15.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 114/23


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ Azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa

2014/C 114/05

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jemmen li l-industrija tal-azzar taqdi rwol determinanti fl-ekonomija globali tal-Unjoni Ewropea u hi settur strateġiku mill-aktar importanti li għandu impatt dirett fuq l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea;

2.

huwa tal-fehma li l-evoluzzjoni futura tal-industrija Ewropea tal-azzar għandha wkoll effett dirett fuq l-iżvilupp reġjonali u lokali, u li industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli hija fl-istess ħin kundizzjoni u parametru għall-irkupru ekonomiku f'bosta reġjuni Ewropej;

3.

jemmen li l-ħolqien ta' politika li tgħin biex l-industrija Ewropea tal-azzar tkun awtonoma hija indispensabbli sabiex tiġi żgurata l-provvista fit-tul fl-Unjoni Ewropea. Sabiex l-industrija tal-azzar iżżomm l-awtonomija tagħha, jeħtieġ li, permezz tal-innovazzjoni u approċċ li jirrispetta l-ambjent, tkun lesta li tilqa' l-isfidi tal-futur. Kwalunkwe għajnuna potenzjali mill-UE għandha biss tħaffef il-pass tal-proċess ta' tibdil li l-industrija tal-azzar stess ikollha tgħaddi minnu;

4.

jagħmel enfasi fuq il-kuntest ekonomiku diffiċli li fih l-Unjoni Ewropea – b'kapaċità ta' produzzjoni totali ta' 217-il miljun tunnellata azzar fis-sena u produzzjoni reali ta' madwar 11 % tal-produzzjoni dinjija – hi esposta għall-problemi li qamu fil-livell internazzjonali tal-kapaċità żejda u tad-domanda dgħajfa tas-suq;

5.

fir-rigward tal-fatt li d-domanda għall-azzar fl-Unjoni "tiddependi fuq l-istatus ekonomiku u finanzjarju ta' numru żgħir ta' industriji ewlenin li jużaw l-azzar – pereżempju s-settur tal-kostruzzjoni u s-settur awtomobilistiku" (1), jagħmel referenza għall-Opinjoni tiegħu dwar il-politika industrijali (2) u dik dwar "CARS 2020: Pjan ta' azzjoni għal industrija tal-karozzi kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa" (3);

6.

iqis li l-kostruzzjoni hija wieħed mis-setturi prinċipali li jużaw l-azzar, u li l-bini sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija għandu jingħata prijorità f'dan it-tip ta' kostruzzjoni, b'mod partikolari fil-qafas ta' dik li tista' tissejjaħ "rinovazzjoni tal-bini pubbliku" u li tista' tkun marbuta wkoll mal-aġenda Ewropea għall-akkomodazzjoni soċjali ripetutament mitluba mill-KtR u l-Parlament Ewropew;

7.

ifakkar li f'dawn l-aħħar snin u wara t-tnaqqis ċar fl-attività industrijali, parti sostanzjali mill-madwar 500 impjant tal-produzzjoni mifruxin fit-23 Stat Membru ffaċċjaw tnaqqis kbir fil-produzzjoni u oħrajn ingħalqu għalkollox, u jiddeplora t-telf ta' madwar 40 000 impjieg;

8.

jinnota li din is-sitwazzjoni ekonomika diffiċli influwenzat b'mod negattiv il-koeżjoni ekonomika u soċjali tat-territorji kkonċernati;

9.

jirrikonoxxi li hemm bżonn strateġija Ewropea għall-ġejjieni tal-industrija tal-azzar b'mod ġenerali;

10.

jemmen li huwa indispensabbli li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jiġu involuti direttament f'dan il-proċess, fir-rispett taċ-ċirkostanzi u l-ispeċifiċitajiet territorjali u fid-dawl tal-fatt li dawn l-awtoritajiet jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jevalwaw l-isfidi ekonomiċi u soċjali u n-neċessità u l-vijabbiltà ta' aktar investimenti biex jinħolqu jew jinżammu l-impjiegi kif ukoll biex jidentifikaw ir-riżorsi possibbli għal dan it-tip ta' investimenti, minbarra li għandhom għarfien ikbar fil-qasam tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali;

