52013PC0345

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-adozzjoni tal-euro fil-Latvja fl-1 ta' Jannar 2014 /* COM/2013/0345 final - 2013/0190 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Fit-3 ta' Mejju 1998, il-Kunsill iddeċieda li l-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, l-Awstrija u l-Finlandja ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta' Jannar 1999. Id-Danimarka u r-Renju Unit utilizzaw il-klawsoli ta' eżenzjoni ("opt-out") tagħhom, u għaldaqstant ma ġewx ivvalutati mill-Kunsill. Il-Kunsill qies il-Greċja u l-Isvezja bħala Stati Membri b'deroga. Fid-19 ta' Ġunju 2000, il-Kunsill iddeċieda li l-Greċja kienet issodisfat il-kundizzjonjiet meħtieġa biex tadotta l-euro fl-1 ta' Jannar 2001. Il-pajjiżi li daħlu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004 (ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja) saru Stati Membri b'deroga skont l-Artikolu 4 tal-Att ta' Adeżjoni rispettiv. Fil-11 ta' Lulju 2006, il-Kunsill iddeċieda li s-Slovenja issodisfat il-kundizzjonjiet meħtieġa biex tadotta l-euro fl-1 ta' Jannar 2007. Il-Bulgarija u r-Rumanija, li daħlu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Jannar 2007, saru Stati Membri b'deroga skont l-Artikolu 5 tal-Att ta' Adeżjoni rispettiv. Fil-10 ta' Lulju 2007, il-Kunsill iddeċieda li Ċipru u Malta ssodisfaw il-kundizzjonjiet meħtieġa biex jadottaw l-euro fl-1 ta' Jannar 2008. Fit-8 ta' Lulju 2008, il-Kunsill iddeċieda li s-Slovakkja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa biex tadotta l-euro fl-1 ta' Jannar 2009. Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill iddeċieda li s-Slovakkja issodisfat il-kundizzjonjiet meħtieġa biex tadotta l-euro fl-1 ta' Jannar 2011. Il-Kroazja se tissieħeb fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Lulju 2013 u se ssir Stat Membru b'deroga b'konformità mal-Artikolu 5 tal-Att ta' Adeżjoni.

L-Artikolu 140(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ("it-Trattat") jistipula li mill-inqas darba kull sentejn jew fuq talba ta' Stat Membru b'deroga, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew għandom jirrappurtaw lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fl-Istati Membri li jilħqu l-obbligi tagħhom b'deroga fil-kisba tal-unjoni ekonomika u monetarja. Abbażi tar-rapport tagħha stess u dak tal-BĊE, il-Kummissjoni tista' tressaq proposta lill-Kunsill għal Deċiżjoni tal-Kunsill, skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 140(2) tat-Trattat, biex tħassar id-deroga tal-Istati Membri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa.

Ir-Rapporti preċedenti ta’ Konverġenza regolari tal-Kummissjoni u tal-BĊE ġew adottati f’Mejju 2012. Fil-5 ta' Marzu 2013, il-Latvja ressqet talba biex issir valutazzjoni ġdida tal-konverġenza, bil-għan li ddaħħal l-euro fl-1 ta' Jannar 2014 f'każ li d-deroga tiġi rrevokata. B'risposta għal din it-talba, il-Kummissjoni u l-BĊE ħejjew rapporti dwar il-konverġenza għal-Latvja.

Ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Konverġenza 2013 għal-Latvja ġie adottat mill-Kulleġġ fil-5 ta' Ġunju 2013. Il-BĊE adotta r-rapport tiegħu fit-3 ta' Ġunju. Ir-rapporti jinkludu eżami tal-kompatibbiltà bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Latvja, inklużi l-istatuti tal-bank ċentrali tagħha, u l-Artikoli 130 u 131 tat-Trattat u l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) u l-BĊE. Ir-rapporti jeżaminaw ukoll l-ilħuq ta' grad għoli ta' konverġenza sostenibbli b'referenza għas-sodisfar tal-kriterji ta' konverġenza u jqisu bosta fatturi oħra meħtieġa skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 140(1) tat-Trattat.

Fir-Rapport tagħha ta' Konverġenza, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Latvja tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro.

