52013PC0312

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi l-Programm Copernicus u jħassar ir-Regolament (UE) Nru 911/2010 /* COM/2013/0312 final - 2013/0164 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Copernicus huwa l-isem il-ġdid tal-Programm Ewropew ta’ Osservazzjoni tad-Dinja, GMES (Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà). Copernicus jew aħjar il-predeċessur tiegħu ġie stabbilit bħala programm tal-UE bir-Regolament tal-GMES (UE) Nru 911/2010. Dan ikopri l-attivitajiet kollha biex tkun żgurata provvista mingħajr interruzzjoni ta’ dejta u informazzjoni preċiżi u affidabbli dwar kwistjonijiet ambjentali u kwistjonijiet ta’ sigurtà lill-utenti responsabbli għat-tfassil tal-politika, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ fl-UE u fl-Istati Membri tagħha. Copernicus għandu l-għan li jipprovdi lill-Ewropa b'aċċess kontinwu, indipendenti u affidabbli għal dejta u informazzjoni ta' osservazzjoni. L-investiment tal-UE għandu l-għan li jneħħi d-diskrepanzi fl-osservazzjoni, filwaqt li jipprovdi aċċess għall-assi eżistenti u jiżviluppa servizzi operattivi.

Copernicus huwa strutturat f’sitt Servizzi: il-monitoraġġ tal-Baħar, tal-Atmosfera, tal-Art u tat-Tibdil fil-Klima kif ukoll l-appoġġ għall-Emerġenza u s-Sigurtà. Copernicus juża dejta minn satelliti u sensuri fil-post bħal bagi, blalen jew sensuri tal-ajru li jipprovdu informazzjoni u tbassir ta’ valur miżjud f’waqtu u affidabbli għas-sostenn ta’, pereżempju, l-agrikoltura u s-sajd, l-użu tal-art u l-ippjanar urban, il-ġlieda kontra n-nirien fil-foresti, ir-reazzjoni għad-diżastri, it-trasport marittimu jew il-monitoraġġ tat-tniġġis tal-arja.

Copernicus jikkontribwixxi wkoll għall-istabbiltà u t-tkabbir ekonomiku billi jagħti spinta lill-applikazzjonijiet kummerċjali (dawk li jissejħu servizzi downstream) f’ħafna setturi differenti permezz ta’ aċċess sħiħ u miftuħ għal prodotti ta’ dejta u informazzjoni tal-osservazzjoni Copernicus. Huwa wieħed mill-programmi li għandhom jiġu pprovduti skont l-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u ġie inkluż fl-inizjattiva tal-politika industrijali tal-Ewropa 2020, minħabba l-benefiċċji tiegħu għal firxa wiesgħa ta’ politiki tal-Unjoni.

Ir-responsabbiltà għall-finanzjament tal-isfruttament u t-tiġdid tal-infrastruttura spazjali żviluppata bil-fondi tal-UE u dawk intergovernattivi ma tistax tintlaħaq bl-aħjar mod mill-Istati Membri individwali minħabba l-ispejjeż imġarrba. Fil-qasam tal-osservazzjoni bbażata fl-ispazju għall-meteoroloġija operattiva, l-Istati Ewropej ġabru r-riżorsi tagħhom biex jiżviluppaw u jisfruttaw satelliti meteoroloġiċi fil-qafas tal-Organizzazzjoni Ewropea għall-Esplojtazzjoni u Satelliti Meteoroloġiċi (EUMETSAT). L-Istati Ewropej żviluppaw ukoll dimostraturi ta’ satelliti ambjentali permezz tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) jew permezz ta’ aġenziji spazjali nazzjonali. Madankollu, ma setgħux isibu mezz biex jikkooperaw fir-rigward tal-finanzjament tal-programmi operattivi sostnuti fil-qasam tal-monitoraġġ ambjentali. Il-ħtieġa għat-tkomplija ta’ osservazzjonijiet bħal dawn qed issir kritika, meta wieħed iqis il-pressjoni politika dejjem tiżdied fuq l-awtoritajiet pubbliċi biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati fil-qasam tal-ambjent, is-sigurtà u t-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li jiġu rrispettati l-ftehimiet internazzjonali.

Għas-servizzi b’kopertura pan-Ewropea u globali, l-Istati Membri ma jistgħux jiksbu l-objettivi tal-azzjoni proposta b’mod suffiċjenti, peress li l-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri differenti jridu jiġu aggregati fil-livell Ewropew. Il-forniment ta’ servizzi oħrajn (eż. mapep ta’ emerġenza jew mapep tematiċi ta’ monitoraġġ tal-art b’ambitu ġeografiku aktar limitat) jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-UE għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, ġestjoni iktar koerenti u ċentralizzata tad-dejta tal-input, minn sensuri bbażati fl-ispazju jew fil-post se tippermetti ekonomiji ta’ skala.

It-tieni nett, provvista koordinata ta’ servizzi ta’ monitoraġġ tad-Dinja fil-livell tal-Istati Membri tgħin biex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet u ssaħħaħ il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE abbażi ta’ kriterji trasparenti u oġġettivi. Hija biss l-informazzjoni komparabbli prodotta fil-livell tal-Istati Membri li tagħmel possibbli l-iżgurar ta’ implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni ambjentali li f’ħafna każijiet tindirizza problemi tassew mingħajr fruntieri u għalhekk problemi internazzjonali.

Barra minn hekk, azzjoni fil-livell Ewropew se toħloq ekonomiji ta’ skala li jwasslu għal valur aħjar għall-flus pubbliċi. Azzjoni fil-livell tal-UE għalhekk twassal għal valur miżjud ċar.

Sa mill-bidu, il-finanzjament globali allokat għall-iżvilupp tiegħu mill-UE u l-ESA laħaq aktar minn EUR 3.2 biljun. Parti kbira mill-baġit tal-GMES kienet iddedikata għall-iżvilupp ta’ satelliti ta’ osservazzjoni: is-Sentinelli. Dan sar permezz ta’ kontribuzzjoni mill-Kummissjoni ta’ EUR 738 miljun għall-programm tal-komponent spazjali tal-ESA GMES (GSC).

Sal-aħħar tal-2013, Copernicus huwa ffinanzjat mit-tema spazjali tal-FP7 u l-GMES u l-programm tal-Operazzjonijiet Inizjali tiegħu. Peress li Copernicus se jkun lest biex jidħol fil-fażi operattiva tiegħu, huwa meħtieġ Regolament ġdid mill-2014 ’il quddiem. B’mod konformi mal-objettivi tal-Komunikazzjoni “Aġenda ta’ Simplifikazzjoni għall-QFM 2014-2020” [1], dan ir-Regolament il-ġdid se jiddefinixxi aħjar il-governanza tal-programm, b’mod partikolari r-rwol tal-Kummissjoni, l-objettivi tal-programm u l-indikaturi li se jippermettu monitoraġġ effettiv tal-implimentazzjoni tiegħu, u jiżgura tranżizzjoni bla xkiel mill-attivitajiet attwali. Ir-Regolament propost jinkludi wkoll dispożizzjonijiet għat-twaqqif ta’ proċeduri finanzjarji proporzjonati b’mod partikolari għall-parti l-kbira tal-programm li għandha tiġi implimentata indirettament. Fil-kuntest ta’ simplifikazzjoni u “regolamentazzjoni intelliġenti”, għandu jiġi nnutat li Copernicus jimmira li jtejjeb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni billi jipprovdi għodod ta’ monitoraġġ ibbażati fuq l-evidenza.

Fil-Komunikazzjoni tagħha intitolata “Baġit għall-Ewropa 2020”, (COM (2011) 500 finali tad-29.06.2011) il-Kummissjoni indikat li minħabba l-limiti tal-baġit tal-UE, ġie propost li l-GMES jiġi ffinanzjat barra mill-qafas finanzjarju pluriennali fil-perjodu ta' bejn l-2014 u l-2020. Din il-proposta ġiet miċħuda mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu P7_TA(2012)0062 tas-16 ta’ Frar 2012. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta’ Frar 2013, dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) jipprevedu li l-programm għandu jiġi ffinanzjat taħt is-subintestatura 1a tal-qafas finanzjarju, b'livell massimu ta' impenji ta' EUR 3,768 miljun (prezzijiet tal-2011) li jridu jiġu stabbiliti fir-Regolament tal-QFP.

2.           IR-RIŻULTATI TA’ KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Sa mill-ħolqien tal-Uffiċċju tal-GMES tal-Kummissjoni Ewropea fl-2006 kien fis-seħħ proċess kontinwu ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati dwar il-GMES. Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni, imniedi bil-Komunikazzjoni intitolata “Monitoraġġ globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES): Mill-Kunċett għar-Realtà” [2], wassal l-ewwel nett għall-adozzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2008 intitolata “Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u għas-Sigurtà (MGAS): Għal Qalbna Dinja iżjed Protetta” [3]. Saru aktar konsultazzjonijiet bi tħejjija għall-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-programm Ewropew ta’ osservazzjoni tad-Dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu (2011-2013) [4] u l-Komunikazzjoni intitolata “Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES): L-Isfidi u l-Passi li Jmiss għall-Komponent Spazjali” [5].

Mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-GMES fl-2010, il-konsultazzjoni tal-Istati Membri u l-utenti kompliet permezz ta’ korpi tat-tmexxija ġodda stabbiliti bir-Regolament innifsu: il-Kumitat tal-GMES u l-Forum tal-Utenti magħmul minn rappreżentanti tal-utenti tas-settur pubbliku.

Il-konsultazzjoni kkonfermat l-interess fil-Programm Copernicus u l-ħtieġa tiegħu, u – issa li fil-fatt sar programm tal-UE – tiffoka fuq għażliet ta’ disinn differenti, b’mod partikolari għas-Servizzi Copernicus. Il-partijiet interessati indikaw li d-disponibbiltà mingħajr interruzzjoni u garantita tal-informazzjoni li ġejja mis-servizzi Copernicus hija l-pedament biex il-programm ikun suċċess u biex il-benefiċċji tiegħu jimmaterjalizzaw b’mod sħiħ.

Saret valutazzjoni tal-impatt fl-2011 u l-konklużjonijiet ewlenin ġew ippubblikati fid-Dokument SEC (2011) 867 finali tat-28.06.2011, li akkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali, COM (2011) 500. Il-valutazzjoni tal-impatt issa ġiet adattata u r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt ġew ikkunsidrati. Dak li nbidel mill-2011 huwa l-kunsiderazzjoni politika tal-utilità tal-finanzjament tal-programm Copernicus fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali. Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li issa huwa ż-żmien biex tagħmel proposta formali.

Għandu jiġi nnutat, madankollu, li din il-proposta kellha tiġi aġġustata mill-ġdid skont l-ammont miftiehem taħt il-limitu ta’ Qafas Finanzjarju Pluriennali, li naqqas il-proposta inizjali tal-Kummissjoni b’iktar minn EUR 2 biljun. Sabiex tippreserva l-għoti tas-servizz, il-Kummissjoni kellha tnaqqas l-iżviluppi ġodda fil-komponent spazjali għat-tiġdid u l-modernizzazzjoni tal-kapaċità ta’ osservazzjoni. L-ESA se tieħu r-responsabbiltà għall-iżvilupp tal-ġenerazzjoni li jmiss tas-Sentinelli.

Il-kwistjoni tal-proprjetà tal-assi tal-komponent spazjali ta’ Copernicus hija importanti u ma tistax titqies b’mod iżolat mid-drittijiet u r-responsabbiltajiet li tali proprjetà tagħti lill-proprjetarju. Il-proprjetarju għandu d-drittijiet kollha possibbli inkluż id-dritt għall-użu, it-trasferiment u r-rimi.

Biex jiġi ddeterminat jekk tiġix aċċettata s-sjieda tal-komponent spazjali, trid issir distinzjoni bejn żewġ fażijiet: Matul l-ewwel fażi, jiġifieri fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali preżenti, l-UE kienet biss kontributur tal-programm ESA b'rata ta' madwar 30 % u ma kellix fondi biżżejjed biex tieħu r-rwol ewlieni sabiex tifforma l-komponent spazjali ta' Copernicus. Barra minn hekk, il-fondi tal-UE kienu fil-biċċa l-kbira approprjazzjonijiet tal-FP7 u ma kinux imfassla biex jiffinanzjaw programm operattiv fuq bażi permanenti. Għalhekk, l-UE ma setgħetx tassumi s-sjieda matul din il-fażi. It-tieni fażi se tibda bil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. Dan se jġib bidla fundamentali billi l-UE se tkun tista' tiffinanzja kompletament ħafna mill-partijiet tal-komponent spazjali Copernicus, inklużi s-segment fl-art u l-ispejjeż tal-operazzjonijiet tas-satelliti.

F'dan il-kuntest il-ġdid, kif imsemmi fl-Artikolu 19, jeħtieġ li tiġi rriveduta s-sjieda tas-satelliti. Ir-Regolament jipprevedi l-għażla li l-UE jew korp jew fond magħżul b'mod speċifiku jista' jieħu s-sjieda mill-ESA. Fid-dawl tat-trasferiment tas-sjieda, jeħtieġ li l-għażliet jiġu vvalutati, billi jitqisu l-fatturi rilevanti inklużi l-operazzjoni tas-satelliti; is-sjieda legali tad-dejta; il-kundizzjonijiet ta' aċċess tad-dejta; u l-valur tal-assi. Dawn l-għażliet se jitqisu biss jekk l-iżvantaġġi tas-sjieda tal-UE jidhru li qed jegħlbu l-vantaġġi tagħha. It-trasferiment tas-sjieda mill-UE tista' ssir biss permezz ta' att delegat.

Tista' titqis ukoll l-għażla ta' skema ta' xiri ta' dejta.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

B’kunsiderazzjoni għall-Artikolu 189 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-proposta hija għal Regolament ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Copernicus. Dan jiffoka fuq l-aspetti ewlenin li ġejjin

(1) Bidla fl-isem għal Copernicus;

(2) Governanza tal-GMES fil-fażi operattiva tiegħu, bil-għan li jippermetti lill-Kummissjoni tiddelega l-attivitajiet lil numru ta’ operaturi;

(3) Finanzjament bejn l-2014 u l-2020.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Id-dikjarazzjoni finanzjarja li takkumpanja din il-proposta għal Regolament tistabbilixxi approprjazzjonijiet indikattivi baġitarji, li huma kompatibbli mal-qafas finanzjarju pluriennali 2014 - 2020, b’livell massimu ta’ impenji ta’ EUR 3 786 miljun, fi prezzijiet tal-2011, ekwivalenti għal EUR 4 291 miljun fi prezzijiet attwali.

5.           ELEMENTI FAKULTATTIVI

Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati biex jintlaħqu ċerti objettivi stipulati fil-proposta.

2013/0164 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi l-Programm Copernicus u jħassar ir-Regolament (UE) Nru 911/2010

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 189(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[6],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[7],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Il-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) kienet inizjattiva għall-monitoraġġ tad-Dinja mmexxija mill-Unjoni u mwettqa bi sħubija mal-Istati Membri u l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA). L-oriġini tal-GMES tmur lura għal Mejju 1998, meta l-istituzzjonijiet involuti fl-iżvilupp ta’ attivitajiet spazjali fl-Ewropa għamlu dikjarazzjoni konġunta magħrufa bħala “Il-Manifest ta’ Baveno”. Il-Manifest talab impenn fit-tul għall-iżvilupp ta’ servizzi ta’ monitoraġġ ambjentali bbażati fl-ispazju, permezz tal-użu tal-ħiliet u t-teknoloġiji Ewropej, u l-iżvilupp ulterjuri tagħhom. Fl-2005, l-Unjoni għamlet l-għażla strateġika li tiżviluppa kapaċità indipendenti Ewropea ta’ osservazzjoni tad-Dinja biex tipprovdi servizzi fl-oqsma ambjentali u tas-sigurtà[8], li finalment irriżultaw fir-Regolament (UE) Nru 911/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar il-programm Ewropew ta’ monitoraġġ tad-dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu (2011-2013)[9].

(2)       Copernicus għandu jitqies bħala kontribuzzjoni Ewropea għall-bini tas-Sistema tas-Sistemi Globali tal-Osservazzjoni tad-Dinja (GEOSS) żviluppata fil-qafas tal-Grupp fuq l-Osservazzjonijiet tad-Dinja (GEO).

(3)       Abbażi tar-riżultati ta’ din l-inizjattiva, ir-Regolament (UE) Nru 911/2010 stabbilixxa l-programm Ewropew ta’ monitoraġġ tad-Dinja (GMES) u r-regoli għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet inizjali tiegħu.

(4)       Filwaqt li l-programm stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 911/2010 għandu jkompli skont il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, l-akronimu “GMES” għandu jinbidel għal “Copernicus” biex jiffaċilita l-komunikazzjoni mal-pubbliku in ġenerali. Il-Kummissjoni rreġistrat il-marka kummerċjali biex tkun tista’ tintuża mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tiġi liċenzjata lil utenti interessati oħrajn, b’mod partikolari lill-fornituri ta’ servizzi ewlenin.

(5)       L-objettivi tal-programm Copernicus huma li jipprovdi informazzjoni preċiża u affidabbli fil-qasam tal-ambjent u s-sigurtà, imfassla skont il-bżonnijiet tal-utenti u li tappoġġja politiki oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari rigward is-suq intern, it-trasport, l-ambjent, l-enerġija, il-protezzjoni ċivili, il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u l-għajnuna umanitarja. Dan jibni fuq il-kapaċitajiet eżistenti fl-Ewropa, kumplimentati minn assi ġodda żviluppati b’mod komuni.

(6)       Il-programm Copernicus għandu jiġi implimentat b’mod konsistenti ma’ strumenti u azzjonijiet rilevanti oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari azzjonijiet ambjentali u tat-tibdil fil-klima, u strumenti fil-qasam tas-sigurtà, il-protezzjoni tad-dejta personali, il-kompetittività u l-innovazzjoni, il-koeżjoni, ir-riċerka, it-trasport, il-kompetizzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali, mal-programm Ewropew tas-Sistemi Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS). Id-dejta Copernicus għandha tkun koerenti mad-dejta ta’ referenza spazjali tal-Istati Membri u tappoġġja l-iżvilupp tal-infrastruttura għall-informazzjoni spazjali fl-Unjoni stabbilita bid-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (Inspire)[10]. Copernicus għandu jikkumplimenta wkoll is-Sistema Komuni ta’ Informazzjoni Ambjentali (SEIS) u l-attivitajiet tal-Unjoni fil-qasam tar-rispons ta’ emerġenza.

