52013PC0219

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo( dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Kosovo fil-programmi tal-Unjoni /* COM/2013/0219 final - 2013/0115 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2009 ‘Kosovo*— It-twettiq tal-Perspettiva Ewropea tiegħu’ il-Kummissjoni Ewropea rrakkomandat li tiġi eżaminata l-opportunità ta’ Ftehim Qafas mal-Kosovo dwar il-prinċipji ġenerali tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-programmi tal-Unjoni, u abbażi ta’ dan jiġu mħejjija direttivi ta’ nnegozjar. Il-Kummissjoni Ewropea adottat il-proposta tagħha għal direttivi ta’ nnegozjar f’Marzu 2011 u ppreżentatha lill-Kunsill. Il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin adotta l-proposta għal direttivi ta’ nnegozjar fit-22 ta’ Ottubru 2012. Il-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2012 laqa’ l-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni Ewropea biex tinnegozja Ftehim Qafas mal-Kosovo dwar il-parteċipazzjoni tiegħu fil-programmi tal-Unjoni u l-intenzjoni tagħha li terġa' tiġi quddiem il-Kunsill fl-ewwel nofs tal-2013. Il-Kosovo kkonferma bil-miktub il-qbil tiegħu mal-abbozz ta’ Ftehim Qafas fis-16 ta’ Jannar 2013.

2.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Il-bażi ġuridika ta’ din il-proposta hija l-Artikolu 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Artikolu 218 (6)(a) tat-TFUE. Il-bażi ġuridika sostantiva hija l-Artikolu 212 tat-TFUE meta wieħed iqis li l-għan u l-kontenut tal-miżura huwa li titwettaq kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika mal-Kosovo skont it-tifsira ta’ dak l-Artikolu.

2013/0115 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo* dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Kosovo fil-programmi tal-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)       Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill [XXX] ta’[1] il-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Kosovo fil-programmi tal-Unjoni ġie ffirmat, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard

(2)       Il-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali ta' Diċembru 2010 kien ħerqan li tiġi ppreżentata proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tippermetti l-parteċipazzjoni tal-Kosovo fil-programmi tal-Unjoni. Din il-parteċipazzjoni għandha tiġi effettwata permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali msemmi hawn fuq.

(3)       L-għan tal-Ftehim huwa li titwettaq kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika mal-Kosovo skont it-tifsira tal-Artikolu 212 tat-TFUE.

(4)       Il-konklużjoni ta’ dan il-Ftehim Qafas ma tippreġudikax il-pożizzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni dwar l-istatus tal-Kosovo, li se tiġi deċiża skont il-prassi nazzjonali tagħhom u d-dritt internazzjonali.

(5)       Il-Ftehim għandu jiġi approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Kosovo fil-programmi tal-Unjoni (“il-Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill jaħtar il-persuna bis-setgħa li tipproċedi, f’isem l-Unjoni Ewropea, skont in-notifikazzjoni prevista fl-Artikolu 10 tal-Ftehim, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li jkun vinkolat bil-Ftehim.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-ġurnata wara dik tal-adozzjoni tagħha[2].

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

ANNESS

Abbozz ta’ Ftehim Qafas

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Kosovo fil-programmi tal-Unjoni

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa "l-Unjoni",

minn naħa waħda, u

IL-KOSOVO, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Kosovo”,

min-naħa l-oħra, minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Partijiet Kontraenti”,

Billi:

(1) Il-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2007 enfasizza li l-Unjoni tinsab lesta li jkollha rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-istabbiltà fir-reġjun, iddikjara li l-Unjoni Ewropea tinsab lesta li tassisti lill-Kosovo fil-perkors lejn l-istabbiltà sostenibbli u kkonferma li l-Unjoni hija lesta li tassisti fl-iżvilupp ekonomiku u politiku permezz ta’ perspettiva Ewropea ċara, f’konformità mal-perspettiva Ewropea tar-reġjun.

(2) Il-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali ta’ Diċembru 2009 laqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ta’ Ottubru 2009 ‘Il-Kosovo — It-twettiq tal-Perspettiva Ewropea tiegħu’[3] u stedinha tieħu l-miżuri neċessarji biex tappoġġa l-progress tal-Kosovo lejn l-Unjoni f’konformità mal-perspettiva Ewropea tar-reġjun. Dan ta importanza lil miżuri relatati mal-kummerċ u l-viża, u ħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex titftaħ għall-parteċipazzjoni tal-Kosovo fil-programmi tal-Unjoni, l-integrazzjoni l-Kosovo fil-qafas ta’ sorveljanza ekonomika u fiskali, l-attivazzjoni tat-tieni komponent tal-Istrument ta’ Qabel l-Adeżjoni u t-tisħiħ tad-djalogu tal-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

(3) Il-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali ta' Diċembru 2010 kien ħerqan li tiġi ppreżentata proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tippermetti l-parteċipazzjoni tal-Kosovo fil-programmi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-proposta tagħha f’Marzu 2011.

(4) Il-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali ta' Diċembru 2011 kkonferma l-impenn tiegħu biex jintlaħaq ftehim dwar il-parteċipazzjoni tal-Kosovo fil-programmi tal-Unjoni, bla ħsara għall-pożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-istatus.

(5) Il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin ta’ Ottubru 2012 awtorizza lill-Kummissjoni Ewropea biex tiftaħ negozjati dwar Ftehim Qafas f’isem l-Unjoni mal-Kosovo dwar il-parteċipazzjoni tiegħu fil-programmi tal-Unjoni.

(6) Il-Kosovo esprima x-xewqa li jipparteċipa f’għadd ta’ programmi tal-Unjoni.

(7) L-Artikolu 212 tat-TFUE jirreferi għal miżuri ekonomiċi, finanzjarji u ta’ kooperazzjoni teknika ma’ pajjiżi terzi li mhumiex pajjiżi li qed jiżviluppaw.

(8) It-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi, inklużi l-kontribuzzjoni finanzjarja rilevanti, għall-parteċipazzjoni tal-Kosovo f’kull programm partikolari għandhom jiġu ddeterminati bi ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea, li taġixxi f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-awtoritajiet tal-Kosovo.

(9) L-iffirmar u l-konklużjoni ta’ dan il-Ftehim Qafas ma jippreġudikawx il-pożizzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni dwar l-istatus tal-Kosovo, li se tiġi deċiża skont il-prassi nazzjonali tagħhom u d-dritt internazzjonali.

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Kosovo jkun eliġibbli biex jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni li ġejjin:

(a)        programmi eżistenti tal-Unjoni li huma elenkati fl-Anness u l-programmi suċċessuri tagħhom, li huma miftuħa għall-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali li jibbenefikaw minn strateġija ta’ qabel l-adeżjoni għall-Balkani tal-Punent, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-programmi, ladarba jidħol fis-seħħ il-Ftehim Qafas (minn hawn’ il quddiem ‘il-Ftehim’);

(b)        Programmi tal-Unjoni stabbiliti jew imġedda wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim u li jkun fihom klawżola ta’ ftuħ li tipprevedi l-parteċipazzjoni tal-Kosovo.

Il-Kosovo għandu jkun jista’ jipparteċipa skont l-impenji tiegħu li jadotta u japplika standards fl-oqsma rilevanti għall-programm ikkonċernat u l-progress li jkun sar f’dak ir-rigward.

Artikolu 2

Il-Kosovo jikkontribwixxi finanzjarjament għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea b’mod proporzjonat għall-programmi speċifiċi li jipparteċipa fihom.

Artikolu 3

Ir-rappreżentanti tal-Kosovo jkollhom permess li jipparteċipaw, bħala osservaturi u għall-punti li jikkonċernaw lill-Kosovo, fil-kumitati ta’ ġestjoni responsabbli mill-monitoraġġ tal-programmi li jikkontribwixxi finanzjarjament għalihom il-Kosovo.

Artikolu 4

Proġetti u inizjattivi li jiġu sottomessi minn parteċipanti mill-Kosovo għandhom, safejn dan hu possibbli, ikunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet, regoli u proċeduri tal-programmi konċernati kif applikati lill-Istati Membri.

Artikolu 5

It-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi dwar il-parteċipazzjoni tal-Kosovo f’kull program partikolari, b’mod partikolari l-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha titħallas, ikunu stabbiliti bi qbil bejn il-Kummissjoni, li taġixxi f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-awtoritajiet kompetenti tal-Kosovo.

Jekk il-Kosovo japplika għal assistenza ta’ qabel l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni[4], jew skont kull Regolament simili li jipprovdi għal assistenza esterna tal-Unjoni Ewropea lill-Kosovo li jista’ jiġi adottat fil-futur, il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu mill-Kosovo tal-assistenza mill-Unjoni Ewropea għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim ta’ Finanzjament.

Artikolu 6

Il-ftehim imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5 jistipula, skont ir-Regolament Finanzjarju tal-Unjoni Ewropea, li l-kontroll finanzjarju jew l-awditjar għandhom jitwettqu minn, jew taħt l-awtorità tal-Kummissjoni Ewropea, l-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-Frodi (OLAF) u l-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea.

Għandhom isiru dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-kontroll finanzjarju u l-awditjar, miżuri amministrattivi, penali u rkupru li jippermettu lill-Kummissjoni Ewropea, l-OLAF u l-Qorti tal-Awdituri li jiġu mogħtija setgħat li jkunu ekwivalenti għas-setgħat tagħhom fir-rigward tal-benefiċjarji jew il-kuntratturi stabbiliti fl-Unjoni.

Artikolu 7

Il-Ftehim japplika għal perjodu indeterminat.

Il-Ftehim jista’ jintemm minn waħda mill-Partijiet permezz ta’ avviż bil-miktub sitt xhur minn qabel.

Artikolu 8

Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jirrevedu l-Ftehim għall-ewwel darba mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, u kull tliet snin minn hemm ’il quddiem, abbażi tal-esperjenza miksuba minn parteċipazzjoni attwali tal-Kosovo fi programm tal-Unjoni wieħed jew aktar.

Artikolu 9

Il-Ftehim japplika fit-territorju li fih huma applikabbli t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fit-territorju tal-Kosovo.

Artikolu 10

Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fil-jum li fih il-Partijiet Kontraenti jkunu notifikaw lil xulxin li tlestew il-proċeduri rispettivi tagħhom għad-dħul fis-seħħ.

Artikolu 11

Dan il-Ftehim huwa mħejji f’żewġ kopji bil-Bulgaru, l-Ispanjol, iċ-Ċek, id-Daniż, il-Ġermaniż, l-Estonjan, il-Grieg, l-Ingliż, il-Franċiż, l-Irlandiż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, l-Ungeriż, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, il-Finlandiż, l-Isvediż, l-Albaniż u s-Serb. Kull waħda mil-lingwi tat-testi hija awtentika b’mod indaqs.

Magħmul fi Brussell fi XXX fis-sena YYY.

Għall-Unjoni Ewropea

Il-President

ANNESS

Lista ta’ programmi attwali tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1

– Programm Ewropew ta’ Monitoraġġ tad-Dinja (GMES)[5]

– Programm qafas dwar is-Solidarjetà u l-Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni għall-perjodu 2007-2013 [6]

– Fiscalis 2013[7]

– Dwana 2013[8]

– Programm ta’ Intraprenditorija u Innovazzjoni[9]

– Programm Komunitarju għall-Impjiegi u għas-Solidarjetà Soċjali – PROGRESS[10]

– Programm ta' Azzjoni Komunitarja fil-Qasam tal-Politika dwar il-Konsumatur[11]

– Programm GALILEO[12]

– Programm u Impriża Konġunta SESAR[13]

– Programm Enerġija Intelliġenti - Ewropa[14]

– Programm ta’ Appoġġ għall-Politika tal-ICT[15]

– Soluzzjonijiet ta’ Interoperabilità għall-Amministrazzjonijiet Pubbliċi Ewropej (ISA)[16]

– LIFE+[17]

– Saħħa Pubblika[18]

– Tagħlim tul il-Ħajja[19]

– Kultura[20]

– L-Ewropa għaċ-Ċittadini[21]

– Settur Awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007) [22]

– Pericles (2002-2013)[23]

– Żgħażagħ fl-Azzjoni [24]

– Riċerka u Innovazzjoni[25]

– Għarfien għat-Tkabbir [26]

*               Din id-deżinjazzjoni għandha tkun bla ħsara għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-opinjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

[1]               ĠU L , , p. .

[2]               Id-data ta’ dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tkun ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

[3]               COM(2009) 534 tal-14.10.2009.

[4]               ĠU L210 tal-31.7.2006.

[5]               Ir-Regolament (UE) Nru 911/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22.9.2010 dwar il-Programm Ewropew ta’ Monitoraġġ tad-Dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu (2011-2013).

[6]               Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew li tistabbilixxi programm qafas dwar is-Solidarjetà u l-Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni għall-perjodu 2007-2013 (COM(2005) 123 tas-6.4.2005), u l-proposti għad-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jistabbilixxu: - il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi għall-perjodu 2007-2013; - Fond Ewropew għar-Rifuġjati għall-perjodu 2008-2013; - Fond għall-Fruntieri Estern għall-perjodu 2007-2013; - Fond Ewropew għar-Ritorn għall-perjodu 2007-2013;

[7]               Id-Deċiżjoni Nru 1482/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11.12.2007 li tistabbilixxi programm Komunitarju sabiex itejjeb il-ħidma tas-sistemi ta’ tassazzjoni fis-suq intern (Fiscalis 2013), COM (2006) 202 finali tas-17.5.2006.

[8]               Id-Deċiżjoni Nru 624/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2007 li tistabbilixxi programm ta’ azzjoni għad-dwana fil-Komunità (Dwana 2013) (ĠU L 154 tal-14.6.2007, p. 25.

[9]               Parti mill-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, id-Deċiżjoni (KE) Nru 1639/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24.10.2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni 2007-2013, ĠU L 310 tad-9.11.2006, p. 15.

[10]             Id-Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24.10.2006 li tistabbilixxi Programm Komunitarju għall-Impjiegi u għas-Solidarjetà Soċjali, ĠU L 315 tal-15.11.2006, p. 1.

[11]             Id-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18.12.2006 li tistabbilixxi Programm ta' Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Konsumatur 2007-2013, ĠU L 404, 30.12.2006, p. 39.

[12]             Ir-Regolament (UE) Nru 912/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22.9.2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 dwar l-istabbiliment ta’ strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta’ radjunavigazzjoni bis-satellita u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L276 tal-20.10.2010.

[13]             Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta' Frar 2007 dwar l-istabbiliment ta' Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta' ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR) ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1.

[14]             Parti mill-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, id-Deċiżjoni (KE) Nru 1639/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24.10.2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007-2013), ĠU L 310 tad-9.11.2006, p. 15.

[15]             Parti mill-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, id-Deċiżjoni (KE) Nru 1639/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24.10.2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007-2013), ĠU L 310 tad-9.11.2006, p. 15.

[16]             Id-Deċiżjoni Nru 922/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej (ISA), ĠU L 260, 3.10.2009, p. 20.

[17]             Ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23.5.2007 dwar l-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE+), ĠU L 149 tad-9.6.2007, p. 1.

[18]             Id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23.10.2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-13) ĠU L 301, 20.11.2007, p. 3.

[19]             Id-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15.11.2006 li tistabbilixxi Programm ta' Azzjoni fil-qasam tat-Tagħlim tul il-Ħajja. ĠU L327, tal-24.11.2006, p. 45.

[20]             Id-Deċiżjoni Nru 1903/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12.12.2006 li tistabbilixxi l-Programm Kultura (2007-2013), ĠU L 378, tas-27.12.2006, p. 22.

[21]             Id-Deċci¿joni Nru 1904/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12.12.2006 li tistabbilixxi l-programm ‘Europe for Citizens’ għall-perjodu 2007-2013 li jippromwovi ċittadinza Ewropea, ĠU L 378 tas-27.12.2006, p. 32.

[22]             Id-Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 11 2006 dwar l-implimentazzjoni ta' programm ta' appoġġ għas-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007), ĠU L 327, 24.11.2006, p. 12.

[23]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/75/KE tat-30 ta’ Jannar 2006 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta’ skambju, għajnuna u taħriġ għall-protezzjoni tal-Euro kontra l-falsifikazzjoni (il-programm Pericles), ĠU L 36, 8.2.2006, p. 40.

[24]             Id-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15.11. 2006 li tistabbilixxi l-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni għall-perijodu 2007-2013, ĠU L 327, 24.11.2006, p. 30.

[25]             Is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta’ dimostrazzjoni (2007-2013), ĠU L 400 tat-30/12/2006.

[26]             Is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (Euratom) għal riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2007-2011) kif imġedded bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19.12.2011 dwar il-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għal riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2012-2013), ĠU L 47 tat-18.2.2012.