52013PC0418

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda ċerti Direttivi fl-oqsma tal-ambjent, l-agrikoltura, il-politika soċjali u s-saħħa pubblika minħabba l-bidla tal-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni /* COM/2013/0418 final - 2013/0192 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Permezz tad-Deċiżjoni 2012/419/UE[1], il-Kunsill Ewropew emenda l-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014. Għaldaqstant, minn dik id-data l-Majott ma jibqax territorju barrani biex isir reġjun ultraperifiku skont l-Artikoli 349 u 355(1) TFUE. Il-liġi tal-Unjoni se tapplika għall-Majott mill-1 ta' Jannar 2014.

Din il-proposta ssegwi r-rieżami tat-talbiet kollha magħmula mill-awtoritajiet Franċiżi, li jkollhom l-acquis tal-Unjoni emendat permezz ta' derogi u/jew perjodi ta' tranżizzjoni applikabbli għall-Majott f’oqsma differenti, bħall-ambjent, l-agrikoltura, il-politika soċjali u s-saħħa pubblika.

Ir-rieżami wera li Franza tkun teħtieġ aktar żmien biex tikkonforma mal-acquis tal-Unjoni fir-rigward tal-Majott fl-oqsma tal-ambjent, l-agrikoltura, il-politika soċjali u s-saħħa pubblika. Huwa għalhekk xieraq li jkun hemm provvediment għal miżuri korrispondenti, limitat biex jirrifletti s-sitwazzjoni partikolari tal-Majott, mingħajr effett fuq id-dritt tal-Unjoni b'mod ieħor.

Fl-interess tas-sempliċità u t-tħaffif, ġie kkunsidrat espedjenti biex ma jirrikkorrix għal proposti individwali għal kull wieħed mill-atti kkonċernati iżda, fejn ikun legalment possibbli, li tpoġġi f’pakkett wieħed emendi għal diversi atti fi proposta waħda. L-emendi proposti fid-dokument preżenti jirrelataw kollha ma’ Direttivi u jaqgħu fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-Artikoli 289(1) u 294 TFUE).

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-Kummissjoni ma għamlitx valutazzjoni tal-impatt. Madankollu, meta teżamina d-diversi kwistjonijiet u partikolarment it-talbiet magħmula minn Franza, kellha kuntatti ma’ rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali sabiex tevalwa aħjar il-bażi ta’ miżuri speċifiċi.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

F’konformità mal-Artikolu 153(2) tat-TFUE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom is-setgħa li jadottaw, permezz ta’ direttivi, ir-rekwiżiti minimi għall-implementazzjoni gradwali tal-kundizzjonijiet tax-xogħol wara li jkunu studjaw il-kundizzjonijiet u r-regoli tekniċi f’kull wieħed mill-Istati Membri. Skont din il-bażi legali, huwa propost li jemendaw id-Direttiva 2006/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 bil-ħsieb li jagħtu deroga lil Franza, sal-31 ta’ Diċembru 2017, minn ċerti dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ radjazzjoni ottika artifiċjali. Id-deroga proposta tapplika biss sa fejn l-istrutturi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex disponibbli fil-Majott, u mingħajr preġudizzju għall-prinċipji ġenerali ta’ protezzjoni u prevenzjoni fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Huwa propost ukoll li Franza għandha tiżgura konsultazzjoni adegwata tal-imsieħba soċjali u tillimita r-riskji lill-ħaddiema għal minimu.

Skont l-Artikolu 192(1) tat-TFUE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiddeċiedu liema azzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni sabiex tikseb l-objettivi fuq l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 191. Is-sitwazzjoni attwali prevalenti fil-Majott titlob għal titjib konsiderevoli sabiex ikunu konformi ma’ objettivi ambjentali stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni. Huwa għalhekk propost li jkunu emendati, fuq il-bażi tal-Artikolu 192(1) TFUE, tliet Direttivi fil-qasam tal-ambjent:

– Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 sabiex jagħtu Franza, perjodi ta’ żmien biżżejjed biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tad-Direttivi dwar it-trattament tad-drenaġġ urban;

– Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 sabiex tagħti lil Franza perjodi suffiċenti ta’ żmien għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni korretta tal-pjanijiet għall-ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar;

– Id-Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2006 sabiex jiddefinixxu limiti speċifiċi ta’ żmien li jippermettu lil Franza biex tilħaq l-istandards tal-Unjoni fir-rigward l-kwalità tal-ilma għall-għawm.