(7)       Copernicus huwa programm li għandu jiġi pprovdut skont l-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Dan għandu jkun ta’ benefiċċju għal firxa wiesgħa ta’ politiki tal-Unjoni u jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi ta’ Ewropa 2020, b’mod partikolari billi tiġi żviluppata politika spazjali effettiva li tipprovdi l-istrumenti biex jiġu indirizzati uħud mill-isfidi globali ewlenin u jintlaħqu l-miri dwar it-tibdil fil-klima u s-sostenibbiltà tal-enerġija.

(8)       Il-programm Copernicus għandu jibbenefika mir-riżultati pprovduti minn Orizzont 2020, il-Programm Qafas tal-Unjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2014-2020, b’mod partikolari permezz tal-attivitajiet tiegħu ta’ riċerka u innovazzjoni għal teknoloġiji u applikazzjonijiet futuri għall-Osservazzjoni tad-Dinja permezz ta’ telerilevament, teknoloġiji tal-ajru u fil-post, u dejta ta’ rispons għall-isfidi soċjetali l-kbar.

(9)       Sabiex jikseb l-objettivi tiegħu, il-programm Copernicus għandu jistrieħ fuq il-kapaċità awtonoma tal-Unjoni għall-osservazzjonijiet li jkunu saru fl-ispazju u jipprovdi servizzi operattivi fil-qasam tal-ambjent, il-protezzjoni ċivili u s-sigurtà. Għandu jagħmel ukoll użu mid-dejta disponibbli pprovduta fil-post, jiġifieri, mill-Istati Membri. Il-forniment ta’ servizzi operattivi jiddependi fuq il-funzjonament tajjeb u s-sigurtà tal-komponent spazjali Copernicus. Ir-riskju dejjem jiżdied ta’ kolliżjoni ma’ satelliti oħrajn u residwu spazjali huma l-aktar theddida serja għall-komponent spazjali Copernicus. Għalhekk, il-programm Copernicus għandu jappoġġja azzjonijiet immirati biex inaqqsu dawn ir-riskji, b’mod partikolari billi jikkontribwixxi għall-programm stabbilit bid-Deċiżjoni [XXX] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Programm ta’ Appoġġ għas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju[11].

(10)     Il-pakkett finanzjarju massimu meħtieġ għall-azzjonijiet Copernicus (2014-2020) huwa ta’ EUR 3 786 miljun fi prezzijiet tal-2011, allokati f’kapitolu separat tal-baġit skont it-Titolu 2 tal-Intestatura 1a tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni. In-nefqiet tal-persunal u dawk amministrattivi mġarrba mill-Kummissjoni fil-koordinazzjoni tal-programm Copernicus għandhom jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni.

(11)     Bil-ħsieb li jiġu mtejba l-implimentazzjoni ta’ Copernicus u l-ippjanar fit-tul tiegħu, il-Kummissjoni għandha tadotta l-programm ta’ ħidma annwali b’mod konformi mal-prijoritajiet, l-objettivi u l-istrateġiji ta’ pjan pluriennali,

(12)     Copernicus għandu jkun indirizzat għall-utent, u għalhekk jeħtieġ l-involviment kontinwu u effettiv tal-utenti, b’mod partikolari rigward id-definizzjoni u l-validazzjoni ta’ rekwiżiti tas-servizz.

(13)     Id-dimensjoni internazzjonali ta’ Copernicus hija ta’ rilevanza partikolari fl-iskambju tad-dejta u l-informazzjoni, kif ukoll fl-aċċess għall-infrastruttura ta’ osservazzjoni. Sistema ta’ skambju bħal din hija aktar kosteffiċjenti minn skemi ta’ xiri ta’ dejta u ssaħħaħ id-dimensjoni globali tal-programm.

(14)     Il-Ftehim ŻEE u l-Ftehimiet ta’ Qafas mal-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi potenzjalment kandidati jipprovdu għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi oħrajn u organizzazzjonijiet internazzjonali għandha ssir possibbli billi jiġu konklużi ftehimiet internazzjonali għal dan il-għan.

(15)     L-Istati Membri, il-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom ikunu liberi li jikkontribwixxu għall-programmi abbażi ta’ ftehimiet xierqa.

(16)     Il-Kummissjoni għandu jkollha r-responsabbiltà globali għall-programm Copernicus. Għandha tiddefinixxi l-prijoritajiet u l-objettivi tiegħu u tiżgura l-koordinazzjoni u s-sorveljanza ġenerali tal-programm.

(17)     B’kunsiderazzjoni tad-dimensjoni ta’ sħubija ta’ Copernicus u sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-kompetenza teknika, l-implimentazzjoni tal-programm għandha tiġi ddelegata lil entitajiet b’kapaċità teknika u professjonali xierqa.

(18)     Fl-implimentazzjoni tal-programm Copernicus, il-Kummissjoni tista’ tistrieħ, fejn xieraq, fuq aġenziji kompetenti tal-Unjoni, bħall-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX), l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u ċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (EUSC) jew kwalunkwe korp rilevanti potenzjalment eliġibbli għal delegazzjoni skont l-Artikolu 58 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni[12].

(19)     Skont l-Artikolu 61(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-għażla ta’ entitajiet (l-“operaturi”) li l-Kummissjoni tista’ tafdalhom kompiti ta’ implimentazzjoni, għandha ssegwi proċedura trasparenti ġġustifikata b’motivazzjonijiet oġġettivi u ma għandhiex twassal għal kunflitt ta’ interess. Minħabba n-natura partikolari tal-kompiti involuti, ġiet magħżula proċedura ad hoc ibbażata fuq sejħa għal espressjoni ta’ interess biex jiġu identifikati l-aktar operaturi potenzjalment adatti biex ikunu fdati bil-ġestjoni indiretta tal-programm Copernicus.

(20)     L-operaturi tal-programm Copernicus għandhom ikunu suġġetti għal sorveljanza mill-Kummissjoni, filwaqt li jgawdu l-awtonomija meħtieġa biex jimplimentaw il-kompiti li jkunu fdati bihom. Huma għandhom jissottomettu programm ta’ ħidma annwali lill-Kummissjoni permezz ta’ rapport annwali ta’ implimentazzjoni.

(21)     Huwa importanti li, sabiex tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 317 TFUE, il-Kummissjoni jkollha l-mezzi meħtieġa għad-dispożizzjoni tagħha biex tissorvelja l-atti tal-entitajiet li tafda bil-kompiti ta’ implimentazzjoni skont il-programm Copernicus. Dan ma jinkludix biss is-setgħat diġà mogħtija lilha mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, iżda wkoll il-possibbiltà li tagħti istruzzjonijiet lill-operatur u twettaq spezzjonijiet. B’mod partikolari, f’każ ta’ urġenza jew ta’ avvenimenti mhux mistennija, u f’kull sitwazzjoni oħra fejn l-operatur ma jkunx jista’ jwettaq dawk il-kompiti, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ titlob id-delegazzjoni lura u taġixxi minflok l-operatur. L-eżerċizzju ta’ din il-fakultà għandu jkun proporzjonali għall-għanijiet li għandhom jinkisbu u għalhekk il-ftehim ta’ delegazzjoni għandu jiġi sospiż għaż-żmien meħtieġ biex jiġu mwettqa l-atti meħtieġa.

(22)     Sabiex jintlaħaq l-objettiv ta’ Copernicus fuq bażi sostenibbli, huwa meħtieġ li jiġu kkoordinati l-attivitajiet tad-diversi sħab involuti f’Copernicus, u li tiġi żviluppata, stabbilita u operata kapaċità ta’ servizz u osservazzjoni li tissodisfa d-domandi tal-utenti. F’dan il-kuntest, kumitat għandu jassisti lill-Kummissjoni fl-iżgurar tal-koordinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet għal Copernicus mill-Unjoni, l-Istati Membri u l-aġenziji intergovernattivi, billi jagħmel l-aħjar użu tal-kapaċitajiet eżistenti u jidentifika lakuni li għandhom jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni. Għandu jgħin ukoll lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni koerenti ta’ Copernicus.

(23)     Il-ħidma tal-operaturi li l-Kummissjoni tkun iddelegatilhom il-kompiti għandha tiġi mkejla skont indikaturi tal-prestazzjoni. Dan jipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill indikazzjoni tal-progress tal-operazzjonijiet u l-implimentazzjoni tal-programm Copernicus.

(24)     Id-dejta u l-informazzjoni prodotti fil-qafas tal-programm Copernicus għandhom ikunu disponibbli għall-utenti fuq bażi sħiħa, miftuħa u mingħajr ħlas, sabiex jippromwovu l-użu u l-kondiviżjoni tagħhom, u sabiex jissaħħu s-swieq tal-osservazzjoni tad-Dinja fl-Ewropa, b’mod partikolari s-settur downstream, biex b’hekk jippermettu t-tkabbir u l-ħolqien ta’ impjiegi.

(25)     Kull meta l-aċċess jew l-użu ta’ Copernicus jew ta’ dejta jew informazzjoni minn partijiet terzi jista’ jipperikola s-sigurtà tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jew jhedded ir-relazzjonijiet esterni tagħhom, il-Kummissjoni għandha tillimita d-disponibbilità tagħhom jew tillimita l-liċenzji mogħtija.

(26)     Il-kwistjoni ta’ proprjetà tal-komponent spazjali Copernicus hija importanti u ma tistax titqies b’mod iżolat mid-drittijiet u r-responsabbiltajiet li tali proprjetà tagħti lill-proprjetarju. Sabiex ikollha d-dritt għall-użu, it-trasferiment u r-rimi, l-Unjoni għandha ssir il-proprjetarju. Fil-każ tas-satelliti Sentinella, is-sjieda timplika b’mod partikolari d-dritt li tieħu deċiżjoni fuq il-politika tad-dejta u li tmexxi l-implimentazzjoni tagħha, li tagħżel il-mudell ta’ esplojtazzjoni u l-operatur tas-Sentinelli, u li tikkonkludi ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi terzi dwar, fost affarijiet oħra, qsim ta’ dejta dwar is-satelliti.

(27)     L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati matul iċ-ċiklu kollu tan-nefqa, inklużi l-prevenzjoni, l-individwazzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa ħażin jew użati ħażin u, fejn xieraq, penali amministrattivi u finanzjarji skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

(28)     Sabiex jiżdied il-valur ta’ Copernicus għall-utenti, il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn rappreżentanti ta’ utenti tan-nofs u utenti finali, esperti mill-Istati Membri, inklużi minn aġenziji nazzjonali rilevanti, jew minn esperti indipendenti.

(29)     Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament rigward l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali, il-pjan pluriennali għall-perjodu 2014-2020 u l-miżuri għall-promozzjoni tal-konverġenza tal-Istati Membri fl-użu ta’ dejta u informazzjoni Copernicus u l-aċċess tagħhom għat-teknoloġija u l-iżvilupp fl-Osservazzjoni tad-Dinja, għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni [13].

(30)     Sabiex l-Istati Membri jiġu infurmati u tiġi rrispettata l-imparzjalità fit-teħid tad-deċiżjonijiet, il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni ta’ miżuri biex jippromwovu l-konverġenza tal-Istati Membri fl-użu ta’ dejta u informazzjoni Copernicus u l-aċċess tagħhom għat-teknoloġija u l-iżvilupp fl-Osservazzjoni tad-Dinja. Il-proċedura ta’ eżami għandha tintuża għall-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali u l-pjan pluriennali għall-perjodu 2014-2020 peress li dak l-att jirrigwarda programm b’implikazzjonijiet sostanzjali.

(31)     Sabiex jiġu meqjusa riskji possibbli għas-sigurtà kif ukoll il-medda ta’ frekwenzi u limitazzjonijiet tekniċi oħrajn, is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ rekwiżiti tad-dejta meħtieġa għas-servizzi operattivi, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri rigward l-aċċess għal dejta u informazzjoni Copernicus u r-reġistrazzjoni u l-użu tagħha, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għat-trażmissjoni u l-użu ta’ dejta satellitari trażmessa lil stazzjonijiet riċevituri li mhumiex parti mill-programm Copernicus u għall-arkivjar ta’ dejta u informazzjoni Copernicus, il-kriterji tekniċi speċifiċi meħtieġa sabiex jipprevjenu t-tfixkil tas-sistema tad-dejta u informazzjoni Copernicus u l-kriterji għar-restrizzjoni tat-tixrid ta’ dejta u informazzjoni Copernicus minħabba drittijiet konfliġġenti jew interessi ta’ sigurtà, kif ukoll il-kriterji għat-twettiq tal-valutazzjoni tas-sigurtà. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fuq livell espert. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(32)     L-azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament għandhom jiġu mmonitorjati u evalwati sabiex ikunu jistgħu jippermettu aġġustamenti mill-ġdid u evoluzzjonijiet ġodda.

(33)     Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri t-twaqqif tal-programm Copernicus, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba li jinkludi wkoll il-kapaċità pan-Ewropea u jiddependi fuq l-għoti kkoordinat ta’ servizzi fl-Istati Membri kollha li għandu jiġi kkoordinat fil-livell tal-Unjoni u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala tal-azzjoni, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(34)     Għalhekk, huwa meħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 911/2010 jiġi mħassar sabiex jiġi stabbilit qafas xieraq għall-governanza u l-finanzjament u sabiex jiġi żgurat programm Copernicus kompletament operattiv mill-2014 ’il quddiem,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-programm tal-Unjoni ta’ osservazzjoni tad-Dinja msejjaħ Copernicus u jistabbilixxi r-regoli għall-eżekuzzjoni tiegħu.

Artikolu 2 Objettivi ġenerali

1.           Il-programm Copernicus għandu jikkontribwixxi għall-objettivi ġenerali li ġejjin:

(a) il-protezzjoni tal-ambjent u l-għoti ta’ appoġġ lill-protezzjoni ċivili u l-isforzi tas-sigurtà;

(b) l-appoġġ tal-istrateġija għat-tkabbir Ewropa 2020 permezz tal-kontribuzzjoni għall-objettivi ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; b’mod partikolari, għandu jikkontribwixxi għall-istabbiltà ekonomika u t-tkabbir billi jixpruna l-applikazzjonijiet kummerċjali.

2.           Id-dejta u l-informazzjoni oriġinali prodotti minn osservazzjonijiet li jkunu saru fl-ispazju, kif ukoll minn dejta disponibbli fil-post (“dejta u informazzjoni Copernicus”) għandhom ikunu preċiżi u affidabbli, ipprovduti fuq bażi fit-tul u sostenibbli, u li jirrispondu għall-ħtiġijiet ta’ komunitajiet ta’ utenti ta’ Copernicus. L-aċċess għal dik id-dejta għandha tkun sħiħa, miftuħa u mingħajr ħlas, soġġetta għall-kundizzjonijiet definiti f’dan ir-Regolament jew abbażi ta’ dan ir-Regolament.

3.           Għall-finijiet tal-paragrafu 2, il-komunitajiet ta’ utenti ta’ Copernicus huma definiti bħala dawk li jinkludu l-korpi Ewropej nazzjonali, reġjonali jew lokali fdati bid-definizzjoni, l-implimentazzjoni, l-infurzar jew il-monitoraġġ ta’ servizz pubbliku jew politika fl-oqsma msemmija fil-punt (1) tal-Artikolu 4.

4.           Il-kisba tal-objettivi msemmija fil-paragrafu 1 għandha titkejjel permezz tal-indikaturi tar-riżultati li ġejjin:

(a) id-dejta u l-informazzjoni jkunu disponibbli skont ir-rekwiżiti rispettivi ta’ għoti ta’ livell ta’ servizz għall-ambjent, il-protezzjoni ċivili u s-sigurtà;

(b) il-penetrazzjoni fis-suq u l-kompetittività tal-operaturi downstream Ewropej..

Artikolu 3 Objettivi speċifiċi

1.           Sabiex jintlaħqu l-objettivi ġenerali deskritti fl-Artikolu 2, il-programm Copernicus għandu jindirizza l-ħtiġijiet tal-utenti u jipprovdi s-servizzi operattivi msemmija fil-punt (1) tal-Artikolu 4. Dan l-objettiv għandu jitkejjel bl-użu tad-dejta u l-informazzjoni mkejla bil-progressjoni fl-għadd ta' utenti, bil-volum ta' dejta aċċessata u informazzjoni ta' valur miżjud, u bit-twessigħ tad-distribuzzjoni fl-Istati Membri;

2.           Il-programm Copernicus għandu jipprovdi aċċess sostenibbli u affidabbli għall-osservazzjonijiet li jkunu saru fl-ispazju minn kapaċità awtonoma tal-Unjoni għall- Osservazzjoni tad-Dinja, u jibni fuq l-assi u l-kapaċitajiet eżistenti, filwaqt li jikkumplimentahom kull meta jkun meħtieġ. Dan l-objettiv għandu jitkejjel bit-twettiq tal-infrastruttura spazjali f'termini tas-satelliti allokati u d-dejta li tipproduċi.

