15.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 468/100


P7_TA(2013)0576

Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE (2013/2075(INI))

(2016/C 468/14)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Rapport mill-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2012 (COM(2013)0257) u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah (SWD(2013)0159),

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikoli 101, 102 u 107 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stipulati fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (1),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 169/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 li japplika r-regoli tal-kompetizzjoni għat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni (2),

wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (COM(2013)0404),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-kwantifikazzjoni tal-ħsara fl-azzjonijiet għad-danni bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C(2013)3440),

wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bl-isem “Konsultazzjoni pubblika: Lejn Approċċ Ewropew Koerenti għar-Rimedju Kollettiv” (SEC(2011)0173),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2013 bl-isem “Lejn Qafas Orizzontali Ewropew għal Rimedju Kollettiv” (COM(2013)0401),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar prinċipji komuni għall-mekkaniżmi tar-rimedju kollettiv inġuntiv u kompensatorju fl-Istati Membri fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet mogħtija skont il-Liġi tal-Unjoni (C(2013)3539/3),

wara li kkunsidra l-istudju mid-Dipartiment Tematiku tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni bl-isem “Collective redress in Antitrust” (Rimedju Kollettiv fl-Antitrust) ta’ Ġunju 2012,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ppubblikata skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Każ AT.39740 – Google (2013/C 120/09),

wara li kkunsidra l-impenji offruti lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Każ COMP/39.398 – Visa Europe,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (3),

wara li kkunsidra l-konsultazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Marzu 2013 dwar kontroll tal-UE fuq il-fużjoni – abbozz rivedut ta’ proċedura simplifikata u regolament ta’ implimentazzjoni dwar il-fużjoni,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Ottubru 2008 dwar l-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti (il-Komunikazzjoni Bankarja) (4),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2008 bl-isem “Ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji matul il-kriżi finanzjarja attwali: limitazzjoni tal-għajnuna għal dak minimu meħtieġ u salvagwardji kontra distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni” (il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni) (5)

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Frar 2009 dwar it-trattament ta’ assi indeboliti fis-settur bankarju tal-Komunità (il-Komunikazzjoni dwar Assi Indeboliti) (6),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Lulju 2009 dwar ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni tal-miżuri ta’ ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat (il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar) (7),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-17 ta' Diċembru 2008 dwar qafas temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu aċċess għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (il-Qafas Temporanju oriġinali) (8),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Diċembru 2010 dwar Qafas Temporanju tal-Unjoni għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu aċċess għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (il-Qafas Temporanju ġdid), li ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2010 (9),

wara li kkunsidra l-abbozz ta’ Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Awwissu 2013, tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat għall-appoġġ ta’ miżuri favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (l-abbozz ta’ Komunikazzjoni Bankarja ġdida) (10),

wara li kkunsidra d-dokument dwar kwistjonijiet mill-Kummissjoni għall-attenzjoni tal-KEF dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għar-ristrutturar tal-banek,

wara li kkunsidra l-istudju mid-Dipartiment Tematiku tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni bl-isem “Għajnuna mill-Istati – Regoli dwar il-kriżi għas-settur finanzjarju u l-ekonomija reali”, ta' Ġunju 2011,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornituri ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (11),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 2012/21/UE tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta' kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati mill-ġestjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (12),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem “Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (2011)” (13),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 tal-25 ta’ April 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna de minimis mogħtija lil intrapriżi li jipprovdu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (14),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2011 dwar ir-Riforma tar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali (15),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM)” (COM(2012)0209),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2013 dwar il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat (16),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta’ Għajnuna mill-Istat orizzontali u r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq (COM(2012)0730),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 659/1999 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (COM(2012)0725),

wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuniet mill-Istat għall-impriżi ferrovjarji (17),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar il-politika reġjonali bħala parti minn skemi usa’ ta’ għajnuna mill-Istat (18),

wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas tal-20 ta’ Novembru 2010 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (19) (minn issa ’l quddiem “il-Ftehim Qafas”), b’mod partikolari l-paragrafi 9, 12, 15 u 16 tiegħu,

wara li kkunsidra l-azzjoni legali ppreżentata fi Stat Membru partikolari li allega l-ksur tal-prinċipju legali bażiku “nulla poena sine lege”, skont liema kumpanija ma tistax tiġi mmultata għal ksur tal-kartell meta l-ammont tal-multa ma jkunx ġie stabbilit bil-liġi;

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tiegħu tat-22 ta’ Frar 2005 dwar “ir-Rapport Nru XXXIII tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni – 2003” (20), tal-4 ta’ April 2006 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2004 (21), tad-19 ta’ Ġunju 2007 dwar ir-Rapport rigward il-Politika tal-Kompetizzjoni 2005 (22), tal-10 ta’ Marzu 2009 dwar ir-Rapporti dwar il-politika tal-kompetizzjoni għall-2006 u l-2007 (23), tad-9 ta’ Marzu 2010 dwar ir-Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2008 (24), tal-20 ta’ Jannar 2011 dwar ir-Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2009 (25), tat-2 ta’ Frar 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni (26) u tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE (27),

wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 119(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0357/2013),

A.

billi l-ekwivalenti ta’ EUR 1,6 triljun ingħata f’għajnuna mill-Istat lil banek fl-UE matul il-perjodu bejn l-2008 sa tmiem l-2011; u billi dawn l-għajnuniet mill-Istat, b’mod ġenerali, jieħdu l-forma ta’ sottoskrizzjoni għall-ħruġ ta’ dejn jew garanzija jew, f’każijiet eċċezzjonali, il-forma ta’ sovvenzjoni;

B.

billi f’bosta Stati Membri kriżi finanzjarja serja qed taffettwa lill-SMEs, li jirrappreżentaw 98 % tal-impriżi tal-UE;

C.

billi kull sena jiġi akkumulat telf ta’ EUR 181-320 biljun – madwar 3 % tal-PDG tal-UE – minħabba l-eżistenza ta’ kartelli;

D.

billi n-nuqqas ta’ liberalizzazzjoni u ftuħ tat-trasport ta’ passiġġieri u merkanzija bil-ferrovija huwa parzjalment minħabba n-nuqqas ta’ korpi superviżorji tassew indipendenti fil-livell nazzjonali f’ċerti Stati Membri;

E.

billi r-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni għandu jservi bħala strument biex titjieb il-kompetittività ġenerali tal-Unjoni, bl-espanzjoni tal-kompetizzjoni u l-ftuħ għal atturi ġodda, u b’hekk jitwessa’ u jiġi approfondit is-suq intern, u mhux biss fir-rigward tal-implimentazzjoni prattika tal-politika tal-kompetizzjoni mill-Kummissjoni;

F.

billi l-eliminazzjoni tal-ostakli għall-moviment liberu tal-merkanzija, is-servizzi, il-persuni u l-kapital hija prekundizzjoni għat-tkabbir;

G.

billi setturi li fihom il-livell ta' kompetizzjoni hija aktar baxxa huma dawk fejn il-prestazzjoni ekonomika hija għajjiena;

H.

billi l-politika tal-kompetizzjoni għandha tiżgura il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u ambjent b'kundizzjonijiet ekwi, biex tipproteġi lill-konsumaturi minn prattiċi antikompetittivi u tiżgura l-aqwa prezzijiet; billi l-iskop tal-politika tal-kompetizzjoni mhuwiex li timmaniġġja fuq livell mikro iżda li tinforza regoli ċari u ġusti, li fihom il-forzi tas-suq jistgħu jiffunzjonaw b’mod effettiv;

