Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI /* COM/2013/042 final - 2013/0023 (COD) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA 1.1. Il-kuntest ġenerali L-iffalsifikar tal-euro u muniti oħra
jibqa' ta’ tħassib madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Huwa ta’ importanza
fundamentali li jiġu żgurati l-fiduċja u l-kunfidenza fl-awtentiċità
tal-karti u l-muniti għaċ-ċittadini, il-kumpaniji u
l-istituzzjonijiet finanzjarji. Flus foloz huma ta’ ħsara
għaċ-ċittadini u n-negozji li mhumiex rimborżati għal
flus foloz, anke jekk dawn ikunu waslulhom b’rieda tajba. Dawn inaqqsu wkoll
l-aċċettabilità ta' karti tal-flus u muniti. L-iffalsifikar tal-euro huwa ta' tħassib
partikolari minħabba l-importanza tal-euro. L-euro hija l-munita unika li
tintuża minn 17-il Stat Membru taż-żona tal-euro u jużawha
t-330 miljun persuna li jgħixu f’din iż-żona. Hija tintuża
wkoll fi skala kbira fi transazzjonijiet kummerċjali internazzjonali u
sservi bħala munita ta’ riżerva importanti għal pajjiżi
terzi. Il-valur tal-karti tal-euro li qegħdin jiċċirkolaw
mad-dinja kollha, jiġifieri kważi EUR 913 biljun f’Jannar 2013,
huwa bejn wieħed u ieħor l-istess bħal dak ta’ karti ta’ dollari
Amerikani. Madwar kwart ta’ dak il-valur jiċċirkola barra
ż-żona tal-euro, notevolment fir-reġjuni ġirien[1]. Illum l-euro hija t-tieni
munita internazzjonali l-aktar importanti mad-dinja kollha. L-euro tibqa' fil-mira ta' gruppi kriminali
organizzati attivi fl-iffalsifikar tal-flus. L-iffalsifikar tal-euro wassal
għal ħsara finanzjarja ta' mill-inqas EUR 500 miljun sa
mill-introduzzjoni tal-euro fl-2002. Dejta mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)
turi quċċati fl-għadd ta' karti tal-flus foloz matul il-perjodu
bejn l-2009 u l-2010 u żewġ quċċati oħrajn fit-tieni
nofs tal-2011[2]
u tal-2012[3].
Il-BĊE innota żieda ta' 11,6% fir-rigward tal-kwantità rkuprata
fit-tieni nofs tal-2012 meta mqabbla max-xhur preċedenti. Ir-Rapport
Annwali 2011[4]
taċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) jindika sejbiet
kontinwi ta’ tipi ġodda ta’ muniti tal-euro foloz u żieda qawwija
fin-numru ta’ muniti ffalsifikati sofistikati. L-Europol iqis li hemm xejra
fit-tul lejn żieda fil-livell tal-kriminalità u jinnota li t-theddid
kriminali jibqa’ wieħed serju[5].
Il-valutazzjoni tal-Europol hija kkonfermata minn qabdiet kbar riċenti ta’
karti u muniti tal-euro foloz u miż-żarmar kontinwu ta’ stamperiji u
zekek illegali kull sena[6].
Dawn l-iżviluppi juru li l-miżuri
eżistenti kontra l-iffalsifikar ma laħqux il-livell meħtieġ
ta' dissważjoni u għaldaqstant hemm bżonn li jittejjeb
il-ħarsien mill-iffalsifikar. B'mod partikolari, jeżistu differenzi
konsiderevoli fir-rigward tal-livelli ta’ sanzjonijiet li huma applikabbli
fl-Istati Membri għall-forom ewlenin tal-iffalsifikar, jiġifieri
l-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' flus foloz[7].
Filwaqt li l-livell minimu ta’ piena massima għall-produzzjoni ta’ flus
foloz ġie armonizzat fis-sena 2000 għal tmien snin priġunerija,
is-sitwazzjoni dwar il-livell minimu ta' sanzjonijiet għall-iffalsifikar
ta’ munità hija differenti. Ma hemm l-ebda sanzjonijiet minimi
fis-seħħ f'xi Stati Membri jew inkella d-dispożizzjonijiet
legali jipprevedu biss multi, filwaqt li s-sanzjoni minima f'oħrajn titla’
sa għaxar snin priġunerija. Dawn id-differenzi jfixklu l-infurzar
transkonfinali tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja[8]. Barra minn hekk, id-dejta
miġbura fil-qafas ta' studju tal-Grupp ta' Esperti Ewropej dwar
l-Iffalsifikar[9]
tindika li nstab għadd kbir ta' stamperiji illegali matul dawn
l-aħħar disa’ snin f'dawk l-Istati Membri li ma għandhom l-ebda
sanzjonijiet minimi fis-seħħ jew għandhom biss multi
għall-iffalsifikar monetarju bħala s-sanzjonijiet minimi tagħhom
li jissuġġerixxi li l-falsifikaturi jinqdew bil-forum shopping.
Fl-aħħarnett, in-nuqqas attwali ta’ livell minimu u livell massimu
ta’ sanzjonijiet għal reati ta’ distribuzzjoni jikkostitwixxi theddida
perikoluża fir-rigward tad-distribuzzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea
ta' karti tal-flus foloz magħmula f'pajjiżi terzi, kif ġie muri
permezz tal-għadd konsiderevoli ta’ stamperiji żarmati f’pajjiżi
terzi (eż. l-Kolombja u l-Perù) u l-qbid relatat ta' ammonti kbar ta'
euros foloz u muniti oħrajn lesti biex jiġu esportati lejn l-Unjoni
Ewropea jew distribwiti fi ħdanha. Għalhekk jista’ jiġi
konkluż li d-daqs attwali tad-differenzi fis-sistemi ta' sanzjonijiet
tal-Istati Membri għandhom impatt negattiv fuq il-protezzjoni tal-euro u
muniti oħra mill-iffalsifikar permezz ta' miżuri tal-liġi
kriminali. Il-livell attwali tas-sanzjonijiet huwa
wieħed mir-raġunijiet għal deterrenza insuffiċjenti u
protezzjoni irregolari madwar l-Unjoni Ewropea kollha tal-munita tagħha.
Il-livell massimu għal sanzjonijiet kriminali jikkostitwixxi għodda
waħda għall-prosekuturi u l-imħallfin biex jiddeterminaw
is-sanzjonijiet li jridu jiġu imposti fuq il-kriminal, iżda din
tibqa’ inkompluta mingħajr l-issettjar ta’ livell minimu fiss. Minħabba
li fil-prattika l-istandard minimu għall-piena massima huwa rarament
impost, piena minima tista’ titqies bħala aktar disswassiva u ta’ valur
prattiku kbir għall-ħarsien tal-euro. Għal dawk li jkollhom
it-tentazzjoni li jiffalsifikaw l-euro, se jkun l-għarfien
tas-sanzjonijiet possibbli li se jiskoraġġihom; id-differenza bejn li
wieħed jiġi kkundannat għal priġunerija għal
ċertu żmien minimu minflok jingħata multa, pereżempju, hija
ovvja. Għaldaqstant, is-sanzjonijiet minimi jikkontribwixxu għal
sistema wiesgħa tal-UE konsistenti għall-ħarsien tal-euro. L-euro hija l-munita unika tal-Unjoni
Ekonomika u Monetarja stabbilita mill-Unjoni Ewropea. Għalhekk l-euro hija
tassew "prodott" Ewropew komuni li għandu jiġi mħares
b'mod konsistenti madwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari billi jiġi stabbilit
livell minimu ta’ piena għal każijiet serji ta' reati ta' produzzjoni
u distribuzzjoni. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri
għandhom jipprevedu l-ħarsien komprensiv tal-euro u jikkumbattu
r-reati kontra l-euro fuq bażi komuni. Wara il-Konvenzjoni Internazzjonali
għat-Trażżin tal-Iffalsifikar tal-Munita ("il-Konvenzjoni
ta' Ġinevra")[10]
u il-prinċipju ta 'non-diskriminazzjoni ta' muniti oħra previsti
fl-Artikolu 5, il-muniti kollha se jgawdu minn din iż-żieda
fil-protezzjoni tal-euro. 1.2. Il-kuntest legali 1.2.1. Il-liġi kriminali Il-Konvenzjoni ta' Ġinevra tistipula
regoli li jiżguraw li jkunu jistgħu jiġu imposti pieni kriminali
iebsa u sanzjonijiet oħrajn għal reati ta’ ffalsifikar. Din
tħaddan fiha wkoll regoli dwar il-ġurisdizzjoni u l-kooperazzjoni.
