9.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 93/182


P7_TA(2013)0390

Il-qagħda fil-Baħrajn

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn (2013/2830(RSP))

(2016/C 093/29)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Baħrejn tas-27 ta' Ottubru 2011 (1), tal-15 ta' Marzu 2012 (2) u tas-17 ta' Jannar 2013 (3),

wara li kkunsidra ż-żjara ta’ delegazzjoni tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Baħrejn fid-19 u l-20 ta’ Diċembru 2012 u l-istqarrija għall-istampa maħruġa minn dik id-delegazzjoni, u wara li kkunsidra ż-żjara tad-delegazzjoni fil-Peniżola Għarbija bejn is-27 u t-30 ta’ April 2013 u l-istqarrija għall-istampa tagħha,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar il-Baħrejn, b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet tas-7 ta’ Jannar, il-11 ta’ Frar u l-1 ta’ Lulju 2013,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, b’mod partikolari dik tat-8 ta’ Jannar 2013, u d-dikjarazzjoni tal-kelliem tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-6 ta’ Awwissu 2013,

wara li kkunsidra t-23 Kunsill Konġunt u Laqgħa Ministerjali bejn l-UE u l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf, li saru f’Manama, fil-Baħrejn, fit-30 ta’ Ġunju 2013,

wara li kkunsidra l-laqgħa straordinarja tal-Assemblea Ġenerali tal-Baħrejn, li saret fit-28 ta’ Lulju 2013 u rriżultat fid-digrieti ta’ emerġenzi maħruġa mir-Re tal-Baħrejn, Hamad bin Isa Al Khalifah,

wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni tal-Baħrejn “Nipproteġu lis-Soċjetà minn Atti Terroristiċi” tal-2006,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali tal-Lega Għarbija, li ltaqa’ fil-Kajr fl-1 ta’ Settembru 2013, biex jistabbilixxi qorti pan-Għarbija tad-drittijiet tal-Bniedem f’Manama, il-kapitali tal-Baħrejn,

wara li kkunsidra r-rapport maħruġ f’Novembru 2011 mill-Kummissjoni ta’ Inkjesta Indipendenti tal-Baħrejn u r-rapport ta’ segwitu tiegħu tal-21 ta’ Novembru 2012,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, il-Konvenzjoni Konta t-Tortura u Trattamenti jew Pieni oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Karta Għarbija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li l-Baħrejn huwa pajjiż firmatarju tagħhom,

wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-2004, kif aġġornati fl-2008,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn għadha toħloq tħassib wara t-trażżin ta’ dawk li pprotestaw favur id-demokrazija fl-2011; billi ħafna azzjonijiet riċenti tal-Gvern tal-Baħrejn għadhom qed jiksru u jirrestrinġu d-drittijiet u l-libertajiet ta’ taqsimiet tal-poplu tal-Baħrejn, b’mod partikolari d-dritt tal-individwi għall-protesta paċifika, għal-libertà tal-espressjoni u l-libertà diġitali; billi l-awtoritajiet tal-Baħrejn qed ikomplu jrażżnu lil dawk lid-dimostranti politiċi paċifiċi, fosthom permezz tal-użu sproporzjonat ta’ vjolenza u tortura mill-forzi tas-sigurtà u tal-pulizija;

B.

billi l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem qed iħabbtu wiċċhom ma’ attakki, intimidazzjoni u detenzjoni sistematiċi u kontinwi, filwaqt li wħud minnhom ngħataw sentenzi ta’ ħabs għal għomorhom;

C.

billi fl-1 ta’ Awwissu 2013, qabel il-protesta paċifika ppjanata f’Manama fl-14 ta’ Awwissu 2013, ir-Re tal-Baħrejn ordna li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Parlament, li jinkludu l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe “sit-in”, ġemgħa u protesta fil-kapitali Manama, limitazzjonijiet ulterjuri fuq l-attivitajiet tal-midja soċjali, żieda fil-perjodu ta’ dentenzjoni u l-irtirar taċ-ċittadinanza ta’ kull min jinstab ħati li wettaq jew xewwex att ta’ terroriżmu;

D.

billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjara li, minkejja li jilqa’ r-rakkomandazzjoni tal-Assemblea Nazzjonali li “l-libertajiet bażiċi, b’mod partikolari l-libertà tal-opinjoni, m’għandhomx jintlaqtu biex jinżamm bilanċ bejn l-infurzar tal-liġi u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem”, itenni t-tħassib tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet fuq demostrazzjonijiet pubbliċi u avvenimenti pubbliċi oħra;

E.

