52013PC0130

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbilità ta' trasportaturi bl-ajru, fejn jidħol it-trasport bl-ajru tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom /* COM/2013/0130 final - 2013/0072 (COD) */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1.        Il-qafas legali attwali

Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004[1] skont iċ-ċirkostanzi tal-interruzzjoni tal-ivvjaġġar, jeħtieġ li t-trasportaturi tal-ajru:

– jagħtu lill-passiġġieri assistenza, bħal ikliet, xorb u ikel ħafif, telefonati u akkomodazzjoni f'lukandi;

– joffru riprogrammar tar-rotta u rimborżi;

– iħallsu kumpens b'rata fissa sa EUR 600 għal kull passiġġier, skont id-distanza tat-titjira; u

– jgħarrfu b'mod proattiv lill-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom.

It-trasportatur tal-ajru mhux obbligat iħallas kumpens finanzjarju jekk jintwera li t-tħassir jew id-dewmien kien ikkawżat minn ċirkostanzi straordinarji. Madankollu, l-obbligi għal indukrar u assistenza jibqgħu applikabbli anki f'sitwazzjonijiet bħal dawn.

Ir-Regolament jeħtieġ ukoll li l-Istati Membri jistabbilixxu Korpi Nazzjonali għall-Infurzar (NEB) biex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta tar-Regolament.

Id-drittijiet tal-passiġġieri skont ir-Regolament ma għandhomx jitfixklu mad-drittijiet tagħhom skont il-Konvenzjoni ta' Montreal: filwaqt li l-Konvenzjoni tipprovdi għal ħsara individwalizzata lill-vjaġġaturi, ivvalutata każ b'każ skont iċ-ċirkostanzi individwali tal-passiġġier, ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 jistabbilixxi intitolamenti standardizzati (fir-rigward ta' assistenza u indukrar) applikabbli għall-passiġġieri kollha, ikunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi individwali tagħhom.

Skont il-Konvenzjoni ta' Montreal (kif trasposta mir-Regolament (KE) Nru 2027/97[2] fil-liġi tal-UE), passiġġier jista' jkun intitolat għal kumpens fil-każ ta' ġestjoni ħażina tal-bagalji (iżda sa limitu ta' madwar €1200), minbarra jekk it-trasportatur tal-ajru jista' juri li ħa l-miżuri kollha raġonevoli biex jevita l-ħsarat jew jekk kien impossibbli li jittieħdu miżuri bħal dawn. Għall-kuntrarju għar-Regolament (KE) Nru 261/2004, la r-Regolament (KE) Nru 2027/97 u lanqas il-Konvenzjoni ta' Montreal ma jeħtieġu t-twaqqif ta' korpi għall-infurzar biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tagħhom.

1.2.        Żviluppi reċenti

It-trasportaturi tal-ajru spiss jonqsu milli joffru lill-passiġġieri d-drittijiet li huma intitolati għalihom f'ċirkostanzi fejn ma jitħallewx jitiligħu abbord, dewmien twil, kanċellazzjonijiet jew ġestjoni ħażina tal-bagalji, b'mod partikolari skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 ("ir-Regolament") u r-Regolament (KE) Nru 2027/97.

Ir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-Kummissjoni ta' Ottubru 2010: Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE[3] ħabbar miżuri biex jiġi żgurat sett ta' drittijiet komuni għall-passiġġieri li jivvjaġġaw b'kull tip ta' trasport fl-UE u l-infurzar adegwat ta' dawn id-drittijiet.

Il-White Paper dwar it-Trasport tal-Kummissjoni li ġiet adottata fit-28 ta' Marzu 2011 semmiet fost l-inizjattivi tagħha l-ħtieġa tal-"iżvilupp ta' interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri u infurzar armonizzat u effikaċi, biex ikunu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-industrija u standard Ewropew għall-protezzjoni taċ-ċittadini".[4]

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' April 2011[5] irrapportat dwar l-interpretazzjonijiet differenti tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, minħabba partijiet mhux ċari u nuqqasijiet fit-test attwali, u infurzar mhux uniformi bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, huwa diffiċli għall-passiġġieri li jinfurzaw id-drittijiet individwali tagħhom.

Fid-29 ta' Marzu 2012, il-Parlament Ewropew (PE) adotta riżoluzzjoni[6] bi tweġiba għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq. Il-PE jemmen li l-applikazzjoni xierqa tar-regoli eżistenti mill-Istati Membri u t-trasportaturi tal-ajru, l-infurzar ta' mezzi suffiċjenti u sempliċi ta' rimedju u l-għoti ta' informazzjoni preċiża lill-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom għandhom ikunu s-sisien li fuqhom terġa' tinkiseb il-fiduċja tal-passiġġieri. Il-PE jiddispjaċih li l-korpi nazzjonali għall-infurzar mhux dejjem jiżguraw protezzjoni effikaċi tad-drittijiet tal-passiġġieri. Fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, il-PE jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi kjarifika tad-drittijiet tal-passiġġieri, b'mod partikolari l-kunċett ta' "ċirkostanzi straordinarji".

Il-leġiżlazzjoni tal-UE għandha tikkonforma bis-sħiħ mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali[7]. B'mod iktar speċifiku, mill-Artikolu 28 jidher li għandu jinkiseb livell ogħla ta' protezzjoni tal-konsumatur fil-politiki kollha tal-Unjoni. Dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn jinkludu d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali (l-Artikolu 8), il-projbizzjoni ta' kull forma ta' diskriminazzjoni u l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabbiltà (l-Artikoli 21 u 26) u d-dritt għal rimedju effikaċi u għal proċess imparzjali (l-Artikolu 47).

Il-każistika kellha impatt deċiżiv fuq l-interpretazzjoni tar-Regolament. Fil-kawża C-344/04 (IATA), il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kkonfermat il-kompatibilità sħiħa tiegħu mal-Konvenzjoni ta' Montreal u l-kumplimentaritajiet bejn iż-żewġ strumenti legali. Fil-kawża C-549/07 Wallentin-Herrman, il-Qorti ċċarat meta problema teknika f'ajruplan ma għandhiex titqies bħala "ċirkostanza straordinarja". Fil-kawża Sturgeon (il-Kawżi Magħquda C-402/07 u C-432/07), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dewmien twil ta' mill-inqas tliet sigħat fil-wasla jintitola lill-passiġġieri għal kumpens.

Din il-proposta għandha l-għan li tippromwovi l-interess tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru billi tiżgura li t-trasportaturi tal-ajru jikkonformaw ma' livell għoli ta' protezzjoni tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru matul interruzzjonijiet tal-ivvjaġġar, filwaqt li jitqiesu l-implikazzjonijiet finanzjarji u jkun żgurat li t-trasportaturi tal-ajru joperaw b'kundizzjonijiet armonizzati f'suq liberalizzat.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

2.1.        Il-proċess ta' konsultazzjoni

Saret konsultazzjoni pubblika bejn id-19 ta' Diċembru 2011 u l-11 ta' Marzu 2012; waslu 410 sottomissjonijiet. Ir-riżultati jistgħu jinstabu fuq il-websajt tal-Kummissjoni[8]. Barra minn hekk, konsulent għamel intervisti u konsultazzjonijiet individwali u aktar dettaljati ma' 98 parti interessata mill-gruppi kollha tal-partijiet interessati.

Fl-aħħar, fit-30 ta' Mejju 2012, il-Kummissjoni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew organizzaw flimkien konferenza li matulha l-partijiet interessati kellhom l-opportunità jwieġbu għar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika. Il-preżentazzjonijiet u l-minuti tal-konferenza jistgħu jinstabu fuq il-websajt tal-Kummissjoni[9].

Ir-rappreżentanti tal-konsumaturi u tal-passiġġieri ffukaw l-aktar fuq il-konformità dgħajfa u l-infurzar inadegwat, speċjalment fir-rigward tal-kumpens finanzjarju fil-każ ta' dewmien. Primarjament, it-trasportaturi tal-ajru u l-assoċjazzjonijiet tagħhom qiesu li l-ispiża finanzjarja tar-Regolament hija wisq, b'mod partikolari minħabba li t-trasportaturi jiffaċċjaw responsabbiltà illimitata għal inċidenti li ma jkunux tort tagħhom (eż. il-kriżi tas-sħaba ta' rmied vulkaniku f'April 2010). It-trasportaturi tal-ajru kkritikaw bil-qawwa l-konsegwenzi tad-deċiżjoni Sturgeon bħala li qed tikkawża spejjeż eċċessivi. Il-fehmiet tal-assoċjazzjonijiet tal-aġenti tal-ivvjaġġar u tal-operaturi turistiċi kienu simili għal dawk tat-trasportaturi tal-ajru, b'xi eċċezzjonijiet notevoli bħal fir-rigward tad-dritt għal riprogrammar tar-rotta jew l-użu ta' partijiet individwali ta' biljett tal-ajru (il-politika meta l-passiġġier ma jfeġġx). L-ajruporti esprimew oppożizzjoni qawwija li jingħataw kwalunkwe responsabbiltà skont ir-Regolament rivedut.

L-awtoritjiet nazzjonali u subnazzjonali li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika esprimew fehmiet dwar il-maġġoranza tal-kwistjonijiet li kienu simili għal dawk tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi/passiġġieri, iżda kienu aktar sensittivi għar-restrizzjonijiet ekonomiċi, baġitarji u legali.

2.2.        Valutazzjoni tal-impatt

Il-Kummissjoni vvalutat erba' għażliet ta' politika bil-għan li ttejjeb l-applikazzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru. Dawn ivarjaw mill-għażla ta' kompromess bejn infurzar aktar b'saħħtu u aġġustament tal-inċentivi ekonomiċi għat-trasportaturi tal-ajru: żieda sostanzjali fl-ispejjeż hija inċentiva biex it-trasportaturi tal-ajru jnaqqsu l-ispejjeż ta' konformità u jipprovaw ma jagħtux lill-passiġġieri d-drittijiet tagħhom. Politika ta' sanzjonar aktar b'saħħitha hija inċentiva għal konformità. Għalhekk, għall-għażliet li fihom l-ispejjeż imposti mill-obbligi tar-Regolament huma ogħla, il-politika ta' infurzar trid tkun aktar stretta u koordinata aħjar, u viċeversa.

Għażla bħal din tqieset peress li jekk jinxteħet enfasi sħiħ fuq l-infurzar mingħajr ma jiġu indirizzati d-diżinċentivi ekonomiċi għall-konformità, ikun hemm bżonn li jiġu allokati riżorsi pubbliċi konsiderevoli għall-korpi ta' infurzar.

Għażla 1: enfasi fuq l-inċentivi ekonomiċi (bidla moderata fl-infurzar): fl-għażla 1 l-infurzar huwa kkordinat aħjar, l-aktar permezz ta' fluss aħjar ta' informazzjoni bejn l-NEBs u l-Kummissjoni. L-għażla tiffoka l-aktar fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż billi jinbidlu ċerti obbligi fir-rigward tal-indukrar (jiġifieri l-forniment tal-ikel, l-akkomodazzjoni) mal-obbligu li t-trasportaturi tal-ajru jipproponu assigurazzjoni mhux obbligatorja lill-passiġġieri.

Għażla 2: bilanċ bejn politika ta' infurzar aktar b'saħħitha u inċentivi ekonomiċi: il-politika tal-infurzar hija msaħħa permezz ta' koordinazzjoni aħjar tal-NEBs. L-NEBs jeħtiġilhom itejbu l-informazzjoni li jipprovdu lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tagħhom u l-Kummissjoni tista' titlob li jsiru investigazzjonijiet, speċjalment fil-każijiet li jinvolvu bosta Stati Membri. Spejjeż addizzjonali li jirriżultaw mit-titjib fl-indukrar u l-assistenza huma kkumpenstati bl-aġġustamenti fl-ammont globali tal-kumpens finanzjarju. Dan jista' jinkiseb billi titnaqqas il-frekwenza tal-ħlasijiet tal-kumpens permezz ta' żewġ varjanti:

· Varjant 2a: żieda fil-livell limitu tal-ħin li warajh il-passiġġier għandu dritt għall-kumpens fil-każ ta' dewmien mit-tliet sigħat attwali għal tal-inqas ħamsa;

· Varjant 2b: estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ta' "ċirkostanzi straordinarji" biex jiġu inklużi ħafna mill-problemi tekniċi.

Għaż-żewġ varjanti 2a u 2b, ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt janalizza jekk ikunx utli li jsir aġġustament addizzjonali tal-ammonti ta' kumpens b'somma f'daqqa.

Bl-għażla 2, ikun hemm limitu ta' 3 jew 4 ijiem fuq l-obbligu ta' akkomodazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' avvenimenti straordinarji li jdumu ħafna. Sabiex jiġi mmitigat l-impatt fuq il-passiġġieri, jiddaħħlu pjanijiet ta' kontinġenza u riprogrammar aktar rapidu tar-rotta.

Għażla 3: enfasi fuq l-infurzar: din l-għażla tiffoka bis-sħiħ fuq infurzar aktar b'saħħtu u tiċċara d-drittijiet eżistenti tal-passiġġieri biex l-applikazzjoni tagħhom issir aktar effettiva.

Għażla 4: infurzar ċentralizzat: l-għażla 4 tiffoka bis-sħiħ fuq politika ta' infurzar kompletament ċentralizzata li trid tiġġieled l-inċentivi negattivi mill-ispejjeż ta' konformità: għalhekk, korp ċentrali tal-UE għall-infurzar huwa parti minn din l-għażla.

Fl-għażliet 3 u 4, fond tal-industrija – iffinanzjat b'imposta fuq kull biljett tal-ajru – għandu jiżgura aktar attenzjoni fuq każijiet ta' avvenimenti straordinarji li jieħdu fit-tul ħafna, billi jrodd lura tal-inqas parti mill-ispejjeż imġarrba mit-trasportaturi tal-ajru.

