52013PC0416

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat /* COM/2013/0416 final - 2008/0243 (COD) */


2008/0243 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar

l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat

1.           Sfond

Id-data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (id-dokument COM(2008) 820 finali/2 – 2008/0243 (COD)) || 6 ta' Diċembru 2008

Id-data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni: || Ġunju, Ottubru 2009, rispettivament

Id-data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: || 6 ta' Mejju 2009

Id-data prevista għall-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill: (id-dokument COM(2008) 820 finali/2 – 2008/0243 (COD)) || 7 ta’ Ġunju 2013

2.           L-għan tal-proposta mill-Kummissjoni

Il-proposta temenda r-Regolament ta’ Dublin tal-2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, u għandha l-għan li ttejjeb l-effiċjenza tas-sistema u, li tiżgura li l-bżonnijiet tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali huma indirizzati b’mod komprensiv skont il-proċedura li tiddetermina r-responsabbiltà. Barra minn hekk, din kellha l-għan li tindirizza sitwazzjonijiet ta' pressjoni partikolari fuq il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza tal-Istati Membri u s-sistemi tal-ażil, kif ukoll sitwazzjonijiet fejn ma hemmx livell adegwat ta’ protezzjoni għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali.

3.           Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

Wara l-proposta tal-Kummissjoni emendata f’Diċembru 2008, intlaħqet pożizzjoni komuni fuq livell politiku mill-koleġiżlaturi fuq il-partijiet sostantivi tal-abbozz tar-Regolament f'Lulju 2012. Permezz ta’ vot ta’orjentazzjoni l-COREPER approvat informalment il-pożizzjoni komuni fit-18 ta’ Lulju 2012 u l-Kumitat LIBE fid-19 ta’ Settembru 2012. Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ atti implimentati u delegati fir-Regolament ta’ Dublin, fl-14 ta’ Novembru intlaħaq ftehim politiku, approvata mill-Kumitat LIBE fis-27 ta’ Novembru 2012 permezz ta’ vot ta’ orjentazzjoni.

Il-COREPER approvat il-pożizzjoni komuni dwar ir-Regolament kollu ta’ Dublin fis-27 ta’ Novembru.

Fit-30 ta’ Novembru, il-President tal-LIBE bagħat ittra lill-Kunsill PRES li tindika li jekk il-Kunsill jittrażmetti formalment it-test kif miftiehem, matul is-sessjoni plenarja tal-PE li jmiss, se jirrakkomanda lill-membri tal-Kumitat LIBE u sussegwentement lill-Plenarju biex jadottaw l-pożizzjoni komuni mingħajr emendi.

Id-differenzi ewlenin bejn il-pożiżżjoni komuni u l-proposta tal-Kummissjoni tal-2008 huma kif ġej hawn taħt.

I. It-titjib fl-effiċjenza tas-sistema

Il-proposta tal-Kummissjoni ppreservat l-istess prinċipju ġenerali li r-responsabbiltà biex tkun eżaminata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tinsab f’idejn l-Istat Membru li kellu l-ikbar parti fid-dħul jew fir-residenza tal-applikant fit-territorji tal-Istati Membri, soġġetta għall-eċċezzjonijiet maħsuba biex jipproteġu l-unità tal-familja. B’mod partikolari l-proposta introduċit skadenzi sabiex jitressqu talbiet ta' teħid lura u naqset iż-żmien ta’ skadenza għat-tweġibiet għat-talbiet għall-informazzjoni. Iż-żmien ta’ skadenza għat-tweġibiet għat-talbiet fuq raġunijiet umanitarji ġie introdott u ġie ċċarat li talbiet bħal dawn jistgħu jsiru fi kwalunkwe ħin. Il-klawsoli dwar it-tmiem tar-responsabbiltà ġew iċċarati partikolarment fir-rigward taċ-ċirkustanzi li fihom għandhom japplikaw il-klawsoli tat-tmiem. Ġew miżjuda regoli dwar it-trasferimenti żbaljati u l-ispejjeż tat-trasferimenti.

Il-pożizzjoni komuni tillimita l-possibbiltà li wieħed jagħmel talba għal raġunijiet umanitarji għall-perjodu ta’ qabel l-ewwel deċiżjoni fis-sustanza. Il-Kummissjoni tifhem din il-bidla bħala prevenzjoni tal-abbuż f’forma ta’ applikazzjoni ripetuta fil-każ li l-ewwel deċiżjoni dwar is-sustanza hija negattiva. L-iskadenzi għas-sottomissjoni ta’ talbiet, għat-tweġibiet ta’ talbiet u għat-twettiq ta' trasferimenti tnaqqsu f’każ ta’ persuni miżmuma taħt raġuni speċifika tal-proċedura ta’ Dublin (ara hawn taħt punt c).)

