9.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 93/105


P7_TA(2013)0374

Mikroġenerazzjoni

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-mikroġenerazzjoni – il-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana fuq skala żgħira (2012/2930(RSP))

(2016/C 093/14)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 192(2) u 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-użu effiċjenti tal-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tirrevoka d-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (2) u l-implikazzjonijiet tagħha għall-ġenerazzjoni tat-tisħin u l-enerġija,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta' rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (3), id-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta' ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (4) u r-regolamenti ta' implimentazzjoni rispettivi tagħhom,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti” (COM(2012)0663) u d-dokumenti ta' ħidma li jakkumpanjawha (SWD(2012)0367 u SWD(2012)0368),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “L-Enerġija Rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija” (COM(2012)0271),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2010 dwar ir-Reviżjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza Enerġetika (5),

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-mikroġenerazzjoni (E-010355/2011),

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar proġetti ta' investiment ta' sħubiji ċiviċi għal impjanti tal-enerġija solari (E-011185/2012),

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-mikroġenerazzjoni (O-000074/2013 – B7-0217/2013),

wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi l-aċċess għal enerġija biżżejjed għal standard tal-għajxien deċenti huwa dritt bażiku għal kulħadd u billi l-prezzijiet tal-enerġija għolew b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin;

B.

billi l-Unjoni Ewropea qiegħda ssir dejjem aktar dipendenti fuq l-importazzjoni minn pajjiżi terzi għall-provvista tal-enerġija tagħha u għalhekk hemm bżonn bidla sabiex tassigura l-miri tagħha dwar il-klima, l-enerġija u t-tkabbir;

C.

billi l-użu tal-fjuwils fossili bħala sors ta' enerġija żied il-livelli ta' CO2 fl-atmosfera tagħna u b'hekk ikkontribwixxa għat-tibdil fil-klima globali; billi l-UE stabbiliet miri għall-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli għall-2020 u fil-preżent qed taħdem fuq qafas ta' politiki dwar il-klima u l-enerġija għall-2030; billi dispożizzjonijiet dwar il-ġenerazzjoni tal-enerġija fuq skala żgħira (mikroġenerazzjoni) jeżistu iżda huma mferrxin f’inizjattivi leġiżlattivi u non-leġiżlattivi bħad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija;

D.

billi l-mexxejja tal-UE għandhom jagħtu eżempju ta' kif għandha tiġi indirizzata t-tranżizzjoni tal-enerġija, filwaqt li jqisu l-ħtieġa li jiġu involuti ċ-ċittadini tal-UE kollha, indipendentement mid-dħul finanzjarju u l-ġid tagħhom; billi l-enerġija fuq skala żgħira tista' tgħin fit-tisħiħ tal-koeżjoni komunitarja, fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku, toħloq impjiegi ġodda u tkabbir ekonomiku u tirriżulta f'approċċ ġdid ta' kif tiġi affrontata l-kriżi ekonomika attwali;

E.

billi l-ġenerazzjoni fuq skala żgħira u deċentralizzata tal-enerġija tirrappreżenta opportunità għad-djar u għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, kif ukoll għal komunitajiet f'żoni kemm urbani kif ukoll rurali, biex dawn jaħdmu id f'id biex jegħlbu t-tibdil fil-klima billi jsiru produtturi tal-enerġija; billi l-konsumaturi għandhom jiksbu għarfien dwar modi effiċjenti ta' produzzjoni u konsum tal-enerġija; billi l-għoti ta' setgħa lill-konsumaturi biex jiġġeneraw l-elettriku u s-sħana tagħhom stess jista' jwassal għal soċjetà aktar sostenibbli u parteċipattiva; billi l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar is-suq intern tal-enerġija tindirizza l-kwistjoni tal-għoti ta' setgħa lill-produtturi-konsumaturi; billi diġà hemm bosta opportunitajiet għall-konsumaturi biex jieħdu impenn attiv fil-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija effiċjenti, iżda għad hemm sfidi li għandhom jiġu indirizzati;

F.

billi l-mikroġenerazzjoni tal-enerġija tista' wkoll tiżvolġi rwol f'livell globali;

G.

billi l-inċentivi għall-ġenerazzjoni tal-enerġija u tas-sħana fuq skala żgħira jvarjaw ħafna bejn Stat Membru u ieħor; billi l-politiki tal-UE għandhom jiġu implimentati aħjar biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ġenerazzjoni tal-enerġija fuq skala żgħira fl-UE;

Definizzjoni

1.

