15.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 114/6


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Rapport tal-2013 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE

2014/C 114/02

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

ifakkar li irrispettivament minn kif tingħata ċ-ċittadinanza nazzjonali, dik tal-UE mhux biss tippermetti li l-identitajiet nazzjonali differenti jeżistu flimkien fi ħdan l-Unjoni Ewropea bl-involviment taċ-ċittadini fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea, iżda tikkontribwixxi wkoll biex issaħħaħ id-demokrazija Ewropea;

2.

jenfasizza li l-moviment liberu huwa element essenzjali biex l-UE tkompli tiżviluppa mil-lat ekonomiku u politiku, biex jinfetħu opportunitajiet professjonali u ta' tagħlim għaċ-ċittadini tal-UE u biex jinħolqu rabtiet iktar mill-qrib bejn l-Ewropej, u għaldaqstant huwa element ċentrali taċ-ċittadinanza tal-Unjoni;

3.

jenfasizza li hemm bżonn issir enfasi fuq id-dimensjoni ekonomika sabiex tiġi żgurata Ewropa b'saħħitha ekonomikament, ħaġa li twassal biex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali taċ-ċittadinanza tal-UE peress li l-kriżi tad-dejn qed tkompli tiggrava u l-qgħad jiżdied b'mod li jaffettwa dejjem aktar liċ-ċittadini Ewropej, b'mod partikolari ż-żgħażagħ;

4.

jinnota li parti miċ-ċittadini Ewropej iħossuhom 'il bogħod mill-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livell Ewropew, u jfakkar li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadini;

5.

huwa konxju li billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu qrib iċ-ċittadini, huma qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex ifiehmu liċ-ċittadini xi tfisser iċ-ċittadinanza tal-UE, kif ukoll biex jippromovuha u jippromovu l-vantaġġi konkreti tagħha għaċ-ċittadini;

6.

jisħaq li billi bħalissa qed tiġi approfondita l-Unjoni Ekonomika u Monetarja u fl-istess ħin qed jiġi diskuss it-tisħiħ tal-unjoni politika permezz tal-possibbiltà li jiġu riveduti t-trattati, huwa indispensabbli li flimkien maż-żieda tal-integrazzjoni tiżdied ukoll il-leġittimità demokratika;

Qafas politiku u legali taċ-ċittadinanza tal-UE

7.

ifakkar li fit-Trattat ta' Maastricht sar pass fundamentali u simboliku ferm fil-bini ta' identità Ewropea u demokrazija Ewropea permezz tal-introduzzjoni tal-kunċett ta' "ċittadinanza tal-Unjoni", li ngħatat liċ-ċittadini kollha ta' kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u li bl-adozzjoni tat-Trattat ta' Amsterdam ġiet ikkunsidrata li tikkomplementa ċ-ċittadinanza nazzjonali;

8.

jenfasizza wkoll li d-dispożizzjonijiet il-ġodda introdotti mit-Trattat ta' Lisbona saħħew iċ-ċittadinanza tal-UE, li issa hija meqjusa bħala ċittadinanza addizzjonali (u mhux biss komplementari) għaċ-ċittadinanza nazzjonali iżda mingħajr ma teħdilha postha. Iċ-ċittadinanza Ewropea mhix intiża bħala l-espressjoni tar-rabtiet li kienu diġà jeżistu fis-sistema politika, iżda bħala qafas regolatorju li jbiddel il-libertà ta' moviment minn Stat għal ieħor f'bażi ta' drittijiet u mhux ta' esklużjoni;

9.

jinnota li għoxrin sena wara li t-Trattat ta' Maastricht stabbilixxa d-drittijiet taċ-ċittadinani tal-UE, dawn mhux dejjem isawru r-realtà ta' kuljum tagħhom. Iċ-ċittadini tal-UE kkonfermaw dan f'konsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar iċ-ċittadinanza Ewropea li fiha 12 000 ċittadin tal-UE pprovdew eżempji ta' ostakli burokratiċi li jridu jiffaċċjaw meta jeżerċitaw id-drittijiet bħal dak tal-moviment liberu (1). Li għandu jsir aktar f'dan il-qasam ġie kkonfermat mis-sondaġġi tal-Ewrobarometru dwar id-drittijiet taċ-ċittadini (2) u d-drittijiet elettorali (3), minn sensiela ta' djalogi diretti organizzati bejn iċ-ċittadini u r-responsabbli politiċi fil-livell nazzjonali u Ewropew, kif ukoll mid-diversi mistoqsijiet li l-pubbliku inġenerali jagħmel lis-servizz ta' informazzjoni "Europe Direct" dwar id-drittijiet Ewropej;