L-għażliet politiċi kollha għandhom l-istess karatteristiċi komuni bħal:

· il-kjarifika ta' numru ta' kwistjonijiet (eż. ċirkostanzi straordinarji kif imsemmi hawn fuq, l-obbligi ta' riprogrammar tar-rotta, l-indukrar matul dewmien fuq it-tarmak, id-drittijiet fil-każ ta' konnessjonijiet mitlufa, eċċ);

· is-separazzjoni funzjonali tal-infurzar ġenerali u l-ġestjoni ta' lmenti individwali meta din tal-aħħar tkun tista' ssir minn korpi għal soluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR). Kemm it-trasportaturi tal-ajru kif ukoll il-korpi responsabbli mill-ilmenti individwali jkunu sottomessi għal proċeduri ċari ta' ġestjoni tal-ilmenti (inkluż il-ħinijiet massimi għat-tweġib);

· l-involviment ta' atturi oħrajn tas-suq: possibbiltà akbar ta' rikors għat-trasportaturi tal-ajru kontra partijiet terzi responsabbli għall-interruzzjonijiet; it-tfassil ta' pjanijiet ta' kontinġenza fost l-utenti tal-ajruport.

Il-valutazzjoni tal-impatt tikkonkludi li l-għażla 2 hija l-aktar ippreferuta mill-oħrajn għax hija l-aktar waħda li ttejjeb b'mod effettiv u effiċjenti d-drittijiet tal-passiġġieri filwaqt li tqis l-impatt finanzjarju fuq is-settur tat-trasport tal-ajru. Il-varjant 2a huwa ppreferut ftit iktar mit-2b għax jekk il-livell limitu tad-dewmien jinżamm qasir wisq (bħal fil-każ tat-2b), dan jista' jwassal għal aktar kanċellazzjonijiet u għax it-2a jiżgura konsistenza aħjar bejn id-dritt għal kumpens u d-dritt għal rimborż (fejn it-tnejn jirriżultaw l-inqas wara ħames (5) sigħat). Il-valutazzjoni tal-impatt ma tindikax preferenza fir-rigward ta' subvarjanti oħrajn għall-għażla 2a (jiġifieri aġġustament fil-livelli ta' kumpens u/jew tal-livelli limitu ta' ħin multipli għall-kumpens għad-dewmien).

L-ispejjeż tal-konformità għat-trasportaturi tal-ajru jkunu simili fl-għażla 2 meta mqabbla mar-Regolament attwali, iżda l-potenzjal li jiżdiedu jkun limitat fil-każ li jikber is-sehem ta' passiġġieri li jitolbu kumpens jew f'avveniment straordinarju li jdum ħafna.

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta proposta konformi mal-konklużjoni tal-valutazzjoni tal-impatt, jiġifieri li tikkorrispondi għall-għażla 2a tagħha, inkluż livell limitu uniformi ta' ħames (5) sigħat għall-kumpens f'każ ta' ttardjar għall-vjaġġi kollha fi ħdan l-UE. Fir-rigward tal-għażliet sekondarji, il-proposta ma tbiddilx il-livelli ta' kumpens, iżda tintroduċi livell limitu itwal għall-kumpens għad-dewmien fi vjaġġi barra mill-UE ta' aktar minn 3 500 km, minħabba l-problemi speċifiċi mġarrba minn vjaġġi fuq distanzi twal biex jiġi indirizzat x'qed jikkawża d-dewmien 'il bogħod mill-bażi tas-servizz tat-trasportatur tal-ajru (disa' (9) sigħat għal vjaġġi barra mill-UE bejn 3 500 u 6 000 km u 12-il siegħa għal vjaġġi barra mill-UE ta' 6 000 km u iktar).

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

3.1.        Bażi legali

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 100(2) tat-TFUE.

3.2.        Sussidjarjetà u proporzjonalità

L-ewwel nett, hemm ambitu limitat għall-Istati Membri biex jaġixxu waħedhom ħalli jipproteġu lill-konsumaturi, peress li r-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru (KE) Nru 1008/2008[10] ma jippermettix li l-Istati Membri jdaħħlu rekwiżiti addizzjonali fuq it-trasportaturi tal-ajru li joperaw servizzi fl-UE.

It-tieni nett, il-maġġoranza tal-problemi bid-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru jirreferu għal diverġenzi fl-applikazzjoni/infurzar tar-Regolamenti (KE) Nru 261/2004 u (KE) Nru 2027/97 bejn l-Istati Membri, u dan iwassal għal dgħufija tad-drittijiet tal-passiġġieri u jaffettwa l-kundizzjonijiet indaqs bejn l-operaturi tal-ajru. Dawn il-problemi jistgħu jiġu indirizzati biss permezz ta' intervent koordinat tal-UE.

Barra minn hekk, il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Kull spiża żejda għall-operaturi ekonomiċi u għall-awtoritajiet nazzjonali hija limitata għal dik meħtieġa biex jittejbu l-applikazzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri. Iż-żieda fl-ispejjeż relatati mal-provvista ta' indukrar u assistenza jew għall-kumpens fil-każ ta' dewmien twil hija kkumpensata bil-livelli limitu tal-ħin li jwasslu għad-dritt għal kumpens.

3.3.        Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta

3.3.1. L-iżgurar ta' infurzar effettiv u konsistenti tad-drittijiet tal-passiġġieri

Il-proposta għandha l-għan li ttejjeb l-infurzar billi tiċċara l-prinċipji ewlenin u d-drittijiet impliċiti tal-passiġġieri li fl-imgħoddi wasslu għal ħafna tilwim bejn it-trasportaturi tal-ajru u l-passiġġieri; u billi ttejjeb u tikkordina aħjar il-politiki ta' infurzar immexxija fuq livell nazzjonali.

3.3.1.1. Kjarifika tal-prinċipji ewlenin

· Definizzjoni ta' "ċirkostanzi straordinarji": il-proposta tiddefinixxi biċ-ċar it-termini b'konformità mad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea fil-kawża C-549/07 (Wallentin-Herman), jiġifieri ċirkostanzi li, minħabba s-sura jew l-oriġini tagħhom, mhumiex inerenti fl-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u mhumiex fil-kontroll proprju tiegħu. Barra minn hekk, għal aktar ċertezza legali, il-proposta tintroduċi lista mhux eżawrjenti ta' ċirkostanzi li għandhom jitqiesu bħala straordinarji u ta' ċirkostanzi li għandhom jitqiesu bħala mhux straordinarji (l-Artikolu 1(1e) tal-proposta – l-Artikolu 2(m) tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004 – u l-Anness 1).

· Dritt għal kumpens fil-każ ta' dewmien twil: il-proposta tintroduċi b'mod espliċitu d-dritt għal kumpens fil-każ ta' dewmien twil – kif imħabbar mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi konġunti C-407/07 u C-432/07 (Sturgeon) – fit-test tar-Regolament (KE) Nru 261/2004. Madankollu, biex tiġi evitata żieda fil-kanċellazzjonijiet (li normalment huma aktar inkonvenjenti għall-passiġġieri), huwa propost li l-livell limitu tal-ħin li warajh japplika d-dritt għal kumpens jiżdied minn tlieta għal ħames sigħat għall-vjaġġi kollha fl-UE. Filwaqt li huwa propost livell limitu wieħed għall-UE, għal vjaġġi lejn/minn pajjiżi terzi, il-livell limitu se jkun jiddependi fuq id-distanza tal-vjaġġ sabiex jitqiesu l-problemi prattiċi li t-trasportaturi tal-ajru jiltaqgħu magħhom meta jkun qed jindirizzaw x'jikkawża dewmien f'ajruporti remoti (ara iktar 'l isfel; il-paragrafu 3.3.2) (l-Artikolu 1(5) tal-proposta – l-Artikolu 6(2) tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004).

· Dritt għal riprogrammar tar-rotta: il-proposta tiċċara li, jekk it-trasportatur tal-ajru ma jkun jista' jirriprogramma r-rotta tal-passiġġier fuq is-servizzi tiegħu stess fi żmien 12-il siegħa, dan għandu jikkunsidra trasportaturi oħrajn jew tipi oħrajn ta' trasport, soġġetti għad-disponibbiltà tas-sedili (l-Artikolu 1(8) tal-proposta – l-Artikolu 8(5) tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004).

· Dritt ta' indukrar: fejn bħalissa l-livell limitu tal-ħin għal indukrar jiddependi fuq id-distanza tat-titjira (sagħtejn, tlieta (3) jew erba' (4) sigħat), il-proposta tħeffef dan billi tintroduċi livell limitu ta' ħin uniku ta' sagħtejn għat-titjiriet tad-distanzi kollha (l-Artikolu 1(5) tal-proposta – l-Artikolu 6(1)(i) tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004).

· Titjira konnessa mitlufa: il-proposta tikkonferma li l-passiġġieri li jitilfu titjira konnessa minħabba li tkun ittardjat it-titjira preċedenti tagħhom għandhom id-dritt ta' indukrar (li jrid jingħata mit-trasportatur tal-ajru tat-titjira mitlufa li jkun fl-aħjar pożizzjoni biex jipprovdi dan l-indukrar) u, f'ċertu ċirkostanzi, dritt għal kumpens (li jrid jingħata mit-trasportatur operattiv tal-ajru tat-titjira li tkun ittardjat għax din kienet il-bidu tad-dewmien kollu). Madankollu, dritt bħal dan japplika biss meta t-titjiriet konnessi jkunu parti minn kuntratt uniku ta' trasport bħal fil-każ li t-trasportaturi tal-ajru konċernati kkommettew ruħhom għall-konnessjoni maħsub bejn it-titjiriet u jkunu jafu b'dan. It-trasportaturi tal-ajru għandhom id-dritt li jaqblu kif se jaqsmu l-ispejjeż bejniethom (l-Artikolu 1(6) tal-proposta – l-Artikolu 6a tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004).

· Skedar rivedut: il-proposta tikkonferma li l-passiġġieri ta' titjiriet bi skedar rivedut li jingħataw avviż inqas minn ġimagħtejn qabel il-ħin oriġinali skedat, għandhom drittijiet simili għal passiġġieri mdewma (l-Artikolu 1(5) tal-proposta – l-Artikolu 6 tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004).

· Dewmien fuq it-tarmak: il-proposta tistabbilixxi b'mod ċar id-drittijiet tal-passiġġieri meta l-ajruplan tagħhom jittardja fuq it-tarmak, b'mod partikolari dritt għal żbark wara ħames sigħat (b'konformità mad-dritt għal rimborż) (l-Artikolu 1(5) tal-proposta – l-Artikolu 6(5) tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004).

· Projbizzjoni parzjali tal-politika dwar passiġġier li ma jfeġġx: il-proposta tikkonferma li l-passiġġieri ma jistgħux jiġu miċħuda l-imbark fuq vjaġġ ta' ritorn tal-istess biljett minħabba li ma jkunux ġew għall-ewwel vjaġġ. Madankollu, tali projbizzjoni ma taffettwax id-dritt tat-trasportaturi tal-ajru li jimponu regoli partikolari fir-rigward tal-użu sekwenzjali tat-titjiriet fl-istess vjaġġ. Il-Kummissjoni ddeċidiet kontra projbizzjoni sħiħa tal-politika dwar passiġġier li ma jfeġġx għax dan jaffettwa ħażin it-trasportaturi tal-ajru li jixtiequ joffru titjiriet indiretti għal prezzijiet aktar baxxi mit-titjiriet diretti u għalhekk ifixkel il-kompetizzjoni (l-Artikolu 1(3(b)) tal-proposta – l-Artikolu 4(4) tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004).

· Dritt għal informazzjoni: il-passiġġieri għandu jkollhom dritt għal informazzjoni dwar l-interruzzjoni ta' titjira malli l-informazzjoni tkun disponibbli (l-Artikolu 1(13) tal-proposta – l-Artikolu 14 tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004).

3.3.1.2. L-iżgurar ta' sanzjonar effettiv u konsistenti

Il-proposta tiċċara r-rwol tal-Korpi Nazzjonali għall-Infurzar (NEBs) billi talloka biċ-ċar ir-rwol tal-infurzar ġenerali lill-NEB filwaqt li l-ġestjoni barra mill-qorti tal-ilment individwali se tkun ir-rwol tal-korpi tal-ġestjoni tal-ilmenti li jistgħu jsiru Korpi ta' Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADR) skont id-Direttiva ADR[11]. Iż-żewġ tipi ta' korpi se jikkoperaw mill-qrib (l-Artikolu 1(15) tal-proposta – l-Artikoli 16 u 16a tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004).

L-NEB se jadottaw politika ta' monitoraġġ aktar proattiva mil-lum u r-rwol tagħhom se jiġi estiż għall-monitoraġġ tal-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-bagalji tar-Regolament (KE) Nru 2027/97 (u tal-Konvenzjoni ta' Montreal) (l-Artikolu 2(4) tal-proposta – l-Artikolu 6b tar-Regolament emendat (KE) Nru 2027/97).

L-iskambju tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-NEBs, u bejn l-NEBs u l-Kummissjoni se jittejbu bl-obbligi ta' rapportar u l-proċeduri formali ta' koordinazzjoni (l-Artikolu 1(15) tal-proposta – l-Artikolu 16b tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004).

3.3.1.3. L-iżgurar ta' ġestjoni effettiva tal-pretensjonijiet u l-ilmenti individwali

Skont il-proposta, it-trasportaturi tal-ajru għandhom jgħarrfu lill-passiġġieri, waqt li jkunu qed jibbukkjaw, dwar il-proċeduri tagħhom għall-ġestjoni tal-pretensjonijiet u l-ilmenti, jipprovdu mezzi elettroniċi għas-sottomissjoni tal-ilmenti u jagħtu informazzjoni dwar il-korpi kompetenti għall-ġestjoni tal-ilmenti. It-trasportaturi tal-ajru se jkunu meħtieġa jwieġbu fi żmien xahrejn lill-passiġġieri (l-Artikolu 1(15) tal-proposta – l-Artikolu 16a tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004).

