52013JC0028

Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja /* JOIN/2013/028 final - 2013/0417 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta’ Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja daħħal fis-seħħ id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK[1]. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK[2] ħassret u ssostitwiet id-Deċiżjoni 2011/782/PESK. Fl-1 ta' Ġunju 2013 skadiet id-Deċiżjoni 2012/739/PESK. Ħaditilha postha d-Deċiżjoni 2013/255/PESK li tapplika sal-1 ta' Ġunju 2014.

(2) Jeħtieġ li jiġi ċċarat li għandha tingħata deroga mill-iffriżar ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi meħtieġa għal assistenza umanitarja biss jekk il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jiġu rilaxxati lin-Nazzjonijiet Uniti ħalli din l-assistenza tingħata skont il-Pjan ta’ Rispons għall-Assistenza Umanitarja bejn in-NU u s-Sirja. Meta jitqiesu t-talbiet għall-awtorizzazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu l-prinċipji umanitarji kif stabbiliti fil-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja.

(3) Jeħtieġ ukoll li tiġi prevista deroga mill-projbizzjoni tal-iffinanzjar u tal-assistenza finanzjarja relatata mal-attivitajiet imwettqa mill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) skont il-paragrafu 10 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2118(2013).

(4) Jeħtieġ ukoll li tiġi prevista projbizzjoni fir-rigward tal-oġġetti li jikkostitwixxu wirt kulturali Sirjan li tneħħew illegalment mis-Sirja bil-għan li jiġi ffaċilitat ir-radd lura ta’ dawn l-oġġetti lis-sidien leġittimi tagħhom b'mod sikur.

(5) Teħtieġ aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati dawn il-miżuri. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea jipproponu li r-Regolament (UE) Nru 36/2012 jiġi emendat skont dan.

2013/0417 (NLE)

Proposta Konġunta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta' Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja[3],

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Fil-… ta' Diċembru 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/.../PESK li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK.

(2)       Għandha tingħata deroga mill-projbizzjoni tal-iffinanzjar u tal-assistenza finanzjarja relatata ma' ċerti oġġetti u teknoloġija fir-rigward ta' attivitajiet imwettqa mill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) skont il-paragrafu 10 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2118(2013).

(3)       Jeħtieġ li jiġu previsti miżuri restrittivi addizzjonali sabiex jiġi ffaċilitat ir-radd lura ta' oġġetti li jikkostitwixxu wirt kulturali Sirjan li tneħħew illegalment mis-Sirja lill-proprjetarji leġittimi tagħhom b'mod sikur.

(4)       Għandha tingħata deroga mill-iffriżar ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi meħtieġa għal assistenza umanitarja biss jekk il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jiġu rilaxxati lin-Nazzjonijiet Uniti ħalli din l-assistenza tingħata skont il-Pjan ta’ Rispons għall-Assistenza Umanitarja bejn in-NU u s-Sirja. Meta jitqiesu t-talbiet għall-awtorizzazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu l-prinċipji umanitarji kif stabbiliti fil-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja.

(5)       Dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat u, għalhekk, b'mod partikulari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hemm bżonn ta' azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati.

(6)       Ir-Regolament (UE) Nru 36/2012 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 36/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)        Jiddaħħal l-Artikolu 3b li ġej:

“Artikolu 3b

L-Artikolu 3a ma japplikax għad-dispożizzjoni tal-iffinanzjar jew tal-assistenza finanzjarja relatata mal-importazzjoni jew it-trasport ta' armi kimiċi identifikati mid-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW), konsistentement mal-għan tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta' Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom (Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi), li seħħet skont il-paragrafu 10 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2118(2013).”

(2)        Jiddaħħal l-Artikolu 11c li ġej:

“Artikolu 11c

1. Huwa pprojbit li jiġu impurtati, esportati, trasferiti, jew li jiġu pprovduti servizzi ta' senserija relatati mal-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-trasferiment ta', oġġetti ta' proprjetà kulturali Sirjana u oġġetti oħra li għandhom importanza arkeoloġika, storika, kulturali, xjentifika rari jew reliġjuża, inklużi dawk elenkati fl-Anness XI, jekk dawn ikunu ttieħdu illegalment mis-Sirja, b'mod partikulari jekk:

(i) dawn l-oġġetti jagħmlu parti integrali mill-kollezzjonijiet pubbliċi elenkati fl-inventarji ta' mużewijiet, arkivji jew kollezzjoni ta' konservazzjoni ta' libreriji Sirjani, jew mill-inventarji ta' istituzzjonijiet reliġjużi Sirjani, jew

(ii) ikun hemm suspetti raġonevoli li l-oġġetti ttieħdu mis-Sirja mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju leġittimu tagħhom jew ittieħdu mis-Sirja bi ksur tal-liġi Sirjana jew tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Kulturali u Naturali Dinji.

2. Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma tapplikax jekk jintwera li l-oġġetti qed jintbagħtu lura lejn is-Sirja bil-għan li jintraddu lura lis-sidien leġittimi tagħhom b'mod sikur.”

(3)     Fl-Artikolu 16, il-paragrafu (f) jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(f) meħtieġa għal skopijiet umanitarji, bħat-twassil jew l-iffaċilitar tat-twassil ta’ assistenza, inklużi provvisti mediċinali, ikel, ħaddiema umanitarji u assistenza relatata, u sakemm il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu rilaxxati lin-Nazzjonijiet Uniti għall-fini tal-ħruġ jew l-iffaċilitar tat-twassil ta’ assistenza fis-Sirja skont il-Pjan ta’ Rispons għall-Assistenza Umanitarja bejn in-NU u s-Sirja, jew evakwazzjonijiet mis-Sirja;”

(4)        L-Anness ta’ dan ir-Regolament jiżdied bħala l-Anness XI.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja li tħassar id-Deċiżjoni 2011/273/PESK (ĠU L 319, 2.12.2011, p. 56).

[2]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK tad-29 ta' Novembru 2011 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja li tħassar id-Deċiżjoni 2011/782/PESK (ĠU L 330, 30.11.2011, p. 21).

[3]               ĠU L 147, 1.6.2013, p. 14.