Jiddefinixxi, għall-finijiet ta' din ir-riżoluzzjoni, it-terminu mikroġenerazzjoni bħala: 1) ġenerazzjoni fuq skala żgħira ta' tisħin/tiksiħ u enerġija li tipprovdi l-elettriku minn individwi u SMEs sabiex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet tagħhom stess; u 2) forom differenti ta' produzzjoni fuq skala żgħira fi gruppi jew kooperattivi fil-livell Komunitarju eżistenti biex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet lokali; jinnota li l-mikroġenerazzjoni tinkludi varjetà ta' teknoloġiji (l-idroelettriku, ġeotermali, l-enerġija solari, tal-baħar, tar-riħ, il-pompa tas-sħana, il-bijomassa) li għandhom fokus speċifiku fuq dimensjonijiet rinnovabbli u sostenibbli;

Introduzzjoni

2.

Isostni li l-mikroġenerazzjoni jeħtieġ li għandha tkun element fundamentali fil-ġenerazzjoni futura tal-enerġija jekk l-UE trid tilħaq il-miri tagħha dwar l-enerġija rinnovabbli fit-tul; ifakkar li l-mikroġenerazzjoni qed tikkontribwixxi għaż-żieda fis-seħem globali tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija fl-UE u tiffaċilita l-konsum tal-elettriku effiċjenti qrib il-punt tal-ġenerazzjoni, billi jiġi evitat telf ta' trasmissjoni;

3.

Ifakkar li l-impenn b'suċċess lejn il-mikroġenerazzjoni jiddependi minn bosta fatturi diversi, inkluż: suq intern Ewropew tal-enerġija li jaħdem sew; żvilupp tekniku ta' unitajiet tal-mikroġenerazzjoni; l-użu ta' infrastruttura tal-enerġija intelliġenti, speċjalment fil-livell tad-distribuzzjoni; u politiki effettivi fuq medda qasira, medja u twila u skemi ta' appoġġ li jkunu ta' inċentiv għall-mikroġenerazzjoni fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali;

4.

Jagħraf ir-rwol tar-riċerka u t-teknoloġija għat-titjib tal-effiċjenza u t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-mikroġenerazzjoni;

5.

Jirrimarka li ostakli speċifiċi qed jillimitaw l-użu fuq skala ikbar ta' teknoloġiji ta' mikroġenerazzjoni, u fosthom: l-isfida dovuta għall-ispejjeż diretti tal-investiment; il-kumplessità amministrattiva ta’ livell għoli assoċjata b’rabta ma’ u l-aċċess għall-grilja tal-elettriku; in-nuqqas ta’ għarfien dwar l-iffrankar tal-enerġija u tal-ispejjeż offrut minn teknoloġiji ta’ mikroġenerazzjoni differenti tul il-ħajja kollha tagħhom;

6.

Jirrimarka li l-faqar enerġetiku huwa problema li qed tikber; jenfasizza li l-iffaċilitar tal-mikroġenerazzjoni fil-livell individwali u Komunitarju jista' jagħti s-setgħa lill-konsumaturi biex isiru aġenti effettivi fis-settur tal-enerġija filwaqt li jkollhom iktar kontroll fuq l-użu tal-enerġija u jnaqqsu l-ammont ta' enerġija li jkollhom jixtru, u b'hekk jipprevjenu l-faqar tal-enerġija; jenfasizza li l-mikroġenerazzjoni tagħti l-opportunità li tifforma lis-soċjetà mill-ġdid b'mod iktar sostenibbli, kooperattiv u ġust; jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lill-inkwilini, li sikwit jiġu skoraġġati milli jagħmlu titjib relatat mal-effiċjenza jew milli jiġġeneraw l-enerġija tagħhom stess;

7.

Jenfasizza li t-teknoloġiji tal-mikroġenerazzjoni bħal stallazzjonijiet ta' sħana u enerġija kombinati (CHPs) mikro u enerġiji rinnovabbli fuq skala żgħira jagħmluha possibbli li jeżisti bini b’enerġija żero u enerġija pożittiva li jipprovdu l-enerġija għall-grilja elettriku żejjed fil-bini;

8.

