52013PC0555

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża li jikkonċerna l-applikazzjoni, f'dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy, tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-taxxa fuq it-tfaddil u l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa /* COM/2013/0555 final - 2013/0269 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

F'konformità mad-Deċiżjoni Nru 2010/718/UE tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta' Ottubru 2010, il-kollettività territorjali tal-gżira Saint-Barthélemy m'għadhiex reġjun ultraperifiku tal-Unjoni, u mill-1 ta' Jannar 2012 kisbet status ta' pajjiż u territorju ekstra-Ewropew.

Id-Deċiżjoni Nru 2010/718/UE tispeċifika li Franza impenjat ruħha biex tikkonkludi l-ftehimiet meħtieġa bil-għan li jitħarsu l-interessi tal-Unjoni waqt li kienet qed isseħħ din l-evoluzzjoni.

Sabiex isir progress ulterjuri fir-rigward ta' dawn il-ftehimiet, deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2011, li ntbagħtet lill-Kummissjoni Ewropea fl-24 ta' Ottubru 2011, awtorizzat lill-Kummissjoni biex tinnegozja l-kundizzjonijiet tagħhom. L-awtorizzazzjoni, b'mod aktar speċifiku, tikkonċerna ftehim bejn ir-Repubblika Franċiża, f'isem Saint-Barthélemy, u l-Unjoni Ewropea, li jipprevedi l-applikazzjoni, f'dak li jirrigwarda lil dan it-territorju, tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-taxxa fuq it-tfaddil u l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa.

Id-direttivi ta' nnegozjar mehmuża mad-deċiżjoni tal-Kunsill, b'mod partikolari, jistipulaw li:

- l-objettiv huwa li jiġi konkluż ftehim li jipprevedi l-applikazzjoni, f'dak li jirrigwarda lil Saint-Barthélemy, tal-mekkaniżmi stabbiliti mid-Direttiva tal-Kunsill Nru 77/799/KEE u mid-Direttiva tal-Kunsill Nru 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u mid-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/48/KE dwar it-tassazzjoni ta' riżervi fuq id-dħul. Għal dan il-għan, jaqbel li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-avvanzi leġiżlattivi l-ġodda f'dawn l-oqsma, sabiex il-mekkaniżmi applikabbli f'Saint-Barthélemy ikunu ekwivalenti għal dawk li jiġu applikati fi Franza metropolitana.

- il-ftehim irid ikopri l-mekkaniżmi stabbiliti mid-Direttivi msemmija hawn fuq. F'dak li jirrigwarda t-taxxa fuq it-tfaddil, il-ftehim irid ikollu fil-mira l-pagamenti tal-imgħax, hekk kif definiti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/48/KE u fi kwalunkwe emendi li għadhom se jsirulha, magħmula mill-aġenti ta' pagament stabbiliti f'Saint-Barthélemy lis-sidien benefiċjarji li jgħixu fl-UE;

- il-ftehim irid jiġi konkluż għal tul ta' żmien indefinit.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI

Abbażi tal-awtorizzazzjoni li ngħatatilha, il-Kummissjoni Ewropea ħejjiet abbozz ta' ftehim li ta lok għal negozjati ma' Franza tul l-2012 u fl-ewwel ftit xhur tal-2013.

Barra minn hekk, l-abbozz ta' ftehim ġie diskuss fil-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar Kwistjonijiet ta' Taxxa, u l-ebda Stat Membru ma għamel riżerva.

3.           L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Il-bażi ġuridika ta' din il-proposta hija magħmula mill-Artikoli 113 u 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Artikolu 218(6)(b) u (8), it-tieni subparagrafu tiegħu. Il-bażi ġuridika sostantiva hija magħmula mill-Artikoli 113 u 115 tat-TFUE. Fil-fatt, l-objettiv tal-miżura, li fuqu jissejjes il-kontenut, huwa li testendi l-mekkaniżmi tad-Direttivi Nru 2011/16/EU u Nru 2003/48/KE, ibbażati fuq dawn l-aħħar żewġ Artikoli, għar-relazzjonijiet ta' bejn l-Istati Membri u Saint-Barthélemy.