Minn mindu ġiet irratifikata l-Konvenzjoni ta' Ġinevra li fuqha kien
hemm qbil fl-20 ta' April 1929, intlaħaq ċertu livell
ta’ approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kontra
l-iffalsifikar tal-munità. Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill
2000/383/ĠAI dwar li tiżdied il-protezzjoni permezz ta' pieni
kriminali u sanzjonijiet oħra kontra l-iffalsifikar in konnessjoni
mad-dħul tal-euro[11]
għandha l-għan li tissupplimenta, fit-territorju tal-Unjoni Ewropea,
id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1929. Hija
tidentifika prattiki li għandhom jiġu kkunsidrati bħala
kastigabbli, minbarra l-att attwali tal-falsifikazzjoni,
bħad-distribuzzjoni. Għal dawn ir-reati, id-Deċiżjoni
Kwadru teħtieġ pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi.
Barra dan, fiha dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni u dwar
ir-responsabilità ta' persuni ġuridiċi. Id-Deċiżjoni Kwadru
ġiet emendata mid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/888/ĠAI
tas-6 ta’ Diċembru 2001[12],
li introduċiet dispożizzjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kundanni
bl-għan li jiġu rikonoxxuti "reati ripetuti". L-Istati Membri kienu obbligati li jittrasponu
d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI
sad-29 ta’ Mejju 2001 u d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill
2001/888/ĠAI sal-31 ta' Diċembru 2002. Il-Kummissjoni
vvalutat l-implimentazzjoni tagħhom fi tliet rapporti[13]. Minkejja l-iżvilupp
tal-acquis tal-UE f'dan il-qasam, ċerti nuqqasijiet qed isiru
viżibbli. Għalkemm l-Istati Membri kollha, għajr għal xi
eċċezzjonijiet żgħar, implimentaw formalment
id-Deċiżjoni Kwadru b'mod korrett, l-Istati Membri adottaw regoli
diverġenti u konsegwentement sikwit adottaw livelli diverġenti ta'
protezzjoni u prassi fi ħdan is-sistemi legali nazzjonali tagħhom. 1.2.2. Dispożizzjonijiet
tal-Unjoni ulterjuri f'dan il-qasam Id-Deċiżjoni
Kwadru hija parti minn qafas legali komprensiv li jikkonsisti anke
f’miżuri amministrattivi u ta’ taħriġ: ·
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98
tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni tal-euro[14]. Huwa jobbliga lill-Istati
Membri taż-żona tal-euro jiżguraw sanzjonijiet adegwati kontra
l-frodi u l-iffalsifikar tal-karti u muniti tal-euro; ·
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001
tat-28 ta' Ġunju 2001 li jistabbilixxi miżuri
neċessarji għall-protezzjoni mill-iffalsifikar tal-euro[15], aġġornat permezz
tar-Regolament tal-Kunsill 44/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008[16]. Huwa jirregola kif il-karti u
l-muniti tal-euro jistgħu jiddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni
b’tali mod li jkunu protetti kontra l-iffalsifikar. Barra minn hekk,
kwistjonijiet bħall-aċċess u l-ġbir ta' dejta teknika u
statistika dwar karti u muniti foloz, l-eżaminazzjoni ta’ karti tal-flus u
ta’ muniti foloz miċ-Ċentri għall-Analiżi Nazzjonali u
l-obbligi tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċ-ċentralizzazzjoni
tal-informazzjoni fil-livell nazzjonali huma indirizzati. Ir-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 1339/2001 tat-28 ta’ Ġunju 2011[17] jestendi l-effetti
tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001 għal dawk l-Istati Membri li
m’adottawx l-euro bħala l-munita unika tagħhom. ·
Id-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali
Ewropew tas-16 ta’ Settembru 2010 dwar il-verifika
tal-awtentiċità u l-kundizzjoni u r-riċirkulazzjoni tal-karti
tal-flus tal-euro (BĊE/2010/14)[18]; ·
Ir-Regolament (UE) Nru 1210/2010 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tal-
15 ta’ Diċembru 2010 li jikkonċerna l-awtentikazzjoni
tal-muniti tal-euro u t-trattament ta' muniti tal-euro li mhumiex tajba
għaċ-ċirkolazzjoni[19]; ·
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2182/2004
tas-6 ta' Diċembru 2004 dwar midalji u tokens simili
għall-muniti tal-euro[20],
emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 46/2009
tat-18 ta' Diċembru 2008[21]; ·
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill
2005/511/ĠAI tat-12 ta' Lulju 2005 dwar il-protezzjoni
tal-euro kontra l-falsifikazzjoni, permezz tan-nomina tal-Europol bħala
l-Uffiċċju Ċentrali għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni
tal-euro[22]; ·
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill
2002/187/ĠAI tat-28 ta' Frar 2002 li tistabbilixxi Eurojust
bl-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità
serja[23]
billi tistimola u ttejjeb l-koordinazzjoni u l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet
ġudizzjarji kompetenti tal-Istati Membri wkoll fil-qasam tal-iffalsifikar
tal-euro; ·
Azzjonijiet immirati lejn l-iskambju,
l-għajnuna u t-taħriġ ta’ aġenti tal-infurzar tal-liġi
biex jistabbilixxu rabtiet professjonali eqreb għal ġlieda aktar
effiċjenti kontra l-falsifikazzjoni tal-euro huma ffinanzjati mill-Unjoni
permezz tal-programm Pericles, li ġie stabbilit bid-Deċiżjoni
tal-Kunsill 2001/923/KE tas-17 ta' Diċembru 2001[24]. 2. IR-RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET
TAL-IMPATT 2.1. Il-konsultazzjonijiet
mal-partijiet interessati Il-Kummissjoni
kkonsultat il-partijiet interessati f'għadd ta' okkażjonijiet.
Il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati bdiet waqt it-58 laqgħa
tal-Grupi ta’ Esperti dwar l-Iffalsifikar tal-Euro[25] (ECEG) li saret
fl-10 ta' Novembru 2011 u kompliet matul laqgħat
sussegwenti tal-ECEG. Esperti u speċjalisti[26] kienu ikkonsultati
ulterjurment matul il-Konferenza tal-Aja li ttellgħet bejn it-23 u
l-25 ta’ Novembru 2011.
Fl-20 ta’ Diċembru 2011 ntbagħat kwestjonarju dwar
l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru lill-Istati Membri.
Ir-riżultati tal-kwestjonarju u triq 'il quddiem possibbli ġew
diskussi matul id-59 laqgħa tal-ECEG fl-14 ta’ Marzu u
fis-60 laqgħa fit-13 ta' Ġunju 2012. Il-BĊE
u l-Europol ħadu sehem f'dan il-proċess u pprovdew il-kontribut
tagħhom, anke permezz ta’ kontribuzzjonijiet diretti lill-Kummissjoni. Minn din il-konsultazzjoni jista' jiġi
konkluż li l-partijiet interessati jqisu li huwa neċessarju li
jiġi pprovdut valur miżjud lill-prattikanti għall-ħarsien
tal-euro u muniti oħra permezz ta’ miżuri tal-liġi kriminali.
