|
5.2.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 45/29 |
P7_TA(2013)0176
Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew (2011)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' April 2013 dwar ir-Rapport Annwali għall-2011 tal-Bank Ċentrali Ewropew (2012/2304(INI))
(2016/C 045/05)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Annwali għall-2011 tal-Bank Ċentrali Ewropew, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 284 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 15 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' April 1998 dwar ir-responsabilità demokratika fit-tielet fażi tal-UEM (1), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Diċembru 2011 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-2010 (2), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 119(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0031/2013), |
|
A. |
billi t-tkabbir tal-PDG reali fiż-żona tal-euro kien ta' 1,5 % fl-2011, li jirrappreżenta tnaqqis minn 1,9 % fl-2010; billi bosta Stati Membri esperjenzaw tnaqqis kbir fir-ritmu ekonomiku matul l-istess perjodu; |
|
B. |
billi l-qgħad fiż-żona tal-euro żdied minn 10 % fi tmiem l-2010 għal 10,7 % fi tmiem l-2011; billi l-qgħad fost iż-żgħażagħ żdied b'mod sinifikanti matul l-istess perjodu; |
|
C. |
billi nħolqu madwar 14,4 miljun impjieg ġdid fiż-żona tal-euro mill-1999, meta mqabbel ma' madwar 10,7 miljun fl-Istati Uniti; |
|
D. |
billi, fl-2011, il-BĊE żied darbtejn ir-rati tal-imgħax, f'April u f'Lulju (b’25 punt bażi kull darba) u naqqashom darbtejn fit-tmiem is-sena, f'Novembru u f'Diċembru (għal darba oħra b'25 punt bażi kull darba); |
|
E. |
billi r-rata ta' inflazzjoni medja fiż-żona tal-euro telgħet għal 2,7 % fl-2011, minn 1,6 % fl-2010 u t-tkabbir tal-M3 niżel għal 1,5 % fl-2011, minn 1,7 % fl-2010; |
|
F. |
billi d-dikjarazzjoni finanzjarja kkonsolidata tal-Eurosistema laħqet EUR 2,735 biljun fl-aħħar tal-2011, ammont li jirrappreżenta żieda ta' madwar 36 % matul l-2011; |
|
G. |
billi l-BĊE nieda l-ewwel Operazzjoni ta' Rifinanzjament fit-Tul (LTRO) ta' tliet snin fil-21 ta' Diċembru 2011, li allokat EUR 489,2 biljun f'self b'maturità ta’ tliet snin; |
|
H. |
billi t-tkabbir tal-kreditu lis-settur privat naqas b'mod sinifikanti minn 1,6 % fl-2010 għal 0,4 % fl-2011, u s-self lis-settur privat naqas minn 2,4 % fl-2010 għal 1,2 % fl-2011; |
|
I. |
billi kemm l-aggregat wiesa' tal-M3 kif ukoll ir-rata ta' tkabbir annwali tal-kreditu estiż għas-settur privat esperjenzaw deċelerazzjoni f'daqqa tul l-aħħar tliet xhur tal-2011; |
|
J. |
billi l-ammont pendenti tal-bonds stabbilit skont il-programm tas-swieq tat-titoli fi tmiem l-2011 kien ta' EUR 211,4 biljun; |
|
K. |
billi l-assi mhux kummerċabbli saru l-akbar komponent ta' assi mressqa bħala kollateral għall-eurosistema matul is-sena 2011, li jirrappreżentaw 23 % tat-total, u billi t-titoli mhux kummerċabbli, flimkien mat-titoli abbażi ta’ assi, jirrappreżentaw aktar minn 40 % tal-assi totali mressqa bħala kollateral; |
|
L. |
billi d-dejn gross medju ġenerali tal-gvern żdied minn 85,6 % għal 88 % tal-PDG u d-defiċit ġenerali aggregat tal-gvern naqas minn 6,2 % għal 4,1 % tal-PDG; billi wħud mill-pajjiżi taż-żona tal-euro esperjenzaw żieda fil-livelli ta' defiċit; |
|
M. |
billi l-Artikolu 282 tat-TFUE jiddikjara li l-għan ewlieni tal-BĊE hu li jżomm l-istabbiltà tal-prezz u li l-BĊE għandu jappoġġa l-politiki ekonomiċi ġenerali tal-Unjoni bla ħsara għall-istabbiltà tal-prezz, u wkoll billi l-BĊE jingħata kompiti speċifiċi fir-rigward tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS); |
