Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar ix-xogħol diċenti għall-ħaddiema domestiċi, 2011, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (il-Konvenzjoni Nru 189) /* COM/2013/0152 final - 2013/0085 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA Permezz ta’ din il-proposta l-Istati Membri se
jkunu jistgħu jirratifikaw legalment il-Konvenzjoni Nru 189 dwar
xogħol diċenti għall-ħaddiema domestiċi, 2011,
tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), minn hawn ’il
quddiem “il-Konvenzjoni Nru 189 dwar il-Ħaddiema Domestiċi” jew
“il-Konvenzjoni”. Il-Konvenzjoni Nru 189 dwar
il-Ħaddiema Domestiċi ġiet adottata waqt il-100 Sessjoni
tal-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol
fis-16 ta' Ġunju 2011 u mistennija tidħol
fis-seħħ f’Settembru 2013. Din tistabbilixxi l-kundizzjonijiet
minimi ta’ protezzjoni tax-xogħol għall-ħaddiema domestiċi. Minn Diċembru 2012, il-Konvenzjoni
Nru 189 dwar il-Ħaddiema Domestiċi ġiet ratifikata minn
tliet Stati partijiet għall-ILO. Din hija fost il-Konvenzjonijiet tal-ILO
li ġew ikklassifikati mill-ILO bħala li huma aġġornati u
għaldaqstant jiġu promossi b'mod attiv. L-Unjoni Ewropea (UE) għandha l-impenn li
tippromwovi l-aġenda għal xogħol diċenti, kemm internament,
kif ukoll fir-relazzjonijiet esterni tagħha. L-istandards tax-xogħol
huma element ewlieni tal-kunċett ta' xogħol diċenti.
Għalhekk, ir-ratifika tal-Konvenzjonijiet tal-ILO mill-Istati Membri
tibgħat messaġġ importanti rigward il-koerenza tal-politika
tal-Unjoni fit-titjib tal-istandards tax-xogħol madwar id-dinja. Barra minn hekk, bħala parti
mill-istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin[1],
il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri biex jirratifikaw
l-istrumenti, il-ftehimiet u l-obbligi legali internazzjonali kollha li se
jikkontribwixxu biex jiġi indirizzat it-traffikar tal-bnedmin b'mod aktar
effettiv, ikkoordinat u koerenti. Dawn jinkludu l-Konvenzjoni
Nru 189 dwar il-Ħaddiema Domestiċi. Għaldaqstant, jeħtieġ li
jitneħħa, fil-livell tal-UE, kull impediment legali
għar-ratifika mill-Istati Membri għall-Konvenzjoni Nru 189 dwar
il-Ħaddiema Domestiċi, li s-sustanza tagħha ma tagħtix lok
għal tħassib fid-dawl tal-acquis attwali tal-Unjoni. Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni
Nru 189 dwar il-Ħaddiema Domestiċi huma maħsuba biex
jillimitaw l-abbuż u l-isfruttament tal-ħaddiema domestiċi.
