52013PC0404

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea /* COM/2013/0404 final - 2013/0185 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1.        Kuntest ġenerali

Ir-Regolament Nru 1/2003[1] jagħti effett lir-regoli tal-UE li jipprojbixxu l-ftehimiet antikompetittivi (inklużi l-kartelli) u l-abbużi ta’ pożizzjonijiet dominanti (“ir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni”) li huma stabbiliti fl-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”), billi jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (national competition authorities - “NCAs”) u l-qrati nazzjonali japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet f’każijiet individwali.

Ir-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-NCAs setgħat biex japplikaw l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat[2]. Il-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq impriżi li jkunu kisru dawn id-dispożizzjonijiet[3]. Is-setgħat tal-NCAs huma stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003. L-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni mill-Kummissjoni u l-NCas hija magħrufa b’mod komuni bħala l-infurzar pubbliku tal-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni.

Flimkien mal-infurzar pubbliku, l-effett dirett tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat ifisser li dawn id-dispożizzjonijiet joħolqu drittijiet u obbligi għall-individwi, li jistgħu jiġu infurzati mill-qrati nazzjonali tal-Istati Membri[4]. Dan huwa msejjaħ l-infurzar privat tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni.

Il-pretensjonijiet għad-danni għall-ksur tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat jikkostitwixxu qasam importanti tal-infurzar privat tal-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni. Minn dan l-effett dirett tal-projbizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat isegwi li kull individwu jista' jitlob kumpens għall-ħsara mġarrba, fejn ikun hemm rabta kawżali bejn dik il-ħsara u l-ksur tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni[5]. Il-partijiet milquta għandhom ikunu jistgħu jfittxu kumpens mhux biss għat-telf reali mġarrab (damnum emergens) iżda wkoll għall-gwadann li ġew imċaħħda minnu (telf ta’ profitti jew lucrum cessans) kif ukoll l-imgħax[6]. Il-kumpens għall-ħsara kkawżata mill-ksur tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni ma jistax jinkiseb permezz tal-infurzar pubbliku. L-għoti ta’ kumpens huwa barra mill-qasam ta’ kompetenza tal-Kummissjoni u l-NCAs u fil-kompetenza tal-qrati nazzjonali u tal-liġi u l-proċedura ċivili.

Il-konformità mar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni għalhekk hija żgurata permezz tal-infurzar pubbliku b’saħħtu ta’ dawn ir-regoli mill-Kummissjoni u l-NCAs, flimkien mal-infurzar privat mill-qrati nazzjonali.

1.2.        Raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Din il-proposta għandha l-għan li tiżgura l-infurzar effettiv tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni billi

(i)           li tiġi ottimizzata l-interazzjoni bejn l-infurzar pubbliku u privat tal-liġi dwar il-kompetizzjoni; kif ukoll

(ii)          li jiġi żgurat li l-vittmi tal-ksur tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni jistgħu jiksbu l-kumpens sħiħ għall-ħsara li jkunu ġarrbu.

L-ottimizzazzjoni tal-interazzjoni bejn l-infurzar pubbliku u privat tal-liġi dwar il-kompetizzjoni

L-infurzar globali tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni huwa garantit l-aħjar permezz tal-infurzar pubbliku u privat kumplimentari. Madankollu, il-qafas legali eżistenti ma jirregolax tajjeb l-interazzjoni bejn iż-żewġ aspetti tal-infurzar tal-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni.

Impriża li tikkunsidra li tikkoopera ma' awtorità tal-kompetizzjoni fil-kuntest tal-programm tagħha ta' klemenza (li fih l-impriża tistqarr il-parteċipazzjoni tagħha f’kartell biex tkun tista' tikseb l-immunità jew it-tnaqqis tal-multa), ma tistax tkun taf fiż-żmien tal-kooperazzjoni tagħha jekk il-vittmi tal-ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni se jkollhomx aċċess jew le għall-informazzjoni li tkun ipprovdiet b'mod volontarju lill-awtorità tal-kompetizzjoni. B’mod partikolari, fis-sentenza tagħha Pfleiderer tal-2011 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (aktar ’il quddiem: "il-Qorti")[7], iddikjarat li, fin-nuqqas tal-liġi tal-UE, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi fuq il-bażi tal-liġi nazzjonali u skont il-każ jekk għandhiex tippermetti d-divulgazzjoni tad-dokumenti, inklużi d-dokumenti tal-klemenza. Meta tieħu tali deċiżjoni, il-qorti nazzjonali għandha tikseb bilanċ bejn l-interess li jiġi protett l-infurzar pubbliku effettiv tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u l-interess li jiġi żgurat li d-dritt għal kumpens sħiħ jista' jiġi eżerċitat b'mod effettiv. Dan jista’ jwassal għal diskrepanzi bejn l-Istati Membri u anke fi ħdanhom fir-rigward tad-divulgazzjoni tal-evidenza mill-fajls tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-inċertezza li tirriżulta dwar jekk l-informazzjoni relatata mal-klemenza tkunx tista' tiġi divulgata x'aktarx li tinfluwenza l-għażla ta' impriża li tikkoopera jew le mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fil-programm ta’ klemenza tagħhom. Fin-nuqqas ta’ azzjoni li hija legalment vinkolanti fil-livell tal-UE, l-effettività tal-programmi ta’ klemenza — li jikkostitwixxu strumenti importanti ħafna fl-infurzar pubbliku tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni — tista' għalhekk tiġi kompromessa serjament mir-riskju ta' divulgazzjoni ta' ċerti dokumenti fl-azzjonijiet għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali.

Il-ħtieġa li tiġi rregolata l-interazzjoni tal-infurzar privat u pubbliku ġiet ikkonfermata fit-tweġibiet tal-partijiet interessati għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-White Paper tal-2008 dwar azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust ("White Paper")[8] u l-konsultazzjoni tal-2011 dwar approċċ Ewropew koerenti għar-rimedju kollettiv[9]. Ir-Riżoluzzjoni ta' Mejju 2012 tal-Kapijiet tal-Awtoritajiet tal-Kompetizzjoni Ewropej enfasizzat ukoll l-importanza tal-protezzjoni tal-materjal ta' klemenza fil-kuntest tal-azzjonijiet għad-danni ċivili[10]. Il-Parlament Ewropew enfasizza ripetutament li l-infurzar pubbliku fil-qasam tal-kompetizzjoni huwa essenzjali u talab lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-infurzar privat ma jikkompromettix l-effettività tal-programmi ta' klemenza jew tal-proċeduri ta' riżolviment[11].

L-ewwel għan ewlieni ta’ din il-proposta għalhekk huwa li tiġi ottimizzata l-interazzjoni bejn l-infurzar pubbliku u privat tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni, filwaqt li jiġi żgurat li l-Kummissjoni u l-NCAs ikunu jistgħu jżommu politika ta’ infurzar pubbliku b’saħħtu, u filwaqt li l-vittmi ta’ ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni jistgħu jiksbu kumpens tal-ħsara mġarrba.

L-iżgurar tal-eżerċizzju effettiv tad-dritt tal-vittmi għal kumpens sħiħ

It-tieni għan ewlieni huwa li jiġi żgurat li l-vittmi tal-ksur tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni jkunu jistgħu jiksbu b'mod effettiv kumpens għall-ħsara li ġarrbu.

Filwaqt li d-dritt għall-kumpens huwa ggarantit mit-Trattat innifsu u jifforma parti mill-acquis communautaire, l-eżerċizzju prattiku ta’ dan id-dritt huwa ħafna drabi diffiċli jew kważi impossibbli minħabba r-regoli u l-proċeduri applikabbli. Minkejja xi sinjali reċenti ta’ titjib f’xi Stati Membri, sa issa, il-maġġoranza tal-vittmi ta’ ksur tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni fil-prattika ma jieħdux kumpens għall-ħsara mġarrba.

Sa mill-2005, fil-Green Paper tagħha dwar Azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust[12] (“il-Green Paper”), il-Kummissjoni identifikat l-ostakoli ewlenin għal sistema aktar effettiva ta’ azzjonijiet għad-danni tal-antitrust. Illum, dawn l-istess ostakoli għadhom jeżistu fil-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri. Dawn jirrigwardaw

(i)           il-kisba tal-evidenza meħtieġa biex tingħata prova tal-każ;

(ii)          in-nuqqas ta’ mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv, speċjalment għall-konsumaturi u l-SMEs;

(iii)          in-nuqqas ta’ regoli ċari dwar id-difiża bbażata fuq it-trasferiment;

(iv)         in-nuqqas ta' valur probatorju ċar tad-deċiżjonijiet tal-NCA;

(v)          il-possibbiltà li titressaq azzjoni għad-danni wara li awtorità tal-kompetizzjoni tkun sabet ksur; kif ukoll

(vi)         kif tista' tiġi kkwantifikata l-ħsara tal-antitrust.

Minbarra dawn l-ostakoli sostantivi speċifiċi għall-kumpens effettiv, teżisti diversità kbira fir-rigward ir-regoli legali nazzjonali li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni tal-antitrust u li din id-diversità fil-fatt kibret fis-snin reċenti. Din id-diversità tista’ tikkawża inċertezza legali għall-partijiet kollha involuti f’azzjonijiet għad-danni tal-antitrust, li mbagħad twassal għal infurzar privat mhux effettiv tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, speċjalment fil-każijiet bejn il-fruntieri.

Bħala rimedju għal din is-sitwazzjoni, it-tieni għan ewlieni ta’ din il-proposta huwa li jiġi żgurat li fl-Ewropa kollha, il-vittmi tal-ksur tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni jkollhom aċċess għal mekkaniżmi effettivi għall-kisba ta’ kumpens sħiħ għall-ħsara li jkunu ġarrbu. Dan iwassal għal kundizzjonijiet aktar indaqs għall-impriżi fis-suq intern. Barra minn hekk, jekk il-possibbiltà li min jikser l-Artikoli 101 jew 102 tat-Trattat ikollu jħallas l-ispejjeż tal-ksur tiegħu tikber, dan mhux biss se jneħħi l-piż tal-ispejjeż mill-vittmi tal-imġiba illegali, iżda jkun ukoll ta' inċentiv għal konformità aħjar mar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni.

Sabiex jinkiseb dan l-għan, il-Kummissjoni ressqet proposti konkreti ta’ politika fil-White Paper tagħha tal-2008. Fil-konsultazzjoni pubblika li saret wara, is-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati istituzzjonali bħal pereżempju l-Parlament Ewropew[13] u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[14] laqgħu tajjeb dawn il-miżuri ta' politika u talbu għal leġiżlazzjoni speċifika tal-UE dwar l-azzjonijiet għad-danni tal-antitrust[15].

1.3.        Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

– Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102] tat-Trattat

· Skont l-Artikolu 2, il-piż tal-provi ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) jew tal-Artikolu 102 tat-Trattat għandha ġġorru l-parti li qed tallega l-ksur. Jekk il-parti li qed tiddefendi tapplika għall-benefiċċji tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat, din għandha ġġorr il-piż tal-provi li l-kundizzjonijiet ta’ dak il-paragrafu huma ssodisfati. Dawn ir-regoli japplikaw kemm għall-infurzar pubbliku kif ukoll għall-azzjonijiet ta’ kumpens tal-ħsara kkawżata minn ksur tal-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat.

· L-Artikolu 15(1) jipprevedi li fil-proċedimenti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat, il-qrati nazzjonali jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tagħtihom l-informazzjoni fil-pussess tagħha. L-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati tal-Istati Membri tal-UE fl-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat[16] jelabora fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni prattika ta’ din id-dispożizzjoni.

· L-Artikolu 16(1) jipprevedi li meta l-qrati nazzjonali jiddeċiedu dwar ftehimiet, deċiżjonijiet jew prattiki skont l-Artikolu 101 jew l-Artikolu 102 tat-Trattat li diġà huma s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni. Il-qrati nazzjonali għandhom ukoll jevitaw li jagħtu deċiżjonijiet li jkunu f’kunflitt ma deċiżjoni li tkun qed tqis il-Kummissjoni f’proċedimenti li tkun bdiet. Għal dan, il-qorti nazzjonali tista’ tivvaluta jekk huwiex meħtieġ li twaqqaf il-proċedimenti pendenti li jkollha.

– Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001 fih regoli dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet f’kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali[17]. Taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’dak ir-Regolament il-qrati tal-Istati Membri għandhom ġurisdizzjoni li jisimgħu każi ta’ azzjonijiet għad-danni tal-antitrust u s-sentenzi f’azzjonijiet bħal dawn huma rikonoxxuti u infurzati fi Stati Membri oħra.

– Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1206/2001 jirregola l-kooperazzjoni bejn il-qrati ta’ Stati Membri differenti fit-teħid ta’ evidenza f’kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, għaldaqstant jinkludi azzjonijiet għad-danni tal-antitrust[18].

– L-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fih regoli dwar il-liġi applikabbli f’azzjonijiet għad-danni tal-antitrust[19].

– Ir-Regolament 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[20] jistabbilixxi proċedura Ewropea għat-talbiet żgħar, maħsuba biex tissimplifika u tħaffef il-litigazzjoni fir-rigward tat-talbiet żgħar fil-każijiet bejn il-fruntieri, u biex tnaqqas l-ispejjeż.

– Id-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill teħtieġ lill-Istati Membri jipprevedu possibbiltà għall-medjazzjoni fil-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali kollha, u għaldaqstant tinkludi azzjonijiet għad-danni tal-antitrust[21].

– L-Artikolu 15(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004[22] jistabbilixxi li d-dokumenti li jinkisbu permezz tal-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni għandhom jintużaw biss għall-iskopijiet ta’ proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat. L-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-aċċess għall-fajl[23] jipprevedi regoli aktar dettaljati fir-rigward tal-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni u l-użu ta’ dawn id-dokumenti.

– L-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis tal-multi fil-każijiet ta' kartell (l-“Avviż ta’ Klemenza”)[24] fih regoli dwar il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi jistgħu jikkooperaw mal-Kummissjoni fil-qafas tal-programm ta’ klemenza tagħha sabiex jiksbu l-immunità minn multa jew inaqqsuha f’każ ta’ kartell. Fil-paragrafu 33 jistabbilixxi li l-aċċess għad-dikjarazzjonijiet korporattivi jiġi garantit biss lid-destinatarji ta' dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, sakemm — flimkien mar-rappreżentanti legali li jiksbu l-aċċess f’isimhom — ma jagħmlux kopja b’mezzi mekkaniċi jew elettroniċi tal-informazzjoni fid-dikjarazzjoni korporattiva u sakemm l-informazzjoni mid-dikjarazzjoni korporattiva tintuża biss għall-iskopijiet imsemmijin fl-Avviż ta’ Klemenza. Partijiet oħra bħal pereżempju l-ilmentaturi ma jingħatawx aċċess għad-dikjarazzjonijiet korporattivi. Din il-protezzjoni speċifika ta’ dikjarazzjoni korporattiva ma għadhiex ġustifikata meta l-applikant jiddivulga l-kontenut tagħha lil parti terza. Barra minn hekk, l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-mod ta' proċedimenti ta' riżolviment ta' tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli (l-“Avviż ta’ Riżolviment”)[25] jistabbilixxi l-qafas biex tiġi ppremjata l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni fit-twettiq tal-proċedimenti li bdew skont l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat fil-każijiet kartell ("il-proċedura ta’ riżolviment"). Il-paragrafu 39 tiegħu fih regoli dwar id-divulgazzjoni tas-sottomissjonijiet ta’ ftehim lill-qrati nazzjonali.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

2.1.        Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Kemm il-Green Paper tal-2005 kif ukoll il-White Paper tal-2008 taw bidu għal dibattitu wiesa’ fost il-partijiet interessati, u tressqu għadd kbir ta’ kummenti[26]. Il-konsultazzjonijiet pubbliċi wrew appoġġ wiesa’ għall-approċċ ġenerali tal-Kummissjoni li jippermetti l-azzjonijiet għad-danni tal-antitrust. Dawk li wieġbu laqgħu l-prinċipju ta’ gwida tal-kumpens u l-għażla konsegwenzjali li ma jissemmewx miżuri bħal azzjonijiet kollettivi bi stil Amerikan, skoperta qabel il-proċess jew danni multipli, li jsegwu prinċipalment għan ta’ deterrent. Kien hemm rikonoxximent wiesa’ tal-ostakoli li jxekklu vittmi ta’ ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni milli jsibu rimedju effettiv. Madankollu, ġew espressi opinjonijiet differenti dwar il-miżuri sostantivi li ssemmew sabiex jinsab rimedju għall-problemi.

Fl-2011, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika dwar approċċ Ewropew koerenti għar-rimedju kollettiv[27]. Fil-kuntest tat-tweġibiet tal-partijiet interessati u l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew[28], il-Kummissjoni għażlet approċċ orizzontali għal din il-kwistjoni milli l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kompetizzjoni dwar ir-rimedju kollettiv f'din il-proposta. L-adozzjoni ta' approċċ orizzontali tippermetti li jkun hemm regoli komuni dwar ir-rimedju kollettiv għall-oqsma kollha tal-politika li fihom ta' spiss issir ħsara mxerrda u li fihom huwa diffiċli għall-konsumaturi u l-SMEs li jiksbu kumpens għad-danni. Bħala l-ewwel pass ta' approċċ orizzontali għar-rimedju kollettiv, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni "Lejn Qafas Ewropew għar-Rimedju Kollettiv"[29] u Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar prinċipji komuni għal mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv inġuntivi u kumpensatorji fl-Istati Membri fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet mogħtija skont il-Liġi tal-Unjoni.[30]

Il-Kummissjoni wettqet ukoll konsultazzjoni pubblika fl-2011 dwar Abbozz ta’ Dokument ta’ Gwida dwar il-kwantifikazzjoni tal-ħsara tal-antitrust[31]. Dan joffri ħsibijiet dwar firxa ta’ metodi użati għall-kwantifikazzjonijiet tal-ħsara f'azzjonijiet għad-danni u jispjega l-qawwiet u d-dgħjufijiet ta' dawn il-metodi. Il-partijiet interessati istituzzjonali u oħrajn ġeneralment laqgħu l-idea li tiġi ppubblikata gwida mhux vinkolanti dwar il-kwantifikazzjoni tal-ħsara kkawżata minn ksur tal-antitrust[32].

2.2.        Ġbir u użu tal-għarfien espert estern

Il-Kummissjoni kkummissjonat studji esterni għat-tħejjija tal-Green Paper tal-2005[33], għall-White Paper tal-2008[34] u għall-Abbozz ta’ Dokument ta’ Gwida tal-2011 dwar il-kwantifikazzjoni tal-ħsara tal-antitrust[35].

2.3.        Valutazzjoni tal-impatt

Qabel id-Direttiva proposta saret Valutazzjoni tal-Impatt, li fil-parti l-kbira kompliet tibni fuq is-sejbiet tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-White Paper. B’mod partikolari, il-miżuri li kienu tħallew barra mill-White Paper minħabba li setgħu ma jkunux effettivi jew eċċessivament għaljin ma reġgħux ġew ikkunsidrati.

Ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt[36] iffoka fuq erba’ għażliet għal inizjattiva ta’ segwitu bl-għan li tiġi ottimizzata l-interazzjoni bejn l-infurzar privat u pubbliku tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u li jiġi żgurat qafas legali aktar effettiv għall-azzjonijiet għad-danni għall-ksur tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni fl-Ewropa kollha. Dawn varjaw bejn l-ebda azzjoni fil-livell tal-UE, approċċ ta’ liġi mhux vinkolanti u żewġ għażliet għal azzjoni tal-UE li torbot legalment.

L-għażla preferuta — li hija l-bażi ta’ din il-proposta għal Direttiva — hija meqjusa bħala l-mod l-aktar kosteffiċjenti biex jinkisbu l-grupp ta’ għanijiet. Din tqis b’mod dovut kemm il-kummenti ewlenin li waslu matul il-konsultazzjonijiet pubbliċi li twettqu matul dawn l-aħħar tmien snin kif ukoll l-iżviluppi ġudizzjarji u leġiżlattivi aktar reċenti fil-livell tal-UE u dak nazzjonali.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

3.1.        Bażi legali tal-proposta

L-għażla ta’ bażi legali għal miżura Ewropea għandha tkun ibbażata fuq fatturi oġġettivi li jistgħu jkunu soġġetti għal eżaminazzjoni ġudizzjarja. Dawn jinkludu l-għan u l-kontenut tal-miżura. Il-proposta attwali hija bbażata fuq l-Artikoli 103 u 114 tat-Trattat, minħabba li ssegwi żewġ miri ugwalment importanti, li huma marbuta b’mod indiviżibbli, li huma (a) li jiġu applikati l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat u (b) li jiġu żgurati kundizzjonijiet aktar indaqs għall-impriżi li jaħdmu fis-suq intern, u li jkun aktar faċli għaċ-ċittadini u n-negozji biex jużaw id-drittijiet li għandhom fis-suq intern.

Fir-rigward tal-ewwel għan, il-Qorti ċċarat li l-effettività sħiħa tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni, u, b’mod partikolari, l-effett prattiku tal-projbizzjonijiet li hemm fihom ikunu mhedda jekk ma tingħatax il-possibbiltà lil kull persuna titlob kumpens għad-danni għat-telf imġarrab lilha minn kuntratt jew imġiba li tista' tillimita jew tgħawweġ il-kompetizzjoni. Huwa meqjus li l-azzjonijiet għad-danni jsaħħu t-tħaddim tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u għalhekk jistgħu jagħtu kontribuzzjoni sinifikanti għaż-żamma ta' kompetizzjoni effettiva fl-UE[37]. Filwaqt li tipprova ttejjeb il-kundizzjonijiet li skonthom il-partijiet li jkunu ġarrbu ħsara jistgħu jitolbu kumpens għad-danni u tottimizza l-interazzjoni bejn l-infurzar privat u pubbliku tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE, din il-proposta tagħti effett b’mod ċar lil dawn id-dispożizzjonijiet. Dan ifisser li d-Direttiva proposta trid tkun ibbażata fuq l-Artikolu 103 tat-Trattat.

Madankollu, din il-bażi legali waħedha mhix biżżejjed, minħabba li kemm l-għan kif ukoll il-kontenut tad-Direttiva proposta jmorru lil hinn minn din il-bażi legali. Fil-fatt, l-għan tad-Direttiva proposta huwa usa' milli l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE. Id-diverġenza attwali tar-regoli nazzjonali li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni għall-ksur tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni, inkluża l-interazzjoni tat-tali azzjonijiet mal-infurzar pubbliku ta' dawk ir-regoli, ħolqot kundizzjonijiet mhux indaqs fis-suq intern. Dawn id-differenzi kbar diġà ġew deskritti fi studju kumparattiv tal-2004[38] u fil-White Paper tal-2008 u l-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanjaha. Minn dak iż-żmien, dawn id-differenzi żdiedu minħabba żviluppi ġudizzjarji u leġiżlattivi diverġenti f'għadd limitat biss ta' Stati Membri.

Eżempju wieħed ta’ diverġenza huwa r-regoli nazzjonali differenzi li japplikaw għall-aċċess għall-evidenza. Bl-eċċezzjoni ta' ftit mill-Istati Membri, in-nuqqas ta' regoli xierqa dwar id-divulgazzjoni ta' dokumenti fil-proċedimenti quddiem qorti nazzjonali jfisser li l-vittmi ta' ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, li qed jitolbu kumpens tal-ħsara mġarrba, ma għandhom l-ebda aċċess effettiv għall-evidenza. Eżempji oħrajn jikkonċernaw ir-regoli nazzjonali dwar it-trasferiment (fejn id-differenzi eżistenti jkollhom implikazzjonijiet kbar fuq il-kapaċità ta' xerrejja diretti/indiretti li jitolbu kumpens għad-danni b’mod effettiv u, bħala konsegwenza, fuq il-possibbiltajiet tal-konvenut li jevita l-kumpens għall-ħsara kkawżata), il-valur probatorju tad-deċiżjonijiet tal-NCA f’azzjonijiet għad-danni sussegwenti u tar-regoli nazzjonali li huma rilevanti għall-kwantifikazzjoni tal-ħsara tal-antitrust (pereżempju l-eżistenza ta’ suppożizzjoni ta’ ħsara).

Minħabba din id-diversità kbira tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, ir-regoli applikabbli f’xi Stati Membri jitqiesu mill-pretendenti bħala ħafna aktar xierqa biex iwasslu għal azzjoni għad-danni tal-antitrust f'dawk l-Istati Membri, aktar milli f'oħrajn. Dawn id-differenzi jwasslu għal inugwaljanzi u inċertezza fir-rigward tal-kundizzjonijiet li taħthom, il-partijiet li jkunu ġarrbu ħsara, ċittadini jew negozji, jistgħu jeżerċitaw id-dritt għall-kumpens li għandhom skont it-Trattat, u jaffettwaw l-effettività tat-tali dritt. Fil-fatt, meta r-regoli ġurisdizzjonali jippermettu li pretendent jittrasferixxi l-azzjoni tiegħu f'wieħed minn dawk l-Istati Membri "favorevoli" u meta dak il-pretendent ikollu r-riżorsi u l-inċentivi meħtieġa biex jagħmel hekk, għalhekk ikun aktar possibbli li jeżerċita d-dritt tal-UE tiegħu għall-kumpens milli meta ma jkunx jista' jittrasferixxiha. Billi l-partijiet li jkunu ġarrbu ħsara bi pretensjonijiet iżgħar u/jew inqas riżorsi għandhom it-tendenza li jagħżlu l-forum tal-Istat Membru ta' stabbiliment tagħhom biex jitolbu għal kumpens għad-danni (raġuni waħda hija li l-konsumaturi u n-negozji ż-żgħar b'mod partikolari ma jifilħux jagħżlu ġurisdizzjoni aktar favorevoli), ir-riżultat tad-diskrepanzi bejn ir-regoli nazzjonali jista' jkun kundizzjonijiet mhux indaqs fir-rigward tal-azzjonijiet għad-danni u jista' jaffettwa l-kompetizzjoni fis-swieq li fihom jaħdmu dawn il-partijiet li ġarrbu l-ħsara

B’mod simili, dawn id-differenzi kbar ifissru li l-impriżi stabbiliti u li jaħdmu fi Stati Membri differenti huma esposti għal livelli ta' riskju differenti b’mod sinifikanti li jkunu meqjusa responsabbli għal ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni. Dan l-infurzar mhux indaqs tad-dritt tal-UE għall-kumpens jista' jirriżulta f'vantaġġ kompetittiv għall-impriżi li ma rrispettawx l-Artikoli 101 jew 102 tat-Trattat, iżda li ma għandhomx il-kwartieri ġenerali tagħhom jew li mhumiex attivi f’wieħed mill-Istati Membri “favorevoli”. Bil-kuntrarju, l-infurzar mhux indaqs huwa diżinċentiv għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-istabbiliment u l-provvista tal-oġġetti jew tas-servizzi f’dawk l-Istati Membri fejn id-dritt għall-kumpens jiġi infurzat b’mod aktar effettiv. Id-differenzi fir-reġimi ta’ responsabbiltà għalhekk jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv il-kompetizzjoni u jistgħu jwasslu għal riskju ta' tgħawwiġ b’mod sostanzjali tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet aktar indaqs għall-impriżi li qegħdin jaħdmu fis-suq intern u sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet għall-partijiet li ġarrbu l-ħsara biex jeżerċitaw id-drittijiet li għandhom fis-suq intern, huwa xieraq li tiżdied iċ-ċertezza legali u li jitnaqqsu d-differenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward tar-regoli nazzjonali li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni tal-antitrust.

Il-punt sa fejn issir l-approssimazzjoni tar-regoli nazzjonali mhuwiex limitat għall-azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni, iżda wkoll tar-regoli nazzjonali dwar il-kompetizzjoni meta jiġu applikati b'mod parallel. B'mod partikolari, meta ksur li jkollu effet fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jikser ukoll il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni, l-azzjonijiet għad-danni bbażati fuqu għandhom jikkonformaw mal-istess standards stabbiliti għal ksur tal-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni.

L-approssimazzjoni tar-regoli sostantivi u proċedurali nazzjonali bl-għan li tintlaħaq kompetizzjoni mingħajr tgħawwiġ fis-suq intern u biex iċ-ċittadini u l-impriżi jkunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet u l-libertajiet li għandhom fih mhijiex biss anċillari għall-għan tal-iżgurar ta’ infurzar effettiv tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni. Din il-konklużjoni tirriżulta mhux biss mill-għanijiet, iżda wkoll mid-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva proposta. Il-kontenut tad-Direttiva proposta ma jistax jiġi kopert b’mod sħiħ mill-Artikolu 103 tat-Trattat minħabba li jimmodifika wkoll ir-regoli nazzjonali applikabbli li jikkonċernaw id-dritt li wieħed jitlob kumpens għad-danni minn ksur tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni, anke jekk dan huwa biss fir-rigward tal-imġiba antikompetittiva li għandha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li għaliha għalhekk tapplika b’mod indaqs il-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni[39]. Jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva proposta, li ġej mhux biss mill-għanijiet iżda wkoll mill-kontenut tal-istrument, imur lil hinn mill-fatt li jagħti effett lill-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat u jfisser li d-Direttiva proposta trid tkun ibbażata wkoll fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE.

Dawn l-għanijiet interdipendenti, iżda distinti, tad-Direttiva proposta ma jistgħux jintlaħqu b’mod separat, permezz tal-adozzjoni ta’ żewġ strumenti differenti. Pereżempju mhuwiex possibbli li tinqasam id-Direttiva proposta fi strument wieħed, ibbażat fuq l-Artikolu 103 tat-TFUE, li japprossima r-regoli nazzjonali fl-azzjonijiet għad-danni għal ksur tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE, u strument ieħor, ibbażat fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE, li jeħtieġ li l-Istati Membri japplikaw l-istess regoli sostantivi u proċedurali għall-azzjonijiet għad-danni għal ksur tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni. Din l-għażla ma tistax issir għal raġunijiet sostantivi u proċedurali.

Minn perspettiva sostantiva, ir-rabta inseparabbli bejn iż-żewġ għanijiet indipendenti ssaħħaħ il-miżuri konkreti li qed iwettquhom. Pereżempju, l-eċċezzjonijiet għad-divulgazzjoni u l-limitazzjonijiet tar-responsabbiltà jagħtu effett sħiħ lill-Artikoli 101 u 102 anke fil-pretensjonijiet ibbażati fuq ksur tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni, meta din tkun ġiet applikata b’mod parallel mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Barra minn hekk, minħabba l-ħtieġa ta' ċertezza legali u kundizzjonijiet indaqs fis-suq intern, l-istess regoli għandhom japplikaw għall-ksur tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni (meta dawn jiġu applikati b’mod parallel mar-regoli tal-UE). Minn perspettiva proċedurali, u biex ma jiġix affettwat il-bilanċ istituzzjonali fil-leġiżlatura tal-UE, l-uniku mod biex jinkisbu regoli uniformi għaż-żewġ sitwazzjonijiet huwa li jiġi adottat strument legali wieħed fl-istess proċedura.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-kontenut tal-inizjattiva mhumiex imqassma fi strumenti separati iżda huma indirizzati b’mod konġunt fid-Direttiva proposta, li għalhekk għandha tkun bbażata fuq iż-żewġ Artikoli 103 u 114 tat-Trattat.

3.2.        Prinċipju tas-sussidjarjetà (l-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea)

Id-Direttiva proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà minħabba li l-għanijiet tagħha ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri, u hemm ħtieġa ċara għal azzjoni tal-UE u valur ċar fiha. Att legalment vinkolanti fil-livell tal-UE jkun jista’ jiżgura aħjar li jingħata effett sħiħ lill-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat permezz ta’ standards komuni li jippermettu t-twettiq ta’ azzjonijiet effettivi għad-danni fl-UE kollha u li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet aktar indaqs fis-suq intern.

B’mod aktar speċifiku, id-Direttiva proposta tista’ titqies li hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà għar-raġunijiet li ġejjin:

· Hemm riskju sinifikanti li l-infurzar pubbliku effettiv mill-Kummissjoni u l-NCAs jiġi pperikolat fin-nuqqas ta’ regolamentazzjoni fl-UE kollha tal-interazzjoni bejn l-infurzar pubbliku u privat, u b’mod partikolari ta’ regoli Ewropea komuni dwar id-disponibbiltà tal-informazzjoni mill-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni għall-finijiet ta' azzjoni għad-danni. Il-punt jista’ jiġi spjegat b’mod l-aktar ċar fir-rigward tal-informazzjoni li l-impriżi taw b’mod volontarju lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fil-programm ta’ klemenza tagħhom. In-nuqqas ta’ prevedibbiltà li jirriżulta mill-fatt li kull qorti nazzjonali għandha tiddeċiedi fuq bażi ad hoc u skont ir-regoli nazzjonali applikabbli jekk għandhiex tagħti aċċess għal din l-informazzjoni li tirrigwarda l-klemenza jew le, ma jistax jiġi indirizzat b’mod xieraq minn leġiżlazzjoni nazzjonali — potenzjalment diverġenti. Fil-fatt, billi l-Kummissjoni u l-NCAs jistgħu jiskambjaw informazzjoni fin-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni, l-applikanti potenzjali għall-klemenza x’aktarx iqisu l-leġiżlazzjoni nazzjonali li toffri l-inqas livell ta’ protezzjoni (minħabba li jibżgħu li l-każ tagħhom jista’ jiġi deċiż minn dik l-NCA). Il-livell perċepit ta’ protezzjoni tal-informazzjoni li tirrigwarda l-klemenza għalhekk se jiġi stabbilit minn dik il-leġiżlazzjoni nazzjonali li toffri l-inqas livell ta’ protezzjoni, għad-detriment tar-regoli applikabbli fi Stati Membri oħra. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi stabbilit standard komuni għall-Istati Membri kollha għall-interazzjoni bejn l-infurzar pubbliku u privat. Dan jista' jsir biss fil-livell tal-UE.

· L-esperjenza turi li fin-nuqqas tal-leġiżlazzjoni tal-UE, il-maġġoranza tal-Istati Membri ma jipprevedux, fuq inizjattiva tagħhom stess, qafas effettiv għall-kumpens għall-vittmi tal-ksur tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat, kif meħtieġ ripetutament mill-Qorti. Mill-pubblikazzjoni tal-Green Paper u tal-White Paper tal-Kummissjoni, għadd żgħir ta’ Stati Membri biss adottaw leġiżlazzjoni bl-għan li tippermetti azzjonijiet għad-danni tal-antitrust, u anke din normalment hija limitata għal kwisjonijiet speċifiċi u ma tkoprix il-firxa sħiħa ta’ miżuri previsti minn din il-proposta. Minkejja il-ftit passi li ttieħdu minn xi Stati Membri, għad hemm nuqqas ta’ kumpens effettiv għall-vittmi tal-ksur tar-regoli tal-UE tal-antitrust. Inċentivi oħrajn fil-livell Ewropew biss jistgħu joħolqu qafas legali li jagħti rimedju effettiv u jiggarantixxi d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

· Bħalissa hemm inugwaljanza kbira bejn l-Istati Membri fil-livell tal-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet individwali garantiti mit-Trattat; din tista’ tikkawża tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Ir-riżultat huwa disparità evidenti anke fil-kontenut innifsu tal-intitolament għad-danni garantit mil-liġi tal-UE. B’mod aktar speċifiku, prentensjoni skont il-liġi ta’ Stat Membru wieħed tista’ twassal għal irkupru sħiħ tat-telf ta’ pretendent, filwaqt li pretensjoni għal ksur identiku fi Stat Membru ieħor tista’ twassal għal għotja ħafna aktar baxxa jew anke l-ebda għotja. Din l-inugwaljanza tiżdied jekk — bħal ma huwa l-każ bħalissa — xi Stati Membri biss itejbu l-kundizzjonijiet li taħthom il-vittmi ta’ ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni jistgħu jitolbu għal kumpens għall-ħsara mġarrba. Id-dimensjoni transnazzjonali tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat u r-rabta intrinsika tagħhom mal-funzjonament tas-suq intern jirrikjedu miżuri fil-livell tal-UE.

3.3.        Prinċipju tal-proporzjonalità (l-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea)

F’termini ta’ proporzjonalità, id-Direttiva proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tikseb l-għanijiet tagħha b'mod effettiv, jiġifieri biex tiggarantixxi protezzjoni effettiva tal-infurzar pubbliku tal-liġi dwar il-kompetizzjoni fl-UE kollha, kif ukoll biex tiggarantixxi aċċess għall-vittmi ta' ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni għal mekkaniżmu realment effettiv għall-kisba ta’ kumpens sħiħ għall-ħsara li ġarrbu, filwaqt li jiġu protetti l-interessi leġittimi tal-konvenuti u l-partijiet terzi.

Skont id-Direttiva proposta, dawk l-għanijiet jinkisbu wkoll bl-aktar spiża baxxa possibbli. L-ispejjeż potenzjali għaċ-ċittdini u n-negozji huma proporzjonali mal-għanijiet dikjarati. L-ewwel pass f’din id-direzzjoni ttieħed bil-White Paper billi ġew esklużi aktar miżuri radikali (pereżempju danni multipli, azzjonijiet kollettivi ta’ esklużjoni faklutattiva u regoli ta’ skoperta b’firxa wiesgħa). L-isforzi biex jinkiseb dan il-bilanċ intlaqgħu tajjeb matul il-konsultazzjonijiet pubbliċi. Is-salvagwardji mibnija fid-Direttiva proposta jsaħħu aktar dan il-bilanċ billi jnaqqsu l-ispejjeż potenzjali (speċjalment l-ispejjeż għal-litigazzjoni) mingħajr ma jitpoġġa fil-periklu d-dritt għal kumpens. Barra minn hekk, ċerti miżuri li ġew suġġeriti fil-White Paper, bħal pereżempju r-rimedju kollettiv u r-regoli dwar il-kriterju tal-ħtija, twarrbu minn dak iż-żmien għall-iskopijiet ta’ din il-proposta. Fl-aħħar nett, l-għażla ta’ Direttiva bħala l-istrument xieraq hija konformi mal-prinċipju li għandu jkun hemm l-inqas intervent possibbli, sakemm jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa.