10.

jisħaq li d-drittijiet li ssir referenza għalihom fir-rapport huma drittijiet mogħtija mit-Trattati tal-UE liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, iżda ħafna minn dawn id-drittijiet huma drittijiet fundamentali li japplikaw ukoll għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi;

11.

jinnota li r-relazzjoni taċ-ċittadinanza tal-UE ma' dik tal-Istati Membri għadha waħda ambigwa. Minn banda tiddependi direttament miċ-ċittadinanza tal-Istati Membri, li hi l-unika kundizzjoni biex tinkiseb iċ-ċittadinanza tal-UE kif definita minn kull leġislazzjoni nazzjonali. Dan l-aspett taċ-ċittadinanza Ewropea jillimita r-rwol tagħha bħala sors supplementari ta' drittijiet marbutin ma' dik tal-Istati Membri. Mill-banda l-oħra, hi però tissepara l-kunċett taċ-ċittadinanza mill-Istat-nazzjon, u ċċaqlaq l-enfasi minn fuq l-integrazzjoni tal-individwu f'komunità ċivika għal fuq ir-residenza, fuq il-garanzija tal-ugwaljanza tad-drittijiet individwali, politiċi u soċjali, u fuq il-moviment liberu tiegħu bħala ċittadin Ewropew;

12.

jinnota li l-akkwist taċ-ċittadinanza ta' Stat Membru – u, permezz ta' dan, taċ-ċittadinanza tal-UE – jista' jkun mekkaniżmu essenzjali għall-integrazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi fis-soċjetajiet Ewropej u li għalhekk għandha tkun biżżejjed aċċessibbli għall-immigranti regolari li ilhom żmien twil joqogħdu fl-UE. L-għoti taċ-ċittadinanza lil dawn il-migranti hu strument fundamentali għall-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetajiet Ewropej;

13.

josserva li fl-Opinjoni tiegħu tal-2010 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE kien stieden lill-UE tkun aktar demokratika u trasparenti fil-politiki u l-korpi tat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħha. Talab ukoll li jiġu adottati mekkaniżmi li jistimolaw djalogu politiku bidirezzjonali u li l-prinċipju tad-demokrazija parteċipattiva jiġu applikati fil-prattika;

14.

jirrikonoxxi li l-Kummissjoni qed tevalwa l-azzjonijiet li ttieħdu s'issa u qed tagħmel ħilitha biex tirrispetta l-wegħdiet tagħha li tippromovi ċ-ċittadinanza tal-UE billi tipproponi miżuri fi 12-il qasam speċifiku;

15.

jinnota, madankollu, li r-rapport jippreżenta proposti li jikkonċernaw l-ewwel u qabel kollox id-dimensjoni ekonomika tal-UE u jindirizzaw biss b'mod sekondarju d-dimensjoni politika jew soċjali tal-integrazzjoni Ewropea. Pereżempju, ma jipproponi xejn speċifiku u konkret dwar it-tisħiħ tad-drittijiet tal-morda jew l-għoti tas-servizzi tas-saħħa transkonfinali, l-inkoraġġiment tal-multikulturaliżmu, il-promozzjoni ta' aktar "Ewropa soċjali" ngħidu aħna permezz tal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, jew inkella dwar il-bini gradwali ta' identità Ewropea;

16.

jinnota li l-azzjonijiet ippreżentati fir-rapport analizzat jidhru, mal-ewwel daqqa t'għajn, li jikkonformaw mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Madakollu huwa importanti li l-Kummissjoni Ewropea tiġġustifika fid-dettall kull azzjoni individwali li ser tipproponi b'mod uffiċjali, għaliex jista' jkun li ċerti proposti individwali jkollhom bżonn analiżi aktar fil-fond (pereżempju, il-ħruġ ta' dokumenti Ewropej uniċi fakultattivi). Barra minn hekk, il-miżuri ppjanati m'għandhomx joħolqu piż amministrattiv u finanzjarju eċċessiv għall-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kkonċernati;

