26.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 75/88


P7_TA(2013)0318

Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE – Il-ġlieda kontra l-frodi

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Lulju 2013 dwar ir-Rapport Annwali 2011 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE – Il-ġlieda kontra l-frodi (2012/2285(INI))

(2016/C 075/12)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-rapporti annwali preċedenti tal-Kummissjoni u tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF),

wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu "Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Il-ġlieda kontra l-frodi – Ir-Rapport Annwali tal-2011 (COM(2012)0408) u d-dokumenti li jakkumpanjawh (SWD(2012)0227, SWD(2012)0228, SWD(2012)0229 u SWD(2012)0230) (1),

wara li kkunsidra r-rapport tal-OLAF – ir-Rapport Annwali 2011 (2),

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2011, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet (3),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Qorti tal-Awdituri dwar l-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi (COM(2011)0376),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (COM(2012)0363),

wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-programm Hercule III għall-promozzjoni tal-attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (COM(2011)0914),

wara li kkunsidra l-Artikolu 325(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (4),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2012 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Ġlieda kontra l-frodi – Rapport Annwali 2010 (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Settembru 2011 dwar l-isforzi tal-UE biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni (7), id-dikjarazzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2010 dwar l-isforzi tal-Unjoni biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni (8), u l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew intitolata “Nissieltu kontra l-korruzzjoni fl-UE” (COM(2011)0308),

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-OLAF għall-2012 u r-rapport tal-Kumitat Superviżorju tal-OLAF għall-istess sena,

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0197/2013),

A.

billi l-UE u l-Istati Membri jikkondividu r-responsabbiltà għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u għall-ġlieda kontra l-frodi, u billi l-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri hi essenzjali;

B.

billi l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà primarja għall-implimentazzjoni ta’ madwar 80 % tal-baġit tal-Unjoni, kif ukoll għall-ġbir tar-riżorsi proprji, inter alia fil-forma ta’ VAT u dazji doganali;

C.

billi dan l-aħħar il-Kummissjoni wettqet għadd ta' inizjattivi importanti rigward miżuri tal-politika kontra l-frodi;

Kummenti ġenerali

1.

Jisħaq fuq il-fatt li l-ġlieda kontra l-frodi u kontra kwalunkwe attività illegali oħra li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni hi obbligu tal-Kummissjoni u l-Istati Membri, imnaqqxa fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

2.

Ifakkar li l-iżgurar tal-protezzjoni ta' dawk l-interessi finanzjarji kemm fil-livell tal-ġbir tar-riżorsi tal-UE, kif ukoll fil-livell tal-infiq, għandu l-istess importanza;

3.

Jilqa' pożittivament ir-rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Il-ġlieda kontra l-frodi – Ir-Rapport Annwali tal-2011 ("ir-rapport annwali tal-Kummissjoni); jiddispjaċih, madankollu, li r-rapport hu limitat għad-data li ġiet irrapportata mill-Istati Membri; jindika li l-Istati Membri jużaw definizzjonijiet differenti għal tipi simili ta' reat u mhux kollha kemm huma jiġbru data statistika simili u dettaljata skont kriterji komuni, u dan jagħmilha diffiċli li tinġabar statistika affidabbli u paragonabbli fil-livell tal-UE; jiddispjaċih għalhekk li mhux possibbli li tiġi vvalutata l-iskala globali effettiva tal-irregolaritajiet u l-frodi fl-Istati Membri individwali jew li jiġu identifikati u ddixxiplinati dawk l-Istati Membri bl-ogħla livell ta' irregolaritajiet u frodi kif talab ripetutament il-Parlament; iħeġġeġ, għalhekk, biex jiġu stabbiliti kriterji ta' valutazzjoni standard għall-irregolaritajiet u l-frodi fl-Istati Membri kollha u jingħaqdu ma' pieni xierqa għal min jinstab ħati ta' ksur;

4.

Jisħaq fuq il-fatt li l-frodi hija eżempju ta' għemil ħażin intenzjonat u hi reat kriminali, u li irregolarità hi nuqqas ta' konformità ma' regola, u jiddispjaċih li r-rapport tal-Kummissjoni jonqos milli jikkunsidra l-frodi fid-dettall u jittratta l-irregolaritajiet b'mod approssimattiv ħafna; jindika li l-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) għandu x'jaqsam mal-frodi, mhux ma' irregolaritajiet, u jitlob li ssir distinzjoni bejn il-frodi u l-iżbalji jew l-irregolaritajiet;

5.

Jinnota li, skont ir-rapport annwali tal-Kummissjoni, fl-2011 ġie rrapportat li 1 230 irregolarità kienu frodulenti u li l-impatt finanzjarju tagħhom naqas b'37 % meta mqabbel ma' dak tal-2010 u kien jammonta għal EUR 404 miljun; jirrikonoxxi l-fatt li l-politika ta' koeżjoni u l-agrikoltura jibqgħu ż-żewġ oqsma prinċipali li jbatu mill-ogħla livell ta' frodi b'impatt finanzjarju li hu stmat li jammonta għal EUR 204 miljun u EUR 77 miljun rispettivament; jiddubita, madankollu, jekk dan it-tnaqqis jirriflettix il-qagħda effettiva tal-affarijiet f'dak li jirrigwarda l-attivitajiet frodulenti jew jekk, inkella, hux sinjal li s-sistemi ta' superviżjoni u kontroll fl-Istati Membri huma insuffiċjenti;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq monitoraġġ mill-qrib tal-effikaċja tas-sistemi ta' superviżjoni u kontroll fl-Istati Membri u tiżgura li l-informazzjoni pprovduta dwar il-livell ta’ irregolaritajiet fl-Istati Membri tkun tirrifletti s-sitwazzjoni reali;

7.

Jisħaq fuq il-fatt li s-sitwazzjoni fejn l-Istati Membri ma jittrażmettux id-data b'mod f'waqtu jew jipprovdu data mhux preċiża ilha tirrikorri għal ħafna snin; jenfasizza li mhux possibbli li jsiru paraguni u valutazzjoni oġġettiva tal-iskala tal-frodi fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea; jindika li l-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u l-OLAF mhumiex kapaċi jwettqu kif suppost il-funzjonijiet tagħhom rigward il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni u t-tressiq ta' proposti u jtenni li sitwazzjoni ta' dan it-tip ma tistax tiġi ttollerata; jistieden lill-Kummissjoni tassumi r-responsabilità sħiħa għall-irkupru tal-fondi li jkunu tħallsu b'mod indovut għall-baġit tal-UE; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tistabbilixxi prinċipji ta' rapportar uniformi fl-Istati Membri kollha u tiżgura l-ġbir ta' data paragunabbli, affidabbli u adegwata;

8.

Jisħaq fuq il-fatt li hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tintensifika l-isforzi tagħha għat-tisħiħ tal-prinċipji tal-Gvern elettroniku li kieku jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal aktar trasparenza fil-finanzi pubbliċi; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, b'differenza għat-tranżazzjonijiet ta' kontanti, it-tranżazzjonijiet elettroniċi huma referenzjati u għaldaqstant isir aktar diffiċli li titwettaq frodi u aktar faċli li jiġu identifikati l-każijiet ta' suspett ta' frodi; jikoraġġixxi lill-Istati Membri jbaxxu l-limiti minimi tagħhom għall-ħlasijiet mandatorju apparti dawk f'kontanti;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra r-rabta li teżisti bejn ir-rapportar ta' frodi mill-Istati Membri u n-nuqqas ta' armonizzazzjoni fid-dritt penali li tistabbilixxi definizzjoni komuni ta' mġiba frodulenti u reati fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jindika li l-armonizzazzjoni tas-sistemi tad-dritt penali tal-Istati Membri saret b'mod limitat biss;

10.

