż-Żona Ekonomika Ewropea

L-azzjoni proposta tikkonċerna kwistjoni taż-ZEE u għaldaqstant għandha tiġi estiża għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

2013/0279 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 471/2009 dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri fir-rigward tal-għoti ta' setgħat delegati u ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta' ċerti miżuri

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

Billi:

(1)       Minħabba d-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ("It-Trattat"), is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni għandhom jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat.

(2)       B'konnessjoni mal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[6], il-Kummissjoni impenjat ruħha[7] li fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fit-Trattat tirrevedi l-atti leġiżlattivi li bħalissa fihom referenzi għall-proċedura regolatorja bi skrutinju.

(3)       Ir-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95[8] jagħti setgħat lill-Kummissjoni sabiex timplimenta xi dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

(4)       Fil-kuntest tal-allinjament tar-Regolament (KE) Nru 471/2009 mar-regoli l-ġodda tat-Trattat, għandhom jiġu previsti s-setgħat ta' implimentazzjoni li bħalissa ngħataw lill-Kummissjoni billi l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati u ta' implimentazzjoni.

(5)       Sabiex jitqiesu l-bidliet fil-Kodiċi Doganali jew fid-dispożizzjonijiet derivati minn konvenzjonijiet internazzjonali, il-bidliet neċessarji għal raġunijiet metodoloġiċi u l-ħtieġa li titwaqqaf sistema effiċjenti għall-ġbir tad-dejta u l-kumpilazzjoni tal-istatistika, is-setgħa li jiġu adottati atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-adattament tal-lista ta' proċeduri doganali jew tat-trattament jew l-użu approvati mid-dwana, oġġetti jew movimenti speċifiċi u dispożizzjonijiet differenti jew speċifiċi applikabbli għalihom, l-esklużjoni ta' oġġetti jew movimenti mill-istatistika dwar il-kummerċ estern, il-ġbir tad-dejta skont l-Artikolu 4(2) u (4), l-ispeċifikazzjoni ulterjuri tad-dejta dwar l-istatistika, ir-rekwiżit ta' settijiet limitati tad-dejta dwar oġġetti jew movimenti speċifiċi u dejta pprovduta f'konformità mal-Artikolu 4(2), il-karatteristiċi tal-kampjun, il-perjodu tar-rappurtar u l-livell ta' aggregazzjoni għall-pajjiżi msieħba, oġġetti u muniti għall-statistika dwar il-kummerċ skont il-munita tal-fatturat, l-adattament tad-data tal-iskadenza għat-trażmissjoni tal-istatistika u tal-kontenut, il-kopertura u l-kundizzjonijiet ta' reviżjoni għall-istatistika diġà trażmessa, id-data tal-iskadenza għat-trażmissjoni tal-istatistika dwar il-kummerċ skont il-karatteristiċi tan-negozju u l-istatistika dwar il-kummerċ imqassma skont il-munita tal-fatturat.

(6)       Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tipprepara u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, fil-ħin u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(7)       Il-kummissjoni għandha tiżgura li dawn l-atti delegati ma jimponux piż amministrattiv addizzjonali fuq l-Istati Membri jew fuq l-unitajiet rispondenti.

(8)       Sabiex tiżgura kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 471/2009, is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni biex tkun tista' tadotta miżuri relatati mal-kodiċijiet li għandhom jintużaw għad-dejta msemmija fl-Artikolu 5(1) ta' dak ir-Regolament u miżuri relatati mar-rabta tad-dejta dwar il-karatteristiċi tan-negozju mad-dejta rrekordjata f'konformità mal-istess Artikolu. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(9)       Il-Kumitat dwar l-istatitika relatata mal-kummerċ ta' oġġetti ma' pajjiżi mhux membri (Il-Kumitat tal-Extrastat) imsemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 471/2009 jagħti pariri lill-Kummissjoni u jassistiha fl-eżerċitar tas-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha.

(10)     Skont l-istrateġija għal Sistema Ewropea ġdida dwar l-Istatistika (minn hawn 'il quddiem "ESS"), l-istruttura hija intenzjonata biex ittejjeb il-koordinazzjoni u s-sħubija fi struttura piramida ċara fl-ESS, il-Kumitat Ewropew dwar is-Sistema tal-Istatistika (minn hawn 'il quddiem "ESSC"), stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea[9], għandu jkollu rwol konsultattiv u jassisti lill-Kummissjoni fl-eżerċitar tas-setgħat ta' implimentazzjoni tagħhom.

(11)     Ir-Regolament (KE) Nru 471/2009 għandu jiġi emendat billi r-referenza tal-Kumitat tal-Extrastat tinbidel b'referenza għall-ESSC.

(12)     Biex tkun żgurata iċ-ċertezza legali, il-proċeduri għall-adozzjoni ta' miżuri li nbdew iżda li ma tlestewx qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, ma għandhomx jintlaqtu minn dan ir-Regolament.

(13)     Għaldaqstant ir-Regolament (KE) Nru 471/2009 għandu jiġi emendat kont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 471/2009 jiġi emendat kif ġej:

(1)        L-Artikolu 3 jiġi emendat kif ġej:

(a)        Il-Paragrafu 2 jinbidel kif ġej:

"2. Sabiex jitqiesu l-bidliet fil-Kodiċi Doganali jew fid-dispożizzjonijiet derivati mill-konvenzjonijiet internazzjonali, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li f'konformità mal-Artikolu 10a tadotta atti delegati sabiex tadatta l-lista ta' proċeduri doganali jew it-trattament jew l-użu approvati mid-dwana msemmi fil-paragrafu 1."

