19.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 65/98


P7_TA(2013)0270

Tħejjijiet għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (27-28 ta' Ġunju 2013) – Azzjoni Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Qgħad Fost iż-Żgħażagħ

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar tħejjijiet għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (27-28 ta’ Ġunju 2013) – Azzjoni Ewropea kontra l-qgħad taż-żgħażagħ (2013/2673(RSP))

(2016/C 065/11)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2011 intitolata “Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ” (COM(2011)0933),

wara li kkunsidra l-mistoqsija għal tweġiba orali lill-Kummissjoni u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-24 ta' Mejju 2012 dwar l-Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ (1),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2012 intitolata “Inressqu ż-Żgħażagħ lejn l-Impjiegi” (COM(2012)0727),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2013 dwar Garanzija għaż-Żgħażagħ (2),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta’ Frar 2013,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2013 dwar it-Twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Marzu 2013 dwar l-Inizjattiva Impjiegi għaż-Żgħażagħ (COM(2013)0144),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar l-integrazzjoni tal-migranti, l-effetti tagħha fuq is-suq tax-xogħol u d-dimensjoni esterna tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali (3);

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi f’April 2013 23,5 % taż-żgħażagħ fl-UE bħalissa jinsabu qiegħda, b’rati ta' qgħad li jvarjaw minn 7,5 % fil-Ġermanja u 8 % fl-Awstrija għal 62,5 % fil-Greċja u 56,4 % fi Spanja, varjazzjoni li tindika differenzi ġeografiċi notevoli;

B.

billi 8,3 miljun Ewropew taħt l-età tal-25 sena mhumiex f’impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs); billi dawn iċ-ċifri qed ikomplu jiżdiedu, b’tali mod li hemm ir-riskju ta’ ġenerazzjoni mitlufa;

C.

billi ż-żgħażagħ minn sfondi partikolarment vulnerabbli jinsabu f'riskju akbar li joħorġu mis-sistema edukattiva u ta' taħriġ bla ma jkunu kisbu kwalifika tas-sekondarja għolja;

D.

billi 15 % tat-tfal jitilqu mill-iskola bla ma jkunu kkompletaw l-edukazzjoni sekondarja, u 10 % taċ-ċittadini tal-UE jgħixu f'unitajiet domestiċi mingħajr impjieg;

E.

billi l-ewwel indikazzjonijiet li żagħżugħ x'aktarx jitlaq mill-iskola qabel il-waqt huma sinjal bikri ta' twissija ta' ċiklu rikkorrenti ta' faqar;

F.

billi fl-2011 it-telf ekonomiku minħabba l-qtugħ taż-żgħażagħ mis-suq tax-xogħol kien stmat għal EUR 153 biljun, ċifra li tikkorrispondi għal 1,2 % tal-PDG tal-UE; billi dan jirrappreżenta piż soċjali u ekonomiku serju;

G.

billi l-politiki ta’ edukazzjoni u taħriġ jista’ jkollhom rwol kruċjali fil-ġlieda kontra l-livell għoli ta’ qgħad taż-żgħażagħ u jirfdu l-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni b’mod fundamentali; billi jeħtieġ li jsir aktar investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, fl-integrazzjoni fl-istrutturi tat-tagħlim, fl-edukazzjoni għolja u fir-riċerka; billi t-titjib tal-ħiliet huwa essenzjali biex l-individwi jkunu mgħammra sewwa għal impjiegi ta’ kwalita f’setturi fejn il-postijiet tax-xogħol qed jitkattru, bħalma huma l-impjiegi ħodor, l-ICT u s-settur tal-kura;

H.

billi minkejja livelli kumplessivi għolja ta’ qgħad taż-żgħażagħ, ċerti setturi, bħalma huma l-ICT u s-setturi tas-saħħa, qed isibuha dejjem aktar diffiċli li jsibu persunal kwalifikat għall-karigi battala;

I.