Il-ftehim, skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1 tiegħu, għandu fil-mira l-applikazzjoni, f'dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy, ta' kwistjonijiet ta' tassazzjoni koperti:

- mid-Direttiva tal-Kunsill Nru 2011/16/UE, li ħassret id-Direttiva tal-Kunsill Nru 77/799/KEE mill-1 ta' Jannar 2013,

- mid-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/48/KE,

- kif ukoll mill-atti relatati.

Il-ftehim sar dinamiku permezz tal-Artikolu 1(3) u tal-Artikolu 2. B'hekk, huwa mhux biss ikopri l-emendi futuri taż-żewġ Direttivi iżda wkoll l-atti kollha delegati u ta' implimentazzjoni attwali, u jekk ikun meħtieġ, dawk futuri[1]. Dan huwa meħtieġ sabiex f'kull ħin jiġi żgurat l-istess trattament fis-sitwazzjonijiet li jseħħu fl-Unjoni Ewropea min-naħa, u f'dawk li jseħħu bejn l-Istati Membri u Saint-Barthélemy min-naħa l-oħra.

L-Artikolu 3 jispeċifika d-definizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti - l-uffiċċji ċentrali u s-servizzi ta' kollegament, kif ukoll l-uffiċjali kompetenti - b'tali mod li jiggarantixxi l-koerenza mal-miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni tad-Direttivi tal-Kunsill Nru 2011/16/UE u Nru 2003/48/KE li ttieħdu jew li se jittieħdu mill-Istati Membri.

Il-preżentazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea tal-istatistika u tal-informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-ftehim għall-kollettività Saint-Barthélemy hija żgurata mir-Repubblika Franċiża (l-Artikolu 4).

F'dak li jirrigwarda s-soluzzjoni tat-tilwim, huma previsti l-elementi segwenti:

- proċedura ta' ftehim reċiproku bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' dawk l-Istati Membri kkonċernati biss meta l-implimentazzjoni jew l-interpretazzjoni tal-ftehim twassal għal diffikultajiet jew tikkawża xi dubji fost dawn l-awtoritajiet kompetenti (l-Artikolu 5). Il-Kummissjoni Ewropea hija informata bir-riżultati tal-proċedura ta' konsultazzjoni u min-naħa tagħha trid tinforma lill-Istati Membri l-oħra. Jekk it-tilwima tkun tikkonċerna kwistjoni ta' interpretazzjoni, il-Kummissjoni tista' tieħu sehem fil-konsultazzjoni fuq it-talba ta' waħda mill-awtoritajiet kompetenti.

- f'każ li jkun hemm tilwima bejn il-partijiet tal-ftehim dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tiegħu, il-partijiet iridu jingħaqdu flimkien mal-Kummissjoni Ewropea qabel kwalunkwe tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (Artikolu 6). Il-Qorti hija l-unika waħda kompetenti biex tasal għal soluzzjoni ta' tali tilwim.

Il-formalitajiet għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim huma stabbiliti fl-Artikolu 7.

Barra minn hekk, f'konformità mad-direttivi ta' nnegozjar, l-Artikolu 8 jipprevedi li l-ftehim huwa konkluż għal tul ta' żmien indefinit, sabiex joffri lill-partijiet il-possibbiltà li jtemmuh b'mezzi diplomatiċi.

2013/0269 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża li jikkonċerna l-applikazzjoni, f'dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy, tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-taxxa fuq it-tfaddil u l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 113 u 115 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(6)(b) u (8) it-tieni subparagrafu tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)       F'konformità mad-Deċiżjoni Nru [XXX] tal-Kunsill ta' […][2], il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża li jikkonċerna l-applikazzjoni, f'dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy, tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-taxxa fuq it-tfaddil u l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa ġie ffirmat fi […], bil-kundizzjoni li jiġi konkluż f'data ulterjuri.

