19.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/53


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – L-eżekuzzjoni tal-baġit tal-UE

2014/C 271/10

Relatur

Adam Struzik (PL/PPE), Marixxall tar-reġjun ta’ Mazovia

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jiġbed l-attenzjoni li għall-ewwel darba qed iħejji Opinjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-UE, biex jippreżenta l-fehmiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kemm fir-rigward tal-perspettiva finanzjarja attwali kif ukoll għas-snin 2014-2020;

2.

jinforma li biex tittejjeb il-kwalità tal-opinjonijiet dwar l-eżekuzzjoni tal-UE din l-Opinjoni tħejjiet abbażi ta’ stħarriġ (1) fost l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li kellu rispons sinifikanti, ħaġa li tirrifletti l-interess f’din il-kwistjoni u li tindika r-rieda għall-kooperazzjoni biex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi u l-potenzjal tal-approċċ territorjali;

3.

jenfasizza li l-baġit tal-UE huwa strument ferm importanti biex jinkisbu l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea. Ir-rwol tiegħu għandu jiġi enfasizzat issa b’mod partikolari – fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja li għadha għaddejja f’ħafna pajjiżi u l-bżonn li tiġi appoġġjata l-kompettività tal-ekonomija Ewropea, il-ħolqien tal-impjiegi u l-promozzjoni tal-valuri komuni Ewropej;

4.

jinnota li l-baġit tal-UE jipprovdi riżorsi biex jinkisbu l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea kif stabbiliti fit-Trattati u miftiehma fl-ogħla livelli politiċi (bejn il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea), iżda fl-istess ħin huwa strument kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika pubblika mwettqa fil-livell tal-Istati Membri u l-miżuri li jittieħdu mill-awtoritajiet lokali u reġjonali. F’dan il-kuntest iqis li enfasi ikbar fuq ir-riżultati twassal għal għażla aħjar ta’ għanijiet u strumenti li jirriflettu s-sitwazzjonijiet differenti fid-diversi territorji tal-UE u b’hekk issaħħaħ l-effettività u l-effikaċja tal-baġit tal-UE;

5.

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali qed jiġu involuti fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE bħala benefiċjarji diretti u bħala maniġers tal-fondi Ewropej, iżda li huma responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-baġit fil-livell lokali u reġjonali b’mod kondiviż mal-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea u istituzzjonijiet oħra Ewropej;

6.

bi pjaċir jinnota li b’konformità mad-dispożizzjonijiet legali relatati mal-perjodu ta’ programmar 2014-2020, ir-rwol tad-dimensjoni territorjali fit-twettiq tal-politika Ewropea ssaħħaħ. Għalhekk ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-twettiq tal-baġit tal-UE ser jiżdied iktar;

7.

f’din l-Opinjoni jiffoka fuq il-fondi li huma iktar importanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, inkluż, qabel kollox, il-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment (ESIF): il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fondi ta’ Koeżjoni, il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS), filwaqt li jindika l-importanza ta’ fondi oħra bħal dawk tal-programm Orizzont 2020 biex jintlaħqu l-għanijiet immirati fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali;

Ir-rata tal-eżekuzzjoni tal-baġit

8.

jinnota li, fid-dawl tas-sitwazzjoni soċjoekonomika attwali, il-fatt li l-adozzjoni tal-qafas legali tal-fondi tal-UE għas-snin 2007-2013 saret iktar tard milli mistenni, u li ħafna politiki Ewropej tfasslu sabiex jinkisbu għanijiet strutturali fit-tul minflok ma jippromovu l-effetti tal-provvista fil-perjodu l-qasir, ir-rata ta’ eżekuzzjoni tal-baġit tal-UE għandha titqies bħala waħda sodisfaċenti;

9.

jinsab imħasseb li minkejja s-sodisfazzjon ġenerali bl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, hemm differenzi konsiderevoli fir-rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit bejn l-Istati Membri u d-diversi fondi;

