KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-approċċ komprensiv tal-UE rigward il-konflitti u l-kriżijiet esterni /* JOIN/2013/030 final */
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT
EWROPEW U LILL-KUNSILL L-approċċ komprensiv tal-UE rigward
il-konflitti u l-kriżijiet esterni I.
Il-ġustifikazzjoni għal approċċ komprensiv It-Trattat
ta’ Lisbona jistabbilixxi l-prinċipji, l-għanijiet u l-miri tal-azzjoni esterna
tal-Unjoni Ewropea. Fil-ħidma lejn il-kisba ta' dawn l-għanijiet, it-Trattat
jitlob li jkun hemm konsistenza bejn l-oqsma differenti
tal-azzjoni esterna tal-UE u bejn dawn tal-aħħar u l-politiki oħra tagħha. Wara
d-dħul fis-seħħ tat-Trattat u l-kuntest istituzzjonali ġdid li ħoloq, inkluż
il-ħolqien tal-kariga ta’ Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet
Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà li huwa wkoll il-Viċi President
tal-Kummissjoni kif ukoll it-twaqqif tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
(SEAE), l-UE għandha aktar potenzjal u ambizzjoni – billi tuża l-firxa sħiħa
ta' strumenti u riżorsi tagħha – sabiex l-azzjoni esterna tagħha tkun aktar
konsistenti, effettiva u strateġika. Il-kunċett ta’ tali
approċċ komprensiv mhuwiex minnu nnifsu ġdid. L-approċċ diġà ġie applikat
b’suċċess bħala prinċipju ta' organizzazzjoni għall-azzjoni tal-UE f’ħafna
każijiet f’dawn l-aħħar snin, pereżempju, fil-Qarn tal-Afrika, ir-reġjun
tas-Saħel u tal-Lagi l-Kbar. Madankollu, l-ideat u prinċipji li jirregolaw
l-approċċ komprensiv għad iridu jsiru, b’mod sistematiku, il-prinċipji ta’
gwida għall-azzjoni esterna tal-UE fl-oqsma kollha, b’mod partikolari
fir-rigward tal-prevenzjoni ta’ kunflitti u r-riżoluzzjoni ta’ kriżijiet. Din il-Komunikazzjoni
Konġunta tistabbilixxi għadd ta’ passi konkreti li l-UE, kollettivament,
qiegħda tieħu lejn approċċ dejjem aktar komprensiv fil-politiki u l-azzjoni
tar-relazzjonijiet esterni tagħha. B’mod aktar speċifiku r-Rappreżentant Għoli
u l-Kummissjoni qiegħdin- b’din il-Komunikazzjoni Konġunta – jippreżentaw
l-idea komuni tagħhom tal-approċċ komprensiv tal-UE għal kriżijiet u kunflitt
esterni u l-impenn tagħhom għall-applikazzjoni konġunta tagħha b’mod sħiħ
fil-politika esterna u l-azzjoni tal-UE. Dan il-ftehim ikopri l-istadji kollha
taċ-ċiklu tal-kunflitti jew kriżijiet esterni oħrajn; permezz ta’ twissija
bikrija u preparazzjoni, il-prevenzjoni tal-kunflitti, ir-rispons u
l-immaniġġjar tal-kriżijiet sal-irkupru bikri, l-istabilizzazzjoni u l-bini
tal-paċi sabiex jgħinu lill-pajjiżi jerġgħu lura fit-triq lejn iżvilupp
sostenibbli fit-tul. L-UE
għandha interess vitali biex tipprevjeni, tħejji għal, tlesti rispons għal,
tindirizza u tgħin fl-irkupru minn kunflitti, kriżijiet u theddid ieħor
għas-sigurtà lil hinn mill-fruntieri tagħha – din hija ħidma u responsabbiltà
permanenti, li diġà ġiet rikonoxxuta kemm fl-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà u
fl-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna. Dan huwa l-każ mhux biss minħabba li l-UE
hija ġeneralment meqjusa bħala eżempju ta’ paċi u stabbiltà fil-viċinat tagħha
u f’partijiet oħra tad-dinja, iżda wkoll għaliex huwa fl-interess globali
tal-UE. L-Unjoni għandha firxa wiesgħa ta’ politiki, għodda u strumenti
għad-dispożizzjoni tagħha biex twieġeb għal dawn l-isfidi – li jkopru l-oqsma
diplomatiċi, tas-sigurtà, id-difiża, il-finanzi, il-kummerċ, il-kooperazzjoni
għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja. L-UE hija l-ikbar blokk kummerċjali
dinji u, kollettivament, l-akbar donatur tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp
(ODA) u l-għajnuna umanitarja. Il-komprensività
tirreferi mhux biss għall-użu konġunt tal-istrumenti u r-riżorsi tal-UE, iżda
wkoll għar-responsabbiltà kondiviża bejn l-atturi fil-livell tal-UE u l-Istati
Membri. L-UE għandha netwerk uniku ta’ 139 Delegazzjoni tal-UE fil-pajjiżi