(2)       Dan il-Ftehim għandu fil-mira li jiggarantixxi li l-mekkaniżmi taż-żewġ direttivi, li huma maħsuba b'mod partikolari biex jiġġieldu kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa transfruntiera, jiġu applikati għal dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy, minkejja l-bidla fl-istatus tagħha.

(3)       Il-Ftehim għandu jiġi approvat f’isem l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża li jikkonċerna l-applikazzjoni, f'dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy, tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-taxxa fuq it-tfaddil u l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa ġie approvat f'isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa anness ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill jinnomina lill-persuna awtorizzata biex tipproċedi, f’isem l-Unjoni Ewropea, għan-notifika stipulata fl-Artikolu 7 tal-Ftehim, sabiex jiġi espress il-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tintrabat bil-Ftehim.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.[3]

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

ANNESS

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża li jikkonċerna l-applikazzjoni, f'dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy, tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-taxxa fuq it-tfaddil u l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa.

L-UNJONI EWROPEA, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea,

u

IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA, f'dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy,

Billi:

(1) Il-kollettività ta' Saint-Barthélemy tagħmel parti integrali mir-Repubblika Franċiża iżda m'għadhiex tagħmel parti mill-Unjoni Ewropea mill-1 ta' Jannar 2012, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew Nru 2010/718/UE tad-29 ta' Ottubru 2010 li timmodifika l-istatus tal-gżira ta’ Saint-Barthélemy fir-rigward tal-Unjoni Ewropea[4];

(2) Sabiex jibqgħu jiġu mħarsa l-interessi tal-Unjoni u b'mod partikolari biex jiġu miġġielda l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa transfruntiera, jeħtieġ li jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet li qegħdin fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa, kif ukoll dawk dwar it-taxxa fuq id-dħul mit-tfaddil f'forma ta' pagamenti tal-imgħax, ikomplu jiġu applikati f'dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy. Jaqbel li jiġi żgurat ukoll li t-testi li jemendaw dawn id-dispożizzjonijiet jiġu applikati f'dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy.

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-applikazzjoni tad-Direttivi Nru 2011/16/UE u Nru 2003/48/KE u tal-atti relatati

1. Ir-Repubblika Franċiża u l-Istati Membri l-oħra japplikaw, f'dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy, id-Direttiva Nru 2011/16/UE kif ukoll il-miżuri li kienu adottaw biex jittrasponu din id-Direttiva.

2. Ir-Repubblika Franċiża u l-Istati Membri l-oħra japplikaw, f'dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy, id-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/48/KE kif ukoll il-miżuri li kienu adottaw biex jittrasponu din id-Direttiva.

3. Ir-Repubblika Franċiża u l-Istati Membri l-oħra japplikaw, f'dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy, l-atti tal-Unjoni adottati, jekk ikun meħtieġ, abbażi tad-Direttivi msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4. Il-partijiet ta' dan il-Ftehim jispeċifikaw li l-Kummissjoni Ewropea, f'dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy, għandha l-istess kompiti bħal dawk previsti mid-Direttivi Nru 2011/16/UE u Nru 2003/48/KE, kif ukoll mill-istrumenti ġuridiċi l-oħra relatati adottati mill-Kunsill, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

Artikolu 2

Il-verżjonijiet applikabbli tal-atti tal-Unjoni msemmija f'dan il-Ftehim

Ir-referenzi magħmula f'dan il-Ftehim għad-Direttivi Nru 2011/16/UE u Nru 2003/48/KE kif ukoll għall-atti l-oħra tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(3) u (4) tiegħu, jinftiehmu bħala referenzi għal dawn id-Direttivi u l-atti fil-verżjoni li tkun fis-seħħ fil-mument ikkonċernat, u hekk kif ikunu ġew emendati, fejn meħtieġ, mill-atti emendatorji suċċessivi.