Jenfasizza li ġew ippubblikati 233 rapport investigattiv dwar każijiet ta' frodi relatata ma' użu ħażin ta' fondi tal-UE fuq perjodu ta' 5 snin fi ħdan is-27 Stat Membru, bir-Renju Unit, is-Slovakkja, il-Ġermanja, il-Bulgarija, Spanja, ir-Rumanija u l-Estonja l-aktar Stati Membri attivi fil-qasam tar-rapportar (9); hu tal-opinjoni li l-ġurnaliżmu investigattiv żvolġa rwol importanti fil-kxif tal-frodi li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u jirrappreżenta sors prezzjuż ta' informazzjoni li għandha tiġi kkunsidrata mill-OLAF u l-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi jew awtoritajiet rilevanti oħra fl-Istati Membri;

11.

Ifakkar li, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Ġlieda kontra l-frodi – Rapport Annwali 2009 (10), il-Parlament talab li jiġu introdotti dikjarazzjonijiet obbligatorji ta' ġestjoni nazzjonali, li jiġu awditjati kif xieraq mill-uffiċċju nazzjonali ta' awditjar u kkonsolidati mill-Qorti tal-Awdituri; jiddispjaċih li ma ttieħed l-ebda pass ulterjuri f'dik id-direzzjoni;

12.

Iqis li hu tal-ogħla importanza li jingħata segwitu xieraq għall-imġiba frodulenti fuq livell Ewropew; jinsab imgħaġġeb dwar il-fatt li d-Direttur Ġenerali tal-OLAF introduċa limiti minimi settorjali speċifiċi rigward l-impatt finanzjarju probabbli fil-Prijoritajiet għall-Politika dwar l-Investigazzjoni għall-2012 u l-2013 sabiex il-każijiet li l-impatt finanzjarju probabbli tagħhom ikun anqas mil-limitu minimu jiġu ttrattati bħala subordinati u hu improbabbli li jinfetħu fil-verità; jinnota li l-limitu minimu fis-settur doganali hu ta' EUR 1 000 000, għall-fondi SAPARD hu EUR 100 000, għall-fondi agrikoli hu EUR 250 000, għall-fondi strutturali hu EUR 500 000, għall-FEŻR hu EUR 1 000 000, għall-infiq ċentralizzat u l-għajnuna esterna hu EUR 50 000, u fis-settur tal-persunal tal-UE hu EUR 10 000; hu tal-opinjoni li dan mhux aċċettabbli; iħeġġeġ lid-Direttur Ġenerali jbiddel il-prassi attwali u jabbanduna l-approċċ ta' limiti minimi għall-prijoritizzazzjoni tax-xogħol minnufih;

13.

Jitlob li l-korruzzjoni li jkollha impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea tiġi kkunsidrata bħala frodi f'dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 325(5) TFUE u tiġi inkluża fir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Ġlieda kontra l-frodi;

14.

Jindika li r-rata ta’ kundanna fil-każijiet li jinvolvu reati kontra l-baġit tal-Unjoni tvarja konsiderevolment madwar l-Unjoni Ewropea bejn Stat Membru u ieħor, minn 14 % sa 80 %; jissottolinja li l-armonizzazzjoni tas-sistemi tad-dritt penali tal-Istati Membri għadha limitata waqt li hemm bżonn li l-kooperazzjoni ġudizzjarja tissaħħaħ; jappella għal leġiżlazzjoni Ewropea ambizzjuża u għal kooperazzjoni u koordinament aħjar bejn l-Istati Membri kollha biex jiġi żgurat li jiġu imposti sanzjonijiet serji fil-konfront ta' min iwettaq frodi u għad-deterrenza ta' mġiba frodulenti;

15.

Jirrikonoxxi l-fatt li l-ammont li għandu jiġi rkuprat b'segwitu għall-irregolaritajiet li ġew skoperti fl-2011 laħaq EUR 321 miljun, li minnhom EUR 166 miljun diġà ġew irkuprati mill-Istati Membri; jinnota f'dan ir-rigward li, fl-2011, ir-rata ta' rkupru għar-Riżorsi Proprji Tradizzjonali tjiebet biex laħqet it-52 %, meta mqabbla mar-rata ta' 46 % fl-2010;

16.

Jieħu inkonsiderazzjoni r-rapport tal-2011 tal-OLAF u l-ħarsa ġenerali li jagħti għall-progress li sar rigward azzjonijiet ġudizzjarji, fl-azzjonijiet maħluqa bejn l-2006 u l-2011, u l-fatt li, skont dan ir-rapport, aktar minn nofs l-azzjonijiet qed jistennew deċiżjoni ġudizzjarja (11); hu tal-opinjoni li għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-każijiet relatati mal-frodi fil-qasam doganali, li hu fost l-oqsma bl-ogħla rati ta' korruzzjoni sistemika fl-Ewropa;

17.

Jinnota bi tħassib li, minħabba l-kriżi ekonomika attwali, il-Kummissjoni ma tipprevedix żieda fil-finanzjament tal-UE għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri, bl-għan li jkun hemm protezzjoni aħjar tal-interessi finanzjarji tal-UE, bħala parti mill-istrateġija komprensiva u ġdida tagħha għall-UE; jikkunsidra li din l-istrateġija għandha tikkostitwixxi reazzjoni koerenti u komprensiva intiża sabiex tnaqqas il-kuntrabandu, iżżid id-dħul miġbur u għalhekk tiżgura li tali investiment jrendi fil-ġejjieni;

Dħul – Riżorsi proprji

18.

Ifakkar li l-ġbir kif suppost tal-VAT u tad-dazji doganali għandu influwenza diretta kemm fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri u kemm fuq il-baġit tal-UE, u li t-titjib tas-sistemi għall-ġbir tad-dħul u l-iżgurar li t-tranżazzjonijiet kollha jiġu formalment reġistrati u jinħarġu mill-ekonomija klandestina għandhom jingħataw l-akbar prijorità mill-Istati Membri kollha;

19.

Jenfasizza f'dan il-kuntest il-fatt li l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa jirrappreżentaw riskju ewlieni għall-finanzi pubbliċi tal-UE; jisħaq fuq il-fatt li hu stmat li kull sena fl-UE jintilfu EUR 1 triljun fi flus pubbliċi minħabba l-frodi fiskali u l-evitar tat-taxxa, li jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor spiża ta' EUR 2 000 fis-sena għal kull ċittadin Ewropew; jindika li l-medja tal-ammont ta' taxxa li jintilef fl-Ewropa llum il-ġurnata taqbeż l-ammont totali li l-Istati Membri jonfqu fil-kura tas-saħħa, u tammonta għal aktar minn erba' darbiet l-ammont li jintefaq fuq l-edukazzjoni fl-UE;

20.

Jisħaq fuq il-fatt li, minħabba l-mekkaniżmu għall-ibbilanċjar tal-baġit tal-UE bi dħul ibbażat fuq l-ING, kull euro li jintilef minħabba frodi doganali u frodi relatata mal-VAT irid jiġi kkumpensat miċ-ċittadini tal-UE; iqis li hu inaċċettabbli li dawk l-operaturi ekonomiċi li jwettqu attivitajiet frodulenti huma, fil-fatt, issussidjati mill-kontribwenti tal-UE; jenfasizza li l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa għandha tingħata l-akbar prijorità kemm mill-Kummissjoni u kemm mill-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu s-sistemi fiskali tagħhom aktar sempliċi u aktar trasparenti peress li jiġri spiss wisq li l-frodi fiskali tiġi ffaċilitata minn sistemi fiskali kumplessi u opaki;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-koordinament tagħha mal-Istati Membri sabiex tiġbor data affidabbli dwar id-distakk fl-oqsma tad-dwana u tal-VAT fil-pajjiżi rispettivi u biex tirrapporta b'mod regolari lill-Parlament f'dak ir-rigward;

22.