3.3.2. Kunsiderazzjoni aħjar tal-kapaċitajiet finanzjarji tat-trasportaturi tal-ajru

Numru limitat ta' miżuri għandhom l-għan li jnaqqsu l-aspetti bl-akbar spejjeż tar-Regolament (KE) Nru 261/2004:

· Id-dritt għal kumpens fil-każ ta' dewmien se jkun japplika wara ħames sigħat għall-vjaġġi kollha fl-UE. Għall-vjaġġi lejn/minn pajjiżi terzi, sabiex jitqiesu l-problemi partikolari li t-trasportaturi tal-ajru jiltaqgħu magħhom biex jindirizzaw x'jikkawża dewmien f'ajruporti remoti, dawn il-livelli limitu se jkunu jiddependu fuq id-distanza tal-vjaġġ; ħames (5) sigħat għal vjaġġi barra mill-UE ta' 3 500 km jew inqas, disa' (9) sigħat għal vjaġġi barra mill-UE bejn 3 500 u 6 000 km, u 12-il siegħa għal vjaġġi barra mill-UE ta' 6 000 km jew aktar (l-Artikolu 1(5) tal-proposta – l-Artikolu 6(2) tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004).

· Fil-każ ta' dewmien u kanċellazzjonijiet minħabba ċirkostanzi straordinarji, it-trasportatur tal-ajru jista' jillimita d-dritt għal akkomodazzjoni għal tlett (3) iljieli b'massimu ta' EUR 100 għal kull lejl u passiġġier (l-Artikolu 1(9) tal-proposta – l-Artikolu 9(4) tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004). Madankollu, l-impatt fuq il-passiġġieri huwa mmitigat permezz ta' żewġ miżuri addizzjonali: l-ewwel, ir-riprogrammar aktar rapidu tar-rotta għandu jnaqqas ir-riskju li l-passiġġieri jibqgħu l-art għal perjodu tant twil (ara hawn fuq); it-tieni, l-ajruporti, it-trasportaturi tal-ajru u atturi oħra fil-katina tat-trasport tal-ajru se jkunu meħtieġa jistabbilixxu pjanijiet ta' kontinġenza sabiex itejbu l-indukrar u l-assistenza lill-passiġġieri li jibqgħu l-art (l-Artikolu 1(4) tal-proposta – l-Artikolu 5(5) tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004). Barra minn hekk, il-limitazzjoni fil-provvista ta' akkomodazzjoni ma tapplikax għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa (PMM), dawk il-persuni li qed jakkumpanjawhom, nisa tqal, persuni fi bżonn ta' assistenza medika speċifika u tfal mhux akkumpanjati – sakemm dawn ikunu nnotifikaw minn qabel lit-trasportatur tal-ajru tal-anqas 48 siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat (l-Artikolu 1(11) tal-proposta – l-Artikoli 11(3) u 11(4) tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004).

· Minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-operazzjonijiet (reġjonali) fuq skala żgħira, it-trasportaturi tal-ajru mhumiex obbligati jipprovdu akkomodazzjoni lil passiġġieri ta' titjiriet ta' inqas minn 250 km fuq ajruplan b'kapaċità massima ta' 80 post (ħlief għal titjiriet konnessi). Mill-ġdid, din id-deroga ma tapplikax għal PMM, persuni li jakkumpanjawhom, nisa tqal, persuni bi bżonn ta' assistenza medika speċifika u tfal mhux akkumpanjati (l-Artikoli 1(9) u 1(11) tal-proposta – l-Artikoli 9(5), 11(3) u 11(4) tar-Regolament emendat Nru 261/2004).

· Il-proposta tispeċifika li l-liġi nazzjonali ma tistax tillimita d-dritt li t-trasportaturi tal-ajru jfittxu kumpens minn partijiet terzi responsabbli għad-dewmien jew għall-kanċellazzjonijiet (l-Artikolu 1(12) tal-proposta – l-Artikolu 13 tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004).

3.3.3. L-iżgurar ta' infurzar aħjar tad-drittijiet tal-passiġġieri fir-rigward tal-ġestjoni ħażina tal-bagalji

B'kunsiderazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltajiet u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (l-Artikoli 21 u 26), passiġġieri b'mobbiltà mnaqqsa għandu jkollhom l-istess dritt tal-moviment liberu, tal-għażla libera u tan-nondiskriminazzjoni bħal ċittadini oħra.

Ir-responsabbiltà tat-trasportaturi tal-ajru dwar tagħmir tal-mobbiltà se tiżdied sal-valur proprju tat-tagħmir. B'konformità mal-Konvenzjoni ta' Montreal, dan jinkiseb billi t-trasportaturi tal-ajru jiġu obbligati joffru awtomatikament l-għażla li ssir dikjarazzjoni ta' interess speċjali stabbilita fil-Konvenzjoni, mingħajr ħlas (l-Artikolu 2(4) tal-proposta – l-Artikolu 6a tar-Regolament emendat (KE) Nru 2027/97).

Il-proposta ssaħħaħ it-trasparenza fejn tidħol il-kwota tal-bagalji. Din teżiġi b'mod espliċitu li t-trasportaturi tal-arju jeħtiġilhom juru biċ-ċar il-kwoti tal-bagalji tal-kabina u tal-bagalji tal-idejn waqt il-buking u fl-ajruport (l-Artikolu 2(4) tal-proposta – l-Artikolu 6d tar-Regolament emendat (KE) Nru 2027/97).

Il-proposta tinkludi miżuri dwar strumenti mużikali. Din tobbliga lit-trasportaturi tal-ajru jaċċettaw strumenti żgħar ġewwa l-kabina tal-passiġġieri, soġġett għal ċertu kundizzjonijiet, u li jiċċaraw ir-regoli tagħhom dwar il-ġarr ta' strumenti akbar fil-kompartiment tal-merkanzija (l-Artikolu 2(4) tal-proposta – l-Artikolu 6e tar-Regolament emendat (KE) Nru 2027/97).

B'kunsiderazzjoni tal-limiti stretti taz-żmien tal-Konvenzjoni ta' Montreal li fihom il-passiġġieri jistgħu jissottomettu pretensjonijiet għall-ġestjoni ħażina tal-bagalji lit-trasportaturi tal-ajru, qed jiġi propost li t-trasportaturi tal-ajru joħorġu formola għall-pretensjonijiet fl-ajruport fejn il-passiġġieri jistgħu jilmentaw dwar dewmien, ħsara jew telf ta' bagalji (bħar-Rapport dwar Irregolarità fil-Proprjetà jew il-PIR) u mbagħad jaċċettaw din bħala pretensjoni għall-fini tar-Regolament (KE) Nru 2027/97 u l-Konvenzjoni ta' Montreal (l-Artikolu 2(1) tal-proposta – l-Artikolu 3(2) tar-Regolament emendat (KE) Nru 2027/97).

Skont din il-proposta, il-Korpi Nazzjonali għall-Infurzar maħtura skont ir-Regolament Nru 261/2004 se jkunu responsabbli wkoll għall-infurzar tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2027/97 relatati mad-drittijiet tal-passiġġieri rigward dewmien, telf jew ħsara ta' bagali (l-Artikolu 2(4) tal-proposta – l-Artikolu 6b tar-Regolament emendat (KE) Nru 2027/97).

3.3.4. Adattament tal-limiti ta' responsabbiltà skont l-inflazzjoni tal-prezzijiet ġenerali

Ir-Regolament (KE) Nru 2027/97, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002, jintroduċi l-Konvenzjoni ta' Montreal fil-liġi tal-UE u jestendi l-kamp ta' applikazzjoni tagħha għal titjiriet domestiċi (flimkien mat-titjiriet internazzjonali). Il-Konvenzjoni tistabbilixxi limiti ta' responsabbiltà rigward il-ġarr ta' passiġġieri, bagalji u merkanzija, li żdiedu bi 13,1% b'effett mit-30 ta' Diċembru 2009. Din il-proposta taġġorna l-limiti fir-Regolament tal-UE biex jitqiesu l-ammonti riveduti fil-Konvenzjoni (l-Artikoli 2(2) u 2(3) u l-Anness 2 tal-proposta – l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-anness tar-Regolament emendat Nru 2027/97).

4.           Implikazzjoni tal-baġit

Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-UE.

2013/0072 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbilità ta' trasportaturi bl-ajru, fejn jidħol it-trasport bl-ajru tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mingħad il-Kummissjoni Ewropea,

Wara li ttrażmettew l-abbozz ta' att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[12],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[13],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91[14], u r-Regolament (KE) Nru 2027/97 tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 1997 dwar ir-responsabbiltà ta' trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta' inċidenti[15] kkontribwixxew b'mod sinifikanti għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru meta l-pjanijiet tal-ivvjaġġar tagħhom jiġu interrotti minħabba imbark miċħud, dewmien twil ta' titjiriet, kanċellazzjoni jew ġestjoni ħażina tal-bagalji.

(2)       Madankollu, għadd ta' nuqqasijiet li ħarġu waqt l-implimentazzjoni tad-drittijiet skont ir-Regolamenti xekklu l-potenzjal sħiħ tagħhom fejn tidħol il-protezzjoni tal-passiġġieri. Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni aktar effettiva, effiċjenti u konsistenti tad-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru madwar l-Unjoni, hemm bżonn serje ta' aġġustamenti fil-qafas legali attwali. Dan saħqu r-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2010 tal-Kummissjoni: Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE[16] li ħabbar miżuri biex ikun żgurat sett ta' drittijiet komuni notevolment għall-passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru u l-infurzar xieraq ta' dawn id-drittijiet.

(3)       Sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali għat-trasportaturi tal-ajru u l-passiġġieri, hemm bżonn definizzjoni iktar preċiża tal-kunċett ta' "ċirkostanzi straordinarji", li tqis is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fil-kawża C-549/07 (Wallentin-Hermann). Definizzjoni bħal din tista' tiġi ċċarata iktar b'lista mhux eżawrjenti ta' ċirkostanzi li huma ddefiniti biċ-ċar bħala straordinarji jew le.

(4)       Fil-kawża C-173/07 (Emirates), il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ddeċidiet li l-kunċett ta' "titjira" fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004 għandha tiġi interpretata li tikkonsisti essenzjalment f'operazzjoni tat-trasport tal-ajru, bħala "unità" ta' dan it-trasport, li ssir minn trasportatur tal-ajru skont skeda stabbilita minnu. Sabiex tiġi evitata l-inċertezza, issa għandha tingħata definizzjoni aktar ċara ta' "titjira", kif ukoll għall-kunċetti assoċjati ta' "titjira konnessa" u "vjaġġ".

(5)       Fil-kawża C-22/11 (Finnair), il-Qorti Ewropea ddeċidiet li l-kunċett ta' "imbark miċħud" għandu jiġi interpretat bħala relatat mhux biss ma' każijiet ta' imbark miċħud minħabba bbukkjar żejjed, iżda anki ma' dawk ta' imbark miċħud għal raġunijiet oħra, bħal raġunijiet operattivi. Minħabba din il-konferma, ma hemm l-ebda raġuni biex tinbidel id-definizzjoni attwali ta' "imbark miċħud".

(6)       Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 japplika wkoll għal passiġġieri li jkunu bbukkjaw il-vjaġġ bl-ajru tagħhom bħala parti minn vjaġġ b'kollox inkluż. Madankollu, għandu jiġi ċċarat li l-passiġġieri ma jistgħux jakkumulaw drittijiet korrispondenti, b'mod partikolari kemm skont dan ir-Regolament kif ukoll skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta' Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż [17]. Il-passiġġieri għandhom ikunu jistgħu jagħżlu liema liġi jintroduċu fil-pretensjonijiet tagħhom, iżda ma għandux ikollhom id-dritt li jakkumulaw il-kumpens għall-istess problema skont iż-żewġ atti legali. Il-passiġġieri ma għandhomx ikunu kkonċernati dwar kif it-trasportaturi tal-ajru u l-operaturi tal-ġiti jallokkaw tali pretensjonijiet bejniethom.

(7)       Sabiex jitjieb il-livell ta' protezzjoni, il-passiġġieri ma għandux ikollhom l-imbark miċħud fuq il-vjaġġ tar-ritorn b'biljett bidirezzjonali (tar-ritorn) għax ma jkunux ħadu l-vjaġġ tal-bidu.

(8)       Bħalissa, il-passiġġieri kultant jiġu ppenalizzati għal żbalji ta' ortografija fl-ismijiet tagħhom permezz tal-applikazzjoni ta' tariffi amministrattivi punittivi. Korrezzjonijiet raġonevoli ta' żbalji fil-buking għandhom jingħataw mingħajr ħlas sakemm dawn ma jimplikawx bidla fil-ħinijiet, id-data, l-iskeda jew il-passiġġier.

(9)       Għandu jkun iċċarat li fil-każijiet ta' kanċellazzjoni, l-għażla bejn ir-riċevuta ta' rimborż, l-issoktar tal-vjaġġ permezz ta' riprogrammar tar-rotta jew l-ivvjaġġar f'data aktar tard hija d-deċiżjoni tal-passiġġier u mhux tat-trasportatur tal-ajru.

(10)     L-ajruporti u l-utenti tal-ajruporti bħat-trasportaturi tal-ajru u l-kumpaniji tal-groundhandling għandhom jikkoperaw biex inaqqsu l-impatt ta' interruzzjonijiet multippli tat-titjiriet fuq il-passiġġieri billi jiżguraw il-kura u r-riprogrammar tar-rotot tagħhom. Għal dan il-għan, għandhom jippreparaw pjanijiet ta' kontinġenza għal tali okkorrenzi u jaħdmu flimkien fl-iżvilupp ta' tali pjanijiet.

(11)     Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandu jinkludi espliċitament id-dritt għal kumpens għall-passiġġieri li jsoffru dewmien twil, b'konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fil-Kawżi Konġunta C-402/07 u C-432/07 (Sturgeon). Fl-istess ħin, il-livelli limitu li 'l fuq minnhom id-dewmien iwassal għal dritt għal kumpens għandhom jiżdiedu biex jieħdu f'kunsiderazzjoni l-impatt finanzjarju fuq is-settur u sabiex tiġi evitata kwalunkwe żieda fil-frekwenza tal-kanċellazzjonijiet bħala riżultat ta' dan. Biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini li jivvjaġġaw fi ħdan l-UE jiffaċċjaw kundizzjonijiet omoġeni għal kumpens, il-livell limitu għandu jkun l-istess għall-vjaġġi kollha fl-Unjoni, iżda għandu jkun jiddependi fuq id-distanza tal-vjaġġi għall-ivvjaġġar lejn u minn pajjiżi terzi sabiex jitqiesu d-diffikultajiet operazzjonali li jiltaqgħu magħhom it-trasportaturi tal-ajru biex jindirizzaw dewmien f'ajruporti remoti.

