19.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 65/68


P7_TA(2013)0266

Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020” (2013/2607(RSP))

(2016/C 065/07)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b’mod partikolari l-Artikoli 5, 6, 9, 14, 147, 148, 149, 151 u 153 tiegħu, u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea b’mod partikolari l-Artikoli 24, 25, 26, 29, 33, 34, 35 u 36;

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu “Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020” (COM(2013)0083);

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 intitolata “L-Investiment fit-tfal: jinkiser iċ-ċiklu tal-iżvantaġġ” (2013/112/UE) (1);

wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu “Evidenza dwar ix-Xejriet Demografiċi u Soċjali: Il-kontribuzzjoni tal-Politiki Soċjali għall-Inklużjoni, l-Impjiegi u l-Ekonomija” (SWD(2013)0038);

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu “Segwitu tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-inklużjoni attiva ta' nies esklużi mis-suq tax-xogħol 2008 – Lejn approċċ ta' investiment soċjali” (SWD(2013)0039);

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu “It-3 Rapport Biennali dwar Servizzi Soċjali ta' Interess Ġenerali” (SWD(2013)0040),

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu “Il-Kura fit-tul f'soċjetajiet li qed jixjieħu – Sfidi u għażliet ta' politika” (SWD(2013)0041);

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu “L-indirizzar tal-problema tal-persuni mingħajr dar fl-Unjoni Ewropea” (SWD(2013)0042);

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu “L-investiment fis-saħħa” (SWD(2013)0043);

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu “L-investiment soċjali permezz tal-Fond Soċjali Ewropew”(SWD(2013)0044);

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2012 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 (SAT) (COM(2012)0750), u l-Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi anness magħha;

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2013 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 (2);

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 dwar Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (COM(2010)2020);

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-18 ta' April 2012 bit-titolu “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta' impjiegi” (COM(2012)0173);

wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali tiegħu lill-Kummissjoni u r-Riżoluzzjoni akkumpanjanti tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta' impjiegi” (3);

wara li kkunsidra l-Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2010 dwar Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: kontribut Ewropew lejn livell massimu ta' impjiegi (COM(2010)0682);

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2011 dwar l-Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda (4);

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2010 bit-titolu “Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali” (COM(2010)0758), l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar din (5) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwarha (6);

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2011 bit-titolu “Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ” (COM(2011)0933);

wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali tiegħu lill-Kummissjoni u r-Riżoluzzjoni akkumpanjanti tal-24 ta' Mejju 2012 dwar “L-Inizjattiva Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ” (7);

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2012 bit-titolu “Inressqu ż-Żgħażagħ lejn l-Impjiegi” (COM(2012)0727);

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar l-iżvilupp tal-potenzjal ta' ħolqien ta' impjiegi ta' ekonomija sostenibbli ġdida (8);

wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020) adottat mill-Kunsill fis-7 ta' Marzu 2011;

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (COM(2008)0639) u r-riżoluzzjoni tiegħu dwarha tas-6 ta' Mejju 2009 (9);

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar l-integrazzjoni tal-migranti, l-effetti tagħha fuq is-suq tax-xogħol u d-dimensjoni esterna tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali (10);

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2011 dwar il-futur tas-servizzi soċjali ta' interess ġenerali (11);

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2008 bit-titolu “Aġenda soċjali mġedda: Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21” (COM(2008)0412) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2009 dwarha (12),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar is-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi għal ekonomija li qed tirkupra (COM(2009)0545) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwarha (13),

wara li kkunsidra l-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1081/2006 (COM(2011)0607/2 – 2011/0268(COD)) tal-14 ta' Marzu 2012 u l-abbozz ta’ riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-20 ta' Awissu 2012 dwarha (14);

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2012 dwar l-Inizjattiva għan-Negozju Soċjali – Il-ħolqien ta' klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni (15);

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2013 dwar ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: promozzjoni tal-interessi tas-soċjetà u triq lejn l-irkupru sostenibbli u inklużiv (16);

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2012 dwar il-Patt dwar l-Investiment Soċjali – bħala reazzjoni għall-kriżi (17);

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-16 ta' Frar 2012 dwar Aġenda għal pensjonijiet adegwati, sikuri u sostenibbli (COM(2012)0055);

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 117 dwar il-Politika Soċjali (għanijiet u standards bażiċi);

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-ILO Nru 202 dwar il-Bażijiet ta’ Protezzjoni Soċjali;

wara li kkunsidra l-mistoqsija li titlob tweġiba orali lill-Kummissjoni dwar il-Komunikazzjoni tagħha “Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020” (O-000057/2013 – B7-0207/2013);

wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi f'ħafna Stati Membri l-miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali wasslu biex tingħata preferenza lill-għanijiet ta' nfiq fuq medda ta' żmien qasira askapitu ta' investiment fi tkabbir sostenibbli, impjiegi, koeżjoni soċjali u kompetittività biex jinkisbu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020;

B.

billi l-kriżi tad-dejn sovran li laqtet l-Ewropa, speċjalment lill-pajjiżi taż-żona tal-euro, wasslet għal tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku b’konsegwenzi soċjali negattivi għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri minħabba rati ta' qgħad, ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali, li kollha qegħdin jiżdiedu;

C.

billi l-kriżi enfasizzat l-interdipendenza ekonomika tal-Istati Membri u d-diverġenza konsiderevoli fil-kapaċità tal-Istati Membri li jirreaġixxu għall-isfidi soċjali u tas-suq tax-xogħol;

D.

billi l-kriżi, flimkien mat-tibdil demografiku, tagħmilha urġenti għall-Istati Membri li jtejbu l-effikaċja tal-infiq soċjali u jfasslu r-riformi potenzjali tas-sistema tagħhom għall-protezzjoni soċjali bi qbil ma' dan l-objettiv;