L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni jiddefinixxi ħaddiem domestiku
bħala kull persuna involuta f’xogħol domestiku (ix-xogħol
imwettaq fi jew għal unità domestika waħda jew aktar) fl-ambitu ta’
relazzjoni tax-xogħol. Il-Konvenzjoni
teħtieġ li l-Istati Membri tal-ILO jieħdu miżuri biex
jipprevjenu l-vjolenza u t-tħaddim tat-tfal fl-ambitu tax-xogħol
domestiku. L-Artikolu 3 jħares id-drittijiet fundamentali relatati
max-xogħol tal-ħaddiema domestiċi billi jeżiġi li kull
Stat Parti jieħu l-miżuri stabbiliti fil-Konvenzjoni biex
jirrispetta, jippromwovi u jwettaq il-prinċipji u d-drittijiet
fundamentali fuq ix-xogħol. Id-dispożizzjonijiet sussegwenti
jirrikjedu b’mod partikolari li l-Istati Membri tal-ILO: ·
jistabbilixxu età minima għax-xogħol
domestiku kif ukoll salvagwardji għall-ħaddiema taħt it-18-il
sena; ·
jipprevjenu l-abbuż u l-vjolenza; ·
jiżguraw termini ġusti u
kundizzjonijiet diċenti ta’ impjieg; ·
jiżguraw li l-ħaddiema jkunu infurmati
dwar it-termini u d-dettalji tal-impjieg tagħhom; ·
jirregolaw ir-reklutaġġ barrani
u jiżguraw il-moviment liberu; ·
iħeġġu trattament ugwali bejn
il-ħaddiema domestiċi u ħaddiema oħra fir-rigward
tal-kumpens u l-benefiċċji; ·
jirregolaw u jissorveljaw l-aġenziji privati
tal-impjieg; kif ukoll ·
jiżviluppaw mekkaniżmu speċifiku
għall-ilmenti. Il-Konvenzjoni Nru 189 dwar
il-Ħaddiema Domestiċi tindirizza l-oqsma tal-liġi tal-Unjoni
fejn il-livell ta’ regolamentazzjoni jkun diġà laħaq stadju avvanzat. Il-Konvenzjoni tittratta prinċipalment
l-aspetti marbuta mal-qasam tal-politika soċjali, fejn il-liġi
tal-Unjoni tistabbilixxi rekwiżiti minimi dwar is-saħħa u
s-sikurezza fuq ix-xogħol, il-protezzjoni taż-żgħażagħ
fuq ix-xogħol, il-protezzjoni tal-maternità, id-dikjarazzjoni bil-miktub,
il-ħin tax-xogħol, l-immigrazzjoni u x-xogħol temporanju permezz
ta' aġenzija[2]. Il-Konvenzjoni tittratta aspetti marbuta
mal-qasam kontra d-diskriminazzjoni fejn il-liġi tal-Unjoni tistabbilixxi
rekwiżiti minimi dwar l-ugwaljanza fl-impjieg, l-ugwaljanza bejn is-sessi
u l-protezzjoni tal-maternità[3]. Il-Konvenzjoni tittratta wkoll aspetti marbuti
mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam tal-kwistjonijiet kriminali u
fil-qasam tal-ażil u l-immigrazzjoni, fejn il-liġi tal-Unjoni tistabbilixxi
rekwiżiti minimi kontra t-traffikar u s-sanzjonijiet kontra min
iħaddem[4]. Barra minn hekk, l-Artikolu 8
tal-Konvenzjoni dwar il-Ħaddiema Domestiċi jittratta l-protezzjoni
tal-ħaddiema domestiċi migranti, li tinkludi aspetti li
jikkonċernaw il-moviment liberu tal-ħaddiema skont il-liġi
tal-Unjoni[5]. 2. RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET
MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT Mhux applikabbli. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA Skont ir-regoli dwar il-kompetenzi esterni li
tfasslu mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea[6], u b'mod
aktar speċifiku fir-rigward tal-konklużjoni u r-ratifika ta’
Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol[7], l-Istati
Membri mhumiex f'pożizzjoni li jiddeċiedu b'mod awtonomu dwar
ir-ratifika ta' Konvenzjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel
tal-Kunsill, fejn partijiet tal-Konvenzjoni jaqgħu taħt il-kompetenza
tal-Unjoni. Fl-istess waqt, l-Unjoni Ewropea bħala
tali ma tista tirratifika l-ebda Konvenzjoni tal-ILO, billi l-Istati biss
jistgħu jkunu partijiet f’konvenzjonijiet bħal dawn. Għaldaqstant, jekk is-suġġett
ta’ ftehim jew kuntratt jaqa' parzjalment taħt il-kompetenza tal-Unjoni u
parzjalment taħt dik tal-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u
l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha
meħtieġa biex jiżguraw bl-aħjar mod il-kooperazzjoni
fir-ratifika tal-Konvenzjoni u fl-implimentazzjoni tal-impenji li
jirriżultaw minn dik il-Konvenzjoni[8]. Fir-rigward tat-tliet Konvenzjonijiet tal-ILO
li ġew adottati matul l-aħħar għaxar snin u li partijiet
minnhom kienu fil-kompetenza tal-Unjoni, il-Kunsill għalhekk awtorizza
lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni, dawk il-partijiet
li huma fil-kompetenza tal-Unjoni[9].
