30.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 440/89


P7_TA(2013)0024

L-implimentazzjoni tal-IEPA bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali fiż-Żimbabwe

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2013 dwar l-implimentazzjoni ta' Ftehim Interim ta' Sħubija Ekonomika (FISE) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Afrikani tal-Lvant u tan-Nofsinhar, fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali fiż-Żimbabwe (2013/2515(RSP))

(2015/C 440/13)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika Interim bejn il-Madagaskar, il-Mawrizju, is-Seychelles u ż-Żimbabwe, fuq naħa waħda u l-Komunità Ewropea, fuq in-naħa l-oħra, li kien applikat b'mod provviżorju sa mill-14 ta' Mejju 2012,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP, fuq naħa waħda u l-Komunità Ewropea, fuq in-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-Ftehim ta' Cotonou),

wara li kkunsidra l-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT), b'mod partikolari l-Artikolu XXIV tiegħu,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millenju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000, li tistipula l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (MDGs),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Marzu 2009 dwar il-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati Afrikani tal-Lvant u tan-Nofsinhar fuq naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra (1),

wara li kkunsidra l-Communiqué tas-Sammit Straordinarju tal-Komunità tal-Iżvilupp tal-Afrika tan-Nofsinhar tal-1 ta' Ġunju 2012,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar iż-Żimbabwe tat-23 ta' Lulju 2012 u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/124/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (2),

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-kapitolu dwar il-kooperazzjoni għall-kummerċ tal-Ftehim ta' Cotonou, skont liema l-UE estendiet il-preferenzi ta' kummerċ reċiproku għall-pajjiżi tal-AKP, skada fil-31 ta' Diċembru 2007, mil-liema data s-sitwazzjoni ma kkonformatx mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ;

B.

billi l-ftehimiet ta' sħubija ekonomika (FSEs) huma ftehimiet kompatibbli mad-WTO, li għandhom l-għan li jappoġġjaw l-integrazzjoni reġjonali permezz tal-iżvilupp tal-kummerċ, tat-tkabbir sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar filwaqt li jippromwovu l-integrazzjoni gradwali tal-ekonomiji tal-AKP fl-ekonomija dinjija;

C.

billi l-Madagaskar, il-Mawrizju, is-Seychelles u ż-Żimbabwe huma firmatarji tal-Ftehim ta’ Cotonou; billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa element essenzjali tal-ftehim ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp bejn l-UE u l-pajjiżi tal-AKP;

D.

billi l-ftehimiet interim ta' sħubija ekonomika (FISE) jistgħu jitqiesu bħala l-ewwel pass fit-triq lejn FSEs sħaħ, grazzi għall-inklużjoni mhux biss tar-regoli dwar il-kummerċ fi prodotti iżda ukoll ta' kapitoli dwar ir-regoli tal-oriġini u l-protezzjoni tal-industrija naxxenti;

E.

billi d-dispożizzjonijiet dwar il-governanza tajba, it-trasparenza ta' karigi politiċi u d-drittijiet tal-bniedem, bi qbil mal-Artikoli 8, 11(b), 96 u 97 tal-Ftehim ta' Cotonou, tqiesu li kienu parti minn dan il-FISE bejn il-Komunità Ewropea fuq naħa waħda u s-Seychelles, il-Madagaskar, il-Mawrizju u ż-Żimbabwe fuq in-naħa l-oħra;

F.

billi, għalkemm is-sitwazzjoni attwali fiż-Żimbabwe fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija uriet sinjali ta' titjib, għad fadal bosta sfidi għall-kooperazzjoni futura bejn l-Unjoni u ż-Żimbabwe, b'mod partikolari rigward l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim Politiku Globali (GPA) u t-tmiem ta' kwalunkwe forma ta' abbuż u ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

G.

billi l-irkupru ekonomiku taż-Żimbabwe għadu fraġli u ċerti politiki tal-istat għadhom jirrappreżentaw theddida għar-relazzjonijiet ekonomiċi tal-ġejjieni bejn l-Unjoni u ż-Żimbabwe;

H.

billi ż-Żimbabwe qed juri ksur sfaċċat tal-ftehimiet internazzjonali u għal-liġijiet nazzjonali tiegħu billi qed ikompli jħalli l-bejgħ illegali tal-avorju tal-iljunfanti;

1.

Jirrimarka li l-UE għandha tippromwovi l-kummerċ ġust bejnha stess u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fuq il-bażi ta’ rispett sħiħ u garanzija tal-istandards tax-xogħol u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ILO, u għandha tiżgura l-applikazzjoni tal-ogħla standards soċjali u ambjentali possibbli; hu tal-fehma li dan jinkludi li jitħallas prezz ġust għar-riżorsi u għall-prodotti agrikoli ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw;

2.