billi wara r-rapport tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta Indipendenti tal-Baħrejn, l-awtoritajiet tal-Baħrejn impenjaw ruħhom li jwettqu riformi; billi sar progress fir-riforma ġenerali tas-sistemi legali u tal-infurzar tal-liġi, impjegati li kienu tkeċċew inġustament reġgħu ngħataw xogħolhom lura, u l-ħolqien ta’ unit tal-prosekuzzjoni speċjali biex tinvestiga allegazzjonijiet ta’ abbuż, kif ukoll it-twettiq ta’ riformi tal-pulizija; billi, b’mod ġenerali, ir-ritmu tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta Indipendenti tal-Baħrejn għadu baxx;

F.

billi delegazzjoni uffiċjali mmexxija mill-Ministru tad-Drittijiet tal-Bniedem, Dott. Salah bin Ali Abdulrahman, se tattendi l-24 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU bejn is-7 u s-27 ta’ Settembru 2013, u se tagħmel rieżami, waqt il-laqgħat tagħha, tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta Indipendenti tal-Baħrejn, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali, li l-Gvern tal-Baħrejn wiegħed li se jimplimenta b’kalendarju u bi programm ta’ azzjoni.

G.

billi fil-Baħrejn anke tfal ġew arrestati u miżmuma f’detenzjoni adulta mhix adattata għall-minorenni, fejn hu rappurtat li ġew torturati u trattat b’mod mhux xieraq;

H.

billi fl-24 ta' April 2013 il-gvern ippospona għat-tieni darba – u din id-darba b'mod indefinit – iż-żjara tar-Rapporteur Speċjali dwar it-tortura u trattamenti jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti;

I.

billi fit-2 ta’ Settembru 2013 il-Baħrejn ħabbar li kien se jospita l-kwartieri ġenerali permanenti tal-Qorti Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem wara l-approvazzjoni f’laqgħa tal-Lega Għarbija fil-Kajr;

J.

billi r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, Stavros Lambrinidis, żar il-Baħrejn waqt il-laqgħa Ministerjali bejn l-UE u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf f’Ġunju 2013;

1.

Jappella lill-awtoritajiet tal-Baħrejn biex jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluża l-libertà tal-espressjoni, fuq l-internet u barra minnu, u l-libertà tal-għaqda; jiddispjaċih ħafna dwar l-ordnijiet ristrettivi riċenti tal-Parlament u r-Re tal-Baħrejn, u jitlob li titneħħa l-projbizzjoni fuq id-dritt ta’ demostrazzjonijiet paċifiċi u għaqda libera fil-kapitali, Manama, u revoka tal-ordnijiet tal-Ministru tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2013, li mhumiex riċonċiljabbli mal-impenn tal-gvern li jniedi riformi u mhux se jgħinu l-progress ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali jew il-fiduċja bejn il-partijiet kollha;

2.

Iħeġġeġ ir-rispett tad-dritt leġittmu taċ-ċittadini tal-Baħrejn li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom liberament u li li jorganizzaw avvenimenti u jipparteċipaw f’dimostrazzjonijiet paċifiċi; jenfasizza l-importanza ta’ midja libera u pluralistika; jitlob li l-NGOs internazzjonali u l-ġurnalisti jingħataw aċċess sħiħ għall-pajjiż;

3.

Jilqa’ l-passi meħuda mill-awtoritajiet tal-Baħrejn biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta Indipendenti tal-Baħrejn; jirrikonoxxi li f’dan ir-rigward diġà saru xi sforzi, madankollu jisħaq li għad baqa' x'isir biex titjieb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jistieden lill-Gvern tal-Baħrejn jimplimenta għalkollox u b’ħeffa r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta Indipendenti tal-Baħrejn u tal-Eżami Perjodiku Universali; jirrakkomanda li l-24 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ b’mandat li jsegwi l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta Indipendenti tal-Baħrejn u sejba ta’ soluzzjoni ġenerali għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn;

4.

Jistieden lill-Gvern tal-Baħrejn biex jimplimenta r-riformi demokratiċi meħtieġa u biex jinkoraġġixxi djalogu nazzjonali inklużiv u kostruttiv u rikonċiljazzjoni, inkluż il-ħelsien tad-dissidenti;

5.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Baħrejn itemmu immedjatament kwalunkwe att ta’ ripressjoni, inkluża l-intimidazzjoni ġudizzjarja, u jitlob il-ħelsien immedjat u inkondizzjonat tal-priġunieri ta’ kuxjenza, attivisti politiċi, ġurnalisti, bloggers, tobba u paramediċi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u dawk li jipprotestaw paċifikament, fosthom Abdulhadi Al-Khawaja, Nabeel Rajab, Ibrahim Sharif, Naji Fateel, Zainab Al-Khawaja, Mahdi’Issa Mahdi Abu Deeb u Jalila Al-Salman;

6.