Jilqa' pożittivament il-fatt li 98 % taħt ir-Riżorsi Proprji Tradizzjonali ġew irkuprati mingħajr problemi partikolari, iżda jinnota varjazzjonijiet fil-prestazzjoni tal-Istati Membri fl-irkupru tat-2 % li jifdal (12);

Dwana

23.

Jenfasizza li, sa fejn għandhom x'jaqsmu r-Riżorsi Proprji Tradizzjonali, l-irkaptu mid-dazji doganali hu sors ta' introjtu importanti għall-gvernijiet tal-Istati Membri, li jżommu 25 % biex ikopru l-ispejjeż tal-ġbir; itenni li l-prevenzjoni effiċjenti ta’ irregolaritajiet u frodi f’dan il-qasam tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u għandha konsegwenzi importanti għas-suq intern, filwaqt li telimina l-vantaġġ inġust li jgawdu minnu l-operaturi ekonomiċi li jevitaw id-dazji fuq dawk li jikkonformaw mal-obbligi tagħhom f’dan ir-rigward; jisħaq fuq il-fatt li l-qalba tal-problema qiegħda fl-importazzjonijiet mhux iddikjarati jew dawk li jkunu ħarbu mis-sorveljanza doganali;

24.

Jinsab profondament imħasseb dwar il-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri li hemm insuffiċjenzi serji fis-superviżjoni doganali nazzjonali (13);

25.

Jisħaq fuq il-fatt li l-Unjoni Doganali hi qasam ta' kompetenza esklużiva tal-UE u li għaldaqstant il-Kummissjoni għandha l-obbligu li timplimenta l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet doganali fl-Istati Membri jaġixxu daqslikieku kienu entità waħda, u li twettaq monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom;

26.

Jipproponi li tiġi investigata l-possibilità li jitwaqqaf tim ta' uffiċjali doganali Ewropej li jkunu speċjalizzati fil-ġlieda kontra l-frodi, li kieku jkun jaħdem id f'id mal-awtoritajiet doganali nazzjonali;

27.

Ifakkar li 70 % tal-proċeduri doganali fl-UE huma ssemplifikati; jinsab profondament inkwetat minħabba s-sejbiet tal-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport Speċjali Nru 1/2010 tagħha, li żvela insuffiċjenzi serji f'dak il-qasam, waqt li indika eżerċizzji ta' awditjar foqra jew mhux iddokumentati sew, użu baxx tat-tekniki awtomatizzati għall-ipproċessar tad-data, użu eċċessiv tal-prattiki ta' semplifikazzjoni u awditjar ex post ta' kwalità baxxa;

28.

Jenfasizza li s-soluzzjonijiet informatiċi moderni u l-aċċess dirett għad-data huma kruċjali għall-funzjonament effikaċi tal-Unjoni Doganali; iqis li s-soluzzjonijiet eżistenti mhumiex sodisfaċenti; jinsab serjament imħasseb, b'mod partikolari, minħabba s-sejbiet fl-Ewwel Rapport ta' Attività tal-Eurofisc (14) għall-2011, li ġie ppubblikat f'Mejju 2012, li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-amministrazzjonijiet fiskali m'għandhom l-ebda aċċess dirett għad-data doganali u li għaldaqstant mhux possibbli li titwettaq kontroverifika awtomatizzata mad-data fiskali;

29.

Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni u l-Istati Membri ma kinux kapaċi jiżguraw implimentazzjoni f'waqtha tal-Kodiċi Doganali Modernizzat; jisħaq fuq il-fatt li hu stmat li l-benefiċċji finanzjarji li ntilfu minħabba d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-kodiċi doganali l-ġdid jammontaw għal madwar EUR 2,5 biljun fi ffrankar operattiv annwali fl-ispejjeż ta' konformità mal-iskema sħiħa, u għal massimu potenzjali ta' EUR 50 biljun fis-suq kummerċjali internazzjonali estiż (15); jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni ta' kemm se jiswa l-posponiment tal-applikazzjoni sħiħa tal-Kodiċi Doganali Modernizzat, li tkun tikkwantifika l-konsegwenzi baġitarji tat-tali posponiment;

30.

Jisħaq fuq il-bżonn li tiġi intensifika ulterjorment il-ġlieda kontra l-frodi relatata mad-dwana u jilqa’ l-ħolqien ta’ Sistema Kontra l-Frodi ta’ Informazzjoni dwar it-Tranżitu (ATIS), reġistru ċentrali mfassal bl-għan li jżomm lill-awtoritajiet rilevanti kollha informati dwar il-movimenti ta’ merkanzija fi tranżitu ġewwa l-UE;

31.

Jinkoraġġixxi, fid-dawl tas-suċċess tal-operazzjonijiet doganali konġunti mwettqa fl-2011 bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u xi pajjiżi mhux membri tal-UE, it-twettiq regolari ta' operazzjonijiet ta' dan it-tip immirati kontra l-kuntrabandu ta' prodotti sensittivi u l-frodi f'ċerti setturi ta' riskju għoli; jindika li l-operazzjonijiet doganali konġunti mwettqa fl-2011 irriżultaw fil-qbid ta' 1,2 miljuni sigaretti u fl-iskoperta ta' frodi fiskali u doganali b'valur ta' aktar minn EUR 1,7 miljun;

VAT

32.

Ifakkar li l-operazzjoni korretta tal-proċeduri doganali għandha konsegwenzi diretti għall-kalkolu tal-VAT; jiddeplora l-insuffiċjenzi li l-Qorti tal-Awdituri sabet f'dan il-qasam; jinsab profondament inkwetat, b'mod partikolari, mis-sejbiet tal-Qorti fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 13/2011 li l-applikazzjoni tal-proċedura doganali 42 (16) waħedha rrappreżentat fl-2009 telf estrapolat ta’ madwar EUR 2 200 miljun (17) fir-rigward tas-seba’ Stati Membri awditjati mill-Qorti, li jirrappreżentaw 29 % tal-VAT teoretikament applikabbli fuq l-ammont taxxabbli tal-importazzjonijiet kollha li saru taħt il-proċedura doganali 42 fl-2009 f’dawk is-seba' Stati Membri;

33.

Jinsab profondament imħasseb dwar kemm hi mifruxa l-frodi fil-qasam tal-VAT; jindika li, minn mindu ġiet introdotta l-VAT, il-mudell ta' kif għandha tinġabar baqa' ma nbidilx; jisħaq fuq il-fatt li dan il-mudell għadda żmienu, minħabba l-ħafna tibdil li seħħ fl-ambjent teknoloġiku u ekonomiku; jisħaq fuq il-fatt li l-inizjattivi fil-qasam tat-tassazzjoni diretta jirrikjedu deċiżjoni unanima tal-Kunsill; jiddeplora l-fatt li żewġ inizjattivi importanti mmirati lejn il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, i.e. il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta' mekkaniżmu ta' reazzjoni rapida kontra l-frodi tal-VAT (COM(2012)0428) u l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward applikazzjoni fakultattiva u temporanja tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fil-konfront ta’ fornimenti ta’ ċerti oġġetti u servizzi li jistgħu ikunu suġġetti għal frodi (COM(2009)0511), attwalment għadhom ibblukkati fil-Kunsill (18);

34.

Jindika l-ħtieġa li t-tranżazzjonijiet kummerċjali jiġu konnessi f'ħin reali mal-awtoritajiet tat-taxxi sabiex tiġi miġġielda l-evażjoni fiskali;

35.

Jemmen li l-eliminazzjoni tat-tranżazzjonijiet mhux reġistrati tista' tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-ammonti tal-VAT li ma jinġabrux;

Kuntrabandu ta' sigaretti

36.

Jirrikonoxxi l-fatt li l-kuntrabandu ta' prodotti b'taxxi għoljin jikkawza telf ta' dħul sinifikanti għall-baġits tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, u li t-telf dirett mid-dħul doganali bħala riżultat tal-kuntrabandu tas-sigaretti waħdu jammonta għal aktar minn EUR 10 biljun f'sena;

37.

Jenfasizza li l-kuntrabandu ta' sigaretti jservi ta' sors importanti ta' finanzjament għall-organizzazzjonijiet kriminali bi struttura internazzjonali, u jevidenzja, għalhekk, l-importanza li tissaħħaħ id-dimensjoni esterna tal-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni għall-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigaretti u tal-alkoħol tul il-fruntiera tal-Lvant tal-UE, li jipprovdi appoġġ għall-kapaċità ta’ infurzar fil-pajjiżi ġirien, billi joffri assistenza teknika u taħriġ, iqajjem kuxjenza, jintensifika l-kooperazzjoni operattiva, bħall-Operazzjonijiet Doganali Konġunti, kif ukoll jikkondivi l-informazzjoni u jsaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali; jisħaq, b’mod partikolari, fuq l-importanza ta' kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri, ir-Russja u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Bjelorussja, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina) għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet immirati proposti fil-pjan ta’ azzjoni;

38.

Jirrikonoxxi l-fatt li l-fruntiera tal-Lvant tirrappreżenta żona ġeografika partikolarment vulnerabbli f'dan il-kuntest; jilqa' pożittivament il-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni tal-pjan ta' azzjoni għall-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigaretti u tal-alkoħol tul il-fruntiera tal-Lvant tal-UE;

39.

Jilqa' pożittivament l-attivitajiet tal-OLAF fl-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni msemmi hawn fuq; jilqa' pożittivament, b'mod partikolari, l-eżitu pożittiv tal-Operazzjoni “Barrel” li involviet il-kooperazzjoni ta' 24 Stat Membru, in-Norveġja, l-Isvizzera, il-Kroazja u t-Turkija, kif ukoll l-appoġġ attiv tad-DĠ għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, tal-Europol, ta' Frontex u tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali, u li rriżultat biex inqabdu u nżammu 1,2 miljuni sigaretti;

40.

Jilqa' pożittivament l-adozzjoni nhar it-12 ta' Novembru 2012 tal-Protokoll dwar l-eliminazzjoni tal-kummerċ illeċitu fil-prodotti tat-tabakk waqt il-ħames sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk;

Nefqa

41.

Ifakkar li 94 % tal-baġit tal-UE jiġi investit fl-Istati Membri, u li, f'dawn iż-żminijiet ta' diffikultà ekonomika, hu ta' importanza vitali li l-flus kollha jintefqu tajjeb; jikkunsidra, għalhekk, li l-ġlieda kontra l-frodi fil-konfront tal-baġit tal-UE fil-programmi ta' finanzjament kollha kemm huma sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru tal-fondi mitlufin trid tkun prijorità, sabiex jiġi żgurat li l-baġit tal-UE jintefaq fuq l-objettivi ewlenin tagħha, bħall-ħolqien tax-xogħol u t-tkabbir;

42.

Jiddeplora l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-irregolaritajiet fl-infiq tal-UE ssir fil-livell nazzjonali;

43.

Jenfasizza l-fatt li aktar trasparenza li tippermetti skrutinju xieraq hi fundamentali biex jiġu skoperti l-każijiet ta' frodi; ifakkar li, fis-snin preċedenti, il-Parlament ħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tiżgura li jkun hemm post wieħed fejn dak li jkun isib l-informazzjoni kollha relatata mat-trasparenza tal-benefiċjarji tal-fondi tal-UE; jiddispjaċih li din il-miżura ma ġietx implimentata; itenni għalhekk it-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tiddisinja miżuri biex tiżdied it-trasparenza tal-arranġamenti legali u sistema li telenka l-benefiċjarji kollha tal-fondi tal-UE fuq l-istess websajt, indipendentement minn min ikun qed jamministra l-fondi u li tkun ibbażata fuq kategoriji standard fir-rigward tal-informazzjoni li trid tiġi pprovduta mill-Istat Membri kollha f’mill-inqas lingwa ta' ħidma waħda tal-Unjoni; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw mal-Kummissjoni u jipprovdulha informazzjoni sħiħa u affidabbli dwar il-benefiċjarji tal-fondi tal-UE mmaniġġjati mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta s-sistema ta' 'ġestjoni kondiviża' u tipprovdi lill-Parlament b’rapport dwarha bħala kwistjoni ta' prijorità;

Agrikoltura

44.

Jilqa' pożittivament il-fatt li l-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja u l-Finlandja tejbu l-konformità tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam ma' rapportar konsistenti, u li r-rata ta' konformità globali għall-UE27 hi madwar 93 %, li tirrappreżenta żieda meta mqabbla mar-rata tal-2010 ta' 90 %;

45.

Jisħaq madankollu fuq il-fatt li, peress li ġew irrapportati minn tal-anqas 20 miljun każ ta’ korruzzjoni minuri fis-settur pubbliku fl-UE, huwa ovvju li l-fenomenu għandu wkoll effett konsekwenzjali fl-oqsma tal-amministrazzjoni pubblika fl-Istati Membri (u fir-rigward tal-politiċi korrispondenti) li għandhom ir-responsabilità għall-ġestjoni tal-fondi tal-UE u interessi finanzjarji oħra (19); jindika li l-għadd ta' irregolaritajiet li ġew irrapportati bħala frodulenti fl-agrikoltura fl-2011 – total ta' 139 – ma jirriflettix il-qagħda reali; jindika li l-Kummissjoni esprimiet it-tħassib tagħha, indirizzat lejn l-Istati Membri, li jista' jkun li l-figuri ta' frodi rrapportati mhumiex kompletament affidabbli – xi ħaġa li l-Kummissjoni stess tirrikonoxxi meta tenfasizza l-għadd żgħir ta’ każijiet ta’ frodi rrapportati fi wħud mill-Istati Membri; jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni u kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fl-Istati Membri sabiex jirreaġixxu għall-każijiet ta' frodi u jirrapportawhom lill-Kummissjoni;

46.

Jibqa' mħasseb dwar il-fatt li Franza, il-Ġermanja, Spanja u r-Renju Unit rrapportaw rati ta' frodi li tant huma baxxi li jqanqlu s-suspetti, speċjalment meta jitqiesu d-daqs ta' dawn il-pajjiżi u l-ammont ta' appoġġ finanzjarju li jirċievu; jiddispjaċih li, fir-rapport annwali tagħha, il-Kummissjoni ma tatx tweġiba definittiva għall-mistoqsija dwar jekk ir-rati baxxi ta' frodi ssuspettata li ġew irrapportati minn Franza, il-Ġermanja, Spanja u r-Renju Unit humiex ir-riżultat ta' nuqqas ta' konformità mal-prinċipji ta' rapportar jew tal-kapaċità tas-sistemi ta' kontroll implimentati f'dawn l-Istati Membri biex jiskopru l-frodi; jistieden lill-Istati Membri msemmija hawn fuq jipprovdu spjegazzjonijiet dettaljati u komprensivi malajr kemm jista' jkun dwar ir-rati baxxi ta' frodi ssuspettata li rrapportaw;

47.

Jinnota li l-għadd żgħir ta’ każijiet ta’ frodi rappurtati fi wħud mill-Istati Membri jista' jiġi spjegat bil-fatt li dak li fi Stat Membru wieħed huwa kkunsidrat bħala frodi, f'ieħor mhux neċessarjament jitqies bħala illeċitu, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tidentifika u tipprovdi kjarifika f’tali ċirkostanzi, billi tistandardizza l-kriterji għad-definizzjoni tal-frodi u tgħaddihom lill-Istati Membri kollha;

48.

Jistieden lill-Kummissjoni teżamina s-sistema għar-rapportar ta' frodi u tarmonizza l-prattiki użati fl-Istati Membri sabiex jirreaġixxu għall-każijiet ta' frodi u jirrapportawhom lill-Kummissjoni; hu tal-fehma li l-għan hu li l-investigazzjonijiet isiru aktar effiċjenti, waqt li fl-istess ħin jingħata kontribut biex jiġu ċċarati d-drittijiet proċedurali tal-persuni kkonċernati;

49.

Jindika li, sabiex ikun hemm prevenzjoni ta' użu frodulenti tal-fondi tal-PAK fil-ġejjieni, mhux talli għandu jkun hemm approċċ statistiku għall-problema imma għandu jkun hemm ukoll analiżi tal-mekkaniżmi wara l-frodi, b'mod partikolari fil-każijiet serji; jikkunsidra, bl-istess mod, li l-Istati Membri għandhom jirrapportaw kwalunkwe irregolarità li jkunu skoprew lill-Kummissjoni, u li l-irregolaritajiet li jiġu rrapportati bħala frodulenti għandhom jiġu soġġetti għal analiżi stretta;

50.

Jindika li, permezz ta' emenda għall-Artikolu 43 tar-regolament orizzontali aġġornat, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tnaqqas jew tissospendi l-pagamenti ta’ kull xahar jew il-pagamenti interim lil Stat Membru jekk komponent jew diversi komponenti fundamentali tas-sistema ta' kontroll nazzjonali kkonċernata ma jkunux jeżistu jew ma jkunux effikaċi minħabba l-gravità jew il-persistenza tal-insuffiċjenzji misjuba, jew jekk il-pagamenti irregolari ma jkunux qed jiġu rkuprati bid-diliġenza meħtieġa, u jekk:

(a)

jew l-insuffiċjenzi msemmija hawn fuq ikunu ta’ natura kontinwa u kienu r-raġuni għal mill-inqas żewġ atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 54 ta' dak ir-regolament, bl-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni n-nefqa relevanti tal-Istat Membru kkonċernat;

(b)

jew il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Istat Membru konċernat ma jkunx f’qagħda li jimplimenta l-miżuri ta' rimedju meħtieġa fil-futur immedjat, bi qbil ma' pjan ta' azzjoni b'indikaturi ċari ta' progress li għandhom jiġu stabbiliti b'konsultazzjoni mal-Kummissjoni;

51.

Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-ammont akkumulat pendenti tal-FAEG li kien għad irid jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarji sa tmiem is-sena finanzjarja 2011 kien jammonta għal EUR 1,2 biljun.

52.

Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi kollha meħtieġa biex timplimenta sistema effikaċi ta’ rkupru li tikkunsidra l-iżviluppi fil-qafas tar-riforma attwali u, fir-rapport tagħha tas-sena d-dieħla dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, tinforma lill-Parlament Ewropew dwar il-progress li jkun sar;

53.

Jenfasizza li l-introduzzjoni mill-ġdid ta' proċedura għar-“reati minuri” għandha titkompla, u li m'hemmx għalfejn jiġi mfittex l-irkupru skont l-Artikolu 56(3) tar-regolament orizzontali aġġornat meta l-ispejjeż li jkunu diġà ġġarrbu, flimkien mal-ispejjeż probabbli għall-irkupru, ikunu jaqbżu l-ammont li jrid jiġi rkuprat; jistieden lill-Kummissjoni tqis, fl-interessi tas-semplifikazzjoni amministrattiva fil-livell lokali, li din il-kundizzjoni tkun ġiet sodisfatta jekk l-ammont li jrid jiġi rkuprat mill-benefiċjarju fil-kuntest ta' pagament uniku ma jkunx aktar minn EUR 300; jindika li t-tnaqqis tal-piż amministrattiv li jseħħ jekk ma jiġix imfittex l-irkupru ta' ammonti żgħar u ammonti żgħar ħafna jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jinvestigaw l-irregolaritajiet aktar serji b'mod aktar effiċjenti u jieħdu l-azzjoni xierqa kontrihom;

54.

Jindika li, bħala reazzjoni għall-awditjar tal-proċeduri ta’ approvazzjoni tal-konformità li sar fil-qasam tal-agrikoltura, il-Kummissjoni wettqet korrezzjonijiet finanzjarji li jammontaw għal EUR 822 miljun; jindika, barra minn hekk, li l-valur totali tal-korrezzjonijiet deċiżi kien ta' EUR 1 068 miljun; jinnota bi tħassib li, fl-2011, ir-rata ta' rkupru għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali naqset għal 77 % meta mqabbla mar-rata ta' 85 % fl-2010;

55.

Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni għall-modi kif jistgħu jiġu ottimizzati l-proċeduri ta' rimborż, li għadhom relattivament twal;

Politika ta’ koeżjoni

56.

Jilqa' pożittivament il-fatt li, fl-2011, il-Kummissjoni lestiet korrezzjonijiet finanzjarji li ammontaw għal EUR 624 miljun minn total ta' EUR 673 miljun u li r-rata ta' rkupru għall-Politika ta' Koeżjoni tjiebet biex laħqet it-93 % meta mqabbla mar-rata ta' 69 % fl-2010; jenfasizza, madankollu, li r-rata kumulattiva ta' implimentazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji tammonta biss għal 72 % u għad fadal EUR 2,5 biljun x'jiġu rkuprati;

57.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissemplifikaw ir-regoli rilevanti dwar l-akkwist pubbliku u r-regoli proċedurali għall-ġestjoni tal-Fondi Strutturali;

58.

Jinnota li ċerti Stati Membri kbar bħal Franza rrapportaw li l-ebda irregolarità ma kienet frodulenti fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni fl-2011; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga r-raġunijiet għal dan u tistabbilixxi jekk is-sistemi ta' superviżjoni u kontroll fl-Istati Membri li ma rrapportaw l-ebda frodi humiex qed jiffunzjonaw b'mod effikaċi;

59.

Jilqa' pożittivament il-fatt li Franza kienet kapaċi tiffinalizza l-implimetazzjoni tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet;

Relazzjonijiet esterni, għajnuna u tkabbir

60.

Jinnota bi tħassib li, fil-Kapitolu 7 (“Relazzjonijiet Esterni, għajnuna u tkabbir”) tar-Rapport Annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena 2011, il-Qorti indikat xi żbalji fil-pagamenti finali li ma ġewx skoperti mill-kontrolli tal-Kummissjoni, u kkonkludiet li l-kontrolli applikati mill-Kummissjoni mhumiex totalment effikaċi; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri u l-opinjoni ta’ kwittanza bl-għan li ttejjeb il-mekkaniżmi ta' monitoraġġ tagħha sabiex tiżgura l-infiq effiċjenti u xieraq tal-fondi;

61.

Jissuġġerixxi li s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li għandhom x'jaqsmu mal-azzjonijiet esterni tal-UE, u b'mod partikolari mal-missjonijiet tal-UE, jitqiesu meta jkun qed jiġi eżaminat mill-ġdid il-progress tagħhom fil-konfront tal-objettivi stabbiliti jew meta tkun qed tiġi kkunsidrata l-estensjoni tal-mandat tagħhom, b'mod li jiġi żgurat l-użu effikaċi u xieraq tar-riżorsi pprovduti; jinnota l-osservazzjoni dwar ċerti dgħufijiet relatati mal-proċeduri ta' akkwist u l-preżentazzjoni ta' offerti fl-azzjonijiet tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u jitlob lis-SEAE jikkorreġihom fi żmien debitu;

62.

