52013PC0576

Abbozz ta' proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jistabbilixxi l-livelli massimi permissibbli ta' kontaminazzjoni radjuattiva ta' ikel u għalf wara aċċident nukleari jew kwalunkwe każ ieħor ta' emerġenza radjoloġika Abbozz imressaq skont l-Arikolu 31 tat-Trattat tal-Euratom għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew /* COM/2013/0576 final - 2013/ () */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           Fl-1 ta’ April 1987 il-Kummissjoni ddeċidiet[1] li tordna lis-servizzi tagħha li kull att għandu jiġi kkodifikat wara mhux iktar minn għaxar emendi, u enfasizzat li dan huwa rekwiżit minimu u li d-dipartimenti għandhom ifittxu li jikkodifikaw it-testi li huma responsabbli għalihom anki wara għadd inqas ta' emendi biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet tagħhom ikunu ċari u jinftiehmu malajr.

2.           Il-kodifikazzjoni[2] tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 3954/87 tat-22 ta’ Diċembru 1987 li jistabbilixxi livelli massimi permissibli ta’ kontaminazzjoni radjoattiva ta’ ikel u għalf wara aċċident nukleari jew f’kull każ ieħor ta’ emerġenza radjoloġika, ir-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 944/89 tat-12 ta’ April 1989 li jistabbilixxi l-livelli massimi permessi ta’ kontaminazzjoni radjoattiva f’oġġetti tal-ikel ta’ importanza minuri wara inċident nukleari jew kull każ ieħor ta’ emerġenza radjoloġika u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 770/90 tad-29 ta’ Marzu 1990 li jistabbilixxi l-livelli massimi permessi ta’ kontaminazzjoni radjoattiva f’għalf wara inċident nukleari jew f’xi każ ieħor ta’ emerġenza radjoloġika, kienet mibdija mill-Kummissjoni, u ġiet ippreżentata l-proposta rilevanti lill-awtorita' leġiżlattiva[3]. Ir-Regolament il-ġdid kellu jissostitwixxi l-atti diversi li hemm inkorporati fih[4].

3.           Fl-opinjoni tiegħu tas-16 ta’ Ottubru 2007, il-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-servizzi legali, imwaqqaf skont il-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta’ Diċembru 1994 fuq metodu ta’ ħidma aċċellerat tal-kodifikazzjoni uffiċjali tat-testi leġislattivi[5], iddikjara illi l-proposta msemmija fil-punt 2 tabilħaqq tillimita ruħha għas-sempliċi kodifikazzjoni, mingħajr ebda tibdiliet sostanzjali lill-atti li tkopri.

4.           Waqt il-proċedura leġiżlattiva marbuta ma' dik il-proposta inizjali dwar il-kodifikazzjoni, ġie aċċettat li dispożizzjoni li kienet tidher fl-abbozz tat-test ikkodifikat tipprevedi riżerva ta' setgħat implementattivi mill-Kunsill li ma kenitx prevista fil-premessi tar-Regolament (Euratom) Nru 3954/87. Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Mejju 2008 fil-kawża C-133/06, kien jidher neċessarju li tiddaħħal premessa ġdida fl-att il-ġdid li tissostitwixxi u tħassar dak ir-Regolament biex tiġġustifika dik ir-riżerva ta' setgħat implimentattivi. Peress li l-introduzzjoni ta' premessa ta' dan it-tip kienet tkun timplika bidla sostanzjali, u tmur 'il hemm minn kodifikazzjoni normali, ġie meqjus neċessarju li l-punt 8[6] tal-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta' Diċembru 1994 – Metodu ta' Ħidma aċċelerat tal-kodifikazzjoni uffiċjali tat-testi leġiżlattivi – jiġi applikat, fid-dawl tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar dak il-punt[7].

5.           Fid-dawl ta' dan, il-kodifikazzjoni tar-Regolament (Euratom) Nru 3954/87, ir-Regolament (Euratom) Nru 944/89 u r-Regolament (Euratom) Nru 770/90 inbidel f'riformulazzjoni biex tiġi inkorporata l-emenda msemmija, u tressqet proposta rilevanti lill-awtorità leġiżlattiva[8].