17.

jinnota li fil-kuntest tal-elezzjonijiet Ewropej li jmiss fl-2014, ir-rapport għandu jinqara wkoll fid-dawl tal-Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni Ewropea u tar-rakkomandazzjoni relatata magħha (4). L-għan ta' dawn id-dokumenti hu li jsaħħu l-proċess demokratiku u d-demokrazija rappreżentattiva fi ħdan l-UE permezz tal-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej;

18.

ifakkar li l-KtR kien assoċjat mill-qrib fit-tħejjija tar-rapport u li jikkunsidra r-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet ta' studju li kkummissjona l-KtR dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni taċ-ċittadinanza tal-UE u tad-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej (5);

Il-kundizzjonijiet ta' ċittadinanza effettiva

19.

jipproponi li jittieħdu miżuri biex jingħataw taħriġ u edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza, biex iċ-ċittadini jkunu kapaċi jeżerċitaw id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom b'mod konxju u liberu, biex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali taċ-ċittadinanza fil-kuntest tal-kriżi ekonomika li qed tiħrax, u biex jitneħħew id-diversi ostakli li jillimitaw l-eżerċizzju tal-moviment liberu miċ-ċittadini Ewropej;

20.

jenfasizza li f'dinja fejn il-mobilità qed tiżdied, huwa importanti immens li tinħoloq żona ġenwina ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini (6), u josserva li huwa kruċjali li jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-UE jeżerċitaw mingħajr xkiel id-dritt tagħhom tal-moviment liberu u tar-residenza għaliex dan huwa d-dritt tal-ikbar valur għaċ-ċittadini mogħti mit-Trattat tal-UE u jitqies bħala l-iktar riżultat importanti tal-integrazzjoni tal-UE. F'dan il-kuntest mhux biżżejjed li jiġu stabbiliti d-drittijiet, huwa indispensabbli wkoll li l-livelli kollha ta' gvern jaħdmu flimkien biex jiżguraw li jiġi garantit li min ikollu dawn id-drittijiet ikun jista' jeżerċitahom mingħajr ostakli;

Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

21.

jenfasizza li waħda mill-konklużjonijiet ewlenin tar-rapport tal-2010 hi li d-diffikultajiet li jiffaċċjaw iċ-ċittadini tal-UE biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ma jirriżultawx daqstant mid-defiċit leġislattiv fil-livell tal-UE imma aktar minn fatturi marbutin mat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni fil-livell nazzjonali. Fid-dawl ta' dan, il-Kumitat jemmen li r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea ma jagħtix attenzjoni speċifika lill-kontribut li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jistgħu jagħtu għall-eżerċizzju effettiv u għall-kwalità taċ-ċittadinanza Ewropea;

22.

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ser ikollhom rwol ewlieni x'jaqdu fil-proċessi parteċipattivi li jridu jiġu stabbiliti sabiex jiġi implimentat approċċ ġenwin minn isfel għal fuq, li jippermetti li ċ-ċittadini jikkontribwixxu b'mod konsiderevoli fid-definizzjoni tal-politiki tal-UE li jikkonkretizzaw id-drittijiet tagħhom;

23.

jinsisti fuq il-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jgħinu fil-ġestjoni tal-problemi relatati mal-moviment u r-residenza taċ-ċittadini tal-UE kif ukoll fil-kwistjonijiet marbutin mal-akkoljenza tal-migranti, u jirrikonoxxi li huma kapaċi jilħqu gruppi li l-livell ta' parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess politiku huwa ħafna drabi baxx, bħaż-żgħażagħ u l-immigranti;

24.

jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li jinħoloq strument ta' taħriġ onlajn għall-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala rimedju għan-nuqqas ta' informazzjoni fost l-aġenti ta' dawn l-awtoritajiet dwar id-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej, li sikwit iwassal għat-tixrid ta' informazzjoni żbaljata fost il-partijiet interessati u jxekkel l-eżerċizzju tad-drittijiet inkwistjoni. Peress li l-membri tal-Kumitat qegħdin f'pożizzjoni tajba biex jifhmu l-bżonnijiet u l-kapaċitajiet tal-uffiċjali lokali fir-reġjuni ta' oriġini tagħhom, il-Kumitat tar-Reġjuni huwa lest jikkollabora b'mod attiv mal-Kummissjoni Ewropea fit-tfassil ta' dan l-istrument u fil-promozzjoni tiegħu fl-Istati Membri;