|
N. |
billi ambjent ta' inflazzjoni baxxa huwa l-aħjar kontribuzzjoni li l-politika monetarja tista’ tagħti biex jinħolqu kondizzjonijiet favorevoli għat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien ta' impjiegi, il-koeżjoni soċjali u l-istabbiltà finanzjarja; |
|
O. |
billi l-operazzjonijiet ta' rifinanzjament fit-tul tal-BĊE ta' Diċembru 2011 u Frar 2012 kienu jfissru li l-banek Ewropej ingħataw aktar minn EUR 1 triljun – EUR 489 biljun u EUR 529,5 biljun, rispettivament – permezz ta' self b'rata baxxa ta' mgħax b’terminu ta' 3 snin u b'rata ta' mgħax ta' 1 %; |
|
P. |
billi r-rakkomandazzjonijiet rigward it-trasparenza tal-votazzjoni u l-pubblikazzjoni tas-sommarju tal-minuti mressqa fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament dwar ir-rapporti annwali tal-BĊE għadhom ma ġewx ikkunsidrati; |
|
Q. |
billi l-istabbiltà tal-prezz hija fundamentali biex tiġi evitata inflazzjoni eċċessiva; |
|
R. |
billi ż-żamma ta' fluss ta' kreditu għall-SMEs hi partikolarment importanti peress li jimpjegaw 72 % tal-forza tax-xogħol taż-żona tal-euro u għandhom rati gross ogħla ta' ħolqien (u l-qerda) ta’ impjiegi; |
Politika monetarja
|
1. |
Ifaħħar il-pożizzjoni proattiva tal-BĊE matul l-2011 u l-2012, f'kuntest fejn ir-riskji għall-istabbiltà taż-żona tal-euro żdiedu konsiderevolment; |
|
2. |
Jilqa' l-pożizzjoni tal-BĊE f'dawn iż-żminijiet ta' kriżi, kemm f'dak li jirrigwardja l-politika monetarja kif ukoll fl-azzjonijiet tiegħu għall-istabbilizzazzjoni tas-swieq finanzjarji; |
|
3. |
Jieħu nota li l-biża' ta' inflazzjoni fit-terminu medju u li d-deċiżjonijiet ta' April u Lulju 2011 biex jiżdiedu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE setgħu kkontribwew, fost fatturi oħra, għaż-żieda tal-primjums ta’ riskju kkawżati mill-politika ta' intermedjarji finanzjarji u, għaldaqstant, għat-tnaqqis fir-rata ta' tkabbir tal-kreditu, u b'hekk kompla jiddgħajjef l-irkupru ekonomiku diġà debboli li ġie osservat fl-ewwel trimestru tal-2011; jifhem li f'dak il-perjodu kien hemm żmien ta' rkupru fl-attivitá ekonomika u żieda fil-livelli tal-prezzijiet li wassal biex il-BĊE jibża' mir-ritorn ta' inflazzjoni fit-terminu medju; |
|
4. |
Jilqa' d-deċiżjoni sussegwenti li dawn id-deċiżjonijiet jitreġġgħu lura fi tmiem l-2011, u t-tnaqqis ulterjuri fl-2012, kif ukoll l-adozzjoni ta’ miżuri mhux standard bl-għan li jkun hemm mira ta' stabbiliment mill-ġdid tal-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni monetarja; |
|
5. |
Jinnota li ż-żieda fl-inflazzjoni osservata fl-2011 kienet prinċipalment dovuta għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u, fuq grad ħafna inqas, minħabba l-prezzijiet tal-ikel u ta' komoditajiet oħra, fost fatturi oħra; |
|
6. |
Jirrikonoxxi l-isforzi tal-BĊE biex jgħin fl-istabilizzazzjoni tas-swieq, b’mod partikolari permezz tal-Programm tas-Swieq tat-Titoli, l-Operazzjoni ta' Rifinanzjament fit-Tul (LTRO) ta' tliet snin u t-Tranżazzjonijiet Monetarji Diretti, iżda jirrimarka li għad mhemmx ħjiel ta' soluzzjoni strutturali għall-kriżi; |
|
7. |
Jinnota li l-Programm tas-Swieq tat-Titoli temporanjament għen biex itaffi l-pressjoni tal-kostijiet ta' self għall-Istati Membri taż-żona tal-euro li qed jesperjenzaw jew li huma mhedda minn diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom; jinnota li l-operazzjonijiet ta' assorbiment ta' likwidità mwettqa biex jiġi sterilizzat dan ix-xiri naqqsu l-livelli ta' riżervi eċċessivi, filwaqt li taw kontribut, sa ċertu punt, għall-għan ta' kisba mill-ġdid tal-kontroll tar-rata tal-'euro overnight index average' (EONIA); |