I.

billi l-azzjoni pubblika, l-investiment pubbliku u s-servizzi ta' interess ġenerali (SIEĠ) għandhom rwol essenzjali li jiżguraw il-koeżjoni soċjali, b’mod partikulari waqt kriżi;

J.

billi l-Artikolu 14 tat-TFUE jistabbilixxi li l-kodeċiżjoni għandha tintuża biex tassigura l-kundizzjonijiet b'mod partikolari l-kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, għat-tħaddim tas-SIEĠ;

K.

billi l-Protokoll Nru 26 għat-TFUE jiggrantixxi diskrezzjoni wiesgħa lill-awtoritajiet pubbliċi fil-fornitura, l-ikkummissjonar u l-organizzazzjoni tas-SIEĠ;

L.

billi s-sentenza Altmark tistabbilixxi erba' kriterji biex issir distinzjoni bejn kumpens għal servizz pubbliku u għal għajnuna mill-Istat;

Il-politika tal-kompetizzjoni hija għodda għat-trawwim ta’ suq uniku

1.

Jilqa' r-rapport tal-Kummissjoni u l-iffukar tiegħu fuq il-kontribut tal-politika tal-kompetizzjoni għall-kontroll tal-amalgamazzjonijiet, kif ukoll għat-tneħħija tal-ostakli, tal-abbużi ta' pożizzjonijiet dominanti, ta' ftehimiet ta' kollużjoni u ta' miżuri ta' għajnuna mill-Istat li jxekklu, għall-benefiċċju tas-suq uniku, filwaqt li titqies l-evoluzzjoni tal-ekonomija globali;

2.

Jiddispjaċih li fir-rapport tagħha tal-2012 dwar il-politika tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tiffoka bil-qawwi fuq prattiki inġusti ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw minn prattiki tal-Istati, waqt li tagħti relattivament ftit attenzjoni lill-prattiki inġusti dovuti għall-konċentrazzjoni ta’ kumpaniji fis-Suq Uniku;

3.

Jemmen li l-politika dwar il-kompetizzjoni hija mutur tat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, b’mod speċjali fi żminijiet ta’ kriżi.

4.

Jindikali l-politika tal-kompetizzjoni u l-funzjonament tajjeb tas-suq uniku huma indispensabbli biex tiġi affrontata l-kriżi, għall-promozzjoni tat-tkabbir u tal-impjiegi sostenibbli tal-Istrateġija Ewropea 2020 u biex jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-għanijiet tal-Unjoni Ewropea.

5.

Jaqbel għaldaqstant mal-Kummissjoni li l-kriżi m’għandhiex tkun pretest għat-trattib tal-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni

6.

Huwa tal-fehma li l-politika tal-kompetizzjoni għandha tiġi emendata sabiex twieġeb aħjar għall-isfidi ppreżentati mill-globalizzazzjoni.

7.

Huwa tal-fehma li għandu jkun possibbli għall-politika tal-kompetizzjoni l-ġdida tal-UE li tinkludi klawsoli ta' flessibbiltà;

8.

Jirrikonoxxi li għad hemm wisq setturi maqsuma ħafna minħabba fruntieri nazzjonali u osatkoli artifiċjali pubbliċi jew privati, u jaqbel li l-politika tal-kompetizzjoni għandha rwol fundamentali fil-ġlieda kontra din il-frammentazzjoni u fil-ħolqien ta’ ambjent b'kundizzjonijiet ekwi fis-setturi kollha tas-suq uniku, filwaqt li jitqiesu l-bżonnijiet speċjali tal-SMEs u tal-konsumaturi finali;

9.

Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni f’sens usa’ m’għandhiex issaħħaħ il-kumpaniji u fornituri ta’ prodotti u servizzi diġà stabbiliti, iżda pjuttost l-objettiv komprensiv tagħha għandu jkun il-faċilitazzjoni tad-dħul ta’ atturi ġodda u t-tfaċċar ta’ ideat u tekniki ġodda, sabiex b’hekk jiġi mmassimizzat il-benefiċċju għaċ-ċittadini tal-Unjoni;

10.

Iqis li l-politika tal-kompetizzjoni għandha tikkontribwixxi għall-promozzjoni u r-rinforz ta' standards miftuħa u tal-interoperabilità biex jiġi evitat li jkun hemm irbit teknoloġiku tal-konsumaturi u tal-klijenti ma' minoranza ta' parteċipanti fis-suq;

11.

Iqis li l-prezzijiet tal-prodotti għadhom ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor, eż. fir-rigward ta' mediċini, minħabba ftehim differenti bejn l-Istati Membri u l-industrija farmaċewtika; jistieden lill-Kummissjoni teżamina dan il-fenomenu u tippreżenta proposti sabiex toħloq suq intern aktar trasparenti, sabiex tevita kwalunkwe distakki mhux meħtieġa fil-prezzijiet, fl-interess tal-konsumatur;

12.

Jilqa’ l-privattiva unitarja tal-UE bħala pass ’il quddiem biex jitlesta s-suq uniku u jistieden lill-Istati Membri jipparteċipaw fiha; jitlob li jittieħdu passi biex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw fih; iqis li hi meħtieġa r-rikonċiljazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali mad-domandi tal-kompetizzjoni, billi jiġi preservat l-interess ġenerali u jiġi żgurat li d-detenturi tal-privattivi ma jagħmlux użu abbużiv mid-drittijiet tagħhom b’detriment għaċ-ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni tressaq għal prosekuzzjoni kwalunkwe mġiba mmirata biex iddewem bl bżonn id-dħul fis-suq tal-mediċini ġeneriċi;

Il-leġittimità u l-effettività tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE

13.

Iqis li għandu jkollu setgħat ta' kodeċiżjoni leġiżlattivi fl-istabbiliment tal-qafas ta' politika tal-kompetizzjoni; jiddispjaċih li l-Artikoli 103 u 109 TFUE jipprevedu biss għal konsultazzjoni tal-Parlament; jemmen li dan id-defiċit demokratiku ma jistax jiġi ttollerat; jipproponi li dan id-defiċit jingħeleb mill-iktar fis possibbli permezz ta’ arranġamenti interistituzzjonali fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni u jiġi korrett fit-tibdil li jmiss tat-Trattat; ifakkar li r-responsabilità politika tal-Kummissjoni lill-Parlament tkopri politika tal-kompetizzjoni u li d-djalogu strutturat mal-Kummissarju rilevanti hija għodda importanti biex jitwettaq kontroll demokratiku sod f'dan il-qasam;

14.

Jemmen li l-kwalità tad-djalogu murija mill-Kummissarju għall-Kompetizzjoni ma tistax tieħu post skrutinju demokratiku veru min-naħa tal-Parlament; jenfasizza li dan il-kontroll huwa ħafna aktar meħtieġ biex il-politika tal-kompetizzjoni twassal għal kontroll mill-Kummissjoni fuq id-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali u lokali eletti demokratikament; jenfasizza wkoll l-ħtieġa li jiġi żviluppat djalogu aħjar bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u s-soċjetà ċivili;

15.

