30.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 440/107


P7_TA(2013)0032

Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn (2013/2513(RSP))

(2015/C 440/20)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-27 ta’ Ottubru 2011 dwar il-Baħrejn (1) u tal-15 ta’ Marzu 2012 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2011 dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (3),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-President tiegħu tat-12 ta' April 2011 dwar il-mewt ta' żewġ attivisti ċivili mill-Baħrejn u tat-28 ta' April 2011 fejn ikkundanna s-sentenzi ta' mewt mogħtija lil erba' persuni mill-Baħrejn talli pparteċipaw fi protesti paċifiċi favur id-demokrazija,

wara li kkunsidra ż-żjara ta’ delegazzjoni tas-Sottokumitat tiegħu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li saret fil-Baħrejn fid-19 u l-20 ta’ Diċembru 2012 u l-istqarrija għall-istampa maħruġa minn dik id-delegazzjoni,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti ta’ Kassazzjoni tal-Baħrejn tas-7 ta’ Jannar 2013 li s-sentenzi kontra t-13-il attivist politiku jiġu mwettqa,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar il-Baħrejn, b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet tagħha tal-24 ta’ Novembru 2011 dwar il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta Indipendenti tal-Baħrejn (Bahrain Independent Commission of Inquiry – BICI), tal-5 ta’ Settembru 2012 dwar id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Appell tal-Baħrejn dwar il-kawżi ta’ Abdulħadi al-Khawaġa u 19-il individwu ieħor, u tat-23 ta’ Novembru 2012 dwar l-ewwel anniversarju tal-pubblikazzjoni tar-rapport tal-BICI, id-dikjarazzjonijiet li saru mill-portavuċi tagħha tat-13 ta’ Frar 2012 fl-anniversarju tal-ferment fil-Baħrejn, tal-10 ta' April 2012 dwar is-sitwazzjoni ta' Abdulħadi al-Khawaġa fil-Baħrejn, tas-16 ta’ Awwissu 2012 dwar is-sentenzjar ta’ Nabil Raġab fil-Baħrejn u tal-24 ta’ Ottubru 2012 u tas-7 ta’ Novembru 2012 dwar il-vjolenza li seħħet dan l-aħħar fil-Baħrejn, u d-dikjarazzjonijiet li saru mill-VP/RGħ fil-Parlament Ewropew fit-12 ta’ Ottubru 2011 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu, fis-Sirja, fil-Jemen u fil-Baħrejn,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Baħrejn tal-24 ta' Mejju 2011, tat-12 ta' April 2011, tal-21 ta’ Marzu 2011 u tal-21 ta' Frar 2011,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet li saru mis-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-23 ta’ Ġunju 2011 u tat-30 ta’ Settembru 2011 dwar is-sentenzi imposti fuq 21 Baħrejni li huma attivisti politiċi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u mexxejja tal-oppożizzjoni, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet li saru mill-portavuċi tas-Segretarju Ġenerali tat-12 ta’ April 2012 dwar l-attakk bil-bombi fil-Baħrejn u tat-30 ta’ Settembru 2011, tal-15 ta’ Frar 2012, tal-24 ta’ April 2012, tal-5 ta’ Settembru 2012, tal-1 ta’ Novembru 2012 u tat-8 ta’ Jannar 2013 dwar il-Baħrejn,

wara li kkunsidra r-rapport li ġie rilaxxat mill-BICI f’Novembru 2011 u r-rapport ta’ segwitu tiegħu tal-21 ta’ Novembru 2012,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni li saret mill-Kunsill Ministerjali tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC) dwar l-attakki terroristiċi bil-bombi f’Manama fil-5 ta’ Novembru 2012,

wara li kkunsidra l-Artikoli 61, 84, 87, 134, 135 u 146 tal-Liġi tal-Proċedura Kriminali tal-Baħrejn,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Prosekutur Pubbliku Baħrejni tat-23 ta' Ottubru 2011 rigward ir-riproċessar ta' tobba li kienu ttellgħu il-qorti preċedentement fi proċessi militari,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, il-Konvenzjoni Konta t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti, u l-Karta Għarbija dwar id-Drittijiet tl-Bniedem, li għalihom kollha l-Baħrejn huwa pajjiż firmatarju,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE tal-2004 dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif aġġornati fl-2008,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949,

wara li kkunsidra l-Artikoli 122 (5) u 110 (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn għadha waħda kritika wara li fl-2011 kienu ġew imrażżna dawk li pprotestaw favur id-demokrazija; billi ħafna azzjonijiet riċenti tal-Gvern Baħrejni għadhom qed jiksru u jirrestrinġu d-drittijiet u l-libertajiet ta’ taqsimiet tal-poplu Baħrejni, b’mod partikolari d-dritt tal-individwi li jagħmlu protesta paċifika, għal-libertà tal-kelma u l-libertà diġitali; billi l-awtoritajiet Baħrejni qed ikomplu bit-trażżin tagħhom ta' dawk li jieħdu sehem fi protesti politiċi paċifiċi;