Skont l-Artikolu 43(2) tat-TFUE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom is-setgħa li jadottaw, fost oħrajn, id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika komuni tal-agrikoltura. Fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, huwa propost li tiġi emendata d-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE tad-19 ta’ Lulju 1999 li tistabbilixxi standards minimi għall-ħarsien ta’ tiġieġ li jbidu. Billi t-tiġieġ li jbidu jitrawmu fil-Majott f’gaġeġ mhux arrikkiti u peress li jkun diffiċli li jbiddlu din il-pożizzjoni fi żmien qasir, Franza għandha tingħata biżżejjed żmien biex tadatta. Minkejja li kważi 100 % tal-produzzjoni tal-bajd hi mibjugħa fil-Majott, għandhom jittieħdu miżuri sabiex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 114(1) tat-TFUE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill se jadottaw miżuri għall-approssimizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati b'liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom it-twaqqif u t-tħaddim tas-suq intern. Min-naħa l-oħra, f’konformità mal-Artikolu 168 TFUE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu wkoll jadottaw miżuri ta’ inċentivi mfassla biex jipproteġu u jtejbu s-saħħa tal-bniedem. Taħt dawn il-bażijiet legali, huwa propost li tiġi emendata d-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transfruntiera, minħabba l-qagħda attwali fil-Majott u n-numru ta’ adattamenti meħtieġa li jridu jsiru biex jittrasponu d-Direttiva sabiex tkun żgurata l-kontinwità tal-kura u informazzjoni lill-pazjenti.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea.

5.           ELEMENTI FAKULTATTIVI

Ġie kkunsidrat li l-ebda dokumenti ta’ spjegazzjoni ma huma meħtieġa li jintalbu għar-raġunijiet li ġejjin:

(1) Din il-proposta għal Direttiva essenzjalment għandha:

(a) Emendi li jintroduċu derogi u/jew perjodi tranżitorji relatati mal-applikazzjoni fil-Majott tad-Direttivi kkonċernati, u

(b) Numru limitat ħafna ta' obbligi għal Franza f'dan ir-rigward.

Id-derogi u/jew il-perjodi ta’ tranżitorji mogħtija huma bbażati fuq talbiet ippreżentati minn Franza, li fiha mmotivat il-ħtieġa ta’ dawn id-derogi u/jew perjodi tranżitorji u indikat pjan ta’ implimentazzjoni.

Għalhekk, il-Kummissjoni ma għandhiex bżonn dokumenti ta’ spjegazzjoni biex twettaq il-kompitu tagħha li tissorvelja t-traspożizzjoni tad-Direttivi. Il-miżuri ta’ traspożizzjoni individwali li jridu jiġu nnotifikati minn Franza huma mistennija li jkunu evidenti.

2013/0192 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda ċerti Direttivi fl-oqsma tal-ambjent, l-agrikoltura, il-politika soċjali u s-saħħa pubblika minħabba l-bidla tal-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2), l-Artikolu 114, l-Artikolu 153(2), l-Artikolu 168 u l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li bagħtu l-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[3],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Permezz tad-Deċiżjoni 2012/419/EU[4], il-Kunsill Ewropew emenda l-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014. Għaldaqstant, minn dik id-data l-Majott ma jibqax territorju barrani u jsir reġjun ultraperifiku skont it-tifsira tal-Artikoli 349 u 355(1) tat-Trattat. Il-liġi tal-Unjoni se tapplika għall-Majott minn dik id-data. Huwa xieraq li jkun hemm provvediment għal ċerti miżuri speċifiċi ġustifikati mis-sitwazzjoni partikolari tal-Majott f’għadd ta’ oqsma.

