52013JC0018

Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 329/2007 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea /* JOIN/2013/018 final - 2013/0180 (NLE) */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

(1) Fis-7 ta' Marzu 2013, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSC) adotta r-Riżoluzzjoni tan-NU 2094 (2013) li fiha kkundanna l-prova nukleari li r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea ("il-Korea ta' Fuq") kienet wettqet fit-12 ta' Frar 2013. Il-UNSC afferma l-miżuri li kien diġà ħa fir-Riżoluzzjonijiet tal-UNSC 1718 (2006) u 1874 (2009) u 2087 (2013) u ddeċieda li l-membri kollha tan-NU għandhom japplikaw miżuri restrittivi addizzjonali kontra l-Korea ta' Fuq. Il-miżuri addizzjonali stipulati fir-Riżoluzzjoni tal-UNSC 2094 (2013) jinkludu:

(a) miżuri tal-iffriżar tal-assi kontra individwi jew entitajiet li jaġixxu f'isem jew fuq struzzjonijiet ta' individwi u entitajiet li diġà ġew innominati, u għall-entitajiet li jappartjenu għalihom jew li huma kkontrollati minnhom, inkluż permezz ta' mezzi illeċiti;

(b) projbizzjoni tal-istabbiliment ta' relazzjonijiet ta' bank korrispondenti mal-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji fil-Korea ta' Fuq jew il-ftuħ ta' kontijiet tal-bank fil-Korea ta' Fuq;

(c) l-obbligu ta' spezzjoni fuq il-merkanzija kollha li toriġina mill-Korea ta' Fuq, jew li hija destinata għall-Korea ta' Fuq, jew intermedjata jew iffaċilitata mill-Korea ta' Fuq, jew minn individwi jew entitajiet li jaġixxu f'isimhom, fejn ikun hemm bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li l-merkanzija fiha oġġetti pprojbiti;

(d) projbizzjoni fuq inġenji tal-ajru li jitilqu minn, li jinżlu fi, jew li jgħaddu minn fuq it-territorju jekk ikun hemm bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li l-inġenju tal-ajru jkun fih oġġetti pprojbiti.

(2) Sabiex jimplimenta r-Riżoluzzjoni tal-UNSC 2094 (2013), il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/183/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea li tirrevoka d-Deċiżjoni 2010/800/PESK[1], li tipprovdi għal azzjoni mill-Unjoni Ewropea sabiex timplimenta miżuri restrittivi addizzjonali.

(3) Ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u l-Kummissjoni jipproponu li jimplimentaw il-miżuri restrittivi nnutati hawn fuq permezz ta' emenda għar-Regolament tal-Kunsill 329/2007.

2013/0180 (NLE)

Proposta Konġunta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 329/2007 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007 tas-27 ta’ Marzu 2007 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Korea[2], jagħti effett lill-miżuri previsti fil-Pożizzjoni Komuni 2006/795/PESK tal-20 ta’ Novembru 2006 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea[3], li mbagħad ġiet revokata u sostitwita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/800/PESK tat-22 ta’ Diċembru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea[4] (‘Il-Korea ta’ Fuq’).

(2)       Fit-22 ta' April 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/183/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (“Il-Korea ta' Fuq”) u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2010/800/PESK[5], li ġġedded miżuri eżistenti u tagħti effett għar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSC) 2094 (2013).

(3)       Il-miżuri restrittivi jinkludu projbizzjoni fuq it-trasferiment ta' taħriġ tekniku, pariri, servizzi jew assistenza teknika f'dak li għandu x'jaqsam ma' oġġetti pprojbiti u huwa meħtieġ li jiġi estiż l-ambitu ta' dik il-projbizzjoni sabiex jiġi jinkludi servizzi intermedjarji oħra.

(4)       Il-forniment ta' servizzi finanzjarji lil persuni u entitajiet addizzjonali, jiġifieri dawk li jaġixxu f'isem jew taħt id-direzzjoni tal-persuni u l-entitajiet innominati jew entitajiet li huma proprjetà tagħhom jew li huma kkontrollati minnhom, huwa pprojbit u huwa meħtieġ li jiġi miżjud kriterju addizzjonali tal-elenkar f'dak is-sens.