B.

billi l-forzi tas-sigurtà u tal-pulizija għadhom qed jużaw vjolenza sproporzjonata, li qed twassal għal ferimenti u mwiet; billi kulma jmur qed ikun hemm aktar rapporti ta' vjolazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet Baħrejnin, inklui arresti extraġudizzjarji, rejdijiet extraġudizzjarji fuq djar, proċessi inġusti fil-qrati, attakki fuq il-midja, intimidazzjoni u umiljazzjoni ta’ ċittadini f’punti ta’ ċċekkjar u diskriminazzjoni massiva fuq il-postijiet tax-xogħol u fl-università;

C.

billi fis-16 ta’ Ottubru 2012 l-awtoritajiet arrestaw lil Moħammed al-Maskati, President tas-Soċjetà taż-Żgħażagħ tal-Baħrejn għad-Drittijiet tal-Bniedem, fuq akkużi li pparteċipa f’“ġemgħa illegali” f’Manama ġimgħa qabel; billi s-Sur al-Maskati nħeles fuq pleġġ il-jum ta’ wara u għadha ma ġiet iffissata l-ebda data tal-qorti;

D.

billi fit-18 ta’ Ottubru 2012 erba’ rġiel ġew detenuti talli ddefamaw ir-Re Baħrejni fuq sit tan-netwerking soċjali u billi, matul l-arrest tagħhom, il-forzi tas-sigurtà kkonfiskaw il-kompjuters tagħhom u tagħmir elettroniku ieħor; billi d-detenuti kollha ċaħdu li kienu wettqu xi reat;

E.

billi fit-30 ta’ Ottubru 2012 il-Ministru tal-Intern, Xik Raxid bin Abdullaħ al-Khalifa, ordna projbizzjoni fuq ir-ràlis u d-dimostrazzjonijiet pubbliċi kollha (għalkemm issa neħħiha formalment), filwaqt li qal li l-awtoritajiet ma kinux se jittolleraw aktar lil dawk li jipprotestaw kontra l-gvern;

F.

billi fil-5 ta’ Novembru 2012 splodew għadd ta’ bombi maħduma fid-djar fil-kapitali, Manama, fejn qatlu żewġ ħaddiema u darbu ieħor;

G.

billi fis-7 ta’ Novembru 2012 il-gvern irrevoka n-nazzjonalità ta’ 31 attivist li kienu ħadu sehem fi protesti paċifiċi, mingħajr proċess dovut tal-liġi, u b'hekk skont id-dritt internazzjonali kiser id-drittijiet ta' ċittadini Baħrejnin;

H.

billi fit-18 ta’ Diċembru 2012 Sajed Jusef al-Muħafdha, Viċi President taċ-Ċentru Baħrejni għad-Drittijiet tal-Bniedem (ĊBDB), li kkampanja bla mistrieħ biex ħafna attivisti jinħelsu, b'mod partikolari Nabil Raġab, President taċ-ĊBDB, u Ġalila al-Salman, dik li kienet il-Viċi President tal-Assoċjazzjoni tal-Għalliema tal-Baħrejn, ġiet detenuta u akkużata li użat il-midja soċjali biex ixxerred aħbarijiet foloz; billi l-kawża tiegħu ġiet aġġornata sas-17 ta’ Jannar 2013, u billi għadu fil-kustodja u jekk jinsab ħati jeħel sa sentejn ħabs; billi ġie detenut kemm-il darba mill-awtoritajiet Baħrejnin bħala parti mill-immirar, fastidju u detenzjoni ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li għadhom qed isiru b’mod sistematiku fil-Baħrejn;

I.

