Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar prekursuri tad-droga /* COM/2013/03 final - 2013/0004 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA Fit-23 ta’ Marzu 2009
il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati
mal-Federazzjoni Russa dwar Ftehim rigward il-prekursuri tad-droga. Wara
t-tnedija tan-negozjati f’Settembru 2009, saru erba’ sessjonijiet ta’ negozjar.
F’Settembru 2012, it-test tal-Ftehim ġie finalment miftiehem bejn
il-Partijiet. Dan il-Ftehim huwa mmirat li
jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni
Russa biex jiġi evitat l-iżvijar tal-prekursuri tad-drogi
mill-kummerċ legali kontra l-manifattura illeċita ta’ drogi
narkotiċi u sustanzi psikotropiċi. Minħabba li dan il-Ftehim jista’ kultant
jimplika skambju ta’ dejta personali, huwa jinkludi dispożizzjonijiet
speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-dejta sabiex jipprovdu protezzjoni
biżżejjed għaċ-ċittadini fl-użu tad-dejta
tagħhom. Il-Kummissjoni tikkunsidra li t-test huwa
skont id-direttivi tan-negozjati. Għalhekk il-Kummissjoni mistiedna tadotta
l-proposta mehmuża għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar
ta’ dan il-Ftehim. Fl-istess ħin, proposta separata
għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ dan
il-Ftehim qed tiġi ppreżentata wkoll. 2. IR-RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET
TAL-IMPATT L-Istati Membri kienu informati b’mod regolari
dwar l-abbozz tal-Ftehim fi ħdan il-Grupp/Kumitat ta’ Ħidma dwar
il-Prekursuri tad-Drogi u fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar
l-Unjoni Doganali. Ma kien hemm l-ebda bżonn li ssir
valutazzjoni tal-impatt. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA Il-Kunsill hu mitlub li jadotta
deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-abbozz tal-Ftehim
ibbażata fuq l-Artikolu 207 (4) flimkien
mal-Artikolu 218 (5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni
Ewropea. Il-proposta taqa’ taħt il-politika komuni
tal-kummerċ, li hija kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għalhekk,
il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax. 4. IMPLIKAZZJONIJIET
BAĠITARJI Il-proposta ma għandha l-ebda
implikazzjoni baġitarja għall-baġit tal-Unjoni. 5. OĦRAJN L-abbozz tal-Ftehim huwa konsistenti
mal-politika tad-droga deskritta fl-Istrateġija tal-UE għad-Drogi
2005-2012, billi tipprevedi azzjoni għat-tnaqqis tal-provvista ta’
prekursuri, u, b’hekk, tnaqqas il-produzzjoni tad-drogi. Proposta għal deċiżjoni
tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-abbozz tal-Ftehim hija
ppreżentata fl-istess waqt li qed titressaq din il-proposta għal
deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-abbozz ta’ Ftehim. 2013/0004 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea,
tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar prekursuri
tad-droga IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu
tal-Artikolu 207 (4) flimkien mal-Artikolu 218 (5) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) L-Unjoni Ewropea u
l-Federazzjoni Russa għandhom isaħħu l-kooperazzjoni
tagħhom biex jevitaw l-iżvijar tal-prekursuri tad-drogi
mill-kummerċ legali kontra l-manifattura illeċita ta’ drogi