E.

billi s-sħab soċjali fil-livell nazzjonali jista' jkollhom rwol importanti fl-iffinanzjar u t-tmexxija tas-sistemi tas-sigurtà soċjali;

F.

billi l-investimenti soċjali mmirati tajjeb u effiċjenti jagħtu stabbiltà lill-ekonomija, jippromwovu l-impjiegi u jsaħħu l-ħiliet tal-forza tax-xogħol sabiex b'hekk tiżdied il-kompetittività tal-UE;

G.

billi l-intensità li qed tiżdied tal-ħiliet meħtieġa għall-impjiegi disponibbli u l-ħiliet meħtieġa għal setturi futuri mogħnija bl-impjiegi, adatatti għal ekonomija u soċjetà sostenibbli, jirrikjedu investiment adegwat fl-edukazzjoni u fil-programmi ta' taħriġ;

H.

billi l-introjti medji tal-unitajiet domestiċi tal-UE qed jonqsu u kemm il-qgħad fit-tul kif ukoll il-faqar u l-esklużjoni soċjali inklużi l-faqar fost dawk li jaħdmu u l-polarizzazzjoni soċjali qed jiżdiedu f'ħafna Stati Membri;

I.

billi 10,5 % tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol issa huma qiegħda;

J.

billi skont dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Jannar 2012: “It-tkabbir u l-impjiegi ser jerġgħu jibdew biss jekk aħna insegwu approċċ konsistenti u fuq bażi wiesgħa, li jgħaqqad konsolidazzjoni fiskali intelliġenti li tippreserva l-investiment fit-tkabbir futur, politiki makroekonomiċi sodi u strateġija attiva dwar l-impjiegi li tippreserva l-koeżjoni soċjali”;

K.

billi l-effetti tal-istaġnar ekonomiku u tal-kriżi persistenti tad-dejn pubbliku flimkien mat-tibdil demografiku huma ta' sfida għas-sistemi ta' assistenza soċjali u sigurtà soċjali deċenti, inklużi l-iskemi ta' assigurazzjoni soċjali statutorji u volontarji;

L.

billi 22,8 % taż-żgħażagħ fl-UE attwalment huma qiegħda, filwaqt li l-qgħad fost iż-żgħażagħ jaqbeż il-50 % f'uħud mill-Istati Membri;

M.

billi 8,3 miljun Ewropew taħt l-età ta' 25 sena jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) u billi dawn iċ-ċifri qed ikomplu jiżdiedu u qed joħolqu r-riskju ta' ġenerazzjoni mitlufa;

N.

billi ż-żgħażagħ bi sfond ta’ migrazzjoni jinsabu f'riskju akbar li joħorġu mis-sistema edukattiva u ta' taħriġ mingħajr ma jkunu kisbu kwalifika sekondarja għolja;

O.

billi 27 % tat-tfal jinsabu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali apparagun ta' medja ta' 24 % għall-popolazzjoni kollha kemm hi tal-UE (18);

P.

billi 8 % taċ-ċittadini tal-UE jgħixu f'kundizzjonijiet ta' privazzjoni materjali gravi u ma jaffordjawx għadd ta' neċessitajiet meqjusa essenzjali sabiex wieħed jgħix ħajja deċenti fl-Ewropa;

Q.

billi 15 % tat-tfal jitilqu mill-iskola bla ma jkunu kisbu edukazzjoni sekondarja u billi 10 % taċ-ċittadini tal-UE jgħixu f'unitajiet domestiċi mingħajr impjieg;

R.

billi l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali jwissi li dawn in-numri qed ikomplu jiżdiedu f'ħafna Stati Membri, parzjalment minħabba l-impatt ta' miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali;

S.

billi l-gruppi l-iktar vulnerabbli, bħalma huma l-anzjani u l-persuni b'diżabilitajiet, kienu dawk li ntlaqtu l-agħar bil-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali;

T.

billi l-politiki soċjali jaqgħu prinċipalment taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, l-UE tappoġġa, tassisti u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri;

U.

billi impjieg deċenti huwa protezzjoni reali kontra l-faqar;

V.

billi politiki attivi tas-suq tax-xogħol u strateġiji ta' attivazzjoni huma fatturi ewlenin li jgħinu lil dawk qiegħda jsibu impjieg deċenti;

W.

billi gwida individwali u adegwata fit-tiftix ta' impjieg deċenti tista' ttejjeb il-possibilitajiet ta' suċċess;

X.

billi l-miżuri ta' awsterità inkluż it-tnaqqis fil-baġits tas-servizz pubbliku u tal-assistenza soċjali m'għandhomx ikomplu jaggravaw is-sitwazzjoni għal dawk l-iktar żvantaġġati jew ipoġġu bla bżonn il-persuni f'riskju ta' qgħad;

Y.

billi l-miżuri ta' awsterità ma għandhomx jipperikolaw id-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-affordjabbiltà tal-kura tas-saħħa u s-servizzi għall-kura fit-tul u lanqas ma għandhom jaggravaw l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa;

Z.

billi l-kriżi ekonomika x’aktarx li taffettwa lin-nisa aktar mill-irġiel; billi hemm il-periklu li r-reċessjoni attwali se ddewwem l-avvanzi, jew saħansitra treġġa' lura l-progress, b'konsegwenzi fit-tul għas-sistemi ta' protezzjoni soċjali, għall-inklużjoni soċjali u għad-demografija;

AA.

billi kwalunkwe politika baġitarja rigoruża għandha tkun intelliġenti, tippermetti l-investiment kontroċikliku fil-prijoritajiet politiċi ewlenin u konformi mal-prestazzjoni u l-produttività ekonomika;