11.

huwa tal-fehma li l-ħidma għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-UE għandha tissejjes fuq il-prinċipji tat-trasparenza u tal-kundizzjonijiet tajbin għall-intrapriżi. L-industrija Ewropea tal-azzar għandha tiddistingwi ruħha mill-kompetizzjoni permezz tal-eċċellenza, il-kapaċità għall-innovazzjoni u l-kwalità, fost affarijiet oħra;

12.

jiddikjara li hu favur politika industrijali proattiva li tiffoka fuq it-titjib tal-kompetittività fl-industrija tal-azzar tal-UE u, fejn possibbli, li tipproteġi jew tespandi l-impjanti tal-azzar u l-impjiegi attwali, l-aktar billi jintużaw bl-aħjar mod l-ipproċessar u r-riċiklaġġ, sabiex is-settur ma jitlifx l-għarfien u l-kompetenzi fil-qasam tal-azzar li l-ħaddiema tiegħu kisbu tul għexieren ta' snin;

13.

jitlob, għalhekk, li jiġu introdotti ftehimiet dwar it-taħriġ vokazzjonali kontinwu sabiex l-impjegati fl-impjanti li aktarx ser ikunu affettwati mir-ristrutturar ikunu jistgħu jtejbu ħiliethom fis-settur tal-azzar;

14.

jitlob ukoll li jinħolqu miżuri addizzjonali ta' taħriġ mill-ġdid għall-ħaddiema milquta mill-għeluq jew ir-ristrutturar tal-impjanti, billi jiżdiedu l-possibbiltajiet li jintużaw il-fondi strutturali permezz ta' reviżjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) u billi jiġu offruti programmi adattati għall-bżonnijiet individwali u għall-ispeċifiċitajiet territorjali – dan kollu għandu dejjem iżomm u jissottolinja l-ħiliet tal-ħaddiema fis-settur;

15.

jitlob li tinħoloq sistema ta' għajnuna finanzjarja għaż-żoni milqutin mir-ristrutturar jew mill-għeluq tal-impjanti tal-produzzjoni li tkun ibbażata fuq it-taħriġ vokazzjonali mill-ġdid tal-ħaddiema, id-diversifikazzjoni ekonomika u fuq ir-riżorsi finanzjarji pprovduti mill-atturi ekonomiċi pubbliċi u privati;

16.

jisħaq li l-awtoritajiet pubbliċi kollha għandhom jadottaw approċċ koordinat fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' ristrutturar li jaffettwaw is-settur tal-azzar;

17.

jilqa' l-istabbiliment ta' grupp ta' livell għoli dwar l-azzar fil-livell Ewropew iżda jiddispjaċih li dan ser jiltaqa' biss darba fis-sena, u jissuġġerixxi li fih jiġu inklużi sew rappreżentant tal-Kumitat tar-Reġjuni u sew rappreżentanti tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, bil-għan li jiġu promossi l-kooperazzjoni, l-iskambju tal-informazzjoni u l-aħjar prattiki fost il-partijiet interessati ewlenin fl-Istati Membri;

18.

jemmen ukoll li l-Pjan ta' Azzjoni għandu jiġi evalwat 12-il xahar wara l-adozzjoni tiegħu;

19.

jitlob li jsir djalogu soċjali msaħħaħ biex tingħeleb il-kriżi u li l-imsieħba soċjali jiġu involuti b'mod dirett u mill-qrib fil-politika industrijali b'mod ġenerali u fil-politika favur is-settur tal-azzar b'mod partikolari;

20.

jinnota li għat-tkabbir sostenibbli tal-Unjoni Ewropea hemm bżonn mudell industrijali globali bbażat fuq l-innovazzjoni u fuq investimenti konsiderevoli fit-teknoloġiji l-ġodda;

