52013PC0189

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll miftiehem bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Côte d'Ivoire li jiffissa l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ Partijiet /* COM/2013/0189 final - 2013/0101 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Abbażi tal-awtorizzazzjoni mogħtija lilha mill-Kunsill[1], il-Kummissjoni Ewropea fetħet in-negozjati mar-Repubblika tal-Côte d'Ivoire bil-ħsieb li jiġġedded il-Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd li hemm bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Côte d'Ivoire. Wara dawn in-negozjati, ġie inizjalat abbozz ta' Protokoll ġdid min-negozjaturi fis-9 ta' Jannar 2013. Il-Protokoll il-ġdid ikopri perjodu ta' 5 snin li jibda mid-data tal-applikazzjoni provviżorja stipulata mill-Artikolu 13, jiġifieri mill-1 ta' Lulju 2013.

L-għan ewlieni tal-Protokoll tal-Ftehim huwa li joffri opportunitajiet tas-sajd lill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea fl-ilmijiet tal-Côte d'Ivoire skont is-surplus disponibbli. Il-Kummissjoni ibbażat, fost oħrajn, fuq ir-riżultati ta' evalwazzjoni ex-post imwettqa mill-esperti esterni.

L-għan ġenerali huwa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Côte d'Ivoire favur l-istabbiliment ta’ qafas ta’ sħubija għall-iżvilupp ta’ politika tas-sajd sostenibbli u l-isfruttar responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żoni tas-sajd tal-Côte d'Ivoire, fl-interess taż-żewġ Partijiet.

B’mod partikolari, il-Protokoll jipprovdi opportunitajiet ta' sajd fil-kategoriji li ġejjin:

– 28 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni mgħammra bi friżer

– 10 bastiment tas-sajd bil-konzijiet tal-wiċċ

Għandu jiġi ddefinit il-metodu għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri.

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-Kunsill jadotta dan ir-Regolament.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-partijiet interessati ġew ikkonsultati fil-qafas tal-evalwazzjoni tal-Protokoll 2007-2013. Ġew ikkonsultati wkoll l-esperti mill-Istati Membri waqt laqgħat tekniċi. Dawn il-konsultazzjonijiet ikkonkludew favur iż-żamma tal-Protokoll tas-sajd mar-Repubblika tal-Côte d'Ivoire.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Din il-proċedura nbdiet b’mod parallel mal-proċeduri marbutin mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll innifsu, kif ukoll mad-Deċiżjoni tal-Kunsill rigward il-konklużjoni tal-Protokoll innifsu.

2013/0101 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll miftiehem bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Côte d'Ivoire li jiffissa l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ Partijiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Fit-12 ta' Frar 2008 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (KE) Nru 151/2008 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jistipula l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribut finanzjarju previst fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju dwar is-sajd fiż-żoni tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2013 [2].

(2)       Fit-18 ta' April 2008, il-Komunità Ewropea u l-gvern tar-Repubblika tal-Côte d'Ivoire innotifikaw lil xulxin dwar it-twettiq tal-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Côte d'Ivoire[3].

(3)       Fid-9 ta’ Jannar 2013 ġie inizjalat Protokoll ġdid għall-Ftehim ta’ Sħubija (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll il-ġdid”). Dan il-Protokoll il-ġdid jagħti opportunitajiet tas-sajd lill-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet li fihom ir-Repubblika tal-Côte d'Ivoire teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward tas-sajd.

(4)       Fil-[…], il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni Nru .../2013/UE[4] dwar l-iffirmar tal-Protokoll il-ġdid u l-applikazzjoni provviżorja tiegħu.

(5)       Il-mod li bih jiġu allokati l-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri għandu jiġi ddefinit għall-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Protokoll il-ġdid.

(6)       Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità[5], f’każ li l-opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Unjoni skont il-Protokoll il-ġdid ma jkunux qed jintużaw għal kollox, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati dwar dan. F’każ li ma tintbagħatx risposta sa data ta' skadenza li għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill, dan għandu jitqies bħala konferma li l-bastimenti tal-Istat Membru kkonċernat mhux qed jużaw għal kollox l-opportunitajiet tas-sajd tagħhom matul il-perjodu kkonċernat. Dik l-iskadenza għandha għalhekk tiġi stabbilita mill-Kunsill.

(7)       Sabiex jiġi żgurat li l-bastimenti tal-Unjoni jkunu jistgħu jkomplu għaddejjin bl-attivitajiet tas-sajd tagħhom, l-Artikolu 13 tal-Protokoll il-ġdid jipprevedi l-possibbiltà li huwa jiġi applikat b’mod provviżorju minn kull Parti sa mill-1 ta' Lulju 2013.

(8)       Jixraq li dan ir-Regolament japplika mill-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll il-ġdid.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.           L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti fil-Protokoll miftiehem bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Côte d'Ivoire li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ Partijiet (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”) għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri kif ġej:

– 28 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni mgħammra bi friżer:

– Franza: 12-il bastiment

– Spanja: 16-il bastiment

– 10 bastiment tas-sajd bil-konzijiet tal-wiċċ:

– Spanja: 7 bastimenti

– Il-Portugall: 3 bastimenti

2.           Ir-Regolament (KE) Nru 1006/2008 japplika mingħajr preġudizzju għall-Ftehim ta' Sħubija dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Côte d'Ivoire.

3.           Jekk it-talbiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd mill-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 ma jkoprux l-opportunitajiet kollha tas-sajd stabbiliti fil-Protokoll, il-Kummissjoni tqis it-talbiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd magħmulin minn kwalunkwe Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008.

4.           L-iskadenza sa meta l-Istati Membri għandhom jikkonfermaw li mhumiex qed jużaw għal kollox l-opportunitajiet tas-sajd li jkunu ngħatawlhom skont il-Ftehim, kif imsemmi fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008, għandha tkun ta' għaxart ijiem tax-xogħol minn meta l-Kummissjoni tgħarrafhom li l-opportunitajiet tas-sajd mhumiex qed jintużaw kollha.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               Adottata fl-24 ta’ Settembru 2012 mill-Kunsill għall-Agrikoltura u s-Sajd.

[2]               ĠU L 48. 22.2.2008.

[3]               ĠU L 118, 06.05.2008.

[4]               ĠU C …

[5]               ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33.