Artikolu 4 Ambitu tas-servizzi Copernicus

Is-servizzi Copernicus, kif imsemmija fil-punt (1) tal-Artikolu 3 għandhom jinkludu:

1.           Servizzi operattivi:

(a) Is-servizz ta’ monitoraġġ tal-atmosfera għandu jipprovdi informazzjoni fuq il-kwalità tal-arja fuq skala Ewropea u l-kompożizzjoni kimika tal-atmosfera fuq skala globali. Dan għandu b’mod partikolari jipprovdi informazzjoni għas-sistemi ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-arja fl-iskali lokali sa dawk nazzjonali, u għandu jikkontribwixxi għall-monitoraġġ tal-parametri klimatiċi tal-kimika atmosferika;

(b) Is-servizz ta’ monitoraġġ tal-baħar għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-istat u d-dinamika ta’ ekosistemi fiżiċi tal-oċean u tal-baħar għall-oċeani globali u ż-żoni reġjonali Ewropej;

(c) Is-servizz ta’ monitoraġġ tal-art għandu jipprovdi informazzjoni b’appoġġ għall-monitoraġġ ambjentali minn perspettiva globali sa dik lokali tal-bijodiversità, il-ħamrija, l-ilma, il-foresti u r-riżorsi naturali, kif ukoll fl-implimentazzjoni ġenerali ta’ politiki tal-ambjent, tal-agrikoltura, tal-iżvilupp, tal-enerġija, tal-ippjanar urban, tal-infrastruttura u tat-trasport;

(d) Is-servizz ta’ monitoraġġ tat-tibdil fil-klima għandu jipprovdi informazzjoni biex tiżdied il-bażi ta’ għarfien għall-appoġġ ta’ politiki ta’ adattament u mitigazzjoni. Dan għandu jikkontribwixxi b’mod partikolari għall-provvista ta’ Parametri Essenzjali tal-Klima (ECVs), l-analiżi tal-klima u projezzjonijiet fuq skali temporali u spazjali rilevanti għall-istrateġiji ta’ adattament u mitigazzjoni għad-diversi oqsma ta’ benefiċċju settorjali u soċjetali tal-Unjoni;

(e) Is-servizz ta’ rispons ta’ emerġenza għandu jipprovdi informazzjoni għal rispons ta’ emerġenza rigward tipi ta’ diżastri differenti, inklużi perikli meteoroloġiċi, perikli ġeofiżiċi, diżastri magħmula mill-bniedem intenzjonalment u aċċidentalment u diżastri umanitarji oħrajn, kif ukoll l-attivitajiet ta’ prevenzjoni, tħejjija, rispons u rkupru;

(f) Is-servizz tas-sigurtà għandu jipprovdi informazzjoni b’appoġġ għall-isfidi tas-sigurtà tal-Ewropa biex jittejbu l-kapaċitajiet tal-prevenzjoni tal-kriżijiet, ta’ tħejjija u ta’ reazzjoni, b’mod partikolari għal sorveljanza fuq il-fruntiera u marittima, iżda wkoll b’appoġġ għall-azzjoni esterna tal-Unjoni, permezz ta’ individwazzjoni u monitoraġġ ta’ theddid għas-sigurtà transreġjonali, valutazzjoni tar-riskju u sistemi ta’ twissija bikrija, immappjar u monitoraġġ ta’ żoni tal-fruntiera;

2.           Attivitajiet ta’ żvilupp li jikkonsistu fit-titjib tal-kwalità u l-prestazzjoni tas-servizzi operattivi, inklużi l-evoluzzjoni u l-adattament tagħhom, u fl-evitar jew il-mitigazzjoni tar-riskji operattivi;

3.           Attivitajiet ta’ appoġġ li jikkonsistu f’miżuri għall-promozzjoni tal-użu ta’ servizzi operattiv minn utenti u l-użu ta' applikazzjonijiet downstream, kif ukoll attivitajiet ta’ komunikazzjoni u tixrid.

Artikolu 5 Komponent spazjali

Il-komponent spazjali Copernicus għandu jipprovdi osservazzjonijiet li jsiru fl-ispazju biex jintlaħqu l-objettivi msemmija fl-Artikoli 2 u 3, li jservu primarjament lis-servizzi operattivi msemmija fil-punt (1) tal-Artikolu 4. Il-komponent spazjali Copernicus għandu jinkludi l-attivitajiet li ġejjin:

(a) Il-forniment ta’ osservazzjonijiet li jsiru fl-ispazju, inkluż:

– l-operazzjoni tal-infrastruttura spazjali Copernicus, inkluż governanza tas-satelliti, monitoraġġ u kontroll tas-satelliti, riċeviment u pproċessar, arkivjar u tixrid ta’ dejta, u kalibrazzjoni u validazzjoni permanenti;

– il-forniment ta’ dejta fil-post għall-kalibrazzjoni u l-validazzjoni ta’ osservazzjonijiet li jsiru fl-ispazju;

– il-forniment, l-arkivjar u t-tixrid ta’ dejta ta’ missjoni li ssir fl-ispazju minn parti terza li tikkumplimenta l-infrastruttura spazjali Copernicus;

– il-manutenzjoni tal-infrastruttura spazjali Copernicus

(b) Attivitajiet b’rispons għall-bżonnijiet li jevolvu tal-utenti, inklużi:

– l-identifikazzjoni ta’ lakuni ta’ osservazzjoni u l-ispeċifikazzjoni ta’ missjonijiet spazjali ġodda fuq il-bażi tar-rekwiżiti tal-utent.

– żviluppi li jimmiraw lejn l-immodernizzar u l-ikkumplimentar tal-komponent spazjali Copernicus, inkluż id-disinn u l-akkwist ta’ elementi ġodda tal-infrastruttura spazjali;

(c) Kontribuzzjoni għall-protezzjoni tas-satelliti kontra r-riskju ta’ kolliżjoni.

Artikolu 6 Komponent fil-post

Il-komponent fil-post tal-programm Copernicus għandu jinkludi l-attivitajiet li ġejjin:

(a) koordinazzjoni u armonizzazzjoni tal-ġbir u forniment ta’ dejta fil-post, forniment ta’ dejta fil-post għas-servizzi operattivi, inkluża dejta fil-post minn parti terza fil-livell internazzjonali;

(b) assistenza teknika lill-Kummissjoni dwar ir-rekwiżiti tas-servizz għal dejta ta’ osservazzjoni fil-post;

(c) kooperazzjoni ma’ operaturi fil-post għall-promozzjoni tal-konsistenza ta’ attivitajiet ta’ żvilupp relatati mal-infrastruttura u n-netwerks tal-osservazzjoni fil-post.

Artikolu 7 Finanzjament

1.           Il-pakkett finanzjarju allokat għall-programm Copernicus għall-perjodu 2014 – 2020 għandu ammont massimu ta’ EUR 3 786 miljun fi prezzijiet tal-2011.

2.           L-approprjazzjonijiet għandhom jiġu awtorizzati kull sena mill-awtorità baġitarja fil-limiti stabbiliti fil-qafas finanzjarju pluriennali. L-impenji baġitarji għal attivitajiet li jestendu fuq aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jiġu maqsuma fuq diversi snin f’rati annwali.

3.           L-allokazzjoni finanzjarja għall-programm Copernicus tista’ tkopri wkoll spejjeż relatati ma’ attivitajiet ta' tħejjija, ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll, ta’ verifika u ta’ evalwazzjoni li huma meħtieġa direttament għall-ġestjoni tal-programm Copernicus u l-kisba tal-objettivi tiegħu, u b’mod partikolari studji, laqgħat, azzjonijiet ta' informazzjoni u ta’ komunikazzjoni, kif ukoll spejjeż marbuta ma’ netwerks tal-IT li jiffukaw fuq l-ipproċessar ta’ informazzjoni u l-iskambju ta’ dejta. Ir-riżorsi allokati għall-azzjonijiet ta’ komunikazzjoni skont dan ir-Regolament jistgħu jikkontribwixxu wkoll b’mod proporzjonali biex ikopru l-komunikazzjoni istituzzjonali tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni.

4.           Il-kompiti fdati lil korpi oħrajn għandhom jkunu suġġetti għall-proċedura msemmija fl-Artikoli 164 u 165 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

Artikolu 8 Programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni għandha tadotta programm ta’ ħidma għal kull sena tal-implimentazzjoni tal-programm Copernicus skont l-Artikolu 84 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Dak l-att implimentattiv għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fil-punt (3) tal-Artikolu 21 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 9 Kooperazzjoni mal-Istati Membri

1.           Il-Kummissjoni għandha tikkoopera mal-Istati Membri sabiex ittejjeb l-iskambju tad-dejta u l-informazzjoni bejniethom u żżid il-volum tad-dejta u l-informazzjoni disponibbli għall-programm Copernicus.

2.           Il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri biex tippromwovi l-konverġenza tal-Istati Membri fl-użu ta’ dejta u informazzjoni Copernicus u l-aċċess tagħhom għat-teknoloġija u l-iżvilupp fl-Osservazzjoni tad-Dinja. Dawn il-miżuri m’għandux ikollhom l-effett li jgħawġu l-kompetizzjoni ħielsa. Dawk l-atti implimentattivi għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fil-punt (2) tal-Artikolu 21.

Artikolu 10 Kooperazzjoni internazzjonali

1.           L-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, tista’ tagħmel ftehimiet mal-pajjiżi terzi li ġejjin:

(a) il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE b’mod konformi mal-kundizzjonijiet stipulati fil-Ftehim ŻEE;

(b) il-pajjiżi kandidati, kif ukoll pajjiżi potenzjalment kandidati, skont il-Ftehimiet ta’ Qafas rispettivi jew skont Protokoll għal Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni;

(c) l-Isvizzera, pajjiżi terzi oħrajn mhux imsemmija fil-punti (a) u (b), u organizzazzjonijiet internazzjonali, skont il-ftehimiet konklużi mill-Unjoni ma’ dawn il-pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali skont l-Artikolu 218 tat-TFUE, li għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u r-regoli dettaljati għall-involviment tagħhom.

2.           Il-pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu jipprovdu appoġġ finanzjarju jew kontribuzzjonijiet in natura għall-programm. L-appoġġ finanzjarju għandu jiġi ttrattat bħala dħul estern assenjat, skont il-punt 2 tal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. L-appoġġ finanzjarju u l-kontribuzzjonijiet in natura għandhom ikunu ammissibbli skont it-termini u l-kundizzjonijiet tal-ftehim konkluż mal-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali rispettiva.

Artikolu 11 Ir-rwol tal-Kummissjoni

1.           Il-Kummissjoni għandu jkollha r-responsabbiltà globali tal-programm. Għandha tiddefinixxi l-prijoritajiet u l-objettivi tal-programm u tissorvelja l-implimentazzjoni tiegħu, b’mod partikolari rigward l-ispiża, l-iskeda u l-prestazzjoni.

2.           Il-Kummissjoni għandha tamministra, f’isem l-Unjoni u fil-qasam tal-kompetenza tagħha, ir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, filwaqt li tiżgura l-koordinazzjoni tal-programm Copernicus ma’ attivitajiet fil-livelli nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali.

3.           Il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri mmirati lejn l-għoti operattiv ta’ servizzi u d-disponibbiltà fit-tul tad-dejta mill-infrastrutturi ta’ osservazzjoni meħtieġa biex jiġu operati s-servizzi.

4.           Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-kumplementarjetà u l-konsistenza tal-programm Copernicus ma’ politiki, strumenti, programmi u azzjonijiet oħrajn rilevanti tal-Unjoni.

5.           Il-Kummissjoni għandha żżomm involviment u konsultazzjoni trasparenti u regolari mal-utenti, sabiex tippermetti l-identifikazzjoni ta’ rekwiżiti tal-utent fil-livelli tal-Unjoni u nazzjonali.

6.           Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 22 dwar l-istabbiliment tar-rekwiżiti tad-dejta meħtieġa għas-servizzi operattivi, filwaqt li tipprovdi għall-evoluzzjoni tagħhom.

7.           Il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-riżorsi finanzjarji disponibbli għall-finanzjament tal-programm Copernicus.

Artikolu 12 Operaturi

1.           Il-Kummissjoni tista’ tafda, parzjalment jew kompletament, fejn ikun debitament ġustifikat min-natura speċjali tal-azzjoni u l-kompetenza speċifika tal-korp tal-Unjoni, il-kompiti tal-implimentazzjoni deskritti fl-Artikolu 4 lil korpi kompetenti tal-Unjoni. Fost dawn l-aġenziji hemm:

(a) l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA);

(b) l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX);

(c) l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA);

(d) iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (EUSC).

2.           L-għażla tal-korp tal-Unjoni għandha tqis il-kosteffiċjenza li jiġu fdati dawk il-kompiti u l-impatt fuq l-istruttura ta' governanza tal-korp u fuq ir-riżorsi finanzjarji u umani tiegħu.

3.           Il-kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit fdati b'mod eċċezzjoniali f'idejn il-korpi kompetenti tal-Unjoni taħt dan l-Artikolu, għandhom jiġu inklużi fil-programm ta' ħidma ta' dan il-korp tal-Unjoni għall-finijiet tal-informazzjoni.

4.           Il-Kummissjoni tista’ tafda, parzjalment jew kompletament, lill-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), il-kompiti ta’ żvilupp tal-komponent spazjali deskritti fil-punt (b) tal-Artikolu 5.

5.           Il-Kummissjoni tista’ tafda, parzjalment jew kompletament, il-kompiti operattivi tal-komponent spazjali deskritti fil-punt (a) tal-Artikolu 5 lill-ESA u lill-Organizzazzjoni Ewropea għall-Esplojtazzjoni ta’ Satelliti Meteoroloġiċi (EUMETSAT).

6.           Il-Kummissjoni tista’ tafda, parzjalment jew kompletament, l-attivitajiet tal-komponent fil-post deskritti fl-Artikolu 6 lill-operaturi tas-servizzi deskritti fl-Artikolu 4.

Artikolu 13 Għażla tal-operaturi

1.           Bl-eċċezzjoni tal-operaturi identifikati fl-Artikolu 12, il-Kummissjoni għandha tagħżel l-operaturi li tiddelega lilhom il-kompiti li għandhom jiġu implimentati skont il-proċedura deskritta fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

2.           Il-Kummissjoni għandha tippubblika sejħa għal espressjoni ta’ interess għall-operaturi potenzjali. Dik is-sejħa għandha tinkludi l-kriterji ta’ esklużjoni u ta’ għażla skont il-proċedura stabbilita hawn taħt.

3.           Il-Kummissjoni għandha tiftaħ djalogu mal-entitajiet li jissodisfaw il-kriterji tal-għażla b’mod trasparenti, oġġettiv u mingħajr ma twassal għal kunflitt ta’ interess. Wara d-djalogu, il-Kummissjoni għandha tiffirma ftehimiet ta’ delega mal-entità jew l-entitajiet li jkollhom esperjenza ppruvata u kapaċità operattiva u finanzjarja.

4.           Il-Kummissjoni tista’ tibda negozjati diretti qabel l-iffirmar tal-ftehimiet ta’ delega mal-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12, jew f’każijiet eċċezzjonali debitament iġġustifikati u dokumentati kif suppost, b’mod partikolari meta:

(a) ma jkunu ġew ippreżentati l-ebda proposti xierqa wara sejħa ta’ espressjoni ta’ interess għall-operaturi potenzjali;

(b) il-kompiti li għandhom jiġu implimentati jkollhom karatteristiċi speċifiċi li jeħtieġu operatur partikolari minħabba l-kompetenza teknika tiegħu, il-grad għoli ta’ speċjalizzazzjoni tiegħu jew is-setgħa amministrattiva tiegħu;

(c) għal raġunijiet ta’ urġenza estrema kkawżata minn avvenimenti mhux mistennija li mhumiex attribwibbli lill-Unjoni, il-konformità mal-proċedura msemmija fil-paragrafi 2 u 3 tikkomprometti indebitament l-eżekuzzjoni tal-kompiti li għandhom jiġu implimentati.

Artikolu 14 Supervision of operators

1.           Kompiti addizzjonali mhux previsti fil-ftehim ta’ delega għandhom jitwettqu mill-operaturi biss wara awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni. L-operatur mhuwiex intitolat li jitlob indennizz jew kumpens għall-kompiti addizzjonali jew supplimentari oħrajn minbarra r-rimborż tal-ispejjeż.

2.           Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-operaturi għandhom jippermettu l-iżvelar sħiħ tal-kontijiet u tad-dokumenti u l-informazzjoni kollha tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ twettaq kwalunkwe spezzjoni meħtieġa, inkluża fuq il-post, biex tivverifika l-konformità mar-Regolament preżenti u l-ftehimiet ta’ delega rilevanti.

3.           Kull meta urġenza jew avvenimenti imprevedibbli jitolbu hekk, jew fuq talba ġustifikata mill-operatur, il-Kummissjoni tista’ taġixxi minflok l-operatur u tissospendi l-ftehim ta’ delega għall-ħin u l-atti meħtieġa biex jiġu mwettqa l-atti li jkun hemm bżonn.

4.           Ilmenti dwar l-għoti ta’ kuntratti u għotjiet minn operaturi fit-twettiq tal-ftehim ta’ delega jew il-programm ta’ ħidma jistgħu jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni. Madankollu, dawk l-ilmenti jistgħu jikkonċernaw biss imġiba ħażina intenzjonata, negliġenza serja jew frodi, u għandhom jiġu ppreżentati biss wara li l-mezzi kollha ta’ rikors quddiem l-operatur ikunu ġew eżawriti.

Artikolu 15 Il-Politika tad-Dejta u l-Informazzjoni Copernicus

1.           Id-dejta u l-informazzjoni Copernicus għandha tkun disponibbli fuq bażi sħiħa, miftuħa u mingħajr ħlas, suġġetta għal-limitazzjonijiet li ġejjin:

(a) kundizzjonijiet ta’ liċenzjar marbuta ma’ dejta u informazzjoni ta’ partijiet terzi;

(b) formati ta’ tixrid, karatteristiċi u mezzi ta’ distribuzzjoni;

(c) l-interessi tas-sigurtà u r-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha;

(d) riskju ta’ tfixkil, għal raġunijiet ta’ sigurtà jew tekniċi, tas-sistema li tipproduċi dejta u informazzjoni Copernicus.

Artikolu 16 Limitazzjonijet u kundizzjonijiet għall-aċċess u l-użu

1.           Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati skont l-Artikolu 22 rigward:

(a) il-kundizzjonijiet u l-proċeduri f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal dejta u informazzjoni Copernicus, u r-reġistrazzjoni u l-użu tagħhom, inklużi l-formati, il-mezzi karatteristiċi u ta’ tixrid;

(b) il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għat-trażmissjoni u l-użu ta’ dejta satellitari trażmessa lil stazzjonijiet riċevituri li mhumiex parti mill-programm Copernicus;

(c) il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-arkivjar ta’ dejta u informazzjoni Copernicus;

(d) il-kriterji tekniċi speċifiċi meħtieġa sabiex wieħed jipprevjeni t-tfixkil tas-sistema ta’ dejta u informazzjoni Copernicus, inkluża il-prijorità ta’ aċċess;

(e) il-kriterji għar-restrizzjoni tat-tixrid ta’ dejta u informazzjoni Copernicus minħabba d-drittijiet konfliġġenti jew l-interessi ta’ sigurtà;

(f) il-kriterji għat-twettiq tal-valutazzjoni tas-sigurtà.