21.

jinnota li l-industrija Ewropea tal-azzar trid toffri prodotti innovattivi ta' kwalità li jissodisfaw il-bżonnijiet tas-suq u li jippermettulha tiddistingwi ruħha mill-kompetituri tagħha; però dan l-approċċ jirrikjedi investimenti kbar f'forom għaljin tal-produzzjoni u tal-ipproċessar u fir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż);

22.

iqis li hemm bżonn li l-għajnuna għall-innovazzjoni tiġi estiża għall-attivitajiet kollha relatati mal-azzar. Għalhekk, għandhom jiġu stabbiliti strumenti finanzjarji tal-BEI fil-qafas ta-Orizzont 2020 sabiex titħeġġeġ il-kooperazzjoni fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni bejn il-kumpaniji tal-azzar u r-reġjuni li fihom huma bbażati sabiex tiġi garantita l-promozzjoni u s-sostenibbiltà tal-attività ekonomika;

23.

itenni t-talba tiegħu li jsiru investimenti fil-kwalifiki u t-taħriġ vokazzjonali sabiex jiġu promossi d-diversifikazzjoni, l-ispeċjalizzazzjoni u l-innovazzjoni tas-settur tal-azzar bil-għan li fil-futur isir aktar kompetittiv;

24.

jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tippromovi miżuri favur l-iżvilupp tal-ħiliet kif ukoll miżuri ffokati fuq l-impjieg taż-żgħażagħ fis-settur tal-azzar, iżda jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma tipproponi l-ebda miżura intiża biex tippromovi t-trasferiment tal-ħiliet fi ħdan l-intrapriżi;

25.

jifraħ bil-fatt li l-Pjan ta' Azzjoni jagħmel enfasi fuq il-promozzjoni tal-innovazzjoni maħsuba biex tiżviluppa teknoloġiji aktar ekoloġiċi u aktar ekonomiċi f'dak li hu riżorsi u enerġija, bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż u jiġi rispettat il-qafas tal-politiki Ewropej dwar il-klima sal-2030;

26.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex fuq il-livell Ewropew tappoġġja l-produzzjoni tal-azzar minn fran tal-ark elettriku li tiġġenera inqas sew emissjonijiet tas-CO2 mill-produzzjoni tal-azzar bl-użu tal-minerali tal-ħadid;

27.

itenni l-appoġġ tiegħu għall-approċċ tal-ekoloġija industrijali, li tikkonċentra fuq ir-riċiklaġġ tal-materjali u l-kontroll tal-konsum tal-enerġija;

28.

jenfasizza f'dan il-kuntest li l-azzar huwa riċiklabbli ħafna u li l-produzzjoni tal-azzar mir-ruttam minflok mill-minerali tal-ħadid mhux maħdum tnaqqas madwar 75 % l-enerġija meħtieġa u 90 % tal-materja prima;

29.

itenni li hu jappoġġja l-investiment fl-innovazzjoni, it-titjib tal-kundizzjonijiet ta' aċċess għas-suq, il-kapital, ir-riżorsi umani u l-kwalifiki, bħala s-sisien ta' politika industrijali aktar b'saħħitha;

30.

jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tissokta bl-evalwazzjoni tal-piż li qed tpoġġi fuq l-industrija tal-azzar minħabba r-regolamentazzjoni, u tevalwa l-impatt ta' dan fuq il-kompetittività;

31.

jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiftaħ diskussjoni dwar it-tnaqqis tal-ispejjeż tal-produzzjoni għall-industrija Ewropea tal-azzar. Id-diskussjoni għandha tikkonċentra fuq l-innovazzjoni, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-ħarsien tal-ambjent;

32.