narkotiċi u sustanzi psikotropiċi. (2) Fit-23 ta’ Marzu 2009,
il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati
mal-Federazzjoni Russa għal Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni
Russa dwar prekursuri tad-droga, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ
“il-Ftehim”. In-negozjati tmexxew mill-Kummissjoni fil-qafas tad-direttivi ta’
negozjati adottati mill-Kunsill u reċentement ġew konklużi. (3) Il-Ftehim għandu
jiżgura rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, b’mod
partikolari livell ogħli ta’ protezzjoni għall-ipproċessar u
t-trasferiment tad-dejta personali bejn il-Partijiet. (4) Il-Ftehim għandu jkun
iffirmat f’isem l-Unjoni Ewropea, suġġett li jkun konkluż f’data
aktar tard, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u
l-Federazzjoni Russa dwar prekursuri tad-droga huwa b’dan approvat f’isem
l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi. It-test tal-Ftehim li għandu jiġi
ffirmat jinsab mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Is-Segretarjat
Ġenerali tal-Kunsill jistabbilixxi l-istrument ta’ setgħat
sħaħ għall-iffirmar tal-Ftehim, suġġett
għall-konklużjoni tiegħu, għall-persuna (jew il-persuni)
indikata/indikati min-negozjatur tal-Ftehim. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni tidħol
fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ANNESS FTEHIM BEJN
L-UNJONI EWROPEA U
L-FEDERAZZJONI RUSSA DWAR
PREKURSURI TAD-DROGA L-UNJONI EWROPEA min-naħa waħda, u, L-FEDERAZZJONI RUSSA, min-naħa l-oħra, minn issa ’l quddiem imsejħa bħala “Il-Partijiet”, FIL-QAFAS tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti
tal-1988 kontra t-Traffiku Illeċitu fi Drogi Narkotiċi u Sustanzi
Psikotropiċi, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Konvenzjoni tal-1988”; IDDETERMINATI li jevitaw u jiġġieldu
kontra l-manifattura illeċita tad-drogi narkotiċi u s-sustanzi
psikotropiċi bil-prevenzjoni tal-iżvijar mill-kummerċ
leġittimu ta’ sustanzi użati ta’ spiss fil-manifattura illeċita
ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi (minn hawn ’il quddiem
imsejħa “prekursuri”); B’KUNSIDERAZZJONI tal-qafas legali globali bejn
il-Federazzjoni Russa u l-Unjoni Ewropea; FILWAQT LI JINNUTAW li l-kummerċ
internazzjonali jista’ jintuża għall-iżvijar ta’ prekursuri
bħal dawn; KONVINTI dwar il-ħtieġa li jiġu
konklużi u implimentati ftehimiet bejn il-Partijiet ikkonċernati,
bl-iskop li tiġi stabbilita kooperazzjoni wiesgħa, b’mod partikolari
li jikkonċernaw il-kontrolli tal-esportazzjoni u l-importazzjoni; FILWAQT LI JAGĦRFU li l-użu
prinċipali u mifrux tal-prekursuri huwa għal skopijiet leġittimi
u li l-kummerċ internazzjonali ma għandux jiġi mfixkel minn
proċeduri eċċessivi ta’ monitoraġġ. FTIEHMU KIF ĠEJ: Artikolu 1 L-Ambitu tal-Ftehim 1. Dan
il-Ftehim ifassal miżuri biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni
bejn il-Partijiet biex jiġi evitat l-iżvijar mill-kummerċ
leġittimu ta’ prekursuri, mingħajr preġudizzju
għall-kummerċ leġittimu f’dawn il-prekursuri. 2. Il-Partijiet
jgħinu lil xulxin, kif stipulat f’dan il-Ftehim, b’mod partikolari billi: – jagħmlu
monitoraġġ tal-kummerċ bejn il-Partijiet ta’ prekursuri