3.4.        Direttiva bħala l-aktar strument legalment vinkolanti xieraq

L-għanijiet ta’ din il-proposta jistgħu jintlaħqu l-aħjar permezz ta’ Direttiva. Dan huwa l-aktar strument legali xieraq biex il-miżuri jitħaddmu b’mod effettiv u biex jiffaċilitaw l-adattament mingħajr problemi għas-sistemi legali tal-Istati Membri:

– Direttiva teħtieġ li l-Istati Membri jilħqu l-għanijiet tagħhom u jimplimentaw il-miżuri fis-sistemi legali sostantivi u proċedurali nazzjonali tagħhom. Dan l-approċċ jagħti lill-Istati Membri aktar libertà fl-implimentazzjoni ta’ miżura tal-UE milli Regolament, minħabba li l-Istati Membri titħallielhom l-għażla tal-aktar mod xieraq biex jimplimentaw il-miżuri fid-Direttiva. Dan jippermetti lill-Istati Membri jiżguraw li dawn ir-regoli jkunu konsistenti mal-qafas legali sostantiv u proċedurali eżistenti tagħhom.

– Barra minn hekk, Direttiva hija għodda flessibbli għall-introduzzjoni ta' regoli komuni f’dawk l-oqsma tal-liġi nazzjonali li huma kruċjali għall-funzjonament tas-suq intern u għall-effettività tal-azzjonijiet għad-danni, u għall-iżgurar ta' garanziji xierqa fl-UE kollha filwaqt li tħalli lok lill-Istati Membri individwali jmorru lil hinn minn hekk jekk jixtiequ.

– Fl-aħħar nett, Direttiva tevita azzjoni mhux meħtieġa kull meta d-dispożizzjonijiet domestiċi fl-Istati Membri huma diġà konformi mal-miżuri proposti.

4.           Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta

4.1.        Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet (Kapitolu I: Artikoli 1 – 4)

Id-Direttiva proposta għandha l-għan li ttejjeb il-kundizzjonijiet li taħthom jista' jinkiseb kumpens għall-ħsara kkawżata minn (a) ksur tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni, u (b) ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni fejn dawn tal-aħħar ikunu applikati minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew minn qorti nazzjonali fl-istess każ b’mod parallel mar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni. Tali applikazzjoni parallela hija bbażata fuq il-mod li bih ir-Regolament Nru 1/2003 jirregola r-relazzjoni bejn l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat u l-liġijiet nazzjonali dwar il-kompetizzjoni. Ir-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li meta l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jew il-qrati nazzjonali japplikaw il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni għal ftehimiet skont it-tifsira tal-Artikolu 101, li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, dawn iridu wkoll japplikaw l-Artikolu 101. B'mod simili, meta japplikaw il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni għal kwalunkwe abbuż projbit mill-Artikolu 102, dawn iridu wkoll japplikaw l-Artikolu 102[40]. Fil-każijiet fejn jintalab kumpens għal ksur tal-liġi nazzjonali u tal-UE dwar il-kompetizzjoni, huwa xieraq li l-istess regoli sostantivi u proċedurali japplikaw għal dawk l-azzjonijiet għad-danni. L-applikazzjoni ta’ regoli diverġenti dwar ir-responsabbiltà ċivili għal każ wieħed ta' mġiba antikompetittiva speċifika waħda mhux biss tagħmilha diffiċli għall-imħallfin biex jindirizzaw il-każ, iżda timplika wkoll inċertezza legali għall-partijiet kollha involuti u tista’ twassal għal riżultati li ma jaqblux skont jekk il-qorti nazzjonali tqisx il-każ bħala ksur tal-liġi nazzjonali jew tal-UE dwar il-kompetizzjoni, u b’hekk tfixkel l-applikazzjoni effettiva ta’ dawk ir-regoli. Id-Direttiva proposta għalhekk tirreferi għall-azzjonijiet għad-danni għal “ksur tal-liġi nazzjonali jew tal-UE dwar il-kompetizzjoni” jew b’mod konġunt “ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni”, fejn “il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni” hija definita b’mod ristrett sabiex tkopri biss il-każijiet fejn tiġi applikata b’mod parallel mal-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni.

Id-Direttiva proposta tistabbilixxi regoli (i) li jiżguraw li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun ġarrbet ħsara minn ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni tingħata protezzjoni ugwali fl-Unjoni kollha u tkun tista’ tinforza b’mod effettiv id-dritt tal-UE tagħha għal kumpens sħiħ permezz ta’ azzjonijiet għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali; u (ii) li jottimizzaw l-interazzjoi bejn it-tali azzjonijiet għad-danni u l-infurzar pubbliku tar-regoli dwar il-kompetizzjoni.

L-Artikolu 2 ifakkar l-acquis communautaire dwar id-dritt tal-UE għal kumpens sħiħ. Id-Direttiva proposta għalhekk tuża approċċ kumpensatorju: l-għan tagħha huwa li tippermetti lil dawk li ġarrbu ħsara kkawżata minn ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni jiksbu kumpens għal dik il-ħsara mill-impriża(i) li kisret/kisru l-liġi.

L-Artikolu 2 ifakkar ukoll l-acquis communautaire dwar il-locus standi u dwar id-definizzjoni tad-dannu li għandu jingħata kumpens għalih. Il-kunċett ta’ telf reali li hemm referenza għalih f’din id-dispożizzjoni huwa meħud mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, u ma jeskludi l-ebda tip ta’ dannu (materjali jew immaterjali) li seta' ġie kkawżat minn ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni.

L-Artikolu 3 ifakkar il-priniċpji tal-effettività u l-ekwivalenza li għandhom jiġu ssodisfati mir-regoli u l-proċeduri nazzjonali li jirrigwardaw l-azzjonijiet għad-danni.

4.2.        Divulgazzjoni tal-evidenza (Kapitolu II: Artikoli 5 – 8)

L-istabbiliment ta’ ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, il-kwantifikazzjoni tad-danni tal-antitrust u l-istabbiliment tal-kawżalità bejn il-ksur u l-ħsara li ġġarrbet tipikament jirrikjedu analiżi fattwali u ekonomika kumplessa. Ħafna mill-evidenza relevanti li jkollu bżonn pretendent biex jagħti prova tal-każ tiegħu tkun tinsab għand il-konvenut jew għand terzi persuni u ħafna drabi ma tkunx magħrufa biżżejjed jew aċċessibbli għall-pretendenti (“asimmetrija tal-informazzjoni”). Huwa ġeneralment rikonoxxut li d-diffikultà li jiffaċċja pretendent biex jikseb l-evidenza kollha meħtieġa tikkostitwixxi f’ħafna Stati Membri wieħed mill-ostakoli ewlenin għall-azzjonijiet għad-danni f’każijiet ta’ kompetizzjoni. Safejn il-piż tal-provi jaqa’ fuq l-impriża li (allegatament) tkun wettqet il-ksur[41], jista' jkun li din ukoll ikollha l-bżonn li jkollha aċċess għall-evidenza li tkun f'idejn il-pretendent u/jew parti terza. L-opportunità li l-imħallef jintalab li jordna d-divulgazzjoni tal-informazzjoni hija għalhekk disponibbli għaż-żewġ partijiet fil-proċedimenti.

Is-sistema ta’ divulgazzjoni fid-Direttiva proposta hija bbażata fuq l-approċċ adottat fid-Direttiva 2004/48/KE fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali[42]. L-għan tiegħu huwa li jiżgura li fl-Istati Membri kollha jkun hemm livell minimu ta’ aċċess effettiv għall-evidenza meħtieġa mill-pretendenti u/jew il-konvenuti li jagħtu prova għat-talba ta’ kumpens għad-danni tal-antitrust u/jew difiża relatata. Fl-istess waqt, id-Direttiva proposta tevita obbligi ta' divulgazzjoni wiesgħa u għaljin iżżejjed tant li jistgħu joħolqu piżijiet mhux xierqa lill-partijiet involuti u riskji ta’ abbuż. Il-Kummissjoni qagħdet ukoll partikolarment attenta biex tiżgura li l-proposta tkun kompatibbli mal-ordnijiet legali differenti tal-Istati Membri. Għal dan il-għan, il-proposta ssegwi t-tradizzjoni tal-maġġoranza tal-Istati Membri u toqgħod fuq il-funzjoni ċentrali tal-qorti li quddiemha titressaq azzjoni għad-danni: id-divulgazzjoni ta’ evidenza li tinsab għand il-parti opposta jew għand parti terza jista’ jsir biss b’ordni tal-imħallfin u huwa soġġett għal kontroll ġuridiku strett u attiv rigward il-ħtieġa, l-iskop u l-proporzjonalità tiegħu.

Il-qrati nazzjonali għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom miżuri effettivi biex jipproteġu kwalunkwe sigriet kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra li tkun divulgata waqt il-proċedimenti. Barra minn hekk, id-divulgazzjoni ma għandhiex tiġi permessa meta tkun kontra ċerti drittijiet u obbligi bħal pereżempju l-obbligu tas-sigriet professjonali. Il-qrati għandhom ukoll ikunu jistgħu jimponu sanzjonijiet li huma deterrenti biżżejjed sabiex ma jkunx hemm distruzzjoni tal-evidenza relevanti jew ir-rifjut li wieħed jikkonforma ma’ ordni ta’ divulgazzjoni.

Sabiex jiġi evitat li d-divulgazzjoni tal-evidenza tipperikola l-infurzar pubbliku tar-regoli dwar il-kompetizzjoni minn awtorità tal-kompetizzjoni, id-Direttiva proposta tistabbilixxi wkoll limiti komuni fl-UE kollha għad-divulgazzjoni tal-evidenza miżmuma fil-fajl tal-awtorità tal-kompetizzjoni:

(a) L-ewwel nett, tipprevedi protezzjoni assoluta għal żewġ tipi ta' dokumenti li jitqiesu bħala kruċjali għall-effettività tal-għodda tal-infurzar pubbliku. Id-dokumenti msemmija huma d-dikjarazzjonijiet korporattivi ta' klemenza u s-sottomissjonijiet ta' ftehim. Hemm riskju li d-divulgazzjoni ta' dawn id-dokumenti taffettwa serjament l-effettività tal-programm ta' klemenza u tal-proċeduri ta' riżolviment. Skont id-Direttiva proposta, qorti nazzjonali qatt ma tista’ tordna d-divulgazzjoni ta’ tali dokumenti f’azzjoni għad-danni.

(b) It-tieni nett, tipprevedi protezzjoni temporanja għad-dokumenti li ħejjew il-partijiet speċifikament għall-proċedimenti tal-infurzar pubbliku (pereżempju t-tweġibiet tal-parti għat-talba tal-awtorità għal informazzjoni) jew li fasslet l-awtorità tal-kompetizzjoni matul il-proċedimenti tagħha (pereżempju dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet). Dawl id-dokumenti jistgħu jiġu divulgati għall-iskop ta' azzjoni għad-danni tal-antitrust biss wara li l-awtorità tal-kompetizzjoni tkun temmet il-proċedimenti tagħha.

(c) Minbarra l-limitazzjoni tal-kapaċità tal-qorti nazzjonali li tordna d-divulgazzjoni, il-miżuri ta’ protezzjoni ta’ hawn fuq għandhom ukoll japplikaw jekk u meta d-dokumenti protetti jkunu nkisbu fil-kuntest ta’ proċedimenti tal-infurzar pubbliku (pereżempju fl-eżerċizzju ta’ wieħed mid-drittijiet ta' difiża tal-partijiet). Għalhekk, meta waħda mill-partijiet fl-azzjoni għad-danni tkun kisbet dawk id-dokumenti mill-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni, it-tali dokumenti mhumiex ammissibbli bħala evidenza f'azzjoni għad-danni (id-dokumenti tal-kategorija (a) hawn fuq) jew huma ammissibbli biss ladarbda l-awtorità tkun għalqet il-proċedimenti tagħha (id-dokument tal-kategorija (b) hawn fuq).

(d) Id-dokument li jaqgħu barra mill-kategoriji ta’ hawn fuq jistgħu jiġu divulgati fuq ordni mill-qorti fi kwalunkwe mument. Madankollu, meta jsir dan, il-qrati nazzjonali għandhom jevitaw li jordnaw id-divulgazzjoni tal-evidenza b’referenza għall-informazzjoni pprovduta lil awtorità tal-kompetizzjoni għall-proċedimenti tagħha[43]. Waqt li l-investigazzjoni tkun għaddejja, tali divulgazzjoni tista’ tostakola l-proċedimenti tal-infurzar pubbliku, billi tikxef x’informazzjoni hemm fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni u għalhekk ikun jista’ jintuża biex tinkixef l-istrateġija ta’ investigazzjoni tal-awtorità. Madankollu, l-għażla tad-dokumenti li jkunu jeżistu qabel li jitressqu lil awtorità tal-kompetizzjoni għall-proċedimenti hija fiha nnifisha rilevanti, billi l-impriżi huma mistiedna jipprovdu evidenza mmirata fid-dawl tal-kooperazzjoni tagħhom. Il-volontà tal-impriżi li jipprovdu tali evidenza b'mod eżawrjenti jew b'mod selettiv meta jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tista' tiġi ostakolata bit-talbiet għad-divulgazzjoni li jidentifikaw kategorija ta' dokumenti permezz tar-referenza għall-preżenza tagħhom fil-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni aktar milli permezz tat-tip, in-natura jew is-suġġett tagħhom (pereżempju t-talbiet għad-dokumenti kollha fil-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni jew id-dokumenti kollha mressqa lilha minn parti). Għalhekk, tali talbiet kumplessivi għad-divulgazzjoni ta' dokumenti normalment għandhom jitqiesu mill-qorti bħala mhux proporzjonati u li ma jikkonformawx mad-dmir tal-parti li qed tagħmel it-talba li tispeċifika l-kategoriji ta' evidenza b'mod preċiż u strett kemm jista' jkun.

(e) Fl-aħħar nett, biex jiġi evitat li d-dokumenti miksuba permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni jsiru oġġett għall-kummerċ, il-persuna li tkun ġabet l-aċċess għall-fajl biss (jew is-suċċessur legali tagħha fid-drittijiet relatati mal-pretensjoni) għandha tkun tista’ tuża dawk id-dokumenti bħala evidenza f’azzjoni għad-danni.

Sabiex tinkiseb koerenza fir-rigward tar-regoli dwar id-divulgazzjoni u l-użu ta' ċerti dokumenti mill-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni, huwa meħtieġ ukoll li jiġu emendati r-regoli eżistenti dwar it-tmexxija tal-proċedimenti tal-Kummissjoni stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni 773/2004[44], b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni u l-użu tad-dokumenti miksuba minnu, u n-Noti ta' spjegazzjoni ppublikati mill-Kummisjoni[45]. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tagħmel dan ladarba tiġi adottata din id-Direttiva mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

4.3.        Effett tad-deċiżjonijiet nazzjonali, il-perjodi ta’ preskrizzjoni u l-obbligazzjoni in solidum (Kapitolu III: Artikoli 9 – 11)

4.3.1.     Effett probatorju tad-deċiżjonijiet nazzjonali

Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003, deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ proċedimenti skont l-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat għandha effett probatorju f’azzjonijiet sussegwenti għad-danni billi qorti nazzjonali ma tistax tieħu deċiżjoni li tmur kontra t-tali deċiżjoni tal-Kummissjoni[46]. Huwa xieraq li deċiżjonijiet finali dwar ksur maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (jew minn qorti nazzjonali tal-appell) ikollhom effett simili. Jekk deċiżjoni dwar ksur tkun diġà ttieħdet u saret finali, il-possibbiltà għall-impriża li tkun wettqet il-ksur biex terġa’ tgħaddi minn litigazzjoni għall-istess kwistjonijiet f’azzjonijiet għad-danni sussegwenti tkun ineffiċjenti, tikkawża inċertezza legali u twassal għal spejjeż żejda għall-partijiet kollha involuti u għall-ġudikatura.

L-effett probatorju propost tad-deċiżjonijiet finali dwar ksur tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jinkludix in-nuqqas ta’ protezzjoni ġudizzjarja għall-impriżi kkonċernati, minħabba li d-deċiżjonijiet dwar ksur mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni xorta huma soġġetti għal eżaminazzjoni ġudizzjarja. Barra minn hekk, fl-UE kollha, l-impriżi jibbenefikaw minn livell simili ta’ protezzjoni tad-drittijiet tagħhom għad-difiża, kif spjegat fl-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Fl-aħħar nett, id-drittijiet u l-obbligi tal-qrati nazzjonali skont l-Artikolu 267 tat-Trattat ma jinbidlux b’din ir-regola.

4.3.2.     Perjodi ta' preskrizzjoni

Biex il-vittmi ta’ ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni jingħataw opportunità raġonevoli biex iressqu azzjoni għad-danni, filwaqt li jkun żgurat livell xieraq ta’ ċertezza legali lill-partijiet kollha involuti, il-Kummissjoni tipproponi li r-regoli nazzjonali dwar il-perjodi ta’ preskrizzjoni għal azzjoni għad-danni:

– ikunu jippermettu lill-vittmi żmien suffiċjenti (mill-inqas ħames snin) biex titressaq azzjoni wara li jkunu saru jafu bil-ksur, il-ħsara li kkawża u l-identità tal-kontraventur;

– ma jippermettux li l-perjodu ta’ preskrizzjoni jibda qabel il-ġurnata meta l-ksur kontinwu jew ripetut ikun waqaf; kif ukoll

– fil-każ li awtorità tal-kompetizzjoni tiftaħ proċedimenti għal suspett ta' ksur, il-perjodu ta' preskrizzjoni biex titressaq azzjoni għad-danni relatata mat-tali ksur jiġi sospiż sa mill-inqas sena wara deċiżjoni tkun finali jew meta l-proċedimenti jintemmu b'mod ieħor.

4.3.3.     Obbligazzjoni in solidum

Meta bosta impriżi jiksru r-regoli dwar il-kompetizzjoni flimkien — tipikament fil-każ ta’ kartell — huwa xieraq li jkunu responsabbli in solidum għall-ħsara kollha kkawżata mill-ksur. Filwaqt li d-Direttiva proposta hija bbażata fuq din ir-regola ġenerali, tintroduċi xi bidliet fir-rigward tas-sistema ta’ responsabbiltà tal-benefiċjarji tal-immunità. L-għan ta’ dawn il-bidliet huwa li tiġi salvagwardjata l-attrattività tal-programmi ta’ klemenza tal-Kummissjoni u tal-NCAs, li huma strumenti ewlenin fl-iskoperta ta’ kartelli u għalhekk ta’ importanza kruċjali għall-infuzar pubbliku effettiv tar-regoli dwar il-kompetizzjoni.

