52013PC0543

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li testendi l-validità tad-Deċiżjoni 2012/96/UE /* COM/2013/0543 final - 2013/0261 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/470/UE tas-7 ta’ Awwissu 2012, il-validità tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/96/UE ġiet estiża sal-20 ta’ Awwissu 2013 u l-applikazzjoni tal-miżuri xierqa stabbiliti fid-Deċiżjoni 2002/148/KE ġiet sospiża. Minħabba li jeżistu inċertezzi dwar il-mument preċiż ta' meta fiż-Żimbabwe se jsiru elezzjonijiet konformi mal-Ftehim Politiku Globali, u bil-għan li tirrevedi miżuri xierqa immedjatament wara l-imsemmija elezzjonijiet, qed issir il-proposta li l-Kunsill jestendi għal perjodu ta’ sitt xhur il-validità tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/96/UE billi jadotta l-proposta mehmuża.

2013/0261 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li testendi l-validità tad-Deċiżjoni 2012/96/UE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000[1] (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE"), kif rivedut f’Ouagadougou, il-Burkina Faso, fit-22 ta’ Ġunju 2010[2], u partikolarment l-Artikolu 96 tiegħu,

Waqt li kkunsidra l-ftehim intern dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu u l-proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija tal-AKP-KE[3], u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)       Bid-Deċiżjoni 2002/148/KE ngħalqu l-konsultazzjonijiet mar-Repubblika taż-Żimbabwe taħt l-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim ta’ Cotonou u ttieħdu miżuri xierqa. Minn dak iż-żmien dawn il-miżuri ġew adattati u l-perjodu tal-applikazzjoni tagħhom ġie rivedut kull sena.

(2)       Bħala sinjal tal-impenn kontinwu tal-Unjoni favur il-proċess politiku skont il-Ftehim Politiku Globali, fis-7 ta' Awwissu 2012 il-Kunsill iddeċieda li jestendi l-validità tad-Deċiżjoni 2012/96/UE, kif ukoll li jissospendi l-applikazzjoni tal-miżuri xierqa li jillimitaw il-koperazzjoni maż-Żimbabwe taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Cotonou għal perijodu ta’ 12-il xahar.

(3)       F’konformità mal-qbil tal-Kunsill li jirrevedi l-miżuri xierqa immedjatament wara li jsiru elezzjonijiet fiż-Żimbabwe skont il-Ftehim Politiku Globali, id-Deċiżjoni 2012/96/UE għandha tiġi estiża, filwaqt li tibqa' s-sospensjoni tal-miżuri xierqa.

(4)       L-Unjoni Ewropea tista’ tiddeċiedi li tirrevedi din id-deċiżjoni f’kull ħin,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-validità tad-Deċiżjoni 2012/96/UE u tal-miżuri xierqa tagħha huma b’dan estiżi sal-20 ta’ Frar 2014. Madankollu, l-applikazzjoni tal-miżuri xierqa tibqa' sospiża.

Il-miżuri xierqa għandhom jinżammu taħt reviżjoni kostanti u jiġu applikati mill-ġdid jekk is-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe tiddeterjora b’mod serju.

Dawn il-miżuri għandhom fi kwalunkwe każ jiġu riveduti sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Għandha tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 317, 15,12.2000, p. 3.

[2]               ĠU L 287, 4,11.2010, p. 3.

[3]               ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376, emendat mill-ĠU L 247, 09.09.2006, p. 48