Waslu żewġ proposti konkreti fir-rigward tat-titjib tal-liġi
kriminali proċedurali: proposta waħda biex it-tekniki investigattivi,
bħall-konsenja kkontrollata jiġu allinjati, aġenti sigrieti; u
proposta oħra għall-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet li
jobbligaw lill-awtoritajiet ġudizzjarji biex jibagħtu kampjuni
tal-flus foloz sekwestrati għal analiżi teknika bl-iskop li jiġu
skoperti aktar flus foloz fiċ-ċirkolazzjoni. Il-BĊE esprima appoġġ qawwi
għat-tisħiħ tal-qafas tal-liġi kriminali, partikolarment
permezz tat-tisħiħ u l-armonizzazzjoni tal-pieni u anke billi
jiġu stabbiliti standards għal pieni minimi. 2.2. Il-Valutazzjoni tal-Impatt Il-Kummissjoni
wettqet valutazzjoni tal-impatt tal-alternattivi ta' politika, filwaqt li
qieset il-konsultazzjonijiet tal-partijiet interessati. Wara li kkunsidrat
l-għażliet possibbli, l-valutazzjoni tal-impatt tikkonkludi li
s-soluzzjoni preferuta hija din li ġejja : –
iż-żamma tal-biċċa l-kbira
tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill
2000/383/ĠAI fi proposta ġdida, b’modifiki żgħar u
b’kunsiderazzjoni tat-Trattat ta' Liżbona; –
il-modifika tad-dispożizzjonijiet dwar il-pieni
billi tiddaħħal piena minima ta' sitt xhur għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni
ta’ flus foloz u piena massima ta' mill-inqas tmien snin
għad-distribuzzjoni; –
l-introduzzjoni ta' dispożizzjoni ġdida
li tobbliga lill-Istati Membri jipprevedu għall-possibbiltà li
jintużaw ċerti għodod investigattivi; –
l-introduzzjoni ta' dispożizzjoni ġdida
li tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li ċ-Ċentri
għall-Analiżi Nazzjonali u ċ-Ċentri għall-Analiżi
tal-Munita Nazzjonali jkunu jistgħu janalizzaw ukoll flus foloz tal-euro
anke waqt li jkunu għaddejjin proċedimenti ġudizzjarji bl-iskop
li jinstabu aktar flus foloz. 3. L-ELEMENTI LEGALI
TAL-PROPOSTA 3.1. Il-bażi ġuridika Ir-responsabbiltà tal-UE li tistabbilixxi
"regoli minimi dwar id-definizzjoni ta' reati kriminali u sanzjonijiet
fl-oqsma tal-kriminalità partikolarment gravi ta' dimensjoni transkonfinali li
jirriżultaw min-natura jew l-impatt ta' dawn ir-reati jew minn
ħtieġa partikolari li jiġu miġġielda fuq bażijiet
komuni" hija stipulata fl-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-iffalsifikar ta' mezzi ta' ħlas hija
msemmija espliċitament fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 83 tat-TFUE
bħala qasam ta' reati partikolarment serju. 3.2. Is-sussidjarjetà,
il-proporzjonalità u r-rispett għad-drittijiet fundamentali. Huwa meqjus li hemm il-ħtieġa
għal azzjoni tal-UE li tkun imsejsa fuq il-fatturi li ġejjin: L-iffalsifikar tal-euro joħloq problema
ġenwina lill-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha,
lill-istituzzjonijiet finanzjarji u l-impriżi. Il-fatt li l-euro hija
l-munita unika taż-żona tal-euro jimplika li r-reat tal-iffalsifikar
tal-euro jeħtieġ li jiġi kkunsidrat bħala li jikkawża
l-istess ħsara kullimkien fiż-żona tal-euro irrispettivament
minn fejn jitwettaq. Din id-dimensjoni pan-Ewropea teħtieġ
ġlieda simili kontra l-iffalsifikar u teħtieġ li l-kriminali jaffaċċjaw
pieni ekwivalenti, ikun fejn ikun fl-Unjoni Ewropea li twettaq ir-reat. Din il-pożizzjoni partikolari tal-euro,
li hija l-munita unika tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja stabbilita mill-Unjoni
Ewropea u għalhekk “prodott” verament Ewropew, teħtieġ li
l-protezzjoni tagħha tiġi żgurata fil-livell tal-UE. Fiha
nnifisha, hija saħansitra aktar "iċċentrata fl-Unjoni"
minn xi qasam soġġett għall-armonizzazzjoni tar-regoli fl-Istati
Membri. L-UE biss tinsab f'pożizzjoni li
tiżviluppa leġiżlazzjoni vinkolanti b'effett madwar l-Istati
Membri kollha, u għalhekk li toħloq qafas legali li jikkontribwixxi
biex jingħelbu n-nuqqasijiet tas-sitwazzjoni preżenti. Skont l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta'
Ġinevra, ma għandha ssir l-ebda distinzjoni fl-iskala tal-kastig bejn
atti li jkollhom x’jaqsmu mal-munita domestika fuq naħa u munita barranija
fuq in-naħa l-oħra. Għalhekk, iż-żieda fil-protezzjoni
tal-euro għandha tiġi estiża għall-muniti kollha. Il-pieni proposti huma proporzjonati
għall-gravità tar-reati u l-impatt konsiderevoli tal-iffalsifikar tal-euro
u muniti oħra fuq iċ-ċittadini u n-negozji. Dawn huma
f'konformità mal-pieni previsti attwalment fil-liġi
tal-maġġoranza tal-Istati Membri. Peress li bosta Stati Membri
diġà jipprevedu l-kunċett ta' pieni minimi, huwa xieraq u konsistenti
li l-kunċett ta' pieni minimi jintuża fil-livell tal-Unjoni. Sabiex
jiġi garantit li s-severità tal-pieni ma tkunx sproporzjonata
għar-reat, qed tiġi proposta salvagwardja speċifika għal
każijiet ta' ammonti iżgħar ta' flus foloz, jiġifieri
livell wieħed inqas mil-limitu li taħtu tista’ tiġi imposta
piena ta’ priġunerija u livell ieħor li taħtu tista’ tiġi
imposta multa, sakemm il-każ ma jkunx jippreżenta ċirkustanzi
partikolarment serji. Dan pereżempju jista’ jkun il-każ fejn il-flus iffalsifikati
jiġu skoperti f'ċirkostanzi li jkunu jissuġġerixxu b’mod
ċar li ġew prodotti jew li kellhom jiġu prodotti ammonti akbar.
Il-livelli magħżula għandhom ikunu għolja
biżżejjed biex iqisu każijiet minuri, iżda fl-istess
ħin baxxi biżżejjed sabiex jiggarantixxu effett deterrenti
tas-sanzjoni u sabiex iqisu l-importanza tal-ġenwinità tal-karti tal-flus
u l-muniti u l-fiduċja li ċ-ċittadini għandhom fihom. Din id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri
jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom, l-iskala tal-pieni previsti
fl-Artikolu 5, u ma jinżlux taħt il-livelli minimi mitluba.