Jinnota l-importanza tal-promozzjoni ta' kooperattivi lokali tal-enerġija rinnovabbli kemm fiż-żoni rurali kif ukoll urbani sabiex jiżdied l-appoġġ pubbliku għall-enerġija rinnovabbli u s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-produzzjoni tal-enerġija fuq skala żgħira, jittejjeb l-aċċess għall-enerġija rinnovabbli u jiġi ġenerat l-investiment; jinnota l-importanza tal-promozzjoni ta’ aggregaturi lokali u reġjonali li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni sikuri u effiċjenti taċ-ċittadini fis-suq tal-elettriku, bil-garanzija ta’ prezzijiet ġusti għall-produttur-konsumatur għas-servizzi pprovduti lis-sistema tal-enerġija; jinnota li l-awtoritajiet lokali għandhom rwol importanti biex jippromwovu u jinċentivaw il-mikroġenerazzjoni fost iċ-ċittadini, l-SMEs u l-partijiet interessati;

9.

Hu tal-fehma li hemm biss ftit ċittadini tal-UE li jafu dwar il-benefiċċji tal-mikroġenerazzjoni, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi biex jippubbliċizzaw is-soluzzjonijiet tal-mikroġenerazzjoni u l-aqwa prattiki f’dan il-qasam;

10.

Jinnota li ftit hemm informazzjoni disponibbli dwar il-kapaċità u l-potenzjal futur tal-mikroġenerazzjoni fl-UE; jemmen li b'għarfien aħjar tagħha tkun tista' tiżvolġi rwol kruċjali fil-politika dwar il-klima, l-enerġija u l-industrija;

11.

Josserva li, sabiex tiġi promossa l-mikroġenerazzjoni tal-elettriku, huma meħtieġa arloġġi tal-elettriku intelliġenti li jistgħu jikkalkulaw l-elettriku użat għall-finijiet tal-produttur stess u s-sehem li se jidħol fil-grilja, u arloġġi tal-enerġija termika biex jimmonitorjaw is-sħana li tidħol u toħroġ minn proprjetà li hija parti minn netwerk tat-tisħin, sabiex l-enerġija termika prodotta tista’ tiġi kreditata;

12.

Josserva li ta’ spiss hu vjabbli li s-sħana u l-enerġija kombinati prodotti minn impjanti jiddaħħlu wkoll fil-kuntest tal-mikroġenerazzjoni, peress li dan ta’ spiss itejjeb l-effiċjenza enerġetika b’mod sustanzjali;

13.

Jinnota li l-adozzjoni tal-mikroġenerazzjoni fuq skala kbira tirrappreżenta pass importanti fit-tranżizzjoni mis-sistema tal-enerġija ċentralizzata storika għal sistema flessibbli u deċentralizzata meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-klima u l-enerġija tal-UE; jnfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-mikroġenerazzjoni issa, filwaqt li jiġu indirizzati b'mod ġust kwistjonijiet b'rabta mad-distribuzzjoni ta' operaturi tan-netwerk, inkluż il-qsim tal-ispejjeż u l-bżonn għal investiment f'teknoloġiji intelliġenti; jenfasizza li l-impatt pożittiv ta' servizzi anċillari pprovduti minn mikroġeneraturi u li jikkontribwixxu għall-iżgurar tal-operazzjoni tas-sistema għandhom jiġu definiti sew u trattati b'mod ġust; jenfasizza għalhekk il-bżonn li jittieħdu d-deċiżjonijiet ġusti u jiġu adottati l-objettivi ġusti issa u li ma jibqgħux jiġu posposti l-investiment adegwat u r-regolamentazzjoni ambizzjuża;

14.

Jirrimarka li jista' jkollu spejjeż kbar il-fatt li tiżdied il-kapaċità għall-mikroġenerazzjoni fl-UE, u li żieda fl-investiment fil-mikroġenerazzjoni minn produtturi/konsumaturi individwali tfisser li jkun neċessarju wkoll investiment ieħor f'livelli differenti tas-sistema tal-enerġija, pereżempju fis-sistemi ta' distribuzzjoni u trażmissjoni li jiffaċilitaw l-użu tal-mikroġenerazzjoni; jenfasizza li jista’ jkun li dan ma jipperikolax is-sigurtà sħiħa tal-provvista jew iżid b’mod artifiċjali l-prezzijiet tal-enerġija; jaqbel mal-Kunsill Ewropew li l-politika tal-enerġija tal-UE għandha tiżgura s-sigurtà fil-provvista għall-familji u l-kumpaniji bi prezzijiet u spejjeż raġonevoli;

Il-qafas regolatorju

15.