(2)       Huwa xieraq li jittieħed kont tas-sitwazzjoni partikolari fil-Majott fir-rigward tal-istat tal-ambjent, li jitlob għal titjib konsiderevoli sabiex ikun hemm konformità mal-objettivi ambjentali stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni, li għalihom huwa meħtieġ żmien addizzjonali. Miżuri speċifiċi sabiex gradwalment jitjieb l-ambjent għandhom jiġu adottati fi ħdan limiti speċifiċi ta’ żmien.

(3)       Sabiex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tad-drenaġġ urban[5], jeħtieġ li jittieħdu miżuri fil-Majott biex jiżguraw li agglomerazzjonijiet huma pprovduti b’sistemi ta’ ġbir tad-drenaġġ urban. Dawn il-miżuri jitolbu għal xogħlijiet ta’ infrastruttura li għandhom isegwu proċeduri amministrattivi u ta’ ppjanar u barra minn hekk jeħtieġu l-istabbiliment ta’ sistemi ta’ kejl u monitoraġġ ta' skariki ta’ drenaġġ. Għalhekk, jeħtieġ li jingħata perjodu ta’ żmien suffiċjenti lil Franza biex tissodisfa dawn ir-rekwiżiti.

(4)       Fil-qasam tal-agrikoltura, fir-rigward id-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE tad-19 ta’ Lulju 1999 li tistabilixxi standards minimi għall-ħarsien ta’ tiġieġ li jbidu[6] ta’ min jinnota li, fil-Majott, it-tiġieġ li jbidu l-bajd jitrawmu f’gaġeġ mhux arrikkiti. Minħabba investiment konsiderevoli u xogħol ta’ tħejjija meħtieġ biex jissostitwixxi l-gaġeġ mhux arrikkiti b’gaġeġ arrikkiti jew sistemi alternattivi, huwa neċessarju, fir-rigward ta’ tiġieġ li jbidu li jkunu bdew ibidu fl-1 ta’ Jannar 2014, biex tiġi posposta l-projbizzjoni tal-użu ta’ gaġeġ mhux arrikkiti għal perjodu ta’ mhux aktar minn 12-il xahar minn dik id-data. Sostituzzjoni tal-gaġeġ matul iċ-ċiklu ta’ tiġieġ li jbidu b’hekk għandha tiġi evitata. Sabiex tkun evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, bajd li ġej minn stabbilimenti li jużaw gaġeġ mhux arrikkiti għandhom jitqiegħdu fuq is-suq biss fis-suq lokali tal-Majott. Sabiex jiġu ffaċilitati l-kontrolli neċessarji, bajd prodott f’gaġeġ mhux arrikkiti għandu jkollu marka speċjali.

(5)       Fir-rigward tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma[7], l-implimentazzjoni kif imiss ta’ din id-Direttiva rigward pjanijiet ta’ ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar jeħtieġ li Franza tadotta u timplimenta pjanijiet ta’ ġestjoni li fihom miżuri tekniċi u amministrattivi biex jiksbu stat tajjeb tal-ilma għal, u biex tipprevjeni d-deterjorazzjoni tal-korpi kollha tal-ilmijiet tal-wiċċ. Perjodu biżżejjed ta’ żmien jeħtieġ li jingħata għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri.

(6)       Fir-rigward tad-Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2006 dwar l-immaniġġar tal-kwalità tal-ilma għall-għawm u li tħassar id-Direttiva 76/160/KEE[8], l-istat attwali tal-ilmijiet tal-wiċċ fil-Majott jitlob titjib konsiderevoli sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dik id-Direttiva. Il-kwalità tal-ilmijiet għall-għawm tiddependi direttament fuq it-trattament tad-drenaġġ urban mormi, u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/7/KE jistgħu biss jiġu mħarsa progressivament ladarba agglomerazzjonijiet li jaffettwaw il-kwalità ta’ drenaġġ urban jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/271/KEE. Għalhekk, limiti speċifiċi ta’ żmien jeħtieġu li jiġu adottati sabiex jippermettu lil Franza biex tilħaq l-istandards tal-Unjoni rigward il-kwalità tal-ilma għall-għawm fil-Majott.