25.

jilqa' l-inizjattivi l-ġodda tal-Kummissjoni bil-għan li jitneħħew l-ostakli għall-eżerċitar effettiv tad-drittijiet li jirriżultaw miċ-ċittadinanza tal-UE, filwaqt li jinnota wkoll li fl-Istati Membri għad hemm distakk bejn id-dispożizzjonijiet legali applikabbli u r-realtà li jiffaċċjaw iċ-ċittadini fil-ħajja tagħhom ta' kuljum, b'mod partikolari fil-kuntesti transkonfinali, u li dan il-punt għandu jingħata aktar attenzjoni;

Id-dimensjonijiet taċ-ċittadinanza Ewropea  (7):

Ċittadinanza attiva

26.

jemmen li t-tisħiħ taċ-ċittadinanza Ewropea jista' jkun ibbażat fuq it-titjib tal-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fil-ħajja tal-komunità lokali, u b'mod aktar partikolari fuq il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, li jifformaw waħda mill-kategoriji tas-soċjetà l-iktar mobbli fiż-żona Ewropea;

Ċittadinanza soċjali

27.

jemmen li huwa indispensabbli li jissaħħu l-inizjattivi fil-livell Ewropew favur iċ-ċittadinanza soċjali għaliex l-aċċess għad-drittijiet soċjali huwa f'ċerti każijiet marbut ma' esiġenzi u kriterji stabbiliti mill-Istati Membri li joħolqu forom differenti ta' diskriminazzjoni, u dan imur kontra l-prinċipju tal-ugwaljanza u t-trattament indaqs kif previst fil-liġi Ewropea;

28.

jirrikonoxxi li r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jinkludi xi miżuri li jsaħħu ċ-ċittadinanza soċjali, bħall-miżura pożittiva li jinħoloq qafas ta' kwalità għall-apprendistati, li wieħed jista' jgħid li, b'mod indikattiv, jagħmlu sens;

29.

huwa deċiżament favur li d-dritt tal-moviment jissaħħaħ b'mod effettiv, speċjalment fir-rigward tal-mobilità taż-żgħażagħ, minħabba li l-qgħad fl-Istati Membri qed jiżdied b'mod kontinwu;

Ċittadinanza ċivili

30.

jinnota li għad fadal miżuri x'jittieħdu f'dan ir-rigward. Fil-fatt, skont ir-riżultati tal-Ewrobarometru speċjali (8), minn dawk li ħadu sehem fis-sondaġġ nofshom biss kienu jafu bl-eżistenza u l-firxa ta' setgħat tal-Ombudsman Ewropew, u ftit li xejn kienu informati dwar id-dritt li jippreżentaw petizzjoni lill-Parlament Ewropew (9);

31.

f'dan ir-rigward jipproponi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jorganizzaw, bl-għajnuna tal-fondi Ewropej ikkonċernati, azzjonijiet speċifiċi u effikaċi li jinformaw liċ-ċittadini Ewropej dwar l-Ombudsman Ewropew u dwar id-dritt li jressqu petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew;

Ċittadinanza politika

32.

jinnota li r-rata ta' parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej qatt ma waqqfet tonqos mill-1979 'l hawn u fl-2009 niżlet għal 43 % (10); din it-tendenza tikkonferma li ċ-ċittadini Ewropej iħossu li l-opinjoni tagħhom ma tiġix ikkunsidrata fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livell Ewropw. Fil-fatt, skont l-Ewrobarometru, 68 % minnhom jesprimu din il-preokkupazzjoni;

33.

jiġbed l-attenzjoni għall-prattiki tajbin (11) biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jorganizzaw, bl-appoġġ tar-riżorsi Ewropej adegwati, programmi u kampanji ta' sensibilizzazzjoni fil-livell lokali u reġjonali biex jinformaw lin-nies tar-reġjuni rispettivi tagħhom dwar id-dritt tagħhom li jivvotaw kif ukoll li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet Ewropej. Il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza wkoll ir-rwol li jistgħu jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jinkoraġġixxu l-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni, b'mod partikolari fost it-tfal tal-iskola u l-istudenti, b'mod li jkunu ppreparati biex jeżerċitaw b'mod attiv id-drittijiet elettorali tagħhom;