jinsisti b'mod partikolari fuq il-ħtieġa li l-industriji li jużaw ħafna elettriku jkunu jistgħu jikkonkludu kuntratti għall-provvista fit-tul, jiġifieri li jkopru perjodi ta' mill-inqas 10 snin u li jkun fihom klawżoli ta' reviżjoni strutturati b'mod adegwat, sabiex tiġi żgurata provvista regolari f'qafas kuntrattwali fit-tul, jiġu kkontrollati l-ispejjeż u b'hekk il-kompetittività tas-settur;

33.

jemmen li hemm bżonn jissaħħu n-netwerks tat-trasport tal-merkanzija, u dan hu element essenzjali għar-reġjuni, speċjalment dawk imbiegħda u transkonfinali;

34.

jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tappoġġja d-domanda tal-azzar prodott fl-UE, kemm fi ħdan il-fruntieri tagħha kif ukoll lil hinn minnhom, l-aktar permezz ta' azzjonijiet maħsuba biex isaħħu d-domanda fis-setturi tal-karozzi u tal-kostruzzjoni sostenibbli;

35.

jistieden lill-Kummissjoni tippromovi d-diversifikazzjoni tal-industrija tal-azzar b'tali mod li titnaqqas id-dipendenza tagħha mid-domanda u li jiġu minimizzati r-riskji li jirriżultaw minnha;

36.

jappoġġja l-isforzi biex jinħolqu standards Ewropej għall-produzzjoni sostenibbli ta' prodotti tal-azzar għall-bini u biex jinħoloq ċertifikat ta' kwalità ("SustSteel") li jista' jwassal għall-progress tal-valur miżjud u l-kompetittività tal-prodotti Ewropej;

37.

ifakkar fl-importanza li fl-interess tal-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-Unjoni Ewropea u tal-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej fis-suq dinji, jitħarsu l-istandards Ewropej fl-oqsma tal-politika soċjali, tal-ambjent, tal-protezzjoni tal-klima, tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol;

38.

jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tieħu azzjoni flimkien ma' pajjiżi terzi kontra l-prattiki kummerċjali inġusti u biex tinkoraġġixxi fost affarijiet oħra t-trattament indaqs;

39.

iqis li l-iżgurar tal-kummerċ ħieles u miftuħ tal-azzar u l-prodotti tal-azzar huwa sfida importanti għas-settur fit-tul u jinnota li minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni biex jiġi liberalizzat il-kummerċ internazzjonali fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), l-istimi tal-industrija huma bbażati fuq il-prinċipju li madwar 65 % tas-suq dinji tal-azzar għadu jiffaċċja ostakli protezzjonisti ta' kull tip;

40.

jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li n-negozjar ta' ftehimiet kummerċjali fuq livell bilaterali, b'mod partikolari n-negozjar ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles, jista' jkun strument importanti biex jinħolqu kundizzjonijiet ġusti għall-intrapriżi tal-Unjoni Ewropea;

41.

jistieden lill-Kummissjoni ssegwi l-prinċipju tal-istandards reċiproċi fil-qafas tan-negozjati tal-ftehimiet, sew fuq livell bilaterali u sew fil-livell tad-WTO;

42.

jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex jekk ikun hemm bżonn ma toqgħodx lura milli tapplika b'mod sod u determinat miżuri kontra l-politiki kummerċjali inġusti ta' pajjiżi terzi u li timmodernizza bil-mod il-mod l-istrumenti tagħha li jiddefendu l-kummerċ;

43.

jistieden lill-Kummissjoni tivverifika bir-reqqa li s-sistema "Surveillance 2" tipprovdi mill-inqas l-istess garanziji ta' sorveljanza u kontroll kontra s-sussidji u d-dumping inġusti bħas-sistema ta' sorveljanza minn qabel ta' importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-ħadid u tal-azzar (UE) Nru 1241/2009;

44.

barra minn hekk jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu rigward it-tul ta' żmien – medja ta' sentejn – li l-Kummissjoni Ewropea teħtieġ biex tniedi mekkaniżmi kontra d-dumping filwaqt li fl-Istati Uniti dan jieħu biss sitt xhur, u jistedinha taħdem biex tkun tista' topera iktar malajr;