6.           Fl-opinjoni tal-4.6.2010, il-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-servizzi legali, b'konformità mal-punt 9 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 fuq l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid tal-atti legali[9], iddikjara li l-proposta msemmija fil-punt 5 ma kienx fiha ebda emenda sostantiva ħlief dawk li ġew identifikati bħala emendi sostantivi, u li, rigward il-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fit-testi ta' qabel li ma nbidlux, b'dawn l-emendi sostantivi, il-proposta kien fiha kodifikazzjoni sempliċi tat-testi eżistenti, mingħajr ebda tibdil għas-sostanza tagħhom.

7.           Waqt il-porċedura leġiżlattiva marbuta ma' dik il-proposta tar-riformulazzjoni, deher li ċerti dispożizzjonijiet eżistenti li kienu fir-Regolament (Euratom) Nru 3954/87 issa saru mhux kompatibbli mas-sistema ġdida ta' "Komitoloġija" stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni. Għaldaqstant ġie deċiż li tiġi rtirata l-proposta dwar ir-riformulazzjoni u li tkun abbozzata proposta riveduta tar-Regolament (Euratom) Nru 3954/87, li tkun tinkludi l-konsolidazzjonitiegħu u l-implimentazzjoni tas-sistema l-ġdida ta' "Komitoloġija".

8.           Fuq l-esperjenza miksuba mill-aċċidenti nukleari f'Chernobyl, u b'mod partikolari f'Fukushima, il-proposta riveduta tistipula li l-Kummissjoni tkun mgħejjuna minn taqsima tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali - Is-Sikurezza Tossikoloġika tal-Katina Alimentari, li tieħu ħsieb il-kontaminazzjoni radjuattiva tal-ikel u tal-għalf imsemmija fl-Artikolu 58(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002  li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel[10].

9.           Meta titqies l-evoluzzjoni tal-liġi primarja u sekondarja f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin, b'mod partikolari fejn jirrigwarda s-sigurtà fl-ikel skont it-TFUE, u biex ikunu żgurati ċ-ċertezza u l-koerenza tal-miżuri leġiżlattivi kollha tal-UE li huma marbuta mal-kundizzjonijiet li jikkontrollaw l-importazzjoni tal-ikel u l-għalf minn pajjiżi terzi li jkunu ġarrbu aċċident nukleari jew emerġenza radjoloġika, il-miżuri li kienu ġew stabbiliti f'kuntest post-Chernobyl se jeħtieġu li jikkonformaw mar-reġim ta' setgħat ta' implimentazzjoni u l-proċeduri ddefiniti fir-regolament attwali. Dan jista' jkun jinvolvi, fejn ikun hemm bżonn, bidla tal-bażi legali.

10.         Ta' min jinnota li l-Grupp ta' Esperti msemmi fl-Artikolu 31 tat-Trattat tal-Euratom, fl-Opinjoni tiegħu tal-21 ta' Novembru 2012 ikkonferma l-konklużjoni tiegħu tal-1998 (Publication Radiation Protection 105), li l-livelli massimi permissibbli stabbiliti minn qabel għal-aċċidenti fil-ġejjieni, fir-Regolament 3954/87 għadhom validi. Madankollu, malli jiġi ppubblikat mill ICRP (Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni Radjoloġika) għarfien ġdid dwar id-dożi u r-riskji, huwa tal-fehma li għandha ssir valutazzjoni dwar jekk dawn il-livelli għandhomx jiġu riveduti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma bidlitx dawn il-livelli massimi permissibbli fil-proposta riveduta[11].

11.         Skont il-proċedura b'żewġ stadji stabbilita fl-Artikolu 31 tat-Trattat tal-Euratom, il-Kummissjoni l-ewwel trid tieħu l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-abbozz attwali qabel ma tressaq proposta lill-Kunsill.

Abbozz ta' proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi livelli massimi permissibli ta’ kontaminazzjoni radjoattiva ta’ ikel u għalf wara inċident nukleari jew f’kull każ ieħor ta’ emerġenza radjoloġika

Abbozz ippreżentat skont l-Artikolu 31 tat-Trattat tal-Euratom għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, b'mod partikolari l-Artikoli 31 u 32 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, li tfasslet wara li nkisbet l-opinjoni ta’ grupp ta’ persuni maħtura mill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku minn fost esperti xjentifiċi fl-Istati Membri[12],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[13],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[14],

Billi:

(1) L-Artikolu 31 tat-Trattat tal-Euratom jistabbilixxi proċedura b'żewġ stadji li biha l-Kummissjoni l-ewwel trid tieħu l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-abbozz attwali qabel ma tressaq proposta lill-Kunsill.