(b)        Fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu jinbidel kif ġej:

"Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li f'konformità mal-Artikolu 10a tadotta atti delegati relatati ma' oġġetti jew movimenti speċifiċi jew ma' dispożizzjonijiet differenti jew speċifiċi applikabbli għalihom."

(c)        Fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu jinbidel kif ġej:

"Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li f'konformità mal-Artikolu 10a tadotta atti delegati relatati mal-esklużjoni ta' oġġetti jew movimenti minn statistika dwar il-kummerċ estern."

(2)        Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 5 jinbidel kif ġej:

"5. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li f'konformità mal-Artikolu 10a tadotta atti delegati relatati mal-ġbir tad-dejta skont il-paragrafi 2 u 4."

(3)        L-Artikolu 5 jiġi emendat kif ġej:

(a)        Il-Paragrafu 2 jinbidel kif ġej:

"2. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li f'konformità mal-Artikolu 10a tadotta atti delegati relatati mal-ispeċifikazzjoni ulterjuri tad-dejta msemmija fil-paragrafu 1.

Il-Kummissjoni permezz ta' atti ta' implimentazzjoni tadotta miżuri relatati mal-kodiċijiet li għandhom jintużaw għal din id-dejta.

Dawn l-atti ta' implimentazzjoni jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(2)."

(b)        It-tieni subparagrafu tal-Paragrafu 4 jinbidel kif ġej:

"Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li f'konformità mal-Artikolu 10a tadotta atti delegati relatati ma' dawn is-settijiet limitati tad-dejta."

(4)        L-Artikolu 6 jiġi emendat kif ġej:

(a)        Fil-paragrafu 2, l-aħħar subparagrafu jinbidel kif ġej:

"Il-Kummissjoni permezz ta' atti ta' implimentazzjoni tadotta miżuri relatati mar-rabta tad-dejta ma' din l-istatistika li trid tiġi kompilata.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).'

(b)        Fil-paragrafu 3, l-aħħar subparagrafu jinbidel kif ġej:

"Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li f'konformità mal-Artikolu 10a tadotta atti delegati relatati mal-karatteristiċi tal-kampjun, il-perjodu tar-rappurtar u l-livell ta' aggregazzjoni għall-pajjiżi msieħba, oġġetti u muniti."

(5)        L-Artikolu 8 jiġi emendat kif ġej:

(a)        Fil-paragrafu 1, l-aħħar subparagrafu jinbidel kif ġej:

"Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li f'konformità mal-Artikolu 10a tadotta atti delegati sabiex tadatta d-data tal-iskadenza għat-trażmissjoni tal-istatistika, il-kontenut, il-kopertura u l-kundizzjonijiet ta' reviżjoni għall-istatistika diġà trażmessa."

(b)        Il-Paragrafu 2 jinbidel kif ġej:

"2.Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li f'konformità mal-Artikolu 10a tadotta atti delegati relatati mad-data tal-iskadenza għat-trażmissjoni tal-istatistika dwar il-kummerċ skont il-karatteristiċi tan-negozju msemmija fl-Artikolu 6(2) u l-istatistika dwar il-kummerċ imqassma skont il-munita tal-fatturat imsemmija fl-Artikolu 6(3)."

(6)        Jiżdied l-Artikolu 10a li ġej:

"Artikolu 10a Eżerċitar tad-delegazzjoni

1.         Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont il-kundizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu.

2.         Meta teżerċita s-setgħat delegati fl-Artikoli 3(2), (3) u (4), 4(5), 5(2) u (4), 6(3) u 8(1) u (2), il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-atti delegati ma jimponux piż amministrattiv addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri u r-rispondenti.

3.         Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikoli 3(2), (3) u (4), 4(5), 5(2) u (4), 6(3) u 8(1) u (2), għal perjodu taż-żmien indefinit minn (Publication office: please insert the exact date of the entry into force of this Regulation).

4.         Is-setgħat ta' delegazzjoni msemmija fl-Artikoli 3(2), (3) u (4), 4(5), 5(2) u (4), 6(3) u 8(1) u (2), jistgħu jiġu revokati f'kull ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

Deċiżjoni ta' revoka ttemm id-delegazzjoni tas-setgħat speċifikati f'din id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' xi att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

5.         Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tgħarraf b'dan fl-istess waqt lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.         Att delegat skont l-Artikoli 3(2), (3) u (4), 4(5), 5(2) u (4), 6(3) u 8(1) u (2), jidħol fis-seħħ biss jekk ma titressaq ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika tal-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. B'inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew il-Kunsill, dan il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn."

(7)        L-Artikolu 11 jinbidel kif ġej:

"Artikolu 11 Il-Kumitat

1.         Il-Kummissjoni għandu jassistiha l-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-istatistika Ewropea (*). Dan il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (*).

2.         Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*) ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.

(*) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament ma jaffettwax il-proċeduri għall-adozzjoni tal-miżuri previsti fir-Regolament (KE) Nru 471/2009 li nbdew iżda li ma tlestewx qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[2]               ĠU L 55, 28.2.2011, p. 19.

[3]               ĠU L 152, 16.6.2009, p. 23.

[4]               ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.

[5]               It-12-il laqgħa tal-ESSC, it-12 ta' Frar 2012.

[6]               ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[7]               ĠU L 55, 28.2.2011, p. 19.

[8]               ĠU L 152, 16.6.2009, p. 23.

[9]               ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.