52013PC0382

Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tavża lill-Belġju biex jieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit li huwa meqjus neċessarju biex jagħmel tajjeb għas-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv /* COM/2013/0382 final - 2013/ () */


Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tavża lill-Belġju biex jieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit li huwa meqjus neċessarju biex jagħmel tajjeb għas-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Skont l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern.

(2)       Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa bbażat fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

(3)       Fit-2 ta' Diċembru 2009 il-Kunsill iddeċieda[1], skont l-Artikolu 126(6) TFUE, li fil-Belġju kien hemm defiċit eċċessiv u ħareġ rakkomandazzjoni biex dan jiġi kkoreġut sa mhux aktar tard mill-2012, skont l-Artikolu 126(7) TFUE u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv[2]. Sabiex id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika jitniżżel għal taħt it-3 % tal-PDG b'mod kredibbli u sostenibbli, l-awtoritajiet Belġjani kienu rakkomandati li (a) jimplimentaw miżuri ta' tnaqqis tad-defiċit fl-2010 kif ippjanat fl-abbozz tal-baġit għall-2010 u jsaħħu l-isforz fiskali ppjanat fl-2011 u l-2012; (b) jiżguraw sforz fiskali annwali medju ta' ¾ % tal-PDG matul il-perjodu 2010-2012, li għandu jikkontribwixxi wkoll biex il-proporzjon tad-dejn gross tal-gvern jinġieb lura lejn tnaqqis b'mod li jqarreb il-valur referenzjarju b'pass sodisfaċenti billi jinkiseb livell xieraq ta' bilanċ favorevoli primarju; (c) jispeċifikaw il-miżuri li huma neċessarji għall-ksib ta' korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2012, jekk il-kundizzjonijiet ċikliċi jippermettu u jaċċelleraw it-tnaqqis tad-defiċit jekk il-kundizzjonijiet ekonomiċi jew baġitarji jkunu aħjar minn dawk mistennija meta ħarġu r-rakkomandazzjonijiet tal-PDE; u (d) isaħħu l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ biex jiżguraw li l-miri fiskali jkunu rispettati. Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, il-Kunsill stabbilixxa data ta' skadenza tat-2 ta' Ġunju 2010 għal azzjoni effettiva biex tittieħed b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97.

(4)       Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 126(8) TFUE, fil-[21 ta’ Ġunju 2013], il-Kunsill iddeċieda li l-Belġju ma kienx ħa azzjoni effettiva b'reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ Diċembru 2009 fil-perjodu stipulat f’dik ir-rakkomandazzjoni.

(5)       Skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, jekk dejta effettiva skont ir-Regolament (KE) Nru 479/2009 jindika li defiċit eċċessiv ma ġiex ikkoreġut minn Stat Membru li jipparteċipa fil-limiti taż-żmien speċifikati f'rakkomandazzjoni maħruġa skont l-Artikolu 126(7), il-Kunsill għandu immedjatament jieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 126(9), jiġifieri, jinnotifika lill-Istat Membru biex jieħu miżuri, f'limitu ta' żmien speċifikat, għat-tnaqqis tad-defiċit li jkun ikkunsidrat meħtieġ mill-Kunsill sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni.

(6)       It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, tipprevedi li l-PDG reali jibqa' l-istess fl-2013 bid-domanda domestika tkompli t-tnaqqis mibdi fl-2012. Filwaqt li l-konsum domestiku probabbli li se jistaġna, l-investiment mistennija jonqos minħabba nuqqas ta’ fiduċja fil-livelli kollha tal-ekonomija, settur dipress tal-kostruzzjoni, kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar stretti u industrija b'kapaċità żejda ampja. Kemm il-konsum privat u kemm l-investiment huma mistennija jaqbdu ritmu tajjeb biss mill-2014 meta d-domanda domestika ssir l-ixprun ewlieni wara rata ta’ tkabbir tal-PDG reali ta’ 1,2 %. Fl-isfond ta’ din id-domanda domestika iktar qawwija, iż-żieda fl-importazzjoni hija mistennija tlaħħaq maż-żieda fl-esportazzjoni. Dan jillimita aktar gwadanji mill-esportazzjonijiet netti fl-2014, għall-kuntrarju tal-2013 meta ż-żieda fid-domanda barranija netta pożittiva mistennija tipprevjeni lill-PDG milli jiċkien.