(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom tat-13 ta’ Mejju 1996 tistabbilixxi standards bażiċi ta' sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti[15].

(3) Wara l-inċident tal-istazzjon tal-enerġija nukleari ta’ Chernobyl fis-26 ta’ April 1986, kwantità konsiderevoli ta’ materjali radjoattivi ħarġet fl-atmosfera, li kkontaminat ikel u għalf f’ħafna pajjiżi Ewropej f’livelli sinifikanti mill-perspettiva tal-qasam tas-saħħa. Ġew adottati miżuri[16] biex jiżguraw li ċerti prodotti agrikoli jidħlu biss fl-Unjoni skont arranġamenti komuni li jħarsu s-saħħa tan-nies waqt li jżommu n-natura unifikata tas-suq u jevitaw distorsjoni tal-kummerċ.

(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 3954/87[17] jistabbilixxi l-livelli massimi permissibbli ta' kontaminazzjoni radjuattiva li jridu jiġu applikati wara aċċident nukelari jew xi każ ieħor ta' emerġenza radjoloġika li x'aktarx twassal, jew tkun wasslet għal kontaminazzjoni radjuattiva sinifikanti ta' għalf u ikel. Dawn il-livelli massimi permissibbli għadhom jaqblu mal-aħħar parir xjentifiku li hu attwalment disponibbli internazzjonalment.

(5) Wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima fil-11 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni ġiet infurmata li l-livelli ta' radjonuklidi f’ċerti prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-Ġappun qabżu l-livelli ta’ azzjoni fl-ikel applikabbli fil-Ġappun. Kontaminazzjoni bħal din tista' tkun ta' periklu għas-saħħa pubblika u tal-annimali fl-Unjoni u għalhekk ġew adottati miżuri li jimponu kundizzjonijiet speċjali li jikkontrollaw l-importazzjoni ta' ikel u għalf li joriġinaw jew li jintbagħtu mill-Ġappun, b'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

(6) Jeħtieġ li titwaqqaf sistema li wara aċċident nukleari jew f’kull każ ieħor ta’ emerġenza radjoloġika li jista’ jwassal jew li jkun wassal għal kontaminazzjoni radjoattiva sinifikanti ta’ ikel u għalf, tippermetti lill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, li tistabbilixxi livelli massimi permissibli ta’ kontaminazjoni radjoattiva għall-ħarsien tan-nies.

(7) Il-livelli massimi permissibbli ta' kontaminazzjoni radjoattiva għandhom japplikaw għall-ikel u l-għalf li joriġinaw fl-Unjoni jew li jkunu importati minn pajjiżi terzi, skont il-post u ċ-ċirkostanzi tal-aċċident nukleari jew l-emerġenza radjoloġika.

(8) Il-Kummissjoni għandha tintgħarraf f'każ ta' aċċident nukleari, jew ta' livelli ogħla minn tas-soltu ta’ radjoattività, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/600/Euratom tal-14 ta’ Diċembru 1987 dwar arranġamenti tal-Komunità għal skambju kmieni ta’ informazzjoni f’każ ta’ emerġenza radjoloġika[18], jew skont il-Konvenzjoni IAEA dwar notifika bikrija ta’ aċċident nukleari tas-26 ta’ Settembru 1986.

(9) Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni setgħat ta' implimentazzjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[19].

(10) Il-proċedura ta' eżaminazzjoni għandha tintuża għall-adozzjoni ta' atti li jagħmlu applikabbli l-livelli massimi permissibbli ta' kontaminazzjoni radjuattiva ta' ikel u għalf stabbiliti minn qabel.

(11) Il-Kummissjoni għandha minnufih tadotta l-atti ta' implimentazzjoni applikabbli fejn ikun hemm raġunijiet imperattivi ta' urġenza, f'każijiet ġustifikati marbutin ma' ċerti emerġenzi radjoloġiċi li x'aktarx iwasslu jew li jkunu wasslu għal kontaminazzjoni radjuattiva sinifikanti ta' ikel u għalf.