Abbażi tar-rapport tagħha u dak tal-BĊE, il-Kummissjoni adottat il-proposta annessa għal Deċiżjoni tal-Kunsill biex tħassar id-deroga tal-Latvja b'effett mill-1 ta' Jannar 2014.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Isiru diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar l-isfidi fil-politika ekonomika fl-Istati Membri taħt bosta intestaturi fuq bażi regolari fil-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u fl-ECOFIN/Eurogroup. Dawn jinkludu diskussjonijiet informali dwar kwistjonijiet speċifikament rilevanti għat-tħejjija tad-dħul eventwali fiż-żona tal-euro (inklużi linji politiċi dwar ir-rati tal-kambju). Isir djalogu mal-akkademiċi u ma' gruppi oħra interessati fil-kuntest ta' konferenzi/seminars u fuq bażi ad hoc.

L-iżviluppi ekonomiċi fiż-żona tal-euro u fl-Istati Membri huma vvalutati fil-qafas ta' bosta proċeduri tal-koordinazzjoni u s-sorveljanza tal-politika ekonomika (notevolment skont l-Artikolu 121 tat-Trattat), kif ukoll fil-kuntest tal-monitoraġġ u l-analiżi tal-Kummissjoni ta' żviluppi speċifiċi għall-pajjiż u għaż-żona kollha (inklużi previżjonijiet, sensiela ta' pubblikazzjonijiet regolari, kontributi lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (EFC) u lill-ECOFIN/Eurogroup). B'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità u f'konformità mal-prassi tal-imgħoddi, il-Kummissjoni tipproponi li ma tiżviluppax valutazzjoni formali tal-impatt.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

3.1.        Il-bażi legali

Il-bażi legali għall-proposta preżenti hija l-Artikolu 140(2) tat-Trattat, li jistabbilixxi l-proċedura għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tal-euro u għat-tħassir tad-deroga fl-Istati Membri kkonċernati.

Il-Kunsill għandu jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, wara diskussjoni fil-Kunsill Ewropew u wara li jkun irċieva rakkomandazzjoni ta' maġġoranza kkwalifikata ta' dawk fost il-membri tiegħu li jirrappreżentaw Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

3.2.        Sussidjarjetà u proporzjonalità

Il-proposta taqa' taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Din l-inizjattiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tikseb l-għan tagħha, u għalhekk, hija konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità.

3.3.        L-għażla tal-istrument legali

L-istrument ta' Deċiżjoni huwa l-uniku strument legali xieraq skont l-Artikolu 140(2) tat-Trattat.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

2013/0190 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-adozzjoni tal-euro fil-Latvja fl-1 ta' Jannar 2014

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 140(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni Ewropea[1],

Wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Ċentrali Ewropew[2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra d-diskussjoni tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro,

Billi:

(1)       It-tielet stadju tal-unjoni ekonomika u monetarja (UEM) beda fl-1 ta' Jannar 1999. Il-Kunsill, li ltaqa' fi Brussell fit-3 ta' Mejju 1998 fil-kompożizzjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew Gvern, iddeċieda li l-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta' Jannar 1999[3].

(2)       Permezz tad-Deċiżjoni 2000/427/KE[4] il-Kunsill iddeċieda li l-Greċja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2001. Permezz tad-Deċiżjoni 2006/495/KE[5] il-Kunsill iddeċieda li s-Slovenja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2007. Permezz tad-Deċiżjonijiet 2007/503/KE[6] u 2007/504/KE[7] il-Kunsill iddeċieda li Ċipru u Malta ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2008. Permezz tad-Deċiżjoni 2008/608/KE[8] il-Kunsill iddeċieda li s-Slovakkja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro. Permezz tad-Deċiżjoni 2010/416/UE[9] il-Kunsill iddeċieda li l-Estonja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro.

(3)       Skont il-paragrafu 1 tal-Protokoll dwar ċerti dispożizzjonijiet rigward ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ("it-Trattat tal-KE"), ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill li ma kienx biħsiebu jgħaddi għat-tielet fażi tal-UEM (Unjoni Ekonomika u Monetarja) fl-1 ta' Jannar 1999. Din in-notifika ma tbiddlitx. Skont il-paragrafu 1 tal-Protokoll dwar ċerti dispożizzjonijiet rigward id-Danimarka anness mat-Trattat tal-KE u d-Deċiżjoni meħuda mill-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern f’Edinburgh f’Diċembru 1992, id-Danimarka nnotifikat lill-Kunsill li ma kinitx se tieħu sehem fit-tielet fażi tal-UEM. Id-Danimarka ma talbitx li tinbeda l-proċedura msemmija fl-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ("it-Trattat").