(5)       Huwa neċessarju li jiġi pprojbit it-twaqqif ta' relazzjonijiet ta' korrispondent ġodda ma' banek fil-Korea ta' Fuq u ż-żamma ta' relazzjonijiet ta' korrispondent ma' banek fil-Korea ta' Fuq fejn ikun hemm bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li dan jista' jikkontribwixxi għall-programmi relatati man-nukleari, ma' armi oħra tal-qerda massiva jew jew mal-missili ballistiċi jew attivitajiet projbiti oħra tal-Korea ta' Fuq. Minbarra dan, l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri għandhom ikunu pprojbiti milli jiftħu kontijiet tal-bank fil-Korea ta' Fuq.

(6)       Huwa meħtieġ li tiġi spezzjonata l-merkanzija kollha li toriġina mill-Korea ta' Fuq, jew li hija destinata għall-Korea ta' Fuq, jew li tkun intermedjata jew iffaċilitata mill-Korea ta' Fuq jew miċ-ċittadini tagħha, jew minn individwi jew entitajiet li jaġixxu f'isimhom, fejn ikun hemm bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li l-merkanzija jkun fiha oġġetti pprojbiti; Għalhekk jenħtieġ li jkun hemm l-obbligu li tiġi ppreżentata informazzjoni qabel il-wasla u qabel it-tluq.

(7)       Huwa meħtieġ li jiġi pprojbit għal kwalunkwe inġenju tal-ajru li jitlaq minn, jinżel fi, jew itir fuq it-territorju tal-Unjoni, jekk ikun hemm bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li l-inġenju tal-ajru jkun fih oġġetti pprojbiti.

(8)       Dawn il-miżuri jaqgħu fl-ambitu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, b'mod speċjali bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hemm bżonn li tittieħed azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati.

(9)       Ir-Regolament (KE) 329/2007 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 329/2007 huwa emendat kif ġej:

(1) L-Artikolu 3(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

(a) il-forniment, dirett jew indirett, ta' assistenza teknika jew ta' servizzi ta' senserija jew servizzi intermedjarji oħra relatati ma' merkanzija u teknoloġija elenkati fil-Lista Komuni tal-UE ta' Tagħmir Militari jew fl-Annessi I, Ia u Ib, u mal-forniment, manifattura, manutenzjoni u użu ta' merkanzija elenkata fil-Lista Komuni tal-UE ta' Tagħmir Militari jew fl-Annessi I, Ia u Ib lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Korea ta' Fuq, jew għall-użu fil-Korea ta' Fuq;"

(2) L-Artikolu 3a huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 3a

1. Il-prevenzjoni tat-trasferiment tal-merkanzija u t-teknoloġija li huma koperti mil-Lista Komuni tal-UE ta' Tagħmir Militari jew li l-forniment, bejgħ, trasferiment, esportazzjoni jew importazzjoni tagħhom huma pprojbiti minn dan ir-Regolament, flimkien mal-obbligu sabiex l-awtoritajiet doganali kompetenti jiġu pprovduti bl-informazzjoni ta' qabel il-wasla u wara t-tluq kif stabbilit fid-dispożizzjonijiet relevanti li jirrigwardaw id-dikjarazzjonijiet sommarji tad-dħul u l-ħruġ flimkien mad-dikjarazzjonijiet tad-dwana fir-Regolament (KEE) Nru 2913/92[6] u fir-Regolament (KEE) Nru 2454/93[7], il-persuna li tipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandha tiddikjara jekk il-merkanzija hijiex koperta mil-Lista Komuni tal-UE ta' Tagħmir Militari jew minn dan ir-Regolament u, fejn l-esportazzjoni hija suġġetta għall-awtorizzazzjoni, tispeċifika l-partikulari tal-liċenzja tal-esportazzjoni mogħtija.

2. L-elementi addizzjonali meħtieġa msemmija f'dan l-Artikolu għandhom jiġu ppreżentati jew f'forma miktuba jew bl-użu ta' dikjarazzjoni tad-dwana kif ikun xieraq.

3. Il-forniment ta' servizzi ta' trażbord jew ta' forniment tal-bastimenti, jew xi servizzi oħra għall-bastimenti, lil bastimenti tal-Korea ta' Fuq huwa pprojbit fejn il-fornituri tas-servizz ikollhom informazzjoni, inkluż mingħand l-awtoritajiet kompetenti tad-dwana fuq il-bażi tal-informazzjoni ta' qabel il-wasla u ta' qabel it-tluq imsemmija fil-paragrafu 1, li tipprovdi bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li l-bastimenti qed iġorru oġġetti li l-forniment, bejgħ, trasferiment jew esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti skont ir-Regolament, sakemm il-forniment ta' dawn is-servizzi ma jkunx neċessarju għal skopijiet umanitarji."