AB.

billi l-komunitajiet marġinalizzati jgħixu f'kundizzjonijiet soċjoekonomiċi deplorevoli u ta' spiss ikunu soġġetti għal segregazzjoni u diskriminazzjoni gravi fl-aspetti kollha tal-ħajja;

AC.

billi l-ewwel indikazzjonijiet li żagħżugħ x'aktarx jitlaq mill-iskola huma sinjal ta' twissija bikrija ta' ċirku vizzjuż ta' faqar;

AD.

billi l-kundizzjoni ta' persuna mingħajr dar għadha problema fl-Istati Membri kollha tal-UE u hija waħda mill-forom l-aktar estremi ta' faqar u privazzjoni li qed jgħawru d-dinjità tal-bniedem u li qed jikkompromettu d-dritt fundamentali tal-bniedem ta' aċċess għal akkomodazzjoni;

AE.

billi l-garanzija ta' aċċess għal akkomodazzjoni deċenti hija obbligu internazzjonali tal-Istati Membri kollha u billi l-provvediment ta' akkomodazzjoni soċjali jseħħ b'mod parallel mal-provvista ta' akkomodazzjoni bbażata fuq is-suq;

AF.

billi l-persuni bla dar jirrikjedu miżuri speċifiċi biex jiġu integrati fis-soċjetà u tiġi evitata l-esklużjoni soċjali;

AG.

billi l-faqar u l-esklużjoni soċjali jibqgħu fatturi soċjali ewlienin li jiddeterminaw is-saħħa u l-kundizzjonijiet tal-għajxien, b'mod partikolari fid-dawl tal-impatt tal-faqar fost it-tfal fuq is-saħħa u l-benesseri tat-tfal;

AH.

billi hemm diskriminazzjoni persistenti abbażi tas-sessi fuq ix-xogħol, differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u konsegwentement disparitajiet fil-pensjoni fl-UE;

AI.

billi 63 % biss tan-nisa jaħdmu fl-UE apparagun ta' 76 % tal-irġiel u dan parzjalment minħabba n-nuqqas ta' faċilitajiet għall-kura u miżuri konkreti li jikkontribwixxu sabiex jinkiseb bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja;

AJ.

billi d-dimensjoni tal-ġeneri hija kruċjali biex jintlaħqu l-miri ewlenin tal-UE 2020, peress li n-nisa jiffurmaw l-ikbar riżerva ta' forza tax-xogħol li s'issa għadha mhux sfruttata u għaldaqstant għandhom jiġu żviluppati miżuri konkreti u politiki speċifiċi għall-integrazzjoni tas-sessi bħala parti mis-Semestru Ewropew;

AK.

billi n-nisa jiffurmaw il-maġġoranza tal-kapijiet ta' unitajiet domestiċi, tal-ġenituri singoli u tal-persuni li jindukraw, il-politiki ta' inklużjoni attiva jirrikjedu sett komplet ta' miżuri biex in-nisa jkunu jistgħu jipparteċipaw aktar fis-suq tax-xogħol;

1.

Jilqa' l-Pakkett tal-Investiment Soċjali tal-Kummissjoni, li jistabbilixxi r-rabtiet neċessarji bejn il-politiki soċjali nazzjonali, il-proċess tar-riformi tas-Semestru Ewropew u l-fondi ta' koeżjoni relevanti tal-UE;

2.

Jinnota li, minbarra l-funzjoni oriġinali ta' protezzjoni soċjali tas-sistemi ta' assistenza soċjali, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni żżid il-funzjonijiet ta' investiment soċjali u stabbilizzazzjoni tal-ekonomija; jenfasizza li l-kriżi ekonomika u soċjali attwali tenfasizza l-ħtieġa li dawn it-tliet funzjonijiet ikunu komplementari aktar milli opposti;

3.

Itenni l-ħtieġa li jittejjeb il-koordinament tal-politiki soċjali u ekonomiċi fil-livell tal-UE sabiex jiġu evitati diskrepanzi, jinbnew is-sinerġiji bejniethom u jkunu jistgħu jsaħħu l-objettivi ta' xulxin;

4.

Jenfasizza li l-aktar strument effiċjenti fil-ġlieda kontra l-qgħad fuq żmien twil huwa t-tkabbir ekonomiku;

5.

Jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni hija akkumpanjata b'Rakkomandazzjoni f'qasam wieħed biss filwaqt li l-miżuri ta' awsterità għandhom impatt kbir f'ħafna oqsma tal-politika soċjali;

6.

Huwa konvint li r-riformi tal-politika soċjali għandhom ikunu ggwidati b’mod partikolari mill-prinċipji ta' inklużjoni attiva u attivazzjoni – biex jippermettu lil dawk qiegħda u l-aktar żvantaġġati jidħlu u jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol;

7.

Ifakkar li l-investimenti soċjali jiġġeneraw redditi kemm soċjali kif ukoll ekonomiċi billi jipprevjenu u jindirizzaw ir-riskji soċjali; l-investimenti soċjali jiffukaw fuq politiki pubbliċi u strateġiji ta' investiment fil-kapital uman li jmexxu t-tranżizzjoni lejn swieq tax-xogħol li qed jinbidlu u jippermettu l-akkwist ta' ħiliet ġodda għal setturi futuri mogħnija bl-impjiegi, adattati għal ekonomija u soċjetà sostenibbli;

8.

Jenfasizza li l-investiment soċjali għandu jitqies bħala investiment mill-Istati Membri, li jista’ jwassal għal dividend doppju b’redditi fit-tul u effetti kontroċikliċi, u li għalhekk jista’ jnaqqas ir-riskju ta' dannu; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza liema parti tal-infiq pubbliku soċjali tista' titqies bħala investiment produttiv;

9.