(7)       Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mistenni jonqos għal 2,9 % tal-PDG fl-2013. Il-baġit inizjali tal-2013 kellu fil-mira defiċit nominali ta’ 2,15 % tal-PDG. Madankollu, billi l-abbozzar tal-baġit, il-previżjonijiet uffiċjali ta' tkabbir li jsostnu l-baġit (+ 0,7 %, skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni) kienu sostanzjalment riveduti 'l isfel, għal 0,2 % fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2013 u 0,0 % fit-Tbassir tar-Rebbiegħa. Għalhekk, il-Gvern abbanduna l-mira ta' defiċit nominali u bidilhom b’impenn li jtejjeb il-bilanċ strutturali b’1,0 % tal-PDG. F’Marzu 2013, il-Gvern ħa miżuri addizzjonali li jammontaw għal 0,2 % tal-PDG minbarra madwar 0,75 % tal-PDG ta’ miżuri meħuda fil-baġit 2013 inizjali, li tqiesu fit-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni. Dan it-tbassir jipprevedi titjib strutturali ta’ ¾ % tal-PDG fl-2013, inkluż ¼ pp. kontribuzzjoni minn inqas infiq fuq l-imgħaxijiet.

(8)       F’politika li ma tinbidilx, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipproġetta li d-defiċit jerġa' jogħla 'l fuq mill-valur ta’ referenza fl-2014, għal 3,1 % tal-PDG, minkejja t-tkabbir previst ogħla mill-potenzjal. Din iż-żieda ġdida ġejja minħabba x-xejra dejjem tiżdied b'mod awtonomu fit-trasferimenti soċjali u l-fatt li l-baġit 2013 inkluda wkoll madwar 0,4 % tal-PDG ta’ dħul ta’ darba u temporanju, bħal amnestija fiskali, il-bejgħ ta’ liċenzji tat-telecom u dividend eċċezzjonalment għoli mill-Bank Nazzjonali tal-Belġju.

(9)       Id-dejn pubbliku tela’ minn 84 % tal-PDG fl-2007 għal kważi 100 % tal-PDG fl-2012. Id-dinamika tad-defiċit u tal-PDG jammontaw għal madwar 6,5 pp. miż-żieda, filwaqt li fatturi eżoġeni jammontaw għal madwar 9 pp., l-iktar minħabba l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ fis-settur finanzjarju fil-forma ta’ injezzjonijiet ta’ kapital. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, mistenni jiżdied għal 'il fuq minn 102 % tal-PDG fl-2014. Il-Gvern Belġjan biħsiebu jbigħ assi finanzjarji biex iżomm id-dejn taħt il-100 % tal-PDG fl-2013. F'dan il-kuntest, il-gvern Belġjan ħabbar reċentement il-bejgħ ta' Royal Park Investment (l-entità ad hoc maħluqa fil-kuntest tal-operazzjoni ta' salvataġġ tal-Fortis) li jnaqqas il-livell tad-dejn għal 0,2 % tal-PDG.

(10)     Ir-Rapport ta' Sostenibilità Fiskali tal-Kummissjoni Ewropea 2012 juri li l-Belġju ma jidhirx li qed jiffaċċja riskju ta' kriżi fiskali fit-terminu l-qasir. Madankollu, ir-riskji ta' sostenibilità fiskali huma għoljin f'perspettiva fit-terminu medju għal dak twil. L-impatt baġitarju fit-tul tat-tixjiħ fil-Belġju huwa ferm ogħla mill-medja fl-UE, l-iktar b'riżultat ta' żieda relattivament għolja fl-infiq fuq il-pensjonijiet bħala proporzjon tal-PDG tul id-deċenji li ġejjin. Għalkemm ir-riforma fil-pensjonijiet ta' Diċembru 2011 kienet pass pożittiv importanti, jidher li hemm bżonn ta' miżuri addizzjonali biex tiġi rritornata s-sostenibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi.

(11)     Il-miżuri meħuda fil-baġit 2013 inizjali u l-kontroll tal-baġit ta' Marzu 2013 bħalissa huma mistennija li jniżżlu d-defiċit għal taħt it-3 % tal-PDG fl-2013. Madankollu, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-marġni ta' sigurtà kontra l-ksur tal-valur referenzjarju skont it-Trattat huwa dejjaq ħafna. Barra minn hekk, il-korrezzjoni għadha mhix sostenibbli.

(12)     Fl-isfond ta' inċertezzi kbar rigward l-iżviluppi ekonomiċi u baġitarji, il-mira baġitarja rakkomandata għall-aħħar sena tal-perjodu ta' korrezzjoni għandu jkun stabbilit f'livell kjarament taħt il-valur referenzjarju, sabiex ikun garantit li l-korrezzjoni tinkiseb b'mod effikaċi u dejjiemi u qabel l-iskadenza mitluba.

(13)     Għalhekk, tnaqqis ulterjuri tad-defiċit tal-2013 għal 2,7 % tal-PDG huwa meħtieġ, b'konsistenza ma' titjib strutturali ta' 1 % tal-PDG fl-2013. Għal dan l-għan, huma meqjusa li huma meħtieġa miżuri addizzjonali ta' ¼ % tal-PDG, anke fid-dawl ta' effetti negattivi possibbli tat-tieni rawnd.

