9.3.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 93/120 |
P7_TA(2013)0377
L-aġenda diġitali għat-tkabbir, il-mobbiltà u l-impjieg
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2013 dwar l-Aġenda Diġitali għat-Tkabbir, il-Mobbiltà u l-Impjieg: Wasal iż-żmien li nħaffu l-ħidma tagħna (2013/2593(RSP))
(2016/C 093/17)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Diċembru 2012 bit-titolu “L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa – Nixprunaw it-tkabbir Ewropew b’mod diġitali”/COM(2012)0784), |
— |
wara li kkunsidra l-mistoqsiji lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar “L-Aġenda Diġitali għat-Tkabbir, il-Mobbiltà u l-Impjieg: Wasal iż-żmien li nħaffu l-ħidma tagħna” (O-000085 – B7-0219/2013 and O-000086 – B7-0220/2013), |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet mobbli fi ħdan l-Unjoni (1), |
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (2). |
— |
wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u b'mod partikolari l-proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida għan-networks tat-telekomunikazzjoniet trans-Ewropej u li jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE (COM(2013)0329), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal- 5 ta' Mejju 2010 dwar “Aġenda Diġitali ġdida għall-Ewropa: 2015.eu” (3) |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Settembru 2012 bit-titolu “L-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa” (COM(2012)0529), |
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-25 ta' Jannar 2012 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (Regolament dwar il-Protezzjoni ta' Dejta Ġenerali) (COM(2012)0011), |
— |
wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Ottubru 2011 li tistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (COM(2011)0665), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Mejju 2010 bit-titolu “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (COM(2010)0245), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
A. |
billi l-Kunsill Ewropew qed jippjana li jadotta l-konklużjonijiet dwar l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa fil-laqgħa tiegħu tal-24-25 ta’ Ottubru 2013; |
B. |
billi l-għan ewlieni tal-istrateġija diġitali għall-Ewropa adottata fl-2010 jeħtieġ li jkun li jitnaqqsu l-inugwaljanzi bejn l-Istati Membri b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għal infrastruttura broadband fissa u mobbli veloċi u ultraveloċi; |
C. |
billi t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs) jinsabu fil-qalba tas-soċjetà diġitali u llum jammontaw għal madwar 20 % tat-tkabbir fil-produttività annwali tal-Ewropa u 4,5 % tal-PGD tagħha u jiġġeneraw 25 % tal-investiment privat fir-Riċerka u l-Iżvilupp fl-UE, u jikkostitwixxu potenzjalment kontributur straordinarju għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. |
D. |
billi l-isfruttar tal-potenzjal tal-ekonomija diġitali fl-UE jkollha effett multiplikatur għoli fl-ekonomija u dan iwassal għal aktar tkabbir u għal aktar impjiegi. billi l-isfruttar tal-potenzjal huwa wieħed mill-aktar riformi importanti għat-tkabbir u l-kompetittività, sabiex l-UE tiġi megħjuna toħroġ mill-kriżi attwali. |
E. |
billi huwa stmat li 50 biljun mezz ser jiġu konnessi mal-Internet sal-2020 u t-traffiku tad-dejta globali huwa mistenni li jikber 15-il darba sa tmiem l-2017; billi dan it-tkabbir esponenzjonali fit-traffiku tal-broadband jesiġi politiki ambizzjużi fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri sabiex tiżdied il-kapaċità tan-netwerks tal-broadband fissi u mobbli, jekk l-Ewropa tixtieq tikseb tkabbir, kompetittività u produttività akbar; |
F. |
billi l-miri attwali tal-aġenda diġitali ġew issuperati mill-ħeffa tal-iżviluppi f'kontinenti oħra u għalhekk mhumiex ambizzjużi biżżejjed biex jiġi żgurat li sal-2020, l-UE tkun minn ta' quddiem fix-xena internazzjonali fir-rigward tat-telekomunikazzjoni; |
G. |
