52013PC0020

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-preżentazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ applikazzjonijiet għal entrati ġodda fl-Anness VIII jew IX tal-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta' Riskju u d-Disponiment Minnhom /* COM/2013/020 final - 2013/0011 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           Il-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta' Riskju u d-Disponiment Minnhom, li saret fit-22 ta’ Marzu 1989 (il-“Konvenzjoni ta’ Basilea"), tistabbilixxi proċedura ta’ kontroll għall-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-iskart ta’ riskju bejn il-Partijiet. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1992 u issa torbot 175 Parti. L-UE hija waħda mill-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basilea.

2.           Il-proċedura sabiex jiġu emendati l-annessi tal-Konvenzjoni ta’ Basilea hija rregolata mill-Artikoli 17 u 18 tal-Konvenzjoni. Aktar speċifikament, kwalunkwe emenda proposta għandha ssir minn Parti u tiġi kkomunikata mis-Segretarjat lill-Partijiet kollha tal-inqas sitt xhur qabel il-laqgħa li fiha tiġi proposta għall-adozzjoni. Barra minn hekk, kwalunkwe emenda ta’ dan it-tip għandha tiġi adottata waqt laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet u tista’ tidħol fis-seħħ sitt xhur wara d-data li fiha d-Depożitarju jkun ħareġ notifika permezz ta’ ċirkolari.

3.           L-applikazzjonijiet għal entrati ġodda fl-Anness VIII jew IX tal-Konvenzjoni ta’ Basilea huma rregolati mill-proċedura miftiehma fit-8 laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Basilea fl-ambitu tad-Deċiżjoni VIII/15 “Reviżjonijiet tal-proċedura għall-analiżi jew l-aġġustament tal-listi ta' skart li hemm fl-Annessi VIII u IX”.

4.           Skont l-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjaġġi ta’ skart[1], l-annessi ta' dan ir-Regolament jistgħu jiġu emendati skont il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[2] sabiex jittieħed kont tal-progress xjentifiku u tekniku. Skont l-Artikolu 58(1) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006, it-tipi ta’ skart jistgħu jiġu miżjuda mal-Annessi IIIA, IIIB, IV jew V fuq bażi provviżorja sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-inklużjoni tagħhom fl-annessi rilevanti tal-Konvenzjoni ta' Basilea jew tad-Deċiżjoni C(2001)107/Finali tal-Kunsill tal-OECD li tikkonċerna r-reviżjoni tad-Deċiżjoni C(92)39/Finali dwar il-kontroll tal-movimenti transkonfini ta’ skarti destinati għal operazzjonijiet ta’ rkupru.

5.           Wara l-introduzzjoni ta’ emenda fl-Anness IIIA, IIIB, IV jew V tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006, ikun meħtieġ, sabiex tinżamm il-konsistenza, li jiġu ppreżentati, f’isem l-Unjoni Ewropea, l-applikazzjonijiet meħtieġa għall-entrati korrespondenti fl-Anness VIII jew IX tal-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta' Riskju u d-Disponiment Minnhom.

6.           Skont il-proċedura miftiehma fit-8 laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Basilea fl-ambitu tad-Deċiżjoni VIII/15, kwalunkwe emenda proposta għandha ssir minn Parti u tiġi kkomunikata mis-Segretarjat lill-Partijiet kollha tal-inqas sitt xhur qabel il-laqgħa li fiha tiġi proposta għall-adozzjoni. Kwalunkwe emenda ta’ dan it-tip għandha tiġi adottata waqt laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet u tista’ tidħol fis-seħħ sitt xhur wara d-data li fiha d-Depożitarju jkun ħareġ notifika permezz ta’ ċirkolari.

2013/0011 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-preżentazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ applikazzjonijiet għal entrati ġodda fl-Anness VIII jew IX tal-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta' Riskju u d-Disponiment Minnhom

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 191(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Bħala Parti għall-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta' Riskju u d-Disponiment Minnhom, l-Unjoni Ewropea tista’ tagħmel proposti għal emendi tal-annessi tal-Konvenzjoni ta’ Basilea.

(2)       L-applikazzjonijiet għal entrati ġodda fl-Anness VIII jew IX tal-Konvenzjoni ta’ Basilea huma rregolati mill-proċedura miftiehma fit-8 laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Basilea fl-ambitu tad-Deċiżjoni VIII/15 “Reviżjonijiet tal-proċedura għall-analiżi jew l-aġġustament tal-listi ta' skart li hemm fl-Annessi VIII u IX”.

(3)       Wara l-introduzzjoni ta’ emenda fl-Anness IIIA, IIIB, IV jew V tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjaġġi ta’ skart[3], jidher li jkun meħtieġ li tiġi żgurata l-konsistenza mal-Anness VIII jew IX tal-Konvenzjoni ta’ Basilea billi dawn jiġu emendati kif ikun xieraq.

(4)       Għalhekk, l-Unjoni għandha tippreżenta l-applikazzjonijiet meħtieġa fir-rigward tal-entrati li jidhru fl-Anness IIIA, IIIB, IV jew V tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 li jistgħu jiddaħħlu fl-Anness VIII jew IX tal-Konvenzjoni ta’ Basilea.

(5)       B’kunsiderazzjoni għal-laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Basilea li fiha qiegħda tiġi proposta għall-adozzjoni emenda tal-Anness VIII jew IX tal-Konvenzjoni, huwa xieraq li l-Unjoni tippreżenta, lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Basilea, l-applikazzjonijiet meħtieġa għal entrati ġodda f’dawn l-annessi minn tal-inqas sitt xhur qabel din il-laqgħa.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Wara l-introduzzjoni ta’ emenda li ddaħħal entrati ġodda fl-Anness IIIA, IIIB, IV jew V tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 li jkunu jistgħu jiddaħħlu fl-Anness VII jew IX tal-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta' Riskju u d-Disponiment Minnhom, l-Unjoni għandha tippreżenta l-applikazzjonijiet neċessarji fl-ambitu tal-Konvenzjoni.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dawn l-applikazzjonijiet lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Basilea tal-inqas sitt xhur qabel il-laqgħa li jmiss tal-Partijiet għall-Konvenzjoni.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 190, 12.7.2006, p.1

[2]               ĠU L 312, 22.11.2008, p.3

[3]               ĠU L 190, 12.7.2006, p.1