Jenfasizza l-importanza li l-Parlament u l-Kunsill jiġu ttrattati bl-istess mod rigward l-aċċess għal-laqgħat u l-għoti ta’ informazzjoni għat-tħejjija ta’ leġiżlazzjoni jew liġi nonvinkolanti fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni, kif previst fil-Ftehim Qafas; jiddispjaċih li dan ma ġiex irrispettat mill-Kummissjoni;

16.

Jisħaq fuq il-bżonn li tissaħħaħ kultura ta’ kompetizzjoni li tippromwovi l-valuri tagħha u tikkontribwixxi għal attitudni pożittiva lejn il-konformità b’effett preventiv u ta’ benefiċċju għall-iżvilupp tal-politika ta’ kompetizzjoni;

17.

Juri li d-dimensjoni orizzontali tal-politika tal-kompetizzjoni fl-Unjoni Ewropea teżiġi l-koerenza massima bejn din il-politika u l-politiki komunitarji fis-setturi differenti, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern jeħtieġ li r-regolamenti settorjali jirrispettaw il-prinċipji tal-politika tal-kompetizzjoni;

18.

Jemmen li l-Kummissjoni għandha tressaq proposta sabiex tirregola l-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni konnessi ma sehem minoritarju f’kumpanija kummerċjali;

19.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli toħroġ linji gwida dwar il-liġijiet nonvinkolanti fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni, waqt li tikkunsidra kif xieraq il-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiżgura xi ċertezza legali għall-partijiet interessati; iqis, madankollu, li l-liġi nonvinkolanti ma tistax tieħu post il-leġiżlazzjoni f’oqsma fejn iċ-ċertezza legali hija ta’ importanza kruċjali;

20.

Jisħaq li l-impożizzjoni ta’ multi hija għodda dissważiva, li għandha rwol importanti għall-politika tal-kompetizzjoni u li tinħtieġ azzjoni mgħaġġla għas-suċċess tal-investigazzjonijiet; jemmen li ċertezza legali, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri u l-possibbiltà ta’ finalizzazzjoni minn qabel permezz ta’ ftehimiet xierqa huma kruċjali u għalehkk jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora r-regoli dwar il-multi fir-Regolament (EC) Nru 1/2003; fl-istess ħin, iqis li l-Kummissjoni għandha żżid l-ispezzjonijiet għal għarrieda, u tieħu azzjoni kontra ksur issuspettat;

21.

Jemmen, madankollu, li l-użu ta’ multi li dejjem qed jiżdiedu bħala l-uniku strument ta’ antitrust jista’ jkun drastiku wisq, mhux l-inqas meta wieħed jikkunsidra t-telf potenzjali ta’ impjiegi bħala riżultat ta’ nuqqas ta’ kapaċità li jsiru ħlasijiet; jenfasizza li politika ta’ multi għolja m’għandhiex tintuża bħala mekkaniżmu alternattiv ta’ finanzjament ta’ baġit; jippreferi l-approċċ “tal-inċentiv u l-kastig”, b'pieni li jservu bħala deterrent effikaċi, b'mod partikulari għal dawk li jiksru l-liġi ripetutament, filwaqt li jħeġġeġ il-konformità;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-politika tagħha dwar il-multi u l-infurzar tilħaq ir-restawr ta’ suq ibbilanċjat u tinċentiva lill-kumpaniji sabiex jidentifikaw il-ksur internament u tiġi implimentata azzjoni ta’ restawr b’mod volontarju; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra l-livell ta’ profitt u telf illeċitu magħmul minn dawk affettwati;

23.

Itenni li l-għadd ta’ talbiet għal tnaqqis ta’ multi minħabba n-nuqqas ta’ ħila li jsir ħlas żdied, b’mod partikolari minn impriżi u SMEs ta’ “mono-prodotti”; jerġa’ jqis li sistema ta’ ħlasijiet b’dewmien u/jew maqsuma tista’ tiġi kkunsidrata bħala alternattiva għat-tnaqqis tal-multi sabiex jiġi evitat il-falliment ta’ impriżi;

24.

Jinnota li l-użu tal-fatturat globali għal-limitu massimu ta' 10 % jista' jwassal għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet kumulattivi għall-istess ksur, minħabba ż-żieda fl-għadd ta' awtoritajiet tal-kompetizzjoni madwar id-dinja; iqis, għaldaqstant, li fatturat ibbażat fuq iż-ŻEE jista' jkun iżjed xieraq pjuttost milli fatturat globali;

25.

Għadu qed jistenna adattament tal-linji gwida għall-għoti ta’ multi li jikkonċerna impriżi u SMEs ta’ “mono-prodotti”; minkejja dan jilqa’ l-fatt li dan l-aħħar il-Kummissjoni kkunsidrat il-ħtiġijiet speċifiċi tal-impriżi ta’ “mono-prodotti” fid-deċiżjoni tagħha dwar il-“Muntaturi għat-twieqi” (COMP/39452 of 28/03/2012);

26.

Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-kooperazzjoni tagħha mal-qrati nazzjonali biex tiffaċilita l-infurzar privat u r-riżoluzzjoni korretta tat-tilwim dwar l-għajnuna tal-Istat; jilqa’ l-programmi ta’ taħriġ tal-Kummissjoni għall-imħallfin nazzjonali;

27.

Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rwol tal-korpi ġudizzjarji fil-politika tal-kompetizzjoni u jħeġġiġhom jużaw il-fakultajiet tagħhom sabiex jiksbu informazzjoni u opinjoni tal-Kummissjoni kif ukoll jipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ taħriġ tal-komunità; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet ġudizzjarji, tagħmel eżerċizzju attiv tal-fakultajiet tagħha biex twassal kontribuzzjonijiet lill-korpi ġudizzjarji bħal “amicus curiae” li għandhom jiġu pubblikati fil-ħin fil-websajt tal-Kummissjoni u tqis il-possibbiltà li tieħu azzjoni legali sabiex jiġi evitat li l-UE titħalla mingħajr protezzjoni u biex jiġu salvagwardjati l-interessi li għandha tipproteġi;

28.

Jirrikonoxxi "il-proposta tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar azzjonijiet rigward danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni li bħalissa qiegħda taħdem fuqha; huwa determinat li jsib eżitu sodisfaċenti biex bih jiġu indirizzati l-kwistjonijiet speċifiċi li jitqajmu f'dan il-qasam;

29.

Isostni l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropew tippromwovi b’mod attiv il-konverġenza sostantiva u proċedurali tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-qasam internazzjonali; iqis li l-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali għall-iżgurar tal-konsistenza u l-interoperabbiltà fl-applikazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni għall-awtoritajiet responsabbli differenti, li tikkontribwixxi għall-effettività tal-investigazzjonijiet u għall-eżistenza ta’ kamp ekwilibrat;

30.

Jenfasizza l-importanza tat-trawwim tal-konverġenza globali tar-regoli tal-kompetizzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonkludi ftehimiet ta’ kooperazzjoni bilaterali dwar l-infurzar ta’ kompetizzjoni; bħalissa qed taħdem fuq il-ftehim propost bejn l-UE u l-Isvizzera dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tagħhom; huwa determinat li jsib eżitu sodisfaċenti biex bih jiġu indirizzati l-kwistjonijiet speċifiċi li jitqajmu f'dan il-qasam;

31.