billi attwalment bosta politiki li jaffettwaw liż-żgħażagħ jiġu żviluppati bla ma jiġu involuti dawk ikkonċernati u partijiet interessati oħra;

J.

billi, minħabba l-enfasi tagħha fuq ħiliet prattiċi, is-sistema doppja tat-taħriġ vokazzjonali u tal-korsijiet tal-lawrja li jikkombinaw lati akkademiċi u vokazzjonali li titħaddem f’xi Stati membri tat prova tas-siwi tagħha, b'mod partikolari tul il-kriżi, u l-livelli tal-qgħad taż-żgħażagħ żammithom baxxi billi liż-żgħażagħ ħejjiethom aħjar għax-xogħol;

1.

jilqa’ l-fatt li l-Kunsill Ewropew irrikonoxxa l-importanza tal-impjiegi taż-żgħażagħ għall-prosperità tal-Ewropa; iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra l-qgħad taż-żgħażagħ, bħala parti minn mossa usa' favur il-promozzjoni tal-drittijiet soċjali u l-indirizzar tal-iżbilanċi soċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea; jenfasizza li l-Parlament Ewropew sejjer jissorvelja l-progress u josserva b’attenzjoni jekk il-miżuri mwiegħda jiġux implimentati, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-Garanzija għaż-Żgħażagħ;

2.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw approċċ ibbażat fuq id-drittijiet rigward iż-żgħażagħ u l-impjiegi; jenfasizza li, partikolarment fi żminijiet ta’ kriżi qawwija, jeħtieġ li ma tiġix kompromessa l-kwalità tax-xogħol għaż-żgħażagħ, u li standards ċentrali tax-xogħol, kif ukoll standards oħra relatati mal-kwalità tax-xogħol, iridu jkunu element tal-qalba;

3.

Jirrimarka li l-iżbilanċi interni bejn l-Istati Membri, speċjalment rigward indikaturi tal-impjiegi u indikaturi soċjali, b’mod partikolari dawk relatati maż-żgħażagħ, qed jitwessgħu; jappella għal azzjoni immedjata tal-UE biex issewwi dawn l-iżbilanċi fil-qafas tas-Semestru Ewropew;

4.

Jitlob lill-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, biex tiżviluppa indikaturi komuni tal-investiment soċjali, speċjalment rigward il-qgħad taż-żgħażagħ;

5.

Jinsisti li s-soluzzjoni għall-problema urġenti tal-qgħad taż-żgħażagħ tinsab fit-titjib tal-ambjent ekonomiku kumplessiv, pereżempju bit-tisħiħ tas-suq uniku tas-servizzi u tal-ekonomija diġitali, bil-promozzjoni tal-kummerċ permezz ta’ ftehimiet tal-kummerċ ħieles, u billi jinġiebu ‘l quddiem l-interessi tal-SMEs u tal-mikroimpriżi fir-rispett tad-drittijiet soċjali fundamentali; jenfasizza li, fit-tul, l-aktar strument effiċjenti fil-ġlieda kontra l-qgħad t-tkabbir ekonomiku sostenibbli; jemmen, barra minn hekk, li miżuri speċjali ffukati fuq iż-żgħażagħ huma importanti, imma l-aktar element importanti jibqa’ li l-UE sserraħ fuq ekonomija qawwija, kompetittiva u moderna; jilqa’ l-investimenti fuq żmien qasir u medju bħall-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ, filwaqt li jiġbed l-attenzjoni fuq in-nuqqas ta’ kwalunkwe miżura strutturali u l-assenza tar-riforma meħtieġa biex is-sistemi edukattivi f’ċerti Stati membri jilqgħu għall-isfidi tal-ġejjieni bil-għan li jħejju liż-żgħażagħ għax-xogħol;

6.

