15.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 468/2


P7_TA(2013)0532

In-negozjati għal Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Kanada

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Diċembru 2013 li fih ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar in-negozjati għal Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Kanada (2013/2133(INI))

(2016/C 468/01)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bejn l-UE u l-Kanada għal Ftehim ta' Sħubija Strateġika (SPA),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2006 dwar il-klawsola tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fil-ftehimiet tal-Unjoni Ewropea (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet reċenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet mal-Kanada, b'mod partikolari dawk tal-5 ta' Mejju 2010 dwar is-Samit UE-Kanada (2) tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Kanada (3) kif ukoll tat-13 ta' Ġunju 2013 fuq ir-rwol tal-UE fil-promozzjoni ta' sħubija Trans-Atlantika usa' (4),

wara li kkunsidra l-Ftehim kwadru tal-1976 għall-kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Kanada (5),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-1990 dwar ir-relazzjonijiet transatlantiċi bejn il-KE u l-Kanada,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-1996 u l-Pjan ta' Azzjoni Konġunta,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-relazzjonijiet UE-Kanada (COM(2003)0266),

wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Sħubija UE-Kanada tal-2004,

wara li kkunsidra r-Rapport tal-2011 lill-Kumitat Konġunt ta' Kooperazzjoni UE-Kanada,

wara li kkunsidra r-riżultati tal-laqgħa interparlamentari UE-Kanada ta' April 2013,

wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 90(4) u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0407/2013),

A.

billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kanada huma storiċi, sodi u mibnija fuq interessi u valuri komuni; billi l-valuri komuni ta' demokrazija u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem għandhom jiffurmaw parti ewlenija ta' kwalunkwe ftehim bejn iż-żewġ partijiet bil-għan li jipprovdu qafas għal dik ir-relazzjoni;

B.

billi l-UE u l-Kanada għandhom storja twila ta' kooperazzjoni politika u ekonomika estensiva, li formalment tmur lura sal-1976 meta l-UE ffirmat Ftehim kwadru mal-Kanada, l-ewwel ma' pajjiż OECD; billi dan il-ftehim ilu żmien twil jikkostitwixxi l-qafas xieraq biex jissaħħu r-relazzjonijiet, tikber l-assoċjazzjoni politika u tiżdied il-kooperazzjoni;

C.

billi l-Kanada huwa demokrazija parlamentari kkonsolidata; billi l-Kanada jaqsam valuri u prinċipji demokratiċi simili mal-Unjoni Ewropea;

D.

billi l-SPA li qiegħed jiġi nnegozjat attwalment jaġġorna u jagħti nifs ġdid lir-relazzjoni bejn l-UE u l-Kanada u jikkontribwixxi b'mod konsiderevoli għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kulturali u t-titjib tal-kooperazzjoni tagħna f'bosta setturi; billi dan jikkodifika l-istatus tal-UE u l-Kanada bħala sħab strateġiċi;

E.

billi l-SPA, lil hinn mit-titjib tal-istruttura istituzzjonali tar-relazzjonijiet, flimkien mas-CETA, ikun joffri liċ-ċittadini tal-Ewropa u tal-Kanada vantaġġi u opportunitajiet konkreti sakemm il-partijiet interessati kollha jkunu involuti fil-proċess; billi l-ftuħ tas-swieq u tal-kooperazzjoni regolamentari hija mistennija li tiġġeneraw gwadanji ekonomiċi importanti u jkollhom effetti pożittivi fuq l-impjiegi kemm għall-Kanada kif ukoll għall-UE u, fid-dawl tat-twessigħ tas-sħubija transatlantika u minħabba l-qafas NAFTA eżistenti, jistgħu jwasslu għall-ħolqien ta' suq transatlantiku, sitwazzjoni ta' vantaġġ reċiproku għall-atturi kollha involuti sakemm ma jitbaxxewx l-istandards soċjali u ambjentali attwali;

F.

billi l-vantaġġi u l-opportunitajiet ta' relazzjonijiet intensifikati UE-Kanada għandhom jitqassmu b'mod ugwali fost is-sezzjonijiet kollha kemm tal-popolazzjoni Ewropea u Kanadiża skont il-kundizzjonijiet ta' għajxien u r-rekwiżiti tagħhom; billi l-kundizzjonijiet ekonomiċi u industrijali differenti kemm tal-UE kif ukoll tal-Kanada għandhom ikunu rikonoxxuti u billi r-rispett għal użu sostenibbli u responsabbli tar-riżorsi jeħtieġ li jiġi ggarantit;