Fil-fatt, billi huwa inqas possibbli li l-benefiċjarji tal-klemenza jappellaw fuq deċiżjoni ta’ ksur, din id-deċiżjoni ta’ spiss issir waħda finali għalihom aktar kmieni minn għal membri oħra tal-istess kartell. Dan jista’ jagħmel il-benefiċjarji tal-klemenza l-miri ewlenin tal-azzjonijiet għad-danni. Biex jiġu limitati l-konsegwenzi ta’ żvantaġġ ta’ tali esponiment, filwaqt li ma jiġux limitati mingħajr raġuni l-possibbiltajiet għall-partijiet li jkunu ġarrbu l-ħsara li jiksbu kumpens sħiħ tat-telf imġarrab, huwa propost li tiġi limitata r-responsabbiltà tal-benefiċjarju tal-immunità, kif ukoll il-kontribuzzjoni tiegħu li għandu jagħti lill-ko-kontraventuri skont l-obbligazzjoni in solidum, għall-ħsara li kkawża lix-xerrejja diretti jew indiretti tiegħu stess jew, fil-każ ta’ xiri ta’ kartell, il-fornituri diretti jew indiretti tiegħu. Meta kartell ikun ikkawża ħsara biss lil oħrajn li mhumiex il-klijenti/il-fornituri tal-impriżi li jkunu wettqu l-ksur, il-benefiċjarju tal-immunità jkun responsabbli biss għas-sehem tiegħu ta’ ħsara kkawżata mill-kartell. Id-determinazzjoni ta’ dan is-sehem (pereżempju fatturat, sehem fis-suq, rwol fil-kartell, eċċ.) titħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri, sakemm il-prinċipji tal-effettività u l-ekwivalenza jiġu rispettati.

Il-protezzjoni tal-benefiċjarji tal-immunità madankollu, ma tistax tfixkel id-dritt tal-UE tal-vittmi għal kumpens sħiħ. Il-limitazzjoni proposta għar-responsabbiltà tal-benefiċjarju tal-immunità għalhekk ma tistax tkun assoluta: il-benefiċjarju tal-immunità jibqa’ kompletament responsabbli bħala l-aħħar debitur jekk il-partijiet li jkunu ġarrbu ħsara ma jkunux jistgħu jiksbu kumpens sħiħ mill-kontraventuri l-oħra. Biex jiġi garantit l-effet utile ta’ din l-eċċezzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet li jkunu ġarrbu ħsara xorta jkunu jistgħu jitolbu għal kumpens mill-benefiċjarju tal-immunità meta jsiru jafu li ma jistgħux jiksbu kumpens sħiħ mill-ko-kartellisti.

4.4.        Trasferiment tal-ispejjeż żejda (Kapitolu IV: Artikoli 12 – 15)

Il-persuni li jkunu ġarrbu ħsara kkawżata minn ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni huma intitolati għal kumpens, irrispettivament minn jekk ikunux xerrejja diretti jew indiretti. Il-partijiet li jkunu ġarrbu ħsara huma intitolati għal kumpens għat-telf reali (ħsara tal-ispejjeż żejda) kif ukoll għat-telf tal-profitti. Meta parti li tkun ġarrbet ħsara tkun naqqset it-telf reali tagħha billi tittrasferih, parzjalment jew kollu lix-xerrejja tagħha stess, it-telf trasferit ma jkunx jirrappreżanta aktar ħsara li għaliha l-parti li tkun ttrasferietu għandha tikseb kumpens. Madankollu, meta telf jiġi trasferit, iż-żieda fil-prezz mix-xerrej dirett x’aktarx twassal għal tnaqqis tal-volum mibjugħ. Dak it-telf fil-profitti, kif ukoll it-telf reali li ma jkunx ġie trasferit (fil-każ ta’ trasferiment parzjali) jibqa' ħsara tal-antitrust li għaliha l-parti li tkun ġarrbet il-ħsara tista’ titlob għal kumpens.

Jekk il-ħsara tiġġarrab bħala riżultat ta’ ksur li huwa relatat ma' provvista lill-impriża li tkun wettqet il-ksur, it-trasferiment jista’ wkoll isir f’direzzjoni ’l fuq fil-katina tal-provvista. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta bħala riżultat tax-xiri ta’ kartell, il-fornituri tal-kartellisti jimponu prezzijiet aktar baxxi, u dawk il-fornituri mbagħad jitolbu prezzijiet aktar baxxi mill-fornituri tagħhom stess.

Sabiex jiġi żgurat li x-xerrejja diretti u indiretti biss li jkunu realment ġarrbu l-ħsara minn spejjeż żejda jkunu jistgħu effettivament jitolbu kumpens, id-Direttiva proposta tirrikonoxxi b’mod espliċitu l-possibbiltà għall-impriża li għamlet il-ksur biex tinvoka d-difiża bbażata fuq it-trasferiment.

Madankollu, f’sitwazzjonijiet fejn l-ispejjeż żejda ġew trasferiti fuq persuni fiżiċi jew ġuridiċi fil-livell li jmiss tal-katina tal-provvista li għalihom huwa legalement impossibbli li jitolbu kumpens, id-difiża bbażata fuq it-trasferiment ma tistax tiġi invokata. Ix-xerrejja indiretti jistgħu jiffaċċjaw l-impossibbiltà legali biex jitolbu għal kumpens minħabba r-regoli nazzjonali dwar il-kawżalità (inklużi r-regoli dwar il-prevedibbiltà u t-tbegħid ġeografiku). Ma jkunx ġustifikat li tiġi permessa d-difiża bbażata fuq it-trasferiment meta jkun legalment impossibbli għall-parti li fuqha jkunu allegatament ġew trasferiti l-ispejjeż żejda li titlob kumpens, minħabba li dan ikun iffisser li l-impriża li tkun wettqet il-ksur tkun ħielsa mingħajr raġuni mill-ħsara li tkun ikkawżat. Il-piż tal-provi tat-trasferiment jaqa’ dejjem fuq l-impriża li tkun wettqet il-ksur. Fil-każ ta' azzjoni għad-danni mressqa minn xerrej indirett, dan jimplika supożizzjoni konfutabbli li skontha u taħt ċerti kundizzjonijiet, sar trasferiment lil dak ix-xerrej indirett. Fir-rigward tal-kwantifikazzjoni tat-trasferiment, il-qorti nazzjonali għandu jkollha s-setgħa li tikkalkola liema sehem tal-ispejjeż żejda ġie ttrasferit għal-livell tax-xerrejja indiretti fit-tilwima pendenti quddiemha. Meta l-partijiet li jkunu ġarrbu l-ħsara minn livelli diversi tal-katina tal-provvista jressqu azzjonijiet separati għad-danni li huma relatati mal-istess ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, il-qrati nazzjonali għandhom iqisu kif dovut, safejn ikun permess skont il-liġi nazzjonali jew tal-UE applikabbli, l-azzjonijiet paralleli jew ta’ qabel (jew sentenzi li jirriżultaw mit-tali azzjonijiet) sabiex jiġi evitat kumpens inqas jew żejjed tal-ħsara kkawżata minn dak il-ksur u biex tissaħħaħ il-konsistenza bejn is-sentenzi li jirriżultaw minn tali proċedimenti relatati. Azzjonijiet li jkunu pendenti quddiem il-qrati ta’ Stati Membri diversi jistgħu jitqiesu bħala relatati skont it-tifsira tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1215/2012[47], jiġifieri li tant ikunu konnessi mill-qrib li jkun xieraq li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ sentenzi irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati. Bħala konsegwenza, kull qorti għajr il-qorti li quddiemha tkun tressqet it-talba l-ewwel tista’ twaqqaf il-proċedimenti tagħha jew tiċħad il-ġurisdizzjoni jekk il-qorti li quddiemha tkun tressqet it-talba l-ewwel ikollha ġurisdizzjoni fuq l-azzjonijiet ikkonċernati u l-liġi tagħha tippermetti l-konsolidament tal-azzjonijiet.

Kemm ir-Regolament Nru 1215/2012 kif ukoll din id-Direttiva proposta għandhom l-għan li jħeġġu l-konsistenza bejn is-sentenzi li jirriżultaw minn azzjonijiet relatati. Biex jinkiseb dan, id-Direttiva proposta għandha kamp ta’ applikazzjoni usa’ minn dak tar-Regolament Nru 1215/2012, minħabba li tkopri wkoll is-sitwazzjoni tal-azzjonijiet sussegwenti għad-danni li huma relatati mal-istess ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, imressqa minn partijiet li ġarrbu ħsara f’livelli diversi tal-katina tal-provvista. Dawn l-azzjonijiet jistgħu jitressqu quddiem l-istess qorti, fi qrati differenti fl-istess Stat Membru jew fi qrati differenti ta’ Stati Membri differenti. Fil-każijiet kollha, id-Direttiva proposta tħeġġeġ il-konsistenza tal-proċedimenti u s-sentenzi relatati.

4.5.        Kwantifikazzjoni tal-ħsara (Kapitolu V: Artikolu 16)

Il-prova u l-kwantifikazzjoni tal-ħsara tal-antitrust ġeneralment tirrikjedi l-preżentazzjoni ta’ ħafna fatti u hija għalja, minħabba li hemm il-possibbiltà li tkun meħtieġa l-applikazzjoni ta’ mudelli ekonomiċi kumplessi. Sabiex jiġu megħjuna l-vittmi ta’ kartell fil-kwantifikazzjoni tal-ħsara kkawżata mill-ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, din id-Direttiva proposta tipprevedi suppożizzjoni konfutabbli fir-rigward tal-eżistenza ta’ ħsara li tirriżulta minn kartell. Fuq il-bażi tas-sejba li aktar minn disgħa minn għaxar kartelli fil-fatt jikkawżaw spejjeż żedja illegali[48], dan ittaffi d-diffikultajiet u l-ispejjeż li l-parti li ġarrbet il-ħsara jkollha biex tagħti prova li minħabba l-kartell ġew imposti prezzijiet ogħla minn dawk li kieku kienu jiġu imposti jekk il-kartell ma eżistiex.

L-impriża li wettqet il-ksur tista’ tiċħad din is-suppożizzjoni u tuża l-evidenza għad-dispożizzjoni tagħha biex tagħti prova li l-kartell ma kkawżax ħsara. Il-piż tal-provi għalhekk jitqiegħed fuq il-parti li diġà jkollha l-evidenza meħtieġa biex tissodisfa dan il-piż tal-provi. L-ispejjeż tad-divulgazzjoni, li x’aktarx ikunu meħtieġa biex il-partijiet li ġarrbu l-ħsara jagħtu prova tal-eżistenza ta’ ħsara, għalhekk jiġu evitati.

Barra mis-supożizzjoni ta' hawn fuq, il-ħsara tal-antitrust hija kkwantifikata fuq il-bażi tar-regoli u l-proċeduri nazzjonali. Madankollu dawn iridu jkunu konformi mal-prinċipji tal-ekwivalenza u tal-effettività. B'mod partikolari dan tal-aħħar jitlob li l-piż u l-livell tal-provi ma jistax jagħmel id-dritt tal-parti li ġarrbet ħsara għad-danni prattikament impossibbli jew diffiċli ħafna. F'termini tal-kwantifikazzjoni tal-ħsara tal-antitrust, fejn is-sitwazzjoni attwali teħtieġ li titqabbel ma’ sitwazzjoni ipotetika, dan ifisser li l-imħallfin għandhom ikunu jistgħu jagħmlu stima tal-ammont tal-ħsara. Dan iżid il-possibbiltà li l-vittmi jiksbu realment ammont xieraq ta’ kumpens għall-ħsara li jkunu ġarrbu.

Sabiex ikun aktar faċli għall-qrati nazzjonali li jikkwantifikaw il-ħsara, il-Kummissjoni qed tipprovdi wkoll gwida mhux vinkolanti dwar dan is-suġġett permezz tal-Komunikazzjoni tagħha dwar il-kwantifikazzjoni tal-ħsara f’azzjonijiet għad-danni bbażata fuq ksur tal-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea[49]. Il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jieħu l-forma ta' Gwida Prattika dwar il-kwantifikazzjoni tal-ħsara f’azzjonijiet għad-danni bbażata fuq ksur tal-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni. Din il-Gwida Prattika tispjega l-qawwiet u d-dgħjufijiet ta’ varji metodi u tekniki disponibbli biex tiġi kkwantifikata l-ħsara tal-antitrust. Hija tippreżenta u tiddiskuti wkoll firxa ta’ eżempji prattiċi, li juru l-effetti tipiċi li għandu t-tendenza jkollu ksur tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u kif il-metodi u t-tekniki disponibbli jistgħu jiġu applikati fil-prattika.

4.6.        Soluzzjoni Kunsenswali għat-Tilwim (Kapitolu VI: Artikoli 17-18)

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tad-Direttiva proposta huwa li tippermetti lill-vittmi ta’ ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni jiksbu kumpens sħiħ għall-ħsara mġarrba. Dan l-għan jista’ jintlaħaq jew permezz ta’ azzjoni għad-danni fil-qorti jew inkella permezz ta’ riżolviment kunsenswali barra mill-qorti bejn il-partijiet. Biex jingħata inċentiv lill-partijiet biex isolvu t-tilwima tagħhom b’mod kunsenswali, id-Direttiva proposta għandha l-għan li tottimizza l-bilanċ bejn ir-riżolvimenti barra mill-qorti u l-azzjonijiet għad-danni.

Għalhekk fiha d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(i)           is-sospensjoni tal-perjodi ta’ preskrizzjoni biex jitressqu l-azzjonijiet għad-danni sakemm l-impriża li wettqet il-ksur u l-parti li ġarrbet il-ħsara jkunu involuti f’soluzzjoni kunsenswali għat-tilwim;

(ii)          is-sospensjoni tal-proċedimenti pendenti għat-tul ta’ żmien ta’ soluzzjoni kunsenswali għat-tilwim;

(iii)          it-tnaqqis tal-pretensjoni tal-parti fir-riżolviment li ġarrbet il-ħsara bis-sehem tal-ħsara tal-kontraventur fir-riżolviment. Għall-bqija tal-pretensjoni, il-kontraventur ikun jista’ biss jintalab iħallas għad-danni jekk il-ko-kontraventuri barra mir-riżolviment ma kinux jistgħu jikkumpensaw bis-sħiħ lill-parti li ġarrbet il-ħsara; kif ukoll

(iv)         id-danni mħallsa permezz ta’ riżolvimenti kunsenswali li għandhom jitqiesu meta jiġi determinat l-ammont ta’ kontribuzzjoni li kontraventur f'riżolviment għandu jħallas wara ordni sussegwenti biex iħallas id-danni. F’dan il-kuntest, il-"kontribuzzjoni" tirreferi għas-sitwazzjoni fejn l-kontraventur fir-riżolviment ma kienx konvenut fl-azzjoni għad-danni, iżda jintalab mill-ko-kontraventuri li jkunu ġew ordnati jħallsu d-danni, biex jikkontribwixxi skont ir-regoli tal-obbligazzjoni in solidum.

5.           IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Id-Direttiva proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja.

6.           INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

6.1.        Tħassir tal-leġiżlzzjoni eżistenti

L-ebda att leġiżlattiv preċedenti mhuwa mħassar permezz ta’ din il-proposta

6.2.        Eżaminazzjoni

L-Artikolu 21 tad-Direttiva proposta jitlob lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-effetti tagħha mill-inqas ħames snin wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali.

Ladarba d-Direttiva proposta tiġi adottata, il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-qafas legali għall-azzjonijiet għad-danni tal-antitrust fl-Istati Membri, filwaqt li tiffoka prinċipalment fuq il-kisba taż-żewġ għanijiet ewlenin tad-Direttiva proposta, jiġifieri

(i)      li tiġi ottimizzata l-interazzjoni bejn l-infurzar pubbliku u privat tal-liġi dwar il-kompetizzjoni; kif ukoll

(ii)     li jiġi żgurat li l-vittmi tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE jistgħu jiksbu b’mod effettiv il-kumpens sħiħ għall-ħsara li jkunu ġarrbu.

Il-Kummissjoni se tivvaluta jekk id-Direttiva hijiex qed jirnexxilha tneħħi l-ineffiċjenzi u l-ostakoli li ma jippermettux lill-vittmi jiksbu kumpens sħiħ tal-ksur tal-antitrust u jekk l-interazzjoni bejn l-infuzar pubbliku u privat tal-liġi dwar il-kompetizzjoni hijiex qed tiffunzjona sew, sabiex jiġi garantit l-infurzar globali ottimali tal-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni. Bħala parti minn dan il-proċess ta’ monitoraġġ, il-Kummissjoni se tkompli d-djalogu tagħha mal-partijiet interessati rilevanti kollha.

Fl-aħħar nett, evalwazzjoni ex-post fir-rigward tal-ħtieġa għal aktar bidliet se titwettaq ladarba l-miżuri mressqa mid-Direttiva jkunu qed jiġu implimentati bis-sħiħ fl-Istati Membri, jiġifieri mill-inqas ħames snin wara d-data tal-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva.

6.3.        Dokumenti ta' spjegazzjoni

Id-Direttiva proposta tistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-approssimazzjoni tar-regoli nazzjonali sostantivi u proċedurali li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea. Hemm bosta obbligi legali li jirriżultaw mid-Direttiva proposta. It-traspożizzjoni effettiva tagħha għalhekk se tirrikjedi li jsiru emendi speċifiċi u mmirati għar-regoli nazzjonali rilevanti. Għalhekk, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' timmonitorja l-implimentazzjoni korretta, mhuwiex biżżejjed li l-Istati Membri jissottomettu t-test tad-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni, minħabba li tista' tkun meħtieġa valutazzjoni globali tar-reġim li jirriżulta skont il-liġi nazzjonali. Għal dawn ir-raġunijiet, l-Istati Membri għandhom ukoll jissottomettu lill-Kummissjoni dokumenti ta' spejgazzjoni li juru liema dispożizzjonijiet eżistenti jew ġodda skont il-liġi nazzjonali se jimplimentaw il-miżuri individwali stabbiliti fid-Direttiva proposta.

6.4.        Żona Ekonomika Ewropea

Id-Direttiva proposta hija relatata mal-infurzar effettiv tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat, billi tiġi ottimizzata l-interazzjoni bejn l-infurzar pubbliku u privat ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll billi jitjiebu l-kundizzjonijiet li taħthom il-vittmi tal-ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni jkunu jistgħu jitolbu kumpens għad-danni. Id-Direttiva proposta tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern minħabba li toħloq kundizzjonijiet aktar indaqs kemm għall-impriżi li jiksru r-regoli dwar il-kompetizzjoni kif ukoll għall-vittmi ta’ din l-imġiba illegali. Minħabba dawn l-għanijiet fl-oqsma tal-kompetizzjoni u s-suq intern, li huma parti mir-regoli legali taż-ŻEE, il-proposta hija rilevanti għaż-ŻEE.

2013/0185 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 103 u 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[50],

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[51],

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

Billi:

(1)       L-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (aktar ’il quddiem imsejjaħ it-Trattat) huma kwistjoni ta’ politika pubblika u għandhom jiġu applikati b’mod effettiv fl-Unjoni kollha sabiex jiġi żgurat li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx imfixkla.

(2)       L-infurzar pubbliku ta' dawk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat jitwettaq mill-Kummissjoni bl-użu tas-setgħat previsti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat[52] (aktar 'il quddiem: ir-Regolament Nru 1/2003). L-infurzar pubbliku jitwettaq ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, li jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet elenkati fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003.