Jilqa' pożittivament il-politiki kontra l-frodi fil-livell tal-UE li jinkludu livell ogħla ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, bħas-Sistema Kontra l-Frodi ta’ Informazzjoni dwar it-Tranżitu (li għandhom aċċess għaliha l-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles), l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka u d-dispożizzjonijiet relatati kontra l-frodi li jinvolvu pajjiżi terżi, l-Operazzjonijiet Doganali Konġunti li seħħew fl-2011, bħal 'Fireblade' (mal-Kroazja, l-Ukraina u l-Moldova) u 'Barrel' (mal-Kroazja, it-Turkija, in-Norveġja u l-Isvizzera); jilqa' pożittivament ir-riżultati ta' dawn l-azzjonijiet u l-impatt finanzjarju tagħhom;

63.

Jisħaq fuq l-importanza, filwaqt li jżomm f’moħħu li, f’dinja globalizzata, il-frodi qed titwettaq dejjem iktar bejn il-fruntieri internazzjonali, ta' qafas legali b’saħħtu b’impenji ċari mill-pajjiżi sħab u jilqa' pożittivament l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet kontra l-frodi fil-ftehimiet bilaterali ġodda jew li jkunu ġew innegozjati mill-ġdid, inklużi l-abbozzi ta’ ftehim mal-Afganistan, il-Kazakistan, l-Armenja, l-Azerbajġan u l-Ġeorġja u, f’verżjoni iktar simplifikata, mal-Awstralja, u jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiżviluppaw klawsola standard li permezz tagħha dawn id-dispożizzjonijiet jiġu inklużi fil-ftehimiet bilaterali u multilaterali kollha ma' pajjiżi terzi, kemm dawk li jkunu ġodda u kemm dawk li jkunu ġew innegozjati mill-ġdid;

64.

Jieħu nota tat-tnaqqis fl-għadd u l-impatt finanzjarju tal-irregolaritajiet skoperti fir-rigward tal-fondi ta' qabel l-adeżjoni eżaminati fir-rapport tal-2011; jilqa' pożittivament il-fatt li r-rata ta' rkupru tar-riżorsi tal-UE li tħallsu b'mod mhux dovut bħala parti mill-assistenza ta' qabel l-adeżjoni tjiebet b'mod sinifikanti, iżda jinnota li għadha qed tilħaq biss is-60 %; jirrikonoxxi, fl-istess ħin, li jeżistu differenzi sinifikanti bejn il-benefiċjarji f'termini tal-irregolaritajiet irrapportati, li l-għadd tagħhom jiddependi prinċipalment fuq l-istadju ta' adozzjoni u implimentazzjoni tas-Sistema ta' Ġestjoni tal-Irregolaritajiet; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tkompli twettaq monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni tas-Sistema ta' Ġestjoni tal-Irregolaritajiet fil-pajjiżi kollha li jibbenefikaw mill-istrument; jappoġġa t-talba tal-Kummissjoni biex il-Kroazja, b’mod partikolari, timplimenta kompletament is-Sistema ta' Ġestjoni tal-Irregolaritajiet, talba li għad trid tittieħed azzjoni dwarha allavolja ġew ipprovduti t-taħriġ u l-appoġġ, kif ukoll it-talba tagħha biex dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja timplimenta s-sistema; jinnota li, mill-każijiet li ġew irrapportati fl-2011, ġew irkuprati EUR 26 miljun;

65.

Jilqa' pożittivament l-objettiv tal-Kummissjoni li tappoġġa lill-Kroazja u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw is-Sistema ta' Ġestjoni tal-Irregolaritajiet;

OLAF

66.

Itenni li hemm bżonn li jitkompla t-tisħiħ tal-indipendenza, l-effikaċja u l-effiċjenza tal-OLAF, inklużi l-indipendenza u l-funzjonament tal-Kumitat Superviżorju tal-OLAF; jistieden lill-OLAF u lill-Kumitat Superviżorju jieħdu passi bl-intenzjoni li jtejbu r-relazzjoni ta' ħidma bejniethom, li, f'rapport mill-Kumitat tal-UE tal-House of Lords tar-Renju Unit, ġiet deskritta bħala waħda ta' ostilità miftuħa, b'mod partikolari minħabba n-nuqqas ta' qbil bejn dawk ikkonċernati rigward in-natura eżatta tar-rwol tal-Kumitat Superviżorju; jistieden lill-Kummissjoni tesplora modi kif tista' tipprovdi kontribut kostruttiv fir-rigward tat-titjib tal-komunikazzjoni u tar-relazzjonijiet ta' ħidma bejn l-OLAF u l-Kumitat Superviżorju tiegħu;

67.

Jilqa' pożittivament il-progress li sar fin-negozjati rigward il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (Euratom) Nru 1074/1999 (COM(2011)0135); jikkunsidra li dan ir-regolament għandu jiġi adottat malajr kemm jista' jkun; jinsab konvint madankollu li, fid-dawl tal-aħħar żviluppi fir-rigward tal-OLAF u l-mod kif tmexxew l-investigazzjonijiet tiegħu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Superviżorju, stipulati fl-Anness 3 għar-Rapport Annwali tal-Attività tiegħu tal-2012; iqis li hu inaċċettabbli li l-Kumitat Superviżorju, bħala l-entità li tissorvelja l-applikazzjoni tal-garanziji proċedurali, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-konformità mill-persunal tal-OLAF mar-regoli interni rigward il-proċeduri investigattivi, f'għadd ta' każijiet ma ngħatax aċċess dirett għall-fajls tal-każijiet f'investigazzjonijiet magħluqa, inklużi r-rapporti finali dwar l-investigazzjonijiet li jiġu trażmessi lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali;

68.

Jinnota li r-riforma futura msemmija hawn fuq se tippermetti, inter alia, li l-OLAF jikkonkludi arranġamenti amministrattivi mal-awtoritajiet rilevanti f'pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, biex b'hekk tissaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jindirzza l-frodi fl-oqsma li għandhom x'jaqsmu mad-dimensjoni tal-politika esterna tal-UE; jilqa' pożittivament l-istrateġija kontra l-frodi (COM(2011)0376), inter alia fir-rigward tal-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet imtejba kontra l-frodi fil-programmi ta' nfiq fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid għall-perjodu 2014-2020; jinnota bi tħassib, madankollu, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li m'hemmx biżżejjed deterrenti kontra użu ħażin tal-baġit tal-UE b'finijiet kriminali fl-Istati Membri; jilqa' pożittivament il-proposti tal-Kummissjoni biex tiġi indirizzata din il-problema u jirrakkomanda li anke l-pajjiżi terzi benefiċjarji għandhom jiġu involuti bl-aktar mod sħiħ possibbli;

69.

Jieħu nota tat-tħassib imqajjem mill-Kumitat Superviżorju tal-OLAF fir-Rapport ta' Attività tiegħu għall-2012, b'mod speċjali fir-rigward tal-każ trażmess f'Ottubru 2012 lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali u li wassal għar-riżenja ta' membru tal-Kummissjoni Ewropea, kif affermat fil-paragrafu 29 tar-rapport imsemmi hawn fuq; hu tal-opinjoni li dan it-tħassib għandu jkun is-suġġett ta' eżami komprensiv mill-awtoritajiet ġudizzjarji responsabbli; jenfasizza l-prinċipju tar-rispett tal-kunfidenzjalità u l-importanza li ma jkunx hemm interferenza politika fi kwalunkwe proċedimenti ġuridiċi li jkunu għaddejjin;

70.

Jinsab profondament imħasseb dwar ir-rapportar tal-Kumitat Superviżorju tal-OLAF; iqis li hu inaċċettabbli li l-OLAF wettaq miżuri investigattivi li jmorru lil hinn minn dawk elenkati b'mod espliċitu fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 dwar l-OLAF li hu attwalment fis-seħħ, u lil hinn minn dawk inklużi fit-test tar-riforma għall-ġejjieni; jinnota li l-miżuri investigattivi msemmijin qabel jinkludu: it-tħejjija tal-kontenut ta' konverżazzjoni telefonika li kellu jkollha parti terza ma' persuna soġġetta għall-investigazzjoni; il-preżenza matul it-tali konverżazzjoni u l-irrekordjar tagħha; u t-talba lill-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali biex l-OLAF jingħata informazzjoni mhux direttament miżmuma minnhom u li tista' tiġi kkunsidrata bħala relatata mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u l-komunikazzjonijiet, jew mal-użu, il-ġbir u l-ħżin sussegwenti tat-tali informazzjoni mill-OLAF;

71.