(12)     Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandu jikkonferma espliċitament li t-tibdil fl-iskedi tat-titjiriet għandu impatt simili fuq il-passiġġieri bħad-dewmien u għalhekk għandu jirriżulta fl-istess drittijiet.

(13)     Il-passiġġieri li jitilfu titjira konnessa għandhom jingħataw indukrar xieraq waqt li jistennew ir-riprogrammar tar-rotta. B'konformità mal-prinċipju tat-trattament ugwali, dawn il-passiġġieri għandhom ikunu jistgħu jitolbu kumpens fuq bażi simili għall-passiġġieri li t-titjiriet tagħhom jittardjaw jew jiġu kkanċellati fid-dawl tad-dewmien meta jilħqu d-destinazzjoni finali tal-vjaġġ tagħhom.

(14)     Sabiex titjieb il-protezzjoni tal-passiġġieri, għandu jiġi ċċarat li passiġġieri ttardjati jgawdu d-drittijiet għal kura u kumpens irrispettivament minn jekk dawn jistennewx fit-terminal tal-ajruport jew jekk ikunux diġà abbord l-ajruplan. Madankollu, minħabba li fil-każ tal-aħħar ma jkollhomx aċċess għas-servizzi disponibbli fit-terminal, id-drittijiet tagħhom għandhom jiġu rinforzati fir-rigward tal-ħtiġijiet bażiċi u fir-rigward tad-dritt għal żbark.

(15)     Fejn passiġġier ikun għażel ir-riprogrammar tar-rotta mal-ewwel possibbiltà, it-trasportatur tal-ajru ħafna drabi jagħmel ir-riprogrammar tar-rotta kundizzjonali għad-disponibbiltà ta' postijiet fuq is-servizzi tiegħu stess, u b'hekk iċaħħad lill-passiġġieri tiegħu d-dritt li jagħżlu riprogrammar tar-rotta aktar rapidu ma' servizzi alternattivi. Għandu jiġi stabbilit li wara li jkun għadda ċertu ħin, it-trasportatur għandu joffri riprogrammar tar-rotta fuq is-servizzi ta' trasportatur tal-ajru ieħor jew fuq tipi ta' trasport differenti fejn dan jista' jgħaġġel ir-riprogrammar tar-rotta. Riprogrammar tar-rotta alternattiv għandu jkun soġġett għad-disponibbiltà tal-postijiet.

(16)     It-trasportaturi tal-ajru bħalissa jiffaċċjaw responsabbiltà illimitata għall-akkomodazzjoni tal-passiġġieri tagħhom fil-każ ta' ċirkostanzi straordinarji ta' dewmien twil. Din l-inċertezza marbuta man-nuqqas ta' xi limitu prevedibbli taż-żmien tista' tipperikola l-istabbiltà finanzjarja tat-trasportatur tal-ajru. Għalhekk, it-trasportatur tal-ajru għandu jkun jista' jillimita l-provvista ta' indukrar wara ċertu perjodu taż-żmien. Barra minn hekk, l-ippjanar ta' kontinġenza u r-riprogrammar rapidu tar-rotot għandhom inaqqsu r-riskju li l-passiġġieri jibqgħu l-art għal perjodi twal.

(17)     L-implimentazzjoni ta' ċertu drittijiet tal-passiġġieri, b'mod partikolari d-dritt għal akkomodazzjoni, tidher li hija sproporzjonata għad-dħul tat-trasportaturi tal-ajru għal ċertu operazzjonijiet ta' daqs żgħir. Għalhekk titjiriet li jagħmlu ajruplani żgħar fuq distanzi qosra għandhom jiġu eżentati mill-obbligu ta' ħlas għall-akkomodazzjoni, għalkemm it-trasportatur tal-ajru xorta għandu jgħin lill-passiġġier isib akkomodazzjoni bħal din.

(18)     Għal persuni b'diżabbiltà, persuni b'mobbiltà mnaqqsa u persuni oħrajn bi bżonnijiet speċjali bħal tfal mhux akkumpanjati, nisa tqal u persuni bi bżonn ta' għajnuna medika speċifika, jista' jkun aktar diffiċli biex isirulho, arranġamenti għall-akkomodazzjoni meta jseħħu interruzzjonijiet tat-titjiriet. Għalhekk, kull limitazzjoni għad-dritt għal akkomodazzjoni fil-każijiet ta' ċirkostanzi straordinarji jew għal operazzjonijiet reġjonali ma għandhiex tapplika għal dawn il-kategoriji ta' passiġġieri.

(19)     Ir-raġunijiet għal-livell attwali ta' dewmien twil u titjiriet ikkanċellati fl-UE ma jistgħux jiġu attribwiti biss lit-trasportaturi tal-ajru. Sabiex ikunu inċentivati l-atturi kollha fil-katina tal-avjazzjoni ħalli jfittxu soluzzjonijiet effiċjenti u f'waqthom, biex tonqos kemm jista' jkun l-inkonvenjenza li d-dewmien twil u l-kanċellazzjonijiet joħolqu lill-passiġġieri, it-trasportaturi tal-ajru għandu jkollhom id-dritt li jfittxu rimedju minn xi parti terza li kkontribwixxiet għall-avveniment li wassal għall-kumpens jew obbligi oħra.

(20)     Il-passiġġieri mhux biss għandhom jiġu mgħarrfa sew dwar id-drittijiet tagħhom fil-każ ta' interruzzjoni tat-titjira, iżda għandhom jiġu mgħarrfa wkoll kif xieraq dwar xi kkawża l-interruzzjoni, malli l-informazzjoni ssir disponibbli. Din l-informazzjoni għandha tingħata wkoll meta l-passiġġier ikun xtara l-biljett mingħand intermedjarju stabbilit fl-Unjoni.

(21)     Sabiex ikun żgurat infurzar aħjar tad-drittijiet tal-passiġġieri, ir-rwol tal-Korpi Nazzjonali għall-Infurzar għandu jiġi ddefinit bi preċiżjoni ikbar u distint biċ-ċar mill-ġestjoni tal-ilmenti ta' passiġġieri individwali.

(22)     Il-passiġġieri għandhom jiġu mgħarrfa kif xieraq dwar il-proċeduri rilevanti biex jissottomettu pretensjonijiet u lmenti lit-trasportaturi tal-ajru u għandhom jirċievu tweġiba fi żmien raġonevoli. Il-passiġġieri għandu jkollhom ukoll l-għażla li jilmentaw fuq it-trasportaturi tal-ajru permezz ta' miżuri barra mill-qorti. Madankollu, peress li d-dritt għal rimedju effettiv quddiem tribunal huwa dritt fundamentali rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, dawk il-miżuri la għandhom jipprevjenu u lanqas ixekklu l-aċċess tal-passiġġieri għall-qrati.

(23)     Fil-kawża C-139/11 (Moré vs KLM), il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ċċarat li l-limiti taż-żmien biex jittieħdu azzjonijiet għal kumpens huma ddeterminati skont ir-regoli nazzjonali ta' kull Stat Membru.

(24)     Fluss regolari ta' informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-korpi għall-infurzar għandu jippermetti lill-Kummissjoni tissodisfa aħjar ir-rwol ta' monitoraġġ u koordinazzjoni tagħha fuq il-korpi nazzjonali u tappoġġahom.

(25)     Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat tal-implimentazzjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (KE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[18].

(26)     Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni ta' deċiżjonjiet implimentattivi rigward il-kontenut tar-rapporti tal-attività pprovduti mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.

(27)     Sabiex jiġi żgurat li ħsarat jew telf ta' tagħmir tal-mobbiltà jiġi kkumpensat sal-valur kollu tiegħu, it-trasportaturi tal-ajru għandhom joffru mingħajr ħlas lill-persuni b'mobbiltà mnaqqsa l-opportunità li jagħmlu dikjarazzjoni ta' interess speċjali, li skont il-Konvenzjoni ta' Montreal, tippermettihom ifittxu kumpens sħiħ għal telf jew ħsara.

(28)     Xi drabi l-passiġġieri jitfixklu dwar il-bagalja li jistgħu itellgħu fuq l-ajruplan, fejn jidħlu l-qisien, il-piż jew l-għadd ta' oġġetti. Sabiex ikun żgurat li l-passiġġieri jafu sew il-kwoti tal-bagalji inklużi fil-biljett tagħhom, kemm għall-bagalja tal-kabina kif ukoll għall-bagalja tal-idejn, it-trasportaturi tal-ajru għadhom juru biċ-ċar dawn il-kwoti waqt il-buking u fl-ajruport.

(29)     L-istrumenti mużikali għandhom safejn possibbli jiġu aċċettati bħala bagalji fil-kabina tal-passiġġieri u, fejn dan mhux possibbli, safejn possibbli għandhom jinġarru f'kundizzjonijiet xierqa fil-kompartiment tal-merkanzija tal-ajruplan. Ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 għandu jiġi emendat skont dan.

(30)     Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u konsistenti tad-drittijiet mogħtija lill-passiġġieri bir-Regolament (KE) Nru 2027/97, il-Korpi Nazzjonali għall-Infurzar maħtura skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandhom ukoll jimmonitorjaw u jinfurzaw id-drittijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 2027/97.

(31)     Minħabba l-iskadenzi qosra għas-sottomissjoni ta' lmenti għal telf, ħsara jew dewmien tal-bagalji, it-trasportaturi tal-ajru għandhom jagħtu l-passiġġieri l-possibbiltà li jissottomettu lment billi jipprovdu formola għall-ilmenti fl-ajruport. Din tista' tkun ukoll il-formola tar-Rapport dwar Irregolarità fil-Proprjetà (PIR) komuni.

(32)     L-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 2027/97[19] skada għaliex il-kwistjonijiet tal-assigurazzjoni issa huma kkontrollati bir-Regolament (KE) Nru 785/2004. Dan għalhekk għandu jitħassar.

(33)     Huwa meħtieġ li l-limiti monetarji espressi fir-Regolament (KE) Nru 2027/97 jiġu emendati sabiex jieħdu kont tal-iżviluppi ekonomiċi, kif rivedut mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) fl-2009 skont l-Artikolu 24(2) tal-Konvenzjoni ta' Montreal.

(34)     Sabiex tiġi żgurata l-korrispondenza kontinwa bejn ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 u l-Konvenzjoni ta' Montreal, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tingħata lill-Kummissjoni. Din is-setgħa se tippermetti lill-Kummissjoni temenda l-limiti monetarji espressi fir-Regolament (KE) Nru 2027/97 fil-każ li jiġu adattati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) skont l-Artikolu 24(2) tal-Konvenzjoni ta' Montreal.

(35)     Dan ir-Regolament għandu jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, notevolment il-protezzjoni tal-konsumatur, id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali, il-projbizzjoni ta' kull forma ta' diskriminazzjoni u l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabbiltà, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali

ADDOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Nru 261/2004 huwa emendat kif ġej:

1.           L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a) Id-definizzjoni fil-punt (c) tinbidel b'dan li ġej:

'"trasportatur tal-ajru tal-Komunità" tfisser trasportatur tal-ajru b'liċenzja operattiva valida mogħtija minn Stat Membru skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità[20].'

(b) Id-definizzjoni fil-punt (d) tinbidel b'dan li ġej:

'"Organizzatur" tfisser persuna fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta' Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż[21];

(c) Id-definizzjoni fil-punt (i) tinbidel b'dan li ġej:

'"persuna b'mobbiltà mnaqqsa" tfisser kwalunkwe persuna kif iddefinita fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru[22].'

(d) Is-sentenza li ġejja tiżdied mad-definizzjoni ta' "kanċellazzjoni" fil-punt (l):

'Titjira li fiha l-ajruplan ikun telaq iżda li, għal xi raġuni, wara kellu jinżel f'ajruport li ma jkunx l-ajruport ta' destinazzjoni jew imur lura lejn l-ajruport tat-tluq, għandha titqies bħala titjira kkanċellata.'

(e) Jiżdiedu d-definizzjonijiet li ġejjin:

'(m)   "ċirkostanzi straordinarji" tfisser ċirkostanzi li, minħabba s-sura jew il-bidu tagħhom, mhumiex inerenti fl-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u mhumiex fil-kontroll proprju tiegħu. Għall-fini ta' dan ir-Regolament, iċ-ċirkostanzi straordinarji għandhom jinkludu ċ-ċirkostanzi stabbiliti fl-Anness;

(n)     "titjira" tfisser operazzjoni tat-trasport tal-ajru bejn żewġ ajruporti; waqfiet intermedji għal skopijiet tekniċi u operazzjonali biss ma għandhomx jitqiesu;

(o)     "titjira konnessa" tfisser titjira li, skont kuntratt wieħed ta' trasport, hija maħsuba biex tippermetti l-passiġġier jasal f'punt tat-trasferiment sabiex jaqbad titjira oħra, jew, fejn xieraq skont il-kuntest, tfisser dik it-titjira l-oħra li titlaq mill-punt tat-trasferiment.