Jistieden lill-Kummissjoni tfassal rakkomandazzjonijiet, abbażi tal-aħjar prattiki għal regolaturi u operaturi tas-sistema, dwar kif iqassru u jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi involuti fl-operazzjoni u l-kollegament tal-unitajiet ta' mikroġenerazzjoni mal-grilja, b’fokus partikolari fuq l-istabbiliment ta’ proċeduri one-stop-shop; jenfasizza l-bżonn li tiġi promossa l-implimentazzjoni ambizzjuża ta’ linji gwida eżistenti, bħad-dispożizzjonijiet dwar l-unitajiet tal-mikroġenerazzjoni fid-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika;

16.

Jinnota li l-enerġija prodotta mill-mikroġeneraturi, meta tiġi kkonsmata mill-ewwewl u lokalment, tgħin biex jiġu pprevenuti l-flussi ta' enerġija u telf relatat fis-sistema u żżid is-sens ta’ sjieda fost il-“produtturi-konsumaturi”; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw mekkaniżmi speċifiċi biex titħeġġeġ l-awtosuffiċjenza flimkien ma' tnaqqis globali tal-konsum;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni u lir-regolaturi nazzjonali jiżviluppaw oqfsa regolatorji li jiddefinixxu rwoli u responsabbiltajiet tal-atturi kollha b'rabta mal-grilji ta’ distribuzzjoni, b’fokus partikolari fuq il-kundizzjonijiet li jippermettu l-adozzjoni ta’ aggregazzjoni, minħabba r-rwol kruċjali futur tagħha għall-parteċipazzjoni attiva tal-mikroġenerazzjoni fis-sistema;

18.

Jinnota r-rwol dejjem iktar importanti tal-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni (DSOs) f'netwerk tal-enerġija iktar deċentralizzat, fil-provvista tas-sikurezza tal-provvista u operazzjoni tan-netwerk stabbli u affidabbli filwaqt li tiġi żgurata l-privatezza tad-data għall-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni u lir-regolaturi nazzjonali jirrikonoxxu dan ir-rwol u jiffaċilitaw l-investiment tad-DSOs jinvestu fis-sistema ta' distribuzzjoni, bil-għan li jtejbu l-effiċjenza globali tas-sistema tal-enerġija; jitlob barra minn hekk li jkun hemm rwol definit b'mod iktar ċar għad-DSOs fl-organizzazzjoni tal-bilanċ u servizzi anċillari oħrajn;

19.

Jemmen li hemm bżonn ta' azzjoni koordinata effikaċi fuq il-ġenerazzjoni tal-enerġija fuq skala żgħira fl-UE bħala parti mill-ħolqien tas-suq intern tal-enerġija Ewropew;

20.

Jinnota li bosta Stati Membru għandhom objettivi u strutturi differenti għad-dispożizzjonijiet fiskali u legali tagħhom dwar il-mikroġenerazzjoni, u li dan jista' jikkostitwixxi ostaklu għall-impenn wiesa' lejn il-mikroġenerazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tidentifika l-linji baġitarji taħt il-programm Enerġija Intelliġenti – Ewropa (IEE) u taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tneħħi l-ostakli eżistenti fil-liġijiet nazzjonali dwar l-aċċess għall-finanzi għal proġetti ta' mikroġenerazzjoni individwali u tl-kooperattivi, toħloq strumenti finanzjarji mmirati (peż. mikrokrediti), u xxerred l-aħjar prattiki fir-rigward ta' dawn l-attivitajiet;

21.

Jistieden lill-Istati Membri jqisu l-ispeċifiċitajiet tal-mikroġenerazzjoni meta jfasslu u jirrieżaminaw inċentivi nazzjonali u skemi ta' appoġġ biex jiżguraw li jkunu xierqa għall-ġenerazzjoni tal-enerġija fuq skala żgħira;

Infrastruttura, prodotti u standards

22.