billi l-Parlament u l-Kunsill għadhom jistennew proposti mill-Kummissjoni dwar in-newtralità netta u s-servizz universali; |
1. |
Jenfasizza li l-aġenda diġitali u t-tlestija ta' suq uniku diġitali għandhom ikunu fil-qalba tal-isforzi tal-UE biex tiġġenera t-tkabbir u toħroġ mill-kriżi; jemmen li t-tmexxija politika tinħtieġ kemm fl-livell tal-UE u kemm fl-livell nazzjonali biex jiġu indirizzati ostakoli eżistenti għas-suq uniku diġitali u sabiex jinħolqu l-impjiegi u t-tkabbir fl-UE; ifakkar li l-ekonomija diġitali qiegħda tikber seba' darbiet aktar mir-rata tal-bqija tal-ekonomija u josserva li t-tlestija tas-suq uniku diġitali tal-UE tista' tagħti spinta ta' EUR 110 biljun fis-sena |
2. |
Jirrimarka li l-UE qed tiffaċċja pressjonijiet multipli u simultanji fuq it-tkabbir tal-PGD fi żmien meta l-possibbiltà li jiġi stimulat it-tkabbir bil-fondi pubbliċi hija limitata minn livelli għolja ta’ dejn u ta’ defiċit, u jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri biex jimmobilizzaw kull lieva ta’ tkabbir possibbli; Jinnota li l-ICTs huma teknoloġija trasformattiva essenzjali fis-setturi kollha tal-ekonomija b'rilevanza speċjali f'oqsma bħas-saħħa, l-enerġija, is-servizzi pubbliċi u l-edukazzjoni; |
Ewropa b’roaming mingħajr ħlas fl-2015
3. |
Jiddispjaċih mill-fatt li s-suq tat-telekomunikazzjonijiet għadu fframmentat fis-swieq nazzjonali minn konfini artifiċjali u ma jistax jitqies bħala suq ekonomiku wieħed li fih tkun inkoraġġita l-kompetizzjoni; |
4. |
Jenfasizza li l-analisti industrijali indikaw li d-dħul tal-operaturi Ewropej mir-roaming f’bosta każijiet jammontaw għal madwar 10 % tal-introjtu tal-operaturi tal-UE, u josserva li l-aktar analiżijiet riċenti mill-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi urew li, fuq medja, l-industrija u l-konsumaturi jħallsu d-doppju tal-prezz għat-telefonati roaming li l-operaturi jħallsu fis-suq bl-imnut; |
5. |
Jiddispjaċih mill-fatt li dawn il-marġini ta’ profitt żbilanċjati fuq ir-roaming ikattru l-kostijiet tal-mobilità fl-EU. josserva li dan qed ixekkel it-tkabbir u l-prosperità, billi l-mobilità hija waħda mill-fatturi l-aktar importanti għat-tkabbir tal-UE; |
6. |
Jenfasizza li l-eliminazzjoni tal-ispejjeż tar-roaming hija essenzjali biex tiġi stimulata l-innovazzjoni permezz tal-ħolqien ta' suq domestiku akbar għal prodotti u servizzi innovattivi; |
7. |
Jemmen li suq tat-telekomunikazzjonijiet uniku bħalissa ma jeżistix, inter alia minħabba d-differenzi sinifikanti bejn il-prezzijiet nazzjonali u dawk għar-roaming; jemmen, għalhekk, li dawn il-miżuri strutturali għandhom jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ suq diġitali intern ġenwin li fih tiġi inkoraġġita l-kompetizzjoni u ma jkunx hemm differenza bejn it-tariffi nazzjonali u dawk għar-roaming, biex b’hekk jiġi stabbilit jitwaqqaf suq pan-Ewropew tal-komunikazzjonijiet mobbli; |
8. |
Ifakkar il-Kunsill u l-Kummissjoni li skont l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa d-differenza bejn it-tariffi nazzjonali u dawk għar-roaming għandha toqrob lejn iż-żero sal-2015, u li l-objettiv tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 huwa li jinkiseb suq intern għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet bil-mowjal u fl-aħħar mill-aħħar li ma jkunx hemm differenza bejn it-tariffi nazzjonali u dawk għar-roaming; |
9. |
Jemmen li l-miżurili jikkompletaw is-suq uniku diġitali għandhom għalhekk ineħħu d-differenza bejn it-tariffi għar-roaming u dawk nazzjonali sal-2015, u dan iwassal għal UE ħielsa mir-roaming (għal telefonati, messaġġi bil-mitlub (SMS) u dejta); |
10. |
Iffakkar li offerti ġodda minn operaturi tat-telekomunikazzjoni għandhom ikunu faċli li jintużaw u trasparenti biex b'hekk jiġi evitat il-ħolqien ta’ ostakli moħbija ġodda fis-settur tat-telekomunikazzjoni; |
11. |
Ifakkar li l-Kummissjoni biħsiebha tirrevedi l-funzjonament tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 u tevalwa l-kompetittività tas-suq tar-roaming, kif ukoll sa liema punt il-konsumaturi bbenefikaw mit-tnaqqis reali fil-prezzijiet tas-servizzi roaming, u d-differenza bejn tariffi għar-roaming u dawk nazzjonali, inkluża d-disponibbiltà ta' offerti li jipprovdu tariffa waħda għal servizzi roaming u dawk nazzjonali. |
12. |
Jinnota li suq uniku diġitali ġenwin mhux se jinħoloq sempliċiment billi jiġu eliminati t-tariffi għar-roaming; jenfasizza li din il-miżura għandha titqies bħala parti minn strateġija diġitali Ewropea komprensiva mmirata b'mod partikolari lejn l-iżvilupp tal-infrastruttura u l-aċċessibbiltà, sabiex jiġu promossi ż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi f’ dan is-settur; |
13. |
Jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni li se tipproponi pakkett leġiżlattiv sabiex jiġu indirizzati l-ostakoli li fadal għall-funzjonament tas-suq uniku diġitali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt tal-potenzjal tat-tkabbir tas-settur tat-telekomunikazzjoni permezz tal-ħolqien ta’ suq uniku diġitali fl-UE; |
Infrastruttura u mobbiltà
14. |
Jenfasizza l-bżonn li l-adozzjoni tal-broadband u l-aċċess għalih, il-kummerċ elettroniku, l-inklużjoni diġitali, servizzi pubbliċi transkonfinali u l-miri tar-riċerka u l-innovazzjoni stabbiliti fl-Aġenda Diġitali tal-Ewropa jibqgħu jikkostitwixxu prijorità ewlenija sabiex l-UE tkun tista' tgawdi bis-sħiħ il-benefiċċji tas-soċjetà diġitali; |
15. |
Ifakkar li, b’mod parallel mal-ħtieġa li jitneħħew l-ostakoli għas-suq uniku diġitali tal-UE, hija prijorità assoluta għall-UE li tinvesti f'infrastruttura tal-internet broadband ottimali, ta' veloċità kbira, sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tal-ekonomija diġitali; |
16. |
Jenfasizza li jekk l-UE tixtieq toħloq il-kundizzjonijiet għar-revoluzzjoni diġitali u terġa' tkun minn ta' quddiem fix-xena internazzjonali, hija teħtieġ miri ambizzjużi u għat-tul għall-2020; jemmen li mira rieżaminata u diretta lejn il-futur tal-aġenda diġitali għall-2020 għandha tkun il-konnessjoni tal-familji tal-UE kollha permezz ta' konnessjonijiet broadband ta' veloċità ta' 100 megabit kull sekonda, u li 50 % tal-familji jkunu abbonnati għal servizz ta' gigabit kull sekonda u aktar; jieħu nota li l-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija diġà indika l-appoġġ tiegħu għal tali miri ambizzjużi fir-rapport tiegħu dwar linji gwida għal networks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej u għar-revoka tad-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE; |
17. |
Jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li bosta Stati Membri ma rrispettawx l-iskadenza tal-1 ta' Jannar 2013 biex jallokaw id-'dividend diġitali' fil-medda ta' 800MHz lis-servizzi broadband mobbli, kif stipulat fil-programm tal-politika tal-ispettru tar-radju; jenfasizza li dan id-dewmien fixkel il-ħruġ ta' netwerks 4G fl-UE u għalhekk jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-medda 800 MHz issir disponibbli għas-servizzi tal-broadband mobbli, u jistieden lill-Kummissjoni tuża s-setgħat kollha tagħha biex tiżgura l-implimentazzjoni rapida tagħha; |
18. |
Jinnota li l-fornitura tal-broadband mistennija li se tonqos milli tlaħħaq il-miri stabbiliti fl-Aġenda Diġitali; jinsab konvint, għalhekk, li mingħajr livelli akbar ta' investiment f'netwerks futuri, l-UE se ssir saħansitra anqas kompetittiva fix-xena globali. iqis li l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Att tas-Suq Uniku, għandha wkoll tippreżenta rieżami wiesa’ tal-qafas legali għas-suq tat-telekomunikazzjonijiet, sabiex tagħti spinta lill-investiment fin-netwerks fissi u mobbli; |
19. |