Iqis li r-riżorsi għad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kompetizzjoni għandhom jiżdiedu skont iż-żieda fil-piż tax-xogħol u l-firxa tal-kompiti, inter alia bil-mobilizzazzjoni mill-ġdid ta' riżorsi allokati għal linji baġitarji skaduti jew sottoutilizzata, sabiex tkun tista' tittieħed azzjoni aktar proattiva;

Awtoritajiet tal-kompetizzjoni

32.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (NCAs) kollha u r-regolaturi tas-setturi mill-gvernijiet nazzjonali, biex in-nominazzjoni ta’ presidenti u membri tal-bord li mhumiex politiċi u m’għandhomx kunflitti ta’ interess oħra, issir indispensabbli; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-persunal u r-riżorsi tal-NCAs u r-regolaturi tas-settur ikunu suffiċjenti u jvarjaw skont il-ħtiġijiet derivati tas-suq u skont il-ħtiġijiet tal-eżerċizzju effikaċi tad-dmiri tagħhom;

33.

Jisħaq fuq l-importanza ta’ trasparenza sħiħa tal-NCAs u r-regolaturi tas-settur; jitlob li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-każijiet u d-deċiżjonijiet uffiċjali, b’kunsiderazzjoni tas-sigrieti kummerċjali li jistgħu jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni, issir aktar aċċessibbli online permezz ta’ database miftuħa;

34.

Jappoġġa l-kooperazzjoni strutturata fi ħdan in-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni (ECN), li tippermetti koerenza fl-UE kollha tal-infurzar pubbliku tar-regoli tal-kompetizzjoni u tħeġġeġ l-iżvilupp ulterjuri tiegħu, peress li xi swieq għandhom tendenza li jkollhom dimensjonijiet aktar nazzjonali minn oħrajn, minħabba kundizzjonijiet legali, ekonomiċi u kulturali differenti; jemmen li, bħala regola ġenerali, il-programmi ta' ħidma u l-konklużjonijiet tal-laqgħat ECN għandhom jsiru pubbliċi fuq il-websajt tad-DĠ Kompetizzjoni;

35.

Jemmen li l-NCAs u regolaturi oħra tas-settur nazzjonali għandhom ikomplu jikkooperaw sabiex tiġi żgurata azzjoni komplementari, b’mod partikolari fis-setturi fejn il-liberalizzazzjoni għadha mhix kompluta jew ma tkunx operattiva bis-sħiħ; jissuġġerixxi l-ħolqien ta’ netwerk usa’ għar-regolaturi Ewropej inklużi NCAs u regolaturi tas-settur għall-iskambju tal-aħjar prattiki;

L-Għajnuna mill-Istat u l-effetti fuq l-ekonomija reali

Għajnuna mill-Istat lill-banek

36.

Jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat sa mill-bidu tal-kriżi bħala mekkaniżmu ta’ ristrutturazzjoni u riżoluzzjoni għall-banek li jinsabu f’diffikultà;

37.

Jemmen li l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat matul il-kriżi għandu jiffoka kemm fuq l-istabbilizzazzjoni tas-sistema tal-banek kif ukoll fuq l-indirizzar ta’ segmentazzjoni inġusta tal-kundizzjonijiet ta’ kreditu u d-diskriminazzjoni tal-SMEs fis-suq uniku; jistieden lill-Kummissjoni, madankollu, tiżgura li l-għan li tiġi stabbilizzata s-sistema bankarja ma twassalx għal żieda ulterjuri fid-dejn pubbliku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni torbot l-estensjoni tal-għajnuna mill-Istat temporanja għas-settur bankarju ma' kundizzjonijiet aktar stretti u msaħħa li jirregolaw fejn l-enfasi titqiegħed fuq is-self bl-imnut, u restrizzjonijiet aktar b'saħħithom u regoli trasparenti fuq bonuses, strutturi tal-miżati u d-distribuzzjoni tad-dividendi;

38.

Jinnota li l-Parlament Ewropew ħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi r-regoli dwar l-għajnuna tal-Istati lill-banek introdotti fl-2008 bħala miżuri temporanji f’bosta okkażjonijiet. għaldaqstant, jilqa’ l-azzjonijiet meħuda dan l-aħħar mill-Kummissjoni f’dan il-qasam.

39.

Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna b’mod regolari d-dejta dwar l-għajnuniet mill-Istat mogħtija lis-settur finanzjarju sa mill-bidu tal-kriżi, it-telf konsolidat u l-evoluzzjoni ta’ rimborsi magħmula b’mod dettaljat pajjiż, pajjiż u entità, entità, u l-publikazzjoni tar-riżultati fil-website tal-Kummissjoni sabiex ikun hemm trasparenza sħiħa tal-iskala ta’ intervenzjoni pubblika sa mill-bidu tal-kriżi u l-impatt tagħha fuq il-kontribwenti;

40.

Jemmen li l-metodi ta’ kontabbiltà għandhom jiġu armonizzati qabel ma ssir kwalunkwe valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat li trid tingħata lill-banek, b’tali mod li t-trattament ta’ kontabbiltà tas-self iffinanzjat mill-ġdid għat-tieni darba, pereżempju, ikun l-istess irrispettivament mill-Istat Membru kkonċernat;

41.

Jenfasizza li, b’mod partikolari fil-każ tal-banek li jirċievu għajnuna mill-Istat, ir-rifinanzjament tas-self għandu jikkunsidra bis-sħiħ il-vijabbiltà tar-riċevitur; iqis li, fil-każ tal-korporazzjonijiet multinazzjonali, il-bejgħ ta’ assi u ishma fuq kumpaniji pparteċipati għandu jitqiegħed bħala kundizzjoni għar-rifinanzjament tas-self.

42.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib dawk is-swieq fis-settur bankarju fejn il-konċentrazzjoni hija għolja jew qed tikber, b’mod partikolari bħala riżultat tar-ristrutturazzjoni b’reazzjoni għall-kriżi; ifakkar li s-swieq oligopolistiċi huma suxxettibbli partikolarment għal prattiki antikompetittivi; jibża’ li din il-konċentrazzjoni finalment tista’ tkun ta’ dannu għall-konsumaturi; jenfasizza li konċentrazzjoni kbira żżejjed tista’ tipperikola l-industrija finanzjarja, kif ukoll l-ekonomija reali;

43.

Jenfasizza li l-konsolidazzjoni fis-settur bankarju żiedet is-sehem tas-suq ta’ bosta istituzzjonijiet finanzjarji kbar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tgħasses mill-qrib is-settur sabiex tissaħħaħ il-kompetizzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur fis-swieq bankarji Ewropej, inkluż fil-banek ta' investiment, fejn depożiti bl-imnut huma ssussidjati b'konnessjoni ma' attivitajiet bankarji ta' investiment aktar riskjużi;

44.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra b’attenzjoni l-firxa ta’ assi u impriżi tal-istituzzjonijiet finanzjarji qabel l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat

45.

Jenfasizza li depożituri li għandhom sa EUR 100 000 fil-kontijiet tagħhom f’entità bankarja għandu jkollhom il-protezzjoni massima u jiġu esklużi minn kull arranġament ta’ kondiviżjoni ta’ piż mir-ristrutturar jew riżoluzzjoni;

46.

Jemmen li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-possibbiltà ta' għajnuna mill-Istat lill-banek li kultant tingħata fuq il-kundizzjoni ta' kreditu li jingħata lill-SMEs;

47.

Jenfasizza li, minn meta bdiet il-keiżi finanzjarja, l-SMEs ġew affettwati b’mod sproporzjonat fil-ħila tagħhom li jkollhom aċċess għal finanzjamenti; jenfasizza li l-SMEs jikkostitwixxu 98 % tal-impriżi kollha taż-żona ewro, jimpjegaw madwar tliet kwarti tal-impjegati taż-żona ewro, u jiġġeneraw madwar 60 % ta’ valur miżjud u li l-aċċess għal finanzjamenti qed jipprevenihom milli jinvestu u qed irażżan it-tkabbir tagħhom; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tipprijoritizza miżuri għall-ikkalibrar mill-ġdid tar-regolament finanzjarju biex tippromwovi t-tkabbir u ttaffi l-kriżi tal-finanzjament għall-SMEs;

48.

Jisħaq li l-banek li jirċievu għajnuna mill-Istat m’għandhomx iżidu d-daqs u l-kumplessità tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tħeġġiġhom jiffukaw il-mudell tan-negozju tagħhom fuq il-parti vijabbli tal-attivitajiet tagħhom, fuq il-politika ta' remunerazzjoni u l-istruttura tal-miżati u mhux iżidu l-espożizzjoni tagħhom għal dejn pubbliku, speċjalment jekk dawn qed inaqqsu l-fluss ta' kreditu lill-SMEs u lill-familji f'daqqa; jirrimarka li sistema regolatorja ġdida permanenti, hija neċessarja sabiex jiġu indirizzati d-difetti li nstabu fis-sistema legali li kienet tintuża qabel il-kriżi, b'mod partikolari fir-rigward tas-settur finanzjarju kif ukoll għar-rimedju tad-distorsjonijiet maħluqa matul il-kriżi finanzjarja u ekonomika, u biex tiżgura li tingħata attenzjoni prijoritarja lill-konsegwenzi u l-benefiċċji għal dawk li jħallsu t-ttaxxa, għall-konsumaturi u s-suq uniku kollu kemm hu, meta l-banek ikunu qegħdin jirċievu għajnuna mill-Istat;

49.

Jiddispjaċih li l-SMEs li għaddejjin minn programmi ta’ aġġustament fl-Istati Membri qed isibu diffikultajiet biex jaċċessaw kreditu mill-banek u huma obbligati jħallsu rati ta’ imgħax ogħla sempliċiment minħabba l-post tagħhom fiż-żona tal-euro, fatt li joħloq distorsjonijiet fis-suq uniku;

50.

Jisħaq li l-investituri esterni għandhom jitħeġġu jipparteċipaw kemm jista’ jkun f’kumpaniji maniġerjali tal-assi (KMA) maħluqa taħt il-programmi tal-għajnuna mill-Istat bħala mezz għas-separazzjoni ta’ assi danneġġati, biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm kunflitt ta’ interessi bejn l-investituri li jħaddnu jew jittrasferixxu l-assi u l-għanijiet ta’ KMA partikolari;

51.

Jemmen li l-KMA għandhom jippruvaw ibiegħu l-assi tagħhom mill-iktar fis possibbli sabiex jiksbu mill-ġdid in-normalità tas-suq u jtemmu l-intervent pubbliku f’settur speċifiku;

52.

Jemmen li l-esperjenza tad-DĠ COMP fil-qasam tal-kriżi tal-banek għandha titqies bħala l-aqwa prattika u tintuża fil-futur iżjed għal skopijiet ta’ prevenzjoni milli għal interventi ex-post;

Il-Modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat

53.

Jilqa’ għal darb’oħra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat (COM(2012)0209) u l-adozzjoni ta’ dan l-aħħar tal-Kunsill ta’ regoli riveduti dwar l-għajnuna mill-Istat fuq eżenzjonijiet ġenerali u proċeduri; jistieden, madankollu, lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-istimolar tat-tkabbir ekonomiku, bħala wieħed mill-għanijiet ġenerali ta' din ir-riforma, mhuwiex se jwassal għal żieda fid-dejn pubbliku;

54.

Iqis li l-kumpaniji jridu jirristrutturaw skont limiti ċari, billi jnaqqsu għal livell minimu l-effetti ta’ ħsara għall-kompetituri li ma rċevewx appoġġ mill-finanzjament pubbliku;

55.

Jitlob lill-Kummissjoni teżamina meta l-kumpaniji jkunu saru kbar wisq biex ifallu u tqis liema miżuri jistgħu jittieħdu f’livell nazzjonali jew tal-UE għalbiex ikun prevenut li l-kumpaniji jsiru jiddependu mill-bailouts futuri tal-gvern;

56.

Jinnota l-intenzjoni ġenerali tal-Kummissjoni li teżenta aktar miżuri mir-rekwiżit ta' notifika; jenfasizza, madankollu, li l-Istati Membri se jkollhom jiżguraw il-konformità ex ante mar-regoli ta’ għajnuna mill-Istat ta’ miżuri de minimis u skemi ta’ eżenzjoni sħiħa sabiex jiġi ppreservat livell suffiċjenti ta’ kontroll waqt li l-Kummissjoni tkompli teżerċita kontroll ex post ta’ dawn il-każijiet;

57.

Jikkondividi l-opinjoni tal-Kummissjoni li l-proċeduri tal-għajnuna mill-Istat għandhom jitħaffew sabiex ikun hemm iktar konċentrazzjoni fuq każijiet ikkumplikati b’effetti serji għall-kompetizzjoni fis-suq intern; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni li tgħolli l-livell ta’ diskrezzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi kif għandha tittratta l-ilmenti; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi kriterji ddettaljati kif tiddistingwi l-każijiet importanti minn dawk inqas importanti f’dan il-kuntest; jirrimarka li limiti massimi aktar għoljin fir-regolament de minimis u l-estensjoni tal-kategoriji orizzontali fir-regolament permittenti u r-regolament għal eżenzjoni ġenerali sħiħa huma modi xierqa biex issir din id-dinstinzjoni;

58.

Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tiżgura skambju aħjar mal-Istati Membri f’termini ta’ kwalità u puntwalità tas-sottomissjoni ta’ informazzjoni u t-tħejjija tan-notifiki; jenfasizza li sistemi nazzjonali effettivi għandhom jiżguraw li l-miżuri tal-għajnuna mill-Istat li jkunu eżenti mill-obbligu ta’ notifika ex ante jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni; jirrimarka li limiti massimi aktar għoljin fir-regolament de minimis u l-estensjoni tal-kategoriji orizzontali fir-regolament permittenti u r-regolament għal eżenzjoni ġenerali sħiħa huma modi xierqa biex issir din id-dinstinzjoni;

59.

Jinnota li s'issa l-informazzjoni rilevanti għall-każijiet ta' kontroll tal-għajnuna mill-Istat ingħatat esklużivament mill-Istati Membri; itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni tevalwa jekk riżorsi umani addizzjonali se jkunu meħtieġa biex testendi l-għodod tagħha għall-ġbir tal-informazzjoni u tkun tista' tirċievi informazzjoni diretta minn parteċipanti fis-suq; jinnota, madankollu, li l-Kummissjoni m’għandhiex tkun kapaċi tinkludi kunsiderazzjonijiet addizzjonali ta’ kwalità u effiċjenza fil-valutazzjoni tal-kompatibbiltà;

60.