Jinnota għaldaqstant li l-investimenti soċjali mmirati għandhom ikunu parti importanti tal-politiki ekonomiċi u tal-impjieg tal-Istati Membri, u għandhom ikunu tradotti fil-proċess tas-Semestru Ewropew bl-għan li jintlaħqu l-objettivi soċjali, edukattivi u ta' impjieg tal-istrateġija Ewropa 2020;

10.

Jilqa' għalhekk it-talba tal-Kummissjoni lill-Istati Membri biex jinkludu l-investimenti soċjali fl-objettivi baġitarji fuq perjodu ta' żmien medju u twil tagħhom, kif ukoll fil-Programmi ta' Riforma Nazzjonali tagħhom;

11.

Itenni li r-riżorsi għall-politiki soċjali mhumiex limitati għal dawk mis-settur pubbliku;

12.

Jenfasizza għalhekk li l-Istati Membri għandhom jagħmlu aktar użu ta' approċċi innovattivi fir-rigward tal-finanzjament, inkluż bil-parteċipazzjoni tas-settur privat u l-inġinerija finanzjarja permezz ta' strumenti bħall-bonds b’impatt soċjali, is-sħubijiet pubbliċi-privati, il-mikrofinanzi, il-passaport ta' investiment soċjali u l-garanziji bbażati fuq il-politika;

13.

Iħeġġeġ għalhekk lill-Istati Membri jinvolvu wkoll lill-intrapriżi soċjali peress li dawn jistgħu jikkomplementaw l-isforzi tas-settur pubbliku;

14.

Jitlob f'dan il-kuntest lill-Kummissjoni tqis l-iżvilupp ta' tabella ta' valutazzjoni ta’ indikaturi komuni ta' investiment soċjali inkluż mekkaniżmu ta' twissija għall-monitoraġġ tal-progress fl-Istati Membri;

15.

Jilqa' l-insistenza tal-Kummissjoni biex mill-inqas 25 % tal-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni jiġu allokati għall-kapital uman u l-investiment soċjali permezz tal-Fond Soċjali Ewropew;

16.

Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw monitoraġġ effiċjenti tan-nefqa tal-politiki soċjali sabiex ir-riżorsi jkunu inkanalati f'miżuri mmirati u effiċjenti u sabiex jiġi evitat piż amministrattiv żejjed;

Is-sostenibilità

17.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimmodernizzaw, u, fejn meħtieġ, jirriformaw strutturalment il-politika ta' investiment soċjali tagħhom mingħajr dewmien sabiex joffru liċ-ċittadini l-aħjar servizzi possibbli;

18.

Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-politika ta' investiment soċjali tagħhom sostenibbli u valida anki għall-futur billi jtejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tas-sistema u tar-rikorsi disponibbli;

19.

Jenfasizza li meta jkollhom ir-rieda li jtejbu s-sostenibilità tal-politiki tal-investiment soċjali, l-Istati Membri ma għandhomx neċessarjament “jonfqu aktar” iżda għandhom “jonfqu b'mod aktar effiċjenti u effikaċi”;

20.

Jistieden għalhekk lill-Istati Membri jorjentaw il-politika ta' investiment soċjali tagħhom lejn l-akkwist tal-miri u jissorveljaw il-progress b'mod frekwenti;

Il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali

21.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tindirizza l-faqar fost dawk li jaħdmu, il-faqar fost il-persuni b'rabtiet limitati jew ineżistenti mas-suq tax-xogħol u l-faqar fost l-anzjani fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li jmiss; jistieden lill-Kunsill Ewropew japprova din il-gwida bħala prijorità;

22.

Jenfasizza l-komponenti importanti tal-istrateġija Ewropea għall-inklużjoni attiva ta' persuni esklużi mis-suq tax-xogħol, jiġifieri appoġġ għall-introjtu suffiċjenti, swieq tax-xogħol inklużivi u aċċess għal servizzi ta' kwalità; jiddispjaċih li l-istrateġiji nazzjonali ta' inklużjoni attiva ta' spiss jiġu minimizzati għal attivazzjoni tal-impjiegi, u jeskludu de facto l-persuni li jkunu maqtugħin mis-suq tax-xogħol u li għalihom, ir-ritorn lura fis-suq tax-xogħol mhuwiex possibilità, pereżempju minħabba l-età jew il-limitazzjonijiet funzjonali tagħhom;

23.

Ifakkar lill-Istati Membri li l-politiki ta' inklużjoni attiva għandhom:

ikunu konsistenti ma' approċċ ta' ċiklu tal-ħajja fir-rigward tal-edukazzjoni, tat-tagħlim għal matul il-ħajja, tal-politiki soċjali u tal-impjieg;

ikunu mfassla apposta, immirati u orjentati lejn il-bżonnijiet skont il-prinċipju ta’ aċċess universali u nondiskriminazzjoni;

ikunu bbażati fuq approċċ integrat u jkunu parteċipattivi;

jirrispettaw il-kundizzjonijiet li huma essenzjali sabiex ikun jista' jkun hemm parteċipazzjoni, mingħajr ma joħolqu kundizzjonijiet li jipperikolaw id-dħul minimu għall-għajxien; u

isegwu, minħabba l-importanza taċ-ċirkostanzi lokali u reġjonali, id-direzzjoni tal-isforzi li saru fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni biex tinkiseb il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

24.