individwali, għarfien diplomatiku espert fis-SEAE inkluż permezz
tar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE u impenn operazzjonali permezz
tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-Politika Komuni tas-Sigurtà u d-Difiża
(PSDK). Meta tiġborhom kollha flimkien, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u 28
Stat Membru, sabiex jaħdmu b’mod konġunt u strateġiku, l-UE tista’ tiddefinixxi
aħjar u tiddefendi l-interessi u l-valuri fundamentali tagħha, tippromwovi
l-għanijiet politiċi ewlenin tagħha u tipprevjeni l-kriżijiet jew tgħin biex
terġa’ tinkiseb l-istabbiltà. B’dan il-mod, se tgħin biex titjieb il-ħajja ta’
dawk li jinsabu mhedda mill-kunflitt u tipprevjeni jew ittaffi l-effetti
negattivi – għall-UE, iċ-ċittadini u sigurtà interna tagħha, – tan-nuqqas ta'
sigurtà u kunflitt fi bnadi oħra. L-UE hija aktar b’saħħitha, aktar koerenti,
aktar viżibbli u aktar effettiva fir-relazzjonijiet esterni tagħha meta
l-istituzzjonijiet kollha tal-UE u l-Istati Membri jaħdmu flimkien fuq il-bażi
ta’ analiżi strateġika u viżjoni komuni. Dan hu x'wieħed jifhem b'approċċ
komprensiv. Hekk
kif l-isfidi globali jkomplu jżidu fin-numru u l-kumplessità (l-effetti
tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni tar-riżorsi naturali, il-pressjoni
minħabba l-popolazzjoni u l-flussi migratorji, it-traffikar illeċitu,
is-sigurtà tal-enerġija, id-diżastri naturali, iċ-ċibersigurtà, is-sigurtà
marittima, il-kunflitti reġjonali, ir-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu, eċċ.) u
hekk kif ir-riżorsi ekonomiċi u finanzjarji jibqgħu taħt pressjoni, il-każ għal
approċċ komprensiv, li jagħmel l-aħjar użu mill-istrumenti relevanti kollha
(kemm jekk huma strumenti ta’ politika esterna jew interna) issa huwa aktar
b’saħħtu minn qatt qabel. L-iżvilupp sostenibbli
u l-qerda tal-faqar jeħtieġu l-paċi u s-sigurtà, u l-verità tgħodd ukoll
bil-maqlub: pajjiżi fraġli jew affetwati mill-kunflitti jibqgħu l-aktar
il-bogħod milli jiksbu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju. Ir-rabta bejn
is-sigurtà u l-iżvilupp hija għalhekk prinċipji sottostanti importanti
fl-applikazzjoni ta' approċċ komprensive tal-UE. Hemm aktar prinċipji
importanti li jiffurmaw il-bażi ta' dan l-approċċ. L-ewwelnett,
ir-reazzjonijiet tagħna jridu jkunu speċifiċi għall-kuntest u mmexxija
mir-realtà u l-loġika tas-sitwazzjonijet ta' ħajja reali li niltaqgħu magħhom:
mhemmx soluzzjonijiet lesti. It-tieni, l-approċċ komprensiv tal-UE huwa
responsabbiltà komuni u kondiviża tal-atturi kollha tal-UE fi Brussell,
fl-Istati Membri u f’pajjiżi terzi. Ir-rieda politika kollettiva,
it-trasparenza, il-fiduċja u l-impenn proattiv tal-Istati Membri huma
prerekwiżiti għas-suċċess. Fl-aħħar nett, l-approċċ huwa bbażat fuq ir-rispett
sħiħ tal-kompetenzi differenti u l-valur miżjud rispettiv tal-istituzzjonijiet
u s-servizzi tal-UE, kif ukoll tal-Istati Membri, kif stabbiliti
fit-Trattati: -
l-għajnuna umanitarja għandha tingħata
b’konformità mal-modus operandi speċifiku tagħha, b’rispett lejn
il-prinċipji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza, biss
fuq il-bażi tal-ħtiġijiet ta’ popolazzjonijiet milquta, skont il-Kunsens
Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja; -
għall-għajnuna għall-iżvilupp, l-UE u
l-Istati Membri tagħha jaġixxu f’konformità mal-politika għall-iżvilupp kif
definita fil-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-2005 u l-Aġenda għall-Bidla
tal-2012 kif ukoll il-linji gwida tal-Kumitat ta’ Assistenza ta’ Żvilupp (DAC)
tal-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) . -
L-Istati Membri tal-UE jeżerċitaw
kontroll politiku fuq, u jipprovdu direzzjoni strateġika għal, il-missjonijiet
u l-operazzjonijiet tal-PSDK permezz tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (PSC). II.