(7)       Fil-qasam tal-politika soċjali, għandu jittieħed kont tad-diffikultajiet ta' konformità mad-Direttiva 2006/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar il-ħtiġijiet minimi ta' saħħa u sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jirriżultaw mill-aġenti fiżiċi (radjazzjoni ottika artifiċjali)[9] fil-Majott mill-1 ta’ Jannar 2014. Ma hemm l-ebda faċilità teknika disponibbli fil-Majott għall-implimentazzjoni ta’ miżuri meħtieġa biex ikunu konformi ma’ dik id-Direttiva f’dak il-qasam ta’ radjazzjoni ottika artifiċjali. Għalhekk, huwa possibbli li tagħti deroga lil Franza minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva sal-31 ta’ Diċembru 2017, sakemm dawk l-istrutturi mhumiex disponibbli fil-Majott u mingħajr preġudizzju għall-prinċipji ġenerali ta’ protezzjoni u prevenzjoni fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

(8)       Sabiex tiggarantixxi livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, il-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali għandha tiġi żgurata, ir-riskji li jirriżultaw mid-deroga għandhom jitnaqqsu għal minimu u l-ħaddiema kkonċernati għandhom jibbenefikaw minn tisħiħ fis-sorveljanza tas-saħħa. Huwa importanti li jitnaqqas it-tul tad-deroga kemm jista’ jkun. Għalhekk, il-miżuri ta’ deroga nazzjonali għandhom jiġu riveduti kull sena u rtirati hekk kif iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikawhom ma jibqgħux jeżistu.

(9)       Fir-rigward tad-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transfruntiera[10], it-traspożizzjoni tagħha teħtieġ numru ta’ adattamenti biex tkun żgurata l-kontinwità tal-kura u informazzjoni lill-pazjenti. Huwa għalhekk xieraq li Franza tingħata perjodu addizzjonali ta’ 30 xahar mill-1 ta’ Jannar 2014 biex iddaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jikkonformaw ma’ dik id-Direttiva fir-rigward tal-Majott.

(10)     Id-Direttivi 91/271/KEE, 1999/74/KEE, 2000/60/KEE, 2006/7/KE, 2006/25/KE u 2011/24/UE għandhom għalhekk jiġu emendati kif xieraq,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1 Emendi għad-Direttiva 91/271/KE

Id-Direttiva 91/271/KE hija emendata kif ġej:

(1)          Fl-Artikolu 3, jidħol il-paragrafu 1a li ġej:

'(1a)  Permezz ta’ deroga mill-ewwel u t-tieni sentenzi tal-paragrafu 1, fir-rigward tal-Majott, Franza għandha tiżgura li l-agglomerazzjonijiet kollha jkunu pprovduti b’sistemi ta’ ġbir għad-drenaġġ urban mormi:

- sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020 għal agglomerazzjonijiet ta’ aktar minn 10 000 p.e., li se jkopru mill-inqas 70 % tat-tagħbija ġġenerata fil-Majott;

- sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2027 għall-agglomerazzjonijiet kollha.

(2)          Fl-Artikolu 4, jidħol il-paragrafu 1a li ġej:

'(1a)  Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, fir-rigward tal-Majott, Franza għandha tiżgura li d-drenaġġ urban mormi li jidħol f’sistemi ta’ ġbir hu, qabel ma jkun skarigat, suġġett għal trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti:

- sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020 għal agglomerazzjonijiet ta’ aktar minn 15 000 p.e., flimkien ma' dawk l-agglomerazzjonijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 5 (2a), li se jkopru mill-inqas 70 % tat-tagħbija ġġenerata fil-Majott;

- sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2027 għall-agglomerazzjonijiet kollha. '

(3)          L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)        Għandu jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

'(2a)  Permezz ta' deroga mill-paragrafu 2, fir-rigward tal-Majott, Franza għandha tiżgura li d-drenaġġ urban mormi li jidħol f’sistemi ta’ ġbir hu, qabel ma jkun skarigat, suġġett għal trattament iktar strett minn dak deskritt fl-Artikolu 4:

- sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020 għal agglomerazzjonijiet ta’ aktar minn 10 000 p.e., flimkien ma' dawk l-agglomerazzjonijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 4(1a), li se jkopru mill-inqas 70 % tat-tagħbija ġġenerata fil-Majott;

- sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2027 għall-agglomerazzjonijiet kollha.

