Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, tal-Protokoll għall-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni u l-Unjoni Doganali bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika ta' San Marino, min-naħa l-oħra, rigward il-parteċipazzjoni, bħala parti kontraenti, tar-Repubblika tal-Kroazja, wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea /* COM/2013/0568 final - 2013/0273 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA Ir-Repubblika tal-Kroazja (minn hawn’ il
quddiem “il-Kroazja”) se tissieħeb fl-Unjoni Ewropea
fl-1 ta’ Lulju 2013. Fl-14 ta’ Settembru 2012,
il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja l-adattament, permezz ta’
Protokoll, tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni u Unjoni Doganali bejn il-Komunità
Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u
r-Repubblika ta’ San Marino (minn hawn’ il quddiem “San Marino”), min-naħa
l-oħra[1]
(minn hawn’ il quddiem “il-Ftehim”), dwar il-parteċipazzjoni tal-Kroazja
bħala parti kontraenti, fid-dawl tat-tkabbir tal-Unjoni biex tinkludi lil
din tal-aħħar. F'konformità mal-Artikolu 6(2) tal-Protokoll dwar
il-kundizzjonijiet u l-arranġamenti tad-dħul fl-Unjoni Ewropea tar-Repubblika
tal-Kroazja, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill abbozz
tal-Protokoll li għandu jkun konkluż. 2. L-ELEMENTI LEGALI
TAL-PROPOSTA Il-Ftehim
daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2002 u
jeħtieġ li jiġi emendat biex jinkludi lill-Kroazja bħala
parti kontraenti. Wara l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni
fl-14 ta’ Settembru 2012, in-negozjati ġew konklużi
ma’ San Marino dwar Protokoll mal-Ftehim. Skont l-Artikolu 218(6)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament
tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew ta l-kunsens tiegħu
għall-konklużjoni tal-imsemmi Protokoll mal-Ftehim fi [...]. Sommarju tal-azzjoni proposta Din il-proposta tikkonsisti minn abbozz ta'
Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni
Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ta’ Protokoll mal-Ftehim (fl-Anness), li
jipprevedi l-parteċipazzjoni tal-Kroazja bħala parti kontraenti wara
l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea. Bażi ġuridika It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni
Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(6) tiegħu; it-Trattat
tal-Adeżjoni tal-Kroazja[2];
u l-Att ta' Adeżjoni tal-Kroazja[3],
u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tiegħu. L-għażla tal-istrument Skont l-Artikolu 218(6)(a) tat-Trattat
dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, f’każijiet koperti b’dan
l-Artikolu, il-Kunsill għandu jadotta Deċiżjoni li tawtorizza
l-konklużjoni tal-Ftehim wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Parlament
Ewropew. Din hija proposta għal Deċiżjoni ta’ din ix-xorta. Proporzjonalità Din il-proposta hija konformi mal-prinċipju
tal-proporzjonalità billi l-effetti tagħha huma strettament limitati
għal dak li huwa neċessarju biex jipprovdi
għall-parteċipazzjoni tal-Kroazja fil-Ftehim, bħala parti
kontraenti, wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea. 2013/0273 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni
Ewropea u l-Istati Membri tagħha, tal-Protokoll għall-Ftehim dwar
il-Kooperazzjoni u l-Unjoni Doganali bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika
l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika ta' San
Marino, min-naħa l-oħra, rigward il-parteċipazzjoni, bħala
parti kontraenti, tar-Repubblika tal-Kroazja, wara l-adeżjoni tagħha
mal-Unjoni Ewropea IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207 u
l-Artikolu 352, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) u t-tieni
subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu, Wara li kkunsidra l-Att ta' Adeżjoni
tal-Kroazja[4],
u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea, Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament
Ewropew[5], Billi: (1) Fl-14 ta’ Settembru 2012,
il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Repubblika
ta' San Marino għall-adattament, permezz tan-negozjar ta' Protokoll,
tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni u Unjoni Doganali bejn il-Komunità Ewropea u
l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-waħda, u r-Repubblika ta’
San Marino min-naħa l-oħra[6],
dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja bħala parti
kontraenti, fid-dawl tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea. (2) In-negozjati dwar
il-Protokoll għall-Ftehim saru mill-Kummissjoni u ġew konklużi
dan l-aħħar. (3) Il-Parlament Ewropew ta
l-kunsens tiegħu għall-konklużjoni tal-imsemmi Protokoll fi […] (4) Il-Protokoll għandu
jiġi konkluż f’isem l-Unjoni Ewropea. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-Protokoll għall-Ftehim dwar
il-Kooperazzjoni u l-Unjoni Doganali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri
tagħha, minn naħa l-waħda, u r-Repubblika ta’ San Marino,
min-naħa l-oħra, rigward il-parteċipazzjoni tar-Repubblika
tal-Kroazja, bħala parti kontraenti, wara l-adeżjoni tagħha
mal-Unjoni Ewropea, huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati
Membri tagħha. It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma’ din
id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill għandu
jaħtar lill-persuna li jkollha s-setgħa li tipproċedi, f'isem
l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, biex tiddepożita
l-istrument ta' approvazzjoni previst fl-Artikolu 3 tal-Protokoll, sabiex
tesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha li jkunu
marbuta bil-Protokoll. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni tidħol
fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha[7]. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ANNESS PROTOKOLL għall-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni u
l-Unjoni Doganali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa
l-waħda, u r-Repubblika ta’ San Marino, min-naħa l-oħra, rigward
il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, bħala parti
kontraenti, wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea IR-RENJU TAL-BELĠJU, IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA, IR-REPUBBLIKA ĊEKA, IR-RENJU TAD-DANIMARKA, IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA, IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA, L-IRLANDA, IR-REPUBBLIKA ELLENIKA, IR-RENJU TA’ SPANJA, IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA, IR-REPUBBLIKA TALJANA, IR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA, IR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU, IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA, IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA, IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU, IR-REPUBBLIKA TAL-UNGERIJA, MALTA, IR-RENJU TAL-PAJJIŻI L-BAXXI, IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA, IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA, IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA, IR-RUMANIJA, IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA, IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA, IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA, IR-RENJU TAL-IŻVEZJA, U IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA
TA' FUQ kif ukoll L-UNJONI EWROPEA, min-naħa l-waħda, u IR-REPUBBLIKA TA' SAN MARINO, min-naħa l-oħra, Wara li kkunsidraw il-Ftehim dwar
il-Kooperazzjoni u l-Unjoni Doganali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri
tagħha, min-naħa l-waħda u r-Repubblika ta’ San Marino,
min-naħa l-oħra tas-16 ta' Diċembru 1991,
("il-Ftehim"), li daħal fis-seħħ
fl-1 ta' April 2002, Wara li kkunsidraw l-adeżjoni
tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea
fl-1 ta’ Lulju 2013, Billi r-Repubblika tal-Kroazja għandha
ssir parti kontraenti għall-Ftehim, FTIEHMU KIF ĠEJ: Artikolu 1 Ir-Repubblika tal-Kroazja hawnhekk taderixxi
bħala Parti għall-Ftehim. Artikolu 2 Dan il-Protokoll se jkun parti integrali
mill-Ftehim. Artikolu 3 1. Dan il-Protokoll għandu jiġi
approvat mill-Partijiet Kontraenti skont il-proċeduri rispettivi
tagħhom. 2. Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw lil
xulxin bit-tlestija ta' dawn il-proċeduri. L-istrumenti ta' approvazzjoni
għandhom jiġu depożitati mas-Segretarjat Ġenerali
tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Artikolu 4 Dan il-Protokoll għandu jidħol
fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara d-data tad-depożitu
tal-aħħar strument ta’ approvazzjoni. Artikolu 5 Dan il-Protokoll għandu japplika
provviżorjament mill-1 ta’ Lulju 2013. Artikolu 6 It-testi tal-Ftehim u tad-Dikjarazzjonijiet
annessi miegħu tfasslu bl-ilsien Kroat. Huma annessi ma' dan il-Protokoll u huma
ugwalment awtentiċi bħat-testi fl-ilsna l-oħra li bihom tfasslu
l-Ftehim u d-Dikjarazzjonijiet annessi miegħu. Artikolu 7 Dan il-Protokoll għandu jitfassal
f’żewġ kopji bil-Bulagaru, bil-Kroat, biċ-Ċek,
bid-Daniż, bl-Olandiż, bl-Ingliż, bl-Estonjan,
bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg,
bl-Ungeriż, bl-Irlandiż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan,
bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven,
bl-Ispanjol u bl-Iżvediż, u kull wieħed minn dawn it-testi huwa
awtentiku bl-istess mod. Magħmul fi [Brussell] fi [……] jum ta' […]
fis-sena elfejn u tlettax. [ ... ] Għall-Istati Membri [ ... ] Għall-Unjoni Ewropea [ ... ] Għar-Repubblika ta' San Marino [ ... ] [1] ĠU
L 84, 28.3.2002, p. 43. [2] ĠU
L 112, 24,4.2012, p. 10. [3] ĠU
L 112, 24,4.2012, p. 21. [4] ĠU
L 112, 24,4.2012, p. 21. [5] ĠU
C , p. . [6] ĠU
L 84, 28.3.2002, p. 43. [7] Id-data
tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll se tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali
tal-Kunsill.