bil-għan li jipprevjenu l-użu tagħhom għal skopijiet
illeċiti, – jipprovdu
assistenza reċiproka għall-finijiet ta’ prevenzjoni tal-iżvijar
ta’ prekursuri bħal dawn. 3. Il-miżuri
msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu japplikaw
għall-prekursuri elenkati fl-Anness I ta’ dan il-Ftehim (minn hawn
’il quddiem msemmija bħala “prekursuri skedati”). Artikolu 2 Il-miżuri ta’ implimentazzjoni 1. Il-Partijiet
jinfurmaw lil xulxin bil-miktub dwar l-awtoritajiet kompetenti rispettivi
tagħhom. Dawn l-awtoritajiet
jikkommunikaw direttament ma’ xulxin għall-għanijiet ta’ dan
il-Ftehim. 2. Il-Partijiet
jinfurmaw lil xulxin dwar id-dispożizzjonijiet legali rispettivi
tagħhom u miżuri oħra applikati biex jimplimentaw dan il-Ftehim. Artikolu 3 Monitoraġġ tal-kummerċ 1. L-awtoritajiet
kompetenti tal-Partijiet jinfurmaw lil xulxin fuq inizjattiva tagħhom kull
meta jkollhom raġunijiet motivati biex jemmnu li prekursuri skedati
f’kummerċ leġittimu bejn il-partijiet jistgħu jiġu
żvijati għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew
sustanzi psikotropiċi. 2. Fir-rigward
tal-prekursuri skedati l-awtoritajiet kompetenti tal-Parti li qiegħda
tesporta tibgħat notifika ta’ qabel l-esportazzjoni li jkun fiha
l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12 (10) punt a)
tal-Konvenzjoni tal-1988 lill-awtoritajiet kompetenti tal-Parti li timporta. It-tweġiba bil-miktub mill-awtoritajiet
kompetenti tal-Parti li timporta tiġi pprovduta permezz ta’ mezzi
tekniċi ta’ kominikazzjoni fi żmien 21 jum wara li tkun irċeviet
il-messaġġ mingħand l-awtoritajiet kompetenti tal-Parti li
tesporta. In-nuqqas ta’ tweġiba fi żmien dan il-perjodu għandu
jitqies daqs li kieku m’hemm l-ebda oġġezzjoni biex tintbagħat
il-konsenja. Kull oġġezzjoni tiġi nnotifikata bil-miktub permezz
ta’ mezzi tekniċi ta’ komunikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti
tal-Parti li tesporta f’dan il-perjodu wara li jirċievu notifika ta’ qabel
l-esportazzjoni u jingħataw ir-raġunijiet
għall-oġġezzjoni. Artikolu 4 Assistenza reċiproka 1. Fl-ambitu ta’ dan
il-ftehim il-Partijiet jipprovdu lil xulxin assistenza reċiproka permezz
ta’ skambju ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12 (10)
punt a) tal-Konvenzjoni tal-1988 biex jevitaw l-iżvijar
tal-prekursuri skedati għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi
jew sustanzi psikotropiċi. Skont
il-leġislazzjoni tal-Partijiet, huma jieħdu l-passi xierqa biex
jevitaw l-iżvijar. 2. Il-Partijiet
ukoll jipprovdu lil xulxin fuq talba bil-miktub jew fuq l-inizjattiva
tagħhom stess assistenza reċiproka jekk ikun hemm raġunijiet li
wieħed jemmen li informazzjoni rilevanti oħra hija ta’ interess
għall-Parti l-oħra. 3. It-talba jkun fiha informazzjoni dwar dan li ġej: - l-għan u l-bażi tat-talba; - il-ħin tal-eżekuzzjoni mistennija tat-talba; - informazzjoni oħra li tista’
tintuża għall-eżekuzzjoni tat-talba. 4. It-talba diretta
bil-miktub fuq il-letter head uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti
tal-Parti li tagħmel it-talba tkun akkumpanjata minn traduzzjoni
f’waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Parti li ssirilha t-talba u
tiġi ffirmata minn persuni debitament awtorizzati tal-awtoritajiet