(12) Biex jitqies li d-dieta tat-trabi fl-ewwel sitt xhur ta' ħajjithom, tista' tvarja ħafna, u biex jitqiesu l-inċertezzi fil-metaboliżmu tat-trabi fit-tieni sitt xhur ta' ħajjithom, ikun jaqbel li jittawwal iż-żmien tal-applikazzjoni ta' livelli massimi permissibbli aktar baxxi għall-ikel tat-trabi għall-ewwel tnax-il xhar ta' ħajjithom.

(13) Biex jiġi ffaċilitat l-adattament ta' livelli massimi permissibbli, b'mod speċjali rigward l-għarfien xjentifiku, il-proċeduri biex jiġu stabbiliti l-livelli massimi permissibbli għandhom jinkludu l-konsultazzjoni tal-Grupp ta' Esperti msemmi fl-Artikolu 31 tat-Trattat.

(14) Il-konformità mal-livelli massimi permissibbli għandha tiġi vverifikata kif jixraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-livelli massimi permissibbli tal-kontaminazzjoni radjuattiva tal-ikel, kif stabbiliti fl-Anness I u l-livelli massimi permissibbli ta' kontaminazzjoni ta' ikel ta' importanza minuri kif stabbiliti fl-Anness III, li jista' jitqiegħed fis-suq wara aċċident nukleari jew xi każ ieħor ta emerġenza radjoloġika li x'aktarx twassal jew li tkun wasslet għal kontaminazzjoni radjuattiva sinifikanti tal-ikel u tal-għalf, u l-proċeduri biex dawn il-livelli massimi permissibbli jsiru applikabbli.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.           "Ikel" tfisser kull sustanza jew prodott, kemm jekk ikun ipproċessat, ipproċessat parzjalment, jew mhux ipproċessat, li huwa maħsub, jew li jkun loġikament mistenni li jittiekel mill-bnedmin, dan jinkludi x-xarbiet, iċ-ċuwing gam u kull sustanza, inkluż l-ilma, li jiddaħħal fl-ikel b'mod maħsub waqt il-manifattura, il-preparazzjoni, jew it-trattament.   L-"ikel" ma jinkludix:

(a) għalf;

(b) annimali ħajjin sakemm ma jkunux ippreparati għat-tqegħid fis-suq għall-konsum uman;

(c) pjanti qabel il-ħsad;

(d) prodotti mediċinali skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[20];

(e) prodotti kożmetiċi skont l-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[21];

(f) it-tabakk u l-prodotti tat-tabakk fit-tifsira tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/37/KE[22];

(g) sustanzi narkotiċi jew psikotropiċi skont it-Tifsira tal-Konvenzjoni Unika tal-Ġnus Magħquda dwar Droga Narkotika, 1961, u l-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar Sustanzi Psikotropiċi, 1971

(h) fdalijiet u kontaminanti.

2.           "ikel ta' importanza minuri" kif elenkat fl-Anness II tfisser oġġetti tal-ikel ta' importanza minuri fid-dieta li jagħtu biss kontribut marġinali lill-konsum tal-ikel tal-popolazzjoni.

3.           "għalf" tfisser kull sustanza jew prodott, inklużi l-addittivi, sew jekk ipproċessati, parzjalment ipproċessati jew mhux ipproċessati, maħsuba biex jintużaw għat-tmiegħ mill-ħalq lill-annimali;

4.           "tqegħid fis-suq" tfisser iż-żamma ta' ikel jew għalf għall-għanijiet ta' bejgħ, inkluża l-offerta għall-bejgħ, jew kull forma oħra ta' trasferiment, kemm jekk b'xejn jew le, u l-bejgħ, id-distribuzzjoni, u forom oħra ta' trasferiment.

Artikolu 3

1.           Fil-każ li l-Kummissjoni tirċievi - partikolarment skont l-arranġamenti tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-iskambju tal-informazjoni fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika jew skont il-Konvenzjoni IAEA tas-26 ta’ Settembru 1986, dwar notifika malajr ta’ inċident nukleari - informazjoni uffiċjali dwar aċċidenti jew kull każ ieħor ta’ emerġenza radjoloġika, li tikkonferma li l-livelli massimi permissibbli stabbiliti għall-ikel, ikel ta' importanza minuri jew għalf, x'aktarx jintlaħqu jew li jkunu ntlaħqu, hija għandha tadotta minnufih, jekk ikun meħtieġ fiċ-ċirkostanzi, Regolament ta' implimentazzjoni li jagħmel applikabbli dawk il-livelli maxximi permissibbli. Dan l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5(2).