II. It-titjib tal-protezzjoni tal-applikanti skont il-proċedura ta’ Dublin

Sospensjoni tat-trasferimenti/sistema ta’ twissija bikrija

Il-proposta tal-Kummissjoni kellha l-għan li tistabbilixxi proċedura eċċezzjonali biex jiġu sospiżi t-trasferimenti ta’ Dublin lejn Stat Membru partikolari, matul perjodu temporanju, f’żewġ sitwazzjonijiet distinti: fil-każ ta’ pressjoni partikolari u biex ikun żgurat li l-applikanti kollha għall-protezzjoni internazzjonali jirċievu livell adegwat ta’ protezzjoni fl-Istati Membri kollha.

Il-pożizzjoni komuni ma tapprovax l-introduzzjoni tat-tali mekkaniżmu fir-Regolament ta' Dublin bil-biża’ li dan jista’ jirriżulta f’fattur li jiġbed l-migrazzjoni irregolari, inkoraġġiment biex l-Istati Membri li ma jirrispettawx l-obbligi tagħhom taħt il-liġi tal-UE.

Il-pożizzjoni komuni ssostitwiet id-dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni ta' trasferimenti b’iffissar ta’ twissija bikrija, tħejjija u sistema ta’ amministrazzjoni ta’ kriżi. Din is-sistema tiffoka fuq id-ditezzjoni u l-indirizzar tal-għerq tal-kawżi tal-problemi li jistgħu jiżviluppaw fi kriżijiet tal-ażil. Hija tirrinforza wkoll il-lingwa fuq is-solidarjetà u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, flimkien mal-Art 3(2)bis il-ġdid, tiżgura l-istess livell ta' protezzjoni għall-applikanti kif maħsub skont il-proposta tal-Kummissjoni għal sospensjoni tat-trasferimenti u għalhekk l-għanijiet tal-proposta tal-Kummissjoni huma milħuqa.

Rimedju effettiv kontra deċiżjoni ta’ trasferiment

L-ebda dispożizzjonijiet ma jeżistu fir-Regolament attwali ta’ Dublin dwar rimedju effettiv. Il-proposta tal-Kummissjoni wasslet għal tliet innovazzjonijiet ewlenin tas-sistema attwali: 1. Hi stabbilixxiet d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni ta’ trasferiment, 2. Hi introduċiet ir-Regola li l-awtoritajiet għandhom jeżaminaw ex-officio l-ħtieġa li tissospendi l-infurzar ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment u li l-persuna kkonċernata tibqa’ fit-territorju sakemm tittieħed deċiżjoni dwar in-neċessità li wieħed jissospendi t-trasferiment, u 3. Hi pprovdiet li l-assistenza u/jew ir-rappreżentanza legali għandha tkun ħielsa jekk il-persuna kkonċernata ma tistax taffordja l-ispejjeż li nvolviet.

Rigward l-effetti sospensivi, il-pożizzjoni komuni tipprevedi s-sistema abbażi ta’ opzjoni li ġejja:

(1) L-effett ta’ sospensjoni awtomatika (fejn jiġi ppreżentat appell, il-persuna hija dejjem mogħtija d-dritt li tibqa’ fit-territorju sakemm l-appell ikun iġġudikat);

(2) L-effett ta’ sospensjoni awtomatika għal perjodu limitat ta’ żmien (l-istess bħall-ewwel, biss li qorti jew tribunal hu mitlub li jagħti ġudizzju dwar jekk l-applikant jeħtieġx li jibqa’ fit-territorju tul l-appell, f’perjodu taż-żmien determinat minn qabel; dak il-perjodu għandu jkun suffiċjenti biex jippremetti skrutinju mill-qrib u rigoruż tat-talba);

(3) Effett sospensiv fuq talba (li bih is-sospensjoni tat-trasferiment mhiex awtomatikament applikata għall-applikanti kollha li qed jappellaw d-deċiżjoni ta’ trasferiment, imma għal dawk biss li jistaqsu għaliha; it-trasferiment huwa konsegwentement sospiż għall-perjodu ta’ żmien li fih il-qorti jew it-tribunal huwa mistenni li jesprimi ruħu dwar il-kwistjoni).