It-triq’ il quddiem għal approċċ komprensiv għall-kunflitti jew sitwazzjonijiet
ta’ kriżi Il-miżuri
li ġejjin se jkomplu jsaħħu l-koerenza u l-effettività tal-politika u l-azzjoni
esterna tal-UE f’kunflitt jew sitwazzjonijiet ta’ kriżi. 1. Niżviluppaw
analiżi kondiviża Strateġija
politika koerenti għall-prevenzjoni tal-kunflitti, it-tħejjija u r-reazzjoni
jibdew billi l-atturi rilevanti kollha jaqsmu bejniethom l-għarfien
tas-sitwazzjoni komuni jew tal-isfida. Analiżi kondiviża għandha tistabbilixxi
l-fehma tal-UE dwar il-kawżi ta’ kunflitt potenzjali jew kriżi, tidentifika
l-persuni u l-gruppi ewlenin involuti, tirrevedi d-dinamika tas-sitwazzjoni u
tevalwa r-riskji potenzjali ta’ azzjoni, jew nuqqas ta’ azzjoni. Għandha
tidentifika wkoll l-interessi u l-għanijiet tal-UE u r-rwol potenzjali tagħna
sabiex nikkontribwixxu għall-paċi, is-sigurtà, l-iżvilupp, id-drittijiet
tal-bniedem u l-istat tad-dritt, filwaqt li jitqiesu r-riżorsi attwali tal-UE u
azzjoni fil-pajjiż jew ir-reġjun ikkonċernat. Biex titjieb aktar l-analiżi
kondiviża, għandhom jiġu promossi dawn li ġejjin: Azzjonijiet:
-
Għarfien aħjar tas-sitwazzjoni flimkien
ma' kapaċità tal-analiżi b'mod partikolari billi jingħaqdu aħjar il-faċilitajiet
speċifiċi fid-diversi istituzzjonijiet u servizzi tal-UE, inkluż iċ-Ċentru għal
Rispons ta' Emerġenza u ċ-Ċentru tas-Sitwazzjoni tal-UE (UE SitRoom).
L-iffaċilitar tal-aċċess mill-istituzzjonijiet tal-UE għal informazzjoni u
intelligence inkluż mill-Istati Membri għall-prevenzjoni tal-kriżijiet u
t-tħejjija, it-tnaqqis, u rispons aktar veloċi għal sitwazzjonijiet ta’
kriżi. -
It-tisħiħ tal-qsim bikri, proattiv,
trasparenti u regolari ta' informazzjoni, il-koordinazzjoni u xogħol ta' grupp
fost dawk kollha responsabbli fil-Kwartieri Ġenerali tal-UE ta' Brussell u fuq
il-post (inklużi d-Delegazzjonijiet tal-UE, il-missjonijiet u l-operazzjonijiet
tal-PSDK, l-Istati Membri u r-Rappreżentanti Speċjali tal-UE, Aġenziji tal-UE
kif xieraq). -
Aktar żvilupp u implimentazzjoni
sistematika ta' metodoloġija komuni għall-analiżi ta' konflitti u kriżijiet,
inklużi perspettivi dwar l-iżvilupp, l-għajnuna umanitarja, il-politika,
is-sigurtà u d-difiża kemm minn dawk li jaħdmu fuq il-post kif ukoll fil-KĠ, b’kull
tagħrif u analiżi disponibbli u rilevanti, inkluż mill-Istati Membri. -
Ħidma fuq dawn l-analiżi, preparazzjoni
sistematika ta' proposti u għażliet li għandhom jiġu diskussi mal-Istati Membri
fil-korpi rilevanti tal-Kunsill, inkluż il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà.