Jinsab maħsud mit-tali azzjonijiet peress li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-użu tat-tali metodi jista' jitqies bħala “indħil minn awtorità pubblika” fl-eżerċitar tad-dritt għar-rispett għall-“ħajja privata”, għall-“korrispondenza” u/jew għall-“kommunikazzjonijiet”, li hu rikjest li “jkun skont il-liġi” (l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE li jikkorrispondi mal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem);

72.

Itenni li ma jista' jiġi aċċettat l-ebda ksur tad-drittijiet fundamentali mill-OLAF jew minn kwalunkwe servizz ieħor tal-Kummissjoni; jirreferi f'dan ir-rigward għall-fehma tal-Kumitat Superviżorju tal-OLAF, kif ġiet espressa fir-Rapport ta' Attività tiegħu għall-2012, fl-Anness 3, li jista' jkun li l-OLAF mar lil hinn mill-miżuri investigattivi espliċitament elenkati fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament attwalment fis-seħħ, inter alia, fir-rigward tat-tħejjija tal-kontenut ta' konverżazzjoni telefonika għal terza persuna ma' persuna soġġetta għall-investigazzjoni u l-preżenza waqt dik il-konverżazzjoni, li ġiet irrekordjata; jistenna li l-OLAF jipprovdi spjegazzjoni sodisfaċenti tal-bażi legali għall-miżuri investigattivi tiegħu bħall-irrekordjar ta' konverżazzjonijiet telefoniċi;

73.

Jilqa' pożittivament id-dikjarazzjoni li saret fir-Rapport ta' Attività tal-Kumitat Superviżorju għall-2012 (paragrafu 53) li l-azzjonijiet kollha għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-OLAF ġew irrifjutati bħala inammissibbli mill-Qorti tal-Ġustizzja, waqt li l-Ombudsman ma sab l-ebda każ ta' amministrazzjoni ħażina; jindika ulterjorment il-fatt li l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) sab li l-OLAF ġeneralment ikkonforma mar-regoli rigward il-protezzjoni tad-data, bl-eċċezzjoni ta' każ wieħed fejn il-KEPD ikkunsidra li l-OLAF kiser id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali billi kixef l-identità ta' żvelatur lill-istituzzjoni tiegħu bla bżonn;

74.

Jitlob lill-OLAF jinforma lill-kumitat kompetenti tal-Parlament bil-bażi ġuridika li tawtorizzah jipparteċipa fl-assistenza u fit-tħejjija tar-reġistrazzjonijiet tal-konversazzjonijiet telefoniċi ta' privati mingħajr l-awtorizzazzjoni preliminari tagħhom u juża l-kontenut għal skopijiet ta' investigazzjonijiet amministrattivi; itenni l-appell tiegħu lill-OLAF biex iforni lill-Parlament – b'mod konformi ma' talba analoga mingħand il-Kunsill – b'analiżi ġuridika tal-leġittimità ta' tali reġistrazzjonijiet fl-Istati Membri;

75.

Jinsab profondament imħasseb dwar is-sejbiet tal-Kumitat Superviżorju li l-OLAF ma kienx stabbilixxa kontroll tal-legalità minn qabel għall-miżuri investigattivi l-oħra apparti dawk speċifikament elenkati fl-Istruzzjonijiet lill-Persunal dwar Proċeduri Investigattivi (IPPI); jinnota li dan jipperikola r-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati u l-garanziji proċedurali li għandhom x'jaqsmu ma' dawn il-persuni;

76.

Jinnota li l-ksur tar-rekwiżiti proċedurali essenzjali matul l-investigazzjonijiet preparatorji jista' jolqot il-legalità tad-deċiżjoni finali li tittieħed abbażi tal-investigazzjonijiet mill-OLAF; jivvaluta li potenzjalment dan jirrappreżenta riskju għoli, peress li għaldaqstant il-ksur kieku jinvolvi r-responsabilità ġuridika tal-Kummissjoni; jistieden lill-OLAF jaffronta minnufih dan in-nuqqas billi jassenja l-kompitu tat-twettiq ta' verifiki minn qabel fi żmien xieraq lil esperti ġudizzjarji kkwalifikati kif jixraq;

77.

Iqis li l-parteċipazzjoni diretta tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF f'xi kompiti investigattivi, inter alia l-intervisti tax-xhieda, hi inaċċettabbli; jindika li, b'hekk, id-Direttur Ġenerali jkun qed jidħol f'kunflitt ta' interess, peress li, skont l-Artikolu 90(a) tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 23(1) tal-IPPI, hu l-awtorità li jirċievi l-ilmenti kontra l-investigazzjonijiet tal-OLAF u jiddeċiedi dwar jekk għandhiex tittieħed jew le azzjoni xierqa fir-rigward ta' kwalunkwe nuqqas ta' rispett tal-garanziji proċedurali; jistieden lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF joqgħod lura minn kull involviment dirett fil-kompiti investigattivi fil-ġejjieni;

78.

Jinsab inkwetat dwar il-fatt li l-OLAF mhux dejjem wettaq valutazzjoni komprensiva tal-informazzjoni li rċieva fir-rigward tal-kunċett ta' suspett serju biżżejjed; jikkunsidra li valutazzjoni ta' dan it-tip hi essenzjali għas-salvagwardja u l-konsolidament tal-indipendenza tal-OLAF fil-konfront tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji u l-gvernijiet, meta xi ħadd minnhom ikunu oriġina r-riferiment;

79.

Hu tal-opinjoni li l-Kumitat Superviżorju għandu dejjem jiġi informat mill-OLAF meta dan jirċievi lment relatat mad-drittijiet fundamentali u l-garanziji proċedurali;

80.

Jistenna li tingħata informazzjoni ulterjuri dwar il-punti msemmija fir-rapport annwali tal-Kumitat Superviżorju; iħeġġeġ biex, fir-rigward tal-punti kollha li ssemmew, ikun hemm trasparenza sħiħa;

81.

Jiddispjaċih li, bejn l-2006 u l-2011, l-Istati Membri ħadu azzjoni ġudizzjarja b'segwitu għall-investigazzjonijiet tal-OLAF f'46 % tal-każijiet biss; hu tal-opinjoni li dan mhux biżżejjed u jtenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw l-implimentazzjoni effikaċi u f’waqtha tar-rakkomandazzjonijiet li jsiru ladarba l-każijiet ikunu ġew investigati mill-OLAF;

82.

Jikkunsidra li l-Istati Membri għandhom ikunu obbligati jirrapportaw, fuq bażi annwali, dwar is-segwitu li jkun ingħata għall-każijiet riferuti mill-OLAF lill-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom, u anke dwar is-sanzjonijiet penali u finanzjarji imposti fil-każijiet ta' dan it-tip;

83.

Jinsab imħasseb dwar ir-rimarki fir-rapport annwali tal-Kumitat Superviżorju li jistqarru li m'hemm l-ebda data dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF fl-Istati Membri; jikkunsidra li din is-sitwazzjoni mhix waħda sodisfaċenti u jistieden lill-OLAF jiżgura li l-Istati Membri jipprovdu data rilevanti u dettaljata dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF u li l-Parlament Ewropew jinżamm informat;

84.