2.           Għal raġunijiet imperattivi debitament ġustifikati ta’ urġenza relatati maċ-ċirkostanzi tal-aċċident nukleari jew l-emerġenza radjoloġika, il-Kummissjoni għandha minnufih tadotta Regolament ta’ implimentazzjoni applikabbli skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(3).

3.           Meta tibgħat l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafi 1 u 2, filwaqt li tiddiskutih mal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 5, il-Kummissjoni għandha tqis l-istandards bażiċi stabbiliti skont l-Artikoli 30 u 31 tat-Trattat, inkluż il-prinċipju li l-esposizzjonijiet kollha għandhom jinżammu raġonevolment baxxi kemm jista’ jkun, billi tqis l-aspett tal-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali u fatturi ekonomiċi u soċjali.

Artikolu 4

1.           Malli l-Kummissjoni tadotta Regolament ta' implimentazzjoni li jagħmel il-livelli massimi permissibbli applikabbli, l-ikel u l-għalf li ma jkunux jikkonformaw ma' dawn il-livelli massimi permissibbli ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq.

Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, ikel jew għalf importati minn pajjiżi terzi għandhom jitqiesu li tqiegħdu fis-suq jekk, fit-territorju tad-dwana tal-Komunità, dawn jgħaddu minn proċedura tad-dwana li ma tkunx proċedura ta’ passaġġ.

2.           Kull Stat Membru għandu jagħti l-informazzjoni kollha dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-Kummissjoni, partikolarment rigward każi fejn ma jitħarsux il-livelli massimi permissibbli. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi dik l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 5

1.           Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, stabbilit permezz tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[23]. Dan il-kumitat għandu jitqies bħala kumitat skont it-tifsira stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.           Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.           Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

Artikolu 6

Biex ikun żgurat li l-livelli massimi permissibbli stabbiliti fl-Annessi I, II u III jqisu kull dejta ġdida jew addizzjonali importanti li ssir disponibbli, b'mod partikolari rigward l-għarfien xjentifiku, il-Kummissjoni għandha tipproponi l-addattament ta' dawk l-Annessi wara konsulta mal-Grupp ta' Esperti msemmi fl-Artikolu 31 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

Artikolu 7

Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 3954/87 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 944/89 u Nru 770/90 huma mħassra.

Ir-referenzi għar-Regolamenti li tħassru għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness V.

Artikolu 8

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

                                                                       […]

ANNESS I

LIVELLI MASSIMI PERMISSIBBLI TA' KONTAMINAZZJONI RADJUATTIVA TAL-IKEL

Il-livelli massimi permissibbli li se jiġu applikati għall-ikel għandhom ikunu dawn li ġejjin:

|| Ikel (Bq/kg)[24]

Ikel tat-trabi[25] || Prodotti tal-ħalib[26] || Ikel ieħor minbarra ikel ta' importanza minuri[27] || Ikel likwidu[28]

Iżotopi ta’ strontium, l-aktar Sr-90 || 75 || 125 || 750 || 125

Iżotopi tal-jodju, l-aktar I-131 || 150 || 500 || 2 000 || 500

Iżotopi alfaemittenti tal-elementi tal-plutonju u tat-transplutonju, l-aktar Pu-239, Am-241 || 1 || 20 || 80 || 20

In-nuklidi l-oħra kollha li għandhom nofs ħajja akbar minn 10t’ijiem l-aktar Cs-134, Cs-137[29] || 400 || 1 000 || 1 250 || 1 000

_____________

ANNESS II

LIVELLI MASSIMI PERMISSIBBLI TA' KONTAMINAZZJONI RADJUATTIVA TAL-IKEL TA' IMPORTANZA MINURI

1.       Lista ta’ oġġetti tal-ikel ta’ importanza minuri

Kodiċi NM || Deskrizzjoni

0703 20 00 || It-tewm (frisk jew imkessaħ)

0709 59 50 || It-tartuf (faqqiegħ) (frisk jew imkessaħ)

0709 99 40 || Il-kappar (frisk jew imkessaħ)

0711 90 70 || Il-kappar (ippriservat proviżorjament, imma mhux tajjeb għall-konsum immedjat f'dan l-istat)