10.

jinnota li d-differenzi fl-implimentazzjoni tal-Baġit tal-UE bejn il-pajjiżi huma r-riżultat ta’ ħafna fatturi – u ftit minnhom biss huma relatati direttament mal-eżekuzzjoni tal-infiq fil-livell tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Fost il-fatturi li għandhom impatt fuq ir-rata tal-eżekuzzjoni tal-Baġit tal-UE nsibu:

l-effikaċja tas-sistema ta’ ġestjoni fl-Istati Membri individwali,

id-differenzi fir-regoli interni tal-fondi individwali u l-livell ta’ kumplessità tagħhom,

il-kwalità tal-oqfsa legali nazzjonali,

id-disponibbiltà ta’ fondi għall-kofinanzjament,

il-kapaċità amministrattiva,

l-effiċjenza tas-sistemi ta’ koordinazzjoni, tal-governanza f’diversi livelli u tas-sħubija;

11.

jinnota li fil-fehma tal-awtoritajiet lokali u reġjonali l-Istati Membri għandhom l-ikbar impatt fuq it-twettiq tal-baġit tal-UE fil-livell Ewropew, filwaqt li fil-każ tal-proġetti kofinanzjati mill-baġit tal-UE hija l-kapaċità amministrattiva li għandha l-ikbar influwenza fuq ir-rata ta’ implimentazzjoni, segwita mid-disponibbiltà tal-fondi (pubbliċi u nazzjonali) għall-kofinanzjament u l-kumplessità tad-dispożizzjonijiet tal-fondi individwali;

12.

f’dan il-kuntest jinnota li l-ilment dwar ir-rata bil-mod tal-implimentazzjoni tal-proġetti kofinanzjati mill-baġit tal-UE minħabba l-kapaċità amministrattiva limitata tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huwa biss parzjalment ġustifikat. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma konxji tal-kapaċità amministrattiva ħafna drabi inadegwata iżda r-rata ta’ implimentazzjoni fil-livell lokali u reġjonali tal-fondi tal-UE hija influwenzata anke minn kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea;

13.

għalhekk jappella lill-Istati Membri biex isaħħu l-kooperazzjoni u jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tħejjija tal-programmi operattivi u s-soluzzjonijiet speċifiċi ta’ implimentazzjoni, biex tiġi żgurata l-ogħla rata u kwalità possibbli fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE u jitnaqqas kemm jista’ jkun il-piż fuq il-benefiċjarji;

14.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex ikunu iktar proattivi fil-perspettiva finanzjarja l-ġdida, b’mod partikolari biex tintroduċi programmi ta’ informazzjoni u taħriġ għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, bil-għan li tiżdied ir-rata u l-kwalità tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE;

15.

jinnota li l-identifikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tal-aħjar prattiki jista’ jkollha impatt fuq ir-rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit, b’mod partikolari f’dawk l-oqsma li jinkorporaw ħafna fondi, programmi u msieħba, inklużi dawk implimentati taħt strumenti ġodda bħall-Investimenti Territorjali Integrati u l-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD);

16.

barra minn hekk, jinnota possibbiltajiet oħra biex tiżdied ir-rata ta’ implimentazzjoni tal-proġetti kofinanzjati mill-UE fil-livell lokali u reġjonali:

li ssir iktar enfasi fuq is-semplifikazzjoni tal-proċeduri għall-benefiċjarji,

li l-Istati Membri jwettqu fil-ħin il-kundizzjonijiet ex-ante, li ħafna drabi ma jkunux il-kompitu tal-awtoritajiet lokali u reġjonali,

li l-ispejjeż semplifikati jiġu applikati b’mod iktar mifrux,

l-użu tal-ogħla rata possibbli ta’ kofinanzjament mill-Unjoni,

l-iżgurar ta’ aċċess semplifikat għal strumenti finanzjarji oħra nazzjonali, privati jew mill-BEI,

li l-Kummissjoni tiġi mħeġġa tqis it-tneħħija tar-rekwiżit li l-kofinanzjament jiġi inkluż fil-kalkoli tad-defiċits tal-finanzi pubbliċi;