34.

josserva li għandhom ikomplu jissaħħu d-drittijiet politiċi taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex ma japplikawx dispożizzjonijiet restrittivi żżejjed rigward l-aċċess taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għaċ-ċittadinanza tagħhom. F'opinjonijiet preċedenti l-Kumitat tar-Reġjuni, minn naħa, irrikonoxxa li l-immigranti li jgħixu b'mod legali fl-Istati Membri għandhom ċerti aspettattivi rigward il-ksib taċ-ċittadinanza tal-UE u, min-naħa l-oħra, stqarr li l-parteċipazzjoni tal-immigranti legali fil-ħajja politika tirrappreżenta fattur b'saħħtu ħafna li jiffaċilita l-integrazzjoni tagħhom fil-komunitajiet lokali;

35.

jistieden lill-Istati Membri kollha, mingħajr l-ebda eċċezzjoni, biex jiffaċilitaw il-mod kif iċ-ċittadini tagħhom jeżerċitaw id-dritt li jivvotaw u li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet nazzjonali, irrispettivament minn jekk joqogħdux jew jinsabux fit-territorju nazzjonali. Jekk jeżerċitaw id-dritt tal-mobilità tagħhom fl-UE, dan m'għandux ikollu l-konsegwenza li jitilfu l-prerogattivi politiċi tagħhom;

36.

jemmen li issa l-kundizzjonijiet jippermettu li jinfetaħ jew jissaħħaħ id-djalogu dwar l-estensjoni tad-dritt tal-vot taċ-ċittadini tal-UE sabiex ikopri wkoll l-elezzjonijiet reġjonali u nazzjonali tal-pajjiż ta' residenza tagħhom, u dan mingħajr preġudizzju għas-sovranità ta' kull Stat Membru (jus domicilii);

37.

jagħmel enfasi fuq id-dinamika li jista' jispira l-kunċett taċ-ċittadinanza Ewropea fil-proċess tat-tkabbir tal-UE; dan mhux biss proċess ta' aġġustament ekonomiku u leġislattiv abbażi tal-acquis communautaire iżda jirrikjedi wkoll li jsiru interventi politiċi fil-pajjiżi li jkunu fit-triq tal-adeżjoni sabiex isaħħu l-istrutturi demokratiċi u l-Istat tad-dritt tagħhom. Il-prospettiva taċ-ċittadinanza Ewropea tista' turi b'mod konkret l-importanza ta' dawn il-miżuri;

Ċittadinanza amministrattiva

38.

ifakkar li fil-livell lokali u reġjonali jeħtieġ jittieħdu miżuri ta' semplifikazzjoni amministrattiva li jagħmlu d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE effettivi, b'mod partikolari l-libertà ta' moviment, u li hemm bżonn jiġu eliminati l-prattiki dissważivi jew forom oħra ta' diskriminazzjoni li jeżistu u li joħolqu differenzi fit-trattament bejn iċ-ċittadini Ewropej, b'mod partikolari fejn jidħol l-għoti tad-dritt ta' residenza. Abbażi ta' analiżi tal-problemi li jiffaċċjaw, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu kapaċi jipprovdu soluzzjonijiet adegwati;

39.

jirrikonoxxi li l-Kummissjoni tagħmel passi 'l quddiem f'dan ir-rigward permezz tal-miżuri mħabbrin. Billi wieħed mill-oqsma ta' politika jinvolvi b'mod attiv lill-awtoritajiet lokali u reġjonali (12), jeħtieġ li ssir valutazzjoni tal-impatt u fl-istess ħin jiġi previst il-finanzjament mill-fondi Ewropej;

40.

jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġi promoss rikonoxximent iktar faċli taċ-ċertifikati ta' affidabbiltà stradali tal-vetturi fil-konfini kollha tal-UE, u anke l-armonizzazzjoni proposta tar-rekwiżiti għall-kontrolli tekniċi tal-vetturi, li għandha tiġi implimentata mill-iktar fis u b'tali mod li jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu, inkluż iċ-ċaqliq tar-reġistrazzjonijiet tal-vetturi minn pajjiż għal ieħor b'mod iktar faċli;

Kultura taċ-ċittadinanza

41.