2.           Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-liċenzji rilevanti għal dejta u informazzjoni Copernicus u ta’ partijiet terzi, u t-tniżżil ta’ dejta satellitari għal stazzjonijiet riċevituri li mhumiex parti mill-programm Copernicus b’mod konformi ma’ dan ir-Regolament u l-atti delegati msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 17 Protezzjoni tal-interessi ta’ sigurtà

1.           Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tas-sigurtà minn qabel fuq id-dejta u l-informazzjoni Copernicus biex tidentifika dejta u informazzjoni li huma vitali għall-protezzjoni tal-interessi tal-Unjoni jew tas-sigurtà nazzjonali.

2.           L-Istati Membri u l-pajjiżi terzi li jipparteċipaw fil-programm Copernicus skont l-Artikolu 10 jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex twettaq valutazzjoni tas-sigurtà ġdida meta l-iżviluppi tas-sigurtà jiġġustifikaw tali valutazzjoni ġdida.

3.           Meta l-valutazzjoni tas-sigurtà minn qabel ma tkunx possibbli fil-qafas ta’ żmien għall-ġbir u l-produzzjoni tad-dejta u informazzjoni Copernicus, il-Kummissjoni tista’ twettaq valutazzjoni tas-sigurtà fuq il-post.

4.           Il-Kummissjoni għandha toħroġ struzzjonijiet dwar ir-restrizzjonijiet tat-tixrid ta’ dejta u informazzjoni Copernicus f’każijiet individwali abbażi tal-kriterji adottati skont il-punt (1), subparagrafu (f) tal-Artikolu 16. F’każ ta’ urġenza, l-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jiġu adottati f’perjodu ta’ żmien qasir kemm hemm bżonn biex ikun effettiv. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-inqas miżura ta’ tfixkil fid-dawl tal-objettivi tal-programm Copernicus u l-politika tad-dejta u informazzjoni Copernicus. L-istruzzjonijiet tagħha għandhom ikunu proporzjonati, inkluż fir-rigward tal-puntwalità u l-ambitu territorjali, u jqisu l-protezzjoni tal-interess tas-sigurtà fil-periklu kontra d-disponibbiltà ta’ dejta u informazzjoni minn sorsi oħrajn.         

Artikolu 18 Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.           Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa biex tiżgura li, meta l-azzjonijiet iffinanzjati skont dan il-Programm jiġu implimentati, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti bl-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attivitajiet illegali oħrajn, b’kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, bl-irkupru tal-ammonti li jkunu tħallsu b’mod żbaljat u, fejn xieraq, b’pieni amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.           Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa ta’ verifika, abbażi ta’ dokumenti u fuq il-post, fuq il-benefiċjarji tal-għotjiet, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li rċevew fondi tal-Unjoni skont il-Programm.

3.           L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra bil-għan li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ ftehim ta’ għotja jew deċiżjoni ta’ għotja jew kuntratt iffinanzjat skont il-Programm.

4.           Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet ta’ għotja u deċiżjonijiet ta’ għotja, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan il-Programm għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li espressament jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali awditjar u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 19 Sjieda

1.           L-Unjoni jew korp jew fond magħżul b’mod speċifiku għandhom ikunu l-proprjetarji tal-assi tanġibbli u intanġibbli kollha maħluqa jew żviluppati skont il-programm Copernicus suġġett għal ftehimiet konklużi ma’ partijiet terzi, kull fejn ikun xieraq, rigward drittijiet ta’ proprjetà eżistenti.

2.           It-termini u l-kundizzjonijiet relatati mat-trasferiment tas-sjieda lill-Unjoni għandhom ikunu stabbiliti fil-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 1.

3.           Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 22 biex tistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet ta’ kwalunkwe trasferiment sussegwenti ta’ sjieda mill-Unjoni. L-att delegat għandu jaħtar il-korp jew il-fond sussegwenti abbażi ta’ raġunijiet trasparenti u oġġettivi, li ma għandhomx jagħtu lok għal kunflitt ta’ interessi.

Artikolu 20 Assistenza lill-Kummissjoni

1.           Il-Kummissjoni tista’ tiġi assistita minn rappreżentanti ta’ utenti finali, esperti indipendenti, b’mod partikolari dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà, u minn rappreżentanti tal-aġenziji nazzjonali rilevanti, b’mod partikolari aġenziji spazjali nazzjonali, biex jipprovduha bil-kompetenza teknika u xjentifika meħtieġa u bir-reazzjoni tal-utenti.

Artikolu 21 Proċedura ta' kumitat

1.           Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat (il-“Kumitat Copernicus”). Dan il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.           Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.           Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 22 Eżerċizzju tad-delega

1.           Is-setgħa li tadotta atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.           Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fil-punt (1) tal-Artikolu 16 u l-punt (3) tal-Artikolu 19 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu indeterminat mill-1 ta’ Jannar 2014.

3.           Id-delega ta’ setgħa tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Ir-revoka għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Dan m’għandux jaffettwa l-validità ta’ kwalunkwe atti delegati diġà fis-seħħ.

4.           Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.           Atti delegati adottati skont il-punt (1) tal-Artikolu 16 u l-punt (3) tal-Artikolu 19 għandhom jidħlu fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill f’perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu infurmaw it-tnejn li huma lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 23 Evalwazzjoni

1.           Samhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2018, għandu jiġi stabbilit rapport ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni fuq il-kisba tal-objettivi tal-kompiti kollha ffinanzjati mill-programm Copernicus fil-livell tar-riżultati u l-impatti tagħhom, fuq il-valur miżjud Ewropew tagħhom u fuq l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi. B’mod partikolari, l-evalwazzjoni għandha tindirizza r-rilevanza kontinwa tal-objettivi kollha, kif ukoll il-kontribut tal-miżuri għall-objettivi deskritti fl-Artikoli 2 u 3.

2.           Il-Kummissjoni għandha twettaq l-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 f’kooperazzjoni mill-qrib mal-operaturi u l-komunitajiet ta’ utenti tal-programm Copernicus li għandhom jeżaminaw l-effettività u l-effiċjenza tal-programm Copernicus u l-kontribut tiegħu għall-objettivi msemmija fl-Artikoli 2 u 3. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika r-riżultat ta’ dawn l-evalwazzjonijiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

3.           Il-Kummissjoni tista’, kull meta jkun meħtieġ, tiġi assistita minn entitajiet indipendenti, twettaq evalwazzjoni tal-metodi għat-twettiq tal-proġetti kif ukoll l-impatt tal-implimentazzjoni tagħhom, sabiex tevalwa jekk l-objettivi, inklużi dawk relatati mal-protezzjoni tal-ambjent, ikunux intlaħqu.

4.           Il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru biex jipprovdi evalwazzjoni speċifika tal-azzjonijiet u l-proġetti marbuta ffinanzjati skont dan ir-Regolament jew, fejn xieraq, biex jagħtiha l-informazzjoni u l-assistenza meħtieġa biex twettaq evalwazzjoni ta’ tali proġetti.

Artikolu 24 Revoka

Ir-Regolament (UE) Nru 911/2010 huwa mħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 25 Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

1.           QAFAS TAL-PROPOSTA

              1.1.    Titolu tal-proposta

              1.2.    Qasam ta’ politika kkonċernat fl-istruttura ABM/ABB

              1.3.    Natura tal-proposta

              1.4.    Objettivi

              1.5.    Bażi għall-proposta

              1.6.    Tul ta’ żmien u impatt finanzjarju

              1.7.    Metodi ta' ġestjoni previsti

2.           MIŻURI TA’ ĠESTJONI

              2.1.    Regoli dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar

              2.2.    Sistema ta’ ġestjoni u ta' kontroll

              2.3.    Miżuri għall-prevenzjoni ta' frodi u irregolaritajiet

3.           IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA

              3.1.    Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i tal-baġit tan-nefqa affettwata/i

              3.2.    Impatt stmat fuq in-nefqa

              3.2.1. Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa

              3.2.2. Impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operattivi

              3.2.3. Impatt stmat fuq approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva

              3.2.4. Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali preżenti

              3.2.5. Parteċipazzjoni ta’ partijiet terzi fil-finanzjament

              3.3.    Impatt stmat fuq id-dħul

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA GĦAL PROPOSTI

1.           QAFAS TAL-PROPOSTA

1.1.        Titolu tal-proposta

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm Ewropew ta’ Osservazzjoni tad-Dinja (Copernicus)

1.2.        Qasam ta’ politika kkonċernat fl-Istruttura ABM/ABB[14]

Titolu 02: Intrapriża

Kapitolu 02 06: Copernicus

1.3.        Natura tal-proposta

¨ Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata ma’ azzjoni ġdida

¨ Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata ma’ azzjoni ġdida li ssegwi proġett pilota/azzjoni ta' tħejjija[15]

þ Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata ma’ estensjoni ta’ azzjoni eżistenti

¨ Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata ma’ azzjoni diretta mill-ġdid lejn azzjoni ġdida

1.4.        Objettivi

Copernicus huwa l-isem il-ġdid tal-Programm Ewropew ta’ Osservazzjoni tad-Dinja, GMES (Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà). Huwa jkopri l-attivitajiet kollha għall-iżgurar ta’ provvista mingħajr interruzzjoni ta’ dejta u informazzjoni preċiżi u affidabbli dwar kwistjonijiet ambjentali u kwistjonijiet ta’ sigurtà lill-utenti responsabbli għat-tfassil ta’ politiki, implimentazzjoni u sorveljanza, fl-UE u l-Istati Membri tagħha. Copernicus jimmira li jipprovdi lill-Ewropa b'aċċess kontinwu, indipendenti u affidabbli għal dejta u informazzjoni ta’ osservazzjoni.

Copernicus huwa programm li għandu jitwassal skont l-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Il-kontribut tiegħu għat-tkabbir u l-istabbiltà ekonomika, li għandu jinkiseb billi tingħata spinta lill-applikazzjonijiet kummerċjali ta’ valur miżjud, jagħmluh komponent tal-inizjattiva ewlenija tal-politika industrijali fid-dawl tal-istrateġija Ewropa 2020[16].

Copernicus għandu jikkontribwixxi għall-objettivi ġenerali li ġejjin:

(a) il-protezzjoni tal-ambjent u l-għoti ta’ appoġġ lill-isforzi għall-protezzjoni ċivili u s-sigurtà;

(b) l-appoġġ għall-istrateġija ta’ tkabbir Ewropa 2020 permezz tal-kontribuzzjoni għall-objettivi ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; b’mod partikolari, għandu jikkontribwixxi għall-istabbiltà u t-tkabbir ekonomiku billi jagħti spinta lill-applikazzjonijiet kummerċjali.

Il-komunitajiet tal-utenti Copernicus huma definiti bħala dawk li jinkludu l-korpi nazzjonali, reġjonali jew lokali Ewropej fdati bid-definizzjoni, l-implimentazzjoni, l-infurzar jew il-monitoraġġ ta’ servizz pubbliku jew politika fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament. Il-gruppi l-aktar affettwati jinkludu:

– l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali (bħala utenti u kontributuri), inkluż f’pajjiżi terzi (bħal pajjiżi parteċipanti u dawk li jibbenefikaw minn eż. il-GMES u l-inizjattiva Afrika);

– l-industrija downstream, b’mod partikolari l-SMEs; u

– l-utenti finali (awtoritajiet reġjonali u lokali, istituzzjonijiet pubbliċi li jinkludu universitajiet, ċentri ta’ riċerka, saħansitra ċittadini uniċi li jużaw servizzi pubbliċi ffaċilitati permezz ta’ Copernicus), klijenti tas-settur downstream.

1.4.1.     Objettivi strateġiċi pluriennali tal-Kummissjoni fil-mira tal-proposta

Copernicus għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-objettivi tal-Ewropa 2020 bil-modi li ġejjin:

– « ekonomija iktar effiċjenti fir-riżorsi u iktar ekoloġika », jiġifieri b’mod partikolari l-preservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi ambjentali u l-ekosistemi u l-bijodiversità; il-kisba ta’ titjib fl-effiċjenza bħala riżultat ta’ infurzar aħjar tal-politiki tal-UE bħat-trasport, pereżempju, permezz tal-monitoraġġ tas-silġ li jippermetti titjib fir-rotot tal-vapuri; l-agrikoltura, pereżempju, permezz tal-appoġġ għal biedja intelliġenti li tnaqqas il-ħtiġijiet ta' parteċipanti; l-enerġija, permezz tal-kejl tar-radjazzjoni solari meħtieġa għall-produzzjoni ta’ enerġija fotovoltajka;

– « ekonomija iktar kompetittiva », bħala inizjattiva fuq politiki industrijali u spazjali, Copernicus jimmira li jrawwem il-kompetittività tal-industrija tal-UE u l-vantaġġ teknoloġiku tagħha fl-ispazju u lil hinn minnu; huwa speċifikament jimmira li joħloq potenzjal kummerċjali għall-SMEs billi jagħti spinta lill-innovazzjoni fis-settur downstream, waqt li jiżviluppa servizzi ġodda li jiddependu fuq informazzjoni Copernicus;

– « ekonomija bbażata fuq l-għarfien », Copernicus jimmira li jikkontribwixxi għal fehim aħjar tal-isfidi globali; huwa jappoġġa l-iżvilupp tar-riċerka/ix-xjenza permezz tal-forniment ta’ dejta kritika;

– « ekonomija bbażata fuq l-innovazzjoni », Copernicus jippermetti l-ħolqien ta’ servizzi downstream innovattivi ħafna. Dan il-progrann jimmira li joħloq sħubiji bejn komunitajiet ta’ riċerka u negozju u jista’ jistabbilixxi punti ta’ riferiment għar-riċerka u l-iżvilupp fin-negozju;

– « ekonomija b’rata għolja ta’ impjiegi », Copernicus joħloq potenzjal addizzjonali għal impjiegi ġodda billi jagħti spinta lid-domanda addizzjonali għal ħaddiema bi kwalifiki għoljin;

– « koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali », jiġifieri l-ħtieġa għal infrastruttura ġdida fuq l-art b’mod partikolari fl-UE-12; permezz tal-ħolqien ta’ potenzjal ġdid tan-negozju għall-SMEs fl-Istati Membri kollha tal-UE, Copernicus se jagħti spinta lil dawk il-pajjiżi li għadhom lura fis-servizzi tal-art jew ta’ emerġenza u għalhekk se jikkontribwixxi għall-objettiv ta’ koeżjoni akbar bejn l-Istati Membri. Is-servizzi Copernicus huma pan-Ewropej skont id-definizzjoni tagħhom u jirrispondu għall-ħtiġijiet Ewropej.

1.4.2.     Objettivi speċifiċi u attivitajiet ABM/ABB ikkonċernati

Il-programm Copernicus jinkludi l-għanijiet speċifiċi li ġejjin:

Objettiv speċifiku Nru 1: Servizzi Copernicus

Is-servizz ta’ monitoraġġ tal-art Copernicus se jiffoka fuq servizz ta’ mmappjar ta’ Kopertura Perjodika tal-Art fuq il-livell Ewropew, reġjonali u nazzjonali, u attivitajiet dinamiċi ta’ monitoraġġ tal-Art.

Is-servizz ta’ monitoraġġ tal-ambjent tal-baħar Copernicus se jipprovdi informazzjoni dwar l-istat tal-oċeani fiżiċi u l-ekosistemi tal-baħar għall-oċean fuq skala globali u ż-żoni reġjonali Ewropej. L-oqsma ta’ applikazzjoni tas-servizzi tal-baħar Copernicus jinkludu s-sigurtà fuq il-baħar, l-ambjent tal-baħar u r-reġjuni kostali, ir-riżorsi tal-baħar kif ukoll it-tbassir meteoroloġiku staġjonali u l-monitoraġġ tal-klima.

Is-servizz ambjentali tal-atmosfera Copernicus se jiżgura l-monitoraġġ tal-kwalità tal-arja fuq skala Ewropea u tal-kompożizzjoni kimika tal-atmosfera fuq skala globali. Dan għandu jipprovdi informazzjoni, b’mod partikolari, għas-sistemi ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-arja fl-iskali lokali sa nazzjonali, u għandu jikkontribwixxi għall-monitoraġġ tal-parametri atmosferiċi klimatiċi tal-kimika.

Is-servizz ta’ monitoraġġ tat-tibdil fil-klima Copernicus se jippermetti l-adattament u l-mitigazzjoni tal-effetti tiegħu. Dan għandu jikkontribwixxi, b’mod partikolari, għall-provvista ta’ ECVs (il-Parametri Essenzjali tal-Klima), l-analiżi tal-klima u l-projezzjonijiet fuq skala rilevanti għall-adattament u l-mitigazzjoni u l-kunsinna tas-servizz rilevanti.

Is-servizz ta’ rispons ta’ emerġenza Copernicus se joffri taħlita ta’ mapep u/jew livelli differenti ta’ dejta pproċessata minn qabel magħmula biex tappoġġja l-parteċipanti fir-rispons ta’ emerġenza fil-livelli internazzjonali, Ewropej, nazzjonali jew reġjonali f’diżastri bħal maltempati, nirien, għargħar, terremoti, eruzzjonijiet vulkaniċi, diżastri intenzjonati jew ikkaġunati mill-bniedem jew diżastri umanitarji oħrajn. Is-servizz jista’ jindirizza ċ-ċiklu kollu tal-ġestjoni ta’ kriżi: attivitajiet ta’ prevenzjoni, preparazzjoni, rispons jew irkupru.

Is-servizz tas-sigurtà Copernicus se jipprovdi informazzjoni b’appoġġ għall-isfidi li qiegħda tiffaċċja l-Ewropa fil-qasam tas-sigurtà, b'mod partikolari l-kontroll tal-fruntieri, is-sorveljanza tal-baħar u l-appoġġ għall-azzjonijiet esterni tal-UE.

Il-komponent fil-post Copernicus se jiżgura osservazzjonijiet li jsiru permezz ta’ installazzjonjiet fl-arja, fil-baħar u bbażati fuq l-art għall-oqsma tas-servizz. L-aċċess għad-dejta ta’ referenza huwa meħtieġ għat-tħaddim tas-servizzi. Filwaqt li dan huwa prinċipalment ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, il-programm jista’ jikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni transfruntiera ta’ dejta fil-post fl-UE u l-ġbir addizzjonali ta’ dejta fil-post barra l-UE. L-attivitajiet se jiġu fdati lil entitajiet responsabbli għas-Servizzi.