(4)       Permezz tad-Deċiżjoni 98/317/KE l-Isvezja għandha deroga kif iddefinit fl-Artikolu 139(1) tat-Trattat. B'konformità mal-Artikolu 4 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003[10], ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija u l-Polonja għandhom deroga kif iddefinit fl-Artikolu 139(1) tat-Trattat. Skont l-Artikolu 5 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005[11], il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom deroga kif iddefinit fl-Artikolu 139(1) tat-Trattat. Skont l-Artikolu 5 tal-Att ta’ Adeżjoni[12], il-Kroazja għandha deroga kif iddefinit fl-Artikolu 139(1) tat-Trattat.

(5)       Il-Bank Ċentrali Ewropew ("BĊE") ġie stabbilit fl-1 ta' Lulju 1998. Is-Sistema Monetarja Ewropea ġiet sostitwita minn mekkaniżmu għar-rati tal-kambju, li t-twaqqif tiegħu ġie miftiehem permezz ta' riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar it-twaqqif ta' mekkaniżmu għar-rati tal-kambju fit-tielet fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja tas-16 ta' Ġunju 1997[13]. Il-proċeduri għal mekkaniżmu għar-rati tal-kambju fit-tielet fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja (ERM II) ġew stabbiliti fil-Ftehim tas-16 ta' Marzu 2006 bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra ż-żona tal-euro li jistabbilixxi l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu għar-rati tal-kambju fit-tielet fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja[14].

(6)       L-Artikolu 140(2) tat-Trattat jistabbilixxi l-proċeduri għat-tħassir tad-deroga tal-Istati Membri kkonċernati. Mill-inqas darba kull sentejn, jew fuq talba ta’ Stat Membru b’deroga, il-Kummissjoni u l-BĊE għandhom jirrappurtaw lill-Kunsill skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 140(1) tat-Trattat. Fil-5 ta’ Marzu 2013, il-Latvja ressqet talba formali għal valutazzjoni tal-konverġenza.

(7)       Il-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri inklużi l-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali għandhom jiġu adattati skont il-ħtieġa bl-għan li tiġi żgurata l-kompatibbiltà mal-Artikoli 130 u 131 tat-Trattat u l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew ("Statut tas-SEBĊ u tal-BĊE"). Ir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE jagħtu valutazzjoni dettaljata tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni tal-Latvja mal-Artikoli 130 u 131 tat-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

(8)       Skont l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 13 dwar il-kriterji ta’ konverġenza msemmija fl-Artikolu 140 tat-Trattat, il-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet imsemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 140(1) tat-Trattat ifisser li Stat Membru għandu prestazzjoni tal-prezzijiet li tkun sostenibbli u rata medja ta’ inflazzjoni, li tkun ġiet osservata matul perjodu ta’ sena qabel l-eżami, li l-iktar, ma tkunx taqbeż b’iżjed minn punt perċentwali u nofs dik tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f’termini ta’ stabbiltà tal-prezzijiet. Għall-finijiet tal-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni għandha titkejjel permezz tal-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICPs) definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta’ Ottubru 1995 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur[15]. Għall-valutazzjoni tal-kriterju tal-istabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni ta’ Stat Membru titkejjel permezz tal-bidla perċentwali fil-medja aritmetika ta’ 12-il indiċi mensili f’relazzjoni mal-medja aritmetika ta' 12-il indiċi mensili tal-perjodu ta’ qabel. Fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE, tqies valur ta’ referenza kkalkulat bħala l-medja artimetika sempliċi tar-rati ta’ inflazzjoni tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f’dik li hi l-istabbiltà tal-prezzijiet, biż-żieda ta’ 1,5 punti perċentwali. Fil-perjodu ta' sena li jispiċċa f'April 2013, il-valur ta' referenza tal-inflazzjoni ġie kkalkulat li kien 2,7 fil-mija, bl-Isvezja, il-Latvja u l-Irlanda bħala t-tliet Stati Membri bl-aħjar prestazzjoni f'dik li hi l-istabbiltà ta' prezzijiet, b'rati ta' inflazzjoni ta' 0,8 fil-mija 1,3 fil-mija u 1,6 fil-mija rispettivament. Huwa meħtieġ li jiġu esklużi l-pajjiżi bl-aqwa prestazzjoni li r-rati ta' inflazzjoni tagħhom ma jistgħux jiġu meqjusa bħala valur ta' referenza sinifikanti għal Stati Membri oħra. Tali pajjiżi fil-passat kienu identifikati fir-Rapporti ta' Konverġenza tal-2004 u l-2010. Fis-sitwazzjoni attwali, huwa meħtieġ li l-Greċja tiġi eskluża mill-aqwa prestaturi, minħabba li r-rata ta' inflazzjoni u l-profil tagħha jiddevjaw b'marġni wiesa' mill-medja taż-żona tal-euro, li jirriflettu b'mod prinċipali l-ħtiġjiet ibsin ta' aġġustament u sitwazzjoni eċċezzjonali tal-ekonomija Griega, u jekk din tiġi inkluża taffettwa b'mod ħażin il-valur ta' referenza u għaldaqstant il-ġustizzja tal-kriterju[16].