(p)     "vjaġġ" tfisser titjira jew serje kontinwa ta' titjiriet konnessi li jwasslu lill-passiġġier minn ajruport tat-tluq għad-destinazzjoni finali tiegħu skont il-kuntratt tat-trasport;

(q)     "ajruport" tfisser kull żona adattata speċifikament għall-inżul, it-tluq u l-immanuvrar ta' ajruplan, inklużi installazzjonijiet anċillari li dawn l-operazzjonijiet jistgħu jinvolvu għall-ħtiġijiet tat-traffiku u tas-servizzi tal-ajruplani, inklużi l-installazzjonijiet meħtieġa biex jassistu s-servizzi tal-ajru kummerċjali;

(r)      "korp tal-ġestjoni tal-ajruport" tfisser korp li, flimkien ma' attivitajiet oħra jew mingħajr, skont kif ikun il-każ, għandu bħala għan skont il-liġijiet, ir-regolamenti jew il-kuntratti nazzjonali l-amministrazzjoni u l-ġestjoni tal-infrastrutturi tal-ajruport jew netwerk ta' ajruporti u l-koordinazzjoni u l-kontroll tal-attivitajiet tal-operaturi differenti li jinsabu fl-ajruport jew in-netwerk ta' ajruporti konċernati;

(s)     "prezz tal-biljett" tfisser il-prezz sħiħ imħallas għal biljett inkluż in-noll tal-ajru, u t-taxxi, l-imposti, l-imposti miżjuda u t-tariffi mħallsa għas-servizzi kollha mhux obbligatorji u obbligatorji inklużi fil-biljett;

(t)      "prezz tat-titjira" tfisser il-valur miksub bil-multiplikazzjoni tal-prezz tal-biljett skont il-proporzjon bejn id-distanza tat-titjira u d-distanza totali tal-vjaġġ(i) kopert(i) bil-biljett;

(u)     "ħin tat-tluq" tfisser il-ħin meta l-ajruplan jitlaq il-post tat-tluq, imbuttat lura jew waħdu (il-ħin off-block);

(v)     "ħin tal-wasla" tfisser il-ħin meta l-ajruplan jilħaq l-istend tal-wasla u l-brejkijiet tal-ipparkjar ikunu attivati (ħin in-block);

(w)    "dewmien fuq it-tarmak" tfisser, fit-tluq, il-ħin li l-ajruplan jibqa' fuq l-art bejn il-bidu tal-imbark tal-passiġġieri u l-ħin tat-tluq tal-ajruplan jew, fil-wasla, il-ħin bejn meta l-ajruplan ikun l-art u l-bidu tal-iżbark tal-passiġġieri;

(x)     "lejl" tfisser il-perjodu bejn nofsillejl u s-sita (6) ta' filgħodu,

(y)     "tifel/tifla mhux akkumpanjata" tfisser tfal li jivvjaġġaw mingħajr ġenitur jew gwardjan li jakkumpanjawhom u meta t-trasportatur tal-ajru jkun aċċetta r-responsabbiltà għall-indukrar skont ir-regoli pubblikati tiegħu.'

2.           L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

'Il-paragrafu 1 għandu japplika bil-kundizzjoni li l-passiġġieri:

(a) ikollhom ibbukkjar ikkonfermat fuq it-titjira kkonċernata u, minbarra fil-każ tal-kanċellazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 u fil-każ ta' bidla fl-iskeda msemmija fl-Artikolu 6, jippreżentaw ruħhom għall-imbark,

- kif stipulat u fil-ħin indikat minn qabel u bil-miktub (anki b'mezzi elettroniċi) mit-trasportatur tal-ajru, l-organizzatur jew aġent tal-ivvjaġġar awtorizzat,

jew, jekk ma hemmx ħin indikat,

- mhux aktar tard minn 45 minuta qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

(b) ikun trasferixxihom trasportatur tal-ajru jew organizzatur mit-titjira bbukkjata għal titjira oħra, tkun xi tkun ir-raġuni.'

(b) Il-paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

'4. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 8(6), dan ir-Regolament għandu japplika biss għal passiġġieri ttrasportati b'ajruplani bil-ġwienaħ fissi bil-magni. Madankollu, fejn parti mill-vjaġġ titwettaq, skont kuntratt ta' trasport, minn tip ieħor ta' trasport jew bil-ħelikopter, dan ir-Regolament għandu japplika għall-vjaġġ kollu u l-parti tal-vjaġġ imwettqa minn tip ieħor ta' trasport għandha titqies bħala titjira konnessa għall-fini ta' dan ir-Regolament.'

(c) Il-paragrafu 6 jinbidel b'dan li ġej:

'6. Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal passiġġieri trasportati skont kuntratti ta' vjaġġ b'kollox inkluż iżda ma għandux jaffettwa d-drittijiet tal-passiġġieri skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE. Il-passiġġier għandu jkun intitolat li jippreżenta pretensjonijiet skont dan ir-Regolament u skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE, iżda ma jistax fir-rigward tal-istess fatti jiġma' d-drittijiet miż-żewġ atti legali jekk id-drittijiet jissalvagwardjaw l-istess interess jew għandhom l-istess għan. Dan ir-Regolament ma għandux japplika fil-każijiet fejn ġita b'kollox inkluż tiġi kkanċellata jew ittardjata għal raġunijiet li mhumiex kanċellazzjoni jew ittardjar tat-titjira.'

3.           L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

'3. Jekk l-imbark jiġi miċħud lill-passiġġieri kontra r-rieda tagħhom, it-trasportatur tal-ajru li qed jopera għandu jikkkumpensahom immedjatament skont l-Artikolu 7 u jagħtihom assistenza skont l-Artikolu 8. Meta l-passiġġier jagħżel ir-riprogrammar tar-rotta mal-ewwel opportunità skont l-Artikolu 8(1)(b) u meta l-ħin tat-tluq ikun tal-inqas sagħtejn wara l-ħin tat-tluq inizjali, it-trasportatur tal-ajru li qed jopera għandu jassisti lill-passiġġier skont l-Artikolu 9.'

(b) Jiżdiedu ż-żewġ paragrafi li ġejjin:

'4. Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw ukoll għall-biljetti ta' ritorn fejn il-passiġġier jiġi miċħud l-imbark fil-vjaġġ ta' ritorn minħabba li ma jkunx ħa l-vjaġġ tal-bidu jew ma jkunx ħallas imposta addizzjonali għal dan l-iskop.

5. Meta l-passiġġier, jew intermedjarju li jaġixxi f'isem il-passiġġier, jirrapporta żball ortografiku fl-isem ta' passiġġier wieħed jew iżjed minn wieħed inklużi fl-istess kuntratt ta' trasport li jista' jwassal għal ċaħda tal-imbark, it-trasportatur tal-ajru għandu jikkorreġi dan tal-anqas sa 48 siegħa qabel it-tluq mingħajr ebda imposta għall-passiġġier jew l-intermedjarju, minbarra fejn ma jistax jagħmel dan minħabba l-liġi nazzjonali jew internazzjonali.'

4.           L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 1, il-punti (a) u (b) jinbidlu b'dan li ġej:

'(a) it-trasportatur operattiv tal-ajru joffrilhom l-għażla bejn rimborż, kontinwazzjoni tal-vjaġġ tagħhom permezz ta' riprogrammar tar-rotta jew vjaġġ f'data aktar tard, skont l-Artikolu 8; u

'(b) jkunu offruti mit-trasportatur operattiv tal-ajru fil-każ ta' riprogrammar tar-rotta meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni tat-titjira jkun tal-anqas sagħtejn wara t-tluq ippjanat tat-titjira kanċellata, il-kura speċifikata fl-Artikolu 9 u'

(b) Il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

'3. Trasportatur operattiv tal-ajru ma għandux ikun obbligat iħallas kumpens skont l-Artikolu 7 jekk jista' juri li l-kanċellazzjoni hija kkawżata minn ċirkostanzi straordinarji u li l-kanċellazzjoni ma setgħetx tiġi evitata anki kieku ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli. Tali ċirkostanzi straordinarji jistgħu jiġu invokati biss safejn jaffettwaw it-titjira konċernata jew it-titjira preċedenti operata mill-istess ajruplan.'

(c) Jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

'5. Fl-ajruporti li t-traffiku annwali tagħhom ma kienx inqas minn tliet miljun passiġġier għal tal-inqas tliet snin konsekuttivi, il-korp ta' ġestjoni tal-ajruport għandu jiżgura li l-operazzjonijiet tal-ajruport u tal-utenti tal-ajruport, b'mod partikolari tat-trasportaturi tal-ajru u l-fornituri tas-servizzi ta' groundhandling, ikunu koordinati bi pjan ta' kontinġenza xieraq minħabba sitwazzjonijiet ta' kanċellazzjonijiet multippli u/jew dewmien tat-titjiriet li jwasslu biex numru konsiderevoli ta' passiġġieri jeħlu fl-ajruport, inkluż fil-każijiet ta' insolvenza jew revoka tal-liċenzja operattiva tat-trasportatur tal-ajru. Il-pjan ta' kontinġenza għandu jitwaqqaf biex jiżgura li lill-passiġġieri jingħatawlhom l-informazzjoni u l-assistenza xierqa. Il-korp ta' ġestjoni tal-ajruport għandu jikkomunika l-pjan ta' kontinġenza u kull emenda fih lill-Korp Nazzjonali għall-Infurzar maħtur skont l-Artikolu 16. Fl-ajruporti 'l isfel mil-livell limitu msemmi hawn fuq, il-korp ta' ġestjoni tal-ajruport għandu jagħmlu l-isforzi raġonevoli kollha biex jikkoordina l-utenti tal-ajruport u biex jgħin u jinforma lil passiġġieri li baqgħu l-art f'dawn is-sitwazzjonijiet.

5.           L-Artikolu 6 għandu jinbidel b'dan li ġej:

'Artikolu 6

Dewmien fit-tul

1.       Meta trasportatur operattiv tal-ajru jassumi raġonevolment li titjira se tiddewwem, jew trasportatur operattiv tal-ajru jipposponi l-ħin tat-tluq skedat, lil hinn mill-ħin tat-tluq oriġinarjament skedat għaliha, it-trasportatur operattiv tal-ajru għandu joffri għall-passiġġieri:

(i)       meta d-dewmien ikun ta' mill-inqas sagħtejn, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(a) u 9(2);

(ii)      meta d-dewmien ikun ta' mill-inqas ħames sigħat u jinkludi lejl wieħed jew iżjed minn wieħed, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(c); u

(iii)     meta d-dewmien ikun ta' mill-inqas ħames sigħat, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 8(1)(a).

2.       Il-passiġġieri għandu jkollhom dritt għal kumpens mit-trasportatur operattiv tal-ajru skont l-Artikolu 7 meta l-passiġġier jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu:

(a) ħames sigħat jew iżjed wara l-ħin tal-wasla skedat għall-vjaġġi kollha fi ħdan il-Komunità u għal vjaġġi lejn/minn pajjiżi terzi ta' 3 500 km jew inqas;

(b) disa' sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla skedat għall-vjaġġi lejn/minn pajjiżi terzi bejn 3 500 u 6 000 km;

(c) tnax-il siegħa jew iktar wara l-ħin tal-wasla skedat għall-vjaġġi lejn/minn pajjiżi terzi ta' 6 000 km jew iktar.

3.       Il-paragrafu 2 għandu japplika wkoll meta t-trasportatur operattiv tal-ajru jkun immodifika l-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla skedati u jikkawża dewmien meta mqabbel mal-ħin tal-wasla tal-iskeda oriġinali, sakemm il-passiġġier ma jkunx ġie mgħarraf bil-bidla fl-iskeda iktar minn ħmistax-il ġurnata qabel il-ħin tat-tluq oriġinarjament skedat.

4.       Trasportatur operattiv tal-ajru ma għandux ikun obbligat iħallas kumpens skont l-Artikolu 7, jekk jista' juri li d-dewmien jew il-bidla fl-iskeda huma kkawżati minn ċirkostanzi straordinarji u li d-dewmien jew il-bidla fl-iskeda ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli. Ċirkostanzi straordinarji bħal dawn jistgħu jiġu invokati biss safejn jaffettwaw it-titjira kkonċernata jew it-titjira preċedenti operata mill-istess ajruplan.

5.       Soġġett għar-restrizzjonjiet tas-sigurtà, fejn dewmien fuq it-tarmak jaqbeż is-siegħa, it-trasportatur operattiv tal-ajru għandu jipprovdi aċċess mingħajr ħlas għall-faċilitajiet tal-kamra tal-banju u l-ilma tax-xorb, għandu jiżgura tisħin jew tkessiħ xieraq tal-kabina tal-passiġġieri, u għandu jiżgura li jkun hemm disponibbli l-attenzjoni medika xierqa jekk meħtieġa. Meta d-dewmien fuq it-tarmak jilħaq massimu ta' ħames sigħat, l-ajruplan għandu jirritorna għall-bieb tat-tluq jew punt ta' żbark ieħor xieraq fejn il-passiġġieri jitħallew jinżlu u jibbenefikaw mill-istess assistenza speċifikata fil-paragrafu 1, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet relatati mas-sigurtà jew mas-sikurezza għalfejn l-ajruplan ma jistax jitlaq mill-pożizzjoni tiegħu fuq it-tarmak.'

6.           Jiżdied l-Artikolu li ġej:

'Artikolu 6a

Titjira konnessa mitlufa

1.       Meta passiġġier jitlef titjira konnessa bħala riżultat ta' dewmien jew bidla fl-iskeda ta' titjira preċedenti, it-trasportatur tal-ajru Komunitarju li jkun qed jagħmel it-titjira konnessa suċċessiva għandu joffri lill-passiġġier:

(i) l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(a) u 9(2) jekk il-ħin ta' stennija tal-passiġġier għall-konnessjoni jittawwal mill-inqas b'sagħtejn; u

(ii) riprogrammar tar-rotta kif speċifikat fl-Artikolu 8(1)(b); u

(iii) meta l-ħin tat-tluq skedat tat-titjira alternattiva jew tat-trasport l-ieħor offrut skont l-Artikolu 8 huwa mill-inqas 5 sigħat wara l-ħin tat-tluq skedat tat-titjira mitlufa u d-dewmien jinkludi lejl wieħed jew iżjed minn wieħed, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(c).

2.       Meta passiġġier jitlef titjira konnessa bħala riżultat ta' dewmien tat-titjira konnessa preċedenti, il-passiġġier għandu jkollu d-dritt għal kumpens mit-trasportatur tal-ajru Komunitarju li jkun qed jagħmel din it-titjira preċedenti skont l-Artikolu 6(2). Għal dawn il-fini, id-dewmien għandu jkun ikkalkulat b'referenza għall-ħin tal-wasla skedat fid-destinazzjoni finali.

3. Il-paragrafu 2 għandu jkun mingħajr ħsara għal kwalunkwe arranġamenti ta' indennizz bejn it-trasportaturi tal-ajru affettwati.