Barra minn hekk, ġiet introdotta dispożizzjoni ġdida, li tipprevedi li applikant ma jistax jiġi trasferit fi Stat Membru fejn hemm riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali. Fuq kollox, l-għanijiet tal-Kummissjoni kienu ppriżervati billi kien żgurat li f'kull każ qorti jew tribunal se jeżamina jekk il-persuna tistax tiġi trasferita jew le, filwaqt li l-persuna tibqa’ fit-territorju.

Fir-rigward ta’ assistenza legali b’xejn, il-pożizzjoni komuni tipprevedi test tal-merti magħmul minn awtorità amministrattiva, akkumpanjata minn salvagwardji addizzjonali għall-applikanti, essenzjalment tiggarantixxi d-dritt li wieħed jappella kontra rifjut għal għajnuna legali b’xejn quddiem qorti jew tribunal.

Il-Kummissjoni tqis li dawn is-salvagwardji huma biżżejjed biex jiżguraw livell adegwat ta’ rimedju effettiv għall-applikant, anke fejn assistenza legali b’xejn hija kkunsidrata fuq talba, minħabba li l-applikant jista’ dejjem jappella l-qorti jew it-tribunal fuq id-deċiżjoni li ma tingħatax assistenza legali mingħajr ħlas. Barra minn hekk, test tal-merti huwa fattur importanti biex jgħin Stati Membri jevitaw l-abbuż minn applikazzjonijiet mhux iġġustifikati għal assistenza mingħajr ħlas.

Detenzjoni

Bħalissa ma jeżistu l-ebda dispożizzjonijiet speċifiċi dwar id-detenzjoni ta’ persuni li jinstabu taħt il-proċedura ta’ Dublin. Il-proposta tal-Kummissjoni kellha l-għan li tiżgura li d-detenzjoni ta’ persuni matul il-proċedura ta’ Dublin ma tkunx arbitrarja, billi tintroduċi l-kondizzjonijiet u l-garanziji prinċipali li ġejjin: persuna ma tistax tinżamm f’detenzjoni għall-unika raġuni li tkun applikant għall-protezzjoni internazzjonali; persuna soġġetta għal deċiżjoni ta’ trasferiment tista’ wkoll tkun detenuti meta hemm riskju sinifikanti li wieħed jaħrab (definita fit-test); id-detenzjoni ma tistax idum aktar minn dak li huwa b’mod raġonevoli neċessarju sabiex ikunu sodisfatti l-proċeduri amministrattivi biex ikun eżegwit it-trasferiment; il-garanziji u l-kondizzjonijiet tad-detenzjoni kif previst skont id-Direttiva dwar il-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza ġew ripetuti fir-Regolament ta’ Dublin.

Matul in-negozjati l-avviċinament tqies li, għal raġunijiet ta’ koerenza, huwa aħjar li wieħed ikollu d-dispożizzjonijiet kollha meħtieġa dwar garanziji applikabbli għal persuni f’detenzjoni u l-kondizzjonijiet tad-detenzjoni flimkien fi strument tal-ażil wieħed biss – id-Direttiva dwar il-kondizzjonijiet ta' akkoljenza. Ir-raġuni u l-kondizzjonijiet speċifiċi ta’ Dublin biss jeħtieġ li jiġu definiti fir-Regolament ta’ Dublin innifsu.

Il-pożizzjoni komuni tirrifletti dan il-punt u tipprevedi:

– ir-referenza għad-Direttiva dwar il-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza, li l-garanziji u l-kondizzjonijiet tad-detenzjoni japplikaw għal persuni detenuti waqt il-proċedura ta’ Dublin, flimkien ma’ kjarifika li persuna taħt il-proċedura ta’ Dublin tista’ tkun detenuta biss għal raġuni relatata ma’ Dublin;

– l-introduzzjoni tal-prinċipju li persuna ma tistax tkun detenuti biss għar-raġuni li hija soġġetta għall-proċedura ta’ Dublin (b’hekk wieħed jestendi l-ambitu tal-protezzjoni lil eks-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, qabel taħt l-ambitu tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, li issa jista’ jibbenefika minn protezzjoni akbar);

– l-introduzzjoni ta’ limiti ċari taż-żmien għal kull parti tal-proċedura ta’ Dublin, li tiżgura li persuna ma tistax tkun detenuti għal kollox għal aktar minn 3 xhur (inkella l-proċedura ta’ Dublin tista’ ddum sa 11-il xahar), jew inkella il-persuna tkun ħielsa. Iż-żmien ta’ detenzjoni jqis perjodi ta’ żmien differenti taħt effett sospensiv, li issa jistgħu jkunu iqsar mill-perjodu tal-appell, u b’hekk jiġi żgurat li persuna ma tkunx b’mod abbużiv miżmuma f’detenzjoni għal żmien itwal mill-effetti sospensivi.