Attivitajiet orizzontali huma inklużi wkoll, permezz tal-appoġġ għall-ġestjoni ġenerali tal-fondi allokati skont dan ir-Regolament, is-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet kollha tal-programm, b’mod partikolari rigward l-ispiża, l-iskeda u l-prestazzjoni, l-istabbiliment ta’ strumenti xierqa u miżuri strutturali meħtieġa biex jidentifikaw, jikkontrollaw, itaffu u jimmonitorjaw ir-riskji assoċjati mal-programm; ir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali; ir-rappurtar ta’ attivitajiet lill-Istati Membri; il-koordinazzjoni ma’ attivitajiet fil-livelli nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali, b'mod partikolari l-GEOSS; il-koordinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet volontarji tal-Istati Membri; l-iżgurar tal-komplementarjetà u l-konsistenza tal-programm ma’ politiki, strumenti u azzjonijiet rilevanti oħra tal-Unjoni; l-istabbiliment ta’ ħtiġijiet tal-utenti u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom.

Objettiv speċifiku Nru 2: L-osservazzjoni spazjali

Il-komponent spazjali Copernicus se jiżgura osservazzjonijiet sostenibbli li jsiru fl-ispazju għas-servizzi Copernicus.

Dan jinkludi l-operazzjonijiet tal-infrastruttura spazjali ddedikata (jiġifieri s-satelliti Sentinelli); aċċess għal missjonijiet ta’ partijiet terzi; distribuzzjoni ta’ dejta; assistenza teknika lill-Kummissjoni biex tiġbor u torganizza r-rekwiżiti tad-dejta tas-servizzi, identifikazzjoni tad-diskrepanzi fl-osservazzjoni, li jikkontribwixxu għall-ispeċifikazzjoni ta’ missjonijiet ġodda fl-ispazju.

L-attivitajiet ta’ żvilupp jinkludu d-disinn u l-akkwist ta’ elementi ġodda tal-infrastruttura spazjali; il-forniment ta’ appoġġ tekniku lill-Kummissjoni għat-traduzzjoni ta’ rekwiżiti ta’ servizz fi speċifikazzjonijiet ta’ missjonijiet spazjali ġodda bl-appoġġ ta’ operaturi tal-infrastruttura spazjali; il-koordinazzjoni tal-iżvilupp ta’ attivitajiet spazjali, inklużi l-iżviluppi mmirati lejn il-modernizzazzjoni u l-ikkumplimentar tal-Komponent Spazjali Copernicus.

1.4.3.     Riżultati u impatt mistennija

Huwa previst l-iżvilupp tas-servizzi għall-iżgurar tas-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema u għall-kopertura tal-ħtiġijiet tal-utenti l-ġodda li għadhom ma ġewx espressi s’issa. Il-vantaġġ huwa li Copernicus jibqa’ kapaċi jirrispondi konsistentement b’mod sostenibbli għall-ħtiġijiet tal-utenti, u b’hekk jiżdied l-użu tal-utenti u l-iżvilupp tas-suq downstream.

Impatt ekonomiku: l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda u servizzi ġodda se jistimola l-innovazzjoni tal-prodott u tal-proċess u għalhekk ikollu impatt fit-tul fuq l-industrija Ewropea. Il-kontinwità sħiħa tas-servizzi Copernicus għandha ttejjeb b’mod sinifikanti l-ispinta għall-kompetittività tal-industrija u l-ħolqien ta’ negozji kummerċjalment vijabbli.

Impatt ambjentali: id-disponibbiltà ta’ Servizzi Copernicus fit-tul tappoġġja l-objettiv li l-Ewropa tkun attur ewlieni fit-tibdil fil-klima. Din se tiżgura wkoll sħubija reali fil-GEOSS.

Impatt soċjali: se jinħolqu impjiegi ġodda, mhux biss fl-industrija satellitari u fir-riċerka u l-iżvilupp, iżda wkoll fin-negozji marbuta mal-iżvilupp ta’ tekniki ġodda għall-osservazzjoni tad-Dinja u l-industriji u s-servizzi relatati. B’mod aktar importanti, l-impenn sostenibbli se jiffaċilita l-iżvilupp tas-servizzi downstream fejn l-impatt f’termini ta’ impjieg ikun sinifikanti.

1.4.4.     Indikaturi ta’ riżultati u impatt

Il-kisba tal-objettivi se titkejjel bl-indikaturi li ġejjin:

(a) dejta u informazzjoni ta’ valur miżjud magħmula disponibbli skont ir-rekwiżiti ta’ kunsinna ta’ livell ta’ servizz;

(b) l-użu ta’ dejta u informazzjoni mkejjel mill-progressjoni fl-għadd ta’ utenti, mill-volum ta’ dejta aċċessata u ta' informazzjoni ta’ valur miżjud, u mit-twessigħ tad-distribuzzjoni fl-Istati Membri;

(c) il-penetrazzjoni fis-suq u l-kompetittività tal-operaturi downstream Ewropej.

Għodod speċifiċi se jiddaħħlu fis-seħħ għall-kejl regolari ta’ dawn il-parametri, b’mod partikolari billi jiġu inklużi rekwiżiti speċifiċi fil-ftehimiet ta’ delega u/jew kuntratti li għandhom jiġu stabbiliti mal-operaturi. Se jsiru studji ad hoc f’diversi stadji tal-programm biex jitkejjel il-grad ta’ sodisfazzjon tal-utenti (potenzjali), kif ukoll il-penetrazzjoni fis-suq u l-effett ta’ Copernicus fil-kompetittività tas-settur downstream.

Barra minn hekk, huwa mistenni li parti kbira mill-implimentazzjoni tal-programm se tiġi ddelegata lil partijiet terzi. Ftehimiet ta’ delega se jinkludu objettivi u indikaturi li jippermettu l-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-operaturi. Dawn l-indikaturi se jservu wkoll għall-monitoraġġ globali tal-programm. Dawn jinkludu:

– l-istabbiliment fil-livell operattiv tas-sitt servizzi li jridu jkunu fis-seħħ b’mod operattiv sal-2017;

– il-kunsinna skont il-baġit u l-informazzjoni dwar l-ippjanar tas-servizz kif stabbilit fil-ftehimiet ta’ delega u/jew kuntratti ma’ operaturi;

– l-għadd ta’ utenti tas-servizzi u l-grad ta’ sodisfazzjon tagħhom;

– l-iżvilupp tas-settur downstream permezz ta’ dejta u informazzjoni Copernicus;

– it-tnedija u l-esplojtazzjoni tas-satelliti jew strumenti ippjanati, inkluż it-twassil f’waqtu ta’ dejta ta’ osservazzjoni fil-format adegwat għall-utenti identifikati, skont l-ippjanar li għandu jiġi miftiehem fid-dokument tax-Xenarju fit-Tul għall-komponent spazjali;

– id-definizzjoni u l-iżvilupp fil-baġit u l-ippjanar ta’ satelliti ġodda u segment fl-art rispettiv, kif definit fix-Xenarju fit-Tul u fil-ftehim ta’ delega li għandu jiġi stabbilit mal-ESA;

1.5.        Bażi għall-proposta/inizjattiva

1.5.1.     Rekwiżit(i) li jridu jintlaħqu f’perjodu qasir jew fit-tul

Informazzjoni mhux suffiċjentement affidabbli dwar l-istat tad-dinja għall-utenti pubbliċi

Fl-aħħar tletin sena, saru sforzi sostanzjali ta’ riċerka u żvilupp fil-qasam tal-osservazzjoni tad-Dinja mill-UE, l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) u l-Istati Membri rispettivi tagħhom, bil-għan li jiżviluppaw l-infrastruttura u s-servizzi preoperattivi ta’ osservazzjoni tad-Dinja. Madankollu, ħafna mis-servizzi eżistenti ta’ osservazzjoni tad-Dinja fl-Ewropa mhumiex suffiċjenti minħabba diskrepanzi infrastrutturali u nuqqas ta’ garanziji fuq id-disponibbiltà tagħhom fit-tul. Id-dejta pprovduta permezz tas-servizzi li jeżistu bħalissa ma tkoprix il-parametri kollha meħtieġa minn dawk li jfasslu l-politika[17] jew inkella mhix ipprovduta fuq bażi kontinwa u sostenibbli, b’mod partikolari minħabba li l-ħajja tas-servizz jew l-infrastruttura sottostanti tal-osservazzjoni hija limitata minħabba restrizzjonijiet baġitarji u/jew tekniċi. In-nuqqas ta’ indirizzar ta’ din il-problema se jkollu konsegwenzi f’perjodu qasir u fit-tul. Pereżempju, fuq perjodu qasir, ebda mappa ma tkun disponibbli għall-protezzjoni ċivili fil-każ ta’ diżastri naturali, filwaqt li fit-tul, id-dejta essenzjali dwar it-tibdil fil-klima mhix se tkun disponibbli għal dawk li jfasslu d-deċiżjonijiet.

Investimenti downstream fir-riskju

Il-programm Copernicus ibbaża sett ta’ attivitajiet operattivi fuq il-finanzi tar-Regolament tal-Operazzjoni Inizjali, matul il-perjodu 2011 – 2013. Permezz tal-programm eżistenti, li jkopri l-operazzjonijiet inizjali, sar l-ewwel pass lejn sistema ta’ osservazzjoni tad-Dinja. Madankollu, xorta għadu limitat fiż-żmien (jiġifieri 2011-2013).

Dan ir-riskju ta’ tfixkil jirrappreżenta tħassib kbir għall-utenti finali bħalma huma l-awtoritajiet pubbliċi, iżda wkoll għall-fornituri tas-servizzi downstream, peress li dawn x’aktarx ma jinvestux b’mod sinifikanti fi swieq mhux maturi u riskjużi u jiffaċċjaw diffikultajiet addizzjonali fil-ġbir tal-kapital.

Potenzjal għall-innovazzjoni fir-riskju

It-tfixkil jimplika wkoll li l-investimenti ta’ riċerka u żvilupp mhumiex tradotti f’innovazzjoni. Għalhekk, il-potenzjal li tiġi lliberata l-kapaċità ta’ innovazzjoni marbuta ma’ Copernicus, li hija primarjament innovazzjoni relatata mas-servizzi, mhux se jiġi sfruttat. Dan ikun ta’ dispjaċir speċjalment meta jitqies li l-politika tal-innovazzjoni tal-UE għandha tkun aktar immirata għas-settur tas-servizzi, kif juru studji differenti[18].

Impatt fuq l-impjiegi

Fl-aħħar nett, is-sistemi ta’ applikazzjoni tas-satellita huma s-sors ewlieni ta’ dħul għall-industrija spazjali Ewropea (EUR 3.1 biljun), u huma d-dominju prinċipali għall-esportazzjonijiet (b’EUR 1.13 biljun).[19] Wieħed miż-żewġ segmenti l-iktar sinifikanti f’termini ta’ dħul huwa l-osservazzjoni tad-Dinja (eż. is-Sentinelli Copernicus). Bħalissa, is-sistemi ta’ osservazzjoni tad-Dinja jammontaw għal madwar 30 % tad-dħul totali għall-industrija spazjali Ewropea. Minbarra dan l-impatt dirett fuq il-bejgħ industrijali, Copernicus għandu impatt sinifikanti fuq il-kompetittività u l-profitabbiltà tal-industrija Ewropea tal-manifattura spazjali. L-esportazzjoni u l-kummerċ jiddependu ferm fuq il-pożizzjoni kompetittiva relattiva tas-settur. Għal dawn ir-raġunijiet, l-impatt Copernicus fuq l-impjiegi fis-settur għandu jkun sinifikanti bi stima 35 000 impjieg matul il-perjodu 2015-2030.

1.5.2.     Valur miżjud tal-involviment tal-UE

Il-bażi legali għal programm Ewropew ta’ osservazzjoni tad-Dinja (Copernicus) hija l-Artikolu 189 tat-TFUE, li jippermetti lill-UE tiżviluppa l-programm spazjali tagħha stess. L-Artikolu 2 tar-Regolament 911/2010 dwar il-programm Ewropew ta’ Monitoraġġ tad-Dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu diġà jelenka l-attivitajiet inklużi fil-programm. Barra minn hekk, l-għoti ta’ Copernicus huwa objettiv strateġiku tal-Ewropa 2020.

Ir-responsabbiltà għall-finanzjament tal-esplojtazzjoni u t-tiġdid tal-infrastruttura spazjali żviluppata b’fondi tal-UE u intergovernattivi ma tistax tintlaħaq bl-aħjar mod mill-Istati Membri individwali minħabba l-ispejjeż imġarrba. Fil-qasam tal-osservazzjoni bbażata fl-ispazju għal meteoroloġija operattiva, l-Istati Ewropej ġabru r-riżorsi tagħhom biex jiżviluppaw u jisfruttaw satelliti meteoroloġiċi fil-qafas tal-Organizzazzjoni Ewropea għall-Esplojtazzjoni ta’ Satelliti Meteoroloġiċi (EUMETSAT). L-Istati Ewropej żviluppaw ukoll dimostraturi ta’ satelliti ambjentali permezz tal-ESA jew permezz ta’ aġenziji spazjali nazzjonali. Madankollu, ma setgħux isibu mod biex jikkooperaw rigward l-iffinanzjar ta’ programmi operattivi sostnuti fil-qasam tal-monitoraġġ ambjentali simili għal dawk fil-meteoroloġija. Il-ħtieġa għat-tkomplija ta’ dawn l-osservazzjonijiet qiegħda ssir kritika, meta wieħed iqis iż-żieda fil-pressjoni politika fuq l-awtoritajiet pubbliċi biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati fil-qasam tal-ambjent, is-sigurtà u t-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li jiġu rrispettati l-ftehimiet internazzjonali.

Għas-servizzi b’kopertura pan-Ewropea jew globali, l-Istati Membri ma jistgħux jiksbu l-objettivi tal-azzjoni proposta b’mod suffiċjenti, peress li l-inputs minn Stati Membri differenti għandhom jiġu aggregati fil-livell Ewropew. Il-forniment ta’ servizzi oħrajn (eż. mapep ta’ emerġenza jew mapep tematiċi ta’ monitoraġġ tal-art ta’ ambitu ġeografiku aktar limitat) jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-UE għal żewġ raġunijiet. L-ewwel, ġestjoni aktar koerenti u ċentralizzata tad-dejta tal-input, minn sensuri bbażati fl-ispazju jew fil-post se tippermetti ekonomiji ta’ skala. It-tieni, forniment mhux ikkoordinat ta’ servizzi ta’ osservazzjoni tad-Dinja fil-livell tal-Istati Membri għandu jwassal għal duplikazzjonijiet u jagħmel il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE abbażi ta’ kriterji trasparenti u oġġettivi diffiċli jew saħansitra impossibbli. Jekk l-informazzjoni prodotta fil-livell tal-Istati Membri ma tkunx komparabbli, ma jkunx possibbli li l-Kummissjoni tevalwa jekk il-leġiżlazzjoni ambjentali tkunx ġiet implimentata b’mod korrett fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, l-azzjoni fil-livell Ewropew se toħloq ekonomiji ta’ skala li jwasslu għal valur aħjar għall-flus pubbliċi. L-azzjoni fil-livell tal-UE b’hekk twassal għal valur miżjud ċar.

1.5.3.     It-tagħlim miksuba minn esperjenzi simili fil-passat

Din il-proposta tibni fuq l-esperjenza miksuba matul l-iżvilupp ta’ Copernicus bħala inizjattiva tar-riċerka matul l-aħħar tnax-il sena u l-fażi ta’ operazzjonijiet inizjali fl-2011-2013. Din l-esperjenza turi li, filwaqt li l-finanzjament għar-riċerka għadu meħtieġ biex jitkompla l-iżvilupp ta’ Copernicus, sar meħtieġ l-appoġġ għall-forniment ta’ servizzi ta’ osservazzjoni tad-Dinja u għall-operazzjonijiet tas-satelliti biex jinkisbu l-benefiċċji sħaħ tal-investimenti li saru s’issa u biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet identifikati hawn fuq.

1.5.4.     Koerenza u sinerġija possibbli ma’ strumenti rilevanti oħrajn

Fil-fażi operattiva, Copernicus se jkun jista’ jagħti informazzjoni lil dawk li jfasslu l-politika, lill-awtoritajiet pubbliċi, lin-negozji u liċ-ċittadini Ewropej. Dan ifisser li Copernicus, bħala sors awtonomu ta’ informazzjoni tal-UE, għandu l-għan li jappoġġja l-politiki, l-istrumenti u l-azzjonijiet rilevanti kollha tal-Unjoni, fejn il-fehim dwar il-mod kif il-pjaneta tagħna tinbidel huwa kruċjali.

Eżempji tal-kontribuzzjoni ta’ Copernicus għal politiki oħrajn tal-UE huma dawn li ġejjin:

· Politiki ta’ kooperazzjoni internazzjonali: l-estensjoni tas-servizzi Copernicus lejn l-Afrika tirrappreżenta kontribut konkret għall-politiki ta’ żvilupp tal-UE. L-Osservazzjoni tad-Dinja bis-Satellita, pereżempju, tippermetti l-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet tal-għelejjel matul l-istaġun tal-agrikoltura u l-iżvilupp ta’ Sistema ta’ Twissija Bikrija dwar is-Sigurtà tal-Ikel għar-reġjuni li huma fir-riskju madwar id-dinja. Barra minn hekk xi applikazzjonijiet ta’ Copernicus jistgħu jipprovdu informazzjoni lil dawk li jfasslu l-politika dwar ir-riżorsi naturali fl-Afrika.

· Politika tat-trasport: permezz tal-ottimizzazzjoni tar-rotot tal-bastimenti, is-servizz tal-Baħar Copernicus jista’ jimminimizza l-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet.

· Politiki ambjentali: is-servizzi Copernicus jipprovdu informazzjoni sistematika jew perjodika fuq skali differenti li huma meħtieġa għall-monitoraġġ fuq bażi kontinwa tal-istat tal-ambjent tal-Baħar, tal-Atmosfera u tal-Art. F’dan il-kuntest, immaġni ambjentali miġbura permezz ta’ Copernicus jistgħu jipprovdu l-bażi għall-monitoraġġ tal-miri tal-istrateġija Ewropea tal-bijodiversità l-ġdida, jew bħala għodda għall-monitoraġġ tal-użu effiċjenti ta’ riżorsi bħal injam, ilma, minerali, art, (il-kwalità) arja u ħafna oħrajn fuq skala Ewropea u globali.