4. Il-paragrafi 1 u 2 japplikaw ukoll għal trasportaturi tal-ajru ta' pajjiżi terzi li jkunu qed jagħmlu titjira konnessa minn jew lejn ajruport tal-UE.'

7.           L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a) Fil-paragrafu 1, il-kelma "titjiriet" tinbidel bi "vjaġġi".

(b) Il-paragrafi 2, 3 u 4 jinbidlu b'dan li ġej:

2. Meta l-passiġġier ikun għażel l-issoktar tal-vjaġġ tiegħu skont l-Artikolu 8(1)(b), id-dritt għal kumpens jista' jirriżulta biss darba matul il-vjaġġ tiegħu lejn id-destinazzjoni finali, anki jekk ikun hemm kanċellazzjoni ġdida jew konnessjoni mitlufa matul ir-riprogrammar tar-rotta.

3. Il-kumpens imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jitħallas fi flus kontanti, bi trasferiment elettroniku bankarju, ordnijiet bankarji jew ċekkijiet bankarji.

4. Id-distanzi mogħtija fil-paragrafu 1 għandhom jitkejlu bil-metodu tar-rotta ortodromika.

5. It-trasportatur tal-ajru jista' jilħaq ftehim volontarju mal-passiġġier li jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet dwar il-kumpens stabbiliti fil-paragrafu 1, sakemm dan il-ftehim huwa kkonfermat b'dokument iffirmat mill-passiġġier li jfakkar lill-passiġġier dwar id-drittijiet tiegħu għal kumpens skont dan ir-Regolament.'

8.           L-Artikolu 8 jinbidel b'dan li ġej:

'Artikolu 8

Dritt għal rimborż jew riprogrammar tar-rotta

1. Fejn issir referenza għal dan l-Artikolu, il-passiġġieri għandhom jiġu offruti, mingħajr ħlas, l-għażla bejn tliet alternattivi:

(a)      - rimborż fi żmien sebat ijiem mit-talba tal-passiġġier, bil-mezzi stipulati fl-Artikolu 7(3), tal-prezz tat-titjira, għall-parti jew il-partijiet tal-vjaġġ li ma sarux, u għall-parti jew il-partijiet li jkunu saru diġà jekk it-titjira ma tibqax isservi kwalunkwe skop relatat mal-pjan oriġinali tal-ivvjaġġar tal-passiġġier, flimkien ma', fejn rilevanti,

- titjira tar-ritorn sal-ewwel punt tat-tluq, mal-ewwel opportunità;

(b)     kontinwazzjoni tal-pjanijiet tal-ivvjaġġar tal-passiġġieri permezz ta' riprogrammar tar-rotta tagħhom, b'kundizzjonijiet ta' trasport paragunabbli, sad-destinazzjoni finali tagħhom mal-ewwel opportunità; jew

(c)      riprogrammar tar-rotta, b'kundizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, sad-destinazzjoni finali tagħhom f'data aktar tard għall-konvenzjenza tal-passiġġier, soġġett għad-disponibbiltà ta' postijiet.

2. Il-paragrafu 1(a) għandu japplika wkoll għal passiġġieri li t-titjiriet tagħhom jifformaw parti minn vjaġġ b'kollox inkluż, minbarra għad-dritt għal rimborż fejn tali dritt iqum skont id-Direttiva 90/314/KEE.

3 Jekk trasportatur operattiv tal-ajru joffri lil passiġġier titjira lejn jew minn ajruport alternattiv għal dak li għalih sar il-buking, it-trasportatur operattiv tal-ajru għandu jħallas l-ispejjeż ta' trasferiment tal-passiġġier minn dak l-ajruport alternattiv għal dak li għalih saret il-prenotazzjoni, jew, fir-rigward tal-ajruport ta' destinazzjoni, għal destinazzjoni oħra viċin bi qbil mal-passiġġier.

4. Fejn isir qbil mal-passiġġier, it-titjira jew titjiriet ta' ritorn imsemmija fil-paragrafu 1(a) jew ir-riprogrammar tar-rotta msemmi fil-pagarafu 1(b) jew 1(c) jistgħu jużaw servizzi operati minn trasportatur tal-ajru ieħor, jinvolvu rotta differenta, jew jużaw tip ta' trasport ieħor.

5. Meta l-passiġġieri jagħżlu l-alternattiva msemmija fil-paragrafu 1(b), dawn għandu jkollhom id-dritt għal riprogrammar tar-rotta permezz ta' trasportatur tal-ajru ieħor, soġġetti għad-disponibbiltà, jew tip ieħor ta' trasport meta t-trasportatur operattiv tal-ajru ma jkunx jista' jittrasporta lill-passiġġier bis-servizzi tiegħu u fil-ħin biex jasal fid-destinazzjoni finali fi żmien 12-il siegħa mill-ħin tal-wasla skedat. Minkejja l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008[23], it-trasportatur tal-ajru l-ieħor jew l-operatur tat-trasport l-ieħor, ma għandux jitlob lit-trasportatur tal-ajru kontraenti prezz li jmur lil hinn mill-prezz medju mħallas mill-passiġġieri tiegħu stess għal servizzi ekwivalenti fl-aħħar tliet xhur.

6. Kull meta l-passiġġieri jiġu offruti, skont il-paragrafu 1, riprogrammar totali jew parzjali tar-rotta permezz ta' tip ieħor ta' trasport, dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport imwettaq minn dak it-tip l-ieħor ta' trasport daqslikieku kien qed jitwettaq minn ajruplan bil-ġwienaħ fissi.'

9.           L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 1, il-punt c jinbidel b'dan li ġej:

'(c) trasport bejn l-ajruport u l-post ta' akkomodazzjoni (lukanda, post ta' residenza tal-passiġġier jew ieħor)'

(b) Jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

'4. Jekk it-trasportatur operattiv tal-ajru jista' juri li l-kanċellazzjoni, id-dewmien jew il-bidla fl-iskeda hija kkawżata minn ċirkostanti straordinarji u li l-l-kanċellazzjoni, id-dewmien jew il-bidla fl-iskeda ma setgħetx tiġi evitata anki kieku ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli, dan jista' jillimita l-ispejjeż totali tal-akkomodazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1(b) bi EUR 100 għal kull lejl u għal kull passiġġier u għal massimu ta' tlett (3) iljieli. Jekk it-trasportatur tal-ajru li qed jopera, jagħżel li japplika dan il-limitu, dan għandu jagħti l-informazzjoni lill-passiġġieri dwar l-akkomodazzjoni disponibbli wara t-tlett iljieli, apparti li jkompli jwettaq l-obbligi tiegħu tal-informazzjoni kif speċifikati fl-Artikolu 14.

5. L-obbligu ta' offerta ta' akkomodazzjoni skont il-paragrafu 1(b) ma għandux japplika fejn it-titjira konċernata hija ta' 250 km jew inqas u skedata li tiġi operata minn ajruplan b'kapaċità massima ta' 80 post jew anqas, ħlief meta t-titjira tkun titjira konnessa. Madankollu, jekk it-trasportatur operattiv tal-ajru jagħżel li japplika din l-eżenzjoni, għandu jipprovdi l-passiġġieri bl-informazzjoni dwar l-akkomodazzjoni disponibbli.

6. Meta passiġġier jagħżel ir-rimborż skont l-Artikolu 8(1)(a) waqt li jkun fl-ajruport tat-tluq tal-vjaġġ tiegħu, jew jagħżel ir-riprogrammar tar-rotta f'data aktar tard skont l-Artikolu 8(1)(c), il-passiġġier ma jkollu l-ebda dritt ieħor għal indukrar skont l-Artikolu 9(1) relatat mat-titjira rilevanti.'

10.         Fil-paragrafu 2, il-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 10, it-terminu "prezz tal-biljett" jinbidel bi "prezz tat-titjira".

11.         Il-paragrafu li ġej jiżdied mal-Artikolu 11:

'3. It-trasportatur operattiv tal-ajru ma għandux japplika l-limitazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(4) u 9(5) jekk il-passiġġier huwa persuna b'mobbiltà mnaqqsa jew xi persuna li qed takkumpanjah, tifel/tifla mhux akkumpanjati, mara tqila jew persuna li teħtieġ assistenza medika speċifika, diment li t-trasportatur tal-ajru jew l-aġent tiegħu jew l-organizzatur ikun ġie mgħarraf bil-bżonnijiet partikolari tagħhom għal assistenza tal-inqas 48 siegħa qabel il-ħin skedat għat-tluq tat-titjira. Notifika bħal din għandha titqies li tkopri l-vjaġġ sħiħ u l-vjaġġ tar-ritorn jekk iż-żewġ vjaġġi ġew ikkuntrattati mal-istess trasportatur tal-ajru.'

12.         L-Artikolu 13 jinbidel b'dan li ġej:

'Artikolu 13

Dritt għal rimedju

Meta trasportatur operattiv tal-ajru jħallas kumpens jew jissodisfa l-obbligi l-oħra tiegħu skont dan ir-Regolament, l-ebda dispożizzjoni ta' dan ir-Regolament jew tal-liġi nazzjonali ma tista' tiġi interpretata li tirrestrinġi d-dritt tiegħu li jfittex kumpens għall-ispejjeż li jkollu skont dan ir-Regolament minn kull parti terza li kkontribwixxiet għall-avveniment li wassal għall-kumpens jew obbligi oħra.'

13.         L-Artikolu 14 jinbidel b'dan li ġej:

'Artikolu 14

Obbligi ta' informazzjoni lill-passiġġieri

1. Il-korp ta' ġestjoni tal-ajruport u t-trasportatur operattiv tal-ajru għandhom jiżguraw li fil-bankijiet taċ-check-in (inkluż l-magni taċ-check-in fejn wieħed jinqeda waħdu) u fil-bieb tal-imbark, avviż leġġibbli biċ-ċar li fih it-test li ġej għandu jintwera f'mod viżibbli u ċar lill-passiġġieri: "Jekk tiġi miċħud l-imbark jew jekk it-titjira tiegħek tiġi kkanċellata jew imdewma għal tal-inqas sagħtejn, staqsi mal-bank taċ-check-in jew il-bieb tal-imbark għall-avviż li jiddikjara d-drittijiet tiegħek, b'mod partikolari dwar l-assistenza u l-kumpens".

2. Trasportatur operattiv tal-ajru li jiċħad l-imbark jew jikkanċella titjira għandu jipprovdi lil kull passiġġeri affettwat b'avviż bil-miktub li jistabbilixxi r-regoli għall-kumpens u l-assistenza b'konformità ma' dan ir-Regolament, inkluża informazzjoni dwar il-limitazzjonijiet skont l-Artikolu 9(4) u 9(5). Dan għandu jipprovdi wkoll lil kull passiġġier affettwat b'dewmien jew bidla fl-iskeda ta' mill-inqas sagħtejn b'avviż ekwivalenti. Id-dettalji tal-kuntatt tal-korpi kompetenti tal-ġestjoni tal-ilment maħtura skont l-Artikolu 16a ukoll għandhom jingħataw lill-passiġġier bil-miktub.

3. Fir-rigward ta' persuni neqsin mid-dawl u b'vista batuta, id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu applikati bl-użu ta' mezzi alternattivi xierqa.

4. Il-korp ta' ġestjoni tal-ajruport għandu jiżgura li l-informazzjoni ġenerali dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tintwera biċ-ċar u li tkun viżibbli fiż-żoni tal-passiġġieri tal-ajruport. Dan għandu jiżgura wkoll li l-passiġġieri preżenti fl-ajruport ikunu mgħarrfa dwar il-kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom u dwar id-drittijiet tagħhom fil-każ li t-trasportatur tal-ajru jwaqqaf l-operat meta mhux mistenni bħal fil-każ ta' insolvenza jew revoka tal-liċenzja operattiva tiegħu.

5. Fil-każ ta' kanċellazzjoni jew dewmien fit-tluq, il-passiġġieri għandhom ikunu mgħarrfa mit-trasportatur operattiv tal-ajru dwar is-sitwazzjoni malajr kemm jista' jkun u f'kull każ mhux aktar tard minn 30 minuta wara l-ħin tat-tluq skedat, u dwar il-ħin ta' tluq stmat malli din l-informazzjoni tkun disponibbli, diment li t-trasportatur tal-ajru jkun irċieva d-dettalji ta' kuntatt tal-passiġġier skont il-paragrafi 6 u 7 fil-każ li l-biljett ikun inxtara mingħand intermedjarju.

6. Meta l-passiġġier ma jkunx xtara l-biljett direttament mit-trasportatur operattiv tal-ajru, iżda minn intermedjarju stabbilit fl-Unjoni, dan l-intermedjarju għandu jipprovdi d-dettalji ta' kuntatt tal-passiġġier lit-trasportatur tal-ajru, diment li l-passiġġier ikun ta l-awtorizzazzjoni espliċita u bil-miktub tiegħu. Din l-awtorizzazzjoni tista' tingħata biss fuq bażi "inklużjoni fakultattiva". It-trasportatur tal-ajru jista' juża dawn id-dettalji ta' kuntatt esklussivament biex jissodisfa l-obbligu ta' informazzjoni skont dan l-Artikolu u mhux għal skopijiet ta' kummerċjalizzazzjoni u għandu jħassar id-dettalji ta' kuntatt fi żmien 72 siegħa wara li jiġi kkompletat il-kuntratt ta' trasport. L-ipproċessar, l-aċċess u l-ħażna ta' din id-dejta għandhom jitwettqu skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta[24].

7. Intermedjarju għandu jkun eżentat mill-paragrafu 6 jekk jista' juri l-eżistenza ta' sistema alternattiva li tiżgura li l-passiġġier ikun informat mingħajr it-trażmissjoni tad-dettalji ta' kuntatt rilevanti.'

14.         L-Artikolu 16 huwa mibdul b'dak li ġej:

'Artikolu 16

Infurzar

1. Kull Stat Membru għandu jaħtar Korp Nazzjonali għall-Infurzar li jkun responsabbli għall-infurzar ta' dan ir-Regolament fir-rigward ta' titjiriet minn ajruporti sitwati fit-territorju tiegħu u titjiriet minn pajjiż terz lejn tali ajruporti. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-korp li nħatar skont dan il-paragrafu.