17.

għandu fiduċja li r-regoli l-ġodda tal-ESIF se jkollhom impatt pożittiv fuq ir-rata ta’ implimentazzjoni tal-proġetti kofinanzjati mill-baġit tal-UE fil-livell tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Madankollu f’dan l-istadju ta’ tħejjija għall-perspettiva tal-perjodu 2014-2020 ma nistgħux nivvalutaw kif u f’liema oqsma ser issir din l-aċċellerazzjoni;

18.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tat-Tabella ta’ Valutazzjoni Finali tas-Semplifikazzjoni għall-QFP 2014-2020 (2);

19.

jappella biex fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss (wara l-2020), tittejjeb il-kwalità u l-effikaċja tad-djalogu bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri; sabiex jitressqu abbozzi ta’ regolamenti, jitwettqu n-negozjati u jiġu konklużi d-diskussjonijiet kollha dwar il-proposti leġislattivi fi żmien tajjeb biex tkun tista’ tinbeda l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-UE fil-bidu tal-2021;

20.

jinnota li m’hemmx informazzjoni statistika suffiċjenti dwar il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. Għalhekk jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex b’mod regolari jippubblikaw l-informazzjoni dwar din il-kwistjoni (anke dwar ir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni u r-rapporti perjodiċi tal-koeżjoni) u biex jwettqu valutazzjonijiet regolari ta’ din il-kwistjoni li għandha tiġi diskussa bil-parteċipazzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni;

Livell tal-iżbalji u kwistjonijiet oħra relatati mal-ġestjoni

21.

jindika li skont l-informazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri l-oqsma tal-iżbalji ewlenin huma:

non-eliġibbiltà tan-nefqa,

nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku;

22.

jinnota li l-ispiża tal-kontroll tan-nefqa tal-awditjar tal-koeżjoni tista’ tiġi stmata għal madwar EUR 860 miljun jew 0,2 % tal-baġit tal-FEŻR/FK u tal-FSE (3);

23.

huwa sodisfatt li mill-2009, il-Qorti tal-Awdituri sabet li l-livell ta’ irregolaritajiet fin-nefqa marbuta mal-koeżjoni li kien hemm għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 hija b’mod ċar inqas mil-livell osservat għall-perjodu 2000-2006 (4);

24.

iqis li l-livell tal-iżbalji f’dawn l-oqsma ma jirriflettix l-abbużi fl-użu ta’ riżorsi tal-UE (frodi) imma kemm il-gruppi ta’ benefiċjarji bħall-awtoritajiet lokali u reġjonali jikkonformaw mar-regoli miftiehma u l-kwalità tal-kontrolli u s-sistemi ta’ ġestjoni, kemm nazzjonali kif ukoll Ewropej;

25.

f’dan il-kuntest jinnota li t-tnaqqis fil-kwantità ta’ żbalji f’dawn iż-żewġ oqsma jeħtieġ il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea u istituzzjonijiet oħra Ewropej. Għalhekk iħeġġeġ kooperazzjoni iktar mill-qrib mhux biss fl-istadju tal-implimentazzjoni tal-programmi u l-proġetti kofinanzjati mil-UE iżda anke fit-tfassil tad-dispożizzjonijiet legali u l-linji gwida. Jirreferi għall-bżonn li s-servizzi tal-Kummissjoni jivverifikaw il-konformità tas-sistemi nazzjonali tal-eliġibbiltà u l-akkwist pubbliku mal-liġi Ewropea qabel ma jiġu implimentati l-programmi u l-proġetti mhux biss meta jitwettqu;

26.

ifakkar li l-korrezzjonijiet finanzjarji jiddaħħlu meta jiġu żvelati l-irregolaritajiet, ħaġa li mhux biss taffettwa r-rata ta’ implimentazzjoni tal-fondi tal-UE imma anke tinfluwenza l-probabbiltà li jinkisbu r-riżultati mistennija;