billi fis-7 ta’ Jannar 2013 il-Qorti ta’ Kassazzjoni tal-Baħrejn iddeċidiet li jitwettqu s-sentenzi ta’ żmien ta' priġunerija għal 13-il attivist prominenti akkużati li kkonfoffaw biex iwaqqgħu il-monarkija; billi tmienja minn dawk l-attivisti, inklużi Abdulħadi al-Khawaġa u Ibraħim Xarif, ġew ikkundannati għomorhom il-ħabs; billi dan il-verdett huwa finali u l-unika triq li fadlilhom l-imputati hija maħfra rjali; billi din is-sentenza tidher li tikkonferma li s-sistema ġudizzjarja tal-Baħrejn m'għandhiex l-abbiltà li tħares id-drittijiet bażiċi;

J.

billi l-kawżi kollha mismugħa mill-qrati militari qed jiġu rieżaminati mill-qrati ordinarji, u billi l-qrati ordinarji ġeneralment mhumiex qed jagħtu proċessi ġodda imma aktar qed jirrieżaminaw il-kundanni abbażi tar-reġistrazzjonijiet ikkumpilati mill-Qrati tas-Sikurezza Nazzjonali;

K.

billi minkejja l-wegħdi li kienu se jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-BICI u li kienu se jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem bażiċi u l-libertajiet fundamentali, l-awtoritajiet Baħrejnin naqsu milli jinvestigaw il-vjolenza u mill-jżommu lill-ħatja responsabbli; billi l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-BICI għadha miexja bil-mogħod;

L.

billi l-Baħrejn kien soġġett għall-Eżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Settembru 2012;

M.

billi fis-7 ta’ Diċembru 2012 il-Prinċep Eredi Baħrejni Salman bin Ħamad bin Isa al-Khalifah talab li jsir djalogu mal-oppożizzjoni tal-pajjiż bil-għan li jitwaqqaf l-istaġnar fl-istat Għarbi irrekwiet tal-Golf; billi huwa meħtieġ djalogu kunsenswali bejn il-forzi kollha bil-għan li jaslu għal soluzzjoni komprensiva;

1.

Jikkundanna l-vjolazzjonijiet li għadhom qed iseħħu bħalissa kontra d-drittijiet tal-bniedem mill-awtoritajiet u l-forzi tas-sigurtà tal-Baħrejn, b’mod partikolari l-użu tal-vjolenza, l-użu eċċessiv tal-gass tad-dmugħ, l-użu ta’ ċomb tal-għasafar minn distanza qasira, il-projbizzjoni ta’ kull sura ta’ protesta u l-arrest u d-detenzjoni ta’ persuni li ħadu sehem fi protesti b’mod paċifiku li għażlu li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom għal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda paċifika, minkejja l-ġabra konkreta u milqugħa tajjeb ħafna ta' rakkomandazzjonijiet li saru mill-BICI u l-impenn iddikjarat mill-awtoritajiet Baħrejnin li jimplimentaw ir-riformi tal-BICI;

2.

Iqis li l-obbligu tal-għoti ta’ rendikont għal vjolazzjonijiet imgħoddija huwa element ewlieni fit-triq lejn il-ġustizzja u r-rikonċiljazzjoni ġenwina, li huma meħtieġa għall-istabilità soċjali; jappoġġja bil-qawwa, għalhekk, ir-rakkomandazzjonijiet tal-BICI, li ġew approvati uffiċjalment ukoll mir-Re Ħamad u l-Gvern tiegħu;

3.

Iqis li hija ħaġa ta’ dispjaċir li r-rapport ta’ segwitu maħruġ mill-BICI fil-21 ta’ Novembru 2012 ukoll ma wassalx għal xi bidla sinifikanti fil-politiki tal-awtoritajiet Baħrejnin, b’mod partikolari fir-rigward tan-nuqqas ta’ progress biex tinstab soluzzjoni politika u fid-demokratizzazzjoni mwiegħda tal-pajjiż; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Baħrejn jiżguraw li r-rakkomandazzjonijiet jiġu implimentati malajr, li jiffissaw kalendarju u immedjatament jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem bażiċi u l-libertajiet fundamentali;

4.