(4)          L-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

(a)        Fil-paragrafu 1 għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Permezz ta' deroga mill-ewwel subparagrafu, fir-rigward tal-Majott, Franza għandha tistabbilixxi programm għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva sat-30 ta’ Ġunju 2014.”

(b)        Fil-paragrafu 2 għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Permezz ta' deroga mill-ewwel subparagrafu, fir-rigward tal-Majott, Franza għandha tipprovdi lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar il-programm sal-31 ta’ Diċembru 2014.”

Artikolu 2 Emenda tad-Direttiva 1999/74/KE

Fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/74/KE, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

‘3. Permezz ta' deroga mill-paragrafu 2, fil-Majott, tiġieġ li jbidu li jkunu bdew ibidu fl-1 ta’ Jannar 2014 u mrobbija f’dik id-data f’gaġeġ kif imsemmi f’dan il-Kapitolu jistgħu jkomplu jiġu mrobbija f’dawn il-gaġeġ sal-31 ta’ Diċembru 2014.

Mill-1 ta’ Jannar 2014, l-ebda gaġġa bħal dawk li għalihom saret referenza f’dan il-Kapitolu ma tista’ tinbena jew tiddaħħal f’servizz għall-ewwel darba fil-Majott.

Il-bajd li ġej minn stabbilimenti li jrabbu tiġieġ li jbidu fil-gaġeġ kif imsemmi f’dan il-Kapitolu għandhom jitqiegħdu biss fis-suq lokali tal-Majott. Dak il-bajd u l-pakki tagħhom għandhom ikunu identifikati b’mod ċar b’marka speċjali, li jippermettu l-kontrolli neċessarji. Deskrizzjoni ċara ta’ dan l-immarkar speċjali għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Jannar 2014.”

Artikolu 3

Emendi lid-Direttiva 2000/60/KE

Id-Direttiva 2000/60/KE hija emendata kif ġej:

(1)          L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)     fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fir-rigward tal-Majott, il-limitu ta’ żmien imsemmi fil-punti (a)(ii), (a)(iii), (b)(ii) u (c) għandu jkun it-22 ta’ Diċembru 2021.”

(b)     fil-paragrafu 4, is-sentenza tal-introduzzjoni għandha tinbidel b’dan li ġej:

“Il-limiti ta’ żmien stabbiliti skont il-paragrafu 1 jistgħu jiġu estiżi għall-finijiet ta’ kisba tal-għanijiet f’fażijiet għal korpi ta’ ilma, sakemm ma titfaċċax aktar deterjorazzjoni fl-istat ta’ korp tal-ilma affettwat meta l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ntlaħqu: '

(2)          L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)     fil-paragrafu 7, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fir-rigward tal-Majott, il-limiti taż-żmien imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu t-22 ta’ Diċembru 2015 u t-22 ta’ Diċembru 2018 rispettivament.”

(b)     fil-paragrafu 8, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fir-rigward tal-Majott, il-limitu taż-żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun it-22 ta’ Diċembru 2021.”

(3)          L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)     fil-paragrafu 6, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fir-rigward tal-Majott, il-limitu taż-żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun it-22 ta’ Diċembru 2015.”

(b)     fil-paragrafu 7, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fir-rigward tal-Majott, il-limitu taż-żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun it-22 ta’ Diċembru 2021.”

Artikolu 4 Emendi għad-Direttiva 2006/7/KE

Id-Direttiva 2006/7/KE hija emendata kif ġej:

(1)          L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)     fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fir-rigward tal-Majott, il-limitu taż-żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun il-31 ta’ Diċembru 2019.”

(b)     fil-paragrafu 3, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fir-rigward tal-Majott, il-limitu taż-żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun il-31 ta’ Diċembru 2031.”

(2)          Fl-Artikolu 6(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fir-rigward tal-Majott, il-limitu taż-żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun it-30 ta' Ġunju 2015.”

(3)          Fl-Artikolu 13(2), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fir-rigward tal-Majott, il-limitu taż-żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun it-30 ta' Ġunju 2014.”