Jistieden lill-Istati Membri jevalwaw sistematikament l-impatt tal-miżuri ta' awsterità fuq il-gruppi vulnerabbli fil-qafas tal-politiki ta’ inklużjoni attiva;

25.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw il-kwalità u l-aċċessibilità ta' servizzi soċjali għal persuni eliġibbli, inklużi d-disponibbiltà, l-aċċessibiltà u l-affordjabbiltà tagħhom, speċjalment fl-oqsma tas-saħħa, il-kura fit-tul, l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, l-enerġija, l-ilma, it-trasport u l-komunikazzjoni;

26.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-produttività tal-għoti tal-kura, filwaqt li titnaqqas l-okkorrenza ta' fraġilità u diżabbiltà u filwaqt li l-anzjani jkunu jistgħu jkomplu jgħixu ħajja indipendenti anka jekk ikkollhom limitazzjonijiet funzjonali;

27.

Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' tariffi soċjali predefiniti għal gruppi vulnerabbli f'oqsma bħalma huma dawk tal-enerġija, l-ilma jew it-trasport pubbliku;

28.

Jitlob li sal-2020 jkun hemm involviment attiv ta’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-komunitajiet marġinalizzati fl-abbozzar u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji tal-integrazzjoni ta’ komunitajiet marġinalizzati bħall-istrateġiji għall-integrazzjoni tar-Rom;

29.

Jiddispjaċih li f'ħafna Stati Membri jsiru sforzi insuffiċjenti għall-integrazzjoni tal-migranti; jenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment fi programmi u servizzi xierqa u f'sistemi ta' informazzjoni effiċjenti rigward l-aċċess għal dawn il-programmi sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-migranti u jitnaqqas ir-riskju ta' esklużjoni soċjali;

30.

Jitlob lill-Kummissjoni telabora pjan direzzjonali konkret u dettaljat għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta' inklużjoni attiva; jenfasizza li dan il-pjan direzzjonali għandu jispeċifika skedi ta’ żmien u objettivi realistiċi abbażi ta’ indikaturi speċifiċi u abbażi ta’ djalogu dettaljat bejn il-partijiet interessati u jkun issorveljat mill-qrib permezz tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni; b’għodod u proċeduri rilevanti f’każ ta’ nuqqas ta’ konformita.

Il-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal

31.

Jilqa’ r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-faqar fost it-tfal kif imħabbra fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Pjattaforma kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: qafas Ewropew għal Koeżjoni Soċjali u Territorjali; ifakkar ukoll fid-drittijiet tat-tfal minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

32.

Jilqa' l-approċċ komprensiv promoss fir-Rakkomandazzjoni, li hu bbażat fuq it-tliet pilastri ta' aċċess għal riżorsi adegwati, aċċess għal servizzi ta' kwalità għolja u parteċipazzjoni fis-soċjetà u fit-teħid ta' deċiżjonijiet u li jirrikonoxxi t-tfal bħala detenturi tad-drittijiet;

33.

Itenni li t-tfal u ż-żgħażagħ kollha għandhom dritt għall-edukazzjoni skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, inklużi tfal u żgħażagħ li ma għandhomx permess ta' residenza fil-pajjiżi fejn jirrisjedu;

34.

Jenfasizza li l-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal għandha tkun iffokata fuq prevenzjoni u intervent bikri u mhux fuq reazzjoni u għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju gwida ta’ aċċess ugwali għal servizzi għall-indukrar tat-tfal u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal ta’ kwalità għolja;

35.

Iħeġġeġ f’dan il-kuntest it-twaqqif ta’ iktar faċilitajiet għat-tfal bħalma huma ċ-ċentri ta’ attività disponibbli waqt żmien l-iskola u waqt il-perjodi ta’ vaganza u attivitajiet kulturali u sportivi ekstrakurrikulari akkumpanjati b’għoti tal-ikel;

36.

Jenfasizza l-ħtieġa ta’ riżorsi finanzjarji adegwati għal dawn is-servizzi b’mod partikolari għal politiki li jappoġġaw il-familji foqra u vunerabbli, bħalma huma l-familji bit-tfal b’diżabilitajiet, il-familji b'ġenitur waħdu u l-familji b’għadd kbir ta’ tfal;

37.

Jenfasizza l-importanza tar-relazzjoni bejn it-tfal u l-ġenituri u tal-appoġġ neċessarju għall-ġenituri biex jiġu megħjuna jaqdu r-responsabilitajiet tagħhom bħala ġenituri sabiex b’hekk jiġi evitat li t-tfal jiġu separati mill-ġenituri tagħhom u jitqiegħdu fi stabbilimenti ta' kura b’konsegwenza ta’ faqar estrem;

L-indirizzar tal-problema tal-persuni mingħajr dar

38.

Jilqa’ d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar L-Indirizzar tal-Problema tal-Persuni Mingħajr Dar;

39.

Ifakkar fit-talba tal-Parlament għal pjan direzzjonali konkret u dettaljat għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għal Persuni Mingħajr Dar;

40.

Jenfasizza li l-investiment fl-akkomodazzjoni soċjali, minbarra r-rwol kruċjali tiegħu biex jittaffew il-konsegwenzi tal-faqar, għandu jitqies bħala investiment soċjali, li jwassal għall-ħolqien ta’ impjiegi deċenti u tkabbir sostenibbli fuq terminu ta’ żmien fit-tul;

41.

Jitlob lill-Istati Membri jneħħu kemm il-piżijiet amministrattivi żejda fl-applikazzjoni għal akkomodazzjoni soċjali kif ukoll kwalunkwe diskriminazzjoni kontra l-minoranzi jew il-gruppi vulnerabbli sabiex jiġi żgurat aċċess ugwali għal kulħadd;

42.

Ifakkar li l-ispejjeż tal-enerġija ġeneralment jirrappreżentaw parti kbira tal-ispejjeż ta’ unità domestika u għalhekk jitlob lill-Istati Membri biex isaħħu l-politiki tagħhom favur l-effiċjenza enerġetika tal-unitajiet domestiċi;

43.