Il-Kummissjoni adottat ukoll proposta għal tali deċiżjoni
tal-Kunsill rigward il-Konvenzjoni Nru 170 dwar is-Sustanzi Kimiċi[10]. Speċifikament b'referenza
għall-Konvenzjoni Nru 189 dwar il-Ħaddiema Domestiċi,
il-livell tar-regolamentazzjoni fid-diversi aspetti tal-politika soċjali u
fl-oqsma ta' kontra d-diskriminazzjoni, il-kooperazzjoni ġudizzjarja
fil-qasam tal-kwistjonijiet kriminali, l-ażil u l-immigrazzjoni koperti
mill-Konvenzjoni, laħaq stadju avvanzat, sal-punt fejn l-Istati Membri ma
għadhomx jistgħu jeżerċitaw is-sovranità tagħhom
fl-isfera esterna f’dan ir-rigward[11].
L-Artikolu 153 tat-TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali prinċipali
tal-liġi tal-Unjoni relatata, li fil-biċċa l-kbira
tal-każijiet hija aktar dettaljata mill-prinċipji ġenerali
stabbiliti fil-Konvenzjoni Nru 189 dwar il-Ħaddiema Domestiċi.
Ma hemm l-ebda kontradizzjoni bejn il-prinċipji ġenerali stabbiliti
fil-Konvenzjoni u fil-liġi tal-Unjoni, u ma hemmx nuqqas ta’ kompatibbiltà
bejn id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni u r-rekwiżiti minimi f’dawn
l-oqsma stabbiliti fl-acquis tal-Unjoni. Mill-Artikolu 19(8) tal-Kostituzzjoni
tal-ILO jidher ċar li l-Konvenzjoni fiha standards minimi, li jfisser li
l-implimentazzjoni nazzjonali tista' tipprovdi standards ogħla minn dawk
tal-Konvenzjoni. Ma hemm l-ebda inkonsistenza
fl-approċċ bejn ir-regoli dwar il-protezzjoni u t-trattament ugwali
tal-ħaddiema skont il-Konvenzjoni u r-rekwiżiti minimi skont l-acquis
tal-Unjoni f'dan il-qasam. Dan ifisser li l-miżuri tal-Unjoni jistgħu
jkunu aktar stretti mill-istandards tal-ILO u viċi versa[12]. Il-Konvenzjoni Nru 189 dwar
il-Ħaddiema Domestiċi tinkludi artikolu wieħed
għall-ħarsien tal-ħaddiema domestiċi migranti
(l-Artikolu 8) li jista’ potenzjalment ixekkel il-moviment liberu
tal-ħaddiema — qasam li jaqa' taħt il-kompetenza esklużiva
tal-Unjoni[13].