|
8. |
Jirrikonoxxi l-fatt li filwaqt li ż-żewġ LTROs ta' tliet snin kienu effettivi biex jevitaw il-kriżi tal-kreditu, għad hemm mistoqsijiet dwar il-kapaċità tas-settur finanzjarju li jreġġa' lura s-self li rċieva l-BĊE; jirrimarka li r-riżultati, f'termini ta' tkabbir tal-kreditu, ma kinux sodisfaċenti; jinnota li d-deċiżjoni tat-tnedija tal-ewwel LTRO ta' tliet snin fil-21 ta' Diċembru 2011 ħabtet mal-għeluq tal-programm tal-Programm tas-Swieq tat-Titoli, jifhem li l-BĊE ma jqis ebda operazzjoni minn tiegħu bħala finanzjar dirett tad-dejn sovran; |
|
9. |
Jitlob lill-BĊE jippubblika, fir-rapport tiegħu ta' kull xahar, il-figuri għall-ammont ta' dejn pubbliku ta' kull Stat Membru mniżżel bħala kollateral mill-istituzzjonijet finanzjarji; |
|
10. |
Jinnota t-trasferiment tar-riskji minn banek u gvernijiet f'diffikultajiet għall-karta tal-bilanċ tal-BĊE, li issa jiswa aktar minn 30 % tal-PDG taż-żona tal-euro; jenfasizza li l-LTROs ta' tliet snin ma jipprovdux soluzzjoni fundamentali għall-kriżi; |
|
11. |
Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar iż-żieda fil-livelli ta' likwidità eċċessiva osservata matul l-2011, b'mod partikolari fit-tieni simestru, riżultat ta' nuqqas ta' fiduċja bejn il-banek u nuqqas ta' self lill-ekonomija reali, minħabba l-inċertezza maħluqa mill-istaġnar ekonomiku u d-dejn eċċessiv tas-settur pubbliku u dak privat f'xi Stati Membri; jirrimarka li din is-sitwazzjoni, li tindika riskji li jwasslu għal nassa ta' likwidità, tagħmel ħsara lill-effiċjenza tal-isforzi tal-politika monetarja; |
|
12. |
Jinnota li l-linji ta' tpartit ma' banek ċentrali oħra, kif ukoll ir-rikors għall-operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament, l-operazzjonijiet ta' rifinanzjament medju u fit-tul b'allokazzjoni totali b'rati fissi, ir-rikors għall-faċilità ta' self marġinali u l-faċilità ta' depożitu kollha baqgħu f'livelli għoljin ħafna matul l-2011, li jirrifletti indebboliment qawwi tal-mekkaniżmu ta' trażmissjoni monetarja u tas-suq tas-self interbankarju taż-żona tal-euro; |
|
13. |
Jinsab ikkonċernat dwar il-livelli għoljin ħafna tal-Assistenza ta' Emerġenza fil-Likwidità (ELA) ipprovduta minn banek ċentrali nazzjonali matul l-2011 taħt l-awtorizzazzjoni tal-BĊE, u jitlob żvelar ulterjuri ta', u informazzjoni komplimentari dwar, il-firxa preċiża ta' tali linji u l-operazzjonijiet sottostanti, u dwar il-kondizzjonijiet marbutin magħhom; |
|
14. |
Jinnota li l-kreditu disponibbli għan-negozji u l-unitajiet domestiċi għadu lura ħafna mil-livelli ta' qabel il-kriżi u li t-tkabbir tiegħu naqas fl-2011; jenfasizza li dan il-fatt, flimkien mal-fatt li l-faċilità ta' depożitu kellha EUR 315,754 miljun fit-28 ta' Settembru 2012, iġġustifika b'mod ċar id-deċiżjoni tal-BĊE li jnaqqas ir-rati applikati għall-faċilità ta' self marġinali, l-operazzjonijiet ta' rifinanzjament u l-faċilità ta' depożitu; |
|
15. |
Jieħu nota tal-miżuri tal-BĊE dwar it-tnaqqis tar-rekwiżiti kollaterali u l-pożizzjoni dwar ir-regoli kollaterali għat-titoli abbażi ta’ assi (ABS), peress li dawn huma kkorrelatati sew mas-self għall-unitajiet domestiċi u għall-SMEs; |
|
16. |
Għadu mħasseb, madankollu, dwar il-livelli sinifikanti tal-assi mhux kummerċabbli u t-titoli abbażi ta' assi preżentati bħala kollateral lill-Eurosistema fil-qafas tal-operazzjonijiet ta' rifinanzjament tagħha; jitlob lill-BĊE jipprovdi informazzjoni dwar liema banek ċentrali aċċettaw tali titoli, u jiżvela informazzjoni dettaljata dwar il-metodi ta' valutazzjoni rigward l-assi kollha, inklużi dawk danneġġati; |