Jitlob li l-Istati Membri jħejju programmi speċifiċi għal dawk mingħajr dar, ibbażati fuq valutazzjonijiet tas-sitwazzjoni lokali u jagħmlu enfasi partikolari fuq l-akkomodazzjoni u l-assistenza aktar fit-tul għall-persuni vulnerabbli u l-komunitajiet marġinalizzati, aktar milli fuq il-forniment ta' akkomodazzjoni temporanja biss;

L-impjiegi taż-żgħażagħ

44.

Jenfasizza li l-investiment fl-impjiegi taż-żgħażagħ għandu jkun waħda mill-partijiet ewlenin tal-istrateġiji nazzjonali ta’ investiment soċjali;

45.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu miżuri deċiżivi kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ b’mod partikolari permezz tal-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola jew mit-taħriġ u l-iskemi ta' apprentistat (pereżempju, l-implimentazzjoni ta' sistema edukattiva doppja jew oqfsa daqstant effiċjenti) u jiżviluppaw strateġiji komprensivi għaż-żgħażagħ li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs);

46.

Jenfasizza li l-investiment soċjal favur in-NEETs inaqqas it-telf ekonomiku attwali dovut għall-irtirar taż-żgħażagħ mis-suq tax-xogħol li skont il-Eurofound huwa stmat li jammonta għal EUR 153 biljun jew 1,2 % tal-PDG Ewropew;

47.

Jiddispjaċih li l-politika ta' investimenti soċjali attwali ma tenfasizzax biżżejjed il-ħtieġa li r-riżorsi jiġu ffokati bi prijorità fuq dawk qiegħda fit-tul, fuq iż-żgħażagħ qiegħda, u fuq il-ħaddiema kbar fl-età li qegħdin f'riskju li jispiċċaw qiegħda fit-tul;

48.

Jinnota li l-investiment soċjali fiż-żgħażagħ jista’ jkollu firxa wiesgħa ta’ forom inkluż fost l-oħrajn il-forma ta’ żvilupp ta’ sħubijiet bejn l-iskejjel, iċ-ċentri ta’ taħriġ u n-negozji lokali u reġjonali, provvediment ta’ programmi ta’ taħriġ u internship għaż-żgħażagħ ta’ kwalità għolja, skemi vokazzjonali b’kooperazzjoni mal-intrapriżi kif ukoll skemi ta’ sponserizzazzjoni tal-impjegati biex jiġu reklutati u mħarrġa ż-żgħażagħ fuq ix-xogħol jew biex tiġi żgurata tranżizzjoni aħjar mill-edukazzjoni għax-xogħol, titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà u tiġi promossa mobilità reġjonali, Ewropea u internazzjonali, permezz ta' progress ulterjuri lejn ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki u l-ħiliet; jenfasizza li l-investiment soċjali jista' jmur id f'id ma' inċentivi effiċjenti, bħal sussidji tal-impjieg jew kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni għaż-żgħażagħ li se jiggarantixxu kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol deċenti; dan sabiex l-impjegaturi pubbliċi u privati jitħeġġu biex jimpjegaw liż-żgħażagħ, biex jinvestu kemm fil-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għaż-żgħażagħ kif ukoll fit-taħriġ u t-titjib kontinwu tal-ħiliet tagħhom waqt li jkunu impjegati, u biex jappoġġaw l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ;

49.

Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ il-koordinament tas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali, speċjalment fir-rigward tas-sistemi tal-pensjoni biex titħeġġeġ il-mobilità;

50.

Jenfasizza l-ħtieġa ta’ informazzjoni statistika kumparabbli fost l-Istati Membri fir-rigward tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-infiq tas-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ;

Il-ħolqien tal-impjiegi u s-swieq tax-xogħol

51.

Javża li l-miżuri ta’ awsterità jistgħu jikkompromettu l-kwalità tal-impjiegi, il-ħarsien soċjali u l-istandards tas-saħħa u s-sikurezza, jinnota, għalhekk, li għandhom ikunu akkumpanjati b’miżuri bil-għan li jiġu appoġġati standards adegwati;

52.

Jisħaq dwar l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja sabiex jissaħħew il-kapaċitajiet tan-nies biex jipparteċipaw fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol sal-età legali tal-rtirar u anke iktar, jekk ikunu jixtiequ;

53.

Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri favorevoli għall-ħolqien tal-impjiegi bħala parti mill-programmi ta’ investiment soċjali tagħhom bħal pereżempju riformi tat-taxxa fuq ix-xogħol li jinċentivaw l-impjieg, jippromwovu u jappoġġaw impjieg indipendenti u l-ftuħ ta’ negozji ġodda, itejbu l-qafas biex isir in-negozju u jiffaċilitaw l-aċċess għal finanzjament tal-SMEs, jittrasformaw ix-xogħol informali u mhux iddikjarat f’impjieg regolari, joħolqu inċentivi li jtejbu l-livell ta' impjieg tal-gruppi soċjali l-aktar vulnerabbli, jirriformaw is-swieq tax-xogħol biex isiru aktar dinamiċi, nondiskriminatorji u biex jintegraw il-flexisecurity u jimmodernizzaw is-sistemi tal-iffissar tal-pagi sabiex jallinjawhom mal-iżviluppi tal-produttività;

54.