Artikolu 5 Emenda tad-Direttiva 2006/25/KE

Fid-Direttiva 2006/25/KE, l-Artikolu 14 a li ġej huwa mdaħħal:

“Artikolu 14a

1.           Mingħajr preġudizzju għall-prinċipji ġenerali ta’ protezzjoni u prevenzjoni fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, Franza tista’ sal-31 ta’ Diċembru 2017 tidderoga mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex tikkonforma ma’ din id-Direttiva fil-Majott sakemm tali applikazzjoni teħtieġ faċilitajiet tekniċi speċifiċi u li dawn il-faċilitajiet ma jkunux disponibbli fil-Majott.

L-ewwel subparagrafu ma japplikax għall-obbligi fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-Direttiva kif ukoll għal dawk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li jirriflettu l-prinċipji ġenerali stabbiliti fid-Direttiva 89/391/KEE.

2.           Kull deroga minn din id-Direttiva li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ miżuri li kienu jeżistu fl-1 ta’ Jannar 2014 jew mill-adozzjoni ta’ miżuri ġodda għandha tkun preċeduta minn konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali skont il-liġijiet u l-prattika nazzjonali. Dawn id-derogi għandhom ikunu applikati b'kundizzjonijiet li jiggarantixxu, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi partikolari prevalenti fil-Majott, li r-riskji li jirriżultaw għall-ħaddiema għandhom jitnaqqsu għall-minimu possibbli u li l-ħaddiema kkonċernati jibbenefikaw minn sorveljanza msaħħa tas-saħħa.

3.           Il-miżuri ta’ deroga nazzjonali għandhom jiġu riveduti kull sena, wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, u għandha tiġi rtirata hekk kif iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikawhom ma għadhomx jeżistu.”

           

Artikolu 6 Emenda tad-Direttiva 2011/24/KE

Fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/24/UE, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

'3. Permezz ta' deroga mill-ewwel sentenza tal-paragrafu 1, Franza għandha ddaħħal fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex tkun konformi ma’ din id-Direttiva fir-rigward tal-Majott sat-30 ta’ Ġunju 2016.”

Artikolu 7

Traspożizzjoni

1.         Franza għandha tadotta u tippubblika l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva kif ġej:

(a) fir-rigward tal-Artikolu 1(1), (2) u (3), sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2018;

(b) fir-rigward tal-Artikolu 1(4), sad-dati msemmija fil-punti (a) u (b) rispettivament;

(c) fir-rigward tal-Artikolu 2, sal-1 ta’ Jannar 2014;

(d) fir-rigward tal-Artikolu 3(1), sal-31 ta' Diċembru 2018;

(e) fir-rigward tal-Artikolu 3(2) u (3), sad-dati msemmija hemmhekk;

(f) fir-rigward tal-Artikolu 4(1)(a), sal-31 ta' Diċembru 2018;

(g) fir-rigward tal-Artikolu 4(1)(b), sat-30 ta' Ġunju 2021;

(h) fir-rigward tal-Artikolu 4(2) u (3), sad-dati msemmija hemmhekk;

(i) fir-rigward tal-Artikolu 5, sal-1 ta’ Jannar 2014, sakemm Franza ma tagħmilx użu mill-possibbiltà prevista f’dak l-Artikolu;

(j) fir-rigward tal-Artikolu 6, sad-data msemmija hemmhekk;

B'hekk Franza għandha tikkomunika minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta Franza tadotta dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza mal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Franza se tiddetermina kif għandha ssir tali referenza.

2.         Franza għandha tikkomunika lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li tadotta fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 8 Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 9 Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU L 204, 31.7.2012, p. 131.

[2]               ĠU C , , p. .

[3]               ĠU C , , p. .

[4]               ĠU L 204, 31.7.2012, p. 131.

[5]               ĠU L 135, 30.5.1991, p. 1.

[6]               ĠU L 203, 3.8.1999, p. 53.

[7]               ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

[8]               ĠU L 64, 4.3.2006, p. 37.

[9]               ĠU L 114, 27.4.2006, p. 38.

[10]             ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45.