Jenfasizza d-dħul fis-seħħ provviżorju tal-FISE bħala pass importanti fit-triq lejn it-tisħiħ tas-sħubija bejn l-UE u l-erba' pajjiżi Afrikani kkonċernati, fl-ambitu ta' qafas legali stabbli; jissottolinja l-importanza tan-negozjati kontinwi sabiex jintlaħaq ftehim sħiħ li jkollu l-għan li jħeġġeġ kummerċ miftuħ u ġust, investiment u intergrazzjoni reġjonali;

3.

Iqis id-dħul fis-seħħ tal-Att tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem fiż-Żimbabwe bħala pass inkoraġġanti mill-gvern bil-għan li titjieb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'dak il-pajjiż u bħala pass 'il quddiem bħala parti mill-pjan direzzjonali miftiehem għal elezzjonijiet paċifiċi u kredibbli;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni tintensifika n-negozjati mas-seba' pajjiżi li fadal tar-reġjun u tadotta approċċ li jiffaċilita l-iżvilupp li jkun bi qbil kemm mal-objettivi u l-prijoritajiet strateġiċi tar-reġjun u l-pajjiżi fih u f'konformità mar-regoli tad-WTO;

5.

Jesprimi t-tħassib tiegħu, madankollu, dwar l-abbużi kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fiż-Żimbabwe, li qegħdin ixekklu l-impenji meħuda mill-Gvern ta' Unità Nazzjonali taż-Żimbabwe tul dawn l-aħħar snin, u b'mod partikolari dwar l-inċidenti riċenti ta' abbuż tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ta' ġurnalisti u ta' membri tas-soċjetà ċivili fiż-Żimbabwe; jistieden lill-Gvern taż-Żimbabwe jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura li ħadd ma jkun soġġett għal abbuż jew intimidazzjoni għaliex ikun indirizza kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem;

6.

Jiddeplora n-nuqqas ta' klawżola b'saħħitha favur id-drittijiet tal-bniedem fl-IEPA, u jtenni t-talba tiegħu li l-ftehimiet kummerċjali konklużi mill-UE jinkludu klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem li jkunu vinkolanti; jiddispjaċih dwar l-ommissjoni ta' kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-ħtieġa tar-rispett tal-istandards internazzjonali dwar ix-xogħol u l-ambjent.

7.

Jenfasizza li l-libertà ta' għaqda, assoċjazzjoni u espressjoni huma elementi essenzjali tad-demokrazija u li għalihom iż-Żimbabwe impenja ruħu bis-sħiħ skont il-GPA; jiġbed l-attenzjoni għall-proċedura ta' approvazzjoni attwali, u jenfasizza li r-ratifika tal-FISE mal-Unjoni Ewropea bħala opportunità ulterjuri biex itenni l-bżonn ta' implimentazzjoni sħiħa ta' dawk l-impenji u l-obbligi;

8.

Jenfasizza li fiċ-ċirkostanzi attwali għandha tinżamm is-sospensjoni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE (skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou), iżda l-UE għandha żżomm l-impenn tagħha għall-appoġġ tal-popolazzjoni lokali;

9.

Jappoġġja l-miżuri mmirati attwalment fis-seħħ fl-UE, li jirrappreżentaw reazzjoni għas-sitwazzjoni tad-drittijiet politiċi u tal-bniedem fiż-Żimbabwe, b'deċiżjonijiet annwali li jippermettu lill-UE żżomm il-monitoraġġ kostanti ta' elementi prominenti fil-Gvern taż-Żimbabwe; barra minn hekk, jenfasizza, li dawn il-miżuri ma għandhomx jiġu effettwati mill-FISE;

10.

Jistieden lill-Gvern Żimbabwen jieħu l-passi meħtieġa, inklużi r-restawrazzjoni tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u, b’mod partikolari, referendum kostituzzjonali li jkun paċifiku u kredibbli u tħejjijiet elettorali li jissodisfaw standards internazzjonali rikonoxxuti, ħalli l-miżuri intenzjonati jkunu jistgħu jiġu sospiżi;

11.

Itenni r-rieda tiegħu li juża l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tiegħu f'każ li jkun hemm taħsir sinifikanti tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inkuż, inter alia, billi jikkunsidra l-użu tad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 65 tal-Ftehim (l-hekk imsejħa klawsola “ta' nuqqas ta' eżekuzzjoni”);

12.

Jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE f'Ħarare biex tkompli toffri l-assistenza tagħha lill-Gvern ta' Unità Nazzjonali taż-Żimbabwe sabiex ittejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem bil-għan li jkun hemm elezzjonijiet paċifiċi u kredibbli bi qbil mal-istandards li l-UE tippretendi minn kwