52013PC0193

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 450/2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni tiegħu /* COM/2013/0193 final - 2013/0104 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat)[1] kellu l-għan li jadatta l-leġiżlazzjoni doganali biex mhux biss jippermettilha li tkun xierqa għall-ambjent elettroniku tad-dwana u l-kummerċ, iżda wkoll li tirregolah. Dan ipprovda opportunità biex titwettaq riforma maġġuri tar-regoli doganali sabiex jiġu ssimplifikati u jkunu strutturati aħjar.

Dan ir-Regolament daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Ġunju 2008, iżda jsir applikabbli biss, skont l-Artikolu 188(2), wara li jiġu applikabbli d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu, u mhux aktar tard mill-24 ta’ Ġunju 2013.

Fl-20 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta[2] għal Regolament li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, bħala riformulazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 450/2008, biex jitħassar u jiġi sostitwit qabel id-data skedata tiegħu ta’ applikazzjoni, minħabba l-ħtiġijiet li ġejjin:

-           il-posponiment tad-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 450/2008 biex l-amministrazzjonijiet u l-operaturi ekonomiċi jingħataw żmien biżżejjed biex jagħmlu l-investimenti neċessarji u jiżguraw implimentazzjoni gradata, vinkolanti iżda realistika tal-proċessi elettroniċi;

-           l-allinjament tar-Regolament (KE) Nru 450/2008 dwar ir-rekwiżiti tat-Trattat ta’ Lisbona, fir-rigward tas-setgħa li trid tingħata lill-Kummissjoni biex tadotta jew atti delegati jew atti ta’ implimentazzjoni, f’konformità mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

-           l-aġġustament ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 450/2008 li rriżultaw li kienu diffiċli biex jiġu implimentati.

Madankollu, waqt li l-istituzzjonijiet huma qrib ftehim politiku dwar it-test finali tar-Regolament, il-proċedura leġiżlattiva ordinarja għal din ir-riformulazzjoni ma setgħetx titlesta fil-ħin għall-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tar-Regolament irriformulat qabel id-data tal-għeluq tal-24 ta’ Ġunju 2013.

Fin-nuqqas ta’ din l-adozzjoni, il-konsegwenzi negattivi ewlenin ikunu dawn li ġejjin:

-           Ir-Regolament (KE) Nru 450/2008 jsir applikabbli fl-24 ta’ Ġunju 2013 mingħajr ebda atti tal-Kummissjoni fis-seħħ biex jappoġġjaw din l-applikazzjoni u mingħajr l-iżviluppi neċessarji fl-IT biex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipju tal-użu ta’ tekniki elettroniċi tal-ipproċessar tad-dejta kif stabbilit fl-Artikolu 5(1);

-           Ir-Regolament (KEE) Nru 2913/92 (il-Kodiċi Doganali Komunitarju, attwalment fis-seħħ) fost affarijiet oħra, jiġi mħassar u dan ikun jiġġenera inċertezza legali dwar il-leġiżlazzjoni doganali attwalment applikabbli u jkun ta’ ostaklu għaż-żamma ta’ qafas legali komprensiv u konsistenti tal-Unjoni għal kwistjonijiet doganali, soġġett għall-adozzjoni tar-Regolament propost.

Għal dawn ir-raġunijiet u bħala pjan ta’ kontinġenza biex jiġu evitati diffikultajiet serji fir-rigward tal-qafas legali doganali tal-Unjoni, il-Kummissjoni tqis li l-aħħar data ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 450/2008, kif stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 188(2), jista’ jkollha tiġi posposta biex il-leġiżlatura tiġi pprovduta biżżejjed żmien biex jitlesta l-proċess tal-adozzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Id-data l-ġdida tal-applikazzjoni kkunsidrata xierqa għal dan l-għan tkun 1.11.2013.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-proposta ma taffettwax is-sustanza tar-Regolament (KE) Nru 450/2008 iżda għandha l-għan biss li tipposponi d-data ta’ applikazzjoni tiegħu, li għandha tikkunsidra l-ħin strettament meħtieġ għat-tlestija mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-proċedura leġiżlattiva li jiġi revokat u sostitwit b’Regolament ġdid li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

Għalhekk, din ma tirrikjedi la l-involviment ta’ partijiet għajr il-Parlament Ewropew u l-Kunsill u lanqas valutazzjoni tal-impatt.

3.           ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Il-proposta tikkonsisti fl-emendar tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 188(2) tar-Regolament (KE) Nru 450/2008 biex tinbidel id-data tal-24 ta’ Ġunju 2013 bid-data ta’ 1.11.2013.

Il-bażijiet legali tagħha għandhom ikunu l-istess bħal dawk li jirregolaw ir-Regolament emendat, waqt li jitqies it-Trattat ta’ Lisbona: L-Artikoli 33, 114 u 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Minħabba l-fatt li jirregola l-adozzjoni ta’ atti mhux leġiżlattivi, l-Artikolu 31 tat-TFUE ma jistax iservi aktar bħala bażi legali għal att leġiżlattiv bħalma hu r-Regolament propost. Tali referenza fi kwalunkwe każ mhijiex meħtieġa, meta jitqiesu l-ambitu u l-kontenut ta’ dan ir-Regolament.

4.           L-IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Xejn

5.           ELEMENTI FAKULTATTIVI

Xejn

2013/0104 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 450/2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni tiegħu

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 33, 114 u 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[3],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Ir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat)[4] daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Ġunju 2008, iżda għandu jkun applikabbli biss, skont l-Artikolu 188(2), wara li d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu jiġu applikabbli, u mhux aktar tard mill-24 ta’ Ġunju 2013. Ir-Regolament (KE) Nru 450/2008 huwa maħsub biex jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju[5].

(2)       Fl-20 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta[6] għal Regolament li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, fil-forma ta’ riformulazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 450/2008, biex jissostitwih qabel id-data aħħarija ta’ applikazzjoni tiegħu. Madankollu, il-proċedura leġiżlattiva ordinarja ma tistax issir fil-ħin għall-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament propost u konsegwentement id-dħul tiegħu fis-seħħ qabel l-iskadenza finali tal-24 ta’ Ġunju 2013. B’konsegwenza ta’ dan, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe azzjoni leġiżlattiva korrettiva, ir-Regolament (KE) Nru 450/2008 se japplika f’din id-data u jitħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2913/92 . Dan ikun jiġġenera inċertezza legali dwar il-leġiżlazzjoni doganali attwalment applikabbli u jkun ta’ ostaklu għaż-żamma ta’ qafas legali komprensiv u konsistenti tal-Unjoni għal kwistjonijiet doganali, soġġett għall-adozzjoni tar-Regolament propost.

(3)       Biex jiġu evitati diffikultajiet serji bħal dawn bil-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni u biex il-leġiżlatura tiġi pprovduta biżżejjed żmien biex ittemm il-proċess tal-adozzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, l-aħħar data ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 450/2008, kif stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 188(2), għandha tiġi posposta. Id-data l-ġdida tal-applikazzjoni kkunsidrata xierqa għal dan l-għan tkun 1.11.2013.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 188(2) tar-Regolament (KE) Nru 450/2008, id-data “24 ta’ Ġunju 2013” għandha tinbidel bi “1.11.2013”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1.

[2]               COM (2012) 64 finali.

[3]               ĠU C , , p. .

[4]               ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1.

[5]               ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

[6]               COM (2012) 64 finali.