(3)       L-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat jipproduċu effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u joħolqu, għall-individwi kkonċernati, drittijiet u obbligi li l-qrati nazzjonali jridu jinfurzaw. Il-qrati nazzjonali għandhom rwol ugwalment essenzjali fl-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni (infurzar privat). Meta jieħdu deċiżjoni dwar tilwim bejn individwi privati, huma jipproteġu d-drittijiet soġġettivi skont il-liġi tal-Unjoni, pereżempju billi jagħtu kumpens għad-danni lill-vittmi ta’ ksur. L-effett sħiħ tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat, u b’mod partikolari l-effett prattiku tal-projbizzjonijiet stipulati fihom, jeħtieġ li kulħadd — individwu, inklużi l-konsumaturi u l-impriżi, jew awtorità pubblika — ikun jista’ jagħmel talba għal kumpens quddiem il-qrati nazzjonali għall-ħsara kkawżata lilu minn ksur ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Dan id-dritt tal-Unjoni għal kumpens japplika b’mod ugwali għall-ksur tal-Artikoli 101 u 102 minn impriżi pubbliċi jew impriżi li ngħataw drittijiet speċjali jew esklużivi mill-Istati Membri skont it-tifsira tal-Artikolu 106 tat-Trattat.

(4)       Id-dritt tal-Unjoni għall-kumpens għall-ħsara tal-antitrust jirrikjedi li kull Stat Membru jkollu regoli proċedurali li jiżguraw l-eżerċizzju effettiv ta' dak id-dritt. Il-ħtieġa għal rimedji proċedurali effettivi tirriżulta wkoll mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif stipulat fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea[53] u fl-Artikolu 19(1), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(5)       Sabiex jiġi żgurat l-infuzar pubbliku u privat effettiv tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, huwa meħtieġ li jiġi rregolat il-mod kif iż-żewġ forom ta' infurzar huma kkoordinati, pereżempju l-arranġamenti għall-aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. Tali koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni tevita wkoll id-diverġenza tar-regoli applikabbli, li tista' tfixkel il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

(6)       Skont l-Artikolu 26(2) tat-Trattat, is-suq intern jinkludi żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment ħieles tal-oġġetti, il-persuni, is-servizzi u l-kapital huwa żgurat. Jeżistu differenzi kbar bejn ir-regoli fl-Istati Membri li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni għal ksur tal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. Dawk id-differenzi jwasslu għal inċertezza fir-rigward tal-kundizzjonijiet li taħthom, il-partijiet li jkunu ġarrbu ħsara jistgħu jeżerċitaw id-dritt għall-kumpens li għandhom skont it-Trattat, u jaffettwaw l-effettività sostantiva tat-tali dritt. Billi l-partijiet li ġarrbu l-ħsara ta' spiss jagħżlu l-forum tal-Istat Membru tagħhom ta' stabbiliment biex jitolbu kumpens għad-danni, id-diskrepanzi bejn ir-regoli nazzjonli jwasslu għal kundizzjonijiet mhux indaqs fir-rigward tal-azzjonijiet għad-danni u jistgħu jaffettwaw il-kompetizzjoni fis-swieq li fihom jaħdmu dawn il-partijiet li ġarrbu l-ħsara u l-impriżi li wettqu l-ksur.

(7)       L-impriżi stabbiliti u li qegħdin jaħdmu fi Stati Membri differenti huma soġġetti għal regoli proċedurali li jaffettwaw b'mod sinifikanti l-punt sa liema jkunu jistgħu jitqiesu responsabbli għall-ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni. Dan l-infurzar mhux indaqs tad-dritt tal-Unjoni għall-kumpens jista' jirriżulta f'vantaġġ kompetittiv għal xi impriżi li kisru l-Artikoli 101 jew 102 tat-Trattat, u nuqqas ta' inċentiv għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta' stabbiliment u l-provvista ta' oġġetti jew servizzi f'dawk l-Istati Membri fejn id-dritt għal kumpens huwa infurzat b'mod aktar effettiv. Għaldaqstant, id-differenzi fir-reġimi ta’ responsabbiltà applikabbli fl-Istati Membri jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv il-kompetizzjoni kif ukoll il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

(8)       Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu żgurati kundizzjonijiet aktar indaqs għall-impriżi li jaħdmu fis-suq intern u li jittejbu l-kundizzjonijiet għall-konsumaturi biex jeżerċitaw id-drittijiet li jiksbu mis-suq intern. Għalhekk huwa wkoll xieraq li tiżdied iċ-ċertezza legali u li jitnaqqsu d-differenzi bejn l-Istati Membri fir-regoli nazzjonali li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni għall-ksur tal-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni u, meta tkun applikata flimkien ma' din tal-aħħar, il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni. Approssimazzjoni ta' dawn ir-regoli tgħin ukoll biex tiġi evitata l-emerġenza ta' differenzi usa' bejn ir-regoli tal-Istati Membri li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni fil-każijiet ta' kompetizzjoni.

(9)       L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jipprevedi li "Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal ftehim, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet tal-impriża jew prattiċi miftiehma fis-sens tal-Artikolu [101(1)] tat-Trattat li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu [101] tat-Trattat għal ftehim bħal dawn, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma. Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jew qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal xi kwalunkwe abbuż projbit mil-Artikolu [102] tat-Trattat, dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu [102] tat-Trattat." Fl-interess tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern u għal ċertezza legali akbar u kundizzjonijiet aktar indaqs għall-impriżi u l-konsumaturi, huwa xieraq li l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandu jiġi estiż għall-azzjonijiet għad-danni bbażati fuq il-ksur tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni meta tiġi applikata skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. L-applikazzjoni ta' regoli diverġenti dwar ir-responsabbiltà ċivili għall-ksur tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat u għall-ksur tar-regoli tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni li għandhom jiġu applikati fl-istess każ u b'mod parallel għal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni jaffettwaw b'mod negattiv il-pożizzjoni tal-pretendenti fl-istess każ u l-ambitu tal-pretensjonijiet tagħhom, u jikkostitwixxu ostakolu għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

(10)     Fin-nuqqas tal-liġi tal-Unjoni, l-azzjonijiet għad-danni huma rregolati mir-regoli u l-proċeduri nazzjonali tal-Istati Membri. Jeħtieġ li r-regoli nazzjonali kollha li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt għall-kumpens għal ħsara li tirriżulta minn ksur tal-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat, inklużi dawk li jikkonċernaw aspetti mhux ikkunsidrati minn din id-Direttiva bħal pereżempju l-kunċett tar-relazzjoni kawżali bejn il-ksur u l-ħsara, josservaw il-prinċipji tal-effettività u l-ekwivalenza. Dan ifisser li ma jistgħux ikunu fformulati jew applikati b’mod li jagħmilha eċċessivament diffiċli jew prattikament impossibbli biex jiġi eżerċitat id-dritt għall-kumpens iggarantit mit-Trattat, u ma jistgħux ikunu fformulati jew applikati b’mod inqas favorevoli minn dawk li japplikaw għal azzjonijiet simili domestiċi.

(11)     Din id-Direttiva tafferma mill-ġdid l-acquis communautaire dwar id-dritt tal-Unjoni għall-kumpens għall-ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-locus standi u d-definizzjoni tad-dannu, kif kien iddikjarat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u ma tantiċipa l-ebda żvilupp ulterjuri tiegħu. Kull individwu li ġarrab xi ħsara kkawżata minn ksur jista’ jagħmel talba għal kumpens għat-telf reali (damnum emergens), għall-profitt li ġie miċħud lilu (telf ta' profitt jew lucrum cessans) u għall-ħlas ta’ imgħax li jakkumula miż-żmien meta saret il-ħsara sakemm jitħallas il-kumpens. Dan id-dritt huwa rikonoxxut għal kull persuna fiżika jew ġuridika — għall-konsumaturi, għall-impriżi u għall-awtoritajiet pubbliċi bl-istess mod — irrispettivament jekk teżistix relazzjoni kuntrattwali diretta mal-impriża ħatja tal-ksur, u mingħajr kunsiderazzjoni jekk jinstabx jew le li kien hemm ksur fil-passat minn awtorità tal-kompetizzjoni. Din id-Direttiva ma għandhiex tirrikjedi li l-Istati Membri jintroduċu mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv għall-infurzar tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat.

(12)     Azzjonijiet għad-danni għal ksur tal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni tipikament jirrikjedu analiżi fattwali u ekonomika kumplessa. L-evidenza meħtieġa biex tiġi ppruvata pretensjoni għad-danni hija ħafna drabi esklużivament f’idejn il-kontroparti jew il-partijiet terzi, u ma tkunx magħrufa biżżejjed mill-pretendent u ma tkunx aċċessibbli għalih. F’dawn iċ-ċirkustanzi, rekwiżiti legali stretti biex il-pretendenti jasserixxu fid-dettal il-fatti kollha dwar il-każ sa mill-bidu tal-azzjoni u biex jipprovdu minn qabel dokumenti speċifikati b'mod preċiż ta' evidenza ta' appoġġ jistgħu jimpedixxu bla bżonn l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għall-kumpens iggarantit mit-Trattat.

(13)     L-evidenza hija element importanti għat-tressiq ta' azzjonijiet għad-danni għal ksur tal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. Madankollu, billi l-litigazzjoni tal-antitrust hija kkaratterizzata minn asimmetrija tal-informazzjoni, huwa xieraq li jiġi żgurat li l-partijiet li jkunu ġarrbu ħsara jkollhom id-dritt li jiksbu d-divulgazzjoni tal-evidenza li tirrigwarda l-pretensjoni tagħhom, mingħajr ma jkun meħtieġ li jispeċifikaw il-partijiet speċifiċi tal-evidenza. Sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza tal-mezzi, dawn tal-aħħar għandhom ikunu wkoll disponibbli għall-konvenuti fl-azzjonijiet għad-danni, sabiex ikunu jistgħu jitolbu għad-divulgazzjoni tal-evidenza minn dawk il-partijiet li jkunu ġarrbu l-ħsara. Il-qrati nazzjonali jistgħu wkoll jordnaw id-divulgazzjoni tal-evidenza minn partijiet terzi. Meta l-qorti nazzjonali tkun tixtieq tordna d-divulgazzjoni tal-evidenza mill-Kummissjoni, il-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri (l-Artikolu 4(3) TUE) u l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward tat-talbiet għall-informazzjoni, huma applikabbli.

(14)     L-evidenza rilevanti għandha tiġi divulgata b'deċiżjoni tal-qorti u taħt il-kontroll strett tagħha, speċjalment rigward il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżura tad-divulgazzjoni. Mir-rekwiżit tal-proporzjonalità jirriżulta li t-talbiet għad-divulgazzjoni jistgħu jinbdew biss ladarba parti li tkun ġarrbet il-ħsara tistabbilixxi b'mod kredibbli, fuq il-bażi ta' fatti li huma disponibbli għaliha b'mod raġonevoli, li l-parti tkun ġarrbet ħsara li ġiet ikkawżata mill-konvenut. It-talba għad-divulgazzjoni għandha tirreferi għal kategoriji ta' evidenza li jkunu preċiżi u stretti kemm jista' jkun fuq il-bażi ta' fatti disponibbli b'mod raġonevoli.

(15)     Ir-rekwiżit tal-proporzjonalità għandu jiġi vvalutat b'attenzjoni wkoll meta jkun hemm riskju li d-divulgazzjoni tikxef l-istrateġija ta' investigazzjoni ta' awtorità tal-kompetizzjoni billi jiġi divulgat liema dokumenti huma parti mill-fajl jew jikkawża effett negattiv fuq il-mod li bih il-kumpaniji jikkooperaw mal-awtorità tal-kompetizzjoni. Għalhekk it-talba għad-divulgazzjoni ma għandhiex titqies proporzjonata meta tirreferi għad-divulgazzjoni ġenerika tad-dokumenti fil-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni relatati ma' każ speċifiku, jew tad-dokumenti kollha sottomessi minn parti fil-kuntest ta' każ speċifiku. Barra minn hekk, tali talbiet wesgħin għad-divulgazzjoni ma jkunux kompatibbli mad-dmir tal-parti li qed tagħmel it-talba li tispeċifika l-kategoriji tal-evidenza b'mod l-aktar preċiż u strett possibbli.

(16)     Meta l-qorti titlob lil qorti kompetenti ta’ Stat Membru ieħor biex tiġbor evidenza jew titlob li tinġabar evidenza direttament minn Stat Membru ieħor, japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali[54].

(17)     Filwaqt li l-evidenza rilevanti li jkun fiha sigrieti kummerċjali jew informazzjoni oħra kunfidenzjali għandha fil-prinċipju tkun disponibbli fl-azzjonijiet għad-danni, it-tali informazzjoni kunfidenzjali għandha tiġi protetta kif xieraq. Il-qrati nazzjonali għalhekk għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom firxa ta' miżuri biex it-tali informazzjoni kunfidenzjali ma tiġix divulgata matul il-proċedimenti. Dawn jistgħu jinkludu l-possibbiltà ta’ smigħ provat, jillimitaw l-għadd ta’ persuni bi dritt li jaraw l-evidenza, u istruzzjoni lill-esperti biex jipproduċu sintesi tal-informazzjoni b’mod aggregat jew f’forma mhux kunfidenzjali. Miżuri li jipproteġu s-sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra ma jistgħux fil-livell prattiku jimpedixxu l-eżerċizzju tad-dritt għall-kumpens.

(18)     L-effettività u l-konsistenza tal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jeħtieġu approċċ komuni fl-Unjoni rigward l-interazzjoni tar-regoli dwar id-divulgazzjoni tal-evidenza u l-mod kif dawn l-Artikoli jiġu infurzati minn awtorità tal-kompetizzjoni. id-divulgazzjoni tal-evidenza ma għandhiex tnaqqas l-effettività tal-infurzar tal-liġi dwar il-kompetizzjoni minn awtorità tal-kompetizzjoni. Il-limitazzjonijiet għad-divulgazzjoni tal-evidenza ma għandhomx jipprevjenu lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni milli jippubblikaw id-deċiżjonijiet tagħhom skont ir-regoli tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli.

(19)     Il-programmi ta' klemenza u l-proċeduri ta' riżolviment huma għodda importanti għall-infurzar pubbliku tal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni minħabba li jikkontribwixxu għall-iskoperta, il-prosekuzzjoni effiċjenti u s-sanzjonar tal-aktar ksur serju tal-liġi dwar il-kompetizzjoni. L-impriżi jistgħu jaqtgħu qalbhom milli jikkooperaw f'dan il-kuntest jekk id-divulgazzjoni tad-dokumenti li jipproduċu biss għal dan l-għan jesponihom għal responsabbiltà ċivili f'kundizzjonijiet agħar milli dawk tal-ko-kontraventuri li ma jikkooperawx mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. Sabiex ikun żgurat li l-impriżi huma lesti li jipproduċu dikjarazzjonijiet minn jeddhom li jirrikonoxxu s-sehem tagħhom fi ksur tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-kompetizzjoni lil awtorità tal-kompetizzjoni f'programm ta’ klemenza jew proċedura ta’ riżolviment, tali dikjarazzjonijiet għandhom jitħallew barra mid-divulgazzjoni tal-evidenza.

(20)     Barra minn hekk, eċċezzjoni dwar id-divulgazzjoni għandha tapplika għal kull miżura ta’ divulgazzjoni li tinterferixxi bla bżonn ma’ investigazzjoni li tkun għaddejja minn awtorità tal-kompetizzjoni rigward il-ksur tal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. L-informazzjoni li tħejjiet minn awtorità tal-kompetizzjoni matul il-proċedimenti tagħha għall-infurzar tal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni (bħal pereżempju Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet) jew minn parti f'dawk il-proċedimenti (bħal pereżempju tweġibiet għat-talbiet ta' informazzjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni), għandhom għalhekk ikunu jistgħu jiġu divulgati f'azzjonijiet għad-danni biss wara li l-awtorità tal-kompetizzjoni tkun sabet ksur tar-regoli nazzjonali jew tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni jew inkella tkun temmet il-proċedimenti tagħha.

(21)     Minbarra l-evidenza msemmija fil-premessi (19) u (20), il-qrati nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jordnaw, fil-kuntest ta' azzjoni għad-danni, id-divulgazzjoni tal-evidenza li teżisti irrispettivament mill-proċedimenti ta' awtorità tal-kompetizzjoni ("informazzjoni pre-eżistenti").

(22)     Kull persuna fiżika jew ġuridika li tikseb l-evidenza permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha ta' difiża b'rabta ma' investigazzjonijiet ta' awtorità tal-kompetizzjoni, tista' tuża dik l-evidenza għall-finijiet ta' azzjoni għad-danni li tkun parti minnha. Tali użu għandu wkoll jiġi permess għall-persuna fiżika jew legali li tkun ittrasferiet id-drittijiet u l-obbligi tagħha, inkluż permezz tax-xiri tal-pretensjoni tagħha. Fil-każ li l-evidenza tkun inkisbet minn persuna ġuridika li tifforma parti minn grupp korporattiv li jikkostitwixxi impriża waħda għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat, l-użu tat-tali evidenza jkun permess ukoll għal entitajiet ġuridiċi oħra li jappartjenu lill-istess impriża.

(23)     Madankollu, l-użu msemmi fil-premessa preċedenti ma jistax inaqqas bla raġuni l-effettività tal-infurzar tal-liġi dwar il-kompetizzjoni minn awtorità tal-kompetizzjoni. Il-limitazzjonijiet għad-divulgazzjoni msemmijin fil-premessi (19) u (20) għalhekk għandhom japplikaw b'mod ugwali għall-użu tal-evidenza li tinkiseb biss permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-evidenza li tkun inkisbet minn awtorità tal-kompetizzjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża ma għandhiex issir oġġett għall-kummerċ. Il-possibbiltà li tintuża l-evidenza li tkun inkisbet biss permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni għalhekk għandha tkun limitata għall-persuna fiżika jew ġuridika li eżerċitat id-drittijiet tagħha ta' difiża u s-suċċessuri legali tagħha, kif imsemmi fil-premessa preċedenti. Madankollu, din il-limitazzjoni ma tipprojbix lil qorti nazzjonali milli tordna d-divulgazzjoni ta' dik l-evidenza fil-kundizzjonijiet previsti f'din id-Direttiva.

(24)     Li ssir pretensjoni għad-danni, jew il-bidu ta’ investigazzjoni minn awtorità tal-kompetizzjoni, jinvolvi riskju li l-impriżi kkonċernati jistgħu jeqirdu jew jaħbu l-evidenza li tista' tkun utli biex tiġi sostanzjata pretensjoni għad-danni ta' parti li ġarrbet ħsara. Sabiex l-evidenza rilevanti ma tiġix distrutta u biex ikun żgurat li ordnijiet tal-qorti li jitolbu d-divulgazzjoni ta’ evidenza jitwettqu, il-qrati għandu jkollhom is-saħħa li jimponu sanzjonijiet suffiċjentement deterrenti. Safejn jirrigwarda l-partijiet fil-proċedimenti, ir-riskju li jsiru inferenzi negattivi fil-proċedimenti għad-danni jista' jkun sanzjoni partikolarment effettiva u jista' jevita dewmien żejjed. Għandu jkun hemm ukoll sanzjonijiet għal min ma jonorax l-obbligu ta' protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali u għal użu abbużiv minn informazzjoni li tkun divulgata. B'mod simili, is-sanzjonijiet għandhom ikunu disponibbli jekk l-informazzjoni miksuba permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni bl-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tal-investigazjonijiet ta' dik l-awtorità tal-kompetizzjoni, tintuża b'mod abbużiv f'azzjonijiet għad-danni.