27.

bi pjaċir jinnota li r-regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa ser jiġu applikati b’mod iktar flessibbli matul il-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid. F’dan il-kuntest, il-proposti fil-qafas tal-FSE, li jippermettu użu iktar estensiv ta’ pagamenti globali u rati fissi minflok ir-rimborż ta’ spejjeż reali, għandhom jitqiesu b’mod pożittiv. Dan għandu jkollu impatt pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-benefiċjarji, bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni Ewropea timmonitorja s-sitwazzjoni bir-reqqa sabiex tħeġġeġ lill-Istati Membri li jkunu qed jeżitaw li japplikaw il-mekkaniżmi semplifikati proposti;

28.

jappella biex, b’attenzjoni għall-fatt li l-ispejjeż semplifikati ma jintużawx għall-proġetti tal-akkwist pubbliku, il-Kummissjoni għandha teżamina l-possibbiltà li jiddaħħlu semplifikazzjonijiet simili għall-proġetti li jkunu finanzjati minn fondi apparti mill-FSE;

29.

bi pjaċir jinnota l-passi li ttieħdu diġà fil-livell tad-dispożizzjonijiet għar-regoli u l-proċeduri għall-ESIF kollu, iżda jqis li hemm inċertezza konsiderevoli fost l-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar l-impatt tar-regolamenti l-ġodda biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni jew biex iżidu l-opportunitajiet għall-koordinazzjoni bejn l-ESIF u fondi esterni oħra bħall-programm Orizzont 2020. Dan jindika li hemm bżonn li l-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Istati Membri jorganizzaw programm ta’ informazzjoni u taħriġ inkluż taħriġ li jippromovi l-mudelli ta’ spiża semplifikata (5);

30.

iqis li għandu jkun possibbli li jitnaqqas l-ammont ta’ irregolaritajiet billi jinħoloq sett komuni ta’ regoli bażiċi għall-ESIF u billi l-Istati Membri jitħallew iħejju r-regoli tagħhom stess għall-eliġibbiltà tan-nefqa abbażi ta’ ħtiġiet lokali speċifiċi;

31.

jipproponi li fir-rigward tas-sistemi ta’ kontroll għandha tingħata ħafna iktar attenzjoni lill-koordinazzjoni bejn il-kontrolli mwettqa mid-diversi istituzzjonijiet ta’ ġestjoni u awditjar: l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri. Ifakkar li l-kontrolli għandhom jaqdu l-kompitu tagħhom: li jtejbu l-kwalità tal-implimentazzjoni tal-proġetti. F’dan il-kuntest ifakkar li ħafna drabi l-korrezzjonijiet finanzjarji li jsiru mill-awtoritajiet lokali u reġjonali ma jkunux proporzjonali għall-iskala ta’ irregolaritajiet;

32.

jesprimi tħassib dwar il-fatt li minħabba nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva u nuqqas ta’ riżorsi, l-awtoritajiet tal-awditjar dejjem aktar spiss qed iqabbdu kumpaniji tal-awditjar mis-settur privat għax-xogħol tagħhom ta’ awditjar (48 %) u b’hekk jgħollu n-nefqa pubblika globali tal-awditjar u jitilfu l-kontroll fuq il-programmar tal-proġetti;

Il-likwidità tal-baġit tal-UE u kwistjonijiet ta’ ppjanar finanzjarju

33.

jinnota li kull sena l-baġit tal-UE qed ikollu dejjem iktar problemi biex jiżgura sors ta’ dħul stabbli mill-Istati Membri. Dan huwa dovut għall-ammont dejjem ikbar ta’ dejn mhux imħallas fl-aħħar ta’ kull sena baġitarja;

34.

