KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar Il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-istandards għall-akkoljenza ta' dawk li jfittxu ażil /* COM/2013/0415 final - 2008/0244 (COD) */
2008/0244 (COD) KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar Il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar
l-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi
l-istandards għall-akkoljenza ta' dawk li jfittxu ażil 1. L-isfond Data ta’ trażmissjoni tal-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (dokument COM(2008) 815 finali/2 - 2008/0244 (COD) || 9 ta’ Diċembru 2008 Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: || 16 ta’ Lulju 2009 Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: || 7 ta’ Mejju 2009 Data tat-trażmissjoni tal-proposta emendata: || 6 ta’ Ġunju 2011 Data prevista għall-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill: (dokument COM(2011)320 finali -2008/0244 (COD) || 7 ta’ Ġunju 2013 2. Għan
tal-proposta mill-Kummissjoni Il-proposta
temenda d-Direttiva tal-2003 tal-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza li
tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu
l-ażil, u timmira li tiżgura standards aħjar u aktar armonizzati
ta’ trattament. B’mod partikolari, hija tindirizza l-kwistjoni
tar-raġunijiet għad-detenzjoni u tinkludi lista estensiva ta’ regoli
u garanziji. Hija ssaħħaħ l-aċċess
għall-impjiegi, is-sostenn materjali, il-kura tas-saħħa, u
l-assistenza legali, il-provvista ta’ rappreżentanza għall-minorenni
mhux akkumpanjati, l-identifikazzjoni tal-bżonnijiet speċjali kif
ukoll tiffaċilita r-rwol tal-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni.
3. Kummenti
dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill Wara
l-proposta emendata tal-Kummissjoni f’Ġunju 2011, li kellha
l-għan li żżomm kont tal-progress li kien sar fin-negozjati sa
dak iż-żmien, intlaħaqet pożizzjoni komuni fil-livell
politiku bejn il-koleġiżlaturi
fit-28 ta’ Ġunju 2012. Il-COREPER approva b’mod unanimu
il-pożizzjoni komuni fil-11 ta' Lulju 2012. Il-Kumitat LIBE
b’mod informali wkoll approvaha nhar id-19 ta’ Settembru 2012
permezz ta’ vot ta’ orjentazzjoni [51 vot favur, erba’ (4) kontra u tliet (3)
astensjonijiet]. Fl-20 ta’ Settembru, il-President tal-LIBE
bgħat ittra lill-Kunsill tal-PRES li tindika li jekk il-Kunsill jadotta
l-pożizzjoni komuni mingħajr tibdil, se jirrakkomanda lill-Membri
tal-Kumitat tal-LIBE u sussegwentement lill-Plenarju biex jadottaw
il-pożizzjoni komuni mingħajr emendi. Id-differenzi
ewlenin bejn il-pożiżżjoni komuni u l-proposta emendata
tal-Kummissjoni 2011 huma kif jidher hawn taħt. Definizzjoni
ta’ membri tal-familja – Artikolu 2(c) Il-proposta
tal-Kummissjoni estendiet id-definizzjoni ta’ membri tal-familja sa fejn huma
kkonċernati l-minorenni. B’mod partikolari, din tinkludi it-tfal minorenni
miżżewġin tal-applikant, it-tfal minorenni tal-applikant
minorenni, u l-ġenituri jew adulti oħra responsabbli mill-minorenni.