Jilqa’ l-fatt li r-Re Hamad Bin Isa al-Khalifa waqqaf kummissjoni indipendenti għad-drittijiet tal-priġunieri u d-detenuti, u jitlob lil din il-kummissjoni timmonitorja u ttejjeb b’mod effettiv il-kundizzjonijiet u t-trattament tal-priġunieri u d-detenuti;

7.

Jilqa’ l-fatt li r-Re Hamad Bin Isa al-Khalifa waqqaf Ministeru għad-Drittijiet tal-Bniedem l-Iżvilupp Soċjali, u jitlob lil dak il-ministeru jaġixxi skont l-istandards u l-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jinnota b’mod partikolari l-pożizzjoni progressiva tal-Baħrejn lejn in-nisa fis-soċjetà;

8.

Jinnota t-twaqqif formali ta’ Ombudsman tal-Pulizija mill-Ministeru tal-Intern f’Lulju 2013, u jesprimi t-tama li din il-mossa se tfisser li l-ilmenti taċ-ċittadini tal-Baħrejn jistgħu jiġu indirizzati b'mod effettiv;

9.

Jinnota li l-Gvern tal-Baħrejn qed jagħmel sforzi li għadhom għaddejjin biex jirriforma l-kodiċi penali u l-proċeduri legali, u jħeġġeġ biex dan il-proċess jitkompla; jistieden lill-Gvern tal-Baħrejn jieħu l-passi meħtieġa kollha biex jiggarantixxi l-proċess ġust, u l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura fil-Baħrejn, u biex jiżgura li din taġixxi f’konformità sħiħa mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

10.

Iħeġġeġ li jsiru investigazzjonijiet indipendenti dwar l-allegazzjonijiet kollha ta’ tortura u maltrattament ieħor, u li r-riżultati tagħhom ikunu magħmula pubbliċi; hu tal-fehma li l-obbligu ta’ rendikont għal ksur fil-passat huwa element ewlieni fit-triq lejn il-ġustizzja u r-rikonċiljazzjoni ġenwina, li huma meħtieġa għall-istabilità soċjali;

11.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Baħrejn jirrispettaw id-drittijiet tal-minorenni, li ma jżommuhomx detenuti f’faċilitajiet għall-adulti, u li jitrattawhom skont il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li l-Baħrejn huwa pajjiż firmatarju tagħha,

12.

Jemmen li l-privazzjoni arbitrarja tan-nazzjonalità tista’ twassal għal sitwazzjoni ta’ apolidità, b’konsegwenzi serji għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem tal-individwi konċernati; jinnota li l-irtirar taċ-ċittadinanza ta’ avversarji politiċi mill-awtoritajiet tal-Baħrejn imur kontra d-dritt internazzjonali;

13.

Jiddispjaċih dwar ir-reazzjoni dgħajfa min-naħa tal-UE għas-sitwazzjoni li għaddejja bħalissa fil-Baħrejn, u jistieden lill-VP/RGħ tikkundanna l-ksur li għadu għaddej bħalissa tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, u timponi miżuri restrittivi mmirati (projbizzjoni tal-ħruġ ta’ viżi u ffriżar tal-assi) kontra l-individwi responsabbli għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem jew involuti fihom (kif dokumentat fir-rapport tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta Indipendenti tal-Baħrejn);

14.

Jistieden lill-VP/RGħ u l-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw strateġija ċara dwar kif l-UE se taħdem attivament, pubblikament u privatament, għall-ħelsien tal-priġunieri ta’ kuxjenza, u jistieden lill-VP/RGħ taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura l-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn, li għandha tinkludi talba speċifika għall-ħelsien immedjat u inkondizzjonat ta’ dawk il-priġunieri;

15.

Jesprimi dispjaċir li ż-żjara tar-Rapporteur Speċjali dwar it-Tortura reġgħet ġiet posposta, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Baħrejn jiffaċilitaw żjarat tar-Rapporteurs Speċjali dwar il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni u dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

16.

Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Lega Għarbija li twaqqaf Qorti Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem f’Manama u jesprimi t-tama tiegħu li din taf isservi ta’ katalist għad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun kollu; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Baħrejn, kif ukoll lis-sħab tiegħu fil-Lega Għarbija, jiżguraw l-integrità, l-imparzjalità, l-effiċjenza u l-kredibilità ta’ din il-Qorti;

17.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Baħrejn.


(1)  ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 125.

(2)  ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 111.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2013)0032.