iqis li din il-problema jista’ jkollha impatt fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali billi ttawwal il-perjodu ta’ stennija għar-rimborż tal-ispejjeż, ħaġa ta’ tħassib partikolari f’dawk il-pajjiżi l-iktar milquta mill-kriżi;

35.

iqis li l-akkumulazzjoni ta’ dejn mhux imħallas fil-baġit tal-UE hija dovuta:

għad-diffikultà tal-ippjanar dettaljat tan-nefqa annwali mill-Istati Membri u l-ipprogrammar mekkaniku ħafna tal-approprjazzjonijiet ta’ pagamenti mill-Kummissjoni Ewropea,

kunflitti fil-kontributi li jsiru mill-Istati Membri individwali għall-finanzjament ta-nefqa annwali tal-baġit tal-UE;

36.

jinsab imħasseb li dan jista’ jwassal għal sitwazzjoni fejn tiżdied is-somma tar-RAL (6). Din il-problema tgħodd l-iktar għall-politika ta’ koeżjoni u l-politika għall-iżvilupp rurali. Jekk nassumu li m’hemmx telf materjali fl-allokazzjonijiet baġitarji tal-Istati Membri b’riżultat tal-applikazzjoni tar-regola ta’ diżimpenn awtomatiku, il-baġit għall-2014 u l-2015 jista’ jkollu jiżdied sew;

37.

iqis li l-prolongazzjoni tar-regola tad-diżimpenn awtomatiku għal N+3 snin matul il-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid potenzjalment tista’ tiġġenera għadd ikbar ta’ RAL – iżda dan m’għandux jiġi interpretat bħala stedina biex jiżdiedu l-ammonti ammortizzati mill-Kummissjoni – iktar hemm bżonn li tittejjeb il-kwalità ta’ ppjanar finanzjarju f’kull livell – lokali, nazzjonali u Ewropew;

38.

jinnota li mod pożittiv biex tittejjeb il-kwalità tal-ippjanar finanzjarju fil-livell tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jkun li jingħataw linji gwida iktar ċari (mill-Kummissjoni lill-Istati Membri) dwar l-użu ta’ ħlasijiet minn qabel mill-benefiċjarji u l-introduzzjoni ta’ regoli ġodda dwar il-politika ta’ koeżjoni flimkien ma’ skadenza ta’ 90 jum għall-allokazzjoni ta’ ħlasijiet lill-benefiċjarji;

Enfasi fuq ir-riżultati

39.

iqis li r-riżultati tal-infiq tal-fondi huwa dejjem iktar viżibbli fil-kuntest lokali u reġjonali milli fil-livell makroekonomiku. Madankollu ħafna drabi l-impatt tal-baġit tal-UE fuq l-iżvilupp tal-Ewropa, il-pajjiżi u r-reġjuni individwali, ma jistax jintwera sew minħabba l-kwalità xejn sodisfaċenti tal-analiżi u l-konċentrazzjoni tal-attenzjoni fuq ir-rata ta’ implimentazzjoni minflok il-ksib tar-riżultati ppjanati;

40.

f’dan il-kuntest bi pjaċir jinnota li fil-qafas tal-perspettiva finanzjarja 2014-2020 l-fondi kollha tal-UE, b’mod partikolari l-ESIF, ser ikunu ħafna iktar orjentati lejn ir-riżultati. Skont ir-riżultati tal-istħarriġ għandha tiżdied l-effikaċja tal-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE u jiżdiedu l-possibbiltajiet li l-għanijiet tal-UE jinkisbu mill-interventi ffokati fuq it-temi u r-reġjuni;

41.

jinnota li orjentazzjoni ikbar lejn ir-riżultati għandha tinkiseb permezz ta’ rabta loġika bejn l-għanijiet stabbiliti, il-valuri tal-indikaturi, l-oqfsa ta’ prestazzjoni u s-sistemi ta’ monitoraġġ u ta’ valutazzjoni;

42.