Madankollu, ir-regoli u l-prinċipji ġenerali tal-liġi kriminali
nazzjonali dwar l-applikazzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi skont
iċ-ċirkostanzi konkreti jibqgħu applikabbli. Dan jinkludi regoli
ġenerali dwar l-applikazzjoni ta’ sentenzi għall-minorenni,
f’każijiet ta’ tentattiv, għal parteċipazzjoni ta’
appoġġ biss jew meta min iwettaq ir-reat jikkontribwixxi biex
jinkixfu jew jiġu prevenuti reati serji. Fir-rigward tal-eżekuzzjoni
tas-sentenzi, jibqgħu japplikaw prinċipji ġenerali bħal
pereżempju għal sentenza sospiża ta’ priġunerija,
alternattivi għall-priġunerija (sorveljanza elettronika) jew tmiem
antiċipat tal-priġunerija. F'każijiet individwali, il-qrati se
jeżerċitaw id-diskrezzjoni tagħhom billi jqisu
ċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti kollha fi ħdan il-qafas
legali applikabbli. Kwalunkwe miżura tal-liġi kriminali
proposta ġiet evalwata u mfassla fid-dawl tal-effetti possibbli
tagħha fuq il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali. Il-proposta hija rilevanti
għad-drittijiet u l-prinċipji tal-Karta tal-UE tad-Drittijiet
Fundamentali (minn hawn 'il quddiem il-Karta) li ġejjin: id-dritt
għal-libertà u l-ħajja tal-familja (bil-possibbiltà ta’ priġunerija
għal min jinstab ħati), il-libertà li wieħed jagħżel
impjieg u jmexxi negozju (bil-possibbiltà ta’ skwalifika għal min jinstab
ħati), id-dritt għall-proprjetà (bil-possibbiltà li jitwaqqfu
n-negozji li jkunu kkommettew reati), il-prinċipju tal-legalità u
l-proporzjonalità ta’ reati u pieni kriminali (minħabba li
d-definizzjonijiet tar-reati u l-iskala tal-pieni huma stipulati), id-dritt li
wieħed ma jiġix iġġudikat darbtejn (minħabba
l-interazzjoni mas-sistemi amministrattivi tas-sanzjonijiet). Dawn
l-interferenzi huma ġġustifikati għaliex jgħinu biex
jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti
mill-Unjoni (ara l-paragrafu 1 tal-Artikolu 52 tal-Karta), u b'mod
partikolari sabiex jipprovdu miżuri effettivi u deterrenti sabiex tiġi
mħarsa l-euro u muniti oħrajn. Ġie żgurat bir-reqqa li dawn
il-miżuri ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex
jintlaħaq dan l-għan u għalhekk huma proporzjonati. B’mod
partikolari, is-salvagwardji espliċiti fl-istrument innifsu ġew
stipulati u dawn jispeċifikaw id-dritt għal rimedju effettiv u
għal proċess ġust, inklużi d-drittijiet tad-difiża, li
jiżguraw livell ekwivalenti ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva
mill-qrati nazzjonali. Il-pieni mitluba huma proporzjonati għar-reati
kommessi. 3.3. L-għażla
tal-istrumenti Sabiex jiġu stabbiliti
dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali fuq il-bażi
tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 83 tat-TFUE, l-istrument ix-xieraq hu
direttiva. 3.4. Dispożizzjonijiet
speċifiċi L-Artikolu 1: Suġġett – din id-dispożizzjoni toffri deskrizzjoni tal-kamp ta’
applikazzjoni u l-għan tal-proposta. L-Artikolu 2: Definizzjonijiet – din id-dispożizzjoni tistabbilixxi definizzjonijiet li
japplikaw għall-istrument kollu. L-Artikolu 3: Reati – din id-dispożizzjoni tiddefinixxi r-reati ewlenin li
għandhom jiġu kriminalizzati mill-Istati Membri u tagħmilha
ċara li ċerti ċirkostanzi tal-att tar-reat jaqgħu fil-kamp
ta' applikazzjoni. L-Artikolu 4: Istigazzjoni,
Għajnuna u Kompliċità, Tentattiv – din
id-dispożizzjoni hija applikabbli għar-reati kollha msemmija hawn fuq
u teħtieġ li l-Istati Membri jikkriminalizzaw kull forma ta’
preparazzjoni u parteċipazzjoni. Ir-responsabbiltà kriminali għal
tentattiv hija inkluża għall-maġġoranza tar-reati. L-Artikolu 5: Pieni – din id-dispożizzjoni hija applikabbli għar-reati kollha
msemmija hawn fuq fl-Artikolu 3 u 4. Din teħtieġ li l-Istati
Membri japplikaw pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi skont
il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għal każijiet
aktar serji ta’ reati ta’ produzzjoni u distribuzzjoni ta' flus foloz, din
tistipula sanzjoni ta' priġunerija f’firxa ta' bejn sitt xhur u tmien snin
għal persuni fiżiċi. L-ogħla limitu minimu ta’ tmien snin
huwa diġà previst fid-Deċiżjoni Kwadru 2000/383/ĠAI
għar-reat ta' produzzjoni. L-Artikoli 6 u 7: Ir-responsabbiltà u
t-tipi ta’ sanzjonijiet għal persuni ġuridiċi – dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli għar-reati
kollha msemmija fl-Artikolu 3 u 4. Dawn jeħtieġu li l-Istati
Membri jiżguraw ir-responsabbiltà ta' persuni ġuridiċi, filwaqt
li jeskludu li din ir-responsabbiltà hija alternattiva għal dik ta’
persuni fiżiċi, u li japplikaw sanzjonijiet effettivi, proporzjonati
u dissważivi fuq persuni ġuridiċi, u jagħtu idea ta’
sanzjonijiet possibbli. L-Artikolu 8: Il-ġurisdizzjoni – din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq il-prinċipji
ta’ territorjalità u personalità. Dan huwa applikabbli għar-reati kollha
msemmija fl-Artikoli 3 u 4. Dan jirrikjedi l-ġurisdizzjoni
tal-awtoritajiet ġudizzjarji li tippermettilhom jibdew
investigazzjonijiet, imexxu prosekuzzjonijiet u jtellgħu l-qorti
każijiet marbuta mal-iffalsifikar tal-flus. Hija tobbliga lill-Istati
Membri li l-munita tagħhom hija l-euro li jeżerċitaw
il-ġurisdizzjoni universali dwar reati tal-iffalsifikar tal-euro taħt
ċerti kundizzjonijiet. Fil-każ ta' proċeduri paralleli,
id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2009/948/ĠAI[27]
tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prevenzjoni u
r-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ eżerċiżżju ta’
ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali, tippromwovi kooperazzjoni
aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet kompetenti. Wara id-Deċiżjoni
tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta' Frar 2002, il-membru
nazzjonali tal-Eurojust għandu jiġi infurmat b’kull każ fejn
ikunu nqalgħu jew ikun hemm ċans li jinqalgħu kunflitti ta'
ġurisdizzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 8 ta' din id-Direttiva
jitlob li l-Istati Membri jikkonċentraw il-proċedimenti kriminali fi
Stat Membru wieħed sakemm dan ma jkunx xieraq. L-Artikolu 9: Għodod
investigattivi – id-dispożizzjoni għandha
l-għan li tiżgura li l-għodod investigattivi li huma previsti
fil-liġi nazzjonali għall-kriminalità organizzata jew każijiet
oħra ta' delitti serji jistgħu jintużaw ukoll f’każijiet
ta’ falsifikar ta’ flus. L-Artikolu 10: L-obbligu ta’
trasmizzjoni ta’ karti u muniti tal-euro foloz għall-analiżi u
s-sejba ta' flus foloz – id-dispożizzjoni
tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li Ċentri
għall-Analiżi Nazzjonali u ċ-Ċentri għall-Analiżi
tal-Munita Nazzjonali jista’ janalizza wkoll flus foloz tal-euro waqt li jkunu
għaddejin proċedimenti ġudizzjarji bl-iskop li jinstabu aktar
flus foloz. L-Artikolu 11: Relazzjoni
mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra –
id-dispożizzjoni titlob li l-Istati Membri jkunu partijiet kontraenti
fi-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Ġinevra
tal-20 ta' April 1929. L-Artikolu 12: Is-sostituzzjoni
tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI – din id-dispożizzjoni tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet
attwali fil-qasam tal-iffalsifikar tal-munita fir-rigward tal-Istati Membri li
qed jipparteċipaw f'din id-Direttiva. L-Artikolu 13: Traspożizzjoni – id-dispożizzjoni titlob li l-Istati Membri jittrasponu
d-Direttiva fi żmien 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ
tagħha. L-Istati Membri għandhom jibagħtu t-test ta’ dawn
id-dispożizzjonijiet kif ukoll id-dispożizzjonijiet futuri fil-qasam
kopert b’din id-Direttiva lill-Kummissjoni. L-Istati Membri mhumiex obbligati
jittrasmettu dokumenti ta’ spjegazzjoni, għaliex id-Direttiva fiha
għadd limitat ta’ obbligi legali u tikkonċerna qasam delimitat
fil-livell nazzjonali. L-Artikoli 14, 15 u 16 – jinkludu dispożizzjonijiet ulterjuri dwar ir-rappurtar mill-Kummissjoni
u r-reviżjoni; id-dħul fis-seħħ u d-destinatarji 4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA
Din il-proposta ma għandha l-ebda
implikazzjoni baġitarja għall-baġit tal-Unjoni Ewropea. 2013/0023 (COD) Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U
TAL-KUNSILL dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti
oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali, u li
tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament
tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 83(1) tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Wara li kkonsultaw mal-Bank Ċentrali
Ewropew, Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att
leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
Ekonomiku u Soċjali Ewropew[28], Filwaqt li jaġixxu skont
il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, Billi: (1) Bħala l-munita unika
kondiviża mill-Istati Membri taż-żona tal-euro, l-euro saret
fattur importanti fl-ekonomija tal-Unjoni u fil-ħajja ta’ kuljum
taċ-ċittadini tagħha. Huwa fl-interess tal-Unjoni kollha li
topponi u tmur wara kwalunkwe attività li x'aktarx tipperikola
l-awtentiċità tal-euro minħabba l-falsifikazzjoni. (2) Il-flus foloz għandhom
effett konsiderevolment ħażin fuq is-soċjetà. Dawn huma ta’
ħsara għaċ-ċittadini u n-negozji li mhumiex rimborżati
għall-flus foloz anke jekk dawn ikunu waslulhom b’rieda tajba. Huwa ta’
importanza fundamentali li jiġu żgurati l-fiduċja u l-kunfidenza
fl-awtentiċità tal-karti u l-muniti għaċ-ċittadini,
il-kumpaniji u l-istituzzjonijiet finanzjarji. (3) Huwa essenzjali li jiġi
żgurat li miżuri tal-liġi kriminali effettivi u effiċjenti
jipproteġu l-euro u kwalunkwe valuta oħra li
ċ-ċirkolazzjoni tagħha hija legalment awtorizzata b'mod xieraq
fl-Istati Membri kollha. (4) Ir-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni
tal-euro[29]
jobbliga l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro li jiżguraw
sanzjonijiet kontra l-frodi u l-iffalsifikar tal-karti u l-muniti tal-euro. (5) Ir-Regolamenti tal-Kunsill
(KE) Nru 1338/2001[30]
u Nru 1339/2001[31]
tat-28 ta' Ġunju 2001 jistabbilixxu l-miżuri
neċessarji għall-protezzjoni mill-iffalsifikar tal-euro, b'mod
partikolari miżuri biex il-euros foloz jitneħħew
miċ-ċirkolazzjoni. (6) Il-Konvenzjoni
Internazzjonali għat-Trażżin tal-Iffalsifikar tal-Munita iffirmata
f'Ġinevra fl-20 ta' April 1929 u l-Protokoll tagħha
("il-Konvenzjoni ta' Ġinevra")[32]
tistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni u l-ikkastigar
tar-reat tal-iffalsifikar tal-flus. B’mod partikolari, din għandha
l-għan li tiżgura li pieni kriminali iebsa u sanzjonijiet oħrajn
jistgħu jiġu imposti għal reati ta’ falsifikar tal-flus.