0712 39 00 || It-tartuf (faqqiegħ) (imnixxef, sħiħ, imqatta', imfellel, imfarrak jew fi trab, imma mhux imħejji iktar)

0714 || Il-manjoka, l-ararut, is-salep, l-artiċoks, il-patata ħelwa u għeruq u ħxejjex tal-basal simili, b’livell għoli ta’ lamtu jew inulina, friski, imkessħin, iffriżati jew imnixxfa, sew jekk mqattgħa flieli sew jekk le fil-forma granulata; sago pith

0814 00 00 || Qoxra tal-frott taċ-ċitru jew tal-bettieħ (inkluż id-dulliegħ), friska, ffriżata, imnixxfa jew provviżorjament ippreżervata fis-salmura, fl-ilma tal-kubrit jew f’taħlitiet oħrajn preservattivi

0903 00 00 || Matè

0904 || Bżar tal-ġeneru Piper; frott imnixxef jew imfarrak jew mitħun tal-ġeneru Capsicum jew tal-ġeneru Pimenta

0905 00 00 || Vanilla

0906 || Kannella u fjuri tas-siġra tal-kannella

0907 00 00 || Msiemer tal-qronfol (frott sħiħ, imsiemer u zkuk)

0908 || In-noċimuskata, il-qoxra ta' barra tan-noċimuskata u l-kardamonju

0909 || Żrieragħ tal-ħlewwa, badian, bużbież, kosbor, kemmun jew ħlewwa Ġermaniża (caraway); frott tal-ġnibru

0910 || Ġinġer, żagħfran, żagħfran tal-Indja (turmeric, kurkuma), sagħtar, weraq tar-rand, kàri u ħwawar oħrajn

1106 20 || Id-dqiq, is-smid u t-trab tas-sagu, jew tal-għeruq jew tat-tuberi tal-intestatura Nru 0714

1108 14 00 || Lamtu tal-kassava (manioc)

1210 || Koni tal-ħops, frisk jew imnixxef, mitħun jew le, trab jew f’forma ta’ gerbub; lupulina

1211 || Pjanti u bċejjeċ minnhom (inklużi żerriegħa u frott), ta’ kwalità użata l-aktar fil-fwejjaħ, fil-farmaċija jew għal għanijiet ta’ inċettiċidi, funġiċidi jew għal għanijiet simili oħrajn, friski jew imnixxfin, maqtugħin jew le, misħuqin jew trab

1301 || Gommalakka; il-gomma naturali, ir-reżini, ir-reżini tal-gomma u oleoreżini (eżempju, balsamiċi)

1302 || Linfi u estratti veġetali; sustanzi tal-pektin, pektinati u pektati; agar-agar u muċilaġni u materjali li jħaxxnu, kemm jekk modifikati kif ukoll jekk le, derivati minn prodotti veġetali

1504 || Xaħmijiet u żjut u l-frazzjonijiet tagħhom, ta’ ħut jew mammiferi tal-baħar, raffinati jew le, iżda mhux modifikati kimikament

1604 31 00 || Kavjar

1604 32 00 || Sostituti tal-kavjar

1801 00 00 || Żerriegħa tal-kawkaw, sħiħa jew imkissra, nejja jew mixwija

1802 00 00 || Qxur tal-kawkaw, ħliefa, ġlud u skart ieħor tal-kawkaw

1803 || Pejst tal-kawkaw, kemm jekk bix-xaħam imneħħi u kemm jekk le

2003 90 10 || It-tartuf (faqqiegħ) (imħejji jew ippriservat għajr milli fil-ħall jew fl-aċidu aċetiku)

2006 00 || Ħxejjex, frott, ġewż, qoxra tal-frott u partijiet oħra ta' pjanti, ippreservati biz-zokkor (bl-ilma mneħħi, miksija biz-zokkor maħlul jew ikkristalizzati)

2102 || Ħmira (attiva jew inattiva); u mikrorganiżmi oħra ta’ ċellula waħda, mejta (imma ma jinkludux vaċċini tal-intestatura Nru 3002); Trabijiet tal-ħami ppreparati

2936 || Provitamini u vitamini, naturali jew riprodotti b’sintesi (inklużi konċentrati naturali), derivattivi tagħhom użati primarjament bħala vitamini, u taħlit flimkien ta’ dawn li ssemmew hawn fuq, kemm jekk f’xi solvent kif ukoll jekk le