(25)     L-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jipprevedi li meta l-qrati nazzjonali jiddeċiedu dwar ftehimiet, deċiżjonijiet jew prattiki skont l-Artikolu 101 jew l-Artikolu 102 tat-Trattat li diġà huma s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni. Sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali, biex ma jkunx hemm inkonsistenza fl-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, biex tiżdied l-effettività u l-effikaċja proċedurali tal-azzjonijiet għad-danni u biex jitrawwem il-funzjonament tas-suq intern għall-impriżi u l-konsumaturi, b'mod simili ma għandux ikun possibbli li tiġi ddubitata deċiżjoni finali ta' awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali jew qorti tal-appell li ssib ksur tal-Artikoli 101 jew 102 tat-Trattat f’azzjonijiet għad-danni relatati mal-istess ksur, irrispettivament jekk l-azzjoni tressqitx fl-Istat Membru fejn hemm l-awtorità jew il-qorti tal-appell. L-istess għandu japplika għal deċiżjoni li fiha ġie konkluż li d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni nkisru f'każijiet fejn il-liġi nazzjonali u tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni huma applikati fl-istess każ u b'mod parallel. Dan l-effett tad-deċiżjonijiet mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali u l-qrati tal-appell li jsibu ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni għandu japplika għall-parti operattiva tad-deiċżjoni u l-premessi ta' appoġġ tagħha. Dan huwa bla ħsara għad-drittijiet u l-obbligi tal-qrati nazzjonali skont l-Artikolu 267 tat-Trattat.

(26)     Ir-regoli nazzjonali dwar il-bidu, it-tul, is-sospensjoni jew l-interruzzjoni tal-perjodi ta’ preskrizzjoni ma għandhomx ixekklu milli jitressqu azzjonijiet għad-danni. Dan huwa partikolarment importanti fir-rigward tal-azzjonijiet li jibnu fuq is-sejba ta' ksur ta' awtorità tal-kompetizzjoni jew ta' qorti tal-appell. Għan dan l-għan, il-partijiet li jkunu ġarrbu ħsara xorta għandhom ikunu jistgħu jressqu azzjoni għad-danni wara l-proċedimenti ta' awtorità tal-kompetizzjoni, li jkollhom l-għan li jinfurzaw il-liġi nazzjonali u tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni.

(27)     Meta bosta impriżi jiksru r-regoli dwar il-kompetizzjoni b'mod konġunt (bħal pereżempju fil-każ ta' kartell) huwa xieraq li jiġi previst li dawn il-kontraventuri konġunti jkunu responsabbli in solidum għall-ħsara kollha kkawżata mill-ksur. Fosthom, il-kontraventuri konġunti għandu jkollhom id-dritt li jiksbu kontribuzzjoni jekk waħda mill-impriżi li jkunu għamlu l-ksur tkun ħallset aktar mis-sehem tagħha. Id-determinazzjoni ta' dak is-sehem bħala r-responsabbiltà relattiva ta' kontraventur speċifiku u l-kriterji rilevanti, bħal pereżempju l-fatturat, is-sehem fis-suq, jew ir-rwol fil-kartell, hija kwistjoni għal-liġi nazzjonali applikabbli, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji tal-effettività u l-ekwivalenza.

(28)     L-impriżi li jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fi programm ta' klemenza għandhom rwol ewlieni fl-iskoperta ta' ksur ta' kartell sigriet u biex iwaqqfu dan il-ksur, u b'hekk ta' spiss inaqqsu l-ħsara li setgħet tiġi kkawżata li kieku kompla sar il-ksur. Għalhekk huwa xieraq li jiġi previst li l-impriżi li jkunu rċevew l-immunità minn multi minn awtorità tal-kompetizzjoni f'programm ta' klemenza jiġu protetti milli jiġu esposti mingħajr raġuni għall-pretensjonijiet għad-danni, filwaqt li jitqies li d-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni li tkun sabet il-ksur tista' ssir finali għal dak li qed jirċievi l-immunità qabel ma ssir finali għal impriżi oħra li ma jkunux irċevew l-immunità. Għalhekk huwa xieraq li l-benefiċjarju tal-immunità jinħeles fil-prinċipju mill-obbligazzjoni in solidum għall-ħsara kollha u li l-kontribuzzjoni tiegħu ma jaqbiżx l-ammont tal-ħsara kkawżata lix-xerrejja diretti jew indiretti tiegħu stess jew, fil-każ ta' kartel għax-xiri, il-fornituri diretti jew indiretti tiegħu. Sal-punt fejn kartell ikun ikkawża ħsara lil oħrajn li mhumiex il-klijenti/il-fornituri tal-impriżi li jkunu wettqu l-ksur, il-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju tal-immunità ma għandhiex taqbeż ir-responsabbiltà relattiva tiegħu għall-ħsara kkawżata mill-kartell. Dan is-sehem għandu jiġi determinat skont l-istess regoli li ntużaw biex jiġu determinati l-kontribuzzjonijiet fost l-impriżi li wettqu l-ksur (il-premessa (27) hawn fuq). Il-benefiċjarju tal-immunità għandu jibqa' responsabbli bis-sħiħ għall-partijiet li jkunu ġarrbu l-ħsara għajr ix-xerrejja jew il-fornituri diretti jew indiretti tiegħu biss meta dawn ma jkunux jistgħu jiksbu kumpens sħiħ minn impriżi oħra li wettqu ksur.

(29)     Il-konsumaturi u l-impriżi li jkunu ġarrbu ħsara minn ksur tal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni huma intitolati għal kumpens għat-telf reali u għat-telf mill-profitt. It-telf reali jista’ jirriżulta mid-differenza fil-prezz bejn dak li filfatt tħallas u dak li kellu jitħallas kieku ma kienx hemm il-ksur tal-liġi. Meta parti li tkun ġarrbet ħsara tkun naqqset it-telf reali tagħha billi tittrasferih kollu jew parzjalment lix-xerrejja tagħha stess, it-telf li jkun ġie trasferit ma jkunx jirrappreżanta aktar ħsara li għaliha l-parti li tkun ittrasferietu għandha tikseb kumpens. Għalhekk huwa xieraq fil-prinċipju li l-impriża li tkun wettqet il-ksur tiġi permessa li tinvoka t-trasferiment tat-telf reali bħala difiża kontra pretensjoni għad-danni. Huwa xieraq li jiġi previst li l-impriża li wettqet il-ksur, sakemm tinvoka d-difiża bbażata fuq it-trasferiment, trid tagħti prova tal-eżistenza u l-limitu tat-trasferiment tal-ispejjeż żejda.

(30)     Madankollu, f'sitwazzjoni fejn l-ispejjeż żejda ġew trasferiti lil persuni li legalment ma jkunux jistgħu jitolbu għal kumpens, mhuwiex xieraq li l-impriża li wettqet il-ksur tiġi permessa li tinvoka d-difiża bbażata fuq it-trasferiment, billi din teħlisha mir-responsabbiltà għall-ħsara li kkawżat. Il-qort li quddiemha tkun tressqet l-azzjoni għalhekk għandha tivvaluta, meta tiġi invokata d-difiża bbażata fuq it-trasferiment, jekk il-persuni li lilhom ġew allegatament trasferiti l-ispejjeż żejda jistgħux legalement jitolbu għal kumpens. Filwaqt li x-xerrejja indiretti huma intitolati li jitolbu għal kumpens, ir-regoli nazzjonali tal-kawżalità (inklużi r-regoli dwar il-previdibbiltà u t-tbegħid ġeografiku), applikati skont il-prinċipji tal-liġi tal-Unjoni, jistgħu jfissru li ċerti persuni (pereżempju f'livell tal-katina tal-provvista li huwa 'l bogħod mill-ksur) legalment ma jkunux jistgħu jitolbu għal kumpens f'każ speċifiku. Biss meta l-qorti ssib li l-persuna li lilha ġew allegatament trasferiti l-ispejjeż żejda tkun tista' titlob għal kumpens legalment, din tkun tista' tavvaluta l-merti tad-difiża bbażata fuq it-trasferiment.

(31)     Il-konsumaturi jew l-impriżi, li lilhom ġie trasferit it-telf reali ġarrbu ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. Filwaqt li tali ħsara għandha tiġi kkumpensata mill-impriża li tkun għamlet il-ksur, jista’ jkun partikolarment diffiċli għall-konsumaturi jew għall-impriżi li ma xtrawx huma stess mingħand dik l-impriża biex jippruvaw l-ambitu tal-ħsara. Għalhekk huwa xieraq li jiġi previst li, meta l-eżistenza ta' pretensjoni għad-danni jew l-ammont li għandu jingħata jiddependi fuq jekk jew sa liema punt ikunu ġew trasferiti l-ispejjeż żedja mħallsa mix-xerrej dirett tal-impriża li tkun wettqet il-ksur lix-xerrej indirett, dan tal-aħħar huwa meqjus li jkun ta l-prova li l-ispejjeż żejda mħallsa minn dak ix-xerrej dirett ikunu ġew trasferiti għal-livell tiegħu, fejn ikun jista' juri prima facie li tali trasferiment twettaq. Barra minn hekk huwa xieraq li jiġi definit taħt liema kundizzjonijiet ix-xerrej indirett għandu jitqies li jkun stabbilixxa t-tali prova prima facie. Fir-rigward tal-kwantifikazzjoni tat-trasferiment, il-qorti nazzjonali għandu jkollha s-setgħa li tikkalkola liema sehem tal-ispejjeż żejda ġie ttrasferit għal-livell tax-xerrejja indiretti fit-tilwima pendenti quddiemha. L-impriża li tkun għamlet il-ksur għandha tiġi permessa li tagħti prova li turi li t-telf reali ma jkunx ġie trasferit jew ma jkunx ġie trasferit kollu.

(32)     Il-ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni ta' spiss jirrigwarda l-kundizzjonijiet u l-prezz li bih jinbigħu l-oġġetti jew is-servizzi u jwassal għal spejjeż żejda u ħsara oħra għall-klijenti tal-impriżi li jkunu qed jagħmlu l-ksur. Il-ksur jista' wkoll jikkonċerna l-provvisti lill-impriża li tkun qed tagħmel il-ksur (pereżempju fil-każ ta' kartell tax-xerrej). Ir-regoli ta' din id-Direttiva u b'mod partikolari r-regoli dwar it-trasferiment għandhom japplikaw kif xieraq.

(33)     L-azzjonijiet għad-danni jistgħu jitressqu kemm mill-partijiet li ġarrbu l-ħsara li xtraw l-oġġetti jew is-servizzi mingħand l-impriża li għamlet il-ksur kif ukoll minn xerrejja iktar l-isfel fil-katina tal-provvista. Fl-interess ta' konsistenza bejn is-sentenzi li jirriżultaw minn tali proċedimenti relatati u għalhekk biex ikun evitat li l-ħsara kkawżata mill-ksur tal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni ma tiġix kkumpensata kollha kemm hi jew li l-impriża li għamlet il-ksur tkun meħtieġa tħallas għall-ħsara li ma tkunx saret, il-qrati nazzjonali għandhom iqisu kif dovut, sakemm ikun permess skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, kwalunkwe azzjoni relatata u sentenza mogħtija, partikolarment fejn issib li kien hemm prova ta' trasferiment. Dan għandu jkun bla ħsara għad-drittijiet fundamentali tad-difiża u għal rimedju effettiv u proċess ġust ta' dawk li ma kinux partijiet f'dawn il-proċedimenti ġudizzjarji. Tali azzjonijiet pendenti quddiem il-qrati ta’ Stati Membri differenti, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala relatati skont it-tifsira tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1215/2012. Taħt din id-dispożizzjoni, il-qrati nazzjonali ħlief dik imqabbda l-ewwel mill-każ, jistgħu jissospendu l-proċeduri jew, taħt ċerti ċirkustanzi, jirrifjutaw li jagħtu sentenza.

(34)     Parti li tkun ġarrbet ħsara li tkun tat prova li ġarrbet ħsara bħala riżultat minn ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, xorta trid tagħti prova tal-limitu tal-ħsara mġarrba sabiex tikseb id-danni. Il-kwantifikazzjoni tal-ħsara tal-antitrust hija proċess li jirrikjedi l-preżentazzjoni ta’ ħafna fatti u hemm il-possibbiltà li tkun meħtieġa l-applikazzjoni ta’ mudelli ekonomiċi kumplessi. Dan ta' spiss huwa proċess għali u jikkawża diffikultajiet għall-partijiet li ġarrbu ħsara fir-rigward tal-ksib tad-dejta meħtieġa biex isostnu l-pretensjonijiet tagħhom. Fil-fatt, il-kwantifikazzjoni tal-ħsara tal-antitrust tista' tikkostitwixxi ostakolu sostanzjali li jipprojbixxi lill-partijiet li jkunu ġarrbu l-ħsara milli jiksbu d-danni ta' kumpens għall-ħsara mġarrba.

(35)     Bħala rimedju għall-asimmetrija tal-informazzjoni u għal xi ftit mid-diffikultajiet assoċjati mal-kwantifikazzjoni tal-ħsara tal-antitrust u sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-pretensjonijiet għad-danni, huwa xieraq li wieħed jissoponi li fil-każ ta' ksur ta' kartell, il-ksur ikkawża ħsara, b'mod partikolari, permezz ta' effett fuq il-prezz. Skont il-fatti tal-każ dan ifisser li l-kartell wassal għal żieda fil-prezz jew impedixxa li jkun hemm tnaqqis tal-prezzijiet li kien iseħħ li kieku ma sarx il-ksur. L-impriża li wettqet il-ksur għandha tkun libera li tirrifjuta t-tali suppożizzjoni. Huwa xieraq li tiġi limitata din is-suppożizzjoni konfutabbli għall-kartelli, minħabba n-natura sigrieta ta' kartell, li żżid l-asimmetrija tal-informazzjoni msemmija u tagħmilha aktar diffiċli għall-parti li ġarrbet il-ħsara biex tikseb l-evidenza meħtieġa biex tagħti prova tal-ħsara.

(36)     Fin-nuqqas ta' regoli tal-Unjoni dwar il-kwantifikazzjoni tal-ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, is-sistema legali domestika ta' kull Stat Membru u l-qrati nazzjonali għandhom jiddeterminaw liema rekwiżiti għandha tissodisfa l-parti li ġarrbet il-ħsara meta tagħti prova tal-ammont ta' ħsara li tkun ġarrbet, l-eżattezza li biha għandha tagħti prova ta' dak l-ammont, il-metodi li jistgħu jintużaw fil-kwantifikazzjoni tal-ammont u l-konsegwenzi ta' jekk ma jkunux jistgħu jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha stabbiliti. Madankollu, dawn ir-rekwiżiti domestiċi ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet domestiċi simili (il-prinċipju tal-ekwivalenza) u lanqas ma għandhom jagħmlu l-eżerċizzju tad-dritt tal-Unjoni għad-danni prattikament impossibbli jew diffiċli ħafna (il-prinċipju tal-effettività). F'dan ir-rigward għandhom jitqiesu l-asimmetriji tal-informazzjoni possibbli bejn il-partijiet u l-fatt li l-kwantifikazzjoni tal-ħsara tirrikjedi valutazzjoni ta' kif is-suq ikkonċernat kien jevolvi li kieku ma kienx sar ksur; Din il-valutazzjoni timplika paragun ma' sitwazzjoni li b'definizzjoni hija ipotetika u għalhekk ma tista' qatt issir b'eżattezza totali. Għalhekk huwa xieraq li l-qrati nazzjonali jingħataw is-setgħa li jagħmlu stima tal-ammont tal-ħsara kkawżta mill-ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni.

(37)     Il-partijiet li ġarrbu l-ħsara u l-impriżi li għamlu l-ħsara għandhom jiġu mħeġġa biex jaqblu fuq kumpens tal-ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni permezz ta' mekkaniżmi għas-soluzzjoni kunsenswali għat-tilwim bħal pereżempju riżolvimenti barra mill-qorti, l-arbitraġġ u l-medjazzjoni. Fejn ikun possibbli, it-tali soluzzjoni kunsenswali għat-tilwim għandha tkopri l-aktar partijiet li ġarrbu l-ħsara u impriżi li għamlu l-ksur possibbli. Id-dispożizzjonijiet f'din id-Direttiva dwar is-soluzzjoni kunsenswali għat-tilwim għalhekk huma maħsuba biex jiffaċilitaw l-użu tat-tali mekkaniżmi u jżidu l-effettività tagħhom.

(38)     Il-perjodi ta' preskrizzjoni għat-tressiq ta' azzjoni għad-danni jistgħu jkunu b'mod li jimpedixxu lill-partijiet li ġarrbu l-ħsara u l-imprizi li għamlu l-ħsara milli jkollhom biżżejjed żmien biex jaslu għal qbil dwar il-kumpens li għandu jitħallas. Sabiex it-tnejn jingħataw l-opportunità ġenwina biex ifittxu soluzzjoni kunsenswali għat-tilwim qabel ma jibdew il-proċedimenti quddiem il-qorti nazzjonali, il-perjodu ta' preskrizzjoni għalhekk għandu jiġi sospiż għat-tul ta' żmien tal-proċess ta' soluzzjoni kunsenswali għat-tilwim.

(39)     Barra minn hekk, meta l-partijiet jiddeċiedu li jfittxu soluzzjoni kunsenswali għat-tilwim wara li tkun tressqet azzjoni għad-danni quddiem il-qorti nazzjonali għall-istess pretensjoni, dik il-qorti tista' tissosspendi l-proċedimenti li tressqu quddiemha għat-tul ta' żmien tal-proċess ta' soluzzjoni kunsenswali għat-tilwim. Meta tqis jekk għandhomx jiġu sospiżi l-proċedimenti, il-qorti nazzjonali għandha tqis l-interess fi proċedura espedjenti.

(40)     Biex jitħeġġew ir-riżolvimenti kunsenswali, impriża li tkun għamlet ksur li tħallas id-danni permezz ta' soluzzjoni kunsenswali għat-tilwim ma għandhiex titqiegħed f'pożizzjoni vis-à-vis il-ko-kontraventuri tagħha agħar minn dik li kienet tkun fiha mingħajr is-soluzzjoni kunsenswali. Dan jista' jseħħ jekk kontraventur fir-riżolviment għat-tilwim ikun baqa' responsabbli in solidum għall-ħsara kkawżata mill-ksur anke wara li jinsab riżolviment kunsenswali. Għalhekk kontraventur fir-riżolviment fil-prinċipju ma għandux jikkontribwixxi għall-ko-kontraventuri tiegħu mhux fir-riżolviment meta dawn tal-aħħar ikunu ħallsu d-danni lill-parti li tkun ġarrbet il-ħsara li magħha l-ewwel kontraventur ikun sab soluzzjoni qabel. Il-konnessjoni ta' din ir-regola ta' nonkontribuzzjoni hija li l-pretensjoni tal-parti li ġarrbet il-ħsara titnaqqas bis-sehem tal-kontraventur fir-riżolviment tal-ħsara kkawżata lilha. Dan is-sehem għandu jiġi determinat skont l-istess regoli li ntużaw biex jiġu determinati l-kontribuzzjonijiet fost l-impriżi li wettqu l-ksur (il-premessa (27) hawn fuq). Mingħajr it-tali tnaqqis, il-kontraventuri mhux fir-riżolviment jkunu affettwati mingħajr bżonn mir-riżolviment li fih ma kinux parti. Il-ko-kontraventur fir-riżolviment xorta jkollu jħallas għad-danni jekk din tkun l-unika possibbiltà għall-parti li tkun ġarrbet il-ħsara li tikseb kumpens sħiħ.