Jitlob biex mingħajr dewmien jiġi implimentat bis-sħiħ it-tielet pakkett tal-enerġija, u b'mod partikolari l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-miters, sabiex jiġu faċilitati l-attivitajiet tal-konsumaturi produtturi fil-grilja, kif ukoll ġestjoni effettiva tad-distribuzzjoni; jitlob li jkun possibbli li l-enerġija tiġi ttrasferita bejn produttur u konsumatur fuq skala żgħira wkoll, pereżempju f'viċinat jew kooperattiva; jitlob lill-Istati Membri biex, fejn jidher fl-analiżi tal-kosteffikaċja li jkun fl-interess tal-konsumatur, jħaffu l-ħruġ ta' miters intelliġenti sabiex id-djar ikunu jistgħu jakkwistaw data preċiża u valur sħiħ għall-enerġija prodotta fil-post tagħhom;

23.

Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tinvestiga l-possibbiltà li jiġu introdotti sistemi ta’ mikroġenerazjoni fil-proġetti tal-ippjanar urban; jemmen li dan jista’ jwassal għal żieda fl-effiċjenza u tnaqqis fl-ispejjeż għall-iżvilupp ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni fuq skala żgħira tal-enerġiji rinnovabbli;

24.

Jinnota li l-istandardizzazzjoni hija ewlenija f'introduzzjoni ulterjuri ta’ tagħmir prodott f’ammonti kbar użat għall-mikroġenerazzjoni b’mod simplifikat u kosteffikaċi; jistieden lill-korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej jaċċelleraw l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni tagħhom;

25.

Ifakkar li ġeneraturi fuq skala żgħira jinteraġixxu man-netwerk tad-distribuzzjoni b'modi differenti mill-kontropartijiet tagħhom fuq skala kbira u għalhekk għandhom jiġu ttrattati b'mod differenti fil-leġiżlazzjoni futura;

26.

Huwa konxju li adozzjoni sinifikanti tal-mikroġenerazzjoni ser twassal għal sfidi fil-ġestjoni tan-netwerks tad-distribuzzjoni marbutin mat-tlaqqigħ tad-domanda mal-provvista tal-enerġija, bil-ħtieġa ta’ investimenti innovattivi f'netwerk ta’ distribuzzjoni avvanzat; jinnota l-importanza ta' teknoloġiji intelliġenti biex jinkiseb dan; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għall-grilja għall-mikroġeneraturi filwaqt li jindirizzaw il-kwistjoni tal-ispejjeż tan-netwerk relatati mal-produzzjoni tal-enerġija fuq skala żgħira u jżommu ġestjoni effiċjenti tan-netwerk; jistieden lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jinċentivaw l-innovazzjoni u l-investimenti fil-grilji ta’ distribuzzjoni lokali;

27.

Jinnota li intwera li l-proġetti ta' sjieda għandhom livelli ogħla ta' aċċettazzjoni u għandhom għalhekk jiġu faċilitati; ifakkar li, filwaqt li l-aggregaturi jista' jkollhom rwol importanti fl-iffaċilitar ta' proġetti bħal dawn, ir-rwol tagħhom s'issa ma kienx ċar fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE; jitlob għalhekk li jkun hemm implimentazzjoni mħaffa u ambizzjuża tal-provvisti ta' rispons għad-domanda li jinsabu fid-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija;

28.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltajiet li tappoġġa mudelli ta’ crowdfunding, li huma sistemi ta’ investiment fit-tul li fihom investituri u imprendituri huma f’kutnatt dirett permezz ta’ pjattaforma, biex jagħtu l-possibbiltajiet u jħeġġu lin-nies joħolqu kooperattivi tal-mikroġenerazzjoni;

29.

Jinnota li l-attenzjoni pubblika qed tiffoka iktar u iktar fuq il-possibbiltà ta’ finanzjament ta’ proġetti permezz ta’ appelli miftuħin indirizzati għall-pubbliku usa’ (crowdfunding); jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-possibbiltà ta’ ko-sjieda ta’ proġetti lokali u b’hekk titjib tal-mobilizzazzjoni ta’ appoġġ lokali;

30.

Jitlob ukoll li l-Kummissjoni tistudja sa fejn ir-regoli tal-UE bħad-Direttiva dwar il-Prospett (Direttiva 2003/71/KE), id-Direttiva MiFID (Direttiva 2004/39/KE) u d-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi (Direttiva 2009/110/KE) diġà jippermettu li ċerti proġetti jiġu implimentati abbażi tal-ko-sjieda tal-istrutturi lokali;

31.