kompetenti tal-Parti li tagħmel it-talba. 5. L-awtoritajiet
kompetenti tal-Parti li ssirilha t-talba jieħdu l-miżuri kollha
neċessarji għall-eżekuzzjoni sħiħa tat-talba malajr
kemm jista’ jkun. 6. It-talbiet għal assistenza
jiġu eżegwiti skont il-leġislazzjoni tal-Parti li ssirilha
t-talba. 7. L-awtoritajiet
kompetenti tal-Parti li ssirilha t-talba malajr kemm jista’ jkun tinforma
l-awtoritajiet kompetenti tal-Parti li tagħmel it-talba dwar
iċ-ċirkostanzi li jipprevjenu jew idewmu l-eżekuzzjoni
tat-talba. Jekk
l-awtoritajiet kompetenti tal-Parti li tagħmel it-talba jiddikjaraw li ma
jkunx hemm aktar ħtieġa biex titlesta t-talba, dawn jinfurmaw kemm
jista’ jkun malajr lill-awtoritajiet kompetenti tal-Parti li ssirilha t-talba skont
dan. 8. Il-Partijiet
jistgħu jikkooperaw ma’ xulxin biex jimminimizzaw ir-riskju ta’ konsenji
illeċiti ta’ prekursuri li jiddaħħlu jew jinħarġu
mit-territorju tal-Federazzjoni Russa u mit-territorju doganali tal-Unjoni
Ewropea. 9. L-assistenza
provduta skont dan l-Artikolu ma għandhiex tkun ta’ preġudizzju
għar-regoli li jirregolaw l-assistenza bejn xulxin fil-kwistjonijiet
kriminali u ta’ estradizzjoni, u lanqas tapplika għall-informazzjoni
miksuba permezz tas-setgħat eserċitat skont it-talba tal-awtorità
ġudizzjarja, ħlief meta l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni bħal
din tkun awtorizzata minn dik l-awtorità. Artikolu 5 Il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-dejta 1. Il-Partijiet jieħdu l-miżuri
kollha biex jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni riċevuta. Jekk huwa impossibbli li jiżguraw
il-kunfidenzjalità tat-tagħrif mitlub, il-Parti li qed titlob
l-informazzjoni tinforma lill-Parti l-oħra kif xieraq li tiddeċiedi
jekk tipprovdix l-informazzjoni fuq dawn il-kundizzjonijiet. 2. Informazzjoni miksuba
skont dan il-Ftehim, inkluża dejta personali, tintuża biss
għall-iskopijiet ta’ dan il-Ftehim u ma tinżammx iktar milli jkun
meħtieġ għall-finijiet li għalihom hija trasferita skont
dan il-Ftehim. 3. B’deroga
għall-paragrafu 2, l-użu ta’ informazzjoni, inkluża dejta
personali, għal skopijiet ulterjuri mill-Awtoritajiet jew korpi
pubbliċi tal-Parti li tirċievi l-informazzjoni jiġi awtorizzat
biss wara approvazzjoni espressa minn qabel u bil-miktub tal-awtorità tal-Parti
li ttrasmettiet l-informazzjoni skont il-leġiżlazzjoni ta’ dik
il-Parti. Tali użu imbagħad ikun suġġett għal kull
kundizzjoni stabbilita minn dik l-awtorità. 4. Il-Partijiet
jistgħu fi proċeduri istitwiti minħabba nuqqas ta’ konformità
mal-leġiżlazzjoni dwar prekursuri skedati jużaw bħala
evidenza l-informazzjoni miksuba u d-dokumenti kkonsultati skont
id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim wara l-kunsens bil-miktub minn
qabel tal-awtoritajiet kompetenti tal-Parti li ssirilha t-talba li pprovdiet
id-dejta. 5. Fil-każ li jkun
hemm skambju ta’ dejta personali, l-ipproċessar tagħha jikkonforma
mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness II li huma obbligatorji
għall-Partijiet għall-Ftehim. Artikolu 6 Eċċeżżjonijiet
għall-obbligazzjoni tal-għoti ta’ assistenza reċiproka 1. Id-dispożizzjoni
tal-assistenza tista’ tiġi rrifjutata jew tista’ tkun soġġetta
għal ċerti kundizzjonijiet jew rekwiżiti, f’każijiet fejn
Parti tkun tal-opinjoni li l-assistenza skont dan il-Ftehim aktarx li
tippreġudika s-sovranità, is-sigurtà, il-politika pubblika jew interessi
essenzjali oħra tal-Federazzjoni Russa jew dik ta’ Stat Membru tal-Unjoni
Ewropea li jkun intalab biex jipprovdi assistenza skont dan il-Ftehim. 2. Għall-każijiet
imsemmija f’dan l-Artikolu, id-deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti
tal-Parti li ssirilha t-talba u r-raġunijiet għalhekk iridu jiġu
kkomunikati lill-awtoritajiet kompetenti tal-Parti li tagħmel it-talba
malajr kemm jista’ jkun. Artikolu 7 Kooperazzjoni fir-rigward prekursuri li ma
jkunux elenkati fl-Anness I 1. Il-Partijiet jistgħu, fuq bażi volontarja,
jiskambjaw informazzjoni dwar prekursuri mhux elenkati fl-Anness I ta’ dan
il-Ftehim (minn hawn ’il quddiem msemmija bħala “prekursuri mhux
skedati”). 2. Fil-każ tal-paragrafu 1 ta’ dan
l-Artikolu, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 (2) – (9)
japplikaw. 3. Il-Partijiet jistgħu jiskambjaw il-listi
tagħhom ta’ prekursuri mhux skedati. Artikolu 8 Kooperazzjoni teknika u xjentifika Il-Partijiet jikkooperaw fl-identifikazzjoni ta’ metodi
ġodda ta’ żvijar kif ukoll dwar kontromiżuri xierqa, li jinkludu
kooperazzjoni teknika u b’mod partikolari, taħriġ u programmi ta’
skambju għall-uffiċjali kkonċernati, biex isaħħu
l-istrutturi amministrattivi u ta’ infurzar f’dan il-qasam u jippromwovu
l-kooperazzjoni man-negozji u l-industrija. Artikolu 9 Grupp ta’ Esperti Konġunt ta’ Segwitu 1. Skont dan il-Ftehim, Grupp ta’ Esperti
Konġunt ta’ Segwitu huwa hawnhekk stabbilit li jikkonsisti
f’rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet (minn hawn ’il
quddiem imsejjaħ “il-Grupp ta’ Esperti Konġunt ta’ Segwitu”.) 2. Il-Grupp ta’ Esperti
Konġunt ta’ Segwitu jagħmel rakkomandazzjonijiet b’kunsens. 3. Il-Grupp ta’ Esperti
Konġunt ta’ Segwitu jiltaqa’, f’data, post u bi programm iffissati
b’kunsens. 4. Il-Grupp
ta’ Esperti Konġunt ta’ Segwitu jamministra dan il-Ftehim u jiżgura
li jiġi implimentat kif xieraq. Għal dan il-għan: – Jindirizza mistoqsijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim, – Jistudja u jirrikkmanda miżuri ta’ kooperazzjoni
teknika msemmija fl-Artikolu 8, – Jistudja u jirrikkmanda forom oħra possibbli ta’
kooperazzjoni, – Jikkunsidra kwistjonijiet oħra
tal-Partijiet dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. 5. Il-Grupp ta’ Esperti
Konġunt ta’ Segwitu jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet għal
emendi għal dan il-Ftehim lill-Partijiet. Artikolu 10 Obbligazzjonijiet skont ftehimiet
internazzjonali oħra 1. Sakemm dan il-Ftehim
ma jipprevedix mod ieħor, id-dispożizzjonijiet tiegħu ma
jaffettwawx l-obbligi tal-Partijiet taħt kwalunkwe ftehim internazzjonali
ieħor. 2. L-iskambju ta’ informazzjoni sigrieta huwa regolat bil-Ftehim bejn
il-Federazzjoni Russa u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni
klassifikata[1]. 3. Id-dispożizzjonijiet
ta’ dan il-Ftehim jieħdu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’
kull ftehim internazzjonali bilaterali jew multilaterali li jkopri l-prekursuri