(41)     Meta l-ko-kontraventuri fir-riżolviment jintalbu biex jikkontribwixxu għad-danni li jkunu tħallsu sussegwentement mill-ko-kontraventuri mhux fir-riżolviment, il-qorti nazzjonali għandha tqis id-danni li diġà jkunu tħallsu permezz tar-riżolviment kunsenswali, u b'hekk tkun qed iżżomm f'moħħha li mhux il-ko-kontraventuri kollha huma neċessarjament involuti b'mod ugwali fl-ambitu sostantiv, temporali u ġeografiku sħiħ tal-ksur.

(42)     Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(43)     Minħabba li jkun impossibbli, b'diverġenzi fl-għażliet tal-politika u r-regoli legali fil-livell nazzjonali fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni għall-kumpens f'azzjonijiet għad-danni għall-ksur tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni li jiġi żgurat l-effett sħiħ tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat u li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern għall-impriżi u l-konsumaturi, dawn l-għanijiet ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri, u jistgħu għalhekk, minħabba l-effettività u l-konsistenza meħtieġa fl-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għalhekk jadottaw din id-Direttiva, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-propozjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

(44)     Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni tat-28 ta' Settembru 2011[55], l-Istati Membri impenjaw ruħhom li f'każijiet ġustifikati jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument jew bosta dokumenti li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta' traspożizzjoni. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta' tali dokumenti hija ġġustifikata.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva

1.           Din id-Direttiva tistipula ċerti regoli meħtieġa biex ikun żgurat li kwalunkwe persuna li ġarrbet ħsara kkawżata minn ksur tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat jew tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni, tista' b'mod effettiv teżerċita d-dritt għal kumpens sħiħ għal dik il-ħsara. Tistabbilixxi wkoll regoli li jrawmu l-kompetizzjoni mhux imxekkla fis-suq intern u li jneħħu l-ostakoli għall-funzjonament tajjeb tagħha billi jiżguraw protezzjoni ekwivalenti fl-Unjoni kollha għal dawk li jkunu ġarrbu tali ħsara.

2.           Din id-Direttiva tistipula wkoll regoli għall-koordinazzjoni bejn l-infurzar tar-regoli dwar il-kompetizzjoni mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-infurzar ta' dawn ir-regoli f'azzjonijiet għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali.

Artikolu 2

Dritt għal kumpens sħiħ

1.           Kwalunkwe wieħed li jkun ġarrab ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni għandu jkun jista' jitlob kumpens sħiħ għal dik il-ħsara.

2.           Kumpens sħiħ għandu jqiegħed lil kull min ġarrab il-ħsara fil-pożizzjoni li kien ikun fiha li kieku l-ksur ma sarx. Għandu għalhekk jinkludi kumpens għat-telf reali u għat-telf ta’ profitt, u l-ħlas tal-imgħax miż-żmien meta saret il-ħsara sakemm ikun realment tħallas il-kumpens relatat ma' dik il-ħsara.

3.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet li jkunu ġarrbu l-ħsara jistgħu jeżerċitaw b'mod effettiv il-pretensjonijiet tagħhom għad-danni.

Artikolu 3

Prinċipji ta’ effettività u ekwivalenza

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli u l-proċeduri nazzjonali kollha rigward azzjonijiet għad-danni jkunu mfassla u applikati b'mod li jiżgura li kull parti li tkun ġarrbet il-ħsara tkun tista' teżerċita b'mod effettiv id-dritt tal-Unjoni għal kumpens sħiħ għall-ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni. Kwalunkwe regola jew proċedura nazzjonali rigward azzjonijiet għad-danni li jirriżultaw minn ksur tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat ma għandux ikun inqas favorevoli għall-partijiet li jkunu ġarrbu l-ħsara minn dawk li jirregolaw azzjonijiet domestiċi simili.

Artikolu 4

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.           "ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni" tfisser ksur tal-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat jew tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-paragrafu 2;

2.           "il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni" tfisser id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li b'mod predominanti jsegwu l-istess għanijiet bħal dawk tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat u li huma applikati għall-istess każ u b'mod parallel mal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003;

3.           "azzjoni għad-danni" tfisser azzjoni skont il-liġi nazzjonali li biha parti li tkun ġarrbet ħsara titlob kumpens għad-danni quddiem qorti nazzjonali; din tista' wkoll tkopri azzjonijiet li bihom xi ħadd li jaġixxi f'isem ta' parti jew bosta partijiet li jkunu ġarrbu ħsara tressaq talba għad-danni quddiem qorti nazzjonali, meta l-liġi nazzjonali tipprevedi din il-possibbiltà;

4.           "talba għad-danni" tfisser talba għal kumpens ta’ ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni;

5.           “parti li ġarrbet ħsara” tfisser kull min ikollu raġuni biex jagħmel talba għad-danni;

6.           “awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni” tfisser awtorità nnominata minn Stat Membru skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 li tkun responsabbli għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat;

7.           “awtorità tal-kompetizzjoni” tfisser il-Kummissjoni jew awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni;

8.           "qorti nazzjonali" jew "qorti" tfisser kwalunkwe qorti jew tribunal ta' Stat Membru skont it-tifsira tal-Artikolu 267 tat-Trattat;

9.           “qorti tal-appell” tfisser qorti nazzjonali li għandha s-setgħa tirrevedi d-deċiżjonijiet ta' awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, li fil-kuntest tagħha jista' jkun ukoll li jkollha s-setgħa li ssib ksur tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat;

10.         “deċiżjoni dwar ksur” tfisser deċiżjoni ta’ awtorità tal-kompetizzjoni jew qorti tal-appell li ssib ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni;

11.         deċiżjoni ta’ ksur “finali” tfisser deċiżjoni dwar ksur ta’ awtorità tal-kompetizzjoni jew qorti tal-appell li warajha ma hemmx aktar dritt ta’ appell;

12.         "kartell" tfisser ftehim u/jew prattika miftiehma bejn żewġ kompetituri jew aktar li għandha l-għan li tikkoordina l-imġiba kompetittiva tagħhom fis-suq u/jew tinfluwenza l-parametri rilevanti tal-kompetizzjoni, permezz ta' prattiki bħal pereżempju l-iffissar jew il-koordinazzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ jew tax-xiri jew ta' kundizzjonijiet kummerċjali oħrajn, l-allokazzjoni tal-kwoti tal-produzzjoni jew tal-bejgħ, il-kondiviżjoni tas-swieq u l-klijenti inklużi l-immanuvrar tal-offerti, ir-restrizzjonijiet tal-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet u/jew l-azzjonijiet antikompetittivi kontra kompetituri oħra;

13.         "programm ta' klemenza" tfisser programm li fuq il-bażi tiegħu parteċipant f'kartell sigriet, b'mod indipendenti mill-impriżi l-oħra involuti fil-kartell, jikkoopera ma' investigazzjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni, billi jipprovdi b'mod volontarju preżentazzjonijiet tal-għarfien tiegħu tal-kartell u r-rwol tiegħu fih, u bħala skambju għal dan il-parteċipant jirċievi l-immunità minn kwalunkwe multa li għandha tiġi imposta għall-kartell jew tnaqqis tat-tali multa;

14.         “dikjarazzjoni korporattiva ta' klemenza” tfisser preżentazzjoni orali jew bil-miktub ipprovduta b'mod volontarju minn, jew f’isem, impriża lil awtorità tal-kompetizzjoni, li tiddeskrivi l-għarfien tal-impriża dwar kartell sigriet u r-rwol tagħha fih, li tkun tfasslet speċifikament biex titressaq lill-awtorità bil-għan li tinkiseb immunità jew tnaqqis tal-multi taħt programm ta’ klemenza rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat jew id-dispożizzjoni korrispondenti skont il-liġi nazzjonali; dan ma jinkludix dokumenti jew informazzjoni li teżisti irrispettivament mill-proċedimenti ta' awtorità tal-kompetizzjoni ("informazzjoni pre-eżistenti");

15.         “sottomissjoni ta' ftehim” tfisser preżentazzjoni pprovduta b'mod volontarju minn, jew f’isem impriża lil awtorità tal-kompetizzjoni li tiddeskrivi l-għarfien mill-impriża tas-sehem tagħha fil-ksur tal-Artikolu 101 tat-Trattat jew ta' dispożizzjoni korrispondenti skont il-liġi nazzjonali u r-responsabbiltà tagħha f'dan il-ksur, li tkun tfasslet speċifikament bħala talba formali sabiex l-awtorità tapplika proċedura espedjenti;

16.         “spejjeż żejda” tfisser kwalunkwe differenza pożittiva bejn il-prezz imħallas realment u l-prezz li kellu jitħallas fin-nuqqas ta’ ksur ta' liġi dwar il-kompetizzjoni;

17.         "riżolviment kunsenswali" tfisser ftehim li bih jitħallsu d-danni wara soluzzjoni kunsenswali għat-tilwim.

KAPITOLU II

DIVULGAZZJONI TA’ EVIDENZA

Artikolu 5

Divulgazzjoni ta’ evidenza

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta pretendent ikun ippreżenta fatti u evidenza raġonevolment disponibbli li jagħtu biżżejjed provi biex wieħed jissospetta li hu, jew dawk li qed jirrappreżenta, ikunu ġarrbu ħsara kkawżata mill-ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni mill-konvenut, il-qrati nazzjonali jistgħu jordnaw li l-konvenut jew parti terza jiddivulgaw l-evidenza, irrispettivament minn jekk din l-evidenza hijiex ukoll inkluża fil-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni jew le, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f'dan il-Kapitolu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati jkunu jistgħu wkoll jordnaw lill-pretendent jew parti terza biex jiddivulgaw l-evidenza fuq talba mill-konvenut.

Din id-dispożizzjoni hija bla ħsara għad-drittijiet u l-obbligi tal-qrati nazzjonali skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001.

2.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jordnaw id-divulgazzjoni tal-evidenza msemmija fil-paragrafu 1 meta l-parti li titlob id-divulgazzjoni

(a) uriet li l-evidenza fil-kontroll tal-parti l-oħra jew ta’ parti terza hija rilevanti biex tissostanza t-talba jew id-difiża tagħha; kif ukoll

(b) speċifikat partijiet minn din l-evidenza jew kategoriji ta' din l-evidenza definiti b'mod kemm jista’ jkun preċiż jew strett fuq il-bażi ta’ fatti raġonevolment disponibbli;

3.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jillimitaw id-divulgazzjoni tal-evidenza għal dak li huwa proporzjonat. Fid-determinazzjoni ta' jekk kwalunkwe divulgazzjoni mitluba minn parti hijiex proporzjonata, il-qrati nazzjonali għandhom iqisu l-interessi leġittimi tal-partijiet u l-partijiet terzi kollha kkonċernati. Partikolarment għandhom jikkunsidraw:

(a) il-possibbiltà li l-ksur allegat tal-liġi dwar il-kompetizzjoni jkun sar;

(b) l-għan u l-ispiża biex issir id-divulgazzjoni, speċjalment jekk hemm partijiet terzi involuti;

(c) jekk l-evidenza li għandha tiġi divulgata fihiex informazzjoni kunfidenzjali, speċjalment li tikkonċerna l-partijiet terzi, u l-arranġamenti għall-protezzjoni tat-tali informazzjoni kunfidenzjali; kif ukoll

(d) fil-każijiet fejn il-ksur qed jiġi jew ġie investigat minn awtorità tal-kompetizzjoni, jekk it-talba ġietx ifformulata speċifikament fir-rigward tan-natura, is-suġġett jew il-kontenut tat-tali dokumenti aktar milli talba mhux speċifika li tikkonċerna d-dokumenti sottomessi lil awtorità tal-kompetizzjoni jew miżmuma fil-fajl tat-tali awtorità tal-kompetizzjoni.

4.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom miżuri effettivi biex jiġu protetti s-sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra kemm jista' jkun sabiex jiġi garantit livell xieraq ta' protezzjoni ta' informazzjoni bħal din u tkun disponibbli evidenza rilevanti li tkun fiha tali informazzjoni fl-azzjoni għad-danni.

5.           L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jagħtu effett sħiħ lill-privileġġi legali u drittijiet oħra biex ma jkunux obbligati jiddivulgaw l-evidenza.

6.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, safejn il-qrati tagħhom ikollhom is-setgħat biex jordnaw id-divulgazzjoni mingħajr is-smigħ tal-persuna li mingħandha qed tintalab id-divulgazzjoni, l-ebda penalità għan-nuqqas ta' konformità ma' tali ordni ma tkun tista' tiġi imposta sakemm id-destinatarju tat-tali ordni ma jkunx instema' mill-qorti.

7.           L-evidenza għandha tinkludi kull tip ta’ evidenza ammissibbli quddiem il-qorti nazzjonali vestita , partikolarment dokumenti u kull oġġett ieħor li jkun jinkludi informazzjoni irrispettivament mill-mezz fejn l-informazzjoni hija maħżuna.

8.           Bla ħsara għall-obbligu stipulat fil-paragrafu 4 u l-limiti stipulati fl-Artikolu 6, dan l-Artikolu ma għandux jostakola lill-Istati Membri milli jżommu jew jintroduċu regoli li jistgħu jwasslu għal divulgazzjoni usa’ ta’ evidenza.

Artikolu 6

Limiti għad-divulgazzjoni tal-evidenza mill-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-finijiet tal-azzjonijiet għad-danni, il-qrati nazzjonali ma jkunux jistgħu fi kwalunkwe mument jordnaw lil parti jew parti terza biex tiddivulga kwalunkwe waħda mill-kategoriji ta' evidenza li ġejjin:

(a) dikjarazzjonijiet korporattivi ta' klemenza; kif ukoll

(b) sottomissjonijiet ta' ftehim.

2.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-fini tal-azzjonijiet għad-danni, il-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jordnaw id-divulgazzjoni tal-kategoriji ta' evidenza li ġejjin biss wara li awtorità tal-kompetizzjoni tkun temmet il-proċedimenti tagħha jew tkun ħadet deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 jew fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003:

(a) l-informazzjoni li tħejjiet minn persuna fiżika jew ġuridika speċifikament għall-proċedimenti ta' awtorità tal-kompetizzjoni;

(b) l-informazzjoni li tfasslet minn awtorità tal-kompetizzjoni matul il-proċedimenti tagħha.

3.           id-divulgazzjoni tal-evidenza fil-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni li ma taqax taħt waħda mill-kategoriji elenkati fil-paragrafi 1 jew 2 ta' dan l-Artikolu jista' jiġi ordnat fl-azzjonijiet għad-danni fi kwalunkwe mument.

Artikolu 7

Limiti għall-użu tal-evidenza miksuba biss permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-evidenza li taqa' taħt waħda mill-kategoriji elenkati fl-Artikolu 6(1) li tinkiseb minn persuna fiżika jew ġuridika biss permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha ta' difiża skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003 jew id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-liġi nazzjonali, ma tkunx ammissibbli fl-azzjonijiet għad-danni.

2.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-evidenza li taqa' taħt waħda mill-kategoriji elenkati fl-Artikolu 6(2) li tinkiseb minn persuna fiżika jew ġuridika biss permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha tad-difiża skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003, jew id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-liġi nazzjonali ma tkunx ammissibbli fl-azzjonijiet għad-danni sakemm dik l-awtorità tal-kompetizzjoni tkun temmet il-proċedimenti tagħha jew tkun ħadet deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 jew fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003.

3.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-evidenza li tinkiseb minn persuna fiżika jew ġuridika biss permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha tad-difiża skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003 jew id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-liġi nazzjonali, u li mhijiex inadmissibbli skont il-paragrafi 1 jew 2 ta' dan l-Artikolu, tkun tista' tintuża biss f'azzjoni għad-danni minn dik il-persuna jew mill-persuna fiżika jew ġuridika li tkun is-suċċessur tad-drittijiet tagħha, inkluża l-persuna li xtrat il-pretensjoni tagħha.

Artikolu 8

Sanzjonijiet

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jimponu sanzjonijiet fuq partijiet, partijiet terzi u r-rappreżentanti legali tagħhom fil-każ ta’:

(a) nuqqas jew rifjut li jikkonformaw ma’ ordni tal-qorti ta’ divulgazzjoni;

(b) id-distruzzjoni ta' evidenza rilevanti, bil-kundizzjoni li, fil-mument tad-distruzzjoni:

(i)      il-parti li tkun qed tagħmel id-distruzzjoni kienet parti fil-proċedimenti ta' awtorità tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-imġiba sottostanti fl-azzjoni għad-danni; jew

(ii)      il-parti li tkun qed tagħmel id-distruzzjoni kienet taf jew kellha b'mod raġonevoli tkun taf li kienet tressqet azzjoni għad-danni quddiem il-qorti nazzjonali u li l-evidenza kienet rilevanti biex tissustanzja l-pretensjoni għad-danni jew difiża kontriha; jew

(iii)     il-parti li tkun qed tagħmel id-distruzzjoni kienet taf li l-evidenza kienet rilevanti għall-azzjonijiet pendenti jew prospettivi għad-danni mressqa minnha jew kontriha;

(c) in-nuqqas jew ir-rifjut li wieħed jikkonforma ruħu mal-obbligi imposti minn ordni tal-qorti biex tipproteġi informazzjoni kunfidenzjali; jew

(d) l-abbuż tad-drittijiet relatati mad-divulgazzjoni tal-evidenza previsti f'dan il-Kapitolu, u tal-evidenza u l-informazzjoni miksuba taħtu.

2.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti mill-qrati nazzjonali jkunu effettivi, proporzjonati u disważivi. Is-sanzjonijiet disponsibbli għall-qrati nazzjonali għandhom jinkludu, safejn għandha x’taqsam l-imġiba ta’ parti involuta fi proċedimenti ta’ azzjoni għad-danni, il-possibbiltà li jikkonkludu l-kontra bħal pereżempju l-preżunzjoni li l-kwistjoni rilevanti kienet ippruvata jew ma jilqgħux talbiet u difiżi kollha jew in parti, u l-possibbiltà li jordnaw il-ħlas tal-ispejjeż.

KAPITOLU III

EFFETT TAD-DEĊIŻJONIJIET NAZZJONALI, IL-PERJODI TA' PRESKRIZZJONI, L-OBBLIGAZZJONI IN SOLIDUM

Artikolu 9

Effett tad-deċiżjonijiet nazzjonali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn qrati nazzjonali jiddeċiedu, f’azzjonijiet għad-danni, dwar ftehimiet, deċiżjonijiet jew prassi skont l-Artikoli 101 jew 102 tat-Trattat jew skont il-liġi dwar il-kompetizzjoni li jkunu diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni finali dwar ksur minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew minn qorti tal-appell, dawn il-qrati ma jkunux jistgħu jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra t-tali sejba ta' ksur. Dan l-obbligu huwa bla ħsara għad-drittijiet u l-obbligi skont l-Artikolu 267 tat-Trattat.