Jinnota n-nuqqas ta’ ċarezza f’ċerti Stati Membri dwar jekk il-finanzjament pubbliku liċ-Ċentri Ewropej għall-Konsumaturi (ECCs) jistax jitqies bħala għajnuna mill-Istat mhux iġġustifikata u skont it-tifsira tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Unjoni; huwa mħasseb li dan joħloq riskju għall-appoġġ tal-Istati Membri lill-ECCs u diġà rriżulta fis-sospensjoni temporanja tal-finanzjament għall-ECCs; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tiżgura l-funzjonament tajjeb tal-ECCs billi tiċċara mill-iktar fis possibbli li dan it-tip ta’ finanzjament ma jikkwalifikax bħala għajnuna mill-Istat skont id-dritt tal-Unjoni minħabba l-fatt li l-ECCs mhumiex involuti f’attivitajiet ekonomiċi iżda jiżguraw servizzi ta’ appoġġ għall-konsumaturi;

Is-settur tat-trasport

61.

Jemmen li l-Kummissjoni għandha tkompli ssaħħaħ ir-rabtiet bejn il-politika tal-kompetizzjoni u l-politika tat-trasport sabiex ittejjeb il-kompetittività tas-settur Ewropew tat-trasport;

62.

Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw kompetizzjoni miftuħa u ġusta fil-moduli kollha tat-trasport;

63.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa netwerks tat-trasport pubbliku bil-għan li jittejbu s-servizzi għall-klijenti;

64.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, bil-għan li tiġi miġġielda ż-żieda kontinwa fl-emissjonijiet tas-CO2, jintlaħaq l-impenn internazzjonali li t-tisħin globali jiġi limitat għal zieda ta' żewġ gradi Celsius (o C) fuq livelli pre-industrijali, kif stabbilit bħala mira għall-2020;

Ferrovija

65.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tlesti l-implimentazzjoni taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea, tiżgura trasparenza sħiħa fil-flussi ta’ flus bejn il-maniġers tal-infrastrutturi u l-impriżi ferrovjarji, u tivverifika li kull Stat Membru għandu regolatur nazzjonali b’saħħtu u indipendenti;

66.

Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jiggarantixxu l-ftuħ tas-settur tat-trasport ferrovjarju għal kompetizzjoni ġusta, kif ukoll kwalità aħjar tas-servizzi.

67.

Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltà li tadotta proposta leġiżlattiva għal korp regolatorju Ewropew li jikkoopera mar-regolaturi nazzjonali eżistenti u jaġixxi fejn dawn ma jeżistux jew, fejn xieraq, meta jkunu inattivi.

68.

Jisħaq li s-suq uniku fis-settur tal-merkanzija bil-ferrovija huwa affettwat minn traspożizzjoni ħażina jew mhux kompleta tal-liġi tal-UE mill-Istati Membri u minn konġestjoni għall-mobbiltà transkonfinali li tkun ta’ dannu għall-kompetizzjoni u t-tkabbir; jistieden lill-Kummissjoni tivverifika jekk l-ostakli tekniċi jew tas-suq li huma differenti minn Stat Membru għal ieħor, bħall-wisa’ bejn il-binarji, il-provvista tal-enerġija u s-sistemi ta’ sinjali, u ostakoli simili dwar l-interoperabbiltá u l-aċċessibblitá tal-infrastruttura, jistgħux jitqiesu bħala ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni;

Avjazzjoni

69.

Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi l-linji gwida tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat għall-avjazzjoni u l-ajruporti sal-aħħar tal-2013 bl-obbligu tal-eliminazzjoni ta’ kwalunkwe tgħawwiġ tal-kompetezzjoni u t-twaqqif ta’ kundizzjonijiet ekwi għall-parteċipanti kollha fis-suq;

70.

Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi ħarsa ġenerali ġustifikata biex taċċerta liema trasportaturi tal-ajru jwettqu mġiba kuntrarja għall-kompetizzjoni, permezz tal-eżerċizzju ħażin ta’ kundizzjonijiet speċjali jew ta’ abbużi tal-pożizzjoni dominanti tagħhom f’ċerti ajruporti;

71.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tinvestiga jekk ċerti prattiki dwar id-deskrizzjoni ta’ ajruporti ċentrali speċifiċi —ibbażati fuq it-termini ta’ ’l fuq minn 1 000 ftehima bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru ffirmati mill-Istati Membri ma’ pajjiżi mhux tal-UE — jgħawġux il-kompetizzjoni kontra l-interessi tal-konsumaturi Ewropej;

Is-settur awtomottiv

72.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura poteri ta' negozjar bilanċjati bejn il-manifatturi u d-distributuri, filwaqt li tenfasizza:

l-importanza tal-ġlieda kontra l-prattiki diskriminatorji fil-qasam tad-distribuzzjoni online kif irregolat mir-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija għall-Akkordji Vertikali (Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010), għas-salvagwardja tal-ħila tad-distributuri li jużaw metodi ta’ distribuzzjoni innovattivi u jilħqu għadd u spettru ikbar ta’ klijenti;

l-importanza tan-negozjaturi fis-swieq għall-bejgħ ta' vetturi ġodda bil-mutur wara li jiskadi r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2002 fil-31 ta' Mejju 2013;

jitlob lill-Kummissjoni tinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati prinċipji ta’ kondotta tajba bejn il-manifatturi u n-negozjanti rigward il-ftehimiet vertikali fis-settur tal-vetturi bil-mutur, b’mod partikolari rigward il-ħarsien tal-investimenti wara t-tmiem ta’ kuntratt u l-possibbiltà tat-trasferiment ta’ negozju lejn membru ieħor tal-istess netwerk tal-prodott, għall-promozzjoni tat-trasparenza fir-relazzjonijiet kummerċjali u kuntrattwali bejn il-partijiet;

Is-settur tal-bini tal-bastimenti

73.

Jistieden li tiġi garantita l-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-bini tal-bastimenti li tiffavorixxi l-attività tagħha fi ħdan l-Unjoni Ewropea fil-konfront ta’ ambjent internazzjonali li kulma jmur isir aktar kompetittiv.

74.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt tas-sidien Ewropej fl-Istati Membri kollha u t-trattament indaqs tagħhom kollha.

Settur tas-servizzi finanzjarji

75.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jinvestigaw każijiet li jista' jkun hemm ta' kollużjoni bejn il-kumpaniji u ta' abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-swieq tal-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur;

Is-settur tal-enerġija

76.

Josserva li suq uniku għall-enerġija ma għandux jirriżulta biss fi prezzijiet aktar baxxi għall-konsumaturi imma jżid ukoll il-kompetittività tal-impriżi tal-UE;

77.

Jilqa’ l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Kummissjoni kontra l-monopolju fis-settur tal-enerġija;

78.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfittex li twettaq l-implimentazzjoni sħiħa tal-pakkett tas-suq tal-enerġija interna, minħabba l-fatt li suq uniku miftuħ u kompetittiv fis-settur tal-enerġija għadu ma ntlaħaqx għall-kollox; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun deċiża fit-tkomplija tal-passi meħuda fid-dawl tal-inkjesta dwar is-settur sabiex ir-regoli tal-kompetizzjoni jiġu applikati b’mod effettiv għas-settur tal-enerġija; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-proċeduri li għaddejja tal-liġi dwar il-kompetizzjoni fis-settur tal-enerġija, bil-għan li jitlesta s-suq intern tal-enerġija fl-2014 u li jiġu eliminati l-ostakli stabbiliti mill-ġdid mill-fornituri tal-enerġija;

79.