45.

jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni li tagħmel minn kollox biex tiggarantixxi aċċess liberu għas-swieq tal-materja prima primarja u sekondarja, b'mod partikolari s-swieq tal-minerali tal-ħadid, tal-faħam tal-kokk u tal-materjali riċiklabbli, u jqis li dan l-aċċess liberu huwa indispensabbli biex tiġi żgurata l-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-azzar fil-livell dinji;

46.

huwa tal-fehma li ż-żieda fil-produttività, l-ambjent favorevoli għall-investiment u l-miżuri favur l-innovazzjoni huma kundizzjonijiet importanti biex l-industrija tal-azzar tkun tista' tiżviluppa u tissopravivi għat-tul fl-UE. It-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija huwa wkoll mod tajjeb kif jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija, u dan jista' jwassal għal żieda fil-kompetittività;

47.

jindika li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma ssemmix l-ispejjeż loġistiċi, speċjalment fir-rigward tat-trasport marittimu, il-provvista tal-materja prima, is-sigurtà tal-provvista u l-iżvilupp ekonomiku marbut mal-attivitajiet tal-port;

48.

jaqbel mal-intenzjoni tal-Kummisjoni li ttejjeb il-kundizzjonijiet ġenerali għall-potenzjal tat-tkabbir tal-industrija tal-azzar fl-UE, li jinkludu s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u prezzijiet kompetittivi tal-enerġija kif ukoll inċentivi għal produzzjoni iktar ekonomika fl-użu tar-riżorsi u l-emissjonijiet tas-CO2;

49.

jappoġġja kull inizjattiva maħsuba biex ikun hemm monitoraġġ u kontroll tas-swieq tal-materja prima, inkluż is-suq tar-ruttam sabiex jiġu miġġielda l-esportazzjonijiet illegali tiegħu;

50.

jappella lill-Kummissjoni biex ma tinsiex twettaq analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżuri proposti favur l-industrija Ewropea tal-azzar, u biex tiggarantixxi li dawn il-miżuri ma jmorrux kontra politiki Ewropej oħra, fosthom dik tal-ħarsien tal-ambjent u tal-klima u tal-iżvilupp sostenibbli;

51.

jemmen li l-miżuri proposti mill-Pjan ta' Azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa mhumiex l-għan aħħari fihom innifishom, iżda jridu bilfors jiġu akkumpanjati minn sforzi min-naħa tas-settur industrijali biex isiru l-investimenti u jinħolqu l-impjiegi fl-impjanti tal-produzzjoni Ewropej;

52.

jinnota li l-Pjan ta' Azzjoni kif inhu bħalissa ma jiksirx il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità peress li hu konformi mal-Artikolu 173 tat-TFUE, li jistabbilixxi li l-UE għandha l-kompetenza li tappoġġja l-politika industrijali;

53.

jisħaq li l-Kummissjoni tisfrutta, b'konformità mal-Artikolu 173 tat-TFUE, il-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona fir-rigward tal-politika industrijali, b'mod partikolari billi tieħu kull inizjattiva siewja biex tippromovi l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-politika industrijali, billi tfassal linji gwida u indikaturi, billi torganizza l-iskambju tal-aħjar prattiki u billi tħejji dak li hemm bżonn għas-sorveljanza u l-evalwazzjonijiet perjodiċi.

Brussell, 28 ta' Novembru 2013

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  COM(2013) 407 final.

(2)  Opinjoni tal-KtR tal-11 ta' April 2013 dwar "Industrija Ewropea aktar b'saħħitha għat-tkabbir u l-irkupru ekonomiku", relatur: is-Sur Claude Gewerc (PSE/FR), CDR2255-2012_00_00_TRA_AC.

(3)  Abbozz ta' opinjoni tal-KtR (relatur: is-Sur Christian Buchmann (PPE/AT)), CDR1997-2013_00_00_TRA_PA.