Artikolu 10

Perjodi ta' preskrizzjoni

1.           L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli applikabbli għall-perjodi ta' preskrizzjoni għat-tressiq tal-azzjonijiet għad-danni skont dan l-Artikolu. Dawk ir-regoli għandhom jiddeterminaw meta jibda l-perjodu ta' preskrizzjoni, it-tul ta' żmien tal-perjodu u ċ-ċirkustanzi li taħthom il-perjodu jista' jiġi interrott jew sospiż.

2.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perjodu ta' preskrizzjoni ma jibdiex jgħodd qabel ma parti li tkun ġarrbet il-ħsara tkun taf, jew jista' jkun raġonevolment mistenni li tkun taf:

(i)      bl-imġiba li tikkostitwixxi l-ksur,

(ii)     bil-kwalifikazzjoni tat-tali imġiba bħala ksur tal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni;

(iii)     bil-fatt li l-ksur ikkawża ħsara lilha, kif ukoll

(iv)    bl-identità tal-kontraventur li kkawża t-tali ħsara.

3.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perjodu ta’ preskrizzjoni ma jibdiex jgħodd qabel il-jum meta l-ksur kontinwu jew ripetut ikun waqaf.

4.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perjodu ta' preskrizzjoni għat-tressiq ta' azzjoni għad-danni huwa mill-inqas ħames snin.

5.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perjodu ta' preskrizzjoni jiġi sospiż jekk awtorità tal-kompetizzjoni tieħu azzjoni għall-fini tal-investigazzjoni jew il-proċedimenti fir-rigward ta' ksur li miegħu tkun relatata l-azzjoni għad-danni. Is-sospensjoni għandha tintemm l-aktar kmieni sena wara li d-deċiżjoni tal-ksur tkun saret finali jew wara li l-proċedimenti jkunu ntemmu mod ieħor.

Artikolu 11

Obbligazzjoni in solidum

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi li kisru l-liġi dwar il-kompetizzjoni permezz ta' imġiba konġunta huma responsabbli in solidum għad-dannu kkawżat mill-ksur: kull waħda mill-impriżi li jkunu wettqu l-ksur huwa obbligat li jagħti kumpens sħiħ għall-ħsara u l-parti li tkun ġarrbet il-ħsara tista' titlob kumpens sħiħ minn kwalunkwe waħda minnhom sakemm tkun ġiet ikkumpensata bis-sħiħ.

2.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li impriża li tkun ingħatat l-immunità minn multi minn awtorità tal-kompetizzjoni taħt programm ta' klemenza tkun obbligata lejn il-partijiet li jkunu ġarrbu l-ħsara għajr ix-xerrejja jew il-fornituri diretti jew indiretti tagħha biss meta t-tali partijiet li ġarrbu l-ħsara juru li ma jistgħux jiksbu kumpens bis-sħiħ mill-impriżi l-oħra li kienu involuti fl-istess ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni.

3.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li impriża li tkun wettqet ksur tista' tirkupra kontribuzzjoni minn kwalunkwe impriża oħra li wettqet ksur u l-ammont ta' din il-kontribuzzjoni jkun iddeterminat fid-dawl tar-responsabbiltà relattiva tagħhom għall-ħsara kkawżata mill-ksur. L-ammont tal-kontribuzzjoni ta' impriża li tkun ingħatat immunità mill-multi minn awtorità tal-kompetizzjoni taħt programm ta' klemenza ma għandhiex taqbeż l-ammont tal-ħsara li tkun ikkawżat lix-xerrejja jew lill-fornituri diretti jew indiretti tagħha stess.

4.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sal-punt fejn il-ksur ikkawża ħsara lill-partijiet li ġarrbu ħsara għajr ix-xerrejja jew il-fornituri diretti jew indiretti tal-impriżi li wettqu l-ksur, l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju tal-immunità jkun iddeterminat fid-dawl tar-responsabbiltà relattiva tiegħu għal dik il-ħsara.

KAPITOLU IV

TRASFERIMENT TAL-ISPEJJEŻ ŻEJDA

Artikolu 12

Difiża bbażata fuq it-trasferiment

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konvenut f'azzjoni għad-danni jista' jinvoka, bħala difiża kontra talba għad-danni, il-fatt li l-pretendent ittrasferixxa l-ispejjeż żejda kollha jew parti minnhom li rriżultaw mill-ksur. Il-piż tal-provi li l-ispejjeż żejda ġew trasferiti għandu jkun tal-konvenut.

2.           Sakemm l-ispejjeż żejda ġew trasferiti lil persuni fil-livell li jmiss tal-katina tal-provvista li għalihom huwa legalment impossibbli li jitolbu għal kumpens għall-ħsara tagħhom, il-konvenut ma għandux ikun jista' jinvoka d-difiżia msemmija fil-paragrafu preċedenti.

Artikolu 13

Xerrejja indiretti

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta f'azzjoni għad-danni l-eżistenza ta' talba għad-danni jew l-ammont tal-kumpens li għandu jingħata jiddependu fuq jekk — jew sa liema punt — ġewx trasferiti l-ispejjeż żejda lill-pretendent, il-piż tal-prova tal-eżistenza u l-ambitu tat-tali trasferiment jaqa' fuq il-pretendent.

2.           Fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, ix-xerrej indirett għandu jitqies li jkun ta prova li sar trasferiment fuqu meta jkun wera li:

(a) il-konvenut kiser il-liġi dwar il-kompetizzjoni;

(b) il-ksur irriżulta fi spejjeż żejda għax-xerrej dirett tal-konvenut; kif ukoll

(c) huwa jkun xtara l-oġġetti jew is-servizzi li kienu s-suġġett tal-ksur jew xtara oġġetti jew servizzi mnisslin minn jew fihom l-oġġetti jew is-servizzi li kienu s-suġġett tal-ksur.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qorti jkollha s-setgħa li tikkalkola liema sehem ta' dawk l-ispejjeż żejda ġie trasferit.

Dan il-paragrafu huwa bla ħsara għad-dritt tal-kontraventur li juri li l-ispejjeż żejda ma kinux ġew trasferiti, jew mhux kollha, lix-xerrej indirett.

Artikolu 14

Telf tal-profitt u ksur fil-livell tal-provvista

1.           Ir-regoli stabbiliti f'dan il-Kapitolu huma bla ħsara għad-dritt ta' parti li tkun ġarrbet ħsara li titlob għal kumpens għat-telf ta' profitt.

2.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli stipulati f’dan l-Artikolu japplikaw fejn il-ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni għandu x’jaqsam mal-provvista tal-impriża li tkun wettqet il-ksur.

Artikolu 15

Azzjonijiet għad-danni mill-pretendenti f’livelli differenti tal-katina tal-provvista

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-valutazzjoni ta' jekk il-piż tal-prova li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 13 ikunx issodisfat, il-qrati nazzjonali li quddiemhom tkun tressqet azzjoni għad-danni jqisu kif dovut

(a) l-azzjonijiet għad-danni li huma relatati mal-istess ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, iżda li jitressqu mill-pretendenti minn livell oħra tal-katina tal-provvista; jew

(b) is-sentenzi li jirriżultaw mit-tali azzjonijiet.

2.           Dan l-Artikolu huwa bla ħsara għad-drittijiet u l-obbligi tal-qrati nazzjonali skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012.

KAPITOLU V

KWANTIFIKAZZJONI TAL-ĦSARA

Artikolu 16

Kwantifikazzjoni tal-ħsara

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każ ta' ksur ta' kartell, jiġi preżunt li l-ksur ikkawża ħsara. L-impriża li wettqet il-ksur għandu jkollha d-dritt li tirrifjuta din il-preżunzjoni.

2.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-piż u l-livell tal-provi u d-determinazzjoni tal-fatti meħtieġa għall-kwantifikazzjoni tal-ħsara ma tagħmilx l-eżerċizzju tad-dritt tal-parti li ġarrbet il-ħsara għad-danni prattikament impossibbli jew diffiċli ħafna. L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-qorti tingħata s-setgħa li tagħmel stima tal-ammont ta' ħsara.

KAPITOLU VI

SOLUZZJONI KUNSENSWALI GĦAT-TILWIM

Artikolu 17

Effett sospensiv tas-soluzzjoni kunsenswali għat-tilwim

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perjodu ta' preskrizzjoni għat-tressiq ta' azzjoni għad-danni jkun sospiż għat-tul ta' żmien tal-proċess ta' soluzzjoni kunsenswali għat-tilwim. Is-sospensjoni tal-perjodu ta' preskrizzjoni japplika biss fir-rigward ta' dawk il-partijiet li huma jew kienu involuti fis-soluzzjoni kunsenswali għat-tilwim.

2.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali li quddiemhom tkun tressqet azzjoni għad-danni jkunu jistgħu jissospendu l-proċedimenti jekk il-partijiet f'dawk il-proċedimenti jkunu involuti f'soluzzjoni kunsenswali għat-tilwim fir-rigward tal-pretensjoni koperta minn dik l-azzjoni għad-danni.

Artikolu 18

Effett tar-riżolvimenti kunsenswali fuq azzjonijiet għad-danni sussegwenti

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li wara riżolviment kunsenswali, is-sehem tal-ħsara, li l-ksur ikkawża lill-parti li ġarrbet il-ħsara, tal-ko-kontraventur fir-riżolviment, jitnaqqas mill-pretensjoni tal-parti fir-riżolviment li tkun ġarrbet il-ħsara. Il-ko-kontraventuri barra mir-riżolviment ma jistgħux jirkupraw il-kontribuzzjoni mill-ko-kontraventur fir-riżolviment għall-pretensjoni li jkun għad fadal. Biss meta l-ko-kontraventuri barra mir-riżolviment ma jkunux jistgħu jħallsu d-danni li jikkorrispondu għall-pretensjoni li jkun għad fadal, il-ko-kontraventur fir-riżolviment jiġi obbligat li jħallas id-danni lill-parti fir-riżolviment li tkun ġarrbet il-ħsara.

2.           Fid-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni ta' kull ko-kontraventur, il-qrati nazzjonali għandhom iqisu kif dovut kwalunkwe riżolviment kunsenswali preċedenti li jinvolvi il-ko-kontraventur rilevanti.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 19

Eżaminazzjoni

Il-Kummissjoni għandha teżamina din id-Direttiva u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa [...] mill-aktar tard [għandha tkun ikkalkulata bħala 5 snin wara d-data ffissata bħala skadenza għat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva]

Artikolu 20

Traspożizzjoni

1.           L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mill-aktar tard [għandha tkun ikkalkulata bħala sentejn wara d-data ta' adozzjoni ta' din id-Direttiva]. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif issir din ir-referenza.

2.           L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin fil-liġi nazzjonali li jkunu adottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 22

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

Din il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-UE.

[1]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat. Il-kontenut tagħhom ma nbidilx.

[2]               L-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 1/2003, rispettivament.

[3]               L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003.

[4]               L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1/2003. Ara wkoll il-Każ 127/73, BRT v. SABAM, [1974] Ġabra 51, paragrafu 16; Każ C-282/95 P, Guérin Automobiles v il-Kummissjoni, [1997] Ġabra I-1503. paragrafu 39.

[5]               Ara l-Każ C-453/99, Courage u Crehan, [2001] Ġabra I-6297; Każijiet Konġuti C-295/04 sa C-298/04, Manfredi, [2006] Ġabra I-6619; Każ C-360/09, Pfleiderer AG v Bundeskartellamt, [2011] Ġabra I-5161; u Każ C-199/11 il-Komunità Ewropea v. Otis NV u oħrajn, [2012] Ġabra I-0000.

[6]               Manfredi, ara n-nota f’qiegħ il-paġna 5, paragrafu 95.

[7]               Każ C-360/09, Pfleiderer AG v Bundeskartellamt, [2011] Ġabra I-5161.

[8]               COM(2008) 165 final; ara wkoll id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni anness mal-White Paper, SEC(2008) 404.

[9]               Konsultazzjoni pubblika “Lejn approċċ Ewropew koerenti għar-rimedju kollettiv” (Towards a coherent European approach to collective redress), ara http://ec.europa.eu/competition/consultations/2011_collective_redress/index_en.html.

[10]             Riżoluzzjoni tal-Kapijiet tal-Awtoritajiet Ewropej tal-Kompetizzjoni tat-23 ta’ Mejju 2012, Protezzjoni tal-materjal dwar il-klemenza fil-kuntest tal-azzjonijiet ċivili għad-dannu, disponibbli fi: http://ec.europa.eu/competition/ecn/leniency_material_protection_en.pdf.

[11]             Ara r-Riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ Frar 2012 dwar “Lejn approċċ Ewropew Koerenti għar-Rimedju Kollettiv” (2011/2089(INI)): http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P7-TA-2012-0021+0+DOC+XML+V0//MT u fir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni (2011/2094(INI)) http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P7-TA-2012-0031+0+DOC+XML+V0//MT.

[12]             COM(2005) 672 finali; ara wkoll id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni anness mal-Green Paper, SEG(2005) 1732.

[13]             Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2009 dwar il-White Paper dwar azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust (2008/2154(INI).

[14]             Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2009 dwar il-White Paper dwar azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust, ĠU C 228, 22.09.2009, p. 40.

[15]             Ara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni (2011/2094(INI)).

[16]             ĠU C 101, 27,4.2004, p. 54.

[17]             Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. Dan ir-Regolament reċentement ġie aġġornat bir-Regolament UE Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1, li fil-maġġoranza se jidħol fis-seħħ fl-10 ta' Jannar 2015.

[18]             Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali, ĠU L 174, 27.6.2001, p. 1.

[19]             Ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II), ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40.

[20]             Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, ĠU L 199 , 31.07.2007, p. 1.

[21]             Id-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali, ĠU L 136, 24.5.2008, p. 3.

[22]             Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta' April 2004 dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE, ĠU L 123/18, 27.4.2004, p. 18.

[23]             L-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-regoli tal-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni f’każijiet skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE, l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim ŻEE u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, ĠU C 325/07, 22.12.2005, p. 7.

[24]             Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis tal-multi fil-każijiet ta’ kartell, ĠU C 298, 08.12.2006, p. 17.

[25]             ĠU 2008/C 167/1.

[26]             Il-kummenti bil-miktub li rċeviet il-Kummissjoni matul il-konsultazzjoni pubblika jinsabu hawn: http://ec.europa.eu/competition/antitrust/actionsdamages/green_paper_comments.html (konsultazzjoni dwar il-Green Paper) u hawn: http://ec.europa.eu/competition/antitrust/actionsdamages/white_paper_comments.html (konsultazzjoni dwar il-White Paper).

[27]             Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 9 hawn fuq.

[28]             Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar “Lejn Approċċ Ewropew Koerenti għar-Rimedju Kollettiv”(2011/2089(INI)): http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P7-TA-2012-0021+0+DOC+XML+V0//MT.

[29]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Lejn Qafas Ewropew Orizzontali għar-Rimedju Kollettiv, COM(2013) 401 final.

[30]             Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar prinċipji komuni għall-mekkaniżmi tar-rimedju kollettiv inġuntiv u kompensatorju fl-Istati Membri fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet mogħtija skont il-Liġi tal-Unjoni, C(2013) 3539 final.

[31]             Konsultazzjoni pubblika dwar Abbozz ta’ Dokument ta’ Gwida - Nikkwantifikaw il-ħsara fl-azzjonijiet ta’ kumpens għad-danni bbażati fuq ksur tal-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat, aċċessibbli fuq: http://ec.europa.eu/competition/consultations/2011_actions_damages/index_en.html.

[32]             Is-sottomissjonijiet li waslu fil-konsultazzjoni pubblika huma disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/competition/consultations/2011_actions_damages/index_en.html#contributions.

[33]             “Studju dwar il-kundizzjonijiet tal-pretensjonijiet għad-danni fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni” (Study on the conditions of claims for damages in case of infringement of EC competition rules), aċċessibbli fuq: http://ec.europa.eu/competition/antitrust/actionsdamages/study.html.

[34]             “Isiru aktar effettivi l-azzjonijiet għad-danni tal-antitrust fl-UE: l-impatt fuq il-protezzjoni soċjali u x-xenarji potenzjali” (Making antitrust damages actions more effective in the EU: welfare impact and potential scenarios), aċċessibbli fuq: http://ec.europa.eu/competition/antitrust/actionsdamages/files_white_paper/impact_study.pdf.

[35]             “Il-kwantifikazzjoni tad-danni tal-antitrust - Lejn gwida mhux vinkolanti għall-qrati” (Quantifying antitrust damages - Towards non-binding guidance for courts), aċċessibbli fuq: http://ec.europa.eu/competition/antitrust/actionsdamages/quantification_study.pdf.

[36]             Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt, Azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust, Strasburgu 11-6-2013, SWD(2013) 203 final.

[37]             Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 5 hawn fuq.

[38]             Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 33 hawn fuq.

[39]             Ara aktar 'il quddiem fit-taqsima 4.1 hawn taħt.

[40]             Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

[41]             pereżempju fir-rigward tad-difiża bbażata fuq it-trasferiment, ara t-taqsima 4.4 hawn taħt.

[42]             Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/48/KE tad-29 ta' April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ĠU L 157, 30.04.2004, p. 45.

[43]             Ovvjament, l-istess limitazzjoni tapplika meta l-qrati nazzjonali jordnaw id-divulgazzjoni ta’ dokumenti tal-kategorija (b) hawn fuq, ladarba awtorità tal-kompetizzjoni tkun temmet il-proċedimenti tagħha.

[44]             Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta' April 2004 dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE, ĠU L 123, 27.04.2004, p. 18.

[45]             L-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati tal-Istati Membri tal-UE fl-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 KE, ĠU C 101, 27.4.2004, p. 54; L-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-regoli tal-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni f’każijiet skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE, l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim ŻEE u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, ĠU C 325, 22.12.2005, p. 7. u l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-mod ta' proċedimenti ta' riżolviment ta' tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli, ĠU C 167, 2.7.2008, p. 1.

[46]             Każ C-199/11 il-Komunità Ewropea v. Otis u oħrajn, [2012] Ġabra I-0000.

[47]             Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1.

[48]             “Il-kwantifikazzjoni tad-danni tal-antitrust - Lejn gwida mhux vinkolanti għall-qrati” (Quantifying antitrust damages - Towards non-binding guidance for courts), aċċessibbli fuq: http://ec.europa.eu/competition/antitrust/actionsdamages/quantification_study.pdf, p. 91.

[49]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-kwantifikazzjoni tal-ħsara fl-azzjonijiet għad-danni bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, C(2013) 3440.

[50]             ĠU C , , p. .

[51]             ĠU C , , p. .

[52]             ĠU L 1, 4.1.2003, p 1. B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE saru rispettivament l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE. Iż-żewġ gruppi ta’ dispożizzjonijiet huma identiċi fis-sustanza.

[53]             ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391.

[54]             ĠU L 174, 27,6.2001, p 1.

[55]             ĠU C 369, 17,12.2011, p. 14.