tad-droga bejn il-Federazzjoni Russa u l-Istati Membri tal-UE. 4. Il-Partijiet jinfurmaw lil xulxin dwar
il-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali dwar il-kwistjonijiet
imsemmija qabel ma’ pajjiżi oħra. 5. Dan il-Ftehim jitqies
u jiġi interpretat fil-kuntest tal-qafas legali ġenerali
fis-seħħ bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa, inkluż fir-rigward
ta’ kull obbligu li jinsab fih. Artikolu 11 Dħul fis-seħħ Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum
tat-tieni xahar wara d-data tal-wasla tal-aħħar notifika bil-miktub
tal-Partijiet dwar it-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom li huma
meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu. Artikolu 12 It-tul, id-denunzja u l-emendi 1. Dan il-Ftehim
jiġi konkluż għal ħames snin u fit-tmiem tagħhom
jiġi mġedded awtomatikament/b’mod taċitu għal perjodi ta’
ħames snin suċċessivi oħra sakemm waħda
mill-Partijiet, mhux aktar tard minn 6 xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ 5
snin rilevanti ma tinnotifikax lill-Parti l-oħra bil-miktub dwar
l-intenzjoni tagħha li tittermina dan il-ftehim preżenti. 2. Dan il-Ftehim jista’
jiġi emendat b’kunsens reċiproku bejn il-Partijiet. Artikolu 13 Spejjeż Kull Parti tħallas
l-ispejjeż li ġġarrab li jirriżultaw mill-miżuri biex
jimplimentaw dan il-Ftehim. Magħmul fi Data
b’żewġ
kopji fl-ilsien Bulgaru, Ċek, Daniż, Estonjan, Finlandiż,
Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ingliż, Latvjan, Litwan,
Malti, Olandiż, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol,
Svediż, Taljan, Ungeriż u Russu, fejn kull wieħed minn dawn
it-testi għandhom l-istess awtentiċità. Għall-Unjoni Ewropea Għall-Federazzjoni
Russa ANNESS I Anidrid
Aċetiku Aċeton Aċidu
Antraniliku Efedrin Ergometrina Ergotamina Etile
tal-Etere Aċidu
Idrokloriku Isosafrol Aċidu
Liserġiku 3,4-Methylenedioxyphenyl-2-propanon Metil
Etil Keton Aċidu
N-Aċetilantraniliku Norefedrin Aċidu
Fenilaċetiku 1-Fenil-2-propanon Piperidina Piperonal Permanganat
tal-Potassju Pseudofedrin Safrole Aċidu
Sulfuriku Toluwen Nota:
Il-lista tal-prekursuri trid dejjem tinkludi referenza għall-melħ
tagħhom, meta xieraq. (bl-eċċezzjoni
tal-imluħ ta’ Aċidu Idrokloriku u Aċidu Sulforiku.) ANNESS II Id-definizzjonijiet u l-prinċipji
tal-protezzjoni tad-dejta Definizzjonijiet Għall-għan ta’ dan
il-Ftehim, “dejta personali” tfisser kull informazzjoni relatata ma’ persuna
fiżika identifikata jew identifikabbli; “L-ipproċessar ta’ dejta
personali” tfisser kwalunkwe operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet imwettqa
fuq dejta personali, kemm jekk b’mezzi awtomatiċi kif ukoll jekk le,
bħall-ġbir, ir-reġistrar, l-organizzazzjoni, il-ħażna,
l-adattament jew l-alterazzjoni, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu,
l-iżvelar permezz ta’ trażmissjoni, id-disseminazzjoni jew
it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’mod ieħor, l-allinjament
jew il-kombinazzjoni, l-imblukkar, it-tħassir jew il-qerda. Prinċipji “Il-kwalità tad-dejta u l-proporzjonalità”: id-dejta tkun adegwata, preċiża, rilevanti u mhux
eċċessiva b’relazzjoni għall-finijiet li għalihom ġiet
ittrasferita u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata.