Jenfasizza l-ħtieġa li jkun sfruttat il-potenzjal ta’ ħolqien ta’ impjiegi ta’ setturi innovattivi f’Orizzont 2020 bħall-ekonomija sostenibbli u mingħajr karbonju, il-kura tas-saħħa u soċjali u s-setturi diġitali, kulturali u kreattivi, li għandhom ikunu appoġġati b’investiment adegwat f’ħiliet ġodda u strumenti ta’ investiment soċjali; filwaqt li jsir użu mill-kunċett ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti sabiex il-kapaċitajiet b’saħħithom ta’ riċerka u innovazzjoni jiġu allinjati mal-iżviluppi fis-suq;

55.

Jinnota li r-rispett tal-prinċipji ta’ flessigurtà jagħti lok kemm għal protezzjoni soċjali adegwata għall-ħaddiema kif ukoll għall-aċċess għal taħriġ u żvilupp tal-karriera u dan jippermetti l-ksiba ta’ ħiliet ġodda;

L-intraprenditorija soċjali

56.

Jilqa’ l-fokus fuq l-intraprenditorija soċjali u l-aċċess għall-mikrofinanzi għal, fost l-oħrajn, gruppi vulnerabbli, jenfassizza li dawn huma elementi kruċjali fil-kuntest tal-investiment soċjali, peress li ma jippermettux il-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli ġodda u l-iżvilupp tal-ekonomija iżda jippermettu wkoll lill-intrapriżi soċjali jiġġeneraw profitt u jerġgħu jinvestuh;

57.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat tixjiħ attiv u b'saħħtu fuq perspettiva tul il-ħajja kollha u tiġi enfasizzata l-prevenzjoni u r-riabilitazzjoni biex titnaqqas l-inċidenza, jiġi pospost il-bidu u jitreġġa' lura u jittaffa l-progress tal-fraġilità, tal-limitazzjonijiet funzjonali u tad-diżabbiltà;

58.

Jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni ma tenfasizzax ir-rwol importanti tal-programm Grundtvig fil-prevenzjoni tal-faqar u l-esklużjoni soċjali u l-promozzjoni tal-investiment soċjali, u jitlob lill-Kummissjoni tqajjem kuxjenza dwar l-opportunitajiet ta’ programmi tat-tagħlim tul il-ħajja, l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ u lill-Istati Membri biex itejbu l-kwalità u l-aċċessibilità tagħhom;

59.

Jenfasizza r-rwol importanti tal-istrumenti finanzjarji tal-UE, u tal-Fondi ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropej, fit-titjib tal-aċċess għas-swieq finanzjarji għall-intrapriżi soċjali;

60.

Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra l-introduzzjoni ta’ qafas Ewropew komuni għall-pubblikazzjoni tad-data, li jiggarantixxi informazzjoni trasparenti dwar l-investimenti fl-intrapriżi soċjali fl-Istati Membri u jħeġġeġ il-pressjoni bejn il-pari;

61.

Jenfasizza li s-CSR tiffoka fuq standards soċjali u ambjentali bil-għan li tiżgura mġiba responsabbli min-naħa tal-kumpaniji;

Id-dimensjoni tal-ġeneru

62.

Jilqa’ l-fatt li d-dimensjoni tal-ġeneru hija inkluża fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġiji ta’ Investiment Soċjali;

63.

Jenfasizza li l-forniment tal-indukrar tat-tfal ta' kwalità u ta' faċilitajiet oħra għall-kura għandu rwol importanti, peress li permezz tiegħu n-nisa jistgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol u jaħdmu full-time; jistieden lill-Istati Membri jorganizzaw indukrar tat-tfal suffiċjenti u faċilitajiet oħra għall-kura li jippermettu l-parteċipazzjoni taż-żewġ ġenituri fis-suq tax-xogħol, anke peress li fil-preżent id-disponibbiltà ta' postijiet għall-indukrar tat-tfal hija pjuttost inugwali bejn Stat Membru u ieħor;

64.

Jingħaqad mal-Kummissjoni fit-talba tagħha lill-Istati Membri biex jinvestu f'servizzi – bħalma huma l-indukrar tat-tfal, il-postijiet tal-iskola li jagħtu servizz tul il-jum kollu u s-servizzi ta’ kura għall-anzjani li jkunu affordjabbli, full-time u ta' kwalità għolja u appoġġ għal dawk li jagħtu l-kura b'mod informali – li jgħinu fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, fit-trawwim ta' bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja u għall-irġiel u n-nisa (inkluż il-liv tal-paternità għall-irġiel) u fil-ħolqien ta' qafas li jippermetti d-dħul jew id-dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol; jiżguraw paga ugwali għall-istess xogħol fost in-nisa u l-irġiel;

65.

Itenni l-importanza ta’ sistemi edukattivi sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi li joffru lit-tfal il-possibilitajiet li jiskopru t-talenti tagħhom u b’hekk tiġi evitata s-segregazzjoni bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol fuq perjodu ta’ żmien fit-tul;

66.

Jitlob lill-Istati Membri jirrispettaw u jrawmu l-ugwaljanza fost is-sessi bħala parti mill-politiki nazzjonali tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma (PNR) tagħhom;

Il-fondi tal-UE

67.

Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-politika ta’ koeżjoni u l-fondi strutturali fil-promozzjoni tal-investimenti soċjali; jenfasizza, f’dan il-kuntest, il-kontribut relevanti tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) fil-prevenzjoni tal-faqar fost il-ħaddiema milquta mill-kriżi, u tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress fl-appoġġ tal-intraprenditorija permezz ta' taħriġ, taħriġ mill-ġdid u miżuri marbutin mal-forza tax-xogħol sabiex il-persuni jkunu jistgħu jerġgħu jidħlu f'impjieg;

68.

Jenfasizza li l-fondi strutturali għandhom jiffukaw fuq oqsma prijoritarji b'impatt ċar fuq it-tkabbir u l-impjiegi, u b'iffokar propost tal-politika ta' koeżjoni;

69.