Jisħaq fuq l-importanza li l-mobbiltà volontarja fost iż-żgħażagħ tittejjeb billi jitneħħew l-ostakoli eżistenti għal mawriet transfruntiera ta’ apprentistat, taħriġ u prattika biex ikun hemm korrispondenza akbar bejn l-offerta u d-domanda rigward l-opportunitajiet ta' taħriġ fix-xogħol għaż-żgħażagħ, partikolarment fir-reġjuni tal-fruntieri, u billi tisseddaq il-portabbiltà tal-pensjonijiet, tal-protezzjoni tax-xogħol u tal-ħarsien soċjali madwar l-UE kollha kemm hi, bil-qies dovut tar-riskju tal-ħrib tal-imħuħ; jitlob ukoll li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu kull pass neċessarju biex jipprevjenu l-fenomenu tal-ħrib tal-imħuħ permezz ta’ miżuri sostenibbli li jiżguraw li proporzjon tajba ta’ nies b’ħiliet għolja fil-forza tax-xogħol jew jibqgħu fil-komunitajiet tagħhom jew inkella jirritornaw lejn l-Istati Membri tal-oriġini tagħhom ħalli dawk l-Istati membri jkunu jistgħu jilħqu rkupru ekonomiku u tkabbir vijabbli;

7.

Jitlob lill-Kummissjoni telabora rakkomandazzjonijiet dwar kemm huwa fattibbli li jiġi fissat livell komuni ta' benefiċċju tal-qgħad fl-UE f’relazzjoni mal-pagi preċedenti tal-persuni qiegħda

Garanzija għaż-Żgħażagħ

8.

Jilqa’ r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ; jitlob li l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ jiġu implimentati bil-ħeffa fl-Istati Membri kollha; jenfasizza li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ mhijiex garanzija ta’ impjieg iżda strument li jiżgura li ċ-ċittadini tal-UE u r-residenti legali kollha sal-età ta' 25 sena, u dawk ta’ taħt it-30 sena li jkunu għadhom kemm ħadu l-lawrja, issirilhom offerta ta' impjieg ta' kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa jew apprendistat fi żmien erba’ xhur minn meta jsibu ruħhom bla xogħol jew minn meta jitilqu l-edukazzjoni formali; jissottolinja b’mod partikolari li l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandhom itejbu l-qagħda taż-żgħażagħ li mhumiex f’xogħol, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs);

9.

Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw objettivi u indikaturi ċari għall-iskema tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, biex effettivament ikunu fil-qagħda li jkejlu u jevalwaw l-impatt ta’ din l-inizjattiva; jenfasizza li biħsiebu jissorvelja mill-qrib l-attivitajiet kollha tal-Istati Membri intiżi biex il-Garanzija għaż-Żgħażagħ iwettquha fir-realtà, u lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jistedinhom biex iżommu lill-Parlament Ewropew aġġornat fuq l-analiżi tagħhom rigward l-azzjonijiet tal-Istati Membri;

10.

Jinnota li l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandhom ikunu akkumpanjati minn qafas ta’ kwalità li jiżgura li t-taħriġ u l-impjiegi offruti jkunu jinkludu kundizzjonijiet ta' paga, xogħol u saħħa u standards ta’ sikurezza xierqa;

Finanzjament mill-UE

11.

Jilqa’ s-somma ta’ EUR 6 biljun allokati għall-Inizjattiva l-ġdida favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u jappella li jkun hemm “frontloading” fl-ewwel ftit snin tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali biex, b’urġenza, jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u jiġu implimentati l-garanziji għaż-żgħażagħ; jenfasizza li l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol tistima l-kostijiet tal-implimentazzjoni tal-garanziji għaż-żgħażagħ madwar iż-żona tal-euro kollha għal EUR 21 biljun, u għalhekk jitlob li l-allokazzjoni tiġi riveduta ’l fuq bħala parti minn reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali; jilqa' l-estensjoni tal-grupp ta' eliġibbiltà għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ taħt l-età ta' 30 sena;

12.