Il-Partijiet jiżguraw b’mod partikolari li l-eżattezza tad-dejta
skambjata tiġi riveduta regolarment. “Trasparenza”:
Suġġett tad-dejta jiġi pprovdut b’informazzjoni dwar
l-iskopijiet tal-ipproċessar u l-identità tal-kontrollur tad-dejta,
ir-riċevituri u l-kategoriji ta’ riċevituri tad-dejta personali,
l-eżistenza tad-dritt ta’ aċċess u d-dritt ta’ rettifika,
it-tħassir jew l-imblukkar ta’ dejta li tikkonċerna lilu/lilha,
id-dritt għal riżorsi amministrattivi u ġudizzjarji u
informazzjoni oħra safejn dan ikun meħtieġ sabiex jiġi
żgurat ipproċessar ġust, sakemm din l-informazzjoni tkun
diġà ġiet provduta mill-Partijiet għall-Ftehim. “Drittijiet ta’ aċċess, rettifika,
tħassir u bblukkar ta’ dejta”:
Is-suġġett tad-dejta jkollu d-dritt ta’ aċċess dirett bla
restrizzjoni għad-dejta kollha relatata miegħu li tkun
ipproċessata u, kif xieraq, id-dritt għar-rettifika, t-tħassir
jew l-imblukkar ta’ dejta li l-ipproċessar tagħha ma jkunx konformi
ma’ dan il-Ftehim minħabba li d-dejta tkun mhux kompluta jew mhux
korretta. “Rimedji”: Il-Partijiet
jipprovdu li suġġett tad-dejta li jqis li d-drittijiet
tiegħu/tagħha għall-privatezza jew li d-dejta personali li
tikkonċerna lilu/lilha ġiet ipproċessata bi ksur għal dan
il-Ftehim, ikollu d-dritt skont il-leġiżlazzjoni tagħhom
għal rimedju amministrattiv effettiv quddiem awtorità kompetenti u rimedju
ġudizzjarju quddiem tribunal indipendenti u imparzjali
aċċessibbli minn individwi irrispettivament min-nazzjonalità jew
mill-pajjiż ta’ residenza tagħhom. Kwalunkwe ksur bħal dan ikun suġġett
għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u xierqa inkluż kumpens
għad-danni mġarrba b’riżultat ta’ ksur tar-regoli
tal-ħarsien tad-dejta. Fejn jinstab li d-dispożizzjonijiet
tal-protezzjoni tad-dejta jkunu nkisru, sanzjonijiet inkluż kumpens jiġu
imposti skont ir-regoli domestiċi applikabbli. Trasferimenti ulterjuri: Trasferimenti ulterjuri ta’ dejta personali lil
awtoritajiet u korpi pubbliċi oħra ta’ pajjiż terz
jitħallew biss bil-kunsens bil-miktub minn qabel tal-awtorità li tkun
trażmettiet id-dejta u għall-finijiet li għalihom id-dejta tkun
ġiet trażmessa u jekk dan il-pajjiż jipprovdi livell adegwat ta’
protezzjoni tad-dejta. Soġġett għal limitazzjonijiet legali
raġonevoli pprovduti mil-liġi nazzjonali, il-Partijiet jinformaw
lis-suġġett tad-dejta dwar tali trasferiment ulterjuri. Is-superviżjoni tal-ipproċessar tad-dejta: Il-konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta minn kull Parti
tiġi soġġetta għal kontroll permezz ta’ awtorità pubblika
indipendenti waħda jew aktar li jkollhom setgħat effettivi ta’
investigazzjoni, intervent u biex jieħdu sehem fi proċeduri legali
jew biex iġibu għall-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji
kompetenti kwalunkwe vjolazzjoni tal-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta
ta’ dan il-Ftehim. Kull awtorità pubblika indipendenti, b’mod partikolari, tisma’
talbiet li jsiru minn kwalunkwe persuna li jikkonċernaw il-protezzjoni
tad-drittijiet u l-libertajiet tagħhom fir-rigward tal-ipproċessar
tad-dejta personali skont dan il-Ftehim. Il-persuna kkonċernata tiġi
infurmata dwar ir-riżultat tat-talba. Eżenzjonijiet
mit-trasparenza u d-dritt ta’ aċċess: Il-Partijiet jistgħu jirrestrinġu
d-dritt ta’ aċċess u l-prinċipji ta’ trasparenza skont
il-leġiżlazzjoni tagħhom meta meħtieġ sabiex: -ma jipperikolawx investigazzjoni uffiċjali, -ma jiksrux id-drittijiet tal-bniedem ta’ persuni oħra. [1] ĠU L 155, 22.6.2010.