jissuġġerixxi li jissaħħu l-inizjattivi ta' kooperazzjoni intiżi biex jinformaw liċ-ċittadini dwar id-dritt tagħhom tal-libertà ta' moviment, bħall-ġemellaġġi tal-bliet, l-inizjattivi tal-kooperazzjoni transkofinali, eċċ.;

42.

ifakkar (13) li fil-perspettiva tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2014, huwa importanti ħafna li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkunu aktar konxji tad-drittijiet, fosthom dawk elettorali, li għandhom fl-Istat Membru fejn joqogħdu kif ukoll li jiġi ffaċilitat l-eżerċitar ta' dawn id-drittijiet;

Metodi ta' finanzjament tal-miżuri, possibbiltajiet ta' ħolqien ta' netwerks u sħubijiet

43.

fil-kuntest tal-qafas finanzjarju l-ġdid għall-2014-2020, jenfasizza l-ispinta konsiderevoli li jistgħu jagħtu l-programmi "Drittijiet fundamentali u ċittadinanza" u "L-Ewropa għaċ-ċittadini" biex isaħħu ċ-ċittadinanza Ewropea u jappoġġjaw l-attivitajiet maħsuba biex jippromovu l-għarfien u l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni u tal-politiki Ewropej fl-Istati Membri;

44.

jirrakkomanda li jiġi adottat approċċ aktar sempliċi u effikaċi b'rabta mal-finanzjament tal-azzjonijiet tal-programmi taċ-ċittadinanza Ewropea, u fl-istess ħin jiġu definiti b'mod aktar preċiż prijoritajiet li jkunu koerenti mal-għażliet politiċi u ssir enfasi fuq it-tixrid tar-riżultati tal-azzjonijiet b'mod li jiżdied l-impatt tagħhom biex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi u politiċi. Sabiex jinkiseb dan, huwa essenzjali li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fl-ippjanar ta' dawn l-interventi, b'mod partikolari rigward it-taħriġ u t-tfassil ta' programmi ta' ħidma annwali.

Brussell, 28 ta' Novembru 2013

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  http://ec.europa.eu/justice/citizen/files/eu-citizen-brochure_en.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_365_en.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_364_en.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  COM(2013) 126 final, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea intitolata "Tħejjija għall-Elezzjonijiet Ewropej tal-2014: aktar titjib tat-twettiq demokratiku u effiċjenti tagħhom", u C(2013) 1303 final, Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-kondotta demokratika u effiċjenti tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

(5)  Studju tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar "Il-promozzjoni taċ-ċittadinanza tal-UE u tad-drittijiet taċ-ċittadini mill-awtoritajiet lokali u reġjonali" (2012). Is-sommarju tal-istudju jinsab hawnhekk: http://cor.europa.eu/en/events/forums/Pages/ey2013-toolkit.aspx.

(6)  CdR 201/2009.

(7)  Din id-distinzjoni ġiet proposta fl-Opinjoni tal-KtR dwar ir-"Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE: Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE" (relatur: is-Sur Roberto Pella, IT/PPE), CdR 355/2010 fin, u hija adottata fl-abbozz ta' opinjoni preżenti.

(8)  Studju tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar "Il-promozzjoni taċ-ċittadinanza tal-UE u tad-drittijiet taċ-ċittadini mill-awtoritajiet lokali u reġjonali" (2012). Is-sommarju tal-istudju jinsab hawnhekk: http://cor.europa.eu/en/events/forums/Pages/ey2013-toolkit.aspx, p. 12.

(9)  Ara l-Artikolu 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(10)  Studju tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar "Il-promozzjoni taċ-ċittadinanza tal-UE u tad-drittijiet taċ-ċittadini mill-awtoritajiet lokali u reġjonali" (2012), p. 10.

(11)  Ibid., p. 11.

(12)  B'mod speċifiku, dan jirrigwarda l-promozzjoni tad-disponibbiltà ta' data speċifika u aċċessibbli dwar l-UE, billi jinħolqu għodod ta' taħriġ onlajn għall-awtoritajiet lokali u billi tingħata informazzjoni li tkun tista' tintuża b'mod faċli miċ-ċittadini sabiex isolvu l-problemi tagħhom.

(13)  Ara l-Opinjoni dwar it-tisħiħ taċ-ċittadinanza, 2013.