Meta tkun ġiet prevista azzjoni fil-qafas tal-PSDK, din ġeneralment issegwi
l-approċċ tal-Qafas Politiku għal Approċċ ta’ Kriżi (PFCA), li jispjega x'inhi
l-problema, jispjega għaliex l-UE għandha taġixxi (ibbażat fuq l-interessi,
il-valuri, l-għanijiet u mandati), u jidentifika liema strumenti jistgħu jkunu
disponibbli, u l-aktar adattati, għall-azzjoni. 2.
Definizzjoni ta' viżjoni strateġika komuni Abbażi ta' din
l-analiżi kondiviża, l-UE għandha, kull meta jkun possibbli, taħdem mal-istituzzjonijiet
u l-Istati Membri biex tiżviluppa viżjoni strateġika komuni u unika għal
sitwazzjoni ta' kunflitt jew ta’ kriżi u għal impenn futur tal-UE fl-oqsma
kollha tal-politika. Dan għandu mbagħad jistabbilixxi d-direzzjoni ġenerali
għall-impenn tal-UE. Azzjonijiet: -
Il-viżjoni strateġika tal-UE għal pajjiż
jew reġjun għandha kull meta jkun possibbli tiġi ppreżentata f’dokument ta’
Strateġija ġenerali tal-UE. Eżempji riċenti jinkludu l-Qafas Strateġiku
għall-Qarn tal-Afrika u l-Istrateġija tal-UE għas-sigurtà u l-iżvilupp
fis-Saħel, u l-elementi proposti għal Strateġija tal-UE għar-reġjun tal-Lagi
l-Kbar. -
Id-dokumenti dwar il-qafas konġunt[1] għandhom jistabbilixxu l-għanijiet u
l-prijoritajiet tal-UE u tal-Istati Membri għal pajjiżi partikolari, kif xieraq. 3. Iffukar fuq
il-prevenzjoni Kull meta jkun
possibbli l-UE trid tfittex li tipprevjeni l-kunflitti qabel tiżviluppa kriżi
jew tiżbroffa il-vjolenza – din hija prijorità għolja u kostanti għall-impenn
diplomatiku kollhu tal-UE. Fit-tul, il-prevenzjoni tiġi tiswa ħafna inqas milli
kieku jkollhom jiġu ndirizzati l-kunflitti li żbroffaw. Il-prevenzjoni
tikkontribwixxi għall-paċi, is-sigurtà, u l-iżvilupp sostenibbli. Hija ssalva
l-ħajja u tnaqqas it-tbatija, tevita l-qerda ta’ djar, negozji, l-infrastruttura
u l-ekonomija, u tagħmilha iktar faċli biex jinstabu soluzzjonijiet
għat-tensjonijiet sottostanti, it-tilwim u kondizzjonijiet li jwasslu
għar-radikalizzazzjoni vjolenti u t-terroriżmu. Il-prevenzjoni tgħin ukoll biex
jiġu protetti l-interessi tal-UE u tevita konsegwenzi negattivi fuq is-sigurtà
u l-prosperità tal-UE. Azzjonijiet:
-
Twissija bikrija/azzjoni bikrija: L-użu
ta' sistemi ġodda u eżistenti ta’ twissija bikrija tal-UE[2], inklużi dawk tal-Istati Membri tal-UE, biex
jiġu identifikati r-riskji emerġenti ta' konflitti u kriżijiet, u l-azzjonijiet
ta’ mitigazzjoni possibbli. -
Ħidma mal-istituzzjonijiet tal-UE u
l-Istati Membri biex l-analiżi tar-riskju tal-konflitti u l-kriżijiet issarraf
f’miżuri ta’ prevenzjoni speċifiċi ta’ kunflitt, fuq il-bażi tal-esperjenzi
minn konflitti u kriżijiet preċedenti. 4. Jiġu
mmobilizzati d-diversi ħiliet u kapaċitajiet tal-UE Ir-reazzjonijiet
politiċi tal-UE effettivi u proattivi għal kunflitti u l-kriżijiet għandhom
ikunu ibbażati fuq id-diversi ħiliet, kapaċitajiet, kompetenzi u relazzjonijiet
tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, b'appoġġ għal viżjoni komuni u
għanijiet komuni. Azzjonijiet:
- L-użu
tal-mekkaniżmu ta' Pjattaforma ta’ Kriżi, ppresedut mis-SEAE
bil-parteċipazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni b’mod iktar sistematiku li
jiffaċilita l-koordinazzjoni, il-qsim tal-informazzjoni u jagħti kontribut lejn
l-identifikazzjoni u sekwenzar intelliġenti ta’ strumenti disponibbli tal-UE
kif meħtieġ. Dawn il-mekkaniżmi urew is-siwi tagħhom matul ir-Rebbiegħa
Għarbija u fir-rispons tal-UE għall-Qarn tal-Afrika. - L-iżgurar
illi l-atturi rilevanti kollha tal-UE jkunu infurmati u involuti fl-analiżi u
l-valutazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi u kunflitti u fl-istadji kollha
taċ-ċiklu ta’ konflitt – involviment komprensiv u jkomplu jaħdmu fuq ix-xogħol
ta’ tħejjija konġunt. Is-SEAE tinforma u tiġbor flimkien servizzi oħra fuq bażi
regolari għax-xogħol ta’ tħejjija u ta' analiżi bħal dan. - It-tisħiħ
ulterjuri tal-kooperazzjoni operazzjonali fost id-diversi funzjonijiet ta’
rispons għal emerġenza tal-UE, bl-użu tal-esperjenza komplementari tagħhom.