G.

billi fit-18 ta' Ottubru 2013 il-President tal-Kummissjoni u l-Prim Ministru Kanadiż laħqu qbil politiku dwar elementi fundamentali ta' Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA), filwaqt li għaddejjin in-negozjati dwar il-Ftehim ta' Sħubija Strateġika; billi s-CETA u l-SPA huma kumplementari fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet UE-Kanada;

H.

billi parallelament għan-negozjati dwar l-SPA, ġie nnegozjat ftehim dwar ir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) li huwa mistenni jsaħħaħ ir-relazzjoni anki fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u joffri salvagwardji xierqa kontra prassi mmirati sproporzjonati bbażati fuq iż-żamma ta' data dwar il-passiġġieri tal-UE;

I.

billi l-Kanada rtira formalment mill-Protokoll ta' Kjoto fl-2011; billi bosta drabi l-UE appellat lill-Kanada tnaqqas l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra tiegħu skont l-impenji internazzjonali tiegħu;

J.

billi l-kwistjoni tal-eżenzjoni totali tal-viża għandha tiġi solvuta malajr billi jiġi żgurat li l-persuni u l-impriżi mill-Istati Membri kollha tal-UE, fosthom ir-Rumanija u l-Bulgarija, ikollhom opportunitajiet indaqs fil-kooperazzjoni mal-kontropartijiet Kanadiżi;

K.

billi s-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Kanada għandha tkun riflessa kif mistħoqq fil-fora u fl-organizzazzjonijiet internazzjonali; billi, f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Artiku, appoġġata mill-Kanada, dwar l-istatus ta' osservatur tal-UE hija deplorevoli; billi l-UE impenjat ruħha tikkollabora mal-awtoritajiet Kanadiżi għar-riżoluzzjoni ta' din il-kwistjoni;

1.

Jindirizza lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

(a)

isir il-progress kollu meħtieġ għall-konklużjoni rapida tal-ftehim;

(b)

issir insistenza li l-ftehim kollha tal-UE mal-pajjjiżi terzi għandhom jinkludu klawsoli ta' kundizzjonalità reċiproka u klawsoli politiċi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija, inkwantu riaffermazzjoni komuni tal-impenn reċiproku fil-konfront ta' tali valuri u indipendentement mis-sitwazzjoni f'dawk il-pajjiżi f'termini ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jiġu adottati salvagwardji xierqa biex jiżguraw li l-mekkaniżmu ta' sospensjoni ma jkunx jista' jiġi abbużat minn kwalunkwe naħa;

(c)

issir insistenza li tali kundizzjonalità għandha tifforma parti mill-SPA mal-Kanada biex tiġi żgurata l-konsistenza tal-approċċ komuni tal-UE dwar il-kwistjoni;

(d)

jiġu inkoraġġiti, jekk possibbli, il-partijiet kollha involuti biex jinizjalaw u jiffirmaw l-SPA u s-CETA mill-iktar fis possibbli u tiġi enfasizzata n-natura kumplementari tagħhom;

(e)

jiġi żgurat li s-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati ewlenin ikunu involuti, informati u kkonsultati b'mod sħiħ fl-ambitu tal-proċess;

(f)

jiġi żgurat li l-ftehim ikun fih impenn sod għall-kooperazzjoni interparlamentari li tirrikonoxxi r-rwol importanti tal-Parlament Ewropew u tal-Parlament Kanadiż fir-relazzjonijiet UE-Kanada, speċjalment permezz tad-delegazzjoni interparlamentari li ilha kkonsolidata;

(g)

jingħataw rapporti perjodiċi dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim lill-Parlament, li għandhom jippreżentaw ħarsa ġenerali tal-attivitajiet imwettqa u tar-riżultati miksuba fir-rigward tal-oqsma differenti tal-ftehim, ibbażati fuq kejl oġġettiv;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni li fiha r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Kanada.


(1)  ĠU C 290 E, 29.11.2006, p. 107

(2)  ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 64.

(3)  ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 20

(4)  Testi adottati, P7_TA(2013)0280.

(5)  ĠU L 260, 24.9.1976, p. 2