Iqis li suq uniku Ewropew tal-enerġija jbaxxi l-prezz tal-enerġija mħallas mill-konsumaturi u n-negozji, u jsaħħaħ il-kompetittività tal-operaturi tan-negozji Ewropej fuq skala globali. jemmen li, għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni Ewropea għandha tiġi mħeġġa tiżviluppa suq uniku Ewropew tal-enerġija sal-2014;

80.

Jenfasizza l-importanza kruċjali tal-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni f’waqtha u korretta tal-leġiżlazzjoni eżistenti għas-suq tal-enerġija, inkluż ix-xogħol regolatorju mitlub mit-Tielet Pakkett tas-Suq tal-Enerġija Interna, sabiex jintlaħaq suq tal-enerġija interna Ewropew li jkun integrat u kompetittiv sal-2014;

81.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-regolamenti u d-direttivi dwar l-enerġija huma trasposti u applikati b’mod tajjeb fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kummissjoni tkun partikolarment għassa għall-prezzijiet meta jaqbżu l-medja tal-UE, peress li l-prezzijiet għolja jxekklu l-kompetizzjoni u jkunu ta’ dannu għall-konsumaturi;

82.

Jemmen li l-Kummissjoni teħtieġ tkun stretta bl-introduzzjoni ta’ riformi tas-suq tal-enerġija għat-tnaqqis tal-prezzijiet tiegħu, b’mod partikolari f’dawk l-Istati Membri taħt proċedura ta’ defiċit eċċessiv.

83.

Jistieden lill-Kummissjoni u lir-regolaturi nazzjonali jindagaw kontra l-imġiba kollużiva tal-impriżi jew l-abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-swieq tal-fjuwils bl-imnut;

84.

Jilqa’ fid-dawl ta’ dan l-inkjesti li għamlet dan l-aħħar il-Kummissjoni fis-settur taż-żejt, waqt li jirrikonoxxi li l-ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni f’dan il-qasam jkollu implikazzjonijiet enormi għall-konsumaturi.

85.

Jistieden lill-Kummissjoni u lir-regolaturi nazzjonali jinvestigaw jekk l-hekk imsejjaħ “l-effett tat-Tnejn” – allegazzjoni ta’ manipulazzjoni tal-prezzijiet tal-petrol mill-kumpaniji skont il-ġurnata speċifika tal-ġimgħa – huwiex reali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-livell ta’ kompetizzjoni billi l-ikbar tliet atturi għadhom jirrappreżentaw madwar 75 % (elettriku) u ’l fuq minn 60 % (gass) tas-suq minkejja l-ftuħ progressiv tas-swieq f’nofs is-snin disgħin; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ linji gwida sabiex ittejjeb l-aċċess tas-sorsi rinnovabbli tal-enerġija għan-netwerk tal-enerġija;

86.

Jistieden lill-Kummissjoni teżamina fir-rapport annwali tagħha li jmiss il-punti safejn il-konċentrazzjoni ta’ fornituri tal-materji primi kritiċi tista’ tkun ta’ ħsara għall-attività tas-setturi tal-klijenti u għal ekonomija iktar ekoeffiċjenti billi wħud minn dawn huma ta’ importanza kruċjali għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ekoeffiċjenti meħtieġa għall-ilħuq ta’ għanijiet ambjentali;

87.

Jenfasizza r-rwol tal-grids intelliġenti fil-komunikazzjoni fiż-żewġ direzzjonijiet bejn il-produtturi tal-elettriku u l-konsumaturi, u jirrimarka li l-grids intelliġenti jistgħu jippermettu lill-konsumaturi josservaw u jadattaw l-użu tagħhom tal-elettriku; jisħaq li l-Istati Membri għandhom jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli fuq il-websajts għall-konsumaturi u għall-atturi rilevanti kollha bħall-bennejja, l-arkitetti u l-fornituri tat-tagħmir tas-sħana, tat-tkessiħ u tal-elettriku;

Is-servizzi ta’ pagament:

88.

Huwa mħasseb li s-suq Ewropew għall-pagamenti elettroniċi għadu frammentat u li kwistjonijiet dwar il- kompetizzjoni għad iridu jissolvew; jirrikonoxxi ż-żewġ proposti tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2013 dwar ħlasijiet interskambjali għal tranżazzjonijiet ta' ħlas bil-kard u fuq servizzi ta' ħlas fis-suq intern, li fuqhom bħalissa qed taħdem; huwa determinat li jsib eżitu sodisfaċenti biex bih jiġu indirizzati l-kwistjonijiet speċifiċi li jitqajmu f'dan il-qasam;

89.

Jisħaq li minkejja l-fatt li d-Direttiva (2011/7/UE) dwar il-Ħlasijiet Tard kellha tiġi ttrasposta fil-liġijiet nazzjonali sa Marzu 2013, mhux l-Istati Membri kollha implimentawha. jinnota li dan huwa dannuż għall-kompetizzjoni fis-suq uniku, u jaffettwa lill-SMEs b'mod partikolari;

Telekomunikazzjonijiet

90.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirdoppja l-isforzi tagħha fis-swieq tat-telekomunikazzjonijiet sabiex tikkontribwixxi għat-tmiem tal-frammentazzjoni tas-swieq tat-telekomunikazzjonijiet u tevita l-abbużi tal-pożizzjonijiet dominanti mill-operaturi bis-setgħa tas-suq; jistedinha tissorvelja li s-servizzi tal-operaturi, b’mod partikolari dawk ta’ aċċess għall-Internet, ikunu trasparenti, kumparabbli u eżentati minn ostakoli kuntrattwali għall-kompetizzjoni;

91.

Jilqa’ l-appoġġ tal-Kummissjoni għall-introduzzjoni ta’ infrastrutturi ta’ veloċità għolja madwar it-territorju Ewropew kollu, li jiġġeneraw kompetittività ekonomika u koeżjoni soċjali; jistaqsi dwar in-natura possibbli ta’ SIEĠ diġitali fl-Ewropa;

92.

Iqis li l-kontribut tal-politika tal-kompetizzjoni għandu importanza kbira fl-iskjerament tal-infrastrutturi tal-broadband fis-suq uniku b’mod li permezz ta’ bilanċ ġust bejn l-investiment pubbliku u privat jistgħu jiġu koperti l-għanijiet tal-Aġenda Diġitali u tintlaħaq il-kopertura taż-żoni remoti, rurali jew b’popolazzjoni baxxa tal-Unjoni Ewropea;

Teknoloġiji ġodda u l-Internet

93.

Jenfasizza l-importanza distinta tal-“privattivi essenzjali” għall-innovazzjoni fis-settur tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u, għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni taġixxi malajr sabiex tiżgura li s-suġġetti tagħha jagħtu liċenzji ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji lejn operaturi oħrajn sabiex b’hekk ikun jista’ jkompli l-progress tekniku u l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda għall-benefiċċju tal-konsumaturi; jissottolinja l-fatt li l-politika tal-kompetizzjoni għandha strumenti sabiex tevita l-ħolqien ta’ ostakoli artifiċjali għall-interkonnessjoni, għall-interoperabbiltà u l-iżvilupp ta’ ekonomiji tal-kobor fis-swieq;

94.