|
17. |
Jemmen li, fir-rigward tar-regoli kollaterali, għandhom japplikaw l-istess standards kemm għall-bonds sovrani kif ukoll għall-bonds tal-gvern reġjonali f'dawk il-każijiet fejn ir-reġjuni għandhom setgħat leġiżlattivi u fiskali peress li ż-żewġ tipi għandhom influwenza relevanti fuq it-trażmissjoni tajba tal-politika monetarja tal-BĊE; |
|
18. |
Jenfasizza li l-istituzzjonijiet li bbenefikaw minn sostenn straordinarju ta' likwidità ta’ bank ċentrali għandhom ikunu soġġetti għal kondizzjonalità, inkluż l-impenn mill-istituzzjonijiet li qed jibbenefikaw minn tali sostenn biex jiżdiedu l-livelli tal-kreditu billi jkunu stabbiliti miri ta’ self għall-ekonomija reali, u speċjalment għall-SMEs u l-unitajiet domestiċi, li mingħajrhom tali sforzi jistgħu jirriżultaw ineffikaċi; |
|
19. |
Jitlob lill-BĊE jesplora, b'koperazzjoni mill-qrib mal-gvernijiet tal-Istati Membri, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kompetenti u l-Kummissjoni, il-possibbiltà li jkun implimentat qafas, bħalma hu l-programm MERLIN elaborat mill-Bank tal-Ingilterra fi sħab mat-teżor tar-Renju Unit, rigward il-kondizzjonalitajiet marbuta mal-aċċess għall-faċilitajiet mhux konvenzjonali tal-bank ċentrali bħall-miri fuq is-self mogħti lill-SMEs; |
|
20. |
Iwissi li fin-nuqqas ta' kondizzjonalità xierqa, miżuri mhux standard bħal-LTROs ta' tliet snin jistgħu jonqsu milli jipproduċu l-effetti mixtieqa, iżidu l-volatilità u jiffavorixxu l-ħolqien ta' bżieżaq tal-assi fis-swieq finanzjarji jew, alternattivament, jistgħu jiffaċilitaw il-proċess ta' tnaqqis fl-effett ta’ lieva mingħajr kontrapartijiet sinifikanti fir-rigward tal-allokazzjoni tal-kreditu; jitlob, għalhekk, lill-BĊE janalizza bir-reqqa l-effetti, kemm dawk mixtieqa kif ukoll dawk li mhumiex, ta' dawn il-miżuri jew ta' miżuri oħrajn; |
|
21. |
Jirrikonoxxi li peress li l-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni monetarja mhux qed jopera tajjeb, il-BĊE għandu jfittex li jindirizza l-SMEs b’mod aktar dirett; jindika li fil-preżent SMEs simili miż-żona tal-Euro kollha ma għandhomx aċċess simili għal self minkejja li għandhom prospetti u riskji ekonomiċi simili; jistieden lill-BĊE jimplimenta politika li jixtri self titolizzat ta’ kwalità għolja tal-SMEs, partikolarment minn xi Stati Membri fejn il-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni monetarja ma jaħdimx; jenfasizza li din il-politika għandha tkun limitata fl-ammont u fiż-żmien, totalment sterilizzata u indirizzata biex tevita riskji għall-karta tal-bilanċ tal-BĊE; |
|
22. |
Jenfasizza li tali termini għandhom ikunu marbuta b'mod dirett mal-benefiċċji ekonomiċi pprovduti mill-banek permezz ta' miżuri ta' politika monetarja mhux konvenzjonali u permezz tal-programmi ta' salvataġġ finanzjarju, filwaqt li jiżguraw li d-dħul ġdid konċess minn dawn il-politiki jirriżulta f'aktar għotita' kreditu; |
|
23. |
Ifakkar li l-politika monetarja tikkondividi parti mir-responsabilità tal-ħolqien ta' bżieżaq tal-assi, fid-dawl tat-tkabbir insostenibbli tal-kreditu tul is-snin ta’ qabel il-kriżi, minkejja li l-istabbiltà tal-prezz kienet żgurata; jenfasizza l-importanza tax-xejriet tal-prezzijiet tal-assi u tad-dinamika tal-kreditu bħala indikaturi għall-monitoraġġ tal-istabbiltà finanzjarja; |
|
24. |
Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu dwar il-proċess ta' negozjar tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (DRK) IV biex jiġu imposti kondizzjonijiet addizzjonali fuq l-istituzzjonijiet li bbenefikaw mis-sostenn ta' likwidità tal-BĊE; |