Il-partijiet kontraenti kollha tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra jridu japplikaw
il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni għal muniti oħra li mhumiex
il-munita domestika tagħhom. (7) L-għan ta' din
id-Direttiva huwa li tissupplimenta id-disposizzjonijiet u tiffaċilita
l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra mill-Istati Membri. (8) Din id-Direttiva tibni fuq u
taġġorna d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI
dwar li tiżdied il-protezzjoni permezz ta' pieni kriminali u sanzjonijiet
oħra kontra l-iffalsifikar inkonnessjoni mad-dħul tal-euro[33]. Din id-Direttiva
tikkumplimenta d-Deċiżjoni Kwadru b’aktar dispożizzjonijiet
fil-livell ta’ pieni, għodod investigattivi u l-analiżi,
l-identifikazzjoni u s-sejba ta' flus foloz matul il-proċedimenti
ġudizzjarji. Id-Deċiżjoni Kwadru għandha tiġi
sostitwita b’din id-Direttiva fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li qed
jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva. (9) Id-Direttiva għandha
tipproteġi kwalunkwe karti tal-flus u muniti li ċ-ċirkolazzjoni
tagħhom hija legalment awtorizzata, irrispettivament minn jekk dawn ikunux
tal-karta, tal-metall jew ta’ kwalunkwe materjal ieħor. (10) Il-protezzjoni tal-euro u
muniti oħrajn teħtieġ definizzjoni komuni tar-reati marbuta
mal-iffalsifikar tal-munita kif ukoll għal tipi ta' sanzjonijiet komuni
kemm għall-persuni fiżiċi u kif ukoll dawk legali. Sabiex
tiġi żgurata l-koerenza mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, din
id-Direttiva għandha tipprevedi li l-istess reati jkunu kastigabbli
bħal kif inhuma fil-Konvenzjoni. Għalhekk, il-produzzjoni ta' karti u
muniti foloz u d-distribuzzjoni tagħhom għandu jkun reat kriminali.
Ix-xogħol preparatorju importanti għal dawk ir-reati, pereżempju
l-produzzjoni tal-istrumenti u l-komponenti għall-iffalsifikar,
għandhom jiġu kkastigati b’mod indipendenti. L-għan komuni ta’
dawk id-definizzjonijiet tar-reati għandu jkun li jaġixxi bħala
deterrent għal kull immaniġġar ta' karti u muniti foloz,
strumenti u għodod għall-iffalsifikar. (11) L-użu ħażin ta'
faċilitajiet jew materjali legali ta’ stamperiji jew zekek awtorizzati
għall-produzzjoni ta’ karti u muniti mhux awtorizzati għal użu
qarrieqi għandhom jitqiesu wkoll bħala ffalsifikar. Dan ikopri
sitwazzjonijiet fejn bank ċentrali nazzjonali jew zekka jew industrija
awtorizzata oħra tipproduċi ammont ta’ karti jew muniti li
jaqbeż il-kwota awtorizzata mill-Bank Ċentrali Ewropew. Dan ikopri
wkoll sitwazzjonijiet fejn impjegat ta' stamperija jew zekka legali jabbuża
mill-faċilitajiet għall-iskopijiet tiegħu stess. Dak l-aġir
għandu jkun kastigabbli bħala reat ta’ ffalsifikar anke jekk
il-kwantitajiet awtorizzati ma jkunux inqabżu, għaliex il-flus foloz
li jkunu ġew prodotti, ladarba jkunu daħlu
fiċ-ċirkolazzjoni, ma jkunux jistgħu jintgħarfu minn karti
u muniti awtorizzati. (12) Karti tal-flus u muniti li
l-Bank Ċentrali Ewropew jew il-banek ċentrali u z-zekek nazzjonali
jkunu għadhom ma ħarġux formalment għandhom jkunu protetti
wkoll minn din id-Direttiva. Għaldaqstant, pereżempju, il-muniti
tal-euro b'naħat nazzjonali ġodda jew serje ġdida ta’ karti
tal-euro għandhom ikunu protetti qabel ma jiddaħħlu
uffiċjalment fiċ-ċirkolazzjoni. (13) Istigazzjoni, għajnuna u
kompliċità, tentattiv biex jitwettqu r-reati prinċipali
tal-iffalsifikar, inkluż l-użu ħażin ta' faċilitajiet
jew materjal legali u inkluż l-iffalsifikar ta' karti u muniti li jkunu
għadhom ma ħarġux iżda li jkunu maħsuba
għaċ-ċirkolazzjoni, għandhom ukoll jiġu ppenalizzati
fejn xieraq. Din id-Direttiva ma teħtieġx li l-Istati Membri
jagħmlu kastigabbli tentattiv sabiex jitwettaq reat marbut ma' strument
jew komponent għall-iffalsifikar. (14) Is-sanzjonijiet għal
reati ta’ ffalsifikar għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u
disswassivi madwar l-Unjoni kollha. (15) L-iffalsifikar tal-munita huwa
tradizzjonalment reat soġġett għal livell għoli ta’
sanzjonijiet fl-Istati Membri. Dan huwa minħabba n-natura serja u l-impatt
tar-reat fuq iċ-ċittadini u n-negozji u minħabba l-bżonn li
tiġi żgurata l-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni
fin-natura ġenwina tal-euro u ta’ muniti oħra. Dan hu partikolarment
minnu għall-euro, li hija l-munita unika ta' 330 miljun persuna
fiż-żona tal-euro u li hija t-tieni l-aktar munita internazzjonali
importanti. (16) Għalhekk, l-Istati Membri
għandhom jipprevedu ċerti tipi u livelli minimi ta’ sanzjonijiet.
Il-kunċett ta' pieni minimi huwa attwalment previst f’maġġoranza
ta’ Stati Membri. Huwa konsistenti u xieraq li dan l-approċċ
jiġi adottat fil-livell tal-Unjoni. (17) Il-livelli tas-sanzjonijiet
għandhom ikunu effettivi u dissważivi iżda ma għandhomx
imorru oltre dak li huwa proporzjonat għar-reati. Il-piena għal
persuni fiżiċi f'każijiet serji, jiġifieri, għar-reati
prinċipali tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' flus foloz li jinvolvi
ammont kbir ta' karti u muniti foloz jew li jinvolvi ċirkostanzi
partikolarment serji, għandha għalhekk tkun piena minima ta’
mill-inqas sitt xhur u piena massima ta' mill-inqas tmien snin priġunerija.