Itenni it-talba insistenti tiegħu li l-forzi tas-sigurtà u l-awtoritajiet tal-Baħrejn iwaqqfu l-użu tal-vjolenza kontra dawk li jipprotestaw b'mod paċifiku u jtemmu r-ripressjoni li għadha għaddejja bħalissa tad-divrenzja politika permezz tal-prosekuzzjoni, id-detenzjoni u t-tortura; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jirrispettaw għalkollox il-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari l-libertà tal-għaqda u dik tal-espressjoni, kemm onlajn u kemm offlajn, u jtemmu b’effett immedjat ir-restrizzjonijiet kollha minn fuq l-aċċess għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet Baħrejnin jimplimentaw ir-riformi demokratiċi meħtieġa u jinkoraġġixu djalogu nazzjonali inklużiv u kostruttiv, inklużi taħdidiet diretti bejn il-komponenti tal-gvern u dawk tal-oppożizzjoni, li bħalissa mhumiex involuti fi djalogu, ħalli tkun tista’ sseħħ ir-rikonċiljazzjoni u jiġi rrestawrat il-kunsens soċjali kollettiv fil-pajjiż;

5.

Iqis li huma ta’ dispjaċir qawwi s-sentenzi l-aktar riċenti imposti fuq attivisti tal-oppożizzjoni u fuq persunal mediku u jitlob għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi Baħrejnin kollha, inklużi l-għalliema, it-tobba u persunal mediku ieħor, li ġew detenuti u akkużati b’allegati vjolazzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni paċifiċi, b’mod partikolari Sajed Jusef al-Muħafadha, Nabil Raġab u Abdulħadi al-Khawaġa;

6.

Jistieden lill-Gvern tal-Baħrejn imexxi investigazzjoni fil-pront u indipendenti tal-każijiet kollha ta’ vjolazzjonijiet kontra t-tfal, inklużi imma mhux limitata għall-arrest, id-detenzjoni u t-tortura, u jiżgura li t-tfal jinżammu f’faċilitajiet tad-detenzjoni li jkunu separati minn dawk użati għall-adulti u li jiġu ttrattati mis-sistema ġudizzjarja tal-minorenni;

7.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Baħrejn biex immedjatament ineħħu r-restrizzjonijiet de facto minn fuq id-demostrazzjonijiet kollha, li huma irrikonċiljabbli mal-impenn li huma taw biex jirriformaw u dawn ir-restrizzjonijiet mhumiex se jgħinu biex timxi 'l quddiem ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali jew biex tinbena l-fiduċja fost il-partijiet kollha;

8.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Baħrejn ineħħu r-restrizzjonijiet kollha minn fuq id-dħul tal-ġurnalisti barranin u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u jippermettu mekkaniżmu indipendenti għall-monitoraġġ tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fil-post; jitlob li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' monitoraġġ internazzjonali, li għandu jiġi stabbilit permezz ta’ riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU li għandha tiġi adottata waqt is-sessjoni tiegħu li jmiss f’Marzu 2013, b’mandat li jimmonitorja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-BICI u tal-Eżami Perjodiku Universali li sar tal-Baħrejn min-NU, inklużi dawk relatati mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-awtoritajiet tal-Baħrejn jadottaw miżuri biex ikunu ta’ deterrent kontra vjolazzjonijiet futuri tad-drittijiet tal-bniedem;

9.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Baħrejn jiżguraw li l-31 Baħrejni li ċ-ċittadinanza tagħhom ġiet irtirata jistgħu jappellaw id-deċiżjoni quddiem qorti, peress li hu ċar li r-revoka tan-nazzjonalità tal-opponenti politiċi mill-awtoritajiet Baħrejnin hija kuntrarja għad-dritt internazzjonali;

10.

Jisħaq fuq id-diżapprovazzjoni qawwija tiegħu rigward in-nuqqas ta’ reazzjoni min-naħa tal-UE għas-sitwazzjoni li għadha għaddejja bħalissa fil-Baħrejn u jistieden lill-VP/RGħ tikkundanna l-vjolazzjonijiet li għadhom għaddejjin bħalissa tad-drittijiet tal-bniedem bażiċi u tal-libertajiet fundamentali, timponi miżuri restrittivi b’miri speċifikati fuq l-individwi direttament responsabbligħall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem jew involuti fihom (kif iddokumentat fir-rapport tal-BICI) mill-ġdid ir-relazzjonijiet kummerċjali u diplomatiċi attwali tal-UE mal-Baħrejn;

11.

Jitlob għas-sospensjoni tal-esportazzjonijiet lejn il-Baħrejn tal-gass tad-dmugħ u tagħmir għall-kontroll tal-folol u għall-projbizzjoni tagħhom sakemm ikunu saru l-investigazzjonijiet fir-rigward tal-użu mhux xieraq tagħhom u sakemm dawk li huma ħatja ta’ tali użu mhux xieraq ikunu inżammew responsabbli;

12.