|
25. |
Iqis li s-sistema ta' pagament TARGET 2 kellha rwol importanti biex tissalvagwardja l-integrità tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro; jinnota, madankollu, li l-iżbilanċi sinifikanti tat-TARGET 2 jiżvelaw il-frammentazzjoni inkwetanti tas-swieq finanzjarji fiż-żona tal-euro, kif ukoll il-delokalizzazzjoni kontinwa tal-kapital fl-Istati Membri li qed jesperjenzaw jew li huma mhedda minn diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom; |
|
26. |
Jifraħ lill-BĊE u lill-Eurosistema talli għamlu s-sistema TARGET 2 aktar trasparenti fir-rapport annwali tiegħu għall-2011; jitlob lill-BĊE u lill-Eurosistema jippubblikaw statistika ta' kull xhar dwar l-evoluzzjoni tas-sistema; |
|
27. |
Jemmen li s-sistema TARGET 2 hi fundamentali għall-funzjonament tajjeb tal-euro; |
|
28. |
Jenfasizza li jistgħu jinkisbu lezzjonijiet interessanti għaż-żona tal-euro mill-istudju tal-funzjonament tal-bilanċ tas-sistemi ta' pagamenti f'unjonijiet monetarji federali oħra bħall-Istati Uniti; |
|
29. |
Jitlob lill-BĊE u lill-Kummissjoni jikkunsidraw jekk l-Artikoli 129(3) u 129(4) tat-TFUE jistgħux jipprovdu bażi legali xierqa biex ikun hemm aktar trasparenza u dettall globali tal-karta ta' bilanċ ikkonsolidata tal-Eurosistema; |
Il-kriżi ekonomika u l-BĊE
|
30. |
Jistieden lill-BĊE jippubblika d-deċiżjoni legali rigward il-programm tat-Tranżazzjonijiet Monetarji Diretti sabiex tkun tista' ssir analiżi aktar fil-fond tad-dettalji u l-implikazzjonijiet tagħha; |
|
31. |
Jilqa' l-impenn tal-BĊE li jiggarantixxi statut pari passu għal assi materjali relatati ma’ kwalunkwe programm futur tat-Tranżazzjonijiet Monetarji Diretti, kif ukoll l-enfasi tiegħu dwar l-isterilizzazzjoni tax-xiri kollu tat-Tranżazzjonijiet Monetarji Diretti, sabiex ir-riżervi eċċessivi jkunu utilizzati; jirrikonoxxi, fl-istess ħin, l-isfidi relatati ma' tali miżuri ta' sterilizzazzjoni u jenfasizza l-bżonn li jissorvelja mill-qrib u jevalwa l-effetti; jemmen li l-programm tat-Tranżazzjonijiet Monetarji Diretti jista' jkun adattat għall-bżonnijiet ta' dawk il-pajjiżi li waslu biex jiffinalizzaw is-salvataġġ finanzjarju tagħhom u li qed jerġgħu jibdew joħorġu d-dejn; |
|
32. |
Jirrimarka li l-kriżi li għadha għaddejja hi kwistjoni ta' tħassib peress li thedded l-isforzi sostanzjali li qed jagħmlu l-Istati Membri fir-rigward tal-konsolidazzjoni baġitarja u l-istrateġiji ta' rispons għall-kriżijiet; jinnota li t-tnaqqis kbir attwali fir-ritmu ekonomiku f'bosta Stati Membri taż-żona tal-euro għandu konsegwenzi ekonomiċi u fiskali negattivi, bħalma huma l-effetti fid-dħul mit-taxxa u fin-nefqa soċjali f'dawk il-pajjiżi, li qed ikomplu jagħmlu l-problemi ta’ dejn pubbliku tagħhom aktar serji, jieħu nota li dawn il-pajjiżi attwalment qed iwettqu miżuri biex jiksbu aċċess mill-ġdid għal swieq tal-kapital u żjidu l-produttivitá tagħhom |
|
33. |
Jirrimarka li l-bonds sovrani u l-istituzzjonijiet finanzjarji juru aspetti vulnerabbi persistenti u li l-effetti reċiproki negattivi bejn il-bonds sovrani u l-banek jistgħu jitwaqqfu biss permezz ta' konsolidazzjoni fiskali u kapitalizzazzjoni tas-settur bankarju f'ambjent ta' tkabbir ekonomiku; |
|
34. |
Jikkunsidra li kawża tan-nuqqas ta' sostennibbiltà tal-kontijiet pubbliċi f'xi pajjiżi taż-żona tal-euro hija r-reċessjoni ekonomika kontinwa, li qed toħloq żieda fil-qgħad u tnaqqis fid-dħul mit-taxxa; jafferma, għalhekk, li l-politiki għat-trawwim tat-tkabbir u l-ħolqien tax-xogħol iridu jkunu prijorità ewlenija għall-Unjoni; |