Għal dan l-għan, qed jiġi mħejji Memorandum ta’ Ftehim bejn is-SEAE u
s-servizzi tal-Kummissjoni. - Isir
l-aħjar użu mid-Delegazzjonijiet tal-UE biex tiġi żgurata l-koerenza lokali
bejn l-azzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri. - It-tisħiħ
tal-kapaċità tad-Delegazzjonijiet tal-UE biex jikkontribwixxu għall-analiżi
tar-riskju tal-kunflitti. L-identifikazzjoni tal-għodod xierqa u r-reazzjoni
għal konflitti u kriżi minnufih b'rinfurzar temporanju permezz tal-użu ta’
persunal addizzjonali jew esperti oħra, fejn possibbli, abbażi tal-volum tar-riżorsi
eżistenti tal-UE fil-kwartieri ġenerali fi Brussell jew fir-reġjun u r-riżorsi
tal-Istati Membri. - L-iżvilupp
ta' proċeduri u kapaċitajiet għall-implimentazzjoni rapida ta’ (SEAE,
is-servizzi tal-Kummissjoni, l-Istati Membri) missjonijiet konġunti fuq il-post
fejn xieraq għal kunflitt jew sitwazzjonijiet ta’ kriżi.[3] 5.
Impenn għat-tul “L-20
pajjiż li għaġġlu l-aktar bir-riformi ħadu medja ta’ 17-il sena biex inaqqsu
l-militar fil-politika u 41 sena biex jirriformaw l-istat tad-dritt għal livell
minimu meħtieġ għall-iżvilupp.” Rapport
tal-Iżvilupp Dinji, il-Bank Dinji, 2011 L-impenn
għat-tul fil-bini tal-paċi u tal-istat u l-iżvilupp sostenibbli fit-tul huma
essenzjali sabiex jiġu indirizzati r-raġunijiet sottostanti ta’ kunflitt u biex
jinbnew soċjetajiet paċifiċi u reżiljenti. L-għanijiet ġenerali ta’ paċi u
żvilupp sostenibbli għandhom ikunu fil-qalba tar-rispons tal-UE mill-bidu nett
– l-UE irid ikollha wkoll viżjoni fit-tul għall-impenji u azzjonijiet tagħha
fuq perjodu qasir. Pereżempju,
l-istrumenti ta’ ġestjoni tal-kriżijiet CSDP u l-miżuri ta’ rispons
għall-kriżijiet taħt l-Istrument għall-Istabbiltà (IfS) fil-biċċa l-kbira
jsegwu objettivi għal żmien qasir, filwaqt li l-istrumenti ta’ żvilupp
min-natura tagħhom huma orjentati għat-tul. Għalkemm l-għanijiet u l-proċeduri
għat-teħid tad-deċiżjonijiet huma differenti, għandhom jiġu żgurati sinerġiji u
kumplimentarjitajiet naturali permezz ta' djalogu bikri, inklużiv u intensiv
bejn il-partijiet interessati rispettivi, sabiex ikollhom impatt akbar u jiksbu
riżultati aħjar. L-UE tista’ tuża, b’mod koerenti, għodod u strumenti
differenti fi ħdan il-mandati u l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet sabiex
jintlaħqu l-għanijiet komuni. Azzjonijiet:
- It-twaqqif
ta' sistemi ta' koordinazzjoni bejn l-għanijiet b'terminu twil u terminu qasir
permezz ta’ djalogu fost il-partijiet interessati tal-UE inkluż dawk immedjati.