Fil-każijiet kollha, tkopri kemm minorenni miżżewġa u mhux
miżżewġa. Il-pożizzjoni
komuni ma tapprovax din id-definizzjoni, iżda waħda iktar restrittiva
kif miftiehem fil-proposta emendata tad-Direttiva dwar il-Kwalifika. Madankollu,
id-definizzjoni ta’ membri tal-familja fid-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet
ta’ Akkoljenza tikkonċerna biss l-arranġamenti ta' akkomodazzjoni, u
b’mod partikolari d-dritt tal-membri tal-familja li jiġu
alloġġjati flimkien. Peress li l-pożizzjoni komuni tinkludi
wkoll salvagwardji f'dispożizzjonijiet oħrajn li jiżguraw
id-drittijiet tal-minorenni, miżżewwġin jew mhux
miżżewwġin, fir-rigward tad-drittijiet ta’ akkomodazzjoni
tagħhom, l-għanijiet tal-proposta tal-Kummissjoni huma sodisfatti
b’mod sħiħ. Identifikazzjoni tal-bżonnijiet speċjali ta’ akkoljenza ta'
persuni vulnerabbli, l-Artikolu 22, Premessa 14 Il-pożizzjoni
komuni għad fiha l-għanijiet tal-proposta tal-Kummissjoni li
jikkonċernaw it-trattament ta’ din il-kategorija ta' applikanti.
Għalkemm il-kliem ġie emendat sostanzjalment f’negozjati, inżamm
l-obbligu li jkunu evalwati l-ħtiġijiet individwali tal-applikanti
kollha, bil-ħsieb li persuna vulnerabbli tkun identifikata u għalhekk
tista’ teħtieġ garanziji ta' akkoljenza speċjali. L-emendi
introdotti fil-proposta tal-Kummissjoni prinċipalment jimmiraw li
jindirizzaw it-tħassib li l-proċedura ta’ identifikazzjoni tista’
toħloq spejjeż amministrattivi sproporzjonati u proċeduri
amministrattivi mhux meħtieġa. Huma għalhekk jiċċaraw
l-ambitu tal-applikazzjoni tal-proċess ta’ identifikazzjoni iżda ma
jirrestrinġuhx. Kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza - Artikolu 17(5),
Premessa 20 Il-pożizzjoni
komuni għad fiha l-obbligu inkluż fil-proposta tal-Kummissjoni li
l-Istati Membri japplikaw punt ta’ referenza nazzjonali meta jikkalkulaw
il-livell meħtieġ ta’ għajnuna materjali għall-applikanti
tal-ażil. Bħala eżempju ta’ tali punt ta’ referenza, il-proposta
tal-Kummissjoni stipulat l-għajnuna ta’ benessri soċjali minima
pprovduta liċ-ċittadini nazzjonali. Dan l-eżempju ma nżammx
fil-pożizzjoni komuni minħabba tħassib li dan jista’
awtomatikament iwassal għal trattament indaqs bejn persuni li jfittxu
l-ażil u ċittadini nazzjonali, f'dan ir-rigward. Billi din
ir-referenza kienet inkluża biss bħala eżempju, jekk titħassar
id-dispożizzjoni kkonċernata dan ma jkollu ebda effett
għall-obbligu stabbilit fiha. Kura tas-saħħa – Artikolu 19 Il-pożizzjoni
komuni għad fiha l-għan tal-proposta tal-Kummissjoni f’dan
ir-rigward, peress li tiżgura standards aħjar dwar il-kura
tas-saħħa għall-applikanti kollha, inklużi persuni
vulnerabbli. Il-pożizzjoni komuni sempliċement tissostitwixxi
r-referenza "disturbi posttrawmatiċi" b'"disturbi mentali
serji"; din il-bidla ma tirrestrinġix l-ambitu ta’ din
id-dispożizzjoni. Tnaqqis jew irtirar ta' kundizzjonijiet materjali ta' akkoljenza:
Artikolu 20, Premessa 21 Il-pożizzjoni
komuni hija aktar restrittiva mill-proposta tal-Kummissjoni dwar din
il-kwistjoni, f 'aspett wieħed; b’mod partikolari, hija terġa’
tintroduċi r-raġuni inkluża fid-Direttiva attwali li tippermetti
tnaqqis/irtirar ta’ appoġġ skont ir-raġunijiet kollha previsti
fl-Artikolu 20 tad-Direttiva meta l-applikazzjoni għall-ażil
tkun saret inġustifikabbilment tard wisq. Madankollu,
r-raġuni introdotta mill-ġdid reġgħet inkitbet biex ikunu
inqas ambizzjuża minn dik attwalment fis-seħħ. B’mod
partikolari, hija tippermetti biss it-tnaqqis ta’ appoġġ u mhux
l-irtirar sħiħ u ġġiegħel lill-Istati Membri biex
l-ewwel "jistabbilixxu" li d-dewmien kien mingħajr "raġunijiet
ġustifikabbli". Hija tiddikjara wkoll li fil-każijiet kollha,
għall-applikanti għandhom jiġu żgurati "livelli ta’
ħajja dinjituża". Fl-aħħarnett, il-pożizzjoni
komuni għad fiha l-obbligu biex jiġi żgurat l-aċċess
għall-appelli kontra deċiżjoni li tirtira/tnaqqas
l-appoġġ flimkien ma’ aċċess għal talba għal
għajnuna legali b’xejn, kif stipulat fil-proposta tal-Kummissjoni. Aċċess għas-suq- tax-xogħol-Artikolu 15,
Premessa 19 Il-pożizzjoni
komuni hija aktar ristrettiva mill-proposta tal-Kummissjoni dwar il-perjodu
massimu ta’ żmien li warajh jingħata l-aċċess għall-impjieg
[9 xhur minflok 6, kif propost mill-Kummissjoni, u biss jekk ma tkunx
ħarġet deċiżjoni tal-ewwel istanza fi żmien dak
il-perjodu]. Tintroduċi wkoll il-possibbiltà li jiġi applikat it-test
tas-suq tax-xogħol, li tħassar mill-proposta tal-Kummissjoni. Fl-istess
ħin, tiżgura standards ogħla ta’ protezzjoni mid-Direttiva
attwali li tippermetti aċċess biss wara perjodu ta’ 12-il xahar.
Barra minn hekk, il-pożizzjoni komuni għad fiha l-obbligu inkluż
fil-proposta tal-Kummissjoni għall-Istati Membri biex jiġi
żgurat li filwaqt li jistgħu jiġu imposti l-kundizzjonijiet dwar
l-aċċess għall-impjieg, fil-prattika dawn m’għandhomx ikunu
daqstant ristrettivi li effettivament jimpedixxu l-aċċess
għall-impjieg. Detenzjoni Ta’
min jinnota li, bl-eċċezzjoni ta’ xi prinċipji ġenerali,
id-Direttiva fis-seħħ ma tinkludix regoli dwar id-detenzjoni.
Għalhekk, il-pożizzjoni komuni, li fil-biċċa l-kbira
għad fiha l-għanijiet tal-proposta tal-Kummissjoni, iġġib
valur miżjud għoli meta mqabbla mal-istandards attwali. a. Ir-raġunijiet għad-detenzjoni - Artikolu 8(3) Il-pożizzjoni
komuni żżid raġuni oħra għad-detenzjoni
mal-erbgħa (4) proposti mill-Kummissjoni. Ir-raġuni addizzjonali
tippermetti d-detenzjoni ta’ persuna li tfittex l-ażil jekk l-awtoritajiet
nazzjonali jistgħu jissostanzjaw, fuq il-bażi ta' kriterji
oġġettivi, inkluża dik li l-persuna kellha l-opportunità li
tapplika għall-ażil qabel iżda naqset milli tagħmel dan, li
l-intenzjoni kienet sempliċement li ttellef il-proċedura tar-ritorn. Il-pożizzjoni
komuni, il-lista tar-raġunijiet żżommha eżawrjenti.