|
35. |
Iħeġġeġ lill-President tal-BĊE Mario Draghi biex jerġa' jibda t-tradizzjoni li nbdiet mill-predeċessur tiegħu Jean-Claude Trichet, li fil-laqgħat tal-Grupp tal-euro b'mod persistent qajjem il-kwistjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, b'mod speċjali d-differenzi bejn il-produttività u ż-żidiet fil-pagi, li wasslu għal diverġenza qawwija bejn il-livelli tal-kompetittività bejn l-Istati Membri; |
|
36. |
Jikkunsidra li l-azzjonijiet tal-BĊE għandhom ikunu vvalutati fil-kuntest tad-dibattitu attwali dwar il-futur tal-UEM; jirrimarka li għamel sejħa għal kapaċità baġitarja miżjuda għall-UEM, fil-qafas tal-baġit u abbażi tar-riżorsi proprji speċifiċi (inkluża t-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji), biex jappoġġa t-tkabbir u l-koeżjoni soċjali filwaqt li jindirizza l-iżbilanċi, id-diverġenzi strutturali u l-emerġenzi finanzjarji li huma direttament konnessi mal-unjoni monetarja, mingħajr ma jippreġudika l-funzjonijiet tradizzjonali tagħha li tiffinanzja l-politiki komuni; jikkunsidra li tali kapaċità baġitarja ttejjeb b'mod sinifikanti t-taħlita politika fl-UEM; |
|
37. |
Jinnota n-nuqqas ta' rieda tal-BĊE li jerfa' sehmu stess fil-proċessi ta' ristrutturar tad-dejn, inkluż fuq il-bonds li akkwista fis-suq sekondarju, b'valur nominali inqas; jinnota n-nuqqas ta' rieda tal-BĊE li jiżvela informazzjoni rilevanti dwar il-kwistjoni sal-ġurnata tal-lum, notevolment rigward il-prezz li ħallas għall-bonds Griegi; jifhem li l-BĊE qies li tali parteċipazzjoni kienet tammonta għal finanzjament monetarju tal-gvern; |
|
38. |
Ifakkar li l-BĊE wera li huwa lest jikkoopera mal-banek ċentrali nazzjonali u mal-gvernijiet tal-Istati Membri biex jitwaqqaf mekkaniżmu bl-għan li jidderiġi lejn l-isforzi ta’ tnaqqis tad-dejn kwalunkwe profitt li jkun sar permezz tal-operati tal-Programm tas-Swieq tat-Titoli fuq it-titoli ta' dejn sovran Grieg miżmuma għal raġunijiet monetarji; jitlob lill-partijiet imsemmija hawn fuq biex jaġixxu b'mod diliġenti biex iwaqqfu tali mekkaniżmu; |
|
39. |
Jinnota li s-sitwazzjoni ekonomika f'ċerti ekonomiji qed tiġġenera flussi ta’ kapital qawwija li jaggravaw dawk id-diffikultajiet ta’ finanzjament tal-ekonomiji u li mhumiex sostenibbli f'perjodu qasir u – aktar u aktar – fit-tul; jisħaq li dawn l-iżbilanċi kellhom effetti ta' tfixkil enormi li jwasslu għal esternalitajiet negattivi bi prezz għoli u li huma problema għaż-żona tal-euro kollha, filwaqt li jheddu l-istabbiltà tal-ekonomiji kollha tagħha; dawn l-iżbilanċi jistgħu jiġu indirizzati biss jekk tiġi implimentata soluzzjoni komprensiva u fit-tul għall-kriżi taż-żona tal-euro li tkun mibnija fuq approċċ li jgħaqqad is-solidarjetà u r-responsabilità; |
|
40. |
Jitlob li jiġu esplorati modi biex it-'trojka' li jipparteċipaw fiha b'mod demokratiku r-rappreżentanti tal-BĊE, tinżamm responsabbli quddiem il-Parlament; jinsisti dwar il-fatt li s-seduti ta’ smigħ pubbliku organizzati fil-Parlament mhumiex biżżejjed biex jiżguraw responsabilitá demokratika; |
|
41. |
Jistieden lill-BĊE jippreżenta, fil-qafas tad-Djalogu Monetarju u fir-rapport annwali tiegħu li jmiss, valutazzjoni ex post tal-involviment tiegħu fil-programmi ta' aġġustament, u l-impatti fuqhom, il-kunflitti ta' interess potenzjali li jirriżultaw minn tali parteċipazzjoni kif ukoll l-adegwatezza tas-suppożizzjonijiet u x-xenarji makroekonomiċi; |
Unjoni bankarja
|
42. |
Jikkunsidra urġenti li tinħoloq l-unjoni bankarja, proġett li jista' jkun possibbli biss permezz ta' artikolazzjoni koerenti tal-istrumenti, ir-responsabbiltajiet u l-obbligu ta' rendikont demokratiku globali; |