Jirrikonoxxi l-fatt li, b'segwitu għall-investigazzjonijiet tal-OLAF, fl-2011 ġew irkuprati EUR 691,4 miljun, li EUR 389 miljun minnhom huma relatati ma' każ wieħed fir-reġjun tal-Kalabrija fl-Italja li jinolvi l-programmi tal-fondi strutturali għall-finanzjament ta' xogħlijiet fit-toroq;

85.

Jitlob li l-frodi jew l-irregolaritajiet potenzjali li jkollhom anqas impatt finanzjarju – fl-oqsma bħad-dwana (fejn il-limitu minimu biex l-OLAF jieħu azzjoni hu ta' EUR 1 miljun) u l-fondi strutturali (fejn il-limitu minimu hu ta' EUR 500 000) – jiġu rrapportati lill-Istati Membri u li dawn jiġu pprovduti bl-informazzjoni u jingħataw l-opportunità li jsegwu l-proċeduri nazzjonali kontra l-frodi;

86.

Jinsab profondament imħasseb rigward l-effikaċja u l-funzjonament intern tal-OLAF, waqt li jikkunsidra li OLAF b'saħħtu u ġestit sew hu essenzjali fil-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni fejn għandhom x'jaqsmu flus il-kontribwenti Ewropej; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-kumitat kompetenti tal-Parlament u meta tkun qed twieġeb il-mistoqsijiet tiegħu, tanalizza l-legalità tal-operazzjonijiet tal-OLAF, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa għat-titjib tal-ġestjoni tal-OLAF, u tifformula soluzzjonijiet prattiċi bħala rimedju għan-nuqqasijiet qabel l-aħħar tal-2013; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, saffrattant, iwaqqfu d-dikussjonijiet u d-deċiżjonijiet kollha dwar l-introduzzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew;

L-inizjattivi tal-Kummissjoni fil-qasam tal-attività kontra l-frodi

87.

Jilqa' pożittivament il-fatt li, bħala reazzjoni għat-talba tal-Parlament, il-Kummissjoni attwalment qed tiżviluppa metodoloġija biex tkejjel kemm tiswa' l-korruzzjoni fil-proċeduri ta' akkwist pubbliku li jikkonċernaw il-fondi tal-UE;

88.

Jilqa' pożittivament l-inizjattiva fil-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2012 għal protezzjoni aħjar tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u l-komunikazzjoni għal dak il-għan dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea permezz tal-liġi kriminali u l-investigazzjonijiet amministrattivi; jisħaq fuq il-fatt li din l-inizjattiva hi mmirata lejn it-tqawwija tas-sanzjonijiet kontra l-attivitajiet kriminali, inkluża l-korruzzjoni, u lejn it-tisħiħ tal-protezzjoni finanzjarja tal-Unjoni Ewropea;

89.

Jilqa' pożittivament l-Istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi (COM(2011)0376) u l-Pjan ta' Azzjoni Intern (SEC(2011)0787) għall-implimentazzjoni tagħha li ġie adottat f'Ġunju 2011, li huma mmirati lejn it-titjib tal-prevenzjoni u l-iskoperta tal-frodi fil-livell tal-UE; jistieden f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni tirrapporta dwar l-istrateġiji kontra l-frodi stabbiliti f'kull Direttorat Ġenerali u tivvalutahom;

90.

Jilqa' pożittivament il-Proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (COM(2012)0363 – il-proposta għad-Direttiva PIF), li għandha tissostitwixxi l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej u l-protokolli li jakkumpanjawha;

91.

Jilqa' pożittivament, b'mod partikolari, il-fatt li d-definizzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni fil-proposta għad-Direttiva PIF tħaddan il-VAT, bi qbil mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, li kkonfermat (20) li hemm rabta diretta bejn, minn naħa, il-ġbir tad-dħul mit-Taxxa fuq il-Valur Miżjud b'mod konformi mad-dritt applikabbli tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, id-disponibilità għall-baġit tal-Unjoni tar-riżorsi korrispondenti mit-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, peress li kwalunkwe nuqqas fil-ġbir tal-ewwel waħda jista' potenzjalment iwassal għal tnaqqis fit-tieni waħda;

92.

Jilqa' pożittivament il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-programm Hercule III għall-promozzjoni ta’ attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (COM(2011)0914), li se jkun is-suċċessur tal-programm Hercule II, li l-valutazzjoni ta' nofs it-terminu tiegħu xehdet għall-valur miżjud tiegħu;

93.

Jinnota li, għalkemm il-Kummissjoni qed tiegħu dawn l-inizjattivi pożittivi kollha, attwalment il-biċċa l-kbira tal-politiki li qed jitmexxew kontra l-korrezzjoni hi passiva; jistieden lid-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni jsaħħu l-prevenzjoni tal-frodi fl-oqsma ta' responsabilità rispettiva tagħhom;

94.

Jistenna bil-ħerqa li l-Kummissjoni tressaq il-proposta leġiżlattiva dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, li se jkun responsabbli biex min jagħmel ħsara għall-assi ġestiti mill-UE jew f'isimha jiġi investigat, jiġi mħarrek u jinġieb quddiem il-ġustizzja, skont kif ħabbret il-Kummissjoni għal Ġunju 2013;

o

o o

95.

Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Kumitat tas-Sorveljanza tal-OLAF u lill-OLAF.


(1)  http://ec.europa.eu/anti_fraud/documents/reports-commission/2011/report_mt.pdf

(2)  http://ec.europa.eu/anti_fraud/documents/reports-olaf/2011/olaf_report_2011_en.pdf

(3)  ĠU C 344, 12.11.2012, p. 1.

(4)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(5)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

(6)  Testi adottati, P7_TA(2012)0196.

(7)  ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 121.

(8)  ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 62

(9)  Parlament Ewropew, Studju dwar id-deterrenza tal-frodi b’fondi tal-UE permezz tal-ġurnaliżmu investigattiv fl-UE27, 2012, p. 71

(10)  ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 40.

(11)  OLAF, Rapport Annwali tal-2011, tabella 6, p. 22.

(12)  Studju kkummissjonat mill-Parlament dwar id-differenzi fil-prestazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri fl-irkupru tar-riżorsi proprji tradizzjonali tal-Unjoni Ewropea.

(13)  Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2011, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet.

(14)  Netwerk għall-iskambju rapidu ta’ informazzjoni mmirata bejn l-Istati Membri, stabbilit abbażi tar-Regolament (UE) Nru 904/2010.

(15)  Studju tal-Parlament Ewropew dwar il-Pjan Direzzjonali lejn is-Suq Uniku Diġitali disponibbli hawn: http://www.europarl.europa.eu/document/activities/cont/201209/20120914ATT51402/20120914ATT51402EN.pdf

(16)  L-iskema użata minn importatur biex jikseb eżenzjoni mill-VAT meta l-prodotti importati jkunu se jiġu trasportati lejn Stat Membru ieħor u meta l-VAT ikun dovut fl-Istat Membru tad-destinazzjoni.

(17)  Li EUR 1 800 miljun minnhom iġġarrbu fis-seba’ Stati Membri magħżula u EUR 400 miljun fil-21 Stat Membru ta' destinazzjoni tal-prodotti importati fil-kampjun.

(18)  It-tweġibiet mill-Kummissarju Šemeta għall-kwestjonarju mibgħut mill-Kumitat CONT huma disponibbli hawn: http://www.europarl.europa.eu/committees/mt/cont/publications.html?id=CONT00004#menuzone

(19)  Kumitat Speċjali dwar il-Kriminalità Organizzata, il-Korruzzjoni u l-Ħasil tal-Flus (CRIM) 2012-2013, Dokument tematiku dwar il-Korruzzjoni, Oqsma ta’ korruzzjoni sistemika fl-amministrazzjoni pubblika tal-Istati Membri u miżuri għan-newtralizzazzjoni tal-effett negattiv tagħha għall-UE, p. 2

(20)  Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011 fil-Kawża C-539/09, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja (ĠU C 25, 28.1.2012, p. 5).