Tinkludi wkoll is-salvagwardji ġenerali kollha introdotti fil-proposta
tal-Kummissjoni [id-detenzjoni tapplika biss jekk tkun proporzjonata,
meħtieġa, jekk l-alternattivi kkunsidrati eċċ.]. b. garanziji għad-detenzjoni – Artikolu 9 Il-pożizzjoni
komuni għad fiha, sa ċertu punt, il-garanziji proposti
mill-Kummissjoni, partikolarment dwar l-aċċess għal
għajnuna legali b’xejn, informazzjoni dwar ir-raġunijiet
għad-detenzjoni u l-possibilitajiet għall-appell. Madankollu, ma
tipprevedix reviżjoni ġudizzjarja awtomatika tal-ordni tad-detenzjoni
jekk tinħareġ mill-awtoritajiet amministrattivi. Fl-istess ħin,
f’każijiet bħal dawn, il-pożizzjoni komuni tobbliga lill-Istati
Membri biex mill-inqas jinformaw lill-applikant bil-miktub dwar id-drittijiet
tiegħu li jressaq appell kontra l-ordni ta' detenzjoni, u jekk tali appell
jiġi ppreżentat, biex jiżguraw li jiġi pproċessat
malajr. c. Detenzjoni ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali ta' akkoljenza
- Artikolu 11 L-Artikolu 11(1)
tal-proposta emendata tal-Kummissjoni li jipprojbixxi lill-Istati Membri li
jżommu persuni vulnerabbli sakemm ma jkunx stabbilit li
saħħithom, inkluża s-saħħa mentali tagħhom, u
l-benesseri, ma jkunux se jiddeterjoraw b’mod sinifikanti bħala
riżultat tad-detenzjoni tħassar fil-pożizzjoni komuni. Minflok,
il-pożizzjoni komuni tiddikjara li “is-saħħa, inkluża
s-saħħa mentali, tal-applikanti detenuti li huma persuni vulnerabbli
għandha tkun ta’ interess primarju għall-awtoritajiet
nazzjonali" u li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsir
monitoraġġ regolari u jingħata appoġġ adegwat li jqis
is-sitwazzjoni partikolari tagħhom, inkluża saħħithom. L-Artikolu 11(1)
irid jitqies flimkien mal-Artikolu 22, li jobbliga lill-Istati Membri biex
jivvalutaw mingħajr dewmien is-sitwazzjoni tal-applikanti kollha li jaslu
fit-territorju bil-ħsieb li jiġu identifikati l-bżonnijiet
speċjali tagħhom, inkluż f'termini ta' saħħa u stat
psikoloġiku. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 22 jista’ wkoll jgħin
biex jiżgura li l-għanijiet tal-Artikolu 11(1) jintlaħqu. Barra
minn hekk, l-Artikolu 11 m’għadhux jirreferi għall-obbligu li
jiġi żgurat li d-detenzjoni ma tiġix applikata sakemm ma jkunx
stabbilit li din hija skont l-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal.
Madankollu, l-Artikolu 23 tad-Direttiva jgħid li l-aħjar
interessi tat-tfal għandhom ikunu l-konsiderazzjoni primarja
għall-Istati Membri meta jimplimentaw id-dispożizzjonijiet
tal-liġi dwar il-minorenni, kif ukoll stipulat fil-Konvenzjoni tan-NU dwar
id-Drittijiet tat-Tfal. F’dan ir-rigward, id-Direttiva għad fiha l-obbligu
li jiġi żgurat li l-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal
jiġi rrispettat fil-każi kollha, inkluża d-detenzjoni. Fl-aħħarnett,
il-pożizzjoni komuni tħassar ir-referenza minn "partikolarment
eċċezzjonali" għal "partikolarment". Madankollu,
il-prinċipju li jiġi żgurat li d-detenzjoni tal-minorenni tkun
applikata biss eċċezzjonalment għadu fit-test. d. Kundizzjonijiet għad-detenzjoni - Artikolu 10 Il-pożizzjoni
komuni m’għadx fiha l-obbligu li tiġi żgurata dejjem
is-separazzjoni tal-applikanti għall-ażil minn ċittadini
oħra ta’ pajjiżi terzi waqt id-detenzjoni, kif propost
mill-Kummissjoni, iżda biss "sa fejn jista’ jkun". Madankollu,
huwa żgurat li f’każijiet bħal dawn l-applikanti jkunu taħt
reġim differenti minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi u xorta
jistgħu jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ta' akkoljenza
speċifiċi stipulati fid-Direttiva. Barra
minn hekk, il-pożizzjoni komuni tippermetti lill-Istati Membri li, b’mod
eċċezzjonali, jirrikorru għall-akkomodazzjoni f'ħabsijiet
jekk ikunu "obbligati" peress li “ma jistgħux" jużaw
faċilitajiet ta’ detenzjoni speċjali; il-proposta tal-Kummissjoni
biss ippermettiet l-użu ta’ faċilitajiet ta’ detenzjoni meta
l-postijiet f'faċilitajiet speċjali jkunu eżawriti.