· Għajnuna umanitarja: is-servizzi Copernicus għandhom ukoll rwol importanti fl-attivitajiet ta’ rispons għal emerġenza fl-UE u barra minnha, billi jipprovdi informazzjoni aġġornata li hija kruċjali għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, dawk li jippjanaw l-operazzjonijiet u t-timijiet fuq il-post.

· Enerġija: Copernicus jista’ jipprovdi lill-Ewropa b'sors ta’ informazzjoni affidabbli dwar l-enerġija solari u jista’ jikkontribwixxi għall-monitoraġġ tal-proliferazzjoni nukleari u d-dekummissjonar ta’ siti nukleari.

· Politika reġjonali: fil-livell pan-Ewropew is-Servizz tal-Art Copernicus jipprovdi kopertura tal-art armonizzata u prodotti għal tibdil ta’ kopertura tal-art. Din l-informazzjoni hija essenzjali għall-użu tal-art u skopijiet politiki urbani.

· Il-politika tat-tibdil fil-klima: hemm diversi servizzi Copernicus li jinvolvu kwistjonijiet relatati mal-klima bħall-monitoraġġ tal-foresti u l-informazzjoni dwar il-karbonju tal-art, il-monitoraġġ tal-livell tal-baħar u tas-silġ, l-analiżi ta’ gassijiet b’effett serra u tal-flussi tagħhom.

· Sigurtà: Copernicus jista’ jikkontribwixxi għas-sorveljanza tal-fruntieri u s-sorveljanza tal-baħar. F’dan il-qafas mill-2008, id-DĠ Intrapriża u Industrija u d-DĠ Affarijiet Interni waqqfu kooperazzjoni mill-qrib.

· Agrikoltura: Copernicus jista’ jikkontribwixxi għat-titjib tal-monitoraġġ f’waqtu u preċiż tal-użu tal-art agrikola u l-bidliet tiegħu fil-livelli Ewropej, nazzjonali u reġjonali billi jipprovdi metodoloġiji komuni u indikaturi li jkopru diversi skali temporali, spazjali u tematiċi. Il-politika agrikola komuni tista’ tuża Copernicus biex tissorvelja l-politika “ta’ twarrib”.

· Politiki relatati mal-baħar: Copernicus jippermetti fehim dwar l-oċean, id-dinamika u l-impatt tiegħu fuq it-tibdil fil-klima. L-applikazzjonijiet f’dan il-qasam jinkludu: Is-Sigurtà tal-Baħar, it-Tixrid taż-Żejt, il-ġestjoni tar-Riżorsi tal-Baħar, it-Tibdil fil-Klima, it-Tbassir Staġjonali, l-Attivitajiet Kostali, l-Istħarriġ dwar is-Silġ u l-Kwalità tal-Ilma.

1.6.        Tul ta’ żmien u impatt finanzjarju

þ Proposta/inizjattiva ta’ tul ta’ żmien limitat

– þ  Proposta/inizjattiva fis-seħħ mill-2014 sal-2020

– þ  Impatt finanzjarju mill-2014 sal-2020

¨ Proposta/inizjattiva ta’ tul ta’ żmien mhux limitat

– Implimentazzjoni b’perjodu tat-twaqqif minn SSSS sa SSSS,

– segwita b’operazzjoni ta’ skala sħiħa.

1.7.        Metodi ta’ ġestjoni previsti[20]

þ Ġestjoni diretta mill-Kummissjoni

þ Ġestjoni indiretta b’delega tal-kompiti ta’ implimentazzjoni lil

– ¨  aġenziji eżekuttivi

– þ  korpi stabbiliti mill-Komunitajiet[21]

– þ  korpi mis-settur pubbliku nazzjonali/korpi b’missjoni ta’ servizz pubbliku

– ¨  persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi skont it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u identifikati fl-att bażiku rilevanti skont it-tifsira tal-Artikolu 49 tar-Regolament Finanzjarju

¨ Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri

¨ Ġestjoni deċentralizzata ma’ pajjiżi terzi

þ      Organizzazzjonijiet internazzjonali

Jekk tindika aktar minn metodu wieħed ta’ ġestjoni, jekk jogħġbok ipprovdi dettalji fit-taqsima “Kummenti”.

Kummenti:

Copernicus jibni fuq il-kapaċitajiet li jeżistu fl-Ewropa, filwaqt li jevita d-duplikazzjoni bla bżonn u, għall-kuntrarju, ifittex sinerġiji fost il-kapaċitajiet nazzjonali jew internazzjonali eżistenti. Barra minn hekk, huwa kkunsidrat li l-Kummissjoni la għandha l-forza tax-xogħol interna u lanqas il-kompetenza biex timmaniġġja din is-sistema operattiva kumplessa ħafna tas-sistemi waħedha. Dan għaliex, b’mod konformi mal-objettivi ta’ simplifikazzjoni u titjib tal-prestazzjoni tal-programmi ta’ nfiq tal-UE, qed jiġi propost li jiġu implimentati partijiet kbar mill-programm indirettament, skont it-tifsira tal-Artikolu 58 tar-Regolament Finanzjarju, li jiddelega setgħat implimentattivi lil numru ta’ korpi rilevanti, fil-qasam tal-kompetenza tagħhom. Bil-ftehimiet ta’ delega, il-Kummissjoni tibqa’ tkun responsabbli għall-programm iżda tittrasferixxi r-responsabbiltajiet tal-implimentazzjoni lil numru ta’ operaturi. Il-Kummissjoni, appoġġjata mill-kumitat u l-esperti indipendenti, għandha tiffoka fuq id-definizzjoni tad-deċiżjonijiet programmatiċi ta’ livell għoli u fuq il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom. L-operaturi se jintalbu jissottomettu Programmi ta’ Ħidma annwali u Rapporti ta’ Attività Annwali flimkien ma’ ċertifikati ta’ verifika.

Sal-2013, l-iżvilupp tal-Komponent spazjali kien kofinanzjat mill-UE u l-ESA permezz ta’ kontribuzzjoni tal-FP7 dwar it-tema tal-ispazju u l-GMES u r-Regolament tiegħu dwar l-operazzjonijiet inizjali għall-programm tal-ESA dwar il-Komponent Spazjali GMES. Il-Kummissjoni, f’isem l-UE, ikkontribwiet terz mill-baġit ġenerali tal-programm GSC, jiġifieri madwar 780 miljun minn EUR 2.4 biljun. Għal dan il-għan, ġie stabbilit ftehim ta’ delega fl-2008 bejn l-UE, rappreżentat mill-Kummissjoni, u l-ESA. Dan il-ftehim ġie stabbilit skont il-ftehim qafas bejn l-UE u l-ESA. Filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-ESA għandha kompetenza unika u hija l-unika aġenzija għall-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp ta’ programmi relatati mal-ispazju fil-livell Ewropew, huwa propost li tkompli tiġi fdata l-attivitajiet ta’ żvilupp, jiġifieri d-disinn, il-kostruzzjoni u l-akkwist tas-satelliti u s-segment tal-art relatat, ta’ Copernicus. Huwa meqjus li l-ESA tista’ tkompli tikkofinanzja l-attivitajiet ta’ żvilupp, u b’mod partikolari l-iżviluppi ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ satelliti, li tkun opposta għall-akkwist ta’ unitajiet rikorrenti li jirreplikaw id-disinn tal-unitajiet diġà żviluppati.

Huwa propost ukoll li l-operazzjonijiet tal-infrastruttura żviluppata tiġi fdata kemm lill-ESA u lill-EUMETSAT. L-ESA se tkun responsabbli għall-operazzjonijiet ta’ Sentinelli 1, 2 u l-ipproċessar tal-parti tal-Art ta’ Sentinella 3. Permezz tad-disinn u l-koordinazzjoni tad-disinn u l-akkwist tas-segment tal-art, b’rikonoxximent tal-kompetenza tagħha akkwistata mill-operazzjonijiet ta’ ħafna missjonijiet xjentifiċi, l-ESA qiegħda f’pożizzjoni tajba biex timmaniġġja dawn il-kompiti. EUMETSAT se tkun fdata bl-operazzjonijiet ta’ satelliti u strumenti rilevanti b’mod partikolari għall-komunitajiet tal-atmosfera u tal-baħar, li huma qrib ħafna tal-qasam ta’ kompetenzi tagħha stess, ħafna drabi identiċi. Għandu jiġi mfakkar li Sentinelli 4 u 5 huma strumenti li jinġarru fuq satelliti tal-EUMETSTAT stess. Barra minn hekk, l-akkoljiment, it-trattament u d-distribuzzjoni tad-dejta se jsiru l-aktar permezz ta’ kapaċitajiet ta’ ħafna missjonijiet tal-EUMETSAT. Iż-żewġ organizzazzjonijiet se jkunu responsabbli għall-aċċess u l-għoti ta’ osservazzjonijiet mill-missjonijiet li jikkontribwixxu, fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom.

Wieħed mill-prodotti ewlenin tas-servizz tal-Art huwa l-valutazzjoni komprensiva u f’waqtha ta’ kopertura tal-art u kopertura tal-bidla fuq l-art. Is-settijiet tad-dejta Corine Land Cover (CLC) ipprovdew serje kronoloġika ta’ informazzjoni tal-kopertura tal-art u l-użu tal-art fil-kontinent Ewropew mill-1990. Dawn jippermettu tibdil tal-monitoraġġ fuq is-superfiċje terrestri li tirriżulta mill-interazzjoni kemm tal-proċessi naturali kif ukoll tal-attivitajiet umani. Sa mill-1994, Corine ġiet implimentata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. L-EEA hija aġenzija tal-Unjoni Ewropea, li xogħolha hu li tipprovdi informazzjoni tajba u indipendenti dwar l-ambjent lil dawk involuti fl-iżvilupp, l-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politika ambjentali, kif ukoll lill-pubbliku ġenerali. L-EEA hija responsabbli wkoll biex tikkoordina n-Netwerk Ewropew tal-Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (Eionet) fejn l-esperti nazzjonali jikkontribwixxu għall-ġabra u l-validazzjoni tad-dejta ambjentali. Waqt l-operazzjonijiet inizjali tal-GMES (2011-2013), il-koordinazzjoni tal-komponenti pan-Ewropej u lokali tas-servizz tal-Art ġiet fdata lill-EEA u implimentata permezz ta’ implimentazzjoni ċentralizzata, bl-akkwist permezz ta’ kuntratti qafas u ta’ servizz lil fornituri tas-servizzi; u l-implimentazzjoni deċentralizzata, permezz ta’ ftehimiet ta’ għoti lill-aġenziji nazzjonali li huma partijiet interessati diretti tal-EEA. Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li s-servizz tal-Art jiddependi bis-sħiħ fuq kejl fil-post u dejta ta’ referenza ġeografika. L-EEA qiegħda f’pożizzjoni tajba biex tirranġa l-għamara tagħha permezz ta’ aġenziji nazzjonali ambjentali u/jew tal-immappjar. Dan għaliex, filwaqt li jiġu rikonoxxuti s-sinerġiji ovvji possibbli bejn Copernicus u r-responsabbiltajiet ewlenin tal-EEA, u l-pożizzjoni unika tal-EEA, bħala koordinatur tal-Eionet, vis-à-vis partijiet interessati Copernicus li huma l-aġenziji ambjentali nazzjonali, qed jiġi propost li l-implimentazzjoni ta’ dawn iż-żewġ komponenti tas-servizz tal-Art tkompli tiġi fdata lill-EEA.

Mill-2008, sar xogħol kontinwu biex tiġi stabbilita Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza (EUROSUR) biex isaħħaħ il-kontroll tal-fruntiera esterna ta’ Schengen, speċjalment il- fruntieri tal-baħar tan-Nofsinhar u tal-art tal-Lvant. L-EUROSUR se tipprovdi lill-Istati Membri b’qafas tekniku komuni (l-infrastruttura) u operattiv (fluss tax-xogħol) sabiex iżżid l-għarfien tas-sitwazzjoni fil-fruntieri esterni tagħhom u ttejjeb il-kapaċitajiet ta’ reazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom li jissorveljaw il-fruntieri tal-UE. Wieħed mill-objettivi miftiehma huwa li ssir applikazzjoni komuni ta’ għodda ta’ sorveljanza (satelliti, UAVs, aerostats, eċċ.), fejn Frontex taġixxi bħala faċilitatur. Il-Frontex hija l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Hija tippromwovi, tikkoordina u tiżviluppa l-ġestjoni tal-fruntieri Ewropej. Għat-taqsima dwar il-kontroll tal-fruntieri tas-servizz tas-Sigurtà, il-kooperazzjoni attiva tal-Frontex hija strumentali. Frontex kienet involuta fil-proġetti kollha tal-FP7 li jippreparaw it-taqsima, kif ukoll proġetti relatati oħrajn tat-tema tas-Sigurtà tal-FP7. Jista’ jiġi osservat li l-ħtieġa li l-FRONTEX tistrieħ fuq GMES/Copernicus għal dawk l-attivitajiet hija rikonoxxuta fil-proposta tal-Kummissjoni għar-Regolament EUROSUR[22]. Għalhekk huwa propost li l-implimentazzjoni ta’ din it-taqsima tiġi ddelegata lil Frontex.

Fir-rigward tat-taqsima tas-Sigurtà dwar is-sorveljanza tal-baħar, huwa propost li l-implimentazzjoni tagħha tiġi ddelegata lill-EMSA, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima. Fil-fatt, il-mandat tal-EMSA jinkludi xi responsabbiltajiet fis-sigurtà marittima u obbligu li tgħin lill-Kummissjoni f’attivitajiet relatati. L-EMSA għandha kompetenza rikonoxxuta b’mod wiesa’ fl-implimentazzjoni ta’ CLEANSeaNET, programm operattiv tas-sigurtà tal-baħar permezz tad-dipendenza fuq l-osservazzjonijiet tad-Dinja. Hija involuta wkoll b’mod attiv f’diversi proġetti ta’ riċerka u żvilupp bi tħejjija għas-servizz tas-Sigurtà Copernicus.

2.           MIŻURI TA’ ĠESTJONI

2.1.        Regoli dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar

Se titqiegħed fis-seħħ sistema ta’ monitoraġġ sabiex jiġu żgurati l-outputs tal-ogħla kwalità u l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi. Il-monitoraġġ se jsir matul il-ħajja tal-programm. Dan se jibni fuq rapporti regolari mis-sħab ta’ implimentazzjoni.

2.2.        Sistema ta’ ġestjoni u ta' kontroll

2.2.1.     Riskju/riskji identifikat/i

Ir-riskji kollha relatati mal-programm se jiġu rreġistrati b’mod ċentrali f’reġistru. Kull riskju għandu jiġi allokat livell ta’ probabbiltà u rata ta’ impatt. Ir-reġistru tar-riskju se jinkludi wkoll lista ta’ miżuri maħsuba biex inaqqsu l-probabbiltà ta’ materjalizzazzjoni ta’ riskju. Ir-riskji huma kklassifikati kif ġej:

· Riskji teknoloġiċi: eż. satellita li tuża teknoloġija avvanzata li għad trid tiġi vvalidata u li l-ispeċifikazzjonijiet tagħha kontinwament qed jevolvu.

· Riskji industrijali: l-istabbiliment tal-infrastrutturi jinvolvi ħafna atturi industrijali, f’għadd ta’ pajjiżi, li xogħolhom għandu jiġi kkoordinat b’mod effettiv sabiex jaslu għal sistemi li huma affidabbli u integrati b’mod sħiħ, b’mod partikolari rigward is-sigurtà.

· Riskju tas-suq: dak li għandha tiġi evitata prestazzjoni teknika li hija inferjuri għal dik imwiegħda u li jkollha impatt negattiv fost l-utenti, u bħala riżultat ta’ dan ma tintużax l-infrastruttura.

· Riskju ta' dewmien: kull dewmien ta’ implimentazzjoni jpoġġi l-ambitu ta’ opportunità fil-periklu.

· Riskju ta’ governanza: il-governanza tal-programmi timplika entitajiet diversi li jaħdmu flimkien, u livell xieraq ta’ stabbiltà u organizzazzjoni għandu jkun garantit. Barra minn hekk, wieħed għandu jqis id-differenzi fl-opinjonijiet bejn il-partijiet differenti involuti rigward diversi kwistjonijiet ewlenin. F’dan il-kuntest għandu jiġi kkunsidrat it-tqassim ta’ ċerti riskji, inklużi riskji finanzjarji u relatati mas-sigurtà, fost dawk l-atturi li huma fl-aħjar pożizzjoni biex ilaħħqu magħhom.

Barra minn hekk, il-baġit tal-Programm se jiġi implimentat, għall-parti l-kbira, f’ġestjoni indiretta, permezz ta’ ftehimiet ta’ delega, u, f’parti marġinali, f’modalità ċentralizzata, fejn il-Kummissjoni se tagħmel użu ta’ għotjiet u akkwist pubbliku. Ir-riskji huma differenti għal kull wieħed minn dawn it-tipi differenti ta’ nefqa. Awditjar imwettaq mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u mill-awditjar ex post tal-Kummissjoni stess identifikaw ir-riskji ewlenin li ġejjin li jibqgħu potenzjalment validi għal dan il-Programm:

Għal ftehimiet ta’ delega: Ir-riskji ewlenin identifikati jirreferu għall-eliġibbiltà tal-operaturi (l-entità li l-Kummissjoni tikkonkludi magħha ftehim ta’ delega), il-konformità kuntrattwali (traspożizzjoni tar-rekwiżiti tal-Kummissjoni fid-dokumentazzjoni kuntrattwali), il-konformità tal-proċess (nuqqas ta’ osservanza tal-proċessi preskritti mill-Kummissjoni) u l-prestazzjoni (nuqqas ta’ kisba tal-miri/objettivi definiti minn qabel).

Dawn it-tipi ta’ riskji se jiġu indirizzati billi jitqiesu l-fatturi li ġejjin:

· Aspetti sinifikanti tal-proċess ta’ ġestjoni u ta' kontroll huma mwettqa mill-operaturi.