Jilqa’ s-suċċessur propost għall-Faċilità ta’ Mikrofinanzjament Progress inkluża fil-Programm għal Bidla Soċjali u Innovazzjoni għall-perjodu 2014-2020 bħala strument siewi anki għaż-żgħażagħ, li jimmira lejn il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, sostenibbli u ta’ kwalità;

13.

Jenfasizza li finanzjament mill-UE għall-ġlieda kontra l-qgħad taż-żgħażagħ huwa disponibbli qabel l-2014, b’mod partikolari permezz tar-riprogrammazzjoni ta’ fondi strutturali disponibbli u b’użu sħiħ tas-somma ta' EUR 60 biljun mill-Bank Ewropew tal-Investiment, kif jipprovdi l-Patt għat-Tkabbir u l-impjiegi; jilqa’ r-riallokazzjoni u l-aċċelerazzjoni ta’ EUR 16-il biljun mill-fondi strutturali għall-irfid ta’ opportunitajiet tax-xogħol għaż-żgħażagħ u biex l-SMEs ikollhom aċċess għall-finanzjament;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni biex titlob b’mod attiv appoġġ u inizjattivi, kif ukoll forom oħra ta’ kooperazzjoni mas-settur privat, fl-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ; iħeġġeġ lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-garanzija għaż-Żgħażagħ, pereżempju billi s-self torbtu mal-ħolqien tal-impjiegi u mal-postijiet ta’ taħriġ, jew billi jappoġġja l-iżvilupp ta' sistemi ta’ edukazzjoni doppja; jenfasizza, madankollu, li s-self tal-BEI għandu jitqies bħala suppliment għall-finanzjament mill-UE fil-forma ta’ għotjiet, u mhux bħala sostitut għalih;

Il-ġlieda kontra l-qgħad taż-żgħażagħ fil-livell nazzjonali

15.

Jenfasizza li l-investiment fl-impjiegi taż-żgħażagħ irid ikun parti ewlenija tal-istrateġiji nazzjonali ta’ investiment soċjali;

16.

Jitlob approċċ politiku ambizzjuż u olistiku li jkollu viżjoni integrata rigward inizjattivi tal-edukazzjoni, taħriġ, impjieg u xogħol indipendenti, għaż-żgħażagħ kollha f’livelli differenti; jirrimarka li huwa essenzjali li t-tranżizzjoni bejn mogħdijiet edukattivi u ta’ taħriġ differenti tkun fil-mira, u li l-kompetenzi bbażati fuq it-tagħlim mhux formali u informali jkunu rikonoxxuti; jenfasizza li s-sigurta tad-dħul u l-fiduċja fil-prospetti tas-suq tax-xogħol huma prekundizzjonijiet essenzjali biex dak li jkun jagħżel l-edukazzjoni għolja, u li dan jolqot b'mod eċċessiv liż-żgħażagħ f'riskju akbar ta' esklużjoni;

17.

Huwa mħasseb bil-qawwa dwar it-tqaċċit fil-baġits tal-Istati Membri fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, u għalhekk jenfasizza l-ħtieġa li s-sistemi edukattivi tal-Istati Membri ssirilhom riforma, bl-użu ta’ riżorsi nazzjonali u tal-UE, bil-għan li l-edukazzjoni taż-żgħażagħ issir aktar kosteffikaċi u kompetittiva;

18.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri deċiżivi kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, b’mod partikolari permezz ta’ azzjoni preventiva kontra t-tluq bikri mill-iskola jew mit-taħriġ jew minn skemi ta' apprentistat (eż. bl-introduzzjoni ta' sistema edukattiva doppja jew oqfsa daqstant effiċjenti), u biex jiżviluppaw strateġiji komprensivi għaż-żgħażagħ li mhumiex f’edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs);

19.