2. Il-Korp Nazzjonali għall-Infurzar għandu jissorvelja mill-qrib il-konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li jiġu rispettati d-drittijiet tal-passiġġieri. Għal dan il-għan, it-trasportaturi tal-ajru u l-korpi ta' ġestjoni tal-ajruport għandhom jipprovdu d-dokumenti rileventi lill-Korp Nazzjonali għall-Infurzar fuq talba tiegħu. Sabiex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu, il-Korp Nazzjonali għall-Infurzar għandu jieħu f'kunsiderazzjoni wkoll l-informazzjoni sottomessa lilu mill-korp maħtur skont l-Artikolu 16a. Dan jista' jiddeċiedi wkoll dwar azzjonijiet ta' infurzar abbażi tal-ilmenti individwali trażmessi mill-korp maħtur skont l-Artikolu 16a.

3. Is-sanzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri għall-ksur ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi.

4. Meta l-korpi maħtura skont l-Artikoli 16 u 16a ma jkunux l-istess wieħed, għandhom jiddaħħlu mekkaniżmi ta' rapportar biex jiżguraw l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-korpi differenti sabiex jgħinu lill-Korp Nazzjonali għall-Infurzar iwettaq il-kompiti tiegħu ta' superviżjoni u infurzar u għall-korp maħtur skont l-Artikolu 16a biex jiġbor l-informazzjoni meħtieġa biex jeżamina l-ilmenti individwali.

5. Għal kull sena, u mhux aktar tard minn tmiem April tas-sena kalendarja ta' wara, il-Korpi Nazzjonali għall-Infurzar għandhom jippubblikaw statistiki dwar l-attivitajiet tagħhom, inkluż dwar is-sanzjonijiet li jkunu applikaw.

6. It-trasportaturi tal-ajru għandhom jikkomunikaw id-dettalji ta' kuntatt tagħhom, għal kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament, lill-Korpi Nazzjonali għall-Infurzar tal-Istati Membri li joperaw fihom.'

15.         Jiżdiedu l-Artikoli li ġejjin:

'Artikolu 16a

Pretensjonijiet u lmenti tal-passiġġieri

1. Fil-ħin tal-prenotazzjoni, it-trasportaturi tal-ajru għandhom jipprovdu informazzjoni lill-passiġġieri dwar il-proċessi ta' ġestjoni tal-pretensjoni u l-ilment tagħhom relatati mad-drittijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u dwar l-indirizzi ta' kuntatt rilevanti, li fuqhom il-passiġġieri jistgħu jibagħtu l-pretensjonijiet u l-ilmenti tagħhom, anki b'mezzi elettroniċi ta' trażmissjoni. It-trasportatur tal-ajru għandu jgħarraf ukoll lill-passiġġieri dwar il-korp jew il-korpi kompetenti għall-ġestjoni tal-ilmenti tal-passiġġieri.

2. Jekk passiġġieri jixtieq jagħmel ilment mat-trasportatur tal-ajru rigward id-drittijiet tiegħu skont dan ir-Regolament, għandu jissottomettih fi żmien tliet (3) xhur mid-data li fiha tkun twettqet jew kienet skedata li titwettaq it-titjira. Fi żmien 7 ijiem minn meta jirċievi l-ilment, it-trasportatur għandu jikkonferma li rċieva l-ilment lill-passiġġier. Fi żmien xahrejn minn meta jirċievi l-ilment, it-trasportatur tal-ajru għandu jagħti tweġiba sħiħa lill-passiġġier.

3. Skont il-liġi rilevanti tal-UE u nazzjonali, kull Stat Membru għandu jaħtar korp jew korpi nazzjonali biex ikunu responsabbli għal riżoluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti bejn it-trasportaturi tal-ajru u l-passiġġieri fir-rigward tad-drittijiet koperti b'dan ir-Regolament.

4. Kull passiġġier jista' jilmenta ma' xi korp nazzjonali maħtur skont il-paragrafu 3, fuq ksur allegat ta' dan ir-Regolament f'kull ajruport li jinstab fit-territorju ta' Stat Membru jew li jikkonċerna xi titjira minn pajjiż terz lil ajruport li jinstab fuq dak it-territorju. Ilmenti bħal dawn jistgħu jiġu sottomessi mhux qabel xahrejn wara li l-ilment ikun ġie sottomess lit-trasportatur tal-ajru kkonċernat sakemm it-trasportatur ma jkunx diġà ta tweġiba finali għat-tali lment.

5. Fi żmien sebat (7) ijiem minn meta jirċievi l-ilment, il-korp maħtur għandu jikkonferma li rċieva l-ilment u għandu jibgħat kopja lill-Korp Nazzjonali għall-Infurzar xieraq. Iż-żmien meħud biex tingħata t-tweġiba finali lill-ilmentatur ma għandux ikun itwal minn tliet xhur mir-riċevuta tal-ilment. Kopja tat-tweġiba finali għandha tingħata wkoll lill-Korp Nazzjonali għall-Infurzar.

Artikolu 16b

Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tappoġġja d-djalogu bejn l-Istati Membri dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni nazzjonali ta' dan ir-Regolament permezz tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 16c.

2. Ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jipprovdu rapport tal-attività tagħhom lill-Kummissjoni, mhux aktar tard minn tmiem April tas-sena kalendarja ta' wara. Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi fuq il-kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati f'dawn ir-rapporti permezz ta' atti implimentattivi. Dawk l-atti implimentattivi għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16c.

3. L-Istati Membri għandhom jibgħatu regolarment l-informazzjoni rilevanti dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni nazzjonali tar-Regolament lill-Kummissjoni, li se tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni f'forma elettronika għal Stati Membri oħra.

4. Fuq talba ta' Stat Membru, jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni għandha teżamina l-każijiet fejn iqumu differenzi fl-applikazzjoni u l-infurzar ta' kwalunkwe waħda mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u b'mod partikolari rigward l-interpretazzjoni ta' ċirkostanzi straordinarji; u għandha tiċċara d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, bil-għan li tippromwovi approċċ komuni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tista' tadotta rakkomandazzjoni wara li tikkonsulta lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 16c.

5. Fuq talba tal-Kummissjoni, il-Korpi Nazzjonali għall-Infurzar għandhom jinvestigaw prattiki suspettużi speċifiċi minn trasportatur tal-ajru wieħed jew iżjed u jirrapportaw is-sejbiet tagħhom lill-Kummissjoni fi żmien erba' (4) xhur mit-talba.

Artikolu 16c

Proċedura ta' kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għad-Drittijiet tal-Passiġġieri, magħmul minn żewġ rappreżentanti ta' kull Stat Membru u li tal-inqas wieħed minnhom ikun jirrappreżenta Korp Nazzjonali għall-Infurzar. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu jkun japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

16.         L-Artikolu 17 jinbidel b'dan li ġej:

'Artikolu 17

Rapport

Sal-1 ta' Jannar 2017 il-Kummissjoni għandha tirrapporta mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar it-tħaddim u r-riżultati ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari rigward l-impatti tal-kumpens għal dewmien fit-tul u l-limitazzjoni tal-akkomodazzjoni f'ċirkostanzi straordinarji ta' dewmien twil. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta wkoll dwar it-titjib fil-protezzjoni tal-passiġġieri li qed jivvjaġġaw bl-ajru fuq titjiriet minn pajjiżi terzi li joperaw minn trasportaturi tal-ajru mhux tal-Komunità, fil-kuntest tal-ftehimiet internazzjonali dwar it-trasport tal-ajru. Meta jkun hemm bżonn, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi.

17.         L-Anness 1 ta' dan ir-Regolament jiżdied bħala l-Anness 1 tar-Regolament Nru 261/2004.

Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 huwa emendat kif ġej:

1.           Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 3 jinbidel b'dan li ġej:

'2. It-trasportatur tal-ajru tal-Komunità għandu jipprovdi formola għall-ilmenti fl-ajruport li tippermetti lill-passiġġier jissottometti minnufih ilment bħal dan dwar ħsara jew dewmien tal-bagalji. Tali formola għall-ilmenti, li tista' tieħu l-forma ta' Rapport dwar Irregolarità fil-Proprjetà (PIR), għandha tkun aċċettata mit-trasportatur tal-ajru fl-ajruport bħala lment skont l-Artikolu 31(2) tal-Konvenzjoni ta' Montreal. Din il-possibbiltà ma għandhiex taffettwa d-dritt tal-passiġġier li jissottometti lment permezz ta' mezzi oħra fl-iskadenzi mogħtija mill-Konvenzjoni ta' Montreal.'

2.           Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 5 jinbidel b'dan li ġej:

'2. Mingħajr ħsara għall-paragrafu 1, ħlas bil-quddiem ma għandux ikun inqas mill-ekwivalenti f'euro ta' SDR 18 096 għal kull passiġġier fil-każ ta' mewt. 'Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa, permezz ta' att iddelegat skont l-Artikolu 6c, li taġġusta dan l-ammont fid-dawl ta' deċiżjoni mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili skont l-Artikolu 24(2) tal-Konvenzjoni ta' Montreal. Kull aġġustament fl-ammont imsemmi hawn fuq għandu jbiddel ukoll l-ammont korrispondenti fl-Anness.'

3.           Is-sentenza li ġejja tiżdied mal-Artikolu 6(1):

'Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa, permezz ta' att iddelegat skont l-Artikolu 6c, li taġġusta l-ammonti msemmija fl-Anness, bl-eċċezzjoni tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 5(2), fid-dawl ta' deċiżjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili skont l-Artikolu 24(2) tal-Konvenzjoni ta' Montreal.'

4.           Jiżdiedu l-Artikoli li ġejjin:

'Artikolu 6a

1. Meta jkun qed iġorr siġġijiet tar-roti jew tagħmir tal-mobbiltà jew apparat tal-assistenza ieħor li jkun diġà għadda miċ-check-in, it-trasportatur tal-ajru u l-aġenti tiegħu jistgħu joffru kull persuna b'mobbiltà mnaqqsa kif iddefinit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006[25] l-għażla li jagħmlu, mingħajr ħlas, dikjarazzjoni ta' interess speċjali skont l-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta' Montreal, mal-prenotazzjoni u mhux aktar tard minn meta t-tagħmir jingħata lit-trasportatur tal-ajru.

2. Fil-każ ta' qerda, telf ta' jew ħsara lit-tagħmir ta' għajnuna għall-mobbiltà, ir-responsabbiltà tat-trasportatur tal-ajru għandha tkun limitata għas-somma dikjarata mill-persuna fil-ħin meta tagħmel it-tagħmir tal-mobbiltà li jkun għadda miċ-check-in jingħata lit-trasportatur tal-ajru tal-Komunità.

3. Fil-każ ta' qirda, telf, ħsara jew dewmien fit-trasport ta' siġġijiet bir-roti jew tagħmir tal-mobbiltà jew apparat ta' assistenza ieħor li jkun għadda miċ-check-in, it-trasportatur tal-ajru tal-Komunità għandu jkun responsabbli għal-ħlas ta' somma li ma taqbiżx is-somma dikjarata mill-passiġġier; sakemm ma jurix li s-somma ddikjarata hija akbar mill-interess proprju tal-persuna fit-twassil fid-destinazzjoni.

Artikolu 6b

1. Il-Korp Nazzjonali għall-Infurzar maħtur skont l-Artikolu 16 tar-Regolament 261/2004 għandu jiżgura l-konformità ma' dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, dan għandu jissorvelja:

- it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratti tat-trasport bl-ajru;

- l-offerta sistematika ta' dikjarazzjoni ta' interess speċjali għal tagħmir tal-mobbiltà li jgħaddi miċ-check-in, u ta' livell xieraq ta' kumpens fil-każ ta' ħsara kkawżata lit-tagħmir tal-mobbiltà;

- il-ħlas ta' ħlas bil-quddiem skont l-Artikolu 5(1) meta applikabbli;

- l-applikazzjoni tal-Artikolu 6.

2. Għall-fini ta' monitoraġġ tal-protezzjoni ta' passiġġieri b'mobbiltà mnaqqsa u ta' passiġġieri b'diżabbiltajiet fil-każ ta' ħsara fit-tagħmir tal-mobbiltà tagħhom, il-Korp Nazzjonali għall-Infurzar għandu jeżamina wkoll u jqis l-informazzjoni fuq l-ilment dwar tagħmir tal-mobbiltà sottomessa lill-korpi maħtura skont l-Artikolu 16a tar-Regolament Nru 261/2004.

3. Is-sanzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri għall-ksur ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

4. Fir-rapporti annwali tagħhom skont l-Artikolu 16(6) tar-Regolament 261/2004, il-Korpi Nazzjonali għall-Infurzar għandhom jippubblikaw ukoll statistiki dwar l-attivitajiet tagħhom u dwar is-sanzjonijiet li jkunu applikaw fir-rigward tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 6c

1. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 6(1) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 6(1) tista' tiġi revokata f'kull ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' xi atti ddelegati diġà fis-seħħ.

4. Malli tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5. Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 6(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn li huma jkunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Il-perjodu għandu jkun estiż b'xahrejn wara l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.'

Artikolu 6d

1. Filwaqt li t-trasportaturi tal-ajru għandhom il-libertà kummerċjali kollha li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li skonthom jippermettu li tinġarr bagalja, dawn għandhom juru biċ-ċar, waqt il-buking jew waqt iċ-check-in (inkluż fil-magni taċ-check-in self-service), il-kwota massima tal-bagalji li l-passiġġieri jistgħu jġorru fil-kabina jew fl-istiva tal-ajruplan fuq kull waħda mit-titjiriet inklużi fil-buking tal-passiġġier, li tkun tinkludi kwalunkwe restrizzjonijiet fuq l-għadd tal-oġġetti applikati fi kwota massima partikolari tal-bagalji. Meta jiġu applikati ħlasijiet żejda għall-ġarr tal-bagalji, it-trasportaturi tal-ajru għandhom juru biċ-ċar id-dettalji ta' dawn il-ħlasijiet waqt il-buking jew fuq talba fl-ajruport.