3301 || Żjut essenzjali (mingħajr terpene jew le), inklużi l-konkreti u l-assoluti; reżinojdi; oleoreżini estratti; konċentrati ta’ żjut essenzjali fix-xaħam, fi żjut fissi, fix-xemgħa jew hekk, magħmulin permezz ta’ enfleurage jew maċerazzjoni; prodotti sekondarji terpeniċi tad-deterpenazzjoni ta’ żjut essenzjali; distillati ta’ ilma u soluzzjonijiet ta’ ilma ta’ żjut essenzjali

_____________

2.       Il-livelli massimi permissibbli li se jiġu applikati għall-oġġetti ta' ikel ta' importanza minuri kif elenkati fil-paragrafu 1 għandhom ikunu dawn

|| (Bq/kg)

Iżotopi ta’ strontium, l-aktar Sr-90 || 7500

Iżotopi tal-jodju, l-aktar I-131 || 20000

Iżotopi alfaemittenti ta’ elementi tal-plutonju u tat-transplutonju, l-aktar Pu-239, Am-241 || 800

In-nuklidi l-oħra kollha li għandhom nofs ħajja ta' aktar minn 10t’ijiem, l-aktar Cs-134, Cs-137[30] || 12500

ANNESS III

Il-livelli massimi permissibbli ta' kontaminazzjoni radjuattiva tal-għalf

Il-livelli massimi permissibbli li se jiġu applikati għaċ-ċesju 134 u ċ-ċesju 137 għandhom ikunu dawn li ġejjin:

Annimali || Bq/kg[31], [32]

Ħnieżer || 1 250

Tjur, ħrief, għoġla || 2 500

Oħrajn || 5 000

_____________

ANNESS IV

Regolamenti Revokati

Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 3954/87 || (ĠU L 371, 30.12.1987, p. 11)

|| Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 2218/89 || (ĠU L 211, 22.7.1989, p. 1)

|| Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 944/89 || (ĠU L 101, 13.4.1989, p. 17)

|| Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 770/90 || (ĠU L 83, 30.3.1990, p. 78)

_____________

ANNESS V

Tabella ta' Korrelazzjoni

Regolament (Euratom) Nru 3954/87 || Regolament (Euratom) Nru 944/89 || Regolament (Euratom) Nru 770/90 || Dan ir-Regolament

L-Artikolu 1(1) || || || L-Artikolu 1

|| L-Artikolu 1 || || L-Artikolu 1

L-Artikolu 1(2) || || || L-Artikolu 2

L-Artikolu 2(1) || || || L-Artikolu 3(1) u 3(2)

L-Artikolu 2(2) || || || -

L-Artikolu 3(1) || || || -

L-Artikolu 3(2) || || || L-Artikolu 3(3)

L-Artikolu 3(3) u (4) || || || -

L-Artikolu 4 || || || -

L-Artikolu 5(1) || || || L-Artikolu 6

L-Artikolu 5(2) || || || -

L-Artikolu 6(1) || || || L-Artikolu 4(1)

L-Artikolu 6(2) || || || L-Artikolu 4(2)

|| L-Artikolu 2 || || L-Anness II(2)

--- || --- || L-Artikolu 1 --- || L-Anness III L-Artikolu 5

L-Artikolu 7 || || || -

--- || --- || --- || L-Artikolu 7

L-Artikolu 8 || || || L-Artikolu 8

L-Anness || || || L-Anness I

|| L-Anness || || L-Anness II(1)

|| || L-Anness || L-Anness III

--- || --- || --- || L-Anness IV

--- || --- || --- || L-Anness V

[1]               COM(87) 868 PV.

[2]               Magħmul skont il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Kodifikazzjoni tal-Acquis Communautaire, COM (2001) 645 finali.

[3]               COM(2007) 302 finali.

[4]               Ara l-Anness IV għal din il-proposta.

[5]               ĠU C 102, 4.4.1996, p. 2.

[6]               “Jekk waqt il-proċess leġislattiv jirriżulta li hemm bżonn li jmorru lil hinn mill-kodifikazzjoni sempliċi u jagħmlu tibdiliet sostantivi, hi r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tissottometti l-proposta(i), fejn hemm bżonn”.