Il-pożizzjoni komuni tissodisfa l-għanijiet tal-proposta tal-Kummissjoni u anki tmur lil hinn minn dan, billi tipprevedi perjodu massimu ta’ detenzjoni ta’ tliet xhur.

Persuni vulnerabbli – il-minorenni u d-dipendenti

Il-proposta tal-Kummissjoni ġabet emendi varji fuq ir-Regolament attwali ta’ Dublin sabiex jiżdied il-livell ta’ protezzjoni għall-minorenni, b’mod partikolari għall-minorenni mhux akkumpanjati. B’mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni tal-membri tal-familja, il-proposta tal-Kummissjoni ġiet estiża sa tliet lati: 1. Din tneħħi l-kondizzjoni għall-minorenni li wieħed ikun dipendenti sabiex jiġi rikonoxxut bħala membru tal-familja tal-applikant; 2. Ipprevediet il-possibbiltà għat-tfal minorenni miżżewġin li għandhom "membri tal-familja" fejn huwa fl-aħjar interess tagħhom li jgħixu mal-applikant, u 3. Inkludiet l-aħwa minorenni tal-applikant li mhumiex miżżewġin, meta l-applikant huwa minorenni u mhux miżżewweġ.

Dwar id-dipendenti, id-dispożizzjonijiet ta’ qabel tal-klawsoli umanitarji ġew introdotti fil-ġerarkija tal-kriterji, fil-bidu ta’ dawn il-kriterji, flimkien ma dawk relatati mal-familja.

Il-pożizzjoni komuni tinkludi premessa ġdida li tagħmilha ċara li d-drittijiet u l-garanziji applikabbli għall-applikanti skont id-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil tkopri wkoll il-persuni taħt il-proċedura ta’ Dublin, soġġetti għall-limitazzjonijiet tal-ambitu applikabbli għar-Renju Unit u l-Irlanda. Dan jillimita l-ambitu ta’ familja għall-familja nukleari, kif miftiehem fid-Direttiva dwar il-Kwalifika, imma jintroduċi referenzi għall-membri tal-familja estiża fl-Artikoli rilevanti. Hija taċċetta li tinkludi minorenni miżżewġin fid-definizzjoni ta’ minorenni mhux akkumpanjati. Tintroduċi definizzjoni tat-terminu "relattiv", li jirreferi għaz-ziju, iz-zija jew in-nanniet tal-minorenni. Dan jipprevedi l-obbligu għall-Istati Membri li jkunu proattivi u jibdew ifittxu għall-familja ta’ minorenni mhux akkompanjat. Hija tippermetti ir-riunifikazzjoni ta’ minorenni mhux akkumpanjati miżżewweġ bil-familja u bl-aħwa, meta hu/hi ma jkunx/tkunx akkumpanjat/akkumpanjata mill-konjuġi.

Rigward il-kriterju relattiv għal persuni dipendenti, huwa mċaqlaq ’l barra mill-ġerarkija tal-kriterji, skont in-norma “għandu normalment”.

Fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ minorenni mhux akkumpanjat mingħajr familja jew qraba fit-territorju tal-UE, il-pożizzjoni komuni tipprevedi li l-Istat Membru responsabbli huwa dak fejn il-minorenni jkun iddepożita l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Dikjarazzjoni hija mehmuża mal-abbozz tar-Regolament, li jipprovdi li l-Kummissjoni se tressaq proposta ġdida dwar din il-kwistjoni malli l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea se tkun tat is-sentenza tagħha dwar il-każ preliminari C-648/11, li jirrifletti r-riżultat ta’ din is-sentenza:

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistiednu lill-Kummissjoni biex tikkunsidra, mingħajr preġudizzju lejn id-dritt tagħha ta’ inizjattiva, reviżjoni tal-Artikolu 8(4) tar-riformulazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin ladarba l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-każ C-648/11 MA u oħrajn vs. Secretary of State for the Home Department u sa mhux aktar tard miż-żmien stipulat fl-Artikolu 41 tar-Regolament ta’ Dublin. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill mbagħad se jeżerċitaw l-kompetenzi leġiżlattivi tagħhom, li jieħdu kont tal-aħjar interessi tat-tfal. Il-Kummissjoni, fi spirtu ta’ kompromess u sabiex tiżgura l-adozzjoni immedjata tal-proposta, taċċetta li tikkunsidra din l-istedina, li hija tifhem bħala limitata għal dawn iċ-ċirkostanzi speċifiċi u mhux toħloq preċedent.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-pożizzjoni komuni tiżgura l-livell ta' protezzjoni previst mill-proposta tal-Kummissjoni u saħansitra ġġib standards ta’ merħba f'ċerti aspetti (eż. tiżgura riunifikazzjoni mingħajr kondizzjonijiet tal-aħwa ta' kwalunkwe età jew status legali mingħajr ħlas ta’ kondizzjonalità addizzjonali ). Il-fatt li l-kunċett ta’ qraba ta’ minorenni mhux akkumpanjat issa huwa definit jagħmilha aktar faċli biex tissorvelja l-implimentazzjoni tagħha fil-prattika.

Fir-rigward tad-dipendenti, il-pożizzjoni komuni tista’ tiġi aċċettata peress li, għalkemm issa dan il-kriterju tħalla barra il-ġerarkija, din tidher taħt dispożizzjoni obbligatorja, soġġetta għal deroga f’sitwazzjonijiet straordinarji biss. Il-kliem preżenti jinvolvi li, ħlief għal dispożizzjonijiet aktar favorevoli, id-dipendenti għandhom jinżammu/jitpoġġew flimkien mal-familja.

Id-dritt għall-informazzjoni u intervista personali

Il-proposta tal-Kummissjoni wessgħet u mmodifikat d-dispożizzjonijiet attwali dwar l-informazzjoni, biex tispeċifika l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta lill-applikant bil-miktub, b’lingwa li huwa/hi jifhem/tifhem jew li b’mod raġonevoli huwa maħsub li jifhem/tifhem, u biex tippreveni l-opportunità għal intervista personali sabiex l-applikant ikun mgħarraf dwar din il-proċedura u biex tiġbor informazzjoni neċessarja biex tiddetermina l-Istat Membru responsabbli.

Il-pożizzjoni komuni tagħmel l-intervista personali obbligatorja soġġetta għall-eċċezzjonijiet limitati, u ddaħħal l-obbligu li wieħed jinforma lill-applikant mhux biss fuq il-kriterji, iżda wkoll fuq il-ġerarkija tagħha, inkluż il-fatt li l-applikazzjoni tista’ tispiċċa tiġi eżaminata minn Stat Membru li mhux dak responsabbli taħt il-ġerarkija tal-kriterji (il-klawsola tas-sovranità), kif ukoll dwar il-fatt li l-persuna tista’ titlob is-sospensjoni tat-trasferiment.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-pożizzjoni komuni tiżgura livell tajjeb ta’ informazzjoni tal-applikant, kemm bil-miktub kif ukoll permezz ta’ intervista obbligatorja, u għalhekk fil-parti l-kbira tissodisfa l-għanijiet tal-Kummissjoni.

III. Atti delegati u ta’ implimentazzjoni

Il-proposta tal-Kummissjoni kienet tressqet qabel it-Trattat ta’ Liżbona u għalhekk ma ppreveditx fl-għoti tas-setgħat għall-Kummissjoni biex tadotta atti delegati jew implimentattivi. Madankollu, il-proposta pprevediet referenzi għall-proċedura stabbilita skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE (proċedura regolatorja) fir-rigward tal-adozzjoni ta’ fuljett komuni, id-dispożizzjonijiet dwar minorenni u dipendenti, il-formula standard biex jintbagħtu t-talbiet biex jieħdu ħsieb jew jieħdu lura, il-listi ta' prova u x-xhieda, il-laissez-passer, għat-twaqqif tan-netwerk ta’ komunikazzjoni elettronika, kif ukoll taħt l-Artikolu 5(a) tal-istess Deċiżjoni (proċedura regolatorja bi skrutinju) fir-rigward tar-regoli supplementari għar-riunifikazzjoni tal-minorenni jew persuni dipendenti bil-familja u qraba, dwar l-eżekuzzjoni ta’ trasferimenti u dwar li jiġu milħuqa l-ispejjeż tat-trasferimenti.

Meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni komuni żżomm il-possibbiltà li tadotta atti ta’ implimentazzjoni għall-kwistjonijiet kollha li għalihom il-Kummissjoni pproponiet proċeduri ta’ implimentazzjoni, li din żiditilha s-setgħa li tadotta ċertifikat tas-saħħa komuni u formola standard għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-membri tal-familja u qraba tal-minorenni.