Iqis li l-irwol tal-kompetizzjoni fl-ixprunar tal-investiment f'infrastruttura diġitali ġodda sabiex jiġi promoss it-tkabbir ekonomiku ma għandux jiġi preġudikat. jemmen li huwa kruċjali li l-Kummissjoni tiggarantixxi qafas regolatorju li permezz tiegħu l-atturi kollha tas-suq ikunu jistgħu jinvestu f'infrastruttura diġitali innovattivi. iqis li, għal dan il-fini, regoli ġodda li jistabbilixxu prezzijiet ta' aċċess effiċjenti għan-netwerks ta’ Aċċess għall-Ġenerazzjoni li Jmiss (NGA) għandhom jirriflettu l-proċess kompetittiv fundamentali f'kull Stat Membru billi jirrispettaw il-prerogattivi tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ regolamentazzjoni (NRAs). jemmen li, għal dan il-fini, netwerks NRA għandhom jaħdmu biex isegwu objettivi komuni, eż dawk tal-Aġenda Diġitali, u jużaw l-għarfien aqwa u l-għarfien speċifiku tagħhom tas-swieq nazzjonali rispettivi tagħhom. |
20. |
Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti għal rieżami fundamentali tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi. |
21. |
Jenfasizza l-importanza tat-tlestija ta’ azzjonijiet fundamentali ddikjarati fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, b’enfażi partikolari dwar l-infrastruttura u s-servizzi reżiljenti u affidabbli, u r-reġim tal-protezzjoni tad-dejta; |
22. |
Ifakkar lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni u reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Soċjetà ta’ Informazzjoni (2001/29/KE (4)) sabiex jiġu żgurati l-prevedibbiltà, il-mobbiltà u l-flessibbiltà fis-suq uniku diġitali tal-UE, hekk kif mitlub fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-11 ta’ Diċembru 2012 dwar Strateġija dwar il-libertà diġitali fil-politika barranija tal-UE (5); |
ICTs għall-impjieg taż-zgħażagħ
23. |
Jenfasizza li l-kisba ta' suq uniku diġitali kompletament operattiv jeħtieġ sforz ikkoordinat biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha, irrispettivament mil-lokalità tagħhom, ikollhom aċċess għall-internet u l-ħiliet meħtieġa biex jużawh; |
24. |
Jilqa’ it-tnedija f’Marzu 2013 tal-Gran Koalizzjoni għal Impjiegi Diġitali, miftuħa għall-partijiet interessati kollha; jistieden lill-Kummissjoni trendi l-Gran Koalizzjoni operattiva b’urġenza, b’mod li din l-inizjattiva tiġi rreplikata fil-livell tal-Istati Membri u tagħti aċċess preferenzjali lill-parteċipanti għall-fondi tal-UE għall-appoġġ tal-azzjonijiet tagħhom. |
25. |
Jenfasizza li l-qgħad, inkluż taż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul, laħaq livelli għoljin iżżejjed fl-UE u li x'aktarx dawn se jibqgħu għoljin fil-futur qrib, u li azzjoni determinata u urġenti hija meħtieġa fil-livelli politiċi kollha. |
26. |
Jinnota li attwalment, jeżistu aktar minn 4 miljun ħaddiem ICT fl-UE, numru qed jikber bi 3 % fis-sena, u li sas-sena 2015, skont il-Kummissjoni Ewropea, 700,000 sa miljun impjieg ICT ta' kwalità għolja se jibqgħu vakanti, u dan minkejja l-kriżi; jenfasizza li l-ħiliet elettroniċi u l-edukazzjoni diġitali jistgħu konsegwentement ikunu ta' importanza straordinarja sabiex jiġi indirizzat l-qgħad dejjem jikber, speċjalment fost iż-żgħażagħ; |
27. |
Jilqa' l-adozzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea tal-iskemi “Garanzija għaż-Żgħażagħ” sabiex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ Ewropej kollha jirċievu offerti ta' impjieg ta' kwalità tajba, edukazzjoni jew taħriġ ulterjuri, apprendistat fi żmien erba' xhur minn meta jitilqu mill-iskola jew jispiċċaw qiegħda; jinnota madanakollu li huwa ċar li s-somma ta' EUR 6 biljun allokata għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss mhijiex biżejjed biex tindirizza l-iskala tal-problema; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jimmassimizzaw l-effikaċa ta' tali azzjoni billi jipprijoritizzaw l-akkwist ta' ħiliet diġitali; jenfasizza li ħiliet diġitali għandhom ikunu l-komponent essenzjali ta' kull taħriġ professjonali, biex jiġi żgurat li ġenerazzjonijiet ġodda u dawk attwali fil-post tax-xogħol huma kapaċi jiksbu il-ħiliet li jinħtieġu; |
L-ICTs għall-SMEs
28. |