Jenfasizza li l-Fond Soċjali Ewropew għandu jsir orjentat b'mod aktar ċar lejn miżuri attivi li fil-prattika jilħqu l-bżonnijiet ta' min iħaddem.

70.

Jilqa’ l-enfasi tal-Kummissjoni fuq il-Fond Soċjali Ewropew bħala l-istrument ewlieni biex jitrawwem investiment soċjali; jappoġġa bil-qawwa f’dan ir-rigward li tal-inqas 25 % tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni għandhom ikunu allokati għall-FSE u li 20 % tal-FSE f’kull Stat Membru għandhom jiġu allokati għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar;

71.

Jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 jkun fih riżorsi baġitaji xierqa biex jiġu stimulati u appoġġati l-investimenti soċjali fl-UE;

72.

Jitlob frontloading tas-EUR 6 biljun allokati għall-Inizjattiva l-ġdida favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fl-ewwel snin tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u jiġu implimentati l-garanziji għaż-żgħażagħ bħala kwistjoni ta' urġenza; jenfasizza li l-kosti tal-implimentazzjoni tal-garanziji għaż-żgħażagħ madwar iż-żona tal-euro huma stmati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol għal EUR 21 biljun u għalhekk jitlob li l-allokazzjoni tiġi riveduta ’l fuq fil-qafas ta’ reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali; jilqa' l-estensjoni tal-grupp ta' eliġibbiltà għall-garanzija taż-żgħażagħ taħt l-età ta' 30 sena;

73.

Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tesplora l-użu ta’ strumenti finanzjarji ġodda u biex jiżdied l-effett ta’ lieva tal-investimenti soċjali pubbliċi; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti iktar dettaljati dwar dik il-kwistjoni;

Id-dimensjoni soċjali tal-UEM

74.

Jikkunsidra li d-dixxiplina baġitarja fiż-żona tal-euro għandha titkejjel mhux biss permezz ta’ parametri referenzjarji fiskali u makroekonomiċi iżda għandha tkun ikkumplementata u titqiegħed fuq bażi ugwali ma’ parametri referenzjarji soċjali kif ukoll rapporti ta’ progress dwar riformi strutturali sabiex jiġi żgurat livell xieraq u effiċjenti ta’ investiment soċjali u b’hekk tiġi żgurata s-sostenibilità ta’ Unjoni Ewropea soċjali f’perspettiva fit-tul;

75.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, meta tkun qiegħda tikkunsidra kif tista' tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali ta' unjoni ekonomika u monetarja ġenwina, tindirizza l-ħtiġijiet ta' investiment pubbliku tal-Istati Membri, b'mod partikolari dawk relatati mal-miri soċjali u mal-edukazzjoni skont l-istrateġija Ewropea 2020;

76.

Itenni li Pakkett Soċjali għall-Ewropa għandu jippromwovi:

stabbiliment ta’ governanza ekonomika Ewropea għandu jkun akkumpanjat b’governanza soċjali mtejba, li tirrispetta kompletament l-awtomonija tas-sħab soċjali u l-importanza tad-djalogu tripartitiku

għandhom jiġu definiti l-istrumenti għall-introduzzjoni rapida ta’ Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ, qafas ta’ kwalità għal internships u apprentistati, servizzi deċenti u aċċessibbli, pagi għal għajxien deċenti b’introjti minimi nazzjonali li jipprevjenu l-faqar fost dawk li jaħdmu, protezzjoni soċjali u trasferibilità tad-drittijiet tal-pensjoni, u aċċess għal akkomodazzjoni soċjali affordjabbli u adegwata; bażi ta’ protezzjoni soċjali biex jiġi żgurat aċċess ugwali għas-servizzi tas-saħħa essenzjali irrispettivament mid-dħul; l-implimentazzjoni ta’ protokoll soċjali għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali soċjali u tax-xogħol, paga ugwali fost in-nisa u l-irġiel għall-istess xogħol jew għal xogħol ta' valur ugwali, u strateġija mġedda għas-saħħa u s-sikurezza.

inizjattiva leġiżlattiva ġdida rigward id-dritt tal-Parlamenti Nazzjonali li jirrikjedu inizjattiva leġiżlattiva mill-Kummissjoni bħala “karta ħadra” abbażi tal-Artikolu 352 tat-Trattat;

drittijiet ġodda għall-Parlamenti Nazzjonali biex jirrikjedu inizjattiva leġiżlattiva mill-Kummissjoni bħala “karta ħadra” permezz ta’ bidla fit-Trattat;

żgurar ta’ riżorsi xierqa għal investiment soċjali inklużi 25 % tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni għall-FSE;

77.

Jitlob lill-Istati Membri, fil-każijiet fejn minoranzi li jimblokkaw mhux iġġustifikati qed jipprevjenu l-progress meħtieġ, jespandu l-prinċipju ta' kooperazzjoni msaħħa għall-politiki soċjali u tal-impjieg;

o

o o

78.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.


(1)  ĠU L 59, 2.3.2013, p. 5.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2013)0053.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2012)0260.

(4)  ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 87.

(5)  ĠU C 248, 25.8.2011, p. 130.

(6)  ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 57.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2012)0224.

(8)  ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 6.

(9)  ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 23.

(10)  Testi adottati, P7_TA(2013)0092.

(11)  ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 65.

(12)  ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 11.

(13)  ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 112.

(14)  Rapport A7-0250/2012 tal-Kumitat tal-Parlament għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali.

(15)  Test adottat, P7_TA(2012)0429

(16)  Test adottat, P7_TA(2013)0050

(17)  Test adottat, P7_TA(2012)0419

(18)  http://europa.eu/rapid/press-release_STAT-13-28_en.htm?locale=en