Jitlob li jsiru restrizzjonijiet tal-esportazzjoni tal-UE fuq it-teknoloġiji użati biex jiġu segwiti, intraċċati, iċċensurati u ssorveljati l-flussi ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, li jirriżultaw fi vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;

13.

Jistieden lill-Gvern tal-Baħrejn jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jiggarantixxi l-kompetenza, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura fil-Baħrejn u jiżgura li taġixxi f’konformità sħiħa mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u b’mod partikolari jiżgura li l-qrati ma jistgħux jintużaw għal finijiet politiċi jew biex jiġi sanzjonat l-eżerċizzju leġittimu tad-drittijiet u libertajiet li huma ggarantiti universalment; Jistieden lill-Gvern Baħrejni jsaħħaħ id-drittijiet tal-imputati, inter alia billi jiżgura li jgawdu garanziji ta’ proċċess ġust, jippermettilhom li b’mod effikaċi jisfidaw l-evidenza miġjuba kontrihom, jipprovdi għal superviżjoni ġudizzjarja indipendenti tar-raġunijiet tad-detenzjoni u jiżgura li d-detenuti jiġu mħarsa minn trattament abbużiv matul l-investigazzjonijiet kriminali;

14.

Iqis li hija ħaġa ta’ dispjaċir li l-intenzjoni tal-Gvern tal-Baħrejn li jaġixxi skont is-sejbiet tal-BICI, kif ġie ddikjarat fis-sessjoni tar-Eżami Perjodiku Universali (EPU) f’Mejju 2012 qabel is-sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f’Ġinevra f’Settembru 2012, tidher li hija wegħda fiergħa, minħabba li sar ftit li xejn li hu ta' sostanza minn dakinhar ’l hawn kemm fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u kemm fir-rigward tad-demokrazija fil-Baħrejn;

15.

Japprova uffiċjalment ir-rakkomandazzjonijiet tal-EPU u jistieden lill-Gvern Baħrejni jagħti prijorità politika, u jalloka r-riżorsi meħtieġa, lil segwitu adegwat u f'waqtu; Jistieden lill-Gvern Baħrejni jtejjeb il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u jirratifika konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, bħalma huma l-Protokoll fakultattiv tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Pieni jew Trattamenti oħrajn Krudili, Inumani jew Degradanti, il-Protokolli Fakultattivi tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha kontra l-Għejbien Sfurzat;

16.

Jappoġġja u jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istituzzjoni Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem (INDB) tal-Baħrejn, u jirrakkomanda li l-INDB ikompli jiġi msaħħaħ aktar fuq il-bażi tal-Prinċipji ta’ Pariġi tal-pluraliżmu u tal-indipendenza; jappoġġja bis-saħħa l-INDB fil-funzjoni tagħha li timmonitorja u tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem tal-Baħrejnin kollha, imma għadu konvint mill-ħtieġa li tiġi żgurata l-libertà operazzjonali tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-NGOs indipendenti li huma attivi fil-Baħrejn;

17.

Iqis li l-elezzjonijiet parlamentari li jmiss huma parti kruċjali mill-proċess tar-rikonċiljazzjoni nazzjonali, u jinkoraġġixxi li jsiru sforzi biex tiġi ggarantita sistema elettorali ħielsa u ġusta kmieni biżżejjed għall-elezzjoni ġenerali tal-2014;

18.

Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw strateġija ċara għal kif l-UE, kemm b’mod pubbliku u kemm b’mod privat, se tirsisti b’mod attiv biex l-attivisti li jinsabu mitfugħa l-ħabs jinħelsu qabel il-laqgħat ministerjali bejn l-UE u l-GCC li għandhom isiru fil-Baħrejn f’nofs l-2013, u f’dan ir-rigward jistieden lill-VP/RGħ taħdem mal-Istati Membri biex tiġi żgurata l-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn, li għandhom jinkludu talba speċifika għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-attivisti li jinsabu mitfugħa l-ħabs;

19.

Jemmen li huwa kruċjali li jitkomplew isiru l-isforzi biex tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-UE u r-reġjun tal-Golf u biex jiġu promossi fehim u fiduċja reċiproċi; iqis li laqgħat interparlamentari regolari bejn il-Parlament u sħabu fir-reġjun huma forum importanti biex jiġi żviluppat djalogu kostruttiv u sinċier dwar kwestjonijiet ta' interess komuni;

20.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Baħrejn.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2011)0475.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2012)0094.

(3)  ĠU C 247 E, 17.8.2012, p. 1.