(9)       Skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 13, il-kriterju dwar il-pożizzjoni baġitarja tal-gvern imsemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 140(1) tat-Trattat għandu jfisser li fil-waqt tal-eżami, l-Istat Membru ma jkunx is-suġġett ta' Deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(6) tat-Trattat dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv.

(10)     Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 13, il-kriterju dwar il-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea li jissemma fit-tielet inċiż tal-Artikolu 140(1) tat-Trattat ifisser li Stat Membru jkun irrispetta l-marġni għall-varjazzjonijiet normali li jipprovdi għalihom il-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju (ERM) tas-Sistema Monetarja Ewropea mingħajr tensjonijiet gravi għal tal-anqas l-aħħar sentejn qabel l-eżami. B'mod partikolari, l-Istat Membru ma għandux ikun żvaluta r-rata bilaterali ċentrali tal-munita tiegħu kontra l-euro fuq inizjattiva tiegħu stess matul l-istess perjodu. Mill-1 ta' Jannar 1999, l-ERM II jipprovdi l-qafas għall-evalwazzjoni tas-sodisfar tal-kriterju tar-rata tal-kambju. Fl-evalwazzjoni tas-sodisfar ta' dan il-kriterju fir-rapporti tagħhom, il-Kummissjoni u l-BĊE eżaminaw il-perjodu ta' sentejn li ntemm fis-16 ta' Mejju 2013.

(11)     Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 13 il-kriterju dwar il-konverġenza tar-rati ta’ mgħax li jissemma fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 140(1) tat-Trattat ifisser li, fuq osservazzjoni matul perjodu ta’ sena qabel l-eżami, Stat Membru kellu medja tar-rati ta’ mgħax nominali fit-tul li ma jaqbiżx b’aktar minn żewġ punti perċentwali dik ta’, l-aktar nett, it-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f’termini ta’ stabbiltà tal-prezzijiet. Għall-finijiet tal-kriterji dwar il-konverġenza tar-rati ta’ mgħax, intużaw rati ta’ mgħax komparabbli fuq bonds ta’ referenza ta’ 10 snin maħruġa mill-gvern. Fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE, sabiex jiġi evalwat is-sodisfar tal-kriterju tar-rati ta' mgħax, tqies valur ta' referenza kkalkulat bħala l-medja artimetika sempliċi tar-rati ta' mgħax nominali fit-tul tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f'dik li hi l-istabbiltà tal-prezzijiet, bl-addizzjoni ta' żewġ punti perċentwali. Abbażi ta' dan, il-valur ta' referenza fil-perjodu ta' sena li ntemm f'April 2013 kien 5,5 %.