Artikolu 3

L-awtoritajiet kompetenti, l-uffiċċji ċentrali ta' kollegament, is-servizzi ta' kollegament, u l-uffiċjali kompetenti

Il-partijiet ta' dan il-Ftehim jispeċifikaw li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont id-Direttiva Nru 2003/48/KE, kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti, l-uffiċċji ċentrali ta' kollegament, is-servizzi ta' kollegament u l-uffiċjali kompetenti maħtura skont id-Direttiva Nru 2011/16/UE mill-Istati Membri huma inkarigati bl-istess funzjonijiet u kompetenzi għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dawn id-Direttivi, f'dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy, f'konformità mal-Artikolu 1 ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 4

Il-monitoraġġ

Ir-Repubblika Franċiża tippreżenta lill-Kummissjoni Ewropea l-istatistika u l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għall-kollettività ta' Saint-Barthélemy, bl-istess mod, bl-istess forma u bl-istess skadenzi ta' dawk li jridu jiġu ppreżentati fir-rigward tal-funzjonament tad-Direttivi Nru 2011/16/UE u Nru 2003/48/KE f'dak li jirrigwarda t-territorji Franċiżi li għalihom huma applikabbli dawn id-Direttivi.

Artikolu 5

Il-proċedura ta' ftehim reċiproku bejn l-awtoritajiet kompetenti

1. Meta l-implimentazzjoni jew l-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim twassal għal diffikultajiet jew tikkawża xi dubji bejn l-awtorità kompetenti fir-rigward tal-kollettività ta' Saint-Barthélemy u awtorità kompetenti jew diversi awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, dawn l-awtoritajiet jagħmlu minn kollox biex isolvu l-kwistjoni bi ftehim reċiproku. Huma jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea bir-riżultati ta' din il-konsultazzjoni, u wara l-Kummissjoni tinforma lill-Istati Membri l-oħra.

2. F'dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet ta' interpretazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea tista' tieħu sehem fil-konsultazzjonijiet, fuq it-talba ta' waħda mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 6

Is-soluzzjoni tat-tilwim bejn il-partijiet ta' dan il-Ftehim

1. F'każ li jkun hemm tilwima bejn il-partijiet ta' dan il-Ftehim dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tiegħu, il-partijiet iridu jingħaqdu flimkien qabel kwalunkwe tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f'konformità mal-paragrafu 2.

2. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva biex issolvi t-tilwim ta' bejn il-partijiet ta' dan il-Ftehim fir-rigward tal-applikazzjoni jew tal-interpretazzjoni tiegħu. It-tilwima titressaq quddiem il-Qorti minn waħda minn dawn il-partijiet.

Artikolu 7

Id-dħul fis-seħħ

Kull waħda mill-partijiet kontraenti tinnotifika lill-oħra dwar l-ikkompletar tal-proċeduri meħtieġa f'dak li jirrigwardaha għad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, li jkollu effett mill-għada tal-jum li fih tasal it-tieni notifika.

Artikolu 8

It-tul ta' żmien u t-terminazzjoni

Dan il-Ftehim ġie konkluż għal tul ta' żmien indefinit, bil-kundizzjoni li jiġi mitmum minn waħda mill-partijiet kontraenti wara li tkun indirizzat notifika bil-miktub lill-parti kontraenti l-oħra b'mezzi diplomatiċi. Dan il-Ftehim jiġi fi tmiemu tnax-il xahar wara li tkun waslet tali notifika.

Artikolu 9

Il-lingwi

Dan il-Ftehim tfassal f’żewġ kopji, bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana u Ungeriża, b’kull waħda minn dawn il-verżjonijiet awtentika b'mod ugwali.

Magħmul fi … fi …

Għall-Unjoni Ewropea  Għar-Repubblika Franċiża

[1]               Din is-sitwazzjoni bl-ebda mod mhija ta' ħsara għall-pożizzjoni tal-Istati Membri fil-Kunsill, meta jkun qed jiġi deċiż jekk is-setgħat iddelegati jew ta' implimentazzjoni għandhomx jingħataw lill-Kummissjoni jew le.

[2]               ĠUUE […], […], p. […].

[3]               Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

[4]               ĠUUE L 325, 9.12.2010, p. 4.