jinnota li l-investiment soċjali fiż-żgħażagħ jista’ jieħu firxa wiesgħa ta’ suriet, fosthom: l-iżvilupp ta’ sħubijiet bejn skejjel, ċentri ta' taħriġ u impriżi lokali u reġjonali; l-għoti ta’ taħriġ immirat u ta’ kwalità u ta’ programmi ta’ kwalita għolja għal mawriet ta’ prattika (internships) taż-żgħażagħ; skemi vokazzjonali f’kooperazzjoni mal-impriżi; skemi ta’ impjegati anzjani intiżi għar-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ żgħażagħ fil-post tax-xogħol, jew għall-ksib ta’ tranżizzjoni mtejba mill-edukazzjoni għax-xogħol; it-tħeġġiġ tal-parteċipazzjoi taż-żgħażagħ fis-soċjetà; u l-promozzjoni tal-mobbiltà reġjonali, Ewropea u internazzjonali permezz ta’ aktar progress lejn ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiku u l-ħiliet; jenfasizza wkoll li l-investiment soċjali jista’ jmur id f’id ma’ inċentivi effiċjenti, bħalma huma sussidji tal-impjiegi jew kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni għaż-żgħażagħ, li jiggarantixxu kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol deċenti, bil-għan li min iħaddem, fis-settur pubbliku u f’dak privat, jirreklutaw żgħażagħ, jinvestu sew fil-ħolqien tal-impjiegi għaż-żgħażagħ kif ukoll fit-taħriġ kontinwu u fit-titjib tal-ħiliet mat-tul kollu tal-impjieg, u jappoġġjaw l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ;

20.

Jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw prattiki li jaħdmu bil-provi, speċjalment dawk ta’ Stati Membri b’rati baxxi tal-qgħad, u biex jesploraw jekk kunċetti bħall-edukazzjoni doppja u t-taħriġ u t-tagħlim vokazzjonali, kif ukoll skemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ li diġà ġew implimentati, jistgħux ikunu kompatibbli mas-sistemi nazzjonali tagħhom; jenfasizza li s-sistema doppja tat-taħriġ vokazzjonali u l-istudju fuq żewġ binarji, bil-konċentrazzjoni tagħhom fuq l-esperjenza prattika, il-kriżi ekonomika ssuperawha b’mod partikolarment tajjeb, u għenu biex ibaxxu l-qgħad fost iż-żgħażagħ billi lil dawn tal-aħħar ħejjewhom aħjar għax-xogħol, u jistieden għalhekk, lill-Istati Membri milquta mill-kriżi biex iqisu li jirriformaw is-sistema ta' taħriġ tagħhom flimkien ma' dawn il-linji;

21.

Jenfasizza li l-pajjiżi fil-kriżi bħalissa għandhom rati allarmanti ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ; għalhekk jitlob lil-Kummissjoni tivvaluta miżuri ta’ kriżi f’termini tal-impatt tagħhom fuq l-impjiegi taż-żgħażagħ, u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kunsill biex iqisu jekk għandhomx itemmu dawk il-miżuri ta’ kriżi li għandhom impatt ħażin fuq l-impjiegi taż-żgħażagħ;

22.

Jistieden lill-Istati Membri biex itejbu l-kooperazzjoni bejn l-impriżi u s-settur edukattiv fil-livelli kollha bil-għan li jtejbu l-mod kif il-kurikula jorbtu mad-domanda tas-suq tax-xogħol, pereżempju billi jestendu l-Alleanzi tal-Ħiliet u Settorjali u l-Alleanzi tal-Għarfien; jenfasizza li jeħtieġ li jkun hemm kurrikula aktar flessibbli li jippermettu adattament aħjar għal żviluppi tal-ġejjieni fis-suq tax-xogħol;

23.

Jenfasizza li l-Istati membri jeħtiġilhom itejbu l-appoġġ għall-impjiegi indipendenti fost iż-żgħażagħ, filwaqt li jipprevjenu l-insolvenza u l-impjieg indipendenti falz;

o

o o

24.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2012)0224.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2013)0016.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2013)0092.