· Il-Kummissjoni għandha tistrieħ b’mod sinifikanti fuq is-sistemi ta’ kontroll tal-ġestjoni tal-operaturi.

· Huwa importanti li jiġi żgurat il-livell xieraq ta’ kontrolli tul il-katina ta’ implimentazzjoni b’responsabbiltajiet ċari għas-sħab kollha involuti.

Għall-għotjiet: Ir-regoli kumplessi tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż u l-kompetenza relattivament limitata fil-ġestjoni finanzjarja ta’ ċerti benefiċjarji jistgħu jwasslu għal riskju għoli ta’ spejjeż iddikjarati b’mod żbaljat (eż. spejjeż ġenerali u spejjeż tat-tagħmir).

In-nuqqas ta’ bażi ta' dejta kompluta b’informazzjoni dwar il-benefiċjarji, il-proġetti u l-ispejjeż iddikjarati jista’ jagħmel diffiċli l-individwazzjoni ta’ benefiċjarji riskjużi u ta’ ħlasijiet possibbilment doppji ta’ spejjeż jew irregolaritajiet oħra u għalhekk jirriżulta f’attività ineffettiva kontra l-frodi.

Għall-akkwist pubbliku: Żbalji li ma jinqabdux jew impreċiżjonijiet mhux korretti f’offerti jew speċifikazzjonijiet tal-offerti jistgħu jwasslu għal eżekuzzjoni ħażina ta’ kuntratt.

2.2.2.     Metodu/i ta’ kontroll previst(i)

Huma previsti metodi ta’ kontroll differenti biex jindirizzaw ir-riskji differenti identifikati hawn fuq

2.2.2.1.  Ftehimiet ta’ Delega

Informazzjoni dwar l-istabbiliment tas-sistema ta’ kontroll interna

Sistema ta’ ġestjoni u kontroll ibbażata fuq il-miżuri li ġejjin għandha tkun stabbilita:

· valutazzjoni ex ante tal-operatur

· monitoraġġ ibbażat fuq ir-riskju, inkluż fuq il-bażi ta’ rappurtar standardizzat,

· azzjoni preventiva permezz tad-disinn tal-eliġibbiltà xierqa, il-konformità kuntrattwali, il-konformità tal-proċess u r-rekwiżiti tal-prestazzjoni;

· rimedji kuntrattwali li jippermettu azzjoni korrettiva fil-każ ta’ żball fl-implimentazzjoni rigward l-eliġibbiltà, il-konformità kuntrattwali, il-konformità tal-proċess u r-rekwiżiti tal-prestazzjoni;

· kontrolli ex ante fuq il-pagamenti mid-DĠ għall-kont fiduċjarju tal-operatur;

· allinjament ta’ miżuri ta’ interess;

· parteċipazzjoni fil-governanza

· drittijiet għall-aċċess għall-awditjar rigward l-operaturi, l-entitajiet affiljati u l-benefiċjarji finali;

· rendikont sħiħ tal-entrati li jkopri l-katina tal-implimentazzjoni;

· awditjar tal-konformità u tal-prestazzjoni mill-aġenti tal-Kummissjoni

· żieda fl-assigurazzjoni integrata li tqis is-sistema tal-kontrolli interni u l-verifiki interni miżmuma mill-operaturi u l-entitajiet affiljati li tindirizza l-eliġibbiltà, il-konformità kuntrattwali, il-konformità tal-proċess u r-rekwiżiti tal-prestazzjoni;

· dikjarazzjonijiet finanzjarji vverifikati minn awdituri esterni;

· dikjarazzjonijiet ta’ assigurazzjoni pprovduti minn operaturi fuq bażi annwali.

Il-verifika li l-proċessi qegħdin jaħdmu kif iddisinjati se tkun żgurata permezz ta’ diversi mezzi ta’ informazzjoni:

l-għarfien tal-ġestjoni dwar l-istat tas-sistemi ta’ kontroll intern tad-DĠ, miġbura permezz tal-ħidma minn jum għal jum u l-esperjenzi;

is-superviżjoni formali tad-DĠ, l-arranġamenti ta’ segwitu u ta’ monitoraġġ;

· ir-riżultati mir-reviżjoni annwali tal-ICS (“konformità sħiħa mar-rekwiżiti bażiċi”);

· ir-riżultati tal-eżerċizzju tal-Valutazzjoni tar-Riskju;

· il-kontrolli ex ante u ex post, inkluż rapporti ta’ eċċezzjonijiet u/jew dgħufijiet fil-kontroll intern;

· ir-riżultati minn awditjar finanzjarji esterni tad-DĠ;

· il-ħidma ta’ verifika u ta’ konsulenza mwettqa mill-Kapaċità tal-Verifika Interna tad-DĠs;

l-evalwazzjonijiet tal-Programmi mwettqa minn evalwaturi esterni.

Il-verifika mill-IAC, l-IAS jew l-ECA se tipprovdi aktar rispons dwar l-adegwatezza tas-sistema ta’ kontroll.

L-istima tal-ispejjeż u tal-benefiċċji tal-kontroll implikata mis-sistema ta’ kontroll

Il-kontrolli previsti ġew meqjusa f’sens wiesa’ f’konformità mad-definizzjoni tal-mudell COSO tal-kontroll intern definit bħala “proċess imfassal biex jipprovdi assigurazzjoni raġonevoli fir-rigward tal-kisba tal-objettivi fl-effikaċja u fl-effiċjenza tal-operazzjonijiet, l-affidabbiltà tar-rappurtar finanzjarju, u l-konformità mal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli”. L-ispejjeż tal-kontrolli huma stmati fuq bażi komprensiva li tkopri kwalunkwe attivitajiet li huma direttament jew indirettament marbuta mal-verifika tad-drittijiet tal-operaturi u r-regolarità tan-nefqa. Fejn ikun possibbli dawn huma ddettaljati matul id-diversi stadji ta’ ġestjoni, u skont id-deskrizzjoni tas-sistema tal-kontroll prevista.

L-aġġustamenti biex jitqiesu t-tibdiliet mistennija tal-proposta l-ġdida jinkludu dejta għall-allinjament ta’ miżuri ta’ interess u aktar rimedji kuntrattwali li jippermettu azzjoni korrettiva fil-każ ta’ żball fl-implimentazzjoni rigward ir-rekwiżiti.

Valutazzjoni tal-livell ta’ riskju mistenni ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli applikabbli

Skont is-sistema ta’ kontroll prevista, il-livell mistenni ta’ riskju ta’ nuqqas ta’ konformità (definit bħala r-riskju mistenni ta’ żbalji tal-legalità u r-regolarità li jseħħu fil-livell ta’ tranżazzjonijiet) se jinżamm taħt 2 % fuq bażi pluriennali, iżda bi spiża aktar baxxa minħabba l-mitigazzjoni tal-frekwenza tar-riskju u l-impatt tar-riskju, li jirriżultaw mill-miżuri addizzjonali introdotti.

Ir-rata tal-iżbalji hija mistennija li tonqos minħabba l-kjarifika tar-regoli applikabbli inklużi r-rekwiżiti SMART, minħabba aktar riinfurzar tar-rimedji kuntrattwali u minħabba ż-żieda fl-allinjament ta’ interess.

Huwa previst li parti żgħira mill-baġit ta’ dan il-Programm tista’ tiġi implimentata skont il-ġestjoni diretta ċentralizzata (ara hawn taħt) permezz ta’ għotjiet u akkwist pubbliku.

2.2.2.2.  Għotjiet

Informazzjoni dwar l-istruttura tas-sistema tal-kontroll intern

Il-qafas ta’ kontroll intern attwali huwa mibni fuq l-implimentazzjoni tal-Istandards tal-Kontroll Intern tal-Kummissjoni, il-proċeduri għall-għażla tal-aħjar proġetti u t-traduzzjoni tagħhom fi strumenti legali, f’ġestjoni tal-proġett u tal-kuntratt matul il-proġett kollu, f’kontrolli ex ante fuq il-klejms, li jinkludu r-riċevuta ta’ ċertifikati tal-verifiki, ċertifikazzjoni ex ante tal-metodoloġiji tal-ispejjeż, awditjar u korrezzjonijiet ex post, u evalwazzjoni.

Id-dokumentazzjoni ta’ sejħiet għall-proposta tinkludi gwida ddettaljata dwar ir-regoli tal-eliġibbiltà u notevolment dwar l-iktar żbalji frekwenti fir-rigward tal-ispejjeż tal-persunal. Il-benefiċjarji huma mistiedna jipprovdu, diġà meta jagħmlu proposta, biżżejjed dettalji dwar l-ispejjeż previsti li jippermettu verifika ex ante u l-kixfa ta’ żbalji possibbli jew miżinterpretazzjonijiet u fejn meħtieġ bidliet tal-implimentazzjoni jew l-adattament tal-ftehim dwar l-għotja. Dan se jżid b’mod sinifikanti ċ-ċertezza legali tal-benefiċjarji u jnaqqas ir-riskju ta’ żbalji.

Kontrolli ex post se jitwettqu sabiex jiddeterminaw il-medja rappreżentattiva tar-rata ta’ żbalji li se jibqa’ minkejja t-taħriġ, il-verifiki ex ante u l-korrezzjonijiet. L-istrateġija tal-awditjar ex post għan-nefqa skont il-Programm se tkun ibbażata fuq l-awditjar finanzjarju tat-tranżazzjonijiet definiti mit-Teħid ta’ Kampjuni ta’ Unità Monetarja, flimkien ma’ kampjun ibbażat fuq ir-riskju. L-istrateġija tal-awditjar ex post fir-rigward tal-legalità u r-regolarità se tiġi kkumplementata minn evalwazzjoni operattiva riinfurzata u l-istrateġija ta’ kontra l-frodi.

L-istima tal-ispejjeż u tal-benefiċċji tal-kontrolli implikat mis-sistema ta’ kontroll

Irid jinstab bilanċ bejn, iż-żieda fl-attrazzjoni tal-Programm billi jitnaqqas il-piż ta’ kontroll għall-benefiċjarji (aktar fiduċja u teħid ta’ riskju bl-użu akbar ta’ rati fissi, somom f’daqqa u skali ta’ unità), min-naħa, u l-assigurazzjoni li r-rata ta’ żbalji mhux ikkoreġuti tibqa’ baxxa kemm hu raġonevolment fattibbli, min-naħa l-oħra.

Id-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija se jistabbilixxi sistema ta’ kontroll intern kost-effettiv li se tagħti assigurazzjoni raġonevoli li r-riskju ta’ żball, matul il-perjodu ta’ nefqa pluriennali ikun, fuq bażi annwali, fil-marġni ta’ 2-5 %; bl-għan aħħari li jinkiseb livell residwu ta’ żbalji kemm jista’jkun qrib it-2 % fl-għeluq tal-programmi pluriennali, ladarba l-impatt finanzjarju tal-awditjar kollu, il-miżuri ta’ korrezzjoni u rkupru jkunu ġew ikkunsidrati.

L-istrateġija tal-awditjar għandha timmira li tipprovdi rappreżentazzjoni ġusta u affidabbli tar-riskju ta’ żbalji u teżamina b’mod effikaċi u effettiv l-indikazzjonijiet ta’ frodi. Il-kontrolli ex ante tal-proposti qabel l-iffirmar tal-ftehim tal-għotja u l-kjarifika tar-regoli tal-eliġibbiltà ma għandhomx iżidu b’mod sinifikanti ż-żmien għall-kuntratt. L-uffiċjali li jawtorizzaw permezz ta’ delega għandhom jirrappurtaw kull sena l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-kontroll u l-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-awtorità leġiżlattiva fil-qafas tar-Reviżjoni Intermedja dwar il-livell tan-nuqqas ta’ konformità li jista’ jinkiseb.

Valutazzjoni tal-livell ta’ riskju mistenni ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli applikabbli

A. Is-sorsi attwali tal-iżbalji

Abbażi tar-riżultati, s’issa, ġew identifikati żbalji rikorrenti fir-rigward ta’ dan li ġej:

· spejjeż tal-persunal: jintalab ħlas għall-medja tal-ispejjeż jew inkella għall-ispejjeż ibbaġitjati (minflok l-ispejjeż attwali), in-nuqqas li jinżammu rekords adegwati tal-ħin involut fuq il-programm, jintalab ħlas għal oġġetti li mhumiex eliġibbli (spejjeż tal-maniġer proprjetarju tal-SME.

· spejjeż diretti oħrajn: żbalji regolari identifikati huma s-sottokuntrattar mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, jew mingħajr ma jiġu rrispettati r-regoli tal-valur għall-flus, eċċ.

· spejjeż indiretti: f’għadd ta’ każijiet l-ispejjeż indiretti huma perċentwal b’rata fissa tal-ispejjeż diretti, u għaldaqstant l-iżball fl-ispejjeż indiretti huwa proporzjonat mal-iżball fl-ispejjeż diretti.

B. Opportunitajiet ta’ simplifikazzjoni proposti

Il-programm se jibbenefika mill-miżuri ta’ simplifikazzjoni inklużi fir-reviżjoni trijennali tar-Regolament Finanzjarju. F’dan il-qafas il-Kummissjoni se tuża l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta’ simplifikazzjoni bħal pereżempju skali ta’ spejjeż tal-unità għall-maniġer proprjetarju tal-SME jew l-użu ta’ rati standard għall-ispejjeż tal-persunal b’konformità mal-prinċipji tal-kont tas-soltu tal-benefiċjarji.

C. Kontribuzzjoni ta’ tibdil fil-kontroll għat-tnaqqis tal-livell ta’ nuqqas ta’ konformità mistenni

Il-punt ta’ bidu huwa status quo, abbażi tal-awditjar tal-għotja tal-FP7 imwettqa s’issa. Abbażi tas-suppożizzjonijiet li:

· il-benefiċjarji tal-għotjiet skont il-Programm Copernicus tal-ġejjieni huma simili għal dawk li pparteċipaw fl-FP7, u li

· terz tas-sorsi tal-iżbalji huma stmati li huma dawk elenkati taħt il-punt B hawn fuq,

il-miżuri ta’ simplifikazzjoni inklużi fir-Regolament Finanzjarju huma mistennija jwasslu għal tnaqqis fir-rata ta’ żbalji. Tnaqqis ieħor tal-iżbalji huwa mistenni minn kjarifika ex ante tar-regoli tal-eliġibbiltà.

Konklużjoni: b’kunsiderazzjoni tal-miżuri kollha msemmija hawn fuq meħuda flimkien, l-għan aħħari huwa li jintlaħaq livell residwu ta’ żbalji kemm jista’ jkun qrib it-2 % sal-aħħar taċ-ċiklu tal-ħajja.

Dan ix-xenarju huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li l-miżuri ta’ simplifikazzjoni mhumiex suġġetti għall-modifiki sostanzjali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

2.2.2.3.  Akkwist Pubbliku

Il-qafas tal-kontroll intern mibni fuq l-implimentazzjoni tal-Istandards tal-Kontroll Intern tal-Kummissjoni, il-proċeduri tal-akkwist pubbliku għall-għażla tal-aħjar proposti u għall-ġestjoni tal-kuntratt matul il-proġett/kuntratt, u kontrolli ex ante fuq il-fatturi u l-ħlasijiet għandhom jevitaw żbalji residwi li jkunu aktar minn 2 %.

2.3.      Il-miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u irregolaritajiet

Speċifika l-miżuri ta’ prevenzjoni u protezzjoni eżistenti jew maħsuba.

Fil-qafas tal-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi (CAFS)[23] u bl-għajnuna tal-OLAF permezz tal-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni fin-Netwerk tal-OLAF għall-Prevenzjoni u d-Detezzjoni tal-Frodi (FPDNet), id-DĠ Intrapriża u Industrija żviluppa abbozz tiegħu tal-Istrateġija Kontra l-Frodi (AFS) li jkopri l-miżuri għall-prevenzjoni u l-kixfa ta’ frodi u irregolaritajiet kemm interni, kif ukoll dawk fir-rigward tal-benefiċjarji u l-kuntratturi. L-AFS se tiġi aġġornata kull sena.

B’mod partikolari għall-għotjiet, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-AFS tad-DĠ Intrapriża u Industrija jipprevedi l-ħolqien ta’ reġistru ċentrali tal-benefiċjarji kollha tiegħu (koordinaturi, imsieħba, sottokuntratturi u parteċipanti oħrajn) u tal-proġetti (rapporti u dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż). Din id-database, flimkien mal-akkwist ippjanat tal-għodod b’saħħithom għall-analiżi tad-dejta għall-kixfa tal-indikaturi tal-frodi jew ‘sinjali ta’ periklu’, se ttejjeb b’mod sinifikanti l-funzjonijiet ta’ kontroll u l-kapaċitajiet ta’ awditjar tagħha.

Sabiex iżid l-għarfien u l-kapaċità għat-twettiq ta’ kontrolli preventivi u effettivi, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-AFS tad-DĠ Intrapriża u Industrija jipprevedi l-offerta ta’ korsijiet speċifiċi ta’ taħriġ u materjal ta’ gwida. Barra minn hekk, se tiġi żviluppata u implimentata strateġija ta’ kontroll għall-evalwazzjoni tal-kapaċità finanzjarja u teknika tal-benefiċjarji flimkien ma’ kategorizzazzjoni tar-riskju tal-benefiċjarji abbażi tal-indikaturi tal-frodi, ir-reġistrazzjoni tal-għodod tal-IT u l-immarkar għall-awditjar ex ante/ex post.

Barra minn hekk, se jiġu żviluppati proċeduri tal-awditjar u gwida għall-awditjar ex post ibbażati fuq ir-riskju u b’enfasi fuq każijiet possibbli ta’ frodi u irregolaritajiet. Din l-AFS se tkun allinjata aħjar mal-istandards tal-kontroll intern, b’mod partikolari mal-eżerċizzju tal-valutazzjoni tar-riskju, u mal-AFS ta’ DĠs oħra u ma’ entitajiet sottodelegati.

3.           IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA

3.1.        Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u linja/i tal-baġit tan-nefqa affettwata/i

Intestaturi tal-baġit eżistenti tan-nefqa kif mitluba

Fl-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linji tal-baġit.

Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennalii || Linja tal-baġit || Tip ta’ nefqa || Kontribuzzjoni

Numru [Intestatura……………………………………..] || Diff./mhux diff. || minn pajjiżi tal-EFTA || minn pajjiżi kandidati || minn pajjiżi terzi || skont it-tifsira tal-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju

[1] || 02010404 – Nefqa ta’ appoġġ għall-programm Ewropew ta’ ossevazzjoni tad-Dinja (Copernicus) || Mhux Diff || IVA || LE || IVA || LE

[1] || 020601 - Servizzi operattivi (Copernicus) || Diff || IVA || LE || IVA || LE

[1] || 020602 - Osservazzjonijiet li jkunu saru fl-ispazju (Copernicus) || Diff || IVA || LE || IVA || LE

3.2.        Impatt stmat fuq in-nefqa

3.2.1.     Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa

miljuni ta’ EUR (sa 3 postijiet deċimali)

Intestatura tal-impatt stmat fuq in-nefqa: || 1 || Tkabbir Intelliġenti u Inklużiv

DĠ Intrapriża || || || Sena 2014 || Sena 2015 || Sena 2016 || Sena 2017 || Sena 2018 || Sena 2019 || Sena 2020 || Sena 2021 || TOTAL

Ÿ Approprazzjonijiet operattivi || || || || || || || || ||

020601 || Impenji || (1) || 58,500 || 179,721 || 189,426 || 197,952 || 208,610 || 283,691 || 210,291 || || 1,328,191

Pagamenti || (2) || 29,215 || 195,417 || 188,779 || 197,673 || 207,871 || 266,906 || 231,030 || 11,300 || 1,328,191

020602 || Impenji || (1) || 301,933 || 373,949 || 394,141 || 411,880 || 434,051 || 590,279 || 437,566 || || 2,943,799

Pagamenti || (2) || 150,785 || 406,608 || 392,796 || 412,159 || 434,790 || 555,362 || 480,717 || 110,582 || 2,943,799

Approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett għal programmi speċifiċi[24] || || || || || || || || ||

02010404 || || (3) || 2,500 || 2,700 || 2,700 || 2,800 || 2,900 || 2,900 || 3,000 || || 19,500

TOTAL ta’ approprjazzjonijiet għad-DĠ Intrapriża || Impenji || =1+1a +3 || 362,933 || 556,370 || 586,267 || 612,632 || 645,561 || 876,870 || 650,847 || || 4,291,480

Pagamenti || =2+2a+3 || 182,500 || 604,725 || 584,275 || 612,632 || 645,561 || 825,168 || 714,737 || 121,882 || 4,291,480

Intestura tal-qafas finanzjarju pluriennali: || 5 || “ Nefqa amministrattiva”

miljuni ta’ EUR (sa 3 postijiet deċimali)

|| || || Sena 2014 || Sena 2015 || Sena 2016 || Sena 2017 || Sena 2018 || Sena 2019 || Sena 2020 || TOTAL

DĠ: Intrapriża ||

Ÿ Riżorsi umani || 4,497 || 5,259 || 5,894 || 5,894 || 5,894 || 5,894 || 5,894 || 39,226

Ÿ Nefqa amministrattiva oħra || 0,343 || 0,343 || 0,343 || 0,343 || 0,343 || 0,343 || 0,343 || 2,401

TOTAL DĠ INTRAPRIŻA || Approprjazzjonijiet || 4,840 || 5,602 || 6,237 || 6,237 || 6,237 || 6,237 || 6,237 || 41,627

TOTAL ta’ approprjazzjonijiet taħt l-INTESTATURA 5 tal-qafas finanzjarju pluriennali || (Total ta’ impenji = Total ta’ pagamenti) || 4,840 || 5,602 || 6,237 || 6,237 || 6,237 || 6,237 || 6,237 || 41,627

miljuni ta’ EUR (sa 3 postijiet deċimali)

|| || || Sena 2014 || Sena 2015 || Sena 2016 || Sena 2017 || Sena 2018 || Sena 2019 || Sena 2020 || Sena 2021 || TOTAL

TOTAL ta’ approprjazzjonijiet taħt l-INTESTATURI 1 sa 5 tal-qafas finanzjarju pluriennali || Impenji || 367,773 || 561,972 || 592,504 || 618,869 || 651,798 || 883,107 || 657,084 || || 4.333,107

Pagamenti || 187,340 || 610,327 || 590,512 || 618,869 || 651,798 || 831,405 || 720,974 || 121,882 || 4,333,107

3.2.2.     Impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operattivi

– ¨ Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet operattivi

– þ Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet operattivi, kif spjegat hawn taħt:

L-approprjazzjonijiet għall-impenji f’miljuni ta’ EUR (sa 3 punti deċimali)

Objettivi || SENA 2014 || SENA 2015 || SENA 2016 || SENA 2017 || SENA 2018 || SENA 2019 || SENA 2020 || TOTAL

OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 1 Servizzi || 58,500 || 179,721 || 189,426 || 197,952 || 208,610 || 283,691 || 210,291 || 1,328,191

OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 2 Spazju || 301,933 || 373,949 || 394,141 || 411,880 || 434,051 || 590,279 || 437,566 || 2,943,799

TOTAL TAL-ISPEJJEŻ || 360,433 || 553,670 || 583,567 || 609,832 || 642,661 || 873,970 || 647,857 || 4.271,990

               

3.2.3.     Impatt stmat fuq approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva

3.2.3.1.  Sommarju

¨ Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet amministrattivi

þ Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet amministrattivi, kif spjegat hawn taħt:

miljuni ta’ EUR (sa 3 postijiet deċimali)

|| Sena 2014 || Sena 2015 || Sena 2016 || Sena 2017 || Sena 2018 || Sena 2019 || Sena 2020 || TOTAL

INTESTATURA 5 tal-qafas finanzjarju pluriennali || || || || || || || ||

Riżorsi umani || 4,497 || 5,259 || 5,894 || 5,894 || 5,894 || 5,894 || 5,894 || 39,226

Nefqa amministrattiva oħra || 0,343 || 0,343 || 0,343 || 0,343 || 0,343 || 0,343 || 0,343 || 2,401

Is-subtotal tal-INTESTATURA 5 tal-qafas finanzjarju pluriennali || 4,840 || 5,602 || 6,237 || 6,237 || 6,237 || 6,237 || 6,237 || 41,627

|| || || || || || || ||

Barra l-INTESTATURA 5 [25] tal-qafas finanzjarju pluriennali || || || || || || || ||

Riżorsi umani || || || || || || || ||

Nefqa oħra ta’ natura amministrattiva || 2,500 || 2,700 || 2,700 || 2,800 || 2,900 || 2,900 || 3,000 || 19,500

Subtotal barra mill-INTESTATURA 5 tal-qafas finanzjarju pluriennali || || || || || || || ||

|| || || || || || || ||

TOTAL || 7,340 || 8,302 || 8,937 || 9,037 || 9,137 || 9,137 || 9,237 || 61,127

3.2.3.2.  Ħtiġijiet stmati ta’ riżorsi umani

– ¨ Il-proposta/inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ riżorsi umani

– þ Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:

Stima li għandha tiġi espressa f’ammonti sħaħ (jew sa mhux aktar minn punt deċimali wieħed)

|| 2014 || 2015 || 2016 || 2017 || 2018 || 2019 || 2020

Ÿ Il-karigi tal-pjan ta' stabbiliment (uffiċjali u agenti temporanji)

02 01 01 01 (Kwartieri Ġenerali u l-Uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni) || 28 || 34 || 39 || 39 || 39 || 39 || 39

02 01 01 02 (Delegazzjonijiet) || - || - || - || - || - || - || -

02 01 05 01 (Riċerka indiretta) || - || - || - || - || - || - || -

10 01 05 01 (Riċerka diretta) || || || || || || ||

Ÿ Persunal estern (f’unità Ekwivalenti għal Full-Time: UEF)[26]

02 01 02 01 (AK, INT, ENS mill-“pakkett globali”) || 14 || 14 || 14 || 14 || 14 || 14 || 14

02 01 02 02 (AK, INT, JED, AL u ENS fid-delegazzjonijiet) || - || - || - || - || - || - || -

02 01 04 yy [27] || - || - || - || - || - || - || - || 0

- || - || - || - || - || - || - || 0

02 01 05 02 (AK, INT, ENS - Riċerka indiretta) || - || - || - || - || - || - || -

10 01 05 02 (AK, INT, ENS - Riċerka diretta) || - || - || - || - || - || - || -

Linji tal-baġit oħrajn (speċifika) || - || - || - || - || - || - || -

TOTAL || 42 || 48 || 53 || 53 || 53 || 53 || 53

Ir-riżorsi umani meħtieġa għandhom jiġu milqugħa mill-persunal tad-DĠ, li huwa diġà assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew ġie allokat mill-ġdid fid-DĠ, flimkien, jekk ikun neċessarju, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni taħt il-proċedura ta’ allokazzjoni annwali u fid-dawl tar-restrizzjonijiet baġitarji.

Ir-riżorsi umani attwali fl-2013 huma ta' 29UEF (17-il Kariga tal-pjan ta’ stabbiliment u 12-il-Membru tal-Persunal estern): iż-żieda progressiva sa 53 UEF (+ 22 Kariga tal-pjan ta’ stabbiliment u + 2 Membri tal-Persunal estern) għandhom ikunu koperti kif ġej: Wara r-reviżjoni fuq l-2016 tal-ftehimiet ta’ delega eżistenti kollha, valutazzjoni mill-ġdid tar-riżorsi allokati hija meħtieġa biex jiġi żgurat li l-objettivi jistgħu jintlaħqu bil-persunal fil-kariga. Iċ-ċifri attwali għall-2016-2019 huma indikattivi u jistgħu jiġu riveduti.

– għat-22 kariga addizzjonali tal-pjan ta’ stabbiliment (EPP); 8 jkunu koperti permezz ta’ skjerament mill-ġdid ġewwa d-Direttorat G tad-DĠ Intrapriża (huwa previst li ssir organizzazzjoni mill-ġdid biex l-attivitajiet tal-politika tal-Ispazju jingħaqdu mal-attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp tal-Ispazju), 4 EPP oħrajn ikunu koperti permezz ta’ riallokazzjoni ġewwa d-DĠ Intrapriża. L-10 EPP addizzjonali li jifdal għandhom ikunu koperti mir-raggruppament ta’ allokazzjoni mill-ġdid mill-Kummissjoni u/jew minn persunal issekondat (mis à disposition) minn DĠs involuti fil-programm Copernicus kif kien previst bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħolqien tal-GMES mill-2006 (C(2006)673). Se tiġi ppreżentata proposta ta’ emenda ta’ din id-deċiżjoni.

– għall-persunal estern: 2 UEF addizzjonali mitluba fl-2014 se jkunu koperti minn riallokazzjoni intern; u, jekk meħtieġ; riżorsi addizzjonali jistgħu jintalbu wara r-reviżjoni tal-2016 u għandhom jingħataw lid-DĠ Intrapriża skont il-proċedura ta’ allokazzjoni annwali

Deskrizzjoni tal-kompiti li għandhom jitwettqu:

Uffiċjali u aġenti temporanji || - Jippreparaw u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-programm inkluża d-definizzjoni tar-rekwiżiti tal-utenti; - Jagħżlu korpi delegati; - Jinnegozjaw ftehimiet ta’ delega (żieda ta’ 6 darbiet) - Jissorveljaw korpi ta’ delega (żieda ta’ 4 darbiet); - Jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-baġit b’mod indirett - Jipprovdu analiżi legali u regolatorja li tappoġġja l-proċess ta’ tfassil tal-politika; - Jiżguraw il-konformità ta’ soluzzjonijiet proposti mar-regoli applikabbli; - Jiggarantixxu ġestjoni finanzjarja tajba u jlestu t-tranżazzjonijiet finanzjarji relatati mal-ġestjoni tal-kuntratti; - Iwettqu attivitajiet meħtieġa biex jiġi żgurat il-kontroll effiċjenti tal-ispejjeż; - Isegwu l-kooperazzjoni internazzjonali u jinnegozjaw ftehimiet internazzjonali - Jimmonitorjaw aspetti ta’ sigurtà Copernicus - Iżommu relazzjonijiet ma’ Stati Membri, b’mod partikolari l-komponent fil-post - Valutazzjoni u mitigazzjoni tar-riskju (akkumulat minħabba l-esponiment finanzjarja tal-pakkett imsaħħaħ) - Relazzjonijiet mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill skont l-Artikoli 58, 60-61 tar-Regolament Finanzjarju - Il-prevenzjoni ta’ frodi u irregolaritajiet u r-relazzjonijiet mal-OLAF u l-Qorti tal-Awdituri - Il-Politika tad-dejta u l-infurzar tagħha mill-partijiet interessati kollha - Jippromwovu l-adozzjoni tal-utent fl-Istati Membri

Persunal estern || Appoġġ għall-kompiti deskritti hawn fuq

3.2.4.     Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali preżenti

– þ Il-proposta/inizjattiva hija kompatibbli mal-qafas finanzjarju pluriennali kurrenti.

– ¨ Il-proposta/inizjattiva se tinvolvi l-ipprogrammar mill-ġdid tal-intestatura rilevanti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

– ¨ Il-proposta/inizjattiva teħtieġ l-applikazzjoni ta’ strumenti ta’ flessibilità jew ir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali[28].

3.2.5.     Kontribuzzjonijiet minn partijiet terzi

– ¨ Il-proposta/inizjattiva ma tipprovdix għall-kofinanzjament minn partijiet terzi

– þ Il-proposta/inizjattiva tipprovdi għall-kofinanzjament stmat hawn taħt:

– ¨ Il-programm se jkun miftuħ għal parteċipazzjoni iżda għadu ma ġie konkluż ebda ftehim formali sa issa.

Approprjazzjonijiet f’miljuni ta’ EUR (sa 3 punti decimali)

|| 2014 || 2015 || 2016 || 2017 || 2018 || 2019 || 2020 || Total

Speċifika l-entità ta’ kofinanzjament || || || || || || || ||

TOTAL ta’ approprjazzjonijiet kofinanzjati || || || || || || || ||

3.3.        Impatt stmat fuq id-dħul

– þ Il-proposta/inizjattiva ma għandhiex impatt finanzjarju fuq id-dħul.

– ¨ Il-proposta/inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej:

– ¨         fuq ir-riżorsi proprji

– ¨         fuq dħul mixxellanju

EUR miljuni (sa 3 postijiet decimali)

Linja tad-dħul tal-baġit: || Approprazzjonijiet disponibbli għas-sena baġitarja li għaddejja bħalissa || Impatt tal-proposta/tal-inizjattiva [29]

Sena N || Sena N+1 || Sena N+2 || Sena N+3 || … daħħal kemm hemm bżonn kolonni biex jiġi rifless it-tul ta’ żmien tal-impatt (ara l-punt 1.6)

Artikolu …………. || || || || || || || ||

Għal dħul mixxelanju assenjat, speċifika l-linja/i tan-nefqa tal-baġit affettwat(i).

.

Speċifika l-metodu għall-ikkalkular tal-impatt fuq id-dħul.

.

[1]               COM (2012) 42 final tat-8 ta’ Frar 2012

[2]               COM (2005) 565 finali tal-10 ta’ Novembru 2005

[3]               COM (2008) 748 finali tal-11.12.2008

[4]               COM (2009) 223 finali tal-20.5.2009. Ir-Regolament (UE) nru 911/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar il-programm Ewropew ta’ monitoraġġ tad-dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu (2011-2013) – ĠU L 276 tal-20.10.2010, paġna 1.

[5]               COM (2009) 589 finali tat-28.10.2009

[6]               ĠU C , , p. .

[7]               ĠU C , , p. .

[8]               COM(2005) 565 finali tal-10 ta’ Novembru 2005.

[9]               ĠU L 276, 20.10.2010, p. 1.

[10]             ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1.

[11]             ĠU L , , p. .

[12]             ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

[13]             ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[14]             ABM: Immaniġġjar Ibbażat fuq l-Attività – ABB: Ibbaġitjar Ibbażat fuq l-Attività.

[15]             Kif imsemmi fl-Artikolu 49(6)(a) jew (b) tar-Regolament Finanzjarju.

[16]             COM(2013) 108 final tat-28.2.2013

[17]             B’mod partikolari, informazzjoni aggregata fil-livell Ewropew jew globali bi kwalità suffiċjenti attwalment mhix disponibbli għal dawk li jfasslu l-politika Ewropea.

[18]             Ara pereżempju “Next generation innovation policy, the future of EU innovation policy to support

market growth”, CEPS u Ernst & Young, 2011.

[19]             “The European Space Industry in 2010”, ASD-Eurospace, il-15-il edizzjoni, Ġunju 2011.

[20]             Id-dettalji dwar il-modi ta’ ġestjoni u r-referenzi għar-Regolament Finanzjarju jistgħu jinstabu fuq is-sit tal-BudgWeb: http://www.cc.cec/budg/man/budgmanag/budgmanag_en.html

[21]             Kif imsemmi fl-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju.

[22]             COM(2011) 873 finali

[23]             COM(2011)376, 24.06.2011

[24]             L-assistenza u n-nefqa teknika u/jew amministrattiva b’appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ programmi u/jew azzjonijiet tal-UE (il-linji “BA” preċedenti), riċerka indiretta, riċerka diretta.

[25]             L-assistenza u n-nefqa teknika u/jew amministrattiva bħala appoġġ għall-implimentazzjoni tal-programmi tal-UE u/jew l-azzjonijiet (linji “BA” preċedenti), ir-riċerka indiretta, ir-riċerka diretta.

[26]             AK= Aġent Kuntrattwali; INT= persunal tal-aġenzija (“Intérimaire”); JED= “Jeune Expert en Délégation” (Esperti Żgħażagħ f’Delegazzjonijiet); AL= Aġent Lokali; ENS = Esperti Nazzjonali Sekondati;

[27]             Taħt il-limitu ta’ persunal estern minn approprjazzjonijiet operattivi (dawk li kienu linji “BA”).

[28]             Ara l-punti 19 u 24 tal-Ftehim Interistituzzjonali.

[29]             Fir-rigward tar-riżorsi proprji tradizzjonali (dazju, imposti fuq iz-zokkor), l-ammonti indikati għandhom ikunu ammonti netti, jiġifieri ammonti gross wara t-tnaqqis ta’ 25 % għall-ispejjeż tal-ġbir.