(18) Il-piena minima ta' sitt xhur,
tgħin biex tiżgura li r-reati tal-iffalsifikar tal-euro u muniti
oħra jingħataw l-istess prijorità mill-infurzar tal-liġi u
l-awtoritajiet ġudizzjarji u b’hekk tiffaċilita l-kooperazzjoni
transkonfinali. Din tikkontribwixxi biex jitnaqqas ir-riskju tal-hekk
imsejjaħ forum-shopping. Barra minn hekk, hija tippermetti li persuni
kkundannati jkunu jistgħu jiġu ċeduti bl-għajnuna ta'
Mandat ta' Arrest Ewropew sabiex tkun tista’ tingħata sentenza ta'
kustodja jew ordni ta' detenzjoni. (19) L-Istati Membri għandu
jkollhom il-possibiltà li jimponu żmien qasir ta’ priġunerija jew li
jevitaw il-priġunerija f'każijiet fejn il-valur nominali totali
tal-karti u muniti ffalsifikati ma jkunx sinifikanti jew ma jkunx jinvolvi
ċirkostanzi partikolarment serji. Dak il-valur għandu jkun inqas minn
EUR 5 000, jiġifieri għaxar darbiet aktar mill-ogħla
denominazzjoni tal-euro, għall-każijiet li jitolbu piena oħra
għajr għall-priġunerija, u inqas minn EUR 10 000
għall-każijiet li jitolbu inqas minn sitt xhur priġunerija. (20) Din id-Direttiva hija bla
ħsara għar-regoli u għall-prinċipji ġenerali
tal-liġi kriminali nazzjonali dwar l-applikazzjoni u l-eżekuzzjoni
tas-sentenzi skont iċ-ċirkustanzi konkreti ta’ kull każ
individwali. (21) Billi l-fiduċja
fin-natura ġenwina tal-karti u l-muniti tista’ wkoll tiġi pperikolata
jew mhedda bl-aġir ta' persuni ġuridiċi, il-persuni
ġuridiċi għandhom ikunu responsabbli għar-reati kriminali
mwettqa f'isimhom. (22) Sabiex jiġi żgurat
is-suċċess tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjoni ta’ reati ta’
ffalsifikar tal-munita, dawk responsabbli għall-investigazzjoni u
l-prosekuzzjoni ta' tali reati għandu jkollhom aċċess
għall-għodod investigattivi użati fil-ġlieda kontra
l-kriminalità organizzata jew reati serji oħra. Dawk l-għodod
jistgħu jinkludu pereżempju, l-interċezzjoni ta’
komunikazzjonijiet, sorveljanza sigrieta inkluża sorveljanza elettronika,
il-monitoraġġ ta’ kontijiet tal-bank jew investigazzjonijiet
finanzjarji oħra, b'kunsiderazzjoni, fost oħrajn, tal-prinċipju
tal-proporzjonalità u tan-natura u s-serjetà tar-reati investigati. (23) L-Istati Membri għandhom
jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tagħhom b'koerenza mal-Konvenzjoni ta'
Ġinevra u d-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni
f'leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar il-liġi kriminali, jiġifieri,
għal reati kommessi fit-territorju tagħhom u għal reati mwettqa
miċ-ċittadini tagħhom. Ir-rwol ewlieni tal-euro fl-ekonomija u
s-soċjetà tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll it-theddida speċifika
għall-euro bħala munita ta' importanza dinjija teħtieġ
miżura oħra biex din tkun imħarsa. Għalhekk, kull Stat
Membru li l-munita tiegħu hija l-euro għandu jeżerċita
l-ġurisdizzjoni universali, għal reati marbuta mal-euro mwettqa barra
mill-Unjoni Ewropea, jekk min iwettaq ir-reat ikun fit-territorju tiegħu
jew jekk f'dak l-Istat Membru jinstabu euros foloz marbuta mar-reat. Meta jkunu
qegħdin jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni universali, l-Istati
Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità, b 'mod
partikolari fir-rigward ta' kundanni minn pajjiż terz għall-istess
aġir. (24) L-iffalsifikar spiss
jikkonċerna diversi Stati Membri fl-istess ħin, fejn pereżempju
l-produzzjoni tkun qed titwettaq fi Stat Membru wieħed u d-distribuzzjoni
f'ieħor jew f’oħrajn. B’konformità mal-mekkaniżmi stabbiliti
fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2009/948/ĠAI
tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prevenzjoni u
r-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ eżerċiżżju ta’
ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali[34], l-Istati Membri għandhom
f’każijiet transkonfinali bħal dawn jikkonċentraw
il-proċedimenti kriminali inkluża l-prosekuzzjoni fi Stat Membru
wieħed, sakemm dan ma jkunx xieraq. Dan huwa b'mod partikolari l-każ
fejn din il-konċentrazzjoni tista’ tiffaċilita l-investigazzjoni
bħal bi qbid ta' provi jew fejn tippermetti lill-Qorti tikkunsidra
l-iskala sħiħa tar-reat f’kundanna waħda. Wara
id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI
tat-28 ta' Frar 2002 li tistabbilixxi Eurojust bl-għan li
tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja[35], il-membru nazzjonali
tal-Eurojust għandu jiġi infurmat b’kull każ fejn ikunu
nqalgħu jew ikun hemm ċans li jinqalgħu kunflitti ta'
ġurisdizzjoni. (25) Għall-euro,
l-identifikazzjoni ta' karti u muniti foloz hija ċċentralizzata fuq
Ċentri għall-Analiżi Nazzjonali u, rispettivament,
iċ-Ċentri Nazzjonali għall-Analiżi tal-Muniti li
nħatru jew twaqqfu skont ir-Regolament (KE) Nru 1338/2001.
Għandu jkun possibbli wkoll li ssir analiżi, identifikazzjoni u sejba
ta’ karti u muniti foloz tal-euro waqt li jkunu għaddejjin
il-proċedimenti ġudizzjarji sabiex dawn it-tipi ta' flus foloz
jinżammu jew jitwaqqfu milli jibqgħu jiċċirkolaw,
bir-rispett dovut tal-prinċipju ta' proċess ġust u effettiv.