(14)     Il-Belġju impenja ruħu fil-Programm ta' Stabilità tiegħu li jikseb baġit ibbilanċjat f'termini strutturali fl-2015, qabel ma jilħaq l-OTM tiegħu ta' bilanċ favorevoli ta' 0,75 % tal-PDG f'terminu strutturali fl-2016. Sussegwentement, f'ittra mibgħuta lill-Kummissjoni fit-28 ta' Mejju 2013, l-awtoritajiet Belġjani impenjaw ruħhom li jkollhom mira ta' sforz fiskali ogħla ta' ¾ % tal-PDG fl-2014. Ukoll fid-dawl tal-livell għoli ta' dejn, dan huwa sforz xieraq u se jikkonforma mal-punt ta' riferiment għat-tnaqqis tad-dejn.Minn hemm 'il quddiem, il-Belġju għandu jkompli jagħmel progress suffiċjenti lejn l-objettiv tat-terminu medju tiegħu inkluż li jilħaq il-punt ta' riferiment tal-infiq, u lejn il-konformità mal-punt ta' riferiment għat-tnaqqis tad-dejn.

(15)     Barra minn hekk, il-Belġju għandu jsaħħaħ is-sostenibilità tas-sistema tal-pensjonijiet u tas-sigurtà soċjali. F'dan ir-rigward, hemm bżonn ta' sforzi addizzjonali biex jingħalaq id-distakk bejn l-età ta' rtirar effettiva u dik statutorja għall-iżviluppi fl-istennija tal-għomor jippermettu s-salvagwardjar tas-sostenibilità tas-sistema tal-pensjonijiet fit-tul.

(16)     Barra minn hekk, il-Belġju għandu jadotta arranġamenti ta' koordinament espliċiti biex jiżgura li l-miri baġitarji jkunu vinkolanti fil-livell federali u fil-livelli sottofederali f'perspettiva ta' ppjanar fit-terminu medju, inkluż permezz tal-adozzjoni fil-pront ta' regola dwar bilanċ jew bilanċ pożittiv fil-baġit tal-amministrazzjoni pubblika li tikkonforma mar-rekwiżiti tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

(17)     Finalment, biex jiġi żgurat is-suċċess tal-istrateġija ta' konsolidazzjoni fiskali, se jkun importanti wkoll li l-konsolidazzjoni fiskali tkun sostnuta minn riformi strutturali komprensivi, b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill indirizzati lill-Belġju fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u b'mod partikolari dawk relatati mal-Proċedura ta' Żbilanċi Makroekonomiċi,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.           Il-Kunsill irrakkomanda lill-Belġju biex iġib fi tmiem il-qagħda ta' żbilanċ eċċessiv preżenti sal-2013.

2.           Il-Belġju għandu jnaqqas id-defiċit nominali għal 2,7 % tal-PDG fl-2013. Dan it-titjib nominali huwa konsistenti ma' titjib fil-bilanċ strutturali ta' 1 % tal-PDG fl-2013, abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni.

3.           Il-Belġju għandu jadotta u jimpliment bis-sħiħ il-miżuri ta' konsolidazzjoni kollha inkorporati fil-baġit 2013 kif ukoll miżuri addizzjonali ta' natura strutturali biex jinkiseb sforz strutturali rakkomandat għall-2013.

4.           Il-Belġju għandu jkun lest jadotta miżuri ulterjuri jekk jimmaterjalizzaw riskji għall-pjanijiet baġitarji. Miżuri ta' konsolidazzjoni baġitarji għandhom jiżguraw titjib dejjiemi fil-bilanċ strutturali tal-amministrazzjoni pubblika b'mod li jiffavorixxi t-tkabbir.

Artikolu 2

1.           Il-Belġju għandu jippreżenta rapport lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-21 ta’ Settembru 2013, li jiddeskrivi l-miżuri meħuda għall-konformità ma' din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni se tevalwa dan ir-rapport bil-ħsieb li tivvaluta l-progress magħmul lejn il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv.

2.           Il-Belġju għandu jibgħat rapporti kull tliet xhur lill-Kummissjoni, fejn jiġi eżaminat il-progress li jkun sar fil-konformità ma' din id-deċiżjoni.

3.           Il-Belġju għandu jibgħat rapport sal-31 ta' Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni intiża tal-ewwel rakkomandazzjoni maħruġa taħt is-Semestru Ewropew rigward l-adozzjoni ta' arranġamenti ta' koordinament espliċiti biex ikun żgurat li l-miri baġitarji jkunu vinkolanti fil-livell federali u f'dawk sottofederali f'perspettiva ta' ppjanar fit-terminu medju.

4.           Il-Belġju għandu jippreżenta miżuri strutturali għall-2014 li jiżguraw korrezzjoni sostenibbli tad-defiċit eċċessiv u progress xieraq lejn objettiv tat-terminu medju.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               Id-dokumenti kollha relatati mal-proċedura tad-defiċit eċċessiv tal-Belġju jinsabu f':              http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/deficit/countries/belgium_en.htm

[2]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.