Proposta għal REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 fuq importazzjonijiet ta’ biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le /* COM/2013/0261 final - 2013/0135 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA Raġunijiet u għanijiet tal-proposta Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni
tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009
tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra
l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri
tal-Komunità Ewropea ('ir-Regolament bażiku') fl-investigazzjoni dwar
il-possibbiltà ta' evażjoni tal-miżuri tal-antidumping imposti mir-Regolament
ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 dwar l-importazzjonijiet
ta' biċikletti kkonsenjati mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u
t-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri
Lanka u t-Tuneżija, kif ukoll jekk le. Kuntest ġenerali Din il-proposta qed issir fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hija r-riżultat ta' investigazzjoni li twettqet skont ir-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku u b’mod partikolari fl-Artikolu 13 tiegħu. Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Il-miżuri fis-seħħ attwalment kienu imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Konsistenza mal-bqija tal-politiki u l-għanijiet tal-Unjoni Mhux applikabbli. 2. IR-RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET
TAL-IMPATT Konsultazzjoni mal-partijiet interessati Il-partijiet interessati kkonċernati mill-proċediment kellhom il-possibbiltà jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-investigazzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. Ġbir u użu ta’ għarfien espert Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern. Valutazzjoni tal-impatt Din il-proposta tirriżulta mill-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku. Ir-Regolament bażiku ma jipprevedix valutazzjoni ġenerali tal-impatt iżda fih lista eżawrjenti ta' kundizzjonijiet li jridu jiġu vvalutati. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA Sommarju tal-azzjoni proposta Il-proposta mehmuża għal Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija bbażata fuq dak li ħareġ mill-investigazzjoni, li kkonfermat li t-trażbord ta’ biċikletti mill-RPĊ u l-immuntar tal-biċikletti bl-użu ta’ partijiet Ċiniżi fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija qed iseħħ u li l-kriterji kollha li jistabbilixxu każ ta’ evażjoni kif stabbilit fl-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament bażiku ġew issodisfati. Għaldaqstant, il-miżuri antidumping fis-seħħ dwar il-biċikletti li joriġinaw fir-RPĊ għandhom jiġu estiżi għal importazzjonijiet tal-istess prodott ikkunsinjati mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija. Huwa għalhekk propost li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża sabiex jiġu estiżi l-miżuri anti-dumping fuq biċikletti li joriġinaw fir-RPĊ għall-importazzjonijiet tal-istess prodott ikkunsinjat mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija. Id-dazju jikkorrispondi mad-dazju għall-pajjiż kollu fuq importazzjonijiet ta' biċikletti mir-RPĊ (48,5%). Id-dazju għandu jiġi impost mid-data tat-tnedija tal-investigazzjoni. Ir-Regolament tal-Kunsill rilevanti għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mhux aktar tard mill-5 ta' Ġunju 2013. Bażi ġuridika Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa' taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax. Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għal dawn ir-raġunijiet: Il-forma tal-azzjoni hija deskritta fir-Regolament bażiku msemmi hawn fuq u ma tħalli ebda spazju għal deċiżjoni nazzjonali. Mhijiex applikabbli indikazzjoni ta' kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa' fuq l-Unjoni, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini qed jiġi mminimizzat u huwa proporzjonali għall-għan tal-proposta. Għażla tal-istrumenti Strumenti proposti: Regolament. Mezzi oħra ma jkunux adegwati għar-raġuni li ġejja: Ir-Regolament bażiku msemmi hawn fuq ma jipprevedix għażliet alternattivi. 4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni
għall-baġit tal-Unjoni. 2013/0135 (NLE) Proposta għal REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI
TAL-KUNSILL li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv
impost mir-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 fuq
importazzjonijiet ta’ biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
għal importazzjonijiet ta’ biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja,
mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw
fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar
il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn
pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1]
("ir-Regolament bażiku"), u b’mod partikolari l-Artikolu 13
tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mressqa
mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) wara li kkonsultat mal-Kumitat
Konsultattiv, Billi: 1. PROĊEDURA 1.1. Miżuri eżistenti (1) Bir-Regolament (KEE) nru 2474/93[2], il-Kunsill impona dazju definittiv anti-dumping ta' 30,6% fuq
l-importazzjoni ta’ biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
("ir-RPĊ"). Wara investigazzjoni dwar l-evażjoni skont
l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, dan id-dazju ġie estiż bir-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 71/97[3] għall-importazzjonijiet ta' ċertu komponenti ta' biċikletti li
joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Barra minn hekk ġie deċiż li
tinħoloq "skema ta' eżenzjoni" abbażi tal-Artikolu 13(2)
tar-Regolament bażiku tal-anti-dumping. Id-dettalji tal-iskema ġew stipulati
fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 88/97[4]. (2) Wara reviżjoni tal-iskadenza
skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, bir-Regolament
(KE) Nru 1524/2000[5],
iddeċieda li l-miżuri msemmija hawn fuq għandhom jinżammu. (3) Wara
t-twettiq ta’ analiżi interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament
bażiku, il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 1095/2005[6], żied id-dazju ta' anti-dumping fis-seħħ għal 48,5%. (4) F'Ottubru 2011, wara
t-twettiq ta’ analiżi tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament
bażiku, il-Kunsill, bir-Regolament (UE) Nru 990/2011[7], iddeċieda li l-miżuri hawn fuq
imsemmija għandhom jinżammu ("il-miżuri eżistenti"). (5) F’Marzu 2012, il-Kummissjoni
ħabbret, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni
Ewropea[8]
l-bidu ta’ analiżi interim tal-miżuri antidumping għall-importazzjonijiet
fl-Unjoni ta’ biċikletti li joriġinaw fir-RPĊ skont l-Artikolu 11(3) u 13(4)
tar-Regolament bażiku anti-dumping. (6) F’Mejju 2013, il-Kunsill,
permezz tar-Regolament (UE) Nru XXX/2013[9] [timtela matul il-proċedura
bil-miktub mis-Segretarjat tal-Kunsill], emenda r-Regolament ta’
Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 li jimponi dazju antidumping
definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari
taċ-Ċina wara reviżjoni interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru
1225/2009. (7) F’April
2012 il-Kummissjoni ħabbret permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea[10] l-bidu
ta’ proċediment kontra s-sussidji fir-rigward ta' importazzjonijiet fl-Unjoni
ta’ biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina skont l-Artikolu
10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009[11]. (8) F’Novembru 2012,
il-Kummissjoni ħabbret permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea[12]
li s-sejbiet fl-investigazzjoni attwali jistgħu jintużaw fl-investigazzjoni
tas-sussidji msemmija fil-premessa (7) hawn fuq. (9) F’Mejju 2013 il-Kummissjoni
permezz tar-Regolament (UE) Nru xxx/2013[13] [timtela matul il-proċedura bil-miktub mis-Segretarjat tal-Kunsill],
temmet il-proċediment kontra s-sussidji msemmi fil-premessa (7) hawn fuq
mingħajr ma imponiet miżuri. 1.2. Talba (10) Fl-14 ta' Awwissu 2012,
il-Kummissjoni rċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament
bażiku biex tinvestiga l-possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri anti-dumping
imposti fuq importazzjonijiet ta' biċikletti li joriġinaw fir-RPĊ u biex
tagħmel l-importazzjonijiet ta' biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja,
il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija soġġetti għar-reġistrazzjoni, kemm jekk
dawn ikunu ddikjarati li joriġinaw mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u
t-Tuneżija u kemm jekk le. (11) It-talba tressqet
mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-biċikletti (European Bicycles
Manufacturers Association EBMA) f’isem In Cycles - Montagem e Comercio de
Bicicletas, Ldo, SC. EUROSPORT DHS S.A. u MAXCOM Ltd, tliet produtturi
tal-biċikletti tal-Unjoni. 1.3. Tnedija (12) Wara li ddeterminat, wara
konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed evidenza prima
facie biex jingħata bidu għal investigazzjoni skont l-Artikoli 13 (3) u 14
(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ddeċidiet li tinvestiga l-possibbiltà
ta’ evażjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq importazzjonijiet ta’
biċikletti li joriġinaw fl-RPĊ u biex tagħmel l-importazzjonijiet ta’
biċikletti kkonsenjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u
mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja,
il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija u kemm jekk le, suġġetti għal
reġistrazzjoni. (13) L-investigazzjoni
nbdiet fil-25 ta’ Settembru 2012 permezz tar-Regolament
tal-Kummissjoni (UE) Nru 875/2012[14]
(“ir-Regolament tat-tnedija”). (14) L-evidenza prima facie
għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni wriet bidla sinifikanti fix-xejra
tal-kummerċ li tinvolvi l-esportazzjonijiet mir-RPĊ, l-Indoneżja, il-Malasja,
is-Sri Lanka u t-Tuneżija lejn l-Unjoni wara ż-żieda tad-dazju anti-dumping fuq
l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru
1095/2005 imsemmi fil-premessa (3) hawn fuq. Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ
tidher li seħħet mingħajr raġuni jew ġustifikazzjoni biżżejjed b’saħħitha għajr
iż-żieda tad-dazju. (15) Din il-bidla tidher li
tirriżulta mit-trażbord ta’ biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari
taċ-Ċina via l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija lejn l-Unjoni u
minn operazzjonijiet ta' mmuntar fl-Indoneżja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija. (16) Barra minn hekk, l-evidenza
kienet tindika li l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri eżistenti tal-anti-dumping
fuq il-prodott ikkonċernat qed jiġu kompromessi f’termini ta’ kwantità u ta’
prezz. Volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet tal-prodott investigat jidher
li ħadu post l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw fir-RPĊ.
Barra minn hekk, teżisti biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott
investigat saru bi prezzijiet aktar baxxi mill-prezz mhux dannuż stabbilit
fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri eżistenti. (17) Fl-aħħar nett, kien hemm
evidenza li l-prezzijiet tal-prodott taħt investigazzjoni kienu oġġett ta’
dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit qabel għall-prodott
ikkonċernat. 1.4. Investigazzjoni (18) Il-Kummissjoni avżat
uffiċjalment lill-awtoritajiet tar-RPĊ, l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u
t-Tuneżija, lill-produtturi/esportaturi f’dawk il-pajjiżi, lill-importaturi
fl-Unjoni magħrufa li huma kkonċernati u lill-industrija tal-Unjoni,
bit-tnedija tal-investigazzjoni. (19) Formoli
ta’ eżenzjoni ntbagħtu lill-produtturi/esportaturi fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri
Lanka u t-Tuneżija magħrufa mill-Kummissjoni jew permezz tal-Missjonijiet
tal-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija għall-Unjoni Ewropea.
Intbagħtu kwestjonarji lill-produtturi/esportaturi fir-RPĊ li taf bihom
il-Kummissjoni jew permezz tal-Missjoni tar-RPĊ għall-Unjoni Ewropea. Intbagħtu
wkoll kwestjonarji lill-importaturi magħrufa mhux relatati fl-Unjoni. (20) Il-partijiet interessati
ngħataw l-opportunità jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jitolbu smigħ
sal-iskadenza stipulata fir-Regolament tat-tnedija. Il-partijiet
kollha kienu infurmati li nuqqas ta’ kooperazzjoni jista’ jwassal
għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u għal sejbiet
li jkunu bbażati fuq il-fatti disponibbli. (21) Erba’ produtturi/esportaturi
fl-Indoneżja, wieħed fil-Malasja, sitta fis-Sri Lanka u tnejn fit-Tuneżija
ppreżentaw tweġibiet għall-formoli ta’ eżenzjoni. Il-produtturi/esportaturi Ċiniżi ma kkooperawx. Tliet importaturi mhux
relatati fl-Unjoni ppreżentaw tweġiba għall-kwestjonarju. (22) Il-Kummissjoni
għamlet iż-żjajjar ta' verifika fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin: –
P.T. Insera Sena, Buduran, Sidoarjo, l-Indoneżja, –
Wijaya Indonesia Makmur Bicycles Industries,
Driyorejo, Gresik, Jawa Timur, l-Indoneżja, –
P.T. Terang Dunia Internusa, Slipi, Jakarta Barat,
l-Indoneżja, –
P.T. Chin Haur, Tangerang, l-Indoneżja, –
Tan Lan Venture Corporation Sdn Bhd, Kampar, Perak,
il-Malasja, –
Asiabike Industrial Limited, Henamulla, Panadura,
is-Sri Lanka, –
BSH Ventures Limited, Colombo, is-Sri Lanka, –
City Cycle Industries, Colombo, is-Sri Lanka, –
Firefox Lanka (Pvt) Ltd, Weliketiya Pamunugama,
is-Sri Lanka, –
Kelani Cycles Pvt Ltd, Katunayake, is-Sri Lanka, –
Samson Bikes (Pvt) Ltd, Colombo, is-Sri Lanka, –
Mediterranean United Industries, Bouhajar Monastir,
it-Tuneżija, –
Euro Cycles, Sousse, it-Tuneżija. 1.5. Perjodu ta' rapportar u
perjodu ta’ investigazzjoni (23) Il-perjodu ta’ investigazzjoni
kien ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2004 sal-31 ta’ Awwissu 2012 (“il-PI”).
Id-dejta nġabret għall-PI sabiex tiġi investigata, fost l-oħrajn, il-bidla
allegata fix-xejra tal-kummerċ wara ż-żieda tad-dazju tal-antidumping fl-2005.
Inġabret dejta aktar dettaljata għall-perjodu tar-rappurtar bejn
l-1 ta’ Settembru 2011 u l-31 ta’ Awwissu 2012
(“il-PR”) sabiex tiġi eżaminata t-theddida possibbli għall-effett rimedjali
tal-miżuri fis-seħħ u l-eżistenza tad-dumping. 2. RIŻULTATI
TAL-INVESTIGAZZJONI 2.1. Kunsiderazzjonijiet
ġenerali (24) Skont l-Artikolu 13(1)
tar-Regolament bażiku, il-valutazzjoni tal-eżistenza ta' evażjoni saret billi
ġie analizzat b'mod suċċessiv jekk kienx hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn
ir-RPĊ, l-erba’ pajjiżi interessati u l-Unjoni; jekk din il-bidla fix-xejra
tal-kummerċ irriżultatx minn xi prassi, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx
raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni
tad-dazju; jekk kienx hemm evidenza ta’ ħsara jew jekk l-effetti rimedjali
tad-dazju ġewx kompromessi f'termini tal-prezzijiet u/jew tal-kwantitajiet
tal-prodott investigat; u jekk kienx hemm evidenza ta' dumping b'rabta
mal-valuri normali stabbiliti qabel, jekk neċessarju skont id-dispożizzjonijiet
tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku. 2.2. Prodott ikkonċernat u
prodott investigat (25) Il-prodott ikkonċernat huma
biċikletti u ċikletti oħra (inklużi triċikletti tal-kunsinna, iżda
bl-esklużjoni tal-uniċikletti), mhux motorizzati, li joriġinaw mir-Repubblika
Popolari taċ-Ċina, li bħalissa huma klassifikabbli taħt il-kodiċijiet NM
8712 00 30 u ex 8712 00 70 (“il-prodott ikkonċernat”). (26) Il-prodott taħt
investigazzjoni huwa l-istess bħal dak definit hawn fuq, iżda kkunsinnat
mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija, kemm jekk iddikjarat li
joriġina mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija u kemm jekk le,
u li bħalissa jaqa’ taħt l-istess kodiċi NM bħall-prodott ikkonċernat
("il-prodott taħt investigazzjoni"). (27) L-investigazzjoni wriet li
l-biċikletti, kif definiti hawn fuq, esportati lejn l-Unjoni mill-PRĊ u dawk
ikkunsinjati mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija lejn
l-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi u tekniċi u l-istess
użu, u għalhekk jitqiesu bħala prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu
1(4) tar-Regolament bażiku. 2.3. Grad ta’ kooperazzjoni u
determinazzjoni tal-volumi tal-kummerċ 2.3.1. L-Indoneżja (28) L-erba’ kumpaniji Indoneżjani
li ressqu talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku
kienu jirrappreżentaw 91% tal-importazzjonijiet totali mill-Indoneżja lejn
l-Unjoni matul il-PR. Il-volumi globali tal-importazzjoni mill-Indoneżja kienu
stabbiliti fuq il-bażi tad-dejta mill-Comext[15]. (29) Id-dejta
sottomessa minn kumpanija waħda ma kinitx verifikabbli għaliex il-kumpanija
sostniet li ma kienet żammet l-ebda dokumenti ta’ ħidma użati biex timla
l-formola ta’ eżenzjoni. Għalhekk, il-kumpanija ma kinitx kapaċi tispjega u
turi kif iċ-ċifri rapportati ġew miksuba. Barra minn hekk, id-dejta mressqa
mill-kumpanija rriżultaw inaffidabbli għaliex iċ-ċifri rapportati li ġew
ittestjati u kkalkulati mill-ġdid fuq il-bażi tal-kotba disponibbli
fl-istabbilimenti tal-kumpanija nstab li ma kinux preċiżi (eż. xiri, volum
tal-produzzjoni). L-investigazzjoni żvelat ukoll li l-maniġer tal-bejgħ
tal-kumpanija kien fil-fatt fl-istess ħin impjegat minn produttur Ċiniż
tal-biċikletti li kien l-akbar fornitur tal-materja prima (il-komponenti
tal-biċikletti) tal-kumpanija Indoneżjana. (30) Għalhek, f'konformità
mal-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku, il-kumpanija ġiet infurmata
bl-intenzjoni li titwarrab l-informazzjoni li hija ressqet u ngħatat limitu ta’
żmien sabiex tipprovdi l-kummenti tagħha. (31) Il-kumpanija
ddikjarat li kienet kooperattiva ħafna billi pprovdiet id-dokumenti kollha
mitluba minbarra d-dokumenti ta’ ħidma li allegatament ma kinux mitluba qabel.
Madankollu, id-dokumenti ta' ħidma kienu ntalbu fl-ittra ta' qabel il-verifika
mibgħuta lill-kumpanija qabel il-verifika fuq il-post. Barra minn hekk,
il-kumpanija sostniet li l-kalkolu tal-valuri tal-produzzjoni u tax-xiri kien
affettwat minn spjegazzjonijiet ħżiena minn ħaddiem u li l-verifika
tat-tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni kienet preċiża. F’dan ir-rigward, ta’
min jinnota li minkejja diversi spjegazzjonijiet mingħand il-ħaddiema, fl-aħħar
mill-aħħar ma kienx possibbli li ċ-ċifri pprovduti fuq il-post jiġu rrikonċiljati
man-numri sottomessi fil-formola ta' eżenzjoni. F’dak li jirrigwarda l-valur
tal-bejgħ tal-esportazzjoni, ir-rikonċiljazzjoni kienet fil-fatt preċiża. Barra
minn hekk, matul iż-żjara ta’ verifika, il-ħaddiema li pparteċipaw fil-verifika
ma kinux kapaċi jispjegaw is-sors tan-numri ddikjarati fil-formola ta'
eżenzjoni u lanqas kif ġew kumpilati n-numri. Barra minn hekk, il-kumpanija
kkonfermat li l-maniġer tal-bejgħ kien b’mod parallel qed jaħdem għal produttur
Ċiniż tal-biċikletti. (32) Għalhekk, l-informazzjoni
pprovduta mill-kumpanija inkwistjoni kellha tiġi mwarrba. (33) Għaldaqstant,
il-konklużjonjiet rigward din il-kumpanija kienu bbażati fuq il-fatti
disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. It-tliet kumpaniji l-oħra ġew ikkunsidrati li kkooperaw. 2.3.2. Il-Malasja (34) L-unika kumpanija Malasjana li ressqet talba għal eżenzjoni
skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, kienet tirrappreżenta bejn 20% u
30% tat-total tal-importazzjonijiet mill-Malasja lejn l-Unjoni matul il-PR. L-importazzjonijiet
totali ta’ biċikletti mill-Malasja lejn l-Unjoni kienu stabbiliti fuq il-bażi
tad-dejta minn Comext. Il-kumpanija tqieset li
kkooperat. 2.3.3. Is-Sri Lanka (35) Is-sitt
kumpaniji fis-Sri Lanka li ressqu talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 13(4)
tar-Regolament bażiku kienu jirrappreżentaw 69% tal-importazzjonijiet totali mis-Sri Lanka lejn l-Unjoni matul
il-PR. Il-volumi globali tal-importazzjoni mis-Sri Lanka kienu stabbiliti fuq
il-bażi tad-dejta minn Comext. (36) Waħda
mill-kumpaniji rtirat it-talba tagħha għal eżenzjoni matul l-investigazzjoni
fuq il-bażi li kienet waqqfet il-produzzjoni tal-biċikletti fis-Sri Lanka.
Għalhekk, id-dejta fir-rigward ta’ din il-kumpanija ġew injorati. (37) Il-kooperazzjoni
tat-tieni kumpanija nstabet li kienet insuffiċjenti. Id-dejta ppreżentata ma
kinitx verifikabbli billi l-valur u l-volum tal-komponenti ta’ oriġini Ċiniża
mixtrija mill-kumpanija ma setgħux jiġu stabbiliti b’mod ta’ min jorbot fuqu.
Barra minn hekk, il-valur u l-volum tal-komponenti użati fil-proċess
tal-manifattura ma setgħux jiġu vverifikati billi kienu nxtraw minn parti terza
u kkonsenjati lill-kumpanija biss għall-immuntar. (38) Għalhek, f'konformità
mal-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku, il-kumpanija ġiet infurmata
bl-intenzjoni li titwarrab l-informazzjoni li hija ressqet u ngħatat limitu ta’
żmien sabiex tipprovdi l-kummenti tagħha. Il-kumpanija ma pprovdietx kummenti. (39) Il-kooperazzjoni
ta’ kumpanija oħra kienet ukoll ikkunsidrata insuffiċjenti. L-informazzjoni
pprovduta ma setgħetx tkun ivverifikata fil-post peress li l-kumpanija naqset
milli tipprovdi informazzjoni essenzjali. Aktar speċifikament, hija naqset
milli tħejji informazzjoni espliċitament mitluba qabel il-verifika fuq il-post,
bħalma huma d-dokumenti ta’ ħidma jew il-lista tal-kumpaniji relatati magħha, u
għaldaqstant xekklet il-proċess ta’ verifika. Min-naħa l-oħra, il-valur
tax-xiri tal-partijiet ta’ oriġini lokali kif irrappurtat mill-kumpanija nstab
li ma kienx affidabbli, b'mod partikolari minħabba li l-investigazzjoni żvelat
mill-inqas xi rabtiet bejn il-kumpanija u l-fornitur lokali tagħha
tal-komponenti tal-biċikletti li kienu jmorru lil hinn minn relazzjoni normali
ta' xerrejja u bejjiegħa u li ma setgħux jiġu kkjarifikati mill-kumpanija. (40) Skont
l-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku, il-kumpanija ġiet infurmata
bl-intenzjoni li tiġi injorata l-informazzjoni li ressqet u ngħatat limitu ta’
żmien sabiex tipprovdi l-kummenti tagħha. B’reazzjoni għal dan, il-kumpanija
kkontestat is-sejbiet u ssottomettiet aktar evidenza u spjegazzjonijiet. L-ebda
evidenza ġdida li ġiet sottomessa ma setgħet tiġi aċċettata. L-ewwel nett, għax
ma setgħetx tiġi vverifikata aktar għaliex ġiet ipprovduta wara ż-żjara fuq
il-post. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-evidenza l-ġdida li ġiet sottomessa
nstabet li kienet inkonsistenti mal-ispjegazzjonijiet u l-evidenza miġbura fuq
il-post. Fir-rigward tal-ispjegazzjonijiet il-ġodda li ġew sottomessi, instab
li dawn kienu insuffiċjenti minħabba li ma kinux jindirizzaw il-kwistjonijiet
ewlenin pendenti, b’mod partikolari, l-kjarifiki nieqsa rigward kumpaniji
relatati. (41) Għalhekk l-informazzjoni
pprovduta mill-kumpanija inkwistjoni kellha tiġi skartata. (42) Għaldaqstant,
il-konklużjonjiet rigward din il-kumpanija kienu bbażati fuq il-fatti
disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. 2.3.4. It-Tuneżija (43) Iż-żewġ kumpaniji Tuneżini li
ressqu talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku kienu
jirrappreżentaw l-importazzjonijiet kollha mit-Tuneżija lejn l-Unjoni matul
il-PR kif irrappurtat fil-Comext. Dawn tqiesu li kkooperaw. 2.3.5. Ir-Repubblika Popolari
taċ-Ċina (44) Kif imsemmi fil-premessa (21)
hawn fuq, ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni mill-produtturi/esportaturi Ċiniżi.
Għalhekk, is-sejbiet fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat
fl-Unjoni, min-naħa l-waħda, u l-esportazzjonijiet tal-biċikletti mir-RPĊ lejn
l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija, min-naħa l-oħra, kienu
bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku.
Fir-rigward tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni, intużat dejta
tal-importazzjoni rreġistrata fil-Comext. L-istatistika nazzjonali Ċiniża
ntużat fir-rigward tad-determinazzjoni tal-volumi ta’ esportazzjoni mir-RPĊ
lejn l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija. 2.4. Bidla fix-xejra tal-kummerċ 2.4.1. Importazzjonijiet fl-Unjoni
mir-RPĊ, l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija (45) L-importazzjonijiet
tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ lejn l-Unjoni naqsu bi 38,2% mill-2005,
jiġifieri wara ż-żieda tal-miżuri anti-dumping f’Lulju 2005, u komplew jonqsu
fis-snin ta’ wara. B’kollox, l-importazzjonijiet mir-RPĊ naqsu b’iktar minn 80%
fil-PI. (46) Fl-istess ħin,
l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-Indoneżja
għall-Unjoni żdiedu mill-2005 ‘l quddiem u aktar milli rdoppjaw fl-2006 meta
mqabbla mal-2004. L-importazzjonijiet baqgħu jiżdiedu, bl-eċċezzjoni tal-2009,
minkejja li baqgħu f’livelli ferm ogħla minn dawk tal-2004. Mill-2009 'l hawn,
l-importazzjonijiet reġgħu żdiedu kontinwament sal-PR. Fil-PR
l-importazzjonijiet mill-Indoneżja żdiedu b'157% meta mqabbla mal-2004. (47) Fir-rigward
tal-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni mill-Malasja lejn
l-Unjoni, dawn kienu negliġibbli qabel iż-żieda tad-dazju anti-dumping f’Lulju
2005. Fl-2005, dawn żdiedu b’mod sinifikanti (b'iktar minn mitejn darba) iżda
naqsu fl-2009 b'46%, segwiti minn żieda oħra ta’ 38% fl-2010. Għalkemm
l-importazzjonijiet mill-Malasja reġgħu naqsu fl-2011 u matul il-PR, il-livell
ta’ importazzjoni mill-Malasja matul il-PR għadu jaqbeż sewwa l-livell
tal-importazzjoni mill-2004 qabel iż-żieda tal-miżuri anti-dumping, jiġifieri
185 158 biċikletta meta mqabbla ma’ 10 749 waħda fl-2004 jew
b'1 623%. (48) L-importazzjonijiet
tal-prodott taħt investigazzjoni mis-Sri Lanka għall-Unjoni żdiedu b’mod
sinifikanti wara ż-żieda tad-dazji antidumping fl-2005 u komplew jiżdiedu
fis-snin ta’ wara bi kważi 500% u laħqu quċċata fl-2010. Fl-2011 u matul il-PR
l-importazzjonijiet mis-Sri Lanka tal-prodott taħt l-investigazzjoni naqsu,
għalkemm dawn għadhom ferm ogħla mil-livelli ta’ importazzjoni tal-2004 qabel
iż-żieda tal-miżuri anti-dumping, jiġifieri l-importazzjonijiet globali mis-Sri
Lanka żdiedu b'282% bejn l-2004 u l-PR. (49) Fl-aħħar nett,
l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mit-Tuneżija għall-Unjoni żdiedu bi
kważi 30% fl-2005, jiġifieri wara ż-żieda tad-dazji anti-dumping, u b’aktar
minn 20% fl-2006. Huma aktar milli rduppjaw bejn l-2006 u l-2007, u laħqu
l-ogħla livell tagħhom fl-2007. Importazzjonijiet matul l-2008 u l-2010 kienu
qegħdin jonqsu, reġgħu żdiedu fl-2011 u mbagħad naqsu bi ftit matul il-PR.
Matul il-PI, l-importazzjonijiet mit-Tuneżija żdiedu b'200,3%. (50) It-Tabella 1 turi
l-kwantitajiet ta’ importazzjonijiet ta’ biċikletti mir-RPĊ, l-Indoneżja,
il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija lejn l-Unjoni mill-1 ta’ Jannar 2004
sal-31 ta’ Awwissu 2012, jiġifieri matul il-PI. Tabella 1 (unitajiet) 2004 || 2005 || 2006 || 2007 || 2008 || 2009 || 2010 || 2011 || 1.9.2011-31.8.2012 (PR) Ir-RPĊ || 2,550,775 || 1,575,452 || 995,715 || 986,514 || 941,522 || 597,339 || 627,066 || 584,303 || 411,642 Indiċi (2004 = 100) || 100 || 61.8 || 39.0 || 38.7 || 36.9 || 23.4 || 24.6 || 22.9 || 16.1 L-Indoneżja || 237,648 || 282,045 || 500,623 || 593,769 || 634,623 || 437,023 || 551,847 || 614,798 || 612,448 Indiċi (2004 = 100) || 100 || 118.7 || 210.7 || 249.9 || 267.0 || 183.9 || 232.2 || 258.7 || 257.7 Il-Malasja || 10,749 || 229,354 || 497,974 || 475,463 || 360,871 || 193,102 || 266,164 || 177,306 || 185,158 Indiċi (2004 = 100) || 100 || 2,133.7 || 4,632.7 || 4,423.3 || 3,357.3 || 1,796.5 || 2,476.2 || 1,649.5 || 1,722.6 Is-Sri Lanka || 249,491 || 352,078 || 534,413 || 574,153 || 749,358 || 1,016,523 || 1,237,406 || 975,297 || 953,169 Indiċi (2004 = 100) || 100 || 141.1 || 214.2 || 230.1 || 300.4 || 407.4 || 496.0 || 390.9 || 382.0 It-Tuneżija || 167,137 || 212,257 || 251,054 || 549,848 || 527,209 || 529,734 || 414,488 || 519,217 || 501,853 Indiċi (2004 = 100) || 100 || 127.0 || 150.2 || 329.0 || 315.4 || 316.9 || 248.0 || 310.7 || 300.3 Sors: L-istatistika tal-Comext 2.4.2. l-esportazzjonijiet mir-RPĊ
lejn l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija (51) L-esportazzjonijiet
tal-biċikletti mir-RPĊ lejn l-Indoneżja żdiedu l-ewwel fl-2008 (b'56,2%). Bejn
l-2008 u l-PR, l-importazzjonijiet komplew jiżdiedu, bl-eċċezzjoni tal-2009.
Matul il-PI l-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Indoneżja żdiedu fit-total bi
83,8%. (52) L-esportazzjonijiet
tal-biċikletti mir-RPĊ lejn il-Malasja żdiedu fl-2005, wara ż-żieda tal-miżuri
anti-dumping, bi kważi 30% u komplew jiżdiedu sakemm laħqu l-ogħla livell
tagħhom fl-2011, jiġifieri żieda ta’ 110,8% meta mqabbla mal-2004. Fil-PR l-esportazzjonijiet
mir-RPĊ lejn il-Malasja, naqsu kemxejn, iżda baqgħu f’livelli fil-biċċa l-kbira
ogħla minn dawk tal-2004. B’mod ġenerali, l-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn
il-Malasja żdiedu b'99,6% matul il-PI. (53) L-esportazzjonijiet
tal-biċikletti mir-RPĊ lejn is-Sri Lanka żdiedu wkoll wara ż-żieda tad-dazji
anti-dumping f’Lulju 2005. Huma naqsu kemxejn fl-2007 iżda żdiedu b'iktar
mid-doppju fl-2010 u fl-2011 meta mqabbla mal-2004. Kumplessivament,
l-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn is-Sri Lanka żdiedu b'132,5% matul il-PI. (54) Finalment l-esportazzjonijiet
mir-RPĊ lejn it-Tuneżija kienu negliġibbli qabel iż-żieda tad-dazji
anti-dumping. Mill-2005 'il quddiem, l-esportazzjonijiet lejn it-Tuneżija
żdiedu b’mod sinifikanti u laħqu l-ogħla livell tagħhom fl-2008 (minn
2 534 unità fl-2004 għal 389 445 unità fl-2008). Għalkemm
l-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn it-Tuneżija naqsu u baqgħu f’livelli aktar
baxxi wara l-2008, huma xorta baqgħu f’livelli ferm ogħla minn dawk ta' matul
l-2004. B’mod ġenerali, l-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn it-Tuneżija żdiedu minn
2 534 biċikletta fl-2004 għal 170 772 biċikletta fil-PR. (55) It-Tabella 2 turi
l-esportazzjonijiet tal-biċikletti mir-RPĊ lejn l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri
Lanka u t-Tuneżija mill-1 ta’ Jannar 2004 sal-31 ta’ Awwissu 2012, jiġifieri
matul il-PI. Tabella 2 (unitajiet) 2004 || 2005 || 2006 || 2007 || 2008 || 2009 || 2010 || 2011 || 1.9.2011-31.8.2012 (PR) L-Indoneżja || 2,128,804 || 1,731,224 || 2,121,019 || 1,906,364 || 3,325,531 || 2,287,374 || 3,644,836 || 3,773,852 || 3,912,882 Indiċi (2004 = 100) || 100 || 81.3 || 99.6 || 89.6 || 156.2 || 107.4 || 171.2 || 177.3 || 183.8 Il-Malasja || 721,335 || 933,943 || 890,241 || 974,860 || 1,515,886 || 1,111,251 || 1,291,766 || 1,520,276 || 1,440,132 Indiċi (2004 = 100) || 100 || 129.5 || 123.4 || 135.1 || 210.2 || 154.1 || 179.1 || 210.8 || 199.6 Is-Sri Lanka || 267,371 || 315,233 || 345,953 || 254,774 || 425,405 || 383,377 || 699,328 || 685,744 || 621,620 Indiċi (2004 = 100) || 100 || 117.9 || 129.4 || 95.3 || 159.1 || 143.4 || 261.6 || 256.5 || 232.5 It-Tuneżija || 2,534 || 7,188 || 37,042 || 175,761 || 389,445 || 171,332 || 225,369 || 204,465 || 170,772 Indiċi (2004 = 100) || 100 || 283.7 || 1,461.8 || 6,936.1 || 15,368.8 || 6,761.3 || 8,893.8 || 8,068.9 || 6,739.2 Sors: L-istatistika Ċiniża 2.4.3. Il-volumi ta’ produzzjoni (56) Il-kumpaniji fl-Indoneżja u
t-Tuneżija żiedu l-produzzjoni tagћhom bejn l-2009 u l-PR, b'54% u 24%
rispettivament. Il-kumpaniji tas-Sri Lanka madankollu naqqsu ftit
il-produzzjoni tagħhom matul l-istess perjodu. (57) Dwar il-Malasja, l-unika
kumpanija fil-Malasja li kkooperat bdiet tipproduċi u tesporta l-biċikletti
fl-2010. Peress li l-ebda kumpanija oħra ma kkooperat, l-ebda informazzjoni ma
setgħet tinkiseb fuq il-livelli possibbli tal-produzzjoni ġenwina tal-prodott
investigat f’dan il-pajjiż. Tabella 3 Il-produzzjoni ta’ biċikletti tal-kumpaniji li
kkooperaw fl-Indoneżja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija Il-volumi ta’ produzzjoni f’unitajiet || 2009 || 2010 || 2011 || PR L-Indoneżja || 1,217,664 || 1,631,459 || 1,877,067 || 1,877,381 Indiċi || 100 || 134 || 154 || 154 Is-Sri Lanka || 737,632 || 886,191 || 688,059 || 692,454 Indiċi || 100 || 120 || 93 || 94 It-Tuneżija || 430,022 || 483,135 || 575,393 || 532,425 Indiċi || 100 || 112 || 134 || 124 2.5. Konklużjoni dwar il-bidla
fix-xejra tal-kummerċ (58) It-tnaqqis
kumplessiv tal-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Unjoni u ż-żieda parallela
tal-esportazzjonijiet mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija
lejn l-Unjoni u ż-żieda fl-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Indoneżja,
il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija wara ż-żieda tal-miżuri anti-dumping
f’Lulju 2005 tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn il-pajjiżi
konċernati, fuq naħa waħda, u l-Unjoni, fuq in-naħa l-oħra, skont it-tifsira
tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. 2.6. In-natura tal-prattiki ta’
evażjoni (59) L-Artikolu 13(1)
tar-Regolament bażiku jesiġi li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ tirriżulta minn
prassi, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni valida jew
ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju.
Il-prattika, il-proċess jew il-ħidma jinkludu, fost oħrajn, il-kunsinja
tal-prodott suġġett għall-miżuri eżistenti vija pajjiżi terzi u l-immuntar ta’
komponenti permezz ta’ operazzjoni ta’ mmuntar fl-Unjoni jew f'pajjiż terz.
Għal dan l-għan l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ mmuntar kienet determinata
skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. 2.6.1. L-Indoneżja Trażbord (60) L-esportazzjonijiet mill-erba’
kumpaniji Indoneżjani li kkooperaw inizjalment kienu jammontaw għal 91%
tat-total ta’ esportazzjonijiet Indoneżjani lejn l-Unjoni fil-PR. (61) Għal
tlieta mill-erba’ kumpaniji li kkooperaw inizjalment, l-investigazzjoni ma
żvelat l-ebda prattiki ta’ trażbord. (62) Fir-rigward
tar-raba' kumpanija, kif iddikjarat fil-premessi (29) sa (33) aktar 'il fuq,
l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku kienet ġustifikata.
L-investigazzjoni żvelat li l-kumpanija ma kenitx tippossjedi tagħmir
suffiċjenti biex jiġġustifika l-volumi tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni
matul il-PR u, għalhekk, jista' jiġi konkluż li l-kumpanija kienet involuta fi
prattiċi ta’ evażjoni permezz ta’ trażbord. (63) Għall-bqija
tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni kif
deskritt fil-premessi (29) sa (33) hawn fuq. (64) Għaldaqstant, fid-dawl
tal-bidliet fix-xejriet tal-kummerċ konklużi fil-premessa (58) hawn fuq bejn
l-Indoneżja u l-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament
bażiku, is-sejbiet ta' kumpanija waħda Indoneżjana kif iddikjarat fil-premessa
(61) hawn fuq, u l-fatt li mhux il-produtturi/esportaturi Indoneżjani kollha
ppreżentaw ruħhom u kkooperaw, l-eżistenza ta' trażbord ta' prodotti ta'
oriġini Ċiniża vija l-Indoneżja hija kkonfermata. Operazzjoni ta'
mmuntar (65) Is-sorsi
tal-materja prima (komponenti tal-biċikletti) u l-ispiża tal-produzzjoni kienu
analizzati għal kull kumpanija li kkooperat u dan sabiex ikun stabbilit jekk
hemmx xi operazzjoni ta’ assembleġġ eżistenti fl-Indoneżja li qed tevadi
l-miżuri skont il-kriterji tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. Għal
tlieta mill-erba’ kumpaniji li kkooperaw inizjalment, il-materja prima ta’
oriġini Ċiniża (komponenti tal-biċikletti) ma kenitx tikkostitwixxi 60% jew
aktar tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott immuntat. Għalhekk ma kienx
neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-valur miżjud tal-komponenti mdaħħla matul
l-operazzjoni ta’ mmuntar kienx ikbar minn 25% tal-ispiża tal-manifattura.
Konsegwentement, operazzjonijiet tal-immuntar ma kinux stabbiliti fir-rigward
ta’ dawn it-tliet kumpaniji. (66) Għar-raba' kumpanija,
l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku ġie applikat kif imsemmi fil-premessi
(29)
sa (33) aktar 'il fuq. Billi l-kumpanija ma
setgħetx tipprovdi dejta affidabbli, ma setax jiġi stabbilit jekk kenitx
involuta f’operazzjonijiet ta’ mmuntar. (67) Għalhekk, l-eżistenza ta’
operazzjonijiet ta’ mmuntar fis-sens tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku
ma ġietx stabbilita. 2.6.2. Il-Malasja Trażbord (68) L-esportazzjonijiet tal-unika
kumpanija Malasjana li kkooperat ammontaw għal bejn 20% u 30%
tal-esportazzjonijiet totali tal-Malasja lejn l-Unjoni fil-PR. Din il-kumpanija
bdiet tipproduċi u tesporta lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat biss fi tmiem
l-2011. L-ebda prattiki ta’ trażbord ma nstabu fir-rigward ta’ din
il-kumpanija. Għall-bqija tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni ma kien hemm
l-ebda kooperazzjoni kif indikat b'mod ċar fil-premessa (34) hawn fuq. (69) Għaldaqstant, fid-dawl
tal-bidliet fix-xejriet tal-kummerċ konklużi fil-premessa (58) bejn il-Malasja
u l-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku u l-fatt
li mhux il-produtturi/esportaturi kollha tal-Malasja ppreżentaw ruħhom u
kkooperaw jista’ jiġi konkluż li l-bqija tal-volumi ta’ esportazzjonijiet li
mhumiex ġejjin minn din il-kumpanija jistgħu jiġu attribwiti għal prattiki ta’
trażbord. (70) Għaldaqstant, l-eżistenza ta'
trażbord ta' prodotti ta' oriġini Ċiniża mill-Malasja, hija kkonfermata. Operazzjoni ta'
mmuntar (71) Fil-każ tal-Malasja l-ambitu
tal-investigazzjoni ġie estiż biex ikopri prattiki ta’ evażjoni oħra li ġew
identifikati fil-kors tal-investigazzjoni, jiġifieri operazzjonijiet
tal-immuntar, kif stipulat fil-premessa (12) tar-Regolament tat-tnedija. (72) Il-kriterji tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku ġew
analizzati għall-unika kumpanija li kkooperat u dan sabiex ikun stabbilit jekk
hemmx xi operazzjoni ta’ mmuntar fil-Malasja li qed tevadi l-miżuri eżistenti.
L-investigazzjoni wasslet għas-sejbiet li ġejjin. (73) Il-kumpanija
bdiet topera fl-2010 u għalhekk wara li l-miżuri anti-dumping kontra r-RPĊ ġew
miżjuda. Il-kumpanija nstabet li kienet orjentata lejn l-esportazzjoni mmirata
lejn is-suq tal-Unjoni, peress li sar biss bejgħ negliġibbli fis-suq domestiku
jew f'pajjiżi terzi oħra. Barra minn hekk, il-komponenti użati fil-produzzjoni
kienu misjuba li oriġinaw primarjament mir-RPĊ. Il-kriterji tal-Artikolu
13(2)(a) tar-Regolament Bażiku għalhekk kienu kkunsidrati li ġew issodisfati. (74) Minbara dan, din il-kumpanija
kienet qed tixtri kits tal-biċikletti żarmati għal kollox mir-RPĊ, minbarra
għal tliet tipi ta’ komponenti. F’dan il-każ, il-materja prima ta’ oriġini
Ċiniża (komponenti tal-biċikletti) kienet tikkostitwixxi iktar minn 60%
tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott finali. Barra minn hekk, il-valur
miżjud tal-komponenti mdaħħla matul l-operazzjoni tal-immuntar ma nstabx li
kien ikbar minn 25% tal-ispiża tal-manifattura ta’ din il-kumpanija. Il-kriterji tal-Artikolu 13(2)(b), għaldaqstant, ġew issodisfati. (75) Barra
minn hekk, skont l-Artikoli 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku, tqabbil
tal-valur normali, kif stabbilit qabel (ara l-premessa (98) hawn taħt), u
l-prezzijiet ta’ esportazzjoni tal-kumpanija lejn l-Unjoni matul il-PR,
espressi bħala perċentwali tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni bid-dazju
mhux imħallas, wera dumping sinifikanti mill-kumpanija kkonċernata fir-rigward
tal-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat. It-tqabbil twettaq
għal kull kull tip tal-prodott taħt investigazzjoni esportat lejn l-Unjoni
fil-PR. Barra minn hekk, instab illi l-prezzijiet tal-esportazzjoni ta’ din
il-kumpanija kienu ferm inqas mil-livell ta’ tneħħija ta’ ħsara stabbilit
għall-industrija tal-Unjoni fl-investigazzjoni oriġinali. Il-kalkolu sar skont
il-kategoriji ewlenin ta' prodotti, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli.
Għalhekk, l-effetti rimedjali tad-dazju fis-seħħ instab li huma mminati
f’termini ta’ prezzijiet. Għal dawn ir-raġunijiet, kien konkluż li l-kriterji
tal-Artikolu 13(2)(c) tar-Regolament bażiku kienu ssodisfati. (76) Fuq
din il-bażi, il-kumpanija nstabet li hi involuta f’operazzjoni ta’ mmuntar.
Għalhekk, l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ mmuntar skont it-tifsira
tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku fil-Malasja hija kkonfermata. 2.6.3. Is-Sri Lanka Trażbord (77) L-esportazzjonijiet
tal-kumpaniji tas-Sri Lanka li inizjalment ikkooperaw kienu jammontaw għal 69%
tat-total tal-esportazzjonijiet tas-Sri Lanka lejn l-Unjoni fil-PR. Għal tlieta
mis-sitt kumpaniji li kkooperaw inizjalment, l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda
prattiki ta’ trażbord. Għall-esportazzjonijiet l-oħra ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni
kif spjegat fil-premessi (35) sa (42) aktar 'il
fuq. (78) Għaldaqstant, fid-dawl
tat-tibdil fix-xejriet tal-kummeċ konklużi fil-premessa (58) bejn is-Sri Lanka
u l-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku u l-fatt
li mhux il-produtturi/esportaturi kollha tas-Sri Lanka ppreżentaw ruħhom u/jew
ikkooperaw jista’ jiġi konkluż li l-esportazzjonijiet ta’ dawk
il-produtturi/esportaturi jistgħu jiġu attribwiti għal prattiki ta’ trażbord. (79) Għaldaqstant, l-eżistenza ta'
trażbord ta' prodotti ta' oriġini Ċiniża mill-Malasja hija kkonfermata. Operazzjoni ta'
mmuntar (80) Is-sorsi
tal-materja prima (komponenti tal-biċikletti) u l-ispiża tal-produzzjoni kienu
analizzati għal kull kumpanija li kkooperat u dan sabiex ikun stabbilit jekk
hemmx xi operazzjoni ta’ assembleġġ fis-Sri Lanka li qed tevadi l-miżuri
eżistenti skont il-kriterji tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. (81) Għal
tlieta mis-sitt kumpaniji li kkooperaw inizjalment, il-materja prima ta’
oriġini Ċiniża (komponenti tal-biċikletti) ma kinitx tikkostitwixxi 60% jew
aktar tal-valur totali tal-komponenti tal-prodott immuntat. Għalhekk ma kienx
neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-valur miżjud tal-komponenti mdaħħla matul
l-operazzjoni ta’ mmuntar kienx ikbar minn 25% tal-ispiża tal-manifattura.
Konsegwentement, operazzjonijiet tal-immuntar ma kinux stabbiliti fir-rigward
ta’ dawn it-tliet kumpaniji. (82) L-Artikolu 18(1)
tar-Regolament bażiku kien applikat għal żewġ kumpaniji oħra kif spjegat
fil-premessi (37) sa (42) hawn fuq, filwaqt
li kumpanija waħda oħra rtirat il-kooperazzjoni tagħha waqt il-verifika fuq
il-post kif imsemmi fil-premessa (36) hawn fuq. Għalhekk, l-eżistenza ta’
operazzjonijiet ta’ mmuntar fis-sens tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku
ma ġietx stabbilita. 2.6.4. It-Tuneżija Trażbord (83) L-esportazzjonijiet
ta’ kumpaniji Tuneżini li kkooperaw koprew l-importazzjonijiet totali
mit-Tuneżija lejn l-Unjoni fil-PR. (84) Il-verifikazzjoni taż-żewġ
kumpaniji li kkooperaw ma żvelat l-ebda trażbord ta’ prodotti ta’ oriġini
Ċiniża via t-Tuneżija. Operazzjoni ta'
mmuntar (85) Is-sorsi tal-materja prima
(komponenti tal-biċikletti) u l-ispiża tal-produzzjoni kienu analizzati għal
kull kumpanija li kkooperat biex ikun stabbilit jekk hemmx xi operazzjoni ta’
mmuntar fit-Tuneżija li qed tevadi l-miżuri eżistenti skont il-kriterji
tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. Għal kumpanija waħda li kkooperat,
il-materja prima (komponenti tal-biċikletti) ta’ oriġini Ċiniża kkostitwiet
iktar minn 60% tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott immuntat. Madankollu,
l-investigazzjoni wriet li l-valur miżjud tal-partijiet li ddaħħlu matul
l-operazzjoni ta’ mmuntar kien jaqbeż il-25% tal-ispiża tal-manifattura ta’ din
il-kumpanija. Fuq din il-bażi l-kumpanija nstabet li mhix involuta
f’operazzjoni ta' mmuntar. (86) Il-kriterji tal-Artikolu 13(2)
tar-Regolament bażiku ġew analizzati għall-kumpanija Tuneżina l-oħra.
L-investigazzjoni wasslet għas-sejbiet li ġejjin. (87) Il-kumpanija bdiet topera
mill-2006 u għalhekk wara li l-miżuri anti-dumping kontra r-RPĊ ġew miżjuda.
Il-kumpanija nstabet li kienet orjentata lejn l-esportazzjoni u mmirata lejn
is-suq tal-Unjoni, peress li sar biss bejgħ negliġibbli fis-suq domestiku jew
f'pajjiżi terzi oħra. Barra minn hekk, il-komponenti użati fil-produzzjoni
nstab li kienu oriġinaw primarjament mir-RPĊ. Għaldaqstant, kien ikkunsidrat li
l-kriterji tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku kienu ssodisfati. (88) Minbarra dan, il-kumpanija
kkonċernata nstab li kellha manifattur Ċiniż tal-biċikletti bħala l-azzjonist
maġġoritarju tagħha. (89) Barra minn hekk, il-kumpanija
xtrat il-partijiet kollha mir-RPĊ u għalhekk il-materja prima ta’ oriġini
Ċiniża (komponenti tal-biċikletti) kienet tikkostitwixxi iktar minn 60%
tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott finali. Barra minn hekk,
l-investigazzjoni żvelat li l-uniku fornitur tas-servizzi u tal-komponenti
Ċiniżi kien relatat mal-azzjonist maġġoritarju Ċiniż tal-kumpanija inkwistjoni.
Minbarra dan, il-valur miżjud tal-partijiet imdaħħla matul l-operazzjonijiet
ta’ mmuntar tal-kumpanija ma kienx jaqbeż il-25% tal-ispiża tal-manifattura ta’
din il-kumpanija. Fuq din il-bażi il-kriterji
tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament Bażiku għalhekk kienu kkunsidrati li ġew
issodisfati. (90) Barra minn hekk, il-verifika
żvelat għadd kbir ta’ żbalji fil-lista ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni
fil-PR u, għalhekk, fajl ġdid kien kostruwit fuq il-bażi tal-fatturi tal-bejgħ
fil-kampjun li jkopru madwar 25% tal-esportazzjonijiet totali lejn is-suq
tal-Unjoni. Għaldaqstant, kif previst fl-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament
bażiku, fin-nuqqas ta’ tagħrif dettaljat dwar it-tranżazzjonijiet
tal-esportazzjonijiet tal-kumpanija rispettiva lejn l-Unjoni, il-paragun bejn
il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni sar fuq il-bażi tal-valur normali
medju peżat stabbilit qabel (ara l-premessa (98) hawn taħt) ma' prezz
tal-esportazzjoni medju peżat ta’ din il-kumpanija lejn l-Unjoni. Il-marġni
tad-dumping espress bħala perċentwal tal-valur CIF fil-fruntiera tal-Unjoni
nstab li huwa sinifikanti. Barra minn hekk, instab illi l-prezzijiet
tal-esportazzjoni ta’ din il-kumpanija bħala medja kienu ferm inqas mil-livell
ta’ tneħħija ta’ ħsara stabbilit għall-industrija tal-Unjoni fl-investigazzjoni
oriġinali. Il-kalkolu sar fuq bażi ta’ medja ppeżata. Għalhekk, l-effetti
rimedjali tad-dazju fis-seħħ nstab li huma mminati f’termini ta’ prezzijiet.
Għalhekk, ġie konkluż li l-kriterji tal-Artikolu 13(2)(c) tar-Regolament bażiku
ġew issodisfati. Fuq din il-bażi, il-kumpanija nstabet li hi involuta
f’operazzjoni ta’ mmuntar. (91) Għalhekk, l-eżistenza ta’
operazzjonijiet ta’ mmuntar fit-Tuneżija fit-tifsira tal-Artikolu 13(2)
tar-Regolament bażiku hija b’dan ikkonfermata. 2.7. Nuqqas ta’ raġuni valida
jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr għall-impożizzjoni tad-dazju
anti-dumping (92) L-investigazzjoni ma żvelat
l-ebda kawża adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika oħra għall-operazzjonijiet
ta’ mmuntar għajr għall-evażjoni tal-miżuri oriġinali fuq il-prodott
ikkonċernat. Ma nstab l-ebda element, għajr għad-dazju, li seta’ jitqies bħala
kumpens għall-ispejjeż tat-trażbord u l-operazzjonijiet ta’ mmuntar,
partikolarment fir-rigward tat-trasport u t-tagħbija mill-ġdid tal-biċikletti
li joriġinaw fir-RPĊ vija l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija. 2.8. L-imminar tal-effett
rimedjali tad-dazju anti-dumping (93) Sabiex jiġi vvalutat jekk
il-prodotti importati, f’termini ta’ kwantitajiet u prezzijiet, dgħajfux
l-effetti rimedjali tal-miżuri eżistenti fuq l-importazzjonijiet tal-prodott
ikkonċernat mir-RPĊ, kienet użata d-dejta Comext għax din kienet ikkunsidrata
bħala l-aħjar dejta disponibbli dwar il-kwantitajiet u l-prezzijiet ta’
esportazzjonijiet minn produtturi/esportaturi li kkooperaw inizjalment fejn
l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku kien applikat u minn kumpaniji li ma
kkooperawx. Fejn applikabbli, għall-kumpaniji li kkooperaw li nstabu involuti
fi prattiċi ta’ evażjoni, intużaw il-kwantitajiet irrappurati u l-prezzijiet
tal-esportazzjonijiet tagħhom. Il-prezzijiet tal-esportazzjoni kif kienu
determinati ġew imqabbla mal-livell ta’ eliminazzjoni ta’ ħsara għal produtturi
tal-Unjoni kif l-aħħar stabbilit, jiġifieri fir-reviżjoni interim konkluża
fl-2005, imsemmija fil-premessa (3) hawn fuq. (94) Il-paragun tal-livell ta’
eliminazzjoni tal-ħsara kif stabbilit fir-reviżjoni interim fl-2005 u l-medja
ppeżata tal-prezz tal-esportazzjoni matul il-PR tal-investigazzjoni attwali
wera bejgħ sinifikanti taħt il-prezz għal kull wieħed mill-erba’ pajjiżi
kkonċernati. (95) Iż-żieda ta’ importazzjonijiet
mill-Indonesja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija lejn l-Unjoni kienet
meqjusa sinifikanti f’termini ta’ kwantitajiet kif diskuss fit-taqsima 2.4.1
hawn fuq. (96) Għalhekk ġie konkluż li
l-miżuri eżistenti qegħdin jiġu mminati f’termini ta’ kwantitajiet u
prezzijiet. 2.9. Evidenza ta' dumping (97) Finalment, b’konformità
mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk kienx hemm evidenza
ta’ dumping b’rabta mal-valur normali stabbilit preċedentement għall-prodott ikkonċernat. (98) Fir-reviżjoni
interim konkluża fl-2005, imsemmija fil-premessa (3) hawn fuq, il-valur normali
ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ prezzijiet fil-Messiku, li f'dik
l-investigazzjoni nstab li kien pajjiż analogu adegwat b’ekonomija tas-suq
għar-RPĊ (“il-valur normali stabbilit qabel”). 2.9.1. L-Indoneżja (99) Parti sinifikattiva
tal-esportazzjonijiet Indoneżjani nstabu li kienu produzzjoni ġenwina
Indoneżjana esportata minn tliet kumpaniji Indoneżjani li nstabu li ma kinux
involuti fi prattiki ta’ evażjoni kif iddikjarat fil-premessi (61) u (65) hawn fuq. Għal din ir-raġuni, biex ikunu stabbiliti l-prezzijiet
tal-esportazzjoni mill-Indoneżja li huma affettwati mill-prattiki ta' evażjoni,
biss l-esportazzjonijiet tal-produtturi/esportaturi li ma kooperawx ġew
ikkunsidrati. Għal dan l-għan saret rikorrenza għall-aħjar fatti disponibbli u
l-prezzijiet tal-esportazzjoni ġew stabbiliti fuq il-bażi tal-prezz medju ta’
esportazzjoni ta’ biċikletti mill-Indoneżja lejn l-Unjoni matul il-PR kif
irrappurtat fil-Comext. (100) Biex jiġi żgurat paragun ġust
bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa
fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u
l-paragunabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament
bażiku. Għalhekk, saru aġġustamenti għal differenzi fl-ispejjeż tat-trasport,
tal-assigurazzjoni u tal-ppakkjar ippreżentati mill-industrija tal-Unjoni
fit-talba tagħha għal din l-investigazzjoni. (101) Skont l-Artikoli 2(11) u
2(12) tar-Regolament bażiku, id-dumping ġie kkalkulat billi ġew ipparagunati
l-valur normali medju ppeżat kif stabbilit qabel u l-prezzijiet medji ppeżati
li jikkorrispondu ma' dan tal-esportazzjonijiet tal-Indoneżja matul il-PR,
espressi bħala perċentwali tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni bid-dazju
mhux imħallas. (102) It-tqabbil tal-valur normali
medju ppeżat u l-prezz medju ppeżat tal-esportazzjoni kif stabbilit wera li
kien hemm dumping. 2.9.2. Il-Malasja (103) Minħabba l-kooperazzjoni baxxa
mill-produtturi tal-prodott investigat fil-Malasja, il-prezz tal-esportazzjoni
mill-Malasja kellu jiġi bbażat fuq il-fatti disponibbli, jiġifieri fuq il-prezz
medju tal-esportazzjoni ta’ biċikletti matul il-PR kif irrappurtat fil-Comext. (104) Biex jiġi żgurat paragun ġust
bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa
fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u
l-paragunabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament
bażiku. Għalhekk, saru aġġustamenti għad-differenzi fit-trasport,
l-assigurazzjoni, u l-ispejjeż tal-imballaġġ. Minħabba li l-kooperazzjoni
kienet baxxa, l-aġġustamenti rilevanti kienu bbażati fuq l-informazzjoni
mibgħuta mill-industrija tal-Unjoni fit-talba tagħha għal din
l-investigazzjoni. (105) Skont l-Artikoli 2(11) u
2(12) tar-Regolament bażiku, id-dumping ġie kkalkulat billi ġew ipparagunati
l-valur normali medju ppeżat kif stabbilit qabel u l-prezzijiet medji ppeżati
li jikkorrispondu ma' dan tal-esportazzjonijiet tal-Malasja matul il-PR, espressi
bħala perċentwali tal-prezz CIF bid-dazju mhux imħallas fil-fruntiera
tal-Unjoni. (106) It-tqabbil tal-valur normali
medju ppeżat u l-prezz medju ppeżat tal-esportazzjoni kif stabbilit wera li
kien hemm dumping. 2.9.3. Is-Sri Lanka (107) Billi l-kooperazzjoni mis-Sri
Lanka kienet baxxa, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi
tal-fatti disponibbli, jiġifieri fuq il-prezz medju tal-esportazzjonijiet ta’
biċikletti matul il-PR kif irrappurtat fil-Comext li tqabbel mad-dejta ta’
esportazzjoni disponibbli tal-kumpaniji mhux involuti fi prattiċi ta’ evażjoni. (108) Biex jiġi żgurat paragun ġust
bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa
fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragunabbiltà
tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant,
u minħabba n-nuqqas ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra disponibbli, saru
aġġustamenti għal differenzi fl-ispejjeż tat-trasport, tal-assigurazzjoni u
tal-ippakkjar abbażi tal-informazzjoni mibgħuta mill-industrija tal-Unjoni
fit-talba tagħha għal din l-investigazzjoni. (109) Skont l-Artikoli 2(11) u
2(12) tar-Regolament bażiku, id-dumping ġie kkalkulat billi ġew ipparagunati
l-valur normali medju ppeżat kif stabbilit qabel u l-prezzijiet medji ppeżati
li jikkorrispondu miegħu tal-esportazzjonijiet tas-Sri Lanka matul il-PR,
espressi bħala perċentwali tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni bid-dazju
mhux imħallas. (110) It-tqabbil tal-valur normali
medju ppeżat u l-prezz medju ppeżat tal-esportazzjoni kif stabbilit wera li
kien hemm dumping. 2.9.4. It-Tuneżija (111) Il-prezz tal-esportazzjoni ġie
stabbilit fuq il-bażi tal-prezz medju tal-esportazzjoni tal-biċikletti matul
il-PR kif irrappurtat fil-Comext li tqabblet mad-dejta tal-esportazzjoni
mill-kumpanija li ma kenitx involuta fi prattiċi ta’ evażjoni. (112) Biex jiġi żgurat paragun ġust
bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa
fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u
l-paragunabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament
bażiku. Għalhekk, saru aġġustamenti għal differenzi fl-ispejjeż tat-trasport,
tal-assigurazzjoni u tal-ippakkjar fuq il-bażi ta' informazzjoni mibgħuta
mill-industrija tal-Unjoni fit-talba tagħha għal din l-investigazzjoni. (113) Skont l-Artikoli 2(11) u
2(12) tar-Regolament bażiku, id-dumping ġie kkalkulat billi ġew ipparagunati
l-valur normali medju ppeżat kif stabbilit qabel u l-prezzijiet medji ppeżati
li jikkorrispondu ma' dan tal-esportazzjonijiet tat-Tuneżija matul il-PR,
espressi bħala perċentwali tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni bid-dazju
mhux imħallas. (114) It-tqabbil tal-valur normali
medju ppeżat u l-prezz medju ppeżat tal-esportazzjoni kif stabbilit wera li
kien hemm dumping. 3. MIŻURI (115) Minħabba dak li ntqal hawn fuq,
jista’ jiġi konkluż li d-dazju definittiv anti-dumping impost fuq
l-importazzjonijiet tal-biċikletti li joriġinaw mir-RPĊ kien evitat permezz ta’
trażbord vija l-Indoneżja, il-Malasja, u s-Sri Lanka u operazzjonijiet ta’
mmuntar, vija l-Malasja u t-Tuneżija skont it-tifsira tal-Artikolu 13
tar-Regolament bażiku. (116) Skont l-ewwel sentenza
tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri eżistenti fuq
l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ għandhom
għalhekk jiġu estiżi għall-importazzjonijiet tal-istess prodott ikkunsinnat
mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija kemm jekk
iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija
kif ukoll jekk le. (117) Il-miżuri li għandhom jiġu
estiżi għandhom ikunu dawk bħalissa stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament
(KE) Nru 990/2011, li huma dazju definittiv anti-dumping ta’ 48,5% applikabbli
għall-prezz nett, mingħajr ħlas fuq il-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju
doganali. (118) Skont l-Artikoli 13(3) u 14(5)
tar-Regolament bażiku, li jistipula li kull miżura estiża għandha tapplika
għall-importazzjonijiet li daħlu fl-Unjoni skont ir-reġistrazzjoni imposta
mir-Regolament tat-tnedija, għandhom jinġabru d-dazji fuq dawk
l-importazzjonijiet irreġistrati tal-biċikletti kkunsinnati mill-Indoneżja,
il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija. 4. TALBIET GĦAL EŻENZJONI 4.1. L-Indoneżja (119) l-erba’ kumpaniji fl-Indoneżja
li talbu eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibbli skont l-Artikolu 13(4)
tar-Regolament bażiku ppreżentaw tweġiba għall-formola ta' eżenzjoni. (120) Kif
iddikjarat fil-premessi (29) sa (33) hawn fuq,
l-applikazzjoni tal-Art 18 kienet ġustifikata għal kumpanija waħda. Għalhekk,
fid-dawl tas-sejbiet fir-rigward tal-bidla fix-xejra tal-kummerċ u tat-trażbord
kif stabbilit fil-premessa (58) hawn fuq, ma tistax tingħata l-eżenzjoni lil
din il-kumpanija. (121) It-tliet kumpaniji l-oħra li
kkooperaw fl-Indoneżja li talbu eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibbli skont
l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku nstab li ma kinux involuti fi prattiki
ta’ evażjoni li huma s-suġġett ta' din l-investigazzjoni kif iddikjarat
fil-premessa (65) hawn fuq. Barra minn hekk, dawn il-produtturi setgħu juru li
ma kienu relatati mal-ebda wieħed mill-produtturi/esportaturi involuti fi
prattiċi ta’ evażjoni u lanqas mal-ebda wieħed mill-produtturi/esportaturi
Ċiniżi tal-biċikletti. Għalhekk, eżenzjoni mill-miżuri estiżi tista' tingħata
lil dawn it-tliet kumpaniji. 4.2. Il-Malasja (122) Kumpanija waħda fil-Malasja li
talbet eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibbli skont l-Artikolu 13(4)
tar-Regolament bażiku ppreżentat tweġiba għall-formola ta' eżenzjoni. (123) Kif iddikjarat fil-premessi (72)
sa (76) hawn fuq, il-kumpanija nstabet li kienet
involuta fi prattiċi ta’ evażjoni. Għalhekk, fid-dawl tas-sejbiet fir-rigward
tal-bidla fix-xejra tal-kummerċ u tat-trażbord kif stabbilit fil-premessa (58)
hawn fuq, ma tistax tingħata eżenzjoni lil din il-kumpanija: 4.3. Is-Sri Lanka (124) Is-sitt kumpaniji fis-Sri Lanka
li talbu eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibbli skont l-Artikolu 13(4)
tar-Regolament bażiku ppreżentaw tweġibiet għall-formola ta’ eżenzjoni. (125) Kif
iddikjarat fil-premessa (36) hawn fuq, waħda
mill-kumpaniji rtirat it-talba tagħha għal eżenzjoni matul l-investigazzjoni u
għalhekk, fid-dawl tas-sejbiet fir-rigward tal-bidla fix-xejra tal-kummerċ u
tat-trażbord kif stabbilit fil-premessa (58) hawn fuq, ma tistax tingħata
eżenzjoni lil din il-kumpanija. (126) Għal
żewġ kumpaniji oħra, l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku
kienet ġustifikata kif iddikjarat fil-premessi (36) sa (42) hawn fuq, u
għalhekk, fid-dawl tas-sejbiet fir-rigward tal-bidla fix-xejra tal-kummerċ u
tat-trażbord kif stabbilit fil-premessa (58) hawn fuq, ma tistax tingħata
eżenzjoni lil dawn il-kumpaniji. (127) It-tliet kumpaniji l-oħra li kkooperaw fis-Sri Lanka li talbu eżenzjoni
mill-miżuri estiżi possibbli skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku
nstabu li ma kinux involuti fil-prattiki ta’ evażjoni li huma soġġetti għal din
l-investigazzjoni kif iddikjarat fil-premessi (80) u (81) hawn fuq. Barra minn
hekk, dawn il-produtturi setgħu juru li ma kienu relatati mal-ebda waħda
mill-kumpaniji li nstabu li qed jevadu u lanqas mal-ebda wieħed
mill-produtturi/esportaturi Ċiniżi tal-biċikletti. Għalhekk, tista' tingħata
eżenzjoni mill-miżuri estiżi lil dawn il-kumpaniji. 4.4. It-Tuneżija (128) Iż-żewġ kumpaniji fit-Tuneżija
li talbu eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibbli skont l-Artikolu 13(4)
tar-Regolament bażiku ppreżentaw tweġibiet għall-formola ta’ eżenzjoni. (129) Kumpanija waħda nstabet li ma
kenitx involuta fil-prattiki ta’ evażjoni li huma s-suġġett ta' din
l-investigazzjoni. Barra minn hekk, dan il-produttur seta' juri li ma kien
relatat mal-ebda wieħed mill-kumpaniji li nstabu li qed jevadu u lanqas
mal-ebda wieħed mill-produtturi/esportaturi Ċiniżi tal-biċikletti. Għalhekk,
eżenzjoni mill-miżuri estiżi tista' tingħata lil din il-kumpanija. (130) Kif iddikjarat fil-premessa
(89) hawn fuq, it-tieni kumpanija nstabet li kienet involuta fi prattiċi ta’
evażjoni. Għalhekk, fid-dawl tas-sejbiet fir-rigward tal-bidla fix-xejra
tal-kummerċ u tat-trażbord kif stabbilit fil-premessa (58) hawn fuq, ma tistax
tingħata eżenzjoni. 4.5. Miżuri speċjali (131) Huwa meqjus li huma meħtieġa
miżuri speċjali f'dan il-każ sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta ta'
dawn l-eżenzjonijiet. Dawn il-miżuri speċjali huma r-rekwiżit
tal-preżentazzjoni lill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri ta' fattura
kummerċjali valida, li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness ta' dan
ir-Regolament. Importazzjonijiet mhux akkumpanjati minn din il-fattura jkunu
suġġett għad-dazju tal-anti-dumping estiż. 4.6. Operaturi ġodda (132) Bla ħsara għall-Artikolu 11(3)
tar-Regolament bażiku, produtturi oħra fil-Malasja li ma ppreżentawx ruħhom
f’dan il-proċediment u li ma esportawx il-prodott investigat lejn l-Unjoni
fil-PR u li jikkunsidraw li jagħmlu talba għall-eżenzjoni mid-dazju tal-anti-dumping
estiż, skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament bażiku, ser ikollhom
jimlew kwestjonarju sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tistabbilixxi jekk
eżenzjoni tistax tkun ġustifikata. Din l-eżenzjoni tista’ tingħata wara
l-valutazzjoni tal-qagħda tas-suq għall-prodott ikkonċernat, il-kapaċità ta’
produzzjoni u l-użu tal-kapaċità, l-akkwist u l-bejgħ u l-probabbiltà
tat-tkomplija tal-prattiki li għalihom ma hemmx raġuni valida jew
ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti u l-evidenza ta’ dumping. Il-Kummissjoni normalment
tagħmel ukoll żjara ta’ verifika fil-post. It-talba għandha tkun indirizzata
lill-Kummissjoni minnufih, bl-informazzjoni rilevanti kollha, partikolarment
kull modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija li għandhom x’jaqsmu
mal-produzzjoni u l-bejgħ. (133) Fejn eżenzjoni hi ġustifikata,
il-miżuri estiżi fis-seħħ għandhom jiġu emendati skont dan. Sussegwentement,
kull eżenzjoni mogħtija tkun immonitorjata biex tkun żgurata l-osservanza
tal-kundizzjonijiet stabbiliti fiha. 5. DIVULGAZZJONI (134) Il-partijiet kollha interessati
ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu
għall-konklużjonijiet imsemmija u ġew mistiedna biex jikkummentaw. (135) Kumpaniji Indoneżjana waħda
tenniet il-pretensjonijiet tagħha msemmija fil-premessa (31) hawn fuq mingħajr
ma pprovdiet l-ebda evidenza ssostanzjata ġdida. F’dan ir-rigward, kif imsemmi
fil-premessa (29) hawn fuq, id-dejta sottomessa mill-kumpanija ma kenitx
verifikablli billi l-ebda fajls ta’ ħidma li jissostanzjaw iċ-ċifri pprovduti
fil-formola tal-eżenzjoni ma kienu miżmuma mill-kumpanija. Barra minn hekk,
iċ-ċifri rapportati li ġew ittestjati u ikkalkulati mill-ġdid fuq il-bażi
tal-kotba disponibbli fl-istabbiliment tal-kumpanija, jiġifieri l-volum
tax-xiri u tal-produzzjoni, instab li mhumiex eżatti. Għalhekk, dawn
il-pretensjonijiet huma miċħuda. (136) Kumpanija waħda fil-Malasja
argumentat li l-fatt li l-piż tal-komponenti ta’ oriġini Ċiniża fl-ispiża
tal-manifattura tal-biċikletti kien biss ftit ogħla mil-limitu ta’ 60% ma
għandux iwassal lill-Kummissjoni biex tirrifjuta t-talba tagħha għal eżenzjoni.
Barra minn hekk, il-kumpanija ssottomettiet xi fatturi għax-xiri ta’ partijiet
li allegatament kienu rrapportati skorrettament bħala li joriġinaw mir-RPĊ meta
fil-fatt kienu mill-Indoneżja. (137) F’dan ir-rigward għandu jiġi
nnutat li l-limiti stipulati fl-Artikolu (13)(2)(b) tar-Regolament bażiku huma
ċari ħafna u, għalhekk, mhuwiex rilevanti b’kemm il-piż ta’ komponenti ta'
oriġini Ċiniża fl-ispiża tal-produzzjoni tal-biċikletti jaqbeż il-limitu ta’
60% iżda li l-partijiet ta' oriġini Ċiniża jirrappreżentaw inqas minn 60%
mill-ispiża tal-produzzjoni tal-biċikletti. Barra minn hekk, dawn il-fatturi ma
setgħux jiġu ntraċċati lura fil-lista ta’ xiri pprovduta mill-kumpanija u,
barra minn hekk, il-valur tal-fatturi ppreżenati ma kienx materjali biex
ibiddel l-istima oriġinali tal-Kummissjoni. Għalhekk, dawn il-pretensjonijiet
huma miċħuda. (138) Barra minn hekk, il-kumpanija
kkonċernata argumentat li mhemmx bażi legali suffiċjenti għaċ-ċaħda tat-talba
tal-kumpanija għal eżenzjoni billi l-konklużjonijiet milħuqa huma bbażati fuq
kalkoli mingħajr kunsiderazzjoni għas-sitwazzjoni individwali tal-kumpanija
kkonċernata. B’risposta għal din it-talba, il-kumpanija rċeviet aktar
spjegazzjonijiet li jirriflettu l-analiżi fil-premessi (72) sa (75) hawn fuq. (139) Barra minn hekk, il-kumpanija
sostniet li ż-żieda ta’ importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat
mill-kumpanija in kwistjoni tikkoinċidi mal-laxkar tas-Sistema Ġeneralizzata
ta’ Preferenzi għall-Malasja u għalhekk iż-żieda fl-esportazzjonijiet
tal-kumpanija lejn l-Unjoni fl-2010 ma kellha l-ebda ġustifikazzjoni ekonomika
fiż-żieda tal-miżuri anti-dumping imposti kontra r-RPĊ. Bħala tweġiba għal dan
l-argument kien ikkunsidrat li filwaqt li l-laxkar tar-regoli tas-Sistema
Ġeneralizzata ta’ Preferenzi seta' kkontribwixxa għall-motivazzjoni
tal-kumpanija biex tesporta lejn l-Unjoni, dan ma jikkontradixxix
il-konklużjoni li l-kumpanija bdiet l-operat tagħha wara li ġew miżjuda d-dazji
anti-dumping kontra r-RPĊ u li hi kienet iġġib il-komponenti prinċipalment
mir-RPĊ (ara l-premessa (73) hawn fuq). Għalhekk, l-argument tal-parti ġie
miċħud. (140) l-istess kumpanija ddikjarat
ukoll li d-dejta rrappurtata dwar il-valuri tal-komponenti tal-biċikletti
mixtrija u kkunsmati ma kenitx debitament ivverifikata għaliex ma saret l-ebda
distinzjoni bejn komponenti mixtrija u kkunsmati. F’dan ir-rigward huwa nnutat
li abbażi taċ-ċifri rappurtati mill-kumpanija, il-valuri tal-komponenti
mixtrija u kkunsmati nstab li kienu identiċi. Barra minn hekk, il-figuri
rrappurtati tal-komponenti mixtrija fl-2011 kien jikkorrispondi mal-valur
tal-komponenti kkunsmati rrappurtat fir-rapport annwali tal-kumpanija
għall-2011. Iċ-ċifri li jikkonċernaw komponenti mixtrija u kkunsmati
rrappurtati għall-PR u l-2010 ġew aċċettati kif iddikjarat mill-kumpanija.
Għalhekk, l-argument ġie rrifjutat. (141) Il-kumpanija kkonċernata
ssottomettiet aktar tqassim tal-ispejjeż għal kull mudell ta’ prodott fejn
uriet l-allegata konformità tagħha mar-rekwiżit li l-komponenti miksuba mir-RPĊ
ma jaqbżux is-60% tal-valur totali tal-komponenti tal-prodott immuntat. Din
l-informazzjoni kkontradixxiet it-tqassim tal-ispejjeż għal kull mudell miġbur
u vverifikat għal mudelli magħżula fuq il-post li għalihom in-nuqqas
tal-kumpanija li tikkonforma mal-limitu ta’ 60% ġie kkonfermat. L-informazzjoni
l-ġdida li tressqet mill-kumpanija f’dan ir-rigward ma kienet ikkonfermata
mill-ebda evidenza u, essenzjalment, ikkontradixxiet informazzjoni vverifikata.
Għal din ir-raġuni l-informazzjoni ġiet injorata. (142) Barra minn hekk, il-kumpanija
sostniet li hija aġixxiet b’rieda tajba billi serrħet fuq il-konformità
allegata tagħha mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1063/2010[16] li jistabbilixxi r-regoli
tal-oriġini applikabbli. F’dan il-kuntest ta’ min jinnota li l-għan
tal-investigazzjoni kontra l-evażjoni mhuwiex li tiġi vverifikata l-konformità
mar-regoli tal-oriġini applikabbli. Din il-verifika ma twettqitx fil-kuntest
tal-analiżi tal-investigazzjoni kurrenti ta' kontra l-evażjoni u għalhekk
l-allegata konformità mar-regoli tal-oriġini ma tistax tiġi kkonfermata f’dan
il-każ. Għal dawn ir-raġunijiet, l-allegata konformità mar-regoli tal-oriġini
f’dan il-każ ma teskludi bl-ebda mod il-possibbiltà ta’ evażjoni kif definita
fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku[17].
F'dan il-kuntest, l-argument huwa għalhekk miċħud. (143) Fl-aħħar nett, il-kumpanija
sostniet li l-kalkolu tal-marġini tad-dumping kellha tkun imwettqa fuq il-bażi
tad-dejta speċifika għall-kumpanija. Din it-talba ġiet aċċettata kif rifless
fil-premessa (75) hawn fuq u l-kumpanija ġiet mgħarrfa b’dan. (144) Kumpanija mis-Sri Lanka qajmet
dubju dwar ir-relevanza tad-dokumenti mitluba matul iż-żjara ta’ verifika u
għalhekk argumentat li t-talba tagħha għal eżenzjoni ma għandhiex tiġi miċħuda.
F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li d-dokumenti li juru l-oriġini tal-partijiet
użati fl-armar tal-biċikletti esportati lejn l-Unjoni għandhom importanza
sinifikanti għall-valutazzjoni tal-konformità mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu
13(2)(b). Barra minn hekk, kif imsemmi fil-premessa (37) hawn fuq, id-dejta
sottomessa mill-kumpanija ma kinitx verifikabbli. Barra minn hekk, il-kumpanija
ammettiet fuq il-post li l-partijiet mixtrija mir-RPĊ fil-fatt ma kinux
reġistrati fil-kontijiet tagħha u konsegwentement il-konformità mal-kriterji
stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, ma setgħetx tkun
determinata. Għalhekk, dawn il-pretensjonijiet huma miċħuda. (145) Kumpanija oħra mis-Sri Lanka
sostniet li kieku kienet taf li l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni mis-Sri Lanka
jistgħu jkunu suġġetti għad-dazju antidumping kif estiż għas-Sri Lanka sa
mill-bidu tal-investigazzjoni, ma kenitx tirtira t-talba tagħha għal eżenzjoni.
Madankollu, huwa enfasizzat li, fiż-żmien tal-irtirar tat-talba tagħha għal
eżenzjoni, il-kumpanija hija kkunsidrata li taf bil-possibbiltà
tal-applikazzjoni tad-dazju anti-dumping kif estiż mid-data tar-reġistrazzjoni
tal-importazzjonijiet mis-Sri Lanka lejn l-Unjoni, jiġifieri l-bidu
tal-investigazzjoni ta’ kontra l-evażjoni. Il-kumpanija ġiet infurmata dwar din
il-konsegwenza fi tliet każijiet, permezz tal-premessa (20) tar-Regolament
tat-tnedija, matul seduta fil-bidu tal-investigazzjoni u matul iż-żjara fuq
il-post. Għalhekk, il-pretensjoni ma setgħetx tiġi aċċettata. (146) Kumpanija oħra mis-Sri Lanka
ssottomettiet informazzjoni ġdida li kellha tissottometti qabel iż-żjara ta’
verifika u minħabba l-istadju avvanzat tal-investigazzjoni dik l-informazzjoni
ma kenitx għadha tista' tiġi vverifikata. Barra minn hekk, il-kumpanija
argumentat li kienet ippreżentat l-informazzjoni kollha meħtieġa. (147) Kif imsemmi fil-premessi (39) u
(40) il-kumpanija ma ppreżentatx l-informazzjoni kollha mitluba sabiex tiġi
verifikata fuq il-post. B'mod partikolari, il-valur tax-xiri tal-komponenti kif
irrappurtat mill-kumpanija nstab li ma kienx affidabbli. Bħala riżultat,
il-konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku,
ma setgħetx tiġi ddeterminata. (148) Barra minn hekk, il-kumpanija
qalet li kien hemm irregolaritajiet li jikkonċernaw iż-żjara fuq il-post,
fir-rigward tat-tul tagħha u kwistjonijiet ta’ lingwa. F’dan ir-rigward, ta’
min jinnota li l-kumpanija kienet imwaqqaf riċentament u għalhekk kien skedat
jum wieħed biss ta’ verifika. Il-verifika twettqet matul jum wieħed sħiħ
tax-xogħol. Fi tmiem il-verifika, il-kumpanija ma talbitx sabiex tissottometti
l-ebda informazzjoni addizzjonali li ma kinitx kapaċi tipprovdi matul
il-verifika. (149) Barra minn hekk, qabel
il-verifika fuq il-post il-kumpanija kienet informata li l-verifika ser issir
bl-Ingliż u l-parti ma qajmet l-ebda oġġezzjoni. Barra minn hekk,
il-Kummissjoni kienet akkumpanjata minn interpretu waqt il-verifika fuq il-post
biex jiffaċilita problemi ta’ komunikazzjoni tal-lingwa, jekk ikun hemm. Barra
minn hekk, huwa enfasizzat li l-parti l-kbira tad-dokumenti ppreżentati
mill-kumpanija matul iż-żjara ta’ verifika kienu fil-fatt bl-Ingliż, inklużi
d-dokumenti relatati mal-kontabilità. (150) Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn
fuq, il-pretensjonijiet kollha tal-kumpanija huma miċħuda. ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 1. Fid-dawl tal-iskop ta' dan
ir-Regolament, id-dazju anti-dumping definittiv applikabbli fuq “il-kumpaniji
l-oħra kollha” impost permezz tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’
Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 fuq importazzjonijiet ta’ biċikletti u
ċikletti oħra (inklużi triċikletti tal-kunsinna, iżda bl-esklużjoni
tal-uniċikletti), mhux motorizzati li joriġinaw mir-Repubblika Popolari
taċ-Ċina, huwa b’dan estiż għal importazzjonijiet ta’ biċikletti u ċikletti
oħra (inklużi triċikletti tal-kunsinna, iżda bl-esklużjoni tal-uniċikletti),
mhux motorizzati, mibgħuta mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u
mit-Tuneżija kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja,
is-Sri Lanka u t-Tuneżija kemm jekk le, u li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM
eks 8712 00 30 u eks 8712 00 70 (kodiċi TARIC 8712 00 30 10 u 8712 00 70 91)
bl-eċċezzjoni ta’ dawk prodotti mill-kumpaniji elenkati hawn taħt: Pajjiż || Kumpanija || Kodiċi addizzjonali TARIC L-Indoneżja || P.T. Insera sena, 393 Jawa Street, Buduran, Sidoarjo 61252, Indonesia || B765 || PT Wijaya Indonesia Makmur Bicycle Industries (Wim Cycle), Raya Bambe KM. 20, Driyorejo, Gresik 61177, Jawa Timur Indonesia || B766 || P.T. Terang Dunia Internusa, (United Bike), Jl. Anggrek Neli Murni 114 Slipi, 11480, Jakarta Barat, Indonesia || B767 Is-Sri Lanka || Asiabike Industrial Limited, No 114, Galle Road, Henamulla, Panadura, Sri Lanka B768 || BSH Ventures (Private) Limited, No. || 84, Campbell Place, Colombo-10, Sri Lanka || B769 || Samson Bikes (Pvt) Ltd., No 110, Kumaran Rathnam Road, Colombo 02, Sri Lanka || B770 It-Tuneżija || Euro Cycles SA, Zone Industrielle Kelaa Kebira, 4060, Sousse, Tunisia || B771 2. L-applikazzjoni ta'
eżenzjonijiet mogħtija lill-kumpaniji speċifikament imsemmija
fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jew awtorizzati mill-Kummissjoni skont
l-Artikolu 2(2) għandha tkun soġġetta għal preżentazzjoni
lill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri ta' fattura kummerċjali valida,
li għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness ta' dan
ir-Regolament. Jekk din il-fattura ma tiġix ippreżentata, jiġi applikat
id-dazju anti-dumping kif impost mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. 3. Id-dazju estiż mill-paragrafu
1 ta’ dan l-Artikolu għandu jinġabar fuq importazzjonijiet ikkunsinjati
mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk
iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u
t-Tuneżija u kemm jekk le, irreġistrati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE)
Nru 875/2012 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009,
bl-eċċezzjoni ta’ dawk prodotti minn kumpaniji elenkati fil-paragrafu 1. 4. Sakemm ma jkunx speċifikat
mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji
doganali. Artikolu 2 1. It-talbiet għal eżenzjoni
mid-dazju estiż skont l-Artikolu 1, isiru bil-miktub f'waħda mil-lingwi
uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jridu jkunu ffirmati minn persuna awtorizzata li
tirrappreżenta l-entità li qed titlob l-eżenzjoni. It-talba trid tintbagħat
fl-indirizz li ġej: European
Commission
Directorate-General for Trade
Directorate H
Office: N-105 08/20
1049 Brussels Belgium
Faks (32 2) 295 65 05 2. F’konformità
mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, il-Kummissjoni
tista’, wara li tikkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv, tawtorizza, b'deċiżjoni,
l-eżenzjoni ta' importazzjonijiet minn kumpaniji li ma jevadux il-miżuri
tal-antidumping imposti mir-Regolament (UE) Nru 990/2011, mid-dazju
estiż mill-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament. Artikolu 3 L-awtoritajiet tad-dwana huma b’dan ordnati li
jtemmu r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, stabbiliti skont
l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 875/2012. Artikolu 4 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ
l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament jorbot fl-intier
tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Għall-President ANNESS Dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-entità
li qed toħroġ il-fattura kummerċjali, fil-format li ġej, għandha tidher fuq
il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(2): (1) L-isem u l-kariga tal-uffiċjal tal-entità
li qed joħroġ il-fattura kummerċjali; (2) Id-dikjarazzjoni li ġejja: “Jiena, hawn
taħt iffirmat, niċċertifika li l-(volum) ta’ (prodott ikkonċernat) mibjugħ
għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea koopert minn din il-fattura, kien
immanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC)
fi (pajjiż ikkonċernat). Niddikjara li t-tagħrif mogħti f’din il-fattura huwa
sħiħ u korrett”; (3) Data u firma. [1] ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51. [2] ĠU L 228, 9.9.1993, p. 1 [3] ĠU L 16, 18.1.1997, p. 55 [4] ĠU L 17, 21.1.1997, p. 17 [5] ĠU L 175, 14.7.2000, p. 39 [6] ĠU L 183, 14.7.2005, p. 1 [7] ĠU L 261, 6.10.2011, p. 2 [8] ĠU C 71, 9.3.2012, p. 10 [9] ĠU L XX, [data], p.x [10] ĠU C 122, 27.4.2012, p. 9 [11] ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93 [12] ĠU C 346, 14.11.2012, p.7 [13] ĠU L XXX, data, paġna [14] ĠU L 258, 26.9.2012, p. 21. [15] Comext hija bażi tad-dejta dwar il-kummerċ barrani ġestita
mill-Eurostat. [16] ĠU L 307, 23.11.2010, p. 1. [17] Ara wkoll il-każijiet preċedenti, eż. il-premessa (48)
tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 388/2008 (ĠU L 117, 1.5.2008. p. 1).