B’mod ġenerali, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom jawtorizzaw
it-trasmissjoni fiżika tal-flus foloz liċ-Ċentri Nazzjonali
għall-Analiżi u ċ-Ċentri Nazzjonali għall-Analiżi
tal-Muniti. F'ċerti ċirkostanzi, pereżempju fejn ikunu biss ftit
karti u muniti foloz li jikkostitwixxu l-provi għall-proċedimenti
kriminali jew fejn it-trasmissjoni fiżika tirriżulta f’riskju ta’
qerda tal-provi bħall-marki tas-swaba’, l-awtoritajiet ġudizzjarji
għandhom minflok ikunu jistgħu jiddeċiedu li jagħtu
l-aċċess għall-karti tal-flus u l-muniti. (26) Din id-Direttiva tirrispetta
d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod
partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b’mod
speċjali d-dritt għal-libertà u s-sigurtà, ir-rispett għal
ħajja privata u tal-familja, il-libertà li wieħed jagħżel
impjieg u d-dritt għax-xogħol, il-libertà li wieħed ikollu
negozju, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għal rimedju effettiv u
għal proċess ġust, id-dritt għall-preżunzjoni
tal-innoċenza u d-dritt għad-difiża, il-prinċipji
tal-legalità u l-proporzjonalità tar-reati kriminali u l-pieni, kif ukoll il-projbizzjoni
ta’ ġudizzju jew piena doppja fi proċeduri kriminali
għall-istess reat kriminali. Din id-Direttiva tfittex li tiżgura
rispett sħiħ għal dawn id-drittijiet u prinċipji u trid
tiġi implimentata kif meħtieġ. (27) Ladarba l-għan ta' din
id-Direttiva ma jistax jintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri
weħidhom, u għalhekk jista' minħabba raġunijiet ta’ skala u
effetti jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista'
tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit
fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju
tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dan l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx
lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dan l-għan. (28) [F'konformità
mal-Artikoli 3 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni
tar-Renju Unit u l-Irlanda, fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u
ġustizzja, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw
ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din
id-Direttiva. U/JEW (29) Skont l-Artikoli 1 u 2
tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda
fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness
għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament
tal-Unjoni Ewropea, u bla ħsara għall-Artikolu 4 ta' dak
il-Protokol, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex jieħdu sehem fl-adozzjoni u
l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u mhumiex marbutin biha jew
soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.] (30) F’konformità mal-Artikoli 1
u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness
għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament
tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din
id-Direttiva u mhix marbuta biha jew soġġetta
għall-applikazzjoni tagħha, ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Suġġett Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi
li jikkonċernaw id-definizzjoni ta' reati kriminali u sanzjonijiet
fil-qasam tal-iffalsifikar tal-euro u muniti oħra. Hija tintroduċi
wkoll dispożizzjonijiet komuni biex tissaħħaħ
il-ġlieda kontra dawn ir-reati u biex l-investigazzjoni tagħhom
tittejjeb. Artikolu 2 Definizzjonijiet Għall-finijiet ta' din id-Direttiva,
għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: (a)
"munita" tfisser karti tal-flus u muniti
li ċ-ċirkolazzjoni tagħhom hija legalment awtorizzata,
inklużi karti tal-euro u muniti tal-euro li ċ-ċirkolazzjoni
tagħhom ġiet awtorizzata skont ir-Regolament (KE) Nru 974/98; (b)
“persuna ġuridika” tfisser kull entità li
jkollha personalità ġuridika skont il-liġi applikabbli, barra minn
Stati jew korpi pubbliċi fl-eżerċizzju tal-awtorità Statali u
għal organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi. (c)
"Konvenzjoni ta' Ġinevra" tfisser
il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Trażżin tal-Iffalsifikar
tal-Munita, iffirmata f'Ġinevra fl-20 ta' April 1929 u
l-Protokoll tagħha; Artikolu 3 Reati 1. L-Istati Membri għandhom
jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li
l-aġir li ġej, meta jsir intenzjonalment, ikun kastigabbli bħala
reat kriminali: (a)
kull fabrikazzjoni jew alterazzjoni frodulenti ta'
munita, ikun x'ikun il-mezz li jintuża; (b)
it-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni b'mod
frodulenti ta' munita falza; (c)
l-importazzjoni, l-esportazzjoni, it-trasport, li
tirċievi jew tikseb munita falza bl-iskop li titqiegħed
fiċ-ċirkolazzjoni u bl-għarfien tal-falsità tagħha; (d)
li b'mod frodulenti tagħmel, tirċievi,
tikseb jew ikollok (i) strumenti, artikoli, programmi
tal-kompjuter u mezzi oħrajn addattati b'mod speċjali
għall-iffalsifikar jew l-alterazzjoni tal-munita; jew (ii) ologrammi jew biċċiet
oħrajn tal-munita li għandhom l-iskop li jipproteġu
mill-iffalsifikar. 2. L-aġir imsemmi
fil-paragrafu 1 jinkludi aġir fir-rigward tal-karti jew muniti li qed
jiġu mmanifatturati jew li ġew immanifatturati bl-użu ta' faċilitajiet
jew materjali legali bi ksur tad-drittijiet jew li l-kundizzjonijiet li
taħthom l-awtoritajiet kompetenti jistgħu joħorġu flus jew
muniti. 3. L-aġir imsemmi
fil-paragrafu 1 jinkludi aġir marbut ma’ karti u muniti li
għadhom ma ħarġux, iżda huma maħsuba
għaċ-ċirkolazzjoni u huma ta' munita legali. Artikolu 4 Istigazzjoni, għajnuna u
kompliċità, u tentattiv 1. L-Istati Membri għandhom
jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li
l-istigazzjoni jew l-għajnuna u l-kompliċità fir-rigward ta' reat
imsemmi fl-Artikolu 3 ikun kastigabbli bħala reat kriminali. 2. L-Istati Membri għandhom
jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li xi tentattiv
biex jitwettaq reat imsemmi fil-punti (a), (b) jew (c) tal-Artikolu 3 (1)
huwa kastigabbli bħala reat kriminali. Artikolu 5 Pieni 1. L-Istati Membri għandhom
jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li
l-aġir imsemmi fl-Artikoli 3 u 4 jkun kastigabbli b'pieni kriminali
effettivi, proporzjonati u dissważivi, inklużi multi u priġunerija. 2. Għar-reati msemmija
fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 3(1) li jinvolvu karti u muniti ta’
valur nominali totali ta’ inqas minn EUR 5 000 u li ma jinvolvux
ċirkustanzi partikolarment serji, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu
multa minflok priġunerija. 3. L-offiżi msemmija
fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 3(1) li jinvolvu karti u muniti ta’
valur nominali totali ta’ mill-inqas EUR 5 000 għandhom ikunu
kastigabbli bi priġunerija b'piena massima ta' mill-inqas tmien snin. 4. L-offiżi msemmija
fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 3(1) li jinvolvu karti u muniti ta’
valur nominali totali ta' mill-inqas EUR 10 000 jew li jinvolvu
ċirkustanzi partikolarment serji għandhom ikunu kastigabbli b’ (a)
piena minima ta’ mill-inqas sitt xhur priġunerija;
(b)
piena massima ta’ mill-inqas tmien snin priġunerija. Artikolu 6 Ir-responsabbiltà ta’ persuni
ġuridiċi 1. L-Istati Membri għandhom
jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li persuni
ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli
għar-reati msemmija fl-Artikolu 3 u 4 li jkunu twettqu
għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna li jew
taġixxi individwalment jew bħala parti minn organu tal-persuna
ġuridika, li jkollha pożizzjoni ta' tmexxija fi ħdan il-persuna
ġuridika, ibbażata fuq: (a)
setgħa ta’ rappreżentanza tal-persuna
ġuridika; jew (b)
awtorità li tieħu deċiżjonijiet
f'isem il-persuna ġuridika; jew (c)
awtorità li teżerċita kontroll fi
ħdan il-persuna ġuridika. 2. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw ukoll li persuna ġuridika tkun tista' tinżamm
responsabbli meta n-nuqqas ta' superviżjoni jew kontroll, minn persuna
msemmija fil-paragrafu 1, tkun għamlet possibbli t-twettiq ta’ reat
imsemmi fl-Artikoli 3 u 4 għall-benefiċċju ta' dik
il-persuna ġuridika minn persuna taħt l-awtorità tagħha. 3. Ir-responsabbiltà ta’ persuna
ġuridika skont il-paragrafi 1 u 2 m’għandhiex teskludi
proċedimenti kriminali kontra persuni fiżiċi li huma awturi,
instigaturi jew aċċessorji fir-reati msemmija fl-Artikoli 3 u 4. Artikolu 7 It-tipi ta’ sanzjonijiet għal
persuni ġuridiċi L-Istati Membri għandhom jieħdu
l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuna ġuridika li
tkun meqjusa responsabbli skont Artikolu 6 tiġi soġġetta
għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, li
għandhom jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali u li jistgħu
jinkludu sanzjonijiet oħra, bħal: (a)
l-esklużjoni mid-dritt
għall-benefiċċji pubbliċi jew l-għajnuna pubblika; (b)
l-iskwalifika temporanja jew permanenti
mill-prattika ta' attivitajiet kummerċjali; (c)
it-tqegħid taħt is-sorveljanza tal-qorti; (d)
l-ordni ta' stralċ ġudizzjarju; (e)
l-għeluq temporanju jew permanenti ta'
stabbilimenti li ntużaw biex isir ir-reat. Artikolu 8 Ġurisdizzjoni 1. Kull Stat Membru għandu
jieħu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxi
l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq ir-reati msemmija fl-Artikoli 3 u 4
fejn: (a)
ir-reat jitwettaq totalment jew parzjalment
fit-territorju tiegħu; (b)
l-awtur tar-reat huwa wieħed
miċ-ċittadini tiegħu; 2. Kull Stat Membru li l-munita
tiegħu hija l-euro għandu jieħu l-miżuri meħtieġa
biex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq ir-reati msemmija
fl-Artikoli 3 u 4 mwettqa barra l-Unjoni Ewropea, almenu meta dawn ikunu
marbuta mal-euro u fejn (a)
l-awtur tar-reat jinsab fit-territorju tal-Istat
Membru; jew (b)
instabu karti u muniti foloz tal-euro marbuta
mar-reat fl-Istat Membru. Għall-finijiet tal-prosekuzzjoni għal
kwalunkwe reat, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri
meħtieġa biex jiżgura li l-ġurisdizzjoni tiegħu ma
tkunx subordinata għall-kundizzjoni li l-atti huma reat kriminali fil-post
fejn ikunu twettqu. 3. L-Istati Membri għandhom
jikkonċentraw il-proċedimenti kriminali fi Stat Membru wieħed,
sakemm dan ma jkunx xieraq. Artikol 9 Għodod investigattivi L-Istati Membri għandhom jieħdu
l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-għodod
investigattivi, bħal dawk li jintużaw f'każijiet ta' kriminalità
organizzata jew ta' kriminalità serja oħra, ikunu disponibbli
għall-persuni, l-unitajiet jew is-servizzi responsabbli
għall-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tar-reati msemmijin
fl-Artikoli 3 sa 4. Artikolu 10 L-obbligu tat-trasmissjoni ta’ karti u
muniti foloz tal-euro għall-analiżi u s-sejba ta' flus foloz 1. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jippermettu
l-eżaminazzjoni ta’ karti u muniti tal-euro ssuspettati li huma foloz
għall-analiżi, l-identifikazzjoni u s-sejba ta' aktar flus foloz.