|
43. |
Jikkunsidra li, biex jingħelbu n-nuqqasijiet strutturali inerenti fl-UEM, u biex jitrażżan b'mod effikaċi l-periklu morali mifrux, l-unjoni bankarja proposta għandha tislet mir-riforma ta' qabel tas-settur tas-servizzi finanzjarji tal-Unjoni (inkluż il-ħolqien tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (EMSA), l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) u l-BERS), mill-governanza ekonomika msaħħa (speċjalment fiż-żona tal-euro) u mill-qafas baġitarju l-ġdid, tas-Semestru Ewropew biex jiġu żgurati reżiljenza u kompetittività akbar tas-settur bankarju tal-Unjoni u fiduċja akbar fih, u biex ikunu żgurati riżervi kapitali msaħħa biex jiġi evitat li l-baġits pubbliċi tal-Istati Membri jkollhom iġorru l-ispejjeż tas-salvataġġi finanzjarji futuri tal-banek; |
|
44. |
Jitlob li jiġi stabbilit mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU) malajr kemm jista' jkun sabiex tiżdied il-kredibbiltà tas-sistema bankarja taż-żona tal-euro; jirrimarka li l-konferiment tal-kompiti superviżorji lill-BĊE huwa bla ħsara għall-adozzjoni, permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, ta' arkitettura futura u aktar komprensiva, kompletament maqtuha mill-politika monetarja; |
|
45. |
Jilqa' l-impetu attwali favur il-ħolqien ta’ MSU; jirrimarka li proposti msaħħa dwar l-irkupru bankarju u awtorità Ewropea tar-riżoluzzjoni unika, u dwar l-iskemi ta' garanzija tad-depożitu, huma neċessarji biex tkun ikkompletata l-ġabra wiesgħa ta' strumenti legali meħtieġa għal unjoni bankarja; |
|
46. |
Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti għal fond ta' riżoluzzjoni Ewropew ġdid u skema Ewropea ta' garanzija tad-depożiti li jikkumplementaw il-funzjonijiet superviżorji tal-BĊE; |
|
47. |
Iqis li huwa essenzjali li jiġu introdotti salvagwardji effikaċi sabiex jiġi evitat li l-aġendi konfliġġenti jiġu riflessi fil-politika monetarja tal-BĊE u l-poteri superviżorji tiegħu; jenfasizza li kwalunkwe indeboliment possibbli tal-awtorità tal-BĊE fuq il-politika monetarja, kif ukoll kwalunkwe tnaqqir tas-setgħat superviżorji tiegħu minħabba obbligi tal-politika monetarja, jeħtieġ li jiġu indirizzati permezz ta' mekkaniżmu xieraq imwaqqaf biex jidentifika u jsolvi l-kunflitti potenzjali; |
|
48. |
Jenfasizza d-diffikultajiet li qed jaffaċċa l-proġett tal-unjoni bankarja li qed jinqalgħu mill-persistenza tal-kriżi ekonomika li qed tiġġenera proċess fejn il-banek qegħdin jinnazzjonalizzaw mill-ġdid l-attivitajiet tagħhom; jikkunsidra li dan jista' jdgħajjef l-ispirtu u l-effiċjenzja tas-Suq Uniku; |
|
49. |
Jinnota li d-dibattitu dwar il-ħolqien tal-unjoni bankarja bl-għan ta' sistema finanzjarja aktar stabbli u reżiljenti huwa marbut mill-qrib kemm mal-ħtieġa li jitfasslu u jiġu intordotti delimitazzjoni u separazzjoni istituzzjonali fis-settur bankarju – ispirati minn, pereżempju, ir-rakkomandazzjonijiet tal-OECD u r-rakkomandazzjonijiet ippreżentati fir-Rapporti Vickers u Liikanen – kif ukoll mal-ħtieġa li s-sistema bankarja “parallela” tiġi rregolata b'mod sħiħ; |
|
50. |
Hu tal-opinjoni li l-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fl-MSU għandhom ikunu involuti bi drittijiet u responsabbiltajiet ugwali. |
|
51. |
Jemmen li għandu jiġi kkonsultat fin-nomina tal-membri tal-Kunsill Superviżorju tal-BĊE; |
|
52. |
Jirrikonoxxi l-importanza ta’ ġabra unika tar-regoli mfassla mill-ABE sabiex tinżamm il-koeżjoni tas-Suq Uniku; |
Kwistjonijiet istituzzjonali.