Il-pożizzjoni komuni tiżgura madankollu li f’każijiet bħal
dawn, l-applikanti għandhom jinżammu mifrudin mill-priġunieri
ordinarji. Il-bqija
tal-garanziji inklużi mill-proposta tal-Kummissjoni għadhom hemm,
jiġifieri li jigi żgurat l-aċċess għal attivitajiet
ta’ rikreazzjoni, inklużi fil-beraħ,drittijiet ta’ żjarat u ta’
komunikazzjoni għall-UNHCR, NGOs, il-membri tal-familja u konsulenti
legali, u l-aċċess għall-informazzjoni fuq it-tħaddim
tal-faċilità tad-detenzjoni. Appelli (għajnuna u rappreżentanza legali bla ħlas) -
Artikolu 26 Il-pożizzjoni
komuni milħuqa hija aktar restrittiva mill-proposta tal-Kummissjoni fuq
żewġ punti. L-ewwelnett hija tinkludi raġuni oħra
għall-aċċess ta’ għajnuna legali b'xejn infurmata
mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jiġifieri meta "huwa
meħtieġ biex jiġi żgurat aċċess effettiv
għall-ġustizzja." It-tieni, tintroduċi “it-test
tal-mertu" (infurmata permezz tal-każistika tal-ECtHR) li jippermetti
lill-imħallfin li jirrifjutaw l-aċċess għall-għajnuna
legali b’xejn jekk huma jikkunsidraw li l-appell mhu se jkollu l-ebda ċans
ta’ suċċess. Fl-istess
ħin, iż-żewġ elementi miżjuda huma konformi
bis-sħiħ mal-każistika li qed tiżviluppa u l-obbligi
eżistenti tal-Istati Membri li jikkonċernaw aċċess effettiv
għall-ġustizzja. Fil-każijiet kollha, il-qorti l-ewwel se
jkollha tivvaluta l-livell ta’ toqol tal-proċeduri legali u
l-kapaċità tal-persuna li josservahom u l-livell tas-severità
tas-sanzjonijiet involuti bil-ħsieb li jiġi deċiż jekk
għajnuna legali b'xejn hiex meħtieġa. Għalkemm fil-każ
tal-applikanti jkun diffiċli li tipprova li din l-għajnuna mhijiex
meħtieġa (mhux konxji mil-lingwa, il-proċediment legali
nazzjonali, eċċ.), jista’ jkun hemm każijiet fejn
l-aċċess għall-għajnuna legali jista’ jitqies mill-Qorti
bħala sproporzjonat (jiġifieri tnaqqis żgħir ta’ flus
fil-but li ma jaffettwax id-drittijiet fundamentali tiegħu). 4. Konklużjoni Il-pożizzjoni
komuni tissodisfa kompletament l-għan ewlieni tal-proposti
tal-Kummissjoni. Hija iġġib valur miżjud lill-istandards attwali
ta’ trattament u livell ogħla ta' armonizzazzjoni dwar il-kundizzjonijiet
ta’ akkoljenza għal dawk li jfittxu ażil. Tintroduċi wkoll
regoli dwar id-detenzjoni u aċċess għal għajnuna legali
b’xejn, kwistjonijiet li l-istrumenti tal-ażil attwali ma jindirizzawx.
Is-sustanza tal-pożizzjoni tal-Kunsill hija għalhekk,
fil-biċċa l-kbira tagħha, konformi mal-proposta tal-Kummissjoni
u tista' tiġi appoġġjata.