- It-tisħiħ
tal-mekkaniżmi għall-akkomunament u l-kondiviżjoni tal-kapaċitajiet Ewropej u
l-għarfien espert (eż. grupp ta’ esperti għall-missjonijiet PSDK). - Koordinazzjoni
u fejn possibbli l-użu kombinat ta’ firxa sħiħa ta’ għodod u strumenti tal-UE
(eż. id-djalogu politiku, il-prevenzjoni tal-kunflitti, ir-rikonċiljazzjoni,
l-ipprogrammar tal-għajnuna għall-iżvilupp u l-ipprogrammar konġunt,
il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, il-prevenzjoni tal-kunflitti u
l-istabbilizzazzjoni taħt l-Istrument għall-Istabbiltà, l-appoġġ għad-diżarm,
l-integrazzjoni mill-ġdid tad-demobilizzazzjoni u l-appoġġ għall-proċessi
tar-riforma tas-settur tas-sigurtà u l-ġustizzja, eċċ.) għat-tfassil ta'
reazzjoni flessibbli u effettiva matul u wara l-fażi ta’ stabbilizzazzjoni u
f’każ ta’ riskji ta’ kunflitt. L-ipprogrammar ta’ għajnuna f'pajjiżi fraġli u
milquta minn kunflitti għandha tintegra l-analiżi tal-konflitt mill-bidu nett
kif ukoll il-flessibilitajiet meħtieġa biex iwieġbu għall-iżviluppi l-ġodda fuq
l-art fejn xieraq. - Għandhom
jitqiesu l-esperjenzi miksuba, inklużi dawk fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE,
l-Istati Membri u atturi esterni, u jiġu wżati fiċ-ċiklu tal-approċċ komprensiv
li jibda minn twissija bikrija u jinkludi l-isforzi ta' prevenzjoni, it-taħriġ
u l-eżerċizzji. 6. Ir-rabta bejn
il-politiki u l-azzjoni interna u esterna Il-politiki u
l-azzjonijiet interni tal-UE jista’ jkollhom effetti esterni sinifikanti fuq
is-sitwazzjonijiet ta' kunflitt u ta’ kriżi. Bl-istess mod, l-azzjoni esterna u
l-politika jista' jkollhom wkoll impatt fuq id-dinamika interna tal-UE.
Pereżempju, il-politika tat-trasport marittimu tal-UE fil-Baħar l-Aħmar u
l-Oċean Indjan hija marbuta b’mod li ma jistax jinfired mis-sitwazzjoni
fis-Somalja u fir-reġjun tal-Qarn tal-Afrika. Jistgħu jseħħu impatti simili
f’sitwazzjonijiet oħra bħal pereżempju tas-sajd jew il-politika tal-enerġija.
Għall-kuntrarju, it-tifrix lil hinn mill-fruntieri tal-Ewropa ta’ kriminalità
organizzata, it-terroriżmu, jew il-migrazzjoni tal-massa assoċjati ma’ kunflitt
vjolenti jista’ jkollhom impatt dirett fuq is-sigurtà, l-istabilità u
l-interessi tal-UE, l-Istati Membri tagħha u ċ-ċittadini tal-UE. L-organizzazzjonijiet
terroristiċi se ssibhom jistinkaw biex jisfruttaw l-Istati fraġili jew li jkun
għaddew minn kunflitt. B’mod partikolari, iż-żoni mhux iggvernati tajjeb
jistgħu jservu ta' post ta' reklutaġġ tat-terroristi. Per eżempju,
l-attivitajiet ta' Al-Shabaab – li huma formalment allineati mal-Al Qaeda –
ħarbtu l-istabbiltà tas-Somalja, u tellfu bil-kbir l-iżvilupp
reġjonali. L-organizzazzjonijiet terroristiċi jistgħu jittrażmettu
t-theddida ta' terroriżmu direttament lura fl-UE. Il-kooperazzjoni
mill-qrib, b’mod partikolari bejn ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni, hija
wkoll ta’ importanza kbira għad-diversi kwistjonijiet fejn l-aspetti esterni
tal-politiki interni tal-UE għandhom dimensjoni tal-politika barranija u ta’
sigurtà dejjem akbar. Dan jinkludi oqsma bħalma huma s-sikurezza tal-enerġija,
il-protezzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima, il-kwistjonijiet
tal-migrazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kooperazzjoni fil-ġlieda
kontra l-estremiżmu vjolenti, il-kriminalità organizzata u l-governanza
ekonomika globali. "It-tibdil fil-klima huwa sfida
globali deċiżiva li, jekk ma tiġix ġestita b’mod urġenti, tqiegħed fir-riskju
mhux biss l-ambjent iżda wkoll il-prosperità ekonomika dinjija, l-iżvilupp u,