|
53. |
Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' trasparenza tal-metodu ta' ħidma kif ukoll għan-nuqqas ta' obbligu ta’ rendikont tat-Trojka u n-nuqqas ta' kontroll demokratiku fuqha; jemmen li kwalunkwe korp bħal dan, attwali jew futur, li jinvolvi lill-BĊE u/jew lil-Kummissjoni għandu jkun responsabbli kemm quddiem il-Parlament Ewropew kif ukoll quddiem il-parlamenti nazzjonali fil-livelli rispettivi tagħhom; |
|
54. |
Jisħaq l-importanza li d-djalogu monetarju regolari bejn il-BĊE u l-Parlament isir ħafna aktar effikaċi, filwaqt li jinnota b'mod partikolari li l-Membri tal-Parlament Ewropew ma jirċevux informazzjoni biżżejjed dwar ir-riżultati u l-implimentazzjoni tal-proposti u l-ideat tagħhom li jressqu matul id-djalogu; jitlob lill-BĊE jippubblika t-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub indirizzati lilu mill-Membri tal-PE fuq sit elettroniku; jitlob lill-BĊE jipprovdi reazzjonijiet dettaljati għar-rapporti annwali tal-Parlament dwar il-BĊE fir-rapporti annwali suċċessivi tiegħu; |
|
55. |
Jitlob lill-BĊE jippubblika s-sommarju tal-minuti tal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv, flimkien mad-diskussjonijiet u r-reġistri tal-votazzjonijiet, u jtejjeb l-aċċess għad-dokumenti u l-proċeduri ta’ politika tal-BĊE; |
|
56. |
Jifhem li, fil-maġġoranza tal-każijiet, id-deċiżjonijiet qed jittieħdu fuq bażi kunsenswali; |
|
57. |
Jenfasizza li se jiżvolġi r-rwol tiegħu ta' leġiżlatur b'mod sħiħ fil-kwistjonijiet kollha li jinvolvu s-superviżjoni bankarja; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ l-obbligu demokratiku ta' rendikont tal-BĊE fid-dawl tar-responsabbiltajiet il-ġodda mogħtija lilu rigward il-kompiti superviżorji, l-involviment tiegħu fil-programmi tat-Trojka, u b'mod aktar ġenerali, ir-rwol prominenti tiegħu fl-immaniġġjar tal-kriżi; |
|
58. |
Jirrimarka li r-reviżjoni ta' Trattat, li jikkonċerna l-ħidmiet il-ġodda tal-BĊE fil-qasam tas-sorveljanza prudenzjali, ma għandhiex tiġi eskluża sabiex jiġu riflessi n-natura li qed tevolvi tal-qafas istituzzjonali tal-UE, il-kwistjonijiet urġenti ta' kontabilità u kontroll u l-isfidi mqanqla mill-approfondiment tal-Unjoni; |
|
59. |
Iħeġġeġ lill-Kunsill Governattiv tal-BĊE jtejjeb b'mod sinifikanti u jiżvela r-regoli tiegħu dwar il-kunflitti ta' interessi u ż-żmienijiet ta’ riflessjoni fir-rigward l-uffiċjali eżekuttivi għoljin tal-BĊE, u biex iżomm reġistru tal-laqgħat bejn l-uffiċjali għoljin tal-BĊE u l-partijiet interessati; |
|
60. |
Jinsab imħasseb ħafna dwar in-nuqqas ta' nisa fil-bord eżekuttiv tal-BĊE, sitwazzjoni li tmur kontra l-prinċipji stipulati fit-Trattat rigward l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa (l-Artikoli 2, 3, u 8 fit-TUE, kif ukoll l-Artikolu 21 fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali), tikkontribwixxi għas-sentiment fost iċ-ċittadini li l-BĊE hu maqtugħ mit-tħassib tagħhom, u tmur kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Parlament għat-titjib tal-ugwaljanza bejn is-sessi f'bordijiet ta' livell għoli fis-settur ekonomiku; |
|
61. |
Jinsisti li, f'każ li l-BĊE fl-aħħar nett isir is-superviżur uniku għall-banek fiż-żona tal-euro, anke fuq bażi temporanja, il-Parlament għandu jkollu rwol ċar fin-nomina tal-membri tal-bord superviżorju; |
|
62. |
Jitlob it-tisħiħ tas-setgħat tiegħu li jiddenunzja membru tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE fir-rigward ta' każijiet serji ta' mġiba ħażina; |
o
o o
|
63. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Grupp tal-Euro u lill-Bank Ċentrali Ewropew. |
(1) ĠU C 138, 4.5.1998, p. 177.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0530.