Madankollu, l-għan ewlieni tal-Konvenzjoni mhuwiex li tirregola kwistjoni
li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Barra minn hekk,
l-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni jiddikjara li r-rekwiżit li
wieħed jirċievi offerta bil-miktub qabel ma jaqsam il-fruntieri
nazzjonali ma japplikax għal żoni ta' integrazzjoni ekonomika
reġjonali. Din il-klawżola ta' salvagwardja tipprevjeni kull nuqqas
ta’ kompatibbiltà potenzjali bejn il-Konvenzjoni u l-acquis tal-Unjoni dwar
il-moviment liberu tal-ħaddiema skont l-Artikolu 45 tat-TFUE u
r-Regolament Nru 492/2011. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet
tal-Konvenzjoni f'dan il-qasam mhumiex inkompatibbli mal-acquis tal-Unjoni. Għalhekk, l-għan ta' din il-proposta
huwa li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni,
dawk il-partijiet mill-Konvenzjoni Nru 189 dwar il-Ħaddiema
Domestiċi li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni. Il-proposta hija bbażata fuq
l-Artikolu 218(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
(TFUE), applikabbli b'analoġija, flimkien mal-Artikolu 153 tat-TFUE,
li jipprovdi l-bażi legali prinċipali
għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-ħarsien u t-titjib
tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema. 2013/0085 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Istati Membri biex
jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar
ix-xogħol diċenti għall-ħaddiema domestiċi, 2011,
tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (il-Konvenzjoni Nru 189) IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament
tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 153 flimkien
mal-Artikolu 218(6)(a)(v) u l-ewwel sottoparagrafu
tal-Artikolu 218(8) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[14], Billi: (1) Il-Parlament Ewropew,
il-Kunsill u l-Kummissjoni qegħdin jippromwovu r-ratifika ta'
konvenzjonijiet internazzjonali dwar ix-xogħol li ġew ikklassifikati
bħala aġġornati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali
tax-Xogħol, bħala kontribut lejn l-isforz tal-Unjoni Ewropea biex
tippromwovi xogħol diċenti għal kulħadd, kemm fl-Unjoni kif
ukoll barra minnha, u li tiegħu il-ħarsien u t-titjib
tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema jikkostitwixxu aspetti
importanti. (2) Il-biċċa l-kbira
tar-regoli skont il-Konvenzjoni Nru 189 dwar ix-xogħol diċenti
għall-ħaddiema domestiċi, 2011, tal-Organizzazzjoni
Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), minn hawn 'il quddiem “il-Konvenzjoni”,
huma koperti fil-maġġoranza tagħhom mill-acquis tal-Unjoni
fl-oqsma tal-politika soċjali[15],
l-antidiskriminazzjoni[16],
il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali[17] u
l-ażil u l-immigrazzjoni[18]. (3) Id-dispożizzjonijiet
tal-Konvenzjoni dwar il-ħarsien tal-ħaddiema domestiċi migranti
jistgħu jaffettwaw il-moviment liberu tal-ħaddiema — qasam li jaqa'
taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni[19]. (4) Għaldaqstant, partijiet
mill-Konvenzjoni jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni, u l-Istati
Membri ma jistgħux jidħlu f'impenji b'rabta ma' dawn il-partijiet
barra mill-qafas tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni[20]. (5) L-Unjoni Ewropea ma tistax
tirratifika l-Konvenzjoni, billi l-Istati biss jistgħu jkunu partijiet
fiha. (6) F'din is-sitwazzjoni,
l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jridu jikkooperaw fir-rigward
tar-ratifika tal-Konvenzjoni. (7) Il-Kunsill għandu
għalhekk jawtorizza lill-Istati Membri li huma marbuta mil-liġi
tal-Unjoni fir-rigward tar-rekwiżiti minimi fil-qasam tal-kundizzjonijiet
tax-xogħol biex jirratifikaw il-Konvenzjoni fl-interess tal-Unjoni Ewropea. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 L-Istati Membri huma b’dan awtorizzati li