Barra minn hekk, il-pożizzjoni komuni tipprevedi s-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati li fihom regoli supplementari dwar ir-riunifikazzjoni ta’ minorenni u persuni dipendenti mal-familja u l-qraba; premessa tenfasizza li l-Kummissjoni għandha twettaq konsultazzjonijiet ma’ esperti, inklużi l-awtoritajiet nazzjonali relevanti kollha. Il-possibbiltà li wieħed jadotta regoli supplementari dwar l-ispejjeż tat-trasferimenti ma ntlaqgħetx minħabba li l-Kunsill jikkunsidra li r-regoli tal-Att Bażiku huma biżżejjed f’dan ir-rigward. Fir-rigward tat-trasferimenti, il-pożizzjoni komuni tipprevedi biss il-possibbiltà li tadotta regoli uniformi ta’ implimentazzjoni, iżda mhux regoli supplementari. Il-perjodu mogħti lill-Parlament u lill-Kunsill biex possibbilment joġġezzjonaw għal att delegat adottat mill-Kummissjoni ġie stabbilit għal erba’ xhur, li jistgħu jiġu estiżi bl-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill b’sentejn oħra.

Fir-rigward tas-setgħa li tadotta atti implimentattivi, il-pożizzjoni komuni tipprevedi limitazzjoni fis-setgħat tagħha, billi tipprovdi li l-Kummissjoni ma tistax tadotta att li qed jassisti fejn il-Kumitat ma jagħtix opinjoni dwar l-abbozz tal-proposta. Il-Kummissjoni għamlet Dikjarazzjoni f’dan ir-rigward, li għandha tkun annessa mat-test finali:

Il-Kummissjoni ssostni li huwa kontra l-kliem u t-tifsira tar-Regolament 182/2011 (ĠU L 55 tat-28.2.2011, p. 13) li tinvoka l-Artikolu 5 § 4, is-subparagrafu 2, il-punt (b) b'mod sistematiku. Ir-rikors għal din id-dispożizzjoni għandu jittieħed f’każ ta’ ħtieġa speċifika li wieħed jiddevja mir-regola ta’ prinċipju li hija li l-Kummissjoni tista’ tadotta abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni meta ma tingħata l-ebda opinjoni. Meta wieħed iqis li din hija eċċezzjoni għar-regola ġenerali stabbilita bl-Artikolu 5 § 4, ir-rikors għas-subparagrafu 2, il-punt (b) ma jistax jidher sempliċiment bħala "setgħa diskrezzjonali" tal-Leġiżlatur, iżda għandu jiġi interpretat b'mod ristrett u għaldaqstant għandu jiġi ġustifikat.

Fl-aħħarnett, Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni tiċċara li, meta tipproponi atti ta’ implimentazzjoni f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tirispetta l-istandards dwar it-trasferimenti kif imniżżel fir-Regolament 1560/2003:

Fl-applikazzjoni tar-Regolament preżenti, il-Kummissjoni ttenni li, meta tipproponi kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar trasferimenti kif previst taħt ir-Regolament attwali, hija ser tiżgura li l-istandards attwali dwar it-trasferimenti, kif stabbiliti f’l-Artikoli 7-10 tar-Regolament tal-Kummissjoni 1560/2003 tat-2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, se jiġi rrispettat.

4.           Konklużjoni

Il-Pożizzjoni komuni tissodisfa l-għan ewlieni tal-proposta tal-Kummissjoni. B’mod partikolari hija żżid il-valur mal-istandards attwali tat-trattament tal-applikanti skont il-proċedura ta’ Dublin. Tiggarantixxi d-dritt tagħhom għall-informazzjoni u l-aċċess għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjonijiet tat-trasferiment u tintroduċi regoli ċari dwar id-detenzjoni u l-aċċess għall-assistenza legali b’xejn, kwistjonijiet li l-istrument attwali ma jindirizzax. Hija tipprovdi ambjent aktar prevedibbli għar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u iktar kondizzjonijiet favorevoli biex jerġgħu jingħaqdu persuni vulnerabbli, partikolarment il-minorenni mhux akkumpanjati, mal-familja tagħhom jew qraba. Is-sostanza tal-pożizzjoni tal-Kunsill hi, għalhekk fil-biċċa l-kbira tagħha, konformi mal-proposta tal-Kummissjoni u għalhekk tista’ tiġi appoġġjata.