(12)     B’konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 13, id-dejta użata fil-valutazzjoni attwali tal-kriterji ta’ konverġenza għandha tiġi pprovduta mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni pprovdiet dejta għat-tħejjija ta' din il-proposta. Id-dejta baġitarja ġiet ipprovduta mill-Kummissjoni wara li l-Istati Membri rrappurtaw sal-1 ta' April 2013 b'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 tat-22 ta' Novembru 1993 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea[17].

(13)     Abbażi tar-rapporti mressqa mill-Kummissjoni u l-BĊE dwar il-progress li sar fis-sodisfar mil-Latvja tal-obbligi tagħha rigward il-kisba tal-unjoni ekonomika u monetarja, il-Kummissjoni kkonkludiet li:

(a)     fil-Latvja, il-leġiżlazzjoni nazzjonali, inkluż l-Istatut tal-bank ċentrali nazzjonali, hija kompatibbli mal-Artikoli 130 u 131 tat-Trattat u mal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

(b)     rigward is-sodisfar mil-Latvja tal-kriterji ta' konverġenza msemmija fl-erba' inċiżi tal-Artikolu 140(1) tat-Trattat:

– ir-rata medja tal-inflazzjoni fil-Latvja, fis-sena li ntemmet f'April 2013, kienet ta' 1,3 %, li hija aktar baxxa mill-valur ta' referenza, u x'aktarx tibqa' taħt il-valur ta' referenza fix-xhur li ġejjin,

– id-defiċit tal-baġit fil-Latvja ra tnaqqis kredibbli u sostenibbli għal taħt it-3 fil-mija tal-PDG sa tmiem l-2012; Permezz tad-Deċiżjoni 2013/.../UE[18] il-Kunsill, huwa u jaġixxi fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, ħassar id-Deċiżjoni 2009/591/KE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fil-Latvja,

– Il-Latvja ilha membru tal-ERM II mit-2 ta' Mejju 2005; meta daħlet fl-ERM II, l-awtoritajiet b'mod unilaterali impenjaw ruħhom biex iżommu l-lats f'marġni ta' varjazzjoni ta' ±1 % madwar ir-rata ċentrali. Matul is-sentejn qabel din il-valutazzjoni, ir-rata ta' kambju tal-lats ma ddevjatx mir-rata ċentrali tagħha b'aktar minn ±1% u ma esperjenzatx tensjonijiet,

– fis-sena li ntemmet f'April 2013, ir-rata tal-imgħax fit-tul fil-Latvja kienet, fil-medja, 3,8 fil-mija, li jiġi taħt il-valur ta' referenza.

(c)     Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà legali u tas-sodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza kif ukoll il-fatturi addizzjonali, il-Latvja tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Latvja tissodisfa l-kundizzjonjiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro. Id-deroga favur il-Latvja msemmija fl-Artikolu 4 tal-Att ta' Adeżjoni tal-2003 qed titħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2014.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]              

[2]              

[3]               Id-Deċiżjoni 1998/317/KE (ĠU L 139, 11.5.1998, p. 30).

[4]               ĠU L 167 tas-7.7.2000, p. 19.

[5]               ĠU L 195 tal-15.7.2006, p. 25.

[6]               ĠU L 186 tat-18.7.2007, p. 29.

[7]               ĠU L 186 tat-18.7.2007, p. 32.

[8]               ĠU L 195, 24.7.2008, p. 24.

[9]               ĠU L 196, 28.7.2010, p. 24.

[10]             ĠU L 236, 23.9.2003, p. 33.

[11]             ĠU L 157, 21.6.2005, p. 203.

[12]             ĠU L 112, 24.4.2012, p. 21.

[13]             ĠU C 236, 2.8.1997, p. 5.

[14]             ĠU C 73, 25.3.2006, p. 21. Il-Ftehim kif emendat bil-Ftehim tal-14 ta’ Diċembru 2007 (ĠU C 319, 29.12.2007, p. 7).

[15]             ĠU L 257, 27.10.1995, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1) u bir-Regolament (KE) Nru 596/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

[16]             F'April 2013, ir-rata medja ta' inflazzjoni ta' 12-il xahar tal-Greċja kienet 0,4 % u dik taż-żona tal-euro kienet 2,2 %, bid-differenza bejn it-tnejn prevista li tikber aktar fix-xhur li ġejjin.

[17]             ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2103/2005 (ĠU L 337, 22.12.2005, p. 1).

[18]