(3) L-Artikolu 5a huwa emendat kif ġej:

(a) Fl-Artikolu 5a(1), il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b'dan li ġej:

"(a) jiftaħ kont tal-bank ġdid ma' istituzzjoni ta' kreditu jew finanzjarja domiċiljata fil-Korea ta' Fuq jew kull istituzzjoni ta' kreditu jew finanzjarja msemmija fl-Artikolu 11a(2);

(b) jiftaħ relazzjoni ġdida ta' bank korrispondenti ma' istituzzjoni ta' kreditu jew finanzjarja domiċiljata fil-Korea ta' Fuq jew kull istituzzjoni ta' kreditu jew finanzjarja msemmija fl-Artikolu 11a(2);"

(b) Fl-Artikolu 5a(1), huma miżjuda l-punti li ġejjin (c), (d) u (e):

"(c) jiftaħ uffiċċju rappreżentattiv ġdid fil-Korea ta' Fuq, jew jistabbilixxi fergħa jew sussidjarja ġdida, fil-Korea ta' Fuq;

(d) jistabbilixxi impriża konġunta ġdida ma' istituzzjoni ta' kreditu jew finanzjarja domiċiljata fil-Korea ta' Fuq jew kull istituzzjoni ta' kreditu jew finanzjarja msemmija fl-Artikolu 11a(2);

(e) iżomm relazzjoni ta' bank korrispondenti ma' istituzzjoni ta' kreditu jew finanzjarja domiċiljata fil-Korea ta' Fuq jew istituzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 11a(2) jekk ikun hemm informazzjoni li tipprovdi bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li dan jista' jikkontribwixxi għall-programmi tal-Korea ta' Fuq relatati man-nukleari, ma' armi oħra tal-qerda massiva jew ma' missili ballistiċi, jew attivitajiet oħra projbiti minn dan ir-Regolament jew mid-Deċiżjoni 2013/88/PESK."

(4) Fl-Artikolu 6, il-paragrafi 1 sa 4 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu għall-persuni, l-entitajiet, u l-korpi elenkati fl-Anness IV jew li huma proprjetà tagħhom jew li huma miżmuma jew ikkontrollati minnhom, għandhom jiġu ffriżati. L-Anness IV għandu jinkludi l-persuni, entitajiet u korpi indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU skont il-paragrafu 8(d) tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1718 (2006) u l-paragrafu 8 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2094 (2013).

2. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu għall-persuni, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Anness V, jew li huma l-proprjetà tagħhom, jew li huma miżmuma jew ikkontrollati minnhom, għandhom jiġu ffriżati. L-Anness V għandu jinkludi l-persuni, l-entitajiet u l-korpi li mhumiex elenkati fl-Anness IV, li, f'konformità mal-paragrafu tal-Artikolu 15 (1) il-punt (b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/183/PESK ġew identifikati mill-Kunsill:

(a) li huma responsabbli għal, inkluż permezz ta appoġġ jew promozzjoni ta', programmi tal-Korea ta' Fuq relatati mal-armi nukleari, ma' armi oħrajn tal-qerda tal-massa, jew mal-missili ballistiċi jew persuni, entitajiet jew korpi li jaġixxu f'isimhom jew skont l-istruzzjonijiet tagħhom, jew persuni, entitajiet jew korpi li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, inkluż permezz ta' mezzi illeċiti;

(b) li jipprovdu servizzi finanzjarji jew it-trasferiment lejn, permezz ta', jew mit-territorju tal-Unjoni, jew li jinvolvu ċittadini ta' Stati Membri jew entitajiet organizzati taħt il-liġijiet tagħhom, jew persuni jew istituzzjonijiet finanzjarji fit-territorju tal-Unjoni, ta' kwalunkwe assi finanzjarji jew assi oħrajn jew riżorsi li jistgħu jikkontribwixxu għal programmi tal-Korea ta' Fuq marbutin mal-armi nukleari, ma' armi oħrajn ta' qerda massiva jew ma' missili ballistiċi, kif ukoll persuni, entitajiet jew korpi li jaġixxu f'isimhom jew fuq l-istruzzjonijiet tagħhom jew persuni, entitajiet jew korpi li jappartjenu lilhom jew li huma kkontrollati minnhom; jew

(c) li huma involuti, inkluż permezz tal-għoti ta' servizzi finanzjarji, fil-provvista lejn jew mill-Korea ta' Fuq ta' armi u ta' materjali relatati ta' kull tip, jew ta' oġġetti, materjali, tagħmir, prodotti u teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għal programmi tal-Korea ta' Fuq marbutin mal-armi nukleari, ma' armi oħrajn tal-qerda tal-massa u ma' missili ballistiċi għall-Korea ta' Fuq.

L-Anness V jiġi rieżaminat regolarment u mill-inqas kull 12-il xahar.

2a. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu għall-persuni, l-entitajiet jew il-korpi elenkati fl-Anness Va, jew li huma l-proprjetà tagħhom, huma miżmuma jew huma kkontrollati minnhom, għandhom ikunu ffriżati. L-Anness Va jinkludi l-persuni, entitajiet jew korpi mhux koperti bl-Anness IV jew V li qed jaħdmu f'isem jew fuq l-istruzzjonijiet ta' persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness IV jew V jew lil persuni li jgħinu fl-evażjoni ta' sanzjonijiet jew li jiksru d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, tad-Deċiżjoni 2013/183/PESK kif elenkat fl-Anness Va.

L-Anness Va għandu jiġi rieżaminat regolarment u mill-inqas kull 12-il xahar.

3. L-Annessi IV, V u Va għandhom jinkludu wkoll, fejn disponibbli, informazzjoni dwar persuni fiżiċi elenkati, għall-iskop li l-persuni kkonċernati jiġu identifikati biżżejjed.

Din l-informazzjoni tista' tinkludi:

(a) il-kunjom u l-ismijiet, inklużi ismijiet fittizji u titli, jekk hemm;

(b) id-data u l-post tat-twelid;

(c) in-nazzjonalità;

(d) in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità;

(e) in-numri tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali;

(f) is-sess;

(g) l-indirizz jew tagħrif ieħor dwar fejn wieħed ikun jinsab;

(h) il-funzjoni jew professjoni;

(i) id-data tan-nomina.

L-Annessi IV, V u Va għandhom jinkludu wkoll ir-raġunijiet għall-elenkar, bħall-impjieg.

L-Annessi IV, V u Va jistgħu jinkludu wkoll informazzjoni għall-finijiet ta' identifikazzjoni, kif stipulat f'dan il-paragrafu, dwar il-membri tal-familja tal-persuni elenkati, sakemm din l-informazzjoni tkun meħtiega f'każ speċifiku għall-iskop waħdieni ta' verifika tal-identità tal-persuna fiżika elenkata kkonċernata.

4. L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom ikunu disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi elenkati fl-Annessi IV, V u Va."

(5) L-Artikolu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 7

1. B'deroga mill-Artikolu 6, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikati fis-siti tal-internet elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw, taħt il-kundizzjonijiet li huma jikkunsidraw xierqa, ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew iqiegħdu għad-dispożizzjoni ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu:

(i)         meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni elenkati fl-Anness IV, V jew Va, u l-membri dipendenti tal-familji tagħhom, inklużi ħlasijiet għal ikel, kera jew ipoteki, mediċini u trattament mediku, taxxi, ħlas ta' assigurazzjoni u ħlasijiet għall-użu ta' servizzi pubbliċi;

(ii)         maħsuba esklussivament għall-ħlas ta' onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimbors ta' spejjeż imġarrba b'konnessjoni mal-forniment ta' servizzi legali; jew

(iii)        maħsuba esklussivament għall-ħlas ta' onorarji jew imposti għal servizzi għall-kustodja normali jew għall-manutenzjoni ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; kif ukoll

(b) fejn l-awtorizzazzjoni tkun tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness IV, l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet b'dik id-determinazzjoni u bl-intenzjoni tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni, u l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jkunx oġġezzjona għal dik l-azzjoni fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol min-notifika.

2. B'deroga mill-Artikolu 6, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikati fis-siti tal-internet elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu meħtieġa għal spejjeż straordinarji, sakemm:

(a) fejn l-awtorizzazzjoni tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness IV, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ġie notifikat dwar din id-determinazzjoni mill-Istat membru kkonċernat u li d-determinazzjoni ġiet approvata minn dak il-Kumitat, u

(b) fejn l-awtorizzazzjoni tkun tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness V jew Va, l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifka lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet għaliex iqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, mill-anqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni.

3. L-Istat Membru kkonċernat għandu jgħarraf lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafi 1 u 2."

(6) L-Artikolu 8(c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(c) ir-rahan jew is-sentenza mhumiex għall-benefiċċju ta' persuna, entità jew korp elenkati fl-Annessi IV, V jew Va."

(7) L-Artikolu 11a(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1. L-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 16 għandhom, fl-attivitajiet tagħhom mal-istituzzjonijiet tal-kreditu u finanzjarji msemmija fil-paragrafu 2, u sabiex jevitaw tali attivitajiet li jikkontribwixxu għall-programmi tal-Korea ta' Fuq relatati man-nukleari, ma' armi oħra tal-qerda tal-massa jew mal-missili ballistiċi jew sabiex jevitaw attivitajiet oħra pprojbiti minn dan ir-Regolament, jew id-Deċiżjoni 2013/88/PESK:

(a) jeżerċitaw viġilanza kontinwa fuq l-attivitajiet tal-kontijiet, b'mod partikolari permezz tal-programmi tagħhom dwar diliġenza dovuta tal-klijent u obbligi relatati mal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

(b) jirrikjedu li fl-istruzzjonijiet tal-pagamenti timtela l-informazzjoni kollha li tirrigwarda l-oriġinatur u l-benefiċjarju tat-tranżazzjoni kkonċernata u, jekk dik l-informazzjoni ma tiġix ipprovduta, jirrifjutaw it-tranżazzjoni;

(c) iżommu r-rekords kollha tat-tranżazzjonijiet għal perjodu ta' ħames snin u jagħmluhom disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali fuq talba;

(d) jekk jissuspettaw jew ikollhom bażi raġonevoli sabiex jissuspettaw li l-fondi huma marbuta mal-finanzjament tal-proliferazzjoni, immedjatament jirrappurtaw is-suspetti tagħhom lill-unità tal-intelliġenza finanzjarja (UIF) jew awtorità kompetenti oħra nnominata mill-Istat Membru kkonċernat, kif indikat fis-siti tal-internet fl-Anness II, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(1) jew l-Artikolu 6. L-UIF jew xi awtorità kompetenti oħra għandha sservi ta' ċentru nazzjonali għar-riċeviment u l-analiżi ta' rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi dwar finanzjament potenzjali tal-proliferazzjoni. L-UIF jew xi awtorità kompetenti oħra simili għandu jkollha aċċess, direttament jew indirettament, mingħajr dewmien żejjed, għall-informazzjoni finanzjarja, amministrattiva jew tal-infurzar tal-liġi li teħtieġ sabiex twettaq din il-funzjoni b'mod xieraq, inkluża l-analiżi tar-rapporti tat-tranżazzjonijiet suspettużi."

(8) Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 11b

1. Fejn hemm bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li inġenju tal-ajru jista' jkun fih oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti taħt l-Artikoli 2, 4 jew 4a, għandu jkun ipprojbit għal dak l-inġenju tal-ajru li:

(a) itir fuq it-territorju tal-Unjoni; jew

(b) jibda jew itemm titjira fit-territorju tal-Unjoni.

2. Il-Paragrafu 1 ma għandux iwaqqaf lill-inġenji tal-ajru milli jagħmlu atterraġġi ta' emerġenza.

3. Il-paragrafu 1 ma għandux iwaqqaf lill-inġenji tal-ajru rreġistrati fi Stat Membru tal-UE milli jagħmlu atterraġġi għall-ispezzjoni ta' oġġetti pprojbiti.

4. Il-parteċipazzjoni, konxjament u bi ħsieb, f'attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-paragrafu 1 hija pprojbita.”

(9) L-Anness ta' dan ir-Regolament huwa mdaħħal bħala l-Anness Va mar-Regolament 329/2007.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

ANNESS

"ANNESS Va"

[1]               ĠU L 111, 23.4.2013, p. 52

[2]               ĠU L 88, 29.3.2007, p. 1.

[3]               ĠU L 322, 22,11.2006, p. 32.

[4]               ĠU L 341, 23,12.2010, p. 32.

[5]               ĠU L 111, 23,4.2013, p. 52.

[6]               ĠU L 302, 19,10.1992, p. 1.

[7]               ĠU L 253, 11,10.1993, p. 1.