Jilqa' l-progress li sar fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni tal-prattiki antikompetittivi ta' Google u aħbarijiet riċenti ta' soluzzjoni possibbli sar-rebbiegħa 2014; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġixxi b'mod deċiżiv fuq it-tħassib kollu li ġie identifikat, u, bħala prijorità, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex "jiżgura kompetizzjoni ġusta fit-tiftix onlajn u s-swieq tar-reklamar marbut mat-tiftix, fid-dawl tad-dominanza ta' Google, b'sehem tas-suq ta' aktar minn 90 % f'ħafna mill-Istati Membri, u l-abbuż possibbli ta' din id-dominanza;

95.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tittestja fis-suq il-proposti l-ġodda mressqa minn Google sabiex tevalwa bir-reqqa l-adegwatezza u l-impatt tagħhom; jenfasizza, fid-dawl tal-importanza li l-magni għat-tiftix għandhom fl-ekonomija diġitali, li l-Kummissjoni għandha – fi kwalunkwe każ – tiżgura li Google timpenja ruħha bis-sħiħ, u timplimenta, soluzzjonijiet biex jindirizzaw l-erba' oqsma ta' tħassib imqajma mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni, jekk dan ma jistax jintlaħaq permezz ta' ftehim, biex minnufih tibgħat Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet lill-kumpanija għat-tfittxija kkonċernata;

96.

Ifakkar li n-newtralità netta hija tal-ikbar importanza sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn is-servizzi tal-Internet u li l-kompetizzjoni tiġi ggarantita bis-sħiħ.

Għajnuna mill-Istat lill-futbol

97.

Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li tiftaħ investigazzjonijiet kontra l-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat fil-futbol peress li toħloq tgħawwiġ fir-rigward tal-użu tar-riżorsi pubbliċi.

98.

Jemmen li l-Kummissjoni għandha tistudja bir-reqqa kwalunkwe self jew kwalunkwe finanzjament mill-ġdid ta' self minn banek li rċevew għajnuna mill-Istat immirata għall-klabbs tal-futbol, b'mod partikolari ir-rati tas-self imqabbla mar-rata medja tas-self u d-daqs tiegħu meta mqabbel mad-dejn tal-klabb tal-futbol ikkonċernat;

99.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza b'mod strutturat ir-relazzjonijiet bejn l-isports professjonali u l-politika tal-kompetizzjoni, b'mod partikolari li jonqsu li jitħallsu tariffi soċjali, l-ilħuq tal-obbligi tat-taxxa mill-klabbs tal-futbol u l-klawsoli ta' terminazzjoni;

Distribuzzjoni u alimentazzjoni

100.

Jilqa' l-ħolqien tat-Task Force tal-Ikel fi ħdan id-DĠ COMP bil-għan li jiġu sorveljati żviluppi fil-kompetizzjoni fil-katina tal-ikel u l-impatt fuq il-konsumaturi, kif ukoll it-tnedija ta' studju dwar is-settur bl-imnut; iqis li l-istabbiliment ta' sistema bbilanċjata ta' relazzjonijiet fis-settur tal-ikel m'għandux isir għad-detriment tal-politika tal-kompetizzjoni jew permezz ta' approċċ purament kummerċjali li ma jirriflettix il-prinċipji bażiċi tal-istess politika;

101.

Jilqa’ l-azzjonijiet tal-Kummissjoni li tispezzjona l-provvista tas-suq taz-zokkor abjad u jistenna bil-ħerqa r-riżultati tal-investigazzjoni;

Aspetti soċjali

102.

Jinnota li l-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-kontroll demokratiku u l-promozzjoni tal-interess pubbliku huma prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

103.

Jenfassiza li, flimkien mal-prinċipji ġenerali tat-Trattati (nondiskriminazzjoni, trattament ugwali, proporzjonalità) l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali għandhom ikunu liberi li jiddeċiedu kif is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ) jiġu finanzjati u organizzati; f’dan il-kuntest, jiġbed l-attenzjoni fuq l-għanijiet soċjali tal-Unjoni u fuq il-promozzjoni tal-kwalità, tal-aċċessibilità u tal-effettività ta’ dawn is-servizzi, kemm jekk dawn huma provduti minn operaturi pubbliċi kif ukoll privati;

104.

Jinnota li l-Unjoni qed taffaċċja sfidi kbar f’termini ta’ reindustrijalizzazzjoni, tranżizzjoni enerġetika u ta’ tagħmir diġitali, li jeħtieġu investimenti kbar; u li l-investimenti fl-edukazzjoni, it-taħriġ u fil-ħiliet maħsuba biex jikkumbattu l-qgħad fost iż-żgħażagħ jikkumplimentaw, aktar milli jikkontradixxu, l-għanijiet tal-politika tal-kompetizzjoni;

105.

Jirrimarka li l-politika tal-kompetizzjoni għandha tikkonforma mal-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jistabbilixxi li fil-politiki u l-azzjonijiet kollha tagħha, l-Unjoni għandha tqis il-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg;

106.

Huwa konvint li politika ta’ konverġenza soċjali tista’ titwettaq b’mod konsistenti flimkien ma’ politki ekonomiċi u kompetizzjonijiet b’saħħithom;

107.

Iqis li l-iżgurar tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta għall-intrapriżi fis-suq domestiku jiddependi wkoll mill-ġlieda kontra d-dumping soċjali, li għandu jitqies bħala prattika antikompetittiva; jemmen li l-Kummissjoni għandha toqgħod attenta għall-prattiki ta’ dumping fl-UE, fejn impriża, b’mod internazzjonali jew domestiku, tbigħ unitajiet bi prezz iktar baxx minn dak tal-produzzjoni biex tfalli kompetitur wieħed jew iktar; jemmen li l-Kummissjoni għandha għalhekk tistinka biex l-Istati Membri jikkonverġu f'terimini ta' prestazzjoni soċjali u ekonomika; jenfasizza l-ħtieġa li r-riformi strutturali jinkludu tiġdid tas-sistema ta’ tassazzjoni biex jiġġieldu l-frodi, l-evażjoni tat-taxxa ur-rifuġji fiskali;

o

o o

108.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali (NCAs).


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 61, 5.3.2009, p. 1.

(3)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(4)  ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8.

(5)  ĠU C 10, 15.1.2009, p. 2.

(6)  ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1.

(7)  ĠU C 195, 19.8.2009, p. 9.

(8)  ĠU C 16, 22.1.2009, p. 1.

(9)  ĠU C 6, 11.1.2011, p. 5.

(10)  ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1.

(11)  ĠU C 8, 11.1.2012, p. 4.

(12)  ĠU L 7, 11.1.2012, p. 3.

(13)  ĠU C 8, 11.1.2012, p. 15.

(14)  ĠU L 114, 26.4.2012, p. 8.

(15)  ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 51.

(16)  Testi adottati, P7_TA(2013)0026.

(17)  ĠU C 184, 22.7.2008, p. 13.

(18)  Testi adottati, P7_TA(2013)0267.

(19)  ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.

(20)  ĠU C 304 E, 1.12.2005, p. 114.

(21)  ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 143.

(22)  ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 105

(23)  ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 43

(24)  ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 16.

(25)  ĠU C 136 E, 11.5.2012, p. 60

(26)  ĠU C 239 E, 20.8.2013, p. 97

(27)  Testi adottati, P7_TA(2013)0268.