52013PC0063

Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li tadatta d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, minħabba l-adeżjoni tal-Kroazja /* COM/2013/063 final - 2013/0042 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tadatta d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli hija meħtieġa minħabba l-adeżjoni li jmiss tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea.

It-Trattat li jikkonċerna l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea[1] kien iffirmat mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kroazja fi Brussell fid-9 ta' Diċembru 2011.

L-Artikolu 3(3) tat-Trattat tal-Adeżjoni jipprevedi li jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2013 sakemm l-istrumenti ta' ratifika kollha jkunu ġew depożitati qabel dik id-data.

L-Artikolu 3(4) tat-Trattat tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja jippermetti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex, qabel id-dħul, jadottaw miżuri li għalihom hemm referenza, inter alia, fl-Artikolu 50 tal-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja[2]. Dawn il-miżuri jidħlu fis-seħħ biss soġġettigħald-data tad-dħul fis-seħħ it-Trattat tal-Adeżjoni u minn dakinhar.

L-Artikolu 50 tal-Att tal-Adeżjoni jipprevedi li fejn atti tal-istituzzjonijiet adottati qabel l-adeżjoni jeħtieġu adattament minħabba l-adeżjoni, u l-adattamenti meħtieġa ma ġewx previsti f'dan l-Att jew fl-Annessi tiegħu, il-Kunsill jew il-Kummissjoni, (jekk l-atti oriġinali kienu adottati mill-Kummissjoni) jadottaw l-atti meħtieġa.

Il-Punt 2 tal-Att Finali[3] jirreferi għall-ftehim politiku fuq sett ta' adattamenti biex jiġu adottati mill-istituzzjonijiet li ntlaħaq bejn l-Istati Membri u l-Kroazja fil-kuntest tal-approvazzjoni tat-Trattat tal-Adeżjoni; il-Partijiet Għolja Kontraenti tat-Trattat tal-Adeżjoni stiednu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jadottaw dawn l-adattamenti qabel l-adeżjoni skont l-Artikolu 50 tal-Att tal-Adeżjoni, kompluti u aġġornati fejn meħtieġ sabiex jikkunsidraw l-evoluzzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

Fil-qasam tal-enerġija – korrispondenti għal Kapitolu 15 tan-negozjati – hija biss id-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli li teħtieġ addattament tekniku.

Il-proposta preżenti hija parti minn serje ta' proposti għal direttivi tal-Kunsill mill-Kummissjoni lill-Kunsill li jirraggruppaw l-adattamenti tekniċi għad-direttivi tal-Kunsill kif ukoll għad-direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jikkorrispondu għal kapitoli tan-negozjati fi proposti separati għal direttivi differenti tal-Kunsill. Din l-istruttura hija mfassla sabiex tiffaċilita t-traspożizzjoni tad-direttivi kkonċernati mill-Istati Membri fl-ordnijiet ġuridiċi rispettivi tagħhom. Il-pakkett ta’ proposti għal atti legali li l-Kummissjoni ttrasmettiet lill-Kunsill huwa kompost minn din is-serje ta' proposti għal Direttivi tal-Kunsill fuq naħa waħda, kif ukoll proposta għal Regolament wieħed tal-Kunsill li jkopri r-regolamenti u d-deċiżjonijiet rilevanti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif ukoll ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill fuq in-naħa l-oħra. Dan huwa, skont l-approċċ li kien ittieħed fil-passat fid-dawl tal-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija[4].

Huwa previst li l-atti legali kolla inklużi f’dan il-pakkett se jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-istess data.

Il-proposta preżenti u l-proposti l-oħra inklużi f’dan il-pakkett se jqisu l-adattamenti tekniċi għall-acquis li kienu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-1 ta’ Settembru 2012. Ir-raġunijiet għal dan huma li jkun provdut ħin suffiċjenti għall-proċessi leġiżlattivi involuti fuq naħa, u għat-twettiq tat-traspożizzjoni u l-obbligi ta’ notifika li jsegwu mill-Istati Membri rigward id-direttivi min-naħa l-oħra. L-addattamenti li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex l-acquis jkun ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-1 ta' Settembru 2012 se jkunu previsti fl-atti rilevanti nfushom jew magħmula fi stadju aktar tard permezz tal-proċedura x-xierqa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bi ħsiebha informalment tipprovdi lista ta’ tali leġiżlazzjoni lill-Istati Membri fil-bidu ta' Lulju 2013.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Minħabba li din il-proposta hi ta' natura purament teknika u ma tinvolvix għażliet politiċi, konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati jew valutazzjonijiet tal-impatt ma jagħmlux sens.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Il-bażi legali ta' din il-proposta hija l-Artikolu 50 tal-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja.

Il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità jiġu osservati b’mod sħiħ. L-azzjoni tal-Unjoni hija meħtieġa skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà (l-Artikolu 5(3) tat-TUE) għax tikkonċerna adattamenti tekniċi għal atti legali li kienu approvati mill-Unjoni. Il-proposta tirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità (l-Artikolu 5(4) tat-TUE) minħabba li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet segwiti.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja.

2013/0042 (NLE)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li tadatta d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, minħabba l-adeżjoni tal-Kroazja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra t-Trattat tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, u partikolarment l-Artikolu 3(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Att tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, u b'mod partikulari l-Artikolu 50 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)       Skont l-Artikolu 50 tal-Att tal-Adeżjoni, fejn l-atti tal-istituzzjonijiet adottati qabel l-adeżjoni jirrekjedu adattament minħabba l-adeżjoni, u l-adattamenti meħtieġa ma kienx previsti fl-Att tal-Adeżjoni jew fl-Annessi tiegħu, il-Kunsill, li jaġixxi b' maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu, għal dan il-għan, jadotta l-atti meħtieġa, jekk l-att oriġinali ma jkunx ġie adottat mill-Kummissjoni.

(2)       L-Att Finali tal-Konferenza li fasslet it-Trattat tal-Adeżjoni indika li l-Partijiet Kontraenti Għolja kienu laħqu qbil politiku dwar sett ta' adattamenti għal atti adottati mill-istituzzjonijiet li kienu meħtieġa minħabba l-adeżjoni u stieden lil-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jadottaw dawn l-adattamenti qabel l-adeżjoni, ikkompletati u aġġornati kif meħtieġ biex titqies l-evoluzzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

(3)       Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE[5] għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2009/28/KE għandha tiġi emendata kif imniżżel fl-Anness.

Artikolu 2

1.           L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, l-aktar tard sad-data tal-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Huma japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mid-data tal-adeżjoni tal-Kroazja fl-Unjoni Ewropea.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, huma jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri jiddeterminaw kif trid issir din ir-referenza.

2.           L-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ soġġetta għad-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u minn dik id-data.

Artikolu 4

Id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

                                                                      

ANNESS

L-ENERĠIJA

32009 L 0028: Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16):

Fl-Anness I, il-punt A għandu jiddaħħal wara l-entrata għal Franza:

'Il-Kroazja || 12,6 % || 20 %'

[1]               ĠU L 112, 24.4.2012, p. 10.

[2]               ĠU L 112, 24.4.2012, p. 21.

[3]               ĠU L 112, 24.4.2012, p. 95.

[4]               ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1.

[5]               ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.