madankollu, jiġbed l-attenzjoni li l-kunċett ta’ orjentazzjoni ikbar lejn ir-riżultati jkun jista’ jintuża sew biss jekk il-proċess tat-twaqqif ta’ miri u stadji (milestones) għall-interventi u l-valuri tagħhom fil-livell tal-programmi operattivi jkun ta’ kwalità għolja u jirrifletti mhux biss il-miri Ewropej iżda anke l-miri speċifiċi b’varjazzjonijiet reġjonali;

43.

peress li dan il-fokus iktar qawwi fuq ir-riżultati tal-baġit tal-UE huwa kemm importanti kif ukoll ġdid, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tniedi sensiela ta’ programmi ta’ informazzjoni u taħriġ dwar it-twaqqif tal-għanijiet, l-identifikazzjoni tal-fatturi u l-valuri tagħhom u l-ħolqien ta’ oqfsa ta’ prestazzjoni. Jindika li jeħtieġ li jsir iktar titjib fis-sistemi ta’ monitoraġġ u valutazzjoni fl-Istati Membri b’kunsiderazzjoni tar-rwoli u l-ħtiġiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

44.

iqis li fattur importanti ħafna għas-suċċess tal-kunċett ta’ orjentazzjoni ikbar lejn ir-riżultati huwa l-kwalità tan-negozjati għall-programmi operattivi, li għandhom jiġu ttrattati mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri bħala proċess ta’ tagħlim reċiproki;

45.

itenni t-tħassib tiegħu dwar ir-Riżerva tal-Prestazzjoni li tammonta għal 6 % tal-baġit tal-koeżjoni taħt il-mira tal-Investiment għat-Tkabbir u l-Impjiegi u l-istess għall-iżvilupp rurali m’hijiex l-għodda adatta għal dawn ir-rekwiżiti;

L-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-dibattiti strateġiċi

46.

jinnota li żieda fl-effiċjenza u l-effikaċja tista’ tinkiseb biss bil-parteċipazzjoni attiva ta’ kull parti interessata – b’mod partikolari dawk responsabbli għall-biċċa l-kbira tal-ispejjeż u li għalhekk jagħmlu kontribut ikbar biex jinkisbu l-għanijiet tal-politiki Ewropej, b’mod partikolari l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

47.

b’konformità mar-riżultati tal-istħarriġ, jiddikjara li lest ikun parteċipant attiv fl-iktar dibattiti importanti fil-livell Ewropew u msieħeb affidabbli tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. B’mod partikolari, dan ser jirrikjedi li jkun iktar involut fil-ħidma tal-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra, anke fit-tħejjija tal-opinjonijiet proprji (bħal din l-Opinjoni), l-analiżijiet u r-rapporti dwar l-iktar kwistjonijiet importanti għar-residenti tal-UE.

Brussell, 26 ta’ Ġunju 2014

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Michel LEBRUN


(1)  Riżultati tal-istħarriġ/konsultazzjoni onlajn dwar l-eżekuzzjoni tal-Baġit tal-UE, Kumitat tar-Reġjuni; Unità E.2 – Netwerk tas-Sussidjarjetà/Pjattaforma għall-Monitoraġġ tal-Ewropa 2020/Patt tas-Sindki/REKT. It-tim tal-Pjattaforma għall-Monitoraġġ tal-Ewropa 2020.

(2)  COM(2014)114, 3.3.2014.

(3)  Ibid, p. 43 u 45.

(4)  Ara: Martin Weber, Chrysoula Latopoulou u Jorge Guevara López: “The Cost of Control’ of Auditing Cohesion Expenditure”, EStIF 1/2014, p. 39;

(5)  Ara r-rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit dwar is-sena finanzjarja 2012, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=uriserv:OJ.C_.2013.331.01.0001.01.ENG

(6)  RAL: “reste à liquider” – espressjoni Franċiża li tfisser impenji pendenti. Id-differenza bejn l-ammont tal-impenji u l-pagamenti ta’ kull sena tirrappreżenta r-RAL addizzjonali għal dik is-sena.