Jirrimarka li kwalunkwe inizjattiva fil-qasam tal-mikroġenerazzjoni għandha tkun konformi mal-kodiċi tan-netwerk; jinnota li l-objettivi tal-leġiżlazzjoni sekondarji dwar l-elettriku, bħall-kodiċi tan-netwerks, jistgħu jittejbu u jinkisbu b’mod iktar kost-effikaċi permezz tal-istabbiliment ta’ standards fil-livell tal-UE għall-biċċa l-kbira tat-tipi tat-teknoloġija ta’ mikroġenerazzjoni; jitlob li jkun hemm forma attiva ta' ġestjoni ta' sistema ta' distribuzzjoni abbażi ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn id-DSOs u l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni (TSOs) u elementi oħra (unitajiet ta' ġenerazzjoni, konsum u ħżin) fl-awtoritajiet tal-grilji sabiex jiġu inċentivati l-innovazzjoni u l-investiment fil-grilji ta' distribuzzjoni lokali;

32.

Jitlob lill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), in-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E), il-Kummissjoni u l-gvernijiet nazzjonali biex tingħata attenzjoni partikolari lir-rinnovabbli deċentralizzati fit-tfassil attwali u l-proċess ta' negozjati fir-rigward tal-kodiċijiet tan-netwerk;

33.

Jinnota li forom ġodda ta’ produzzjoni, sjieda u konsum bħas-soċjetà ta’ kiri jista’ jkollhom rwol kruċjali fl-adozzjoni tal-mikroġenerazzjoni peress li bosta elementi ffaċilitati minn dan l-approċċ huma pożittivi f'dan il-qasam, eż inqas spjejjeż li jitħallsu minn qabel, trasparenza fl-ispejjeż fissi għal prodotti-servizzi, is-sejba ta' soluzzjoni għall-problema finanzjarja kbira għal produtturi-konsumaturi bi dħul iktar baxx, kwalità ottimali tal-istallazzjoni, u manutenzjoni mtejba, u b’hekk ċiklu tal-ħajja itwal fuq in-naħa tal-fornitur;

Azzjonijiet speċifiċi

34.

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni komprensiva tal-kapaċità potenzjali għall-mikroġenerazzjoni u tħares lejn l-aqwa prattiki fl-UE u l-impatt potenzjali ta' adozzjoni tal-mikroġenerazzjoni fuq skala kbira fuq is-suq intern tal-enerġija Ewropew u l-infrastruttura;

35.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżuraw li l-mikroġenerazzjoni hija eliġibbli għall-finanzjament mill-fondi tal-UE, inklużi l-Fondi Strutturali, mill-perjodu 2014-2020 ’l hemm;

36.

Jitlob li l-finanzjament tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni jiġi investit fil-mikroġenerazzjoni sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet u installazzjonijiet tekniċi xierqa;

37.

Jirrikonoxxi l-importanza tat-tmexxija tal-UE fil-qasam tal-politika dwar il-klima u l-enerġija, u jiddikjara li l-mikroġenerazzjoni għandha tikkontribwixxi biex jiġu ssodisfati l-objettivi fuq medda twila ta' żmien; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-implimentazzjoni tal-istrateġiji għal ġenerazzjoni fuq skala żgħira tal-elettriku u t-tisħin, li jinsabu fil-qafas politiku tal-UE, u b'hekk tiġi rikonoxxuta l-importanza tal-mikroġenerazzjoni u jiġi ffaċilitat l-impenn lejha fl-Istati Membri;

38.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-rwol tal-mikroġenerazzjoni fil-leġiżlazzjoni futura tal-UE dwar l-enerġija, b’mod partikolari fil-kuntest tal-pakkett futur tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija għall-2030;

39.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Istati Membri, teżamina bir-reqqa l-istrutturi tal-kostijiet eżistenti fin-netwerk tal-enerġija u tagħti gwida dwar modi kif jiġu ffaċilitati l-permessi, l-aċċess għall-grilja u l-operazzjoni tal-unitajiet ta' mikroġenerazzjoni;

o

o o

40.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

(2)  ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1.

(3)  ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.

(4)  ĠU L 153, 18.6.2010, p. 1.

(5)  ĠU C 169 E, 15.6.2012, p. 66.