Ifakkar li r-rwol tal-internet bħala pjattaforma li tippermetti kwalunkwe ċittadin jniedi servizz jew prodott innovattiv immirat lejn kwalunkew ċittadin ieħor, biex b’hekk jinħolqu impjiegi u SMEs, flimkien mar-rwol tiegħu bħala pjattaforma għall-komunikazzjoni soċjali huwa prinċipju fundamentali tas-suq uniku diġitali; |
29. |
Jenfasizza li l-SMEs huma l-qalba tal-ekonomija tal-UE u li hemm bżonn ta’ aktar azzjoni sabiex tiġi promossa l-kompetittività globali tal-SMEs tal-UE u biex jiġi stabbilit l-aħjar ambjent possibbli għall-użu ta’ żviluppi teknoloġiċi ġodda promettenti b’impatt qawwi fuq il-kompetittività tal-UE, bħall-cloud computing; |
30. |
Jinnota li bħala għażla ta' karriera alternattiva għal impjieg regolari, aktar Ewropej, speċjalment iż-żgħażagħ, issa qegħdin jagħżlu l-intraprenditorija, xprunati mill-opportunitajiet mingħajr preċedent maħluqa mill-internet, il-cloud, pjattaformi mobbli, netwerks soċjali u l-flussi enormi ta' dejta; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri joħolqu ambjent aktar favur in-negozju b’aċċess aktar faċli għall-finanzjament (“il-liċenzja li tfalli”), swieq, netwerks u ħiliet, li għandhom jiġu inkoraġġuti permezz ta’ skemi tal-kondiviżjoni tar-riskji, il-kapital ta’ riskju, trattament fiskali favorevoli u avvenimenti ta’ netwerking; |
Id-diġitizzazzjoni tas-settur pubbliku
31. |
Jenfasizza li d-diġitizzazzjoni tas-settur pubbliku għandha titpoġġa fuq quddiem fil-passi li jmiss tal-Aġenda Diġitali peress li, flimkien mat-tnaqqis fl-ispejjeż għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-provvediment ta’ servizzi aktar effiċjenti għaċ-ċittadini, l-effett ta' lieva diġitali għas-setturi kollha tal-ekonomija ikun ta' benefiċċju kbir ħafna; |
32. |
Jiddispjaċih li strateġiji nazzjonali tal-cloud computing qegħdin jiġu segwiti a skapitu ta' strateġija Ewropea ambizzjuża u effikaċi; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-proposti tagħha u tidentifika riżorsi li jkunu effikaċi biżżejjed biex ipoġġu lill-UE f'pożizzjoni fuq quddiem fir-rigward tal-istandardizzazzjoni; |
33. |
Jenfasizza li amministrazzjoni pubblika moderna hija fattur essenzjali li jsostni t-tfassil u l-applikazzjoni ta' politiki li jippromwovu l-impjiegi, it-tkabbir u l-kompetittività; jenfasizza li l-potenzjal tal-ICTs għandu jiġi sfruttat sabiex jinkiseb settur pubbliku bi prestazzjoni aħjar u aktar effiċjenti filwaqt li jitnaqqas il-piż amministrattiv; jinnota li l-ICTs jistgħu jixprunaw r-riforma ta' sistemi għall-ġbir tat-taxxa u tal-kura tas-saħħa, inaqqsu d-dewmien fil-pagamenti lill-fornituri, u jtejbu l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji; iqis, b'mod partikolari, li l-għoti tal-kura tas-saħħa wasslet biex tiġi revoluzzjonata, bl-għoti ta' servizz aktar effiċjenti u personalizzat lill-pazjenti u lill-professjonisti. |
34. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iħaffu l-ħidma tas-Sħubija Ewropea tal-Cloud; |
Il-finanzjament tal-ICTs: il-QFP
35. |
Jiddispjaċih li s-somma ta' EUR 9,2 biljun proposta mill-Kummissjoni għall-Investimenti ICT fil-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) għall-perjodu 2014-2020 se titnaqqas drastikament. jenfasizza li minħabba ċ-ċirkostanzi finanzjarji l-ġodda, investimenti f'netwerks tal-broadband taħt il-Fondi Strutturali u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali huma aktar sinifikanti minn qatt qabel u għandhom jiżdiedu b'mod sostanzjali fir-rigward tal-perjodu ta' programmar 2007-2013; |
36. |
Jenfasizza li mmirar aħjar tal-fondi tal-UE għal-investimenti fl-ICT huwa meħtieġ u li l-finanzjament għall-ICT fil-QFP li jmiss għandu jikkorrispondi mal-piż u l-impatt ekonomiku ta’ dan is-settur. jitlob li s-sehem tal-infiq relatat mal-ICT fil-QFP kollu għandu jingħata prijorità akbar, meta mqabbel mal-perjodu 2007-2013; |
o
o o
37. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri. |
(1) ĠU L 172, 30.6.2012, p. 10.
(3) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 45.
(4) ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.
(5) Testi adottati, P7_TA(2012)0470.