[7]               “Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jieħdu nota tal-fatt li jekk jirriżulta li hemm bżonn li jmorru lil hinn mill-kodifikazzjoni sempliċi u jagħmlu tibdiliet sostantivi, il-Kummissjoni tkun tista’ tagħżel, każ b’każ, jekk tirriformulax il-proposta tagħha jew jekk tippreżentax proposta separata għal emenda, filwaqt li tħalli l-proposta għal kodifikazzjoni pendenti, u sussegwentement, wara li l-emenda sostantiva tkun ġiet adottata, tinkorporaha fil-proposta għal kodifikazzjoni”.

[8]               COM(2010) 184 finali.

[9]               ĠU C 77, 28.3.2002, p. 1.

[10]             ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

[11]             http://ec.europa.eu/energy/nuclear/radiation_protection/article_31_en.htm

[12]             ĠU C , , p. .

[13]             ĠU C , , p. .

[14]             ĠU C , , p. .

[15]             ĠU L 159, 29.6.1996, p. 1.

[16]             Ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1707/86 (ĠU L 146, 31.5.1986, p. 88) (KEE) Nru 3020/86, (ĠU L 280, 1.10.1986, p. 79), (KEE) Nru 624/87 (ĠU L 58, 28.2.1987, p. 101) u (KEE) Nru 3955/87 (ĠU L 371, 30.12.1987, p. 14).

[17]             ĠU L 371, 30.12.1987, p. 11.

[18]             ĠU L 371, 30.12.1987, p. 76.

[19]             ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[20]             ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67.

[21]             ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59.

[22]             ĠU L 194, 18.7.2001, p. 26.

[23]             ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

[24]             Il-livell applikabbli għall-prodotti kkonċentrati jew imnixxfa huwa kkalkulat fuq il-bażi tal-prodott rikostitwit bħala lest għal konsum. L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw il-kondizzjonijiet għad-dilwazzjoni biex ikun żgurat li l-livelli massimi permissibbli stabbiliti f’dan ir-Regolament jiġu osservati.

[25]             L-ikel tat-trabi huwa ddefinit bħala oġġetti tal-ikel li huma maħsubin għat-tmigħ tat-trabi tul l-ewwel sitt xhur tal-ħajja, li fihom infushom jilħqu l-ħtiġijiet nutrizzjonali ta’ din il-kategorija ta’ persuna u li jitqiegħdu għal bejgħ bl-imnut f’pakketti li jkunu ċarament identifikabbli u b'wieħed minn dawn l-ismijiet li ġejjin fuq it-tikketta: "formula tat-trabi", "formula ta' prosegwiment" "ħalib tat-trabi" u "ħalib tal-prosegwiment", skont l-Artikoli 11 u 12 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/141/KE.

[26]             (Prodotti mill-ħalib huma definiti bħala dawk il-prodotti li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM li ġejjin, inklużi, fejn xieraq, kwalunkwe aġġustamenti li jistgħu jsirulhom aktar tard: 0401, 0402(ħlief 0402 29 11).

[27]             L-ikel ta' importanza minuri u l-livelli korrispondenti li għandhom jiġu applikati lilhom huma stabbiliti fl-Anness II.

[28]             L-oġġetti tal-ikel likwidi kif iddefiniti fl-intestatura 2009 u fil-kapitolu 22 tan-nomeniklatura magħquda. Il-valuri jiġu kkalkulati billi jitċies il-konsum ta' ilma tal-vit u l-istess valuri għandhom jiġu applikati għall-ilma tax-xorb.

[29]             Il-karbonju 14, it-tritju u l-potassju 40 ma humiex inklużi f’dan il-grupp.

[30]             Il-karbonju 14, it-tritju u l-potassju 40 ma humiex inklużi f’dan il-grupp.

[31]             Dawn il-livelli huma maħsubin biex jikkontribwixxu għall-osservanza tal-livelli massimi permessi għall-għalf; waħedhom ma jiggarantixxux din l-osservanza fiċ-ċirkostanzi kollha u ma jnaqqsux il-ħtieġa għal sorveljanza tal-livelli ta' kontaminazzjoni fi prodotti li jkunu ġejjin mill-annimali destinati għall-konsum mill-bnedmin.

[32]             Dawn il-livelli japplikaw għall-għalf li jkun lest għall-konsum.