b’mod aktar ġenerali, l-istabbiltà u s-sigurtà. It-tranżizzjoni lejn ekonomija
u soċjetà sikura b’karbonju baxx u sostenibbli kif ukoll reżiljenti għat-tibdil
fil-klima u xejriet ta’ tkabbir dinjija effiċjenti fir-riżorsi huma ta’
importanza ewlenija. L-indirizzar ta' theddid li jkattar ir-riskji ta’ klima li
qed tinbidel, inkluż kunflitt potenzjali u ta’ instabbiltà, relatati mal-aċċess
affidabbli għall-ikel, l-ilma u l-enerġija, jeħtieġ reazzjonijiet ta’ politika
estera effettiva fil-livell globali u tal-UE, kif rikonoxxut fl-Istrateġija
Ewropea ta’ Sigurtà”. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill
dwar id-diplomazija tat-tibdil fil-klima, Ġunju 2013 Fl-aħħar
nett, u kif juri l-iżvilupp kruċjali reċenti fid-djalogu ffaċilitat mill-UE
bejn Pristina u Belgrad, il-fattur tal-UE li jattira permezz tal-perspettiva
ta’ adeżjoni mal-Unjoni - flimkien ma’ impenn diplomatiku intensiv - qed
ikompli jkollu rwol vitali fil-prevenzjoni tal-kunflitti u l-istabbilizzazzjoni
fit-tul. Azzjonijiet:
-
Ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President,
b’ħidma mill-qrib mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, biex jiżgura koerenza
strateġika u operattiva fil-politika u strateġija għar-relazzjonijiet esterni,
inkluż fir-rigward tal-impatt esterni tal-politiki interni. -
Użu aħjar mill-mezzi ta' relazzjonijiet
diplomatiċi u esterni li huma għad-dispożizzjoni tal-proġett tal-UE u d-difiża
tal-interessi tagħha marbuta ma’ politiki interni u kwistjonijiet globali. -
L-identifikazzjoni u t-tqajjim
tal-għarfien ta’ politiki u strumenti li għandhom kemm dimensjoni interna kif
ukoll esterna u l-enfasi fuq il-potenzjal fiż-żewġ direzzjonijiet. -
Il-politiki interni għandhom ikunu parti
mill-qafas tal-analiżi tal-kriżi, l-ħsieb strateġiku u dokumenti ta’ politika
dwar l-azzjoni esterna kull meta jkun possibbli u rilevanti. 7.
Użu aħjar mid-Delegazzjonijiet tal-UE Id-delegazzjoni
tal-UE, u b'mod partikolari l-Kap tad-Delegazzjoni, huma ċ-ċentru
tal-attenzjoni tal-preżenza tal-UE f’pajjiżi terzi u għandhom – f’dak il-livell
- jaqdu rwol ċentrali fit-twettiq u l-koordinament tad-djalogu, l-azzjoni u
l-għajnuna tal-UE. Azzjonijiet:
- It-teħid
ta' vantaġġ sħiħ tal-irwol tal-Kap tad-Delegazzjoni biex jiġbor flimkien l-UE u
l-Istati Membri attwali fuq l-ispettru kollu ta’ azzjonijiet rilevanti
(id-djalogu politiku, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-iprogrammar konġunt,
input ta' strateġiji relatati mas-sigurtà, kooperazzjoni lokali
mal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, protezzjoni konsulari kif
xieraq, eċċ.). - Il-Kap
tad-Delegazzjoni għandu jikkoordina r-rrappurtar konġunt, fejn xieraq, li
jtejjeb il-kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE, u l-iskambju ta’
informazzjoni u analiżi, b’mod partikolari fl-istadji kollha ta’ konflitti jew
kriżijiet. - L-iżgurar
ta’ firxa wiesgħa u xierqa ta' għarfien espert fid-Delegazzjonijiet, inkluż
dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà. - Jekk
xieraq, il-ko-lokazzjoni ta’ atturi tal-UE fid-Delegazzjonijiet tal-UE biex
jibnew sinerġiji operattivi. Il-Programmazzjoni
Konġunta bdiet jew hi skedata li tibda f’aktar minn 40 pajjiż fis-snin li
ġejjin. B’din l-inizjattiva, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom l-għan li
jżidu l-impatt tagħhom f’pajjiżi sħab u jagħmlu aktar effettiva l-kooperazzjoni
għall-iżvilupp tagħhom. Fl-istess ħin, ser jippreżentaw pakkett unit ta’
għajnuna li jżid b’mod sinifikanti s-saħħa fin-negozjati tal-UE u l-piż