jirratifikaw, għall-partijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza
mogħtija lill-Unjoni permezz tat-Trattati, il-Konvenzjoni dwar
ix-xogħol diċenti għall-ħaddiema domestiċi, 2011,
tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (il-Konvenzjoni
Nru 189). Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata
lill-Istati Membri. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] L-istrateġija
tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012-2016,
COM(2012) 286 tad-19.6.2012. [2] Id-Direttiva
89/391/KEE, id-Direttiva 94/33/KEE, id-Direttiva 91/533/KEE, id-Direttiva
2003/88/KE, id-Direttiva 2011/98/UE, id-Direttiva 2008/104/KE. [3] Id-Direttiva
2000/78/KE, id-Direttiva 2000/43/KE, id-Direttiva 2006/54/KE, id-Direttiva
92/85/KEE. [4] Id-Direttiva
2011/36/KE; id-Direttiva 2009/52/KE. [5] L-Artikolu 45
tat-TFUE, ir-Regolament Nru 492/2011. [6] Is-Sentenza
tal-AETR tal-Qorti tal-ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,
il-każ 22/70 tal-31 ta' Marzu 1971, Ġabra, 1971,
263; ara wkoll l-Artikolu 3(2)
tat-TFUE li kkodifika dawn il-prinċipji. [7] L-Opinjoni 2/91
tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
tad-19 ta’ Marzu 1993 li tikkonċerna l-Konvenzjoni
Nru 170 dwar is-Sustanzi Kimiċi, Ġabra 1993-I,
paġna 1061. [8] L-Opinjoni 2/91
tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ibid), il-para. 36, 37 u
38. [9] F'dan
l-aħħar deċennju ġew adottati tliet deċiżjonijiet
tal-Kunsill li jawtorizzaw lill-Istati Membri biex jirratifikaw
il-Konvenzjonijiet tal-ILO: Id-Deċiżjoni tal-Kunsill
tal-14 ta' April 2005 li tawtorizza lill-Istati Membri biex
jirratifikaw, fl-interess tal-Komunità Ewropea, id-Dokumenti
tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar id-Dokumenti ta'
Identità tal-Baħħara (il-Konvenzjoni Nru 185), ĠU
L 136/1 tat-30.5.2005; Id-Deċiżjoni tal-Kunsill
tas-7 ta' Ġunju 2007 li tawtorizza lill-Istati Membri biex
jirratifikaw, fl-interess tal-Komunita Ewropea, il-Konvenzjoni
tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ix-Xogħol
Marittimu tal-2006 (ĠU L 161/63 tat-22.6.2007); u
d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 2010 li
tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni,
Ewropea, il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol
dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-2007 (il-Konvenzjoni Nru 188), ĠU
145/12, 11.6.2010. [10] COM(2012) 677
tal-20 ta’ Novembru 2012. [11] L-Opinjoni 2/91
tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-para. 25 u 26. [12] L-Opinjoni 2/91
tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-para. 18. [13] L-Artikolu 45
tat-TFUE, ir-Regolament Nru 492/2011. [14] ĠU C
, , p. . [15] Inklużi
d-Direttiva qafas 89/391/KEE dwar is-saħħa u s-sigurtà, id-Direttiva
94/33/KE dwar iż-żgħażagħ fuq ix-xogħol,
id-Direttiva 92/85/KEE dwar il-ħarsien tal-maternità, id-Direttiva
91/533/KEE dwar id-dikjarazzjoni bil-miktub, id-Direttiva 2003/88/KE dwar
il-ħin tax-xogħol, u d-Direttiva 2008/104/KE dwar ix-xogħol
temporanju permezz ta' aġenziji. [16] Inkluż
id-Direttiva 2000/78/KE dwar l-ugwaljanza fl-impjieg, id-Direttiva 2006/54/KE
dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-Direttiva 92/85/KEE dwar il-protezzjoni
tal-maternità. [17] Inkluża
d-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar
tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu. [18] Inklużi
d-Direttiva 2009/52/KE dwar is-sanzjonijiet kontra min iħaddem u
d-Direttiva 2011/98/UE dwar il-permess uniku. [19] L-Artikolu 45
tat-TFUE, ir-Regolament Nru 492/2011. [20] L-Opinjoni 2/91
tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
tad-19 ta' Marzu 1993, Ġabra 1993-I, p. 1061,
il-para. 26.