2. Meta minħabba ċirkostanzi straordinarji, bħal raġunijiet ta' sikurezza jew tibdil fit-tip ta' trasportatur tal-arju wara li jkun sar il-buking, ma jkunux jistgħu jinġarru fil-kabina dawk l-oġġetti inklużi fil-kwota tal-bagalji li wieħed jista' jtella' miegħu, it-trasportatur tal-ajru jista' jġorrhom fl-istiva tal-ajruplan, iżda mingħajr spiża żejda għall-passiġġier.

3. Dawn id-drittijiet ma jaffettwawx ir-restrizzjonijiet fuq il-bagalja li wieħed jista' jtella' miegħu, stabbiliti mir-regoli tal-UE u internazzjonali dwar is-sigurtà bħar-Regolamenti (KE) Nru 300/2008 u (KE) Nru 820/2008.

Artikolu 6e

1. Trasportatur tal-ajru tal-Komunità għandu jħall passiġġier iġorr strument mużikali fil-kabina tal-passiġġieri ta' ajruplan soġġett għar-regoli ta' sigurtà applikabbli u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u r-restrizzjonijiet tal-ajruplan ikkonċernat. L-istrumenti mużikali għandhom jiġu aċċettati għat-trasport fil-kabina tal-ajruplan diment li t-tali strumenti jistgħu jiġu stivati b'mod sigur f'kompartiment xieraq tal-bagalji fil-kabina jew taħt sedil xieraq tal-passiġġieri. Trasportatur tal-ajru jista' jiddetermina li strument mużikali għandu jifforma parti mill-kwota permessa tal-bagalji tal-idejn ta' passiġġier u ma jinġarrx b'żieda ma' dik il-kwota.

2. Meta strument mużikali jkun kbir wisq biex jiġi stivat b'mod sigur f'kompartiment xieraq tal-bagalji fil-kabina jew taħt sedil xieraq tal-passiġġieri, it-trasportatur tal-ajru jista' jitlob il-ħlas ta' biljett addizzjonali meta t-tali strumenti mużikali jinġarru bħala bagalji tal-idejn fuq sedil ieħor. Meta jinxtara t-tieni sedil, it-trasportatur tal-ajru għandu jagħmel sforzi raġonevoli biex ipoġġi l-passiġġier u l-istrument mużikali kkonċernat biswit xulxin. Meta disponibbli u jekk jintalab hekk, l-istrumenti mużikali għandhom jinġarru f'parti msaħħna tal-kompartiment tal-merkanzija tal-ajruplan soġġetti għar-regoli ta' sigurtà applikabbli, ir-restrizzjonijiet tal-ispazju u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ajruplan ikkonċernat. Trasportatur tal-ajru għandu jindika biċ-ċar it-termini u l-kundizzjonijiet tiegħu li abbazi tagħhom se jiġu trasportati l-istrumenti mużikali u l-imposti applikabbli.'

5.           L-Artikolu 7 jinbidel b'dan li ġej:

'Artikolu 7

Sal-1 ta' Jannar 2017, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operat u r-riżultati ta' dan ir-Regolament. Meta jkun hemm bżonn, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi.'

6.           L-Anness tar-Regolament Nru 2027/97 jinbidel bl-Anness 2 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

Anness 1

'Anness: il-lista mhux eżawrjenti taċ-ċirkostanzi meqjusin bħala ċirkostanzi straordinarji għall-fini ta' dan ir-Regolament

1. Iċ-ċirkostanzi li ġejjin għandhom jitqiesu bħala straordinarji:

i. diżastri naturali li jrendu impossibbli l-operat sigur tat-titjira;

ii. problemi tekniċi li mhumiex inerenti fit-tħaddim normali tal-ajruplan, bħall-identifikazzjoni ta' difett matul l-operat tat-titjira kkonċernata u li jipprevjeni l-kontinwazzjoni normali tal-operat; jew difett tal-manifattura moħbi li jiġi rivelat mill-manifattur jew awtorità kompetenti u li jaffettwa ħażin is-sigurtà tat-titjira;

iii. riskji tas-sigurtà, atti ta' sabotaġġ jew terroriżmu li jrendu impossibbli l-operat sikur tat-titjira;

iv. riskji tas-saħħa jew emerġenzi mediċi li jpoġġu l-ħajja fir-riskju li jeħtieġu l-interruzzjoni jew id-devjazzjoni tat-titjira konċernata;

v. restrizzjonijiet tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru jew l-għeluq tal-ispazju tal-ajru jew ajruport;

vi. kundizzjonijiet meteoroloġiċi li huma inkompatibbli mas-sikurezza tat-titjira; u

vii. tilwim tal-persunal tat-trasportatur operattiv tal-ajru jew tal-fornituri tas-servizzi essenzjali bħall-ajruporti u l-Fornituri tas-Servizz ta' Navigazzjoni tal-Ajru.

2. Iċ-ċirkostanzi li ġejjin ma għandhomx jitqiesu bħala straordinarji:

i. problemi tekniċi inerenti fit-tħaddim normali tal-ajruplan, bħal problema identifikata matul il-manutenzjoni ta' rutina jew matul kontroll ta' qabel it-titjira tal-ajruplan jew li jfeġġu minħabba nuqqas li titwettaq tali manutenzjoni jew kontroll ta' qabel it-titjira; u

ii. in-nuqqas ta' disponibbiltà tal-ekwipaġġ tat-titjira jew l-ekwipaġġ tal-kabina (sakemm mhux minħabba tilwim tal-persunal).

Anness 2

'ANNESS

Ir-responsabbiltà tat-trasportatur tal-ajru għall-passiġġieri u l-bagalji tagħhom

Dan l-avviż ta' informazzjoni jiġbor fil-qosor ir-regoli dwar ir-responsabbiltà applikati mit-trasportaturi tal-ajru tal-Komunità kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni tal-UE u l-Konvenzjoni ta' Montreal.

Kumpens fil-każ ta' mewt jew korriment

Ma hemm l-ebda limiti finanzjarji għar-responsabbiltà għall-korriment jew il-mewt ta' passiġġier ikkawżata minn inċident abbord l-ajruplan jew matul l-operazzjonijiet ta' imbark jew żbark. Għal danni ta' sa SDR 113 100 (ammont approssimattiv fil-munita lokali), it-trasportatur tal-ajru ma jistax jeskludi jew jillimita r-responsabbiltà tiegħu. 'Il fuq minn dak l-ammont, it-trasportatur tal-ajru mhuwiex responsabbli jekk juri li ma kienx negliġenti jew li ma kellux tort f'mod ieħor, jew li l-ħsara kienet biss minħabba n-negliġenza jew tort f'mod ieħor ta' parti terza.

Ħlasijiet bil-quddiem

Jekk passiġġier imut jew ikorri, it-trasportatur tal-ajru għandu jagħmel ħlas bil-quddiem, biex ikopri l-ħtiġijiet ekonomiċi immedjati, fi żmien 15-il ġurnata mill-identifikazzjoni tal-persuna intitolata għall-kumpens. Fil-każ ta' mewt, dan il-ħlas bil-quddiem ma għandux ikun anqas minn SDR 18 096 (ammont approssimattiv fil-munita lokali).

Dewmien tal-passiġġieri

Fil-każ ta' dewmien tal-passiġġieri, it-trasportatur tal-ajru huwa responsabbli għall-ħsara sakemm ma jkunx ħa l-miżuri kollha raġonevoli biex jevita l-ħsara jew jekk kien impossibbli li jittieħdu tali miżuri. Ir-responsabbiltà għad-dewmien tal-passiġġieri hija limitata għal SDR 4 694 (ammont approssimattiv fil-munita lokali).

Telf, ħsara jew dewmien ta' bagalji

Fil-każ ta' telf, ħsara jew dewmien ta' bagalji, it-trasportatur huwa responsabbli għall-ħsara sa SDR 1 113 (ammont approssimattiv fil-munita lokali), bil-limitu ta' kumpens applikabbli għal kull passiġġier u mhux għal kull bagalja li tgħaddi miċ-check-in, sakemm ma jkunx sar qbil fuq limitu ogħla bejn it-trasportatur tal-ajru u l-passiġġieri permezz ta' dikjarazzjoni ta' interess speċjali. Għal ħsara jew telf ta' bagalji, it-trasportatur tal-ajru mhuwiex responsabbli jekk il-ħsara jew it-telf kien ikkawżat minn kwalità inerenti jew difett tal-bagalja. Għal dewmien ta' bagalji, it-trasportatur tal-ajru ma għandux ikun responsabbli meta jkun ħa l-miżuri kollha raġonevoli biex jevita d-dannu li jirriżulta mid-dewmien tal-bagalja jew meta kien impossibbli li jittieħdu tali miżuri. Fil-każ ta' bagalji tal-idejn, li jinkludu oġġetti personali, it-trasportatur tal-ajru huwa responsabbli biss jekk il-ħsara tkun irriżultat mit-tort tiegħu.

Limiti ogħla għall-bagalji

Passiġġier jista' jibbenefika minn limitu ogħla ta' responsabblità billi jagħmel dikjarazzjoni speċjali mhux aktar tard miċ-check-in u billi jħallas tariffa supplimentari jekk ikun hemm bżonn. Tariffa supplimentari bħal din għandha tkun ibbażata fuq tariffa li hija relatata mal-ispejjeż addizzjonali involuti fit-trasport u l-assigurazzjoni tal-bagalji konċernati 'l fuq mil-limitu ta' responsabblità ta' SDR 1 131. It-tariffa għandha tkun disponibbli għall-passiġġieri fuq talba. Passiġġieri b'diżabbiltajiet u passiġġieri b'mobbiltà mnaqqsa għandhom jiġu offruti sistematikament u mingħajr ħlas l-għażla li jagħmlu dikjarazzjoni ta' interess speċjali għat-trasport tat-tagħmir tal-mobbiltà tagħhom.

Limitu ta' żmien għall-ilmenti fuq il-bagalji

Fil-każ ta' ħsara, dewmien, telf jew qerda tal-bagalji, il-passiġġier għandu fil-każijiet kollha jikteb u jilmenta mat-trasportatur tal-ajru malajr kemm jista' jkun. Limitu ta' żmien għall-ilment ta' sebat (7) ijiem japplika fil-każ li l-bagalja ġġarrab ħsara u ta' 21 jum fil-każ li tiddewwem, fiż-żewġ każijiet mid-data li fiha l-bagalja tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-passiġġier. Sabiex jintlaħqu faċilment dawn id-dati ta' skadenza, it-trasportatur tal-ajru għandu joffri lill-passiġġieri l-possibbiltà li jimlew formola tal-ilmenti fl-ajruport. Tali formola tal-ilmenti, li tista' tieħu wkoll il-forma ta' Rapport dwar Irregolarità fil-Proprjetà (PIR), għandha tiġi aċċettata mit-trasportatur tal-ajru fl-ajruport bħala lment.

Ir-responsabbiltà tat-trasportaturi tal-ajru kuntrattati u attwali

Jekk it-trasportatur tal-ajru li fil-fatt jagħmel it-titjira ma jkunx l-istess bħat-trasportatur tal-ajru kkuntrattat, il-passiġġier għandu d-dritt li jindirizza lment jew jagħmel pretensjoni għall-ħsara kontra wieħed minnhom. Dan jinkludi każijiet fejn ikun sar qbil dwar dikjarazzjoni ta' interess speċjali fil-kunsinna mat-trasportatur tal-ajru attwali.

Limitu ta' żmien għal azzjoni

Kull azzjoni fil-qorti għal pretensjoni għal ħsara għandha ssir fi żmien sentejn mid-data tal-wasla tal-ajruplan, jew mid-data li fiha l-ajruplan suppost li wasal.

Il-bażi għall-informazzjoni

Il-bażi għar-regoli deskritti hawn fuq hija l-Konvenzjoni ta' Montreal tat-28 ta' Mejju 1999, li hija implimentata fil-Komunità permezz tar-Regolament (KE) Nru 2027/97 (kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002 u bir-Regolament (UE) Nru xxx) u l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri.'

[1]               Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, (ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1).

[2]               Ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 tad-9 ta' Ottubru 1997 dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru fir-rigward tat-trasport ta' passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru (ĠU L 285, 17.10.1997, p. 1) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 2002 (ĠU L 140, 30.5.2002, p. 2)

[3]               COM(2010) 0603, is-16 ta' Ottubru 2010

[4]               Pjan Direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti COM(2011) 144 finali, ara l-paġna 23: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0144:FIN:MT:PDF

[5]               Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet (http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0174:FIN:MT:PDF). COM(2011) 174 finali.

[6]               Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-funzjonament u l-applikazzjoni tad-drittijiet stabbiliti ta' persuni li jivvjaġġaw bl-ajru, 2011/2150 (INI), http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P7-TA-2012-0099+0+DOC+XML+V0//MT

[7]               ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.

[8]               http://ec.europa.eu/transport/passengers/consultations/2012-03-11-apr_en.htm

[9]               http://ec.europa.eu/transport/passengers/events/2012-05-30-stakeholder-conference_en.htm

[10]             Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità, ĠU L 293 tal-31 ta' Ottubru 2008.

[11]             Ara l-proposti tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/consumers/redress_cons/adr_policy_work_en.htm

[12]             ĠU C , , p. .

[13]             ĠU C , , p. .

[14]             ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1

[15]             ĠU L 285, 17.10.1997, p. 1; modifikat f'ĠU L 140, 30.5.2002, p. 2.

[16]             COM(2010) 603 finali.

[17]             ĠU L 158, 23.6.1990, p. 59.

[18]             ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[19]             Ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 1997 dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru fir-rigward tat-trasport ta' passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru, ĠU L 285, 17.10.1997, p. 1, kif modifikat mir-Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 2002, ĠU L 140, 30.5.2002, p. 2.

[20]             ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3.

[21]             ĠU L 158, 23.6.1990, p. 59.

[22]             ĠU L 204, 26.7.2006, p. 1.

[23]             ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3.

[24]             ĠU L 281, 23.11.1995, p.31

[25]             Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru, ĠU L 204, 26.7.2006, p. 1.