politiku bħala donatriċi. L-eżerċizzji ta’ Programmazzjoni Konġunta huma
bbażati fil-pajjiżi, immexxija mid-Delegazzjonijiet tal-UE u l-Ambaxxati
tal-Istati Membri. 8. Ħidma fi sħubija Biex
taffaċċja sfidi globali kumplessi, l-UE teħtieġ li timpenja ruħha u taħdem
flimkien ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn. Ir-rwol tal-UE huwa
marbut - sa ċertu punt – mal-azzjoni (jew nuqqas ta’ azzjoni), ir-riżorsi u
l-għarfien espert ta’ oħrajn (pereżempju n-NU fil-biċċa l-kbira
tas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi, in-Nato fil-Kosovo u l-Afganistan, il-Fond
Monetarju Internazzjonali u l-Bank Dinji fejn jidħlu kwistjonijiet
makrofinanzjarji, eċċ.). “[S]ħubijiet reċiproċi
li jsaħħu, li huma pożittivi u sostenibbli ma... n-NU, l-OSKE, in-NATO, il-Bank
Dinji, l-Unjoni Afrikana u atturi internazzjonali oħra..., jeħtieġ li jissaħħu
aktar biex jippermettu lill-Unjoni Ewropea sabiex topera b’suċċess fil-qasam
tal-prevenzjoni tal-kunflitti strutturali fit-tul” Il-Konklużjonijiet
tal-Kunsill dwar il-Prevenzjoni tal-Kunflitti, Ġunju 2011 Azzjonijiet: -
Meta jiġu żviluppati l-pożizzjoni u
r-rispons tal-UE, għandu jittieħed impenn ma' u jiġi kkunsidrat bi sħiħ l-irwol
ta' atturi internazzjonali oħra: in-Nazzjonijiet Uniti, organizzazzjonijiet
internazzjonali u internazzjonali, imsieħba strateġiċi u Istituzzjonijiet
Finanzjarji Internazzjonali. -
Impenn aktar mill-qrib ma’ NGOs
internazzjonali ewlenin, is-soċjetà ċivili, gruppi ta’ riflessjoni, l-akkademja
u atturi pubbliċi u privati. III.
Konklużjoni L-UE
f’dawn l-aħħar snin ħadet passi importanti għal aktar koerenza fil-politika u
l-azzjoni għar-relazzjonijiet esterni, mhux l-inqas fir-rispons tagħha
għall-kunflitti u s-sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Sar progress sinifikanti
fl-iżvilupp ta’ strateġiji u politiki komuni tal-UE u rispons tal-Unjoni
kollha. Iżda l-ħidma għadha ma spiċċatx. Jeħtieġ li issa l-UE tagħmel aktar
titjib u b’mod aktar konsistenti tapplika l-approċċ komprensiv bħala prinċipju
ta’ gwida tal-politika u l-azzjoni esterna tal-UE. L-approċċ
komprensiv, kif deskritt hawn fuq, huwa mpriża konġunta u s-suċċess tagħha
responsabbiltà maqsuma bejn l-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll għall-Istati
Membri, li l-politiki tagħhom, l-azzjonijiet u l-għajnuna jikkontribwixxu b’mod
sinifikanti għal rispons tal-UE aktar koerenti u effettivi. Fix-xhur u s-snin li
ġejjin, ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni għandhom, f’kooperazzjoni
mal-Istati Membri, jimplimentaw dawn il-proposti u dan l-approċċ u, permezz
tagħhom, jagħmlu progress determinat lejn azzjoni esterna tal-UE aħjar, aktar
b’saħħitha u aktar veloċi. Ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni isejħu
lill-Istati Membri tal-UE biex jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom għal dan l-approċċ
u biex jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ sabiex jiżguraw li din il-viżjoni u dawn
l-għanijiet huma implimentati bis-sħiħ. [1] Komunikazzjoni Konġunta
mir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni. Ewropa Globali: Approċċ Ġdid
għall-iffinanzjar tal-Azzjoni Esterna tal-UE (COM (2011) 865 finali). [2] Inkluża wkoll is-sistema ta’
twissija bikrija dwar il--kunflitti tas-SEAE (li qed tiġi ppruvata bħalissa). [3] Dawn l-azzjonijiet
għandhom jiġu ffinanzjati fi ħdan il-limiti tar-riżorsi operattivi u
amministrattivi eżistenti tas-servizzi/DĠs korrispondenti u inklużi l-ambitu u
l-għanijiet tal-Istrumenti tal-Azzjoni Esterna involuti.