Għal dan l-għan, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom
jibagħtu l-kampjuni meħtieġa ta' kull tip ta' karti tal-flus
issusspettati li huma foloz liċ-Ċentru Nazzjonali
għall-Analiżi u kull tip ta’ munità ssuspettata li hija falza liċ-Ċentru
Nazzjonali tal-Analiżi tal-Muniti mingħajr dewmien. 2. Jekk il-kampjuni
neċessarji ta' karti u muniti ssusspettati li huma foloz ma jistgħux
jiġu trasmessa għaliex ikun meħtieġ li dawn jinżammu
bħala evidenza fi proċedimenti kriminali sabiex jiggarantixxu proċess
ġust u effettiv u d-dritt għal difiża tal-awtur issuspettat,
iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Analiżi u ċ-Ċentru
għall-Analiżi Nazzjonali tal-Muniti għandu jingħata
aċċess għalihom mingħajr dewmien. Artikolu 11 Ir-rabta mal-Konvenzjoni ta'
Ġinevra L-Istati Membri għandhom jidħlu
jagħmlu parti jew jibqgħu parti mill-Konvenzjoni ta' Ġinevra. Artikolu 12 Is-sostituzzjoni
tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI Id-Deċiżjoni
Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI hija b’dan sostitwita b’rabta
mal-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva
mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' dawk l-Istati Membri
marbuta mal-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni
tad-Deċiżjoni Kwadru fil-liġi nazzjonali. Fir-rigward tal-Istati Membri li jkunu qed
jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva, ir-referenzi
għad-Deċiżjoni Kwadru 2000/383/ĠAI għandhom jiġu
interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva. Artikolu 13 Traspożizzjoni 1. L-Istati Membri għandhom
idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u
d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw
ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [18-il xahar wara d-dħul
fis-seħħ ta’ din id-Direttiva]. Huma għandhom jikkomunikaw
minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn
id-dispożizzjonijiet, jeħtieġ li jkun hemm referenza għal
din id-Direttiva jew li jkunu akkumpanjati minn referenza bħal din waqt
il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li
jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza. 2. L-Istati Membri għandhom
jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin
tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-kamp kopert minn din id-Direttiva. Artikolu 14 Ir-rappurtar tal-Kummisjoni u
r-reviżjoni Il-Kummissjoni
għandha, sa [5 snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha],
tissottometti rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva lill-Parlament
Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jevalwa sa fejn l-Istati Membri
ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din
id-Direttiva. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk meħtieġ,
minn proposta leġiżlattiva. Artikolu 15 Dħul fis-seħħ Din id-Direttiva għandha tidħol
fis-seħħ fl-[għoxrin] jum wara dak tal-pubblikazzjoni
tagħha f’ll-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Artikolu 16 Destinatarji Din id-Direttiva
hija indirizzata lill-Istati Membri f’konformità mat-Trattati. Magħmul fi Strasburgu, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] Ara Il-Bank Ċentrali Ewropew
(BĊE), http://www.ecb.int/press/key/date/2013/html/sp130110.en.html. [2] Rapport annwali tal-BĊE 2011. [3] Stqarrija għall-istampa
tal-BĊE tal-10 ta' Jannar 2013, http://www.ecb.int/press/PR/data/2013/html/pr130110
2.mt.html. [4] Il-Protezzjoni tal-Muniti tal-Euro
fl-2011. Is-sitwazzjoni fir-rigward
tal-iffalsifikar tal-muniti tal-euro u l-attivitajiet taċ-Ċentru
Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) ibbażati fuq l-Artikolu 4
tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 4290
tad-29 ta' Ottubru 2004. [5] Il-Valutazzjoni ta' Theddid
mill-Kriminalità Organizzata 2011 (OCTA 2011). [6] Ara, pereżempju,
l-istqarrijiet għall-istampa tal-Europol
tat-13 ta' Diċembru 2011, il-15 u
d-29 ta' Ġunju 2012, it-13 ta’ Awwissu 2012,
id-9 ta’ Diċembru 2012, https://www.europol.europa.eu/latest_press_releases. [7] L-Anness 6 tal-valutazzjoni
tal-impatt, it-tabella bis-sanzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri sa
April 2011 tal-kumpanija Ġermaniża Bundesbank. [8] Ara t-Taqsima 3.2.1.3
tal-Valutazzjoni tal-impatt u l-Anness 3 tagħha. [9] L-istudju ffoka fuq il-15-il Stat
Membru li ġejjin: Il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Ġermanja,
il-Greċja, il-Finlandja, Franza, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja,
il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, Spanja, l-Iżvezja u l-Pajjiżi
l-Baxxi. [10] No 2623, p. 372. Serje ta' Trattati tal-Lega tan-Nazzjonijiet
1931. Il-Konvenzjoni ġiet
ratifikata minn 26 Stat Membru tal-UE. Malta (għadha) ma rratifikathiex. [11] ĠU L 140
tal-14 ta’ Ġunju 2000, p. 1. [12] ĠU L 329
tal-14 ta’ Diċembru 2001, p. 3. [13] L-ewwel rapport adottat
f’Diċembru 2001, COM (2001) 771 finali; It-tieni rapport f'Settembru 2003, COM (2003) 532 finali; it-tielet rapport f'Settembru 2007, COM (2007)
524 finali. [14] ĠU L 139, 11.5.1998,
p. 1. [15] ĠU L 181, 4.7.2001,
p. 6. [16] ĠU L 17, 22.1.2009,
p. 1. [17] ĠU L 181, 4.7.2001,
p. 11. [18] ĠU L 267, 9.10.2010,
p. 1. [19] ĠU L 339, 22.12.2010,
p. 1. [20] ĠU L 373, 21.12.2004,
p. 1. [21] ĠU L 17, 22.1.2009,
p. 5. [22] ĠU L 185, 17.7.2005,
p. 35. [23] ĠU L 63, 6.3.2002,
p. 1. [24] ĠU L 339, 21.12.2001,
p. 50. Għal
aġġornament dwar il-programm, ara l-proposta għal Regolament
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta' skambju,
assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra
l-iffalsifikar (COM(2011)0913) finali. [25] L-ECEG hija
pprovduta fir-Regolament (KE) Nru 1338/2001 u huwa kompost minn esperti
mill-Istati Membri, il-BĊE, l-Europol u l-OLAF/ETSC. [26] Rappreżentanti
mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet ġudizzjarji,
il-banek ċentrali u z-zekek. [27] ĠU L 328, 15.12.2009,
p. 42. [28] ĠU C [ ] p.[ ] . [29] ĠU L 139, 11.5.1998,
p. 1. [30] ĠU L 181, 4.7.2001,
p. 6. [31] ĠU L 181, 4.7.2001,
p. 11. [32] No 2623, p. 372 il-Lega
tan-Nazzjonijiet – is-Serje ta' Trattati tal-1931. [33] ĠU L 140, 14.6.2000,
p. 1. [34] ĠU L 328, 15.12.2009,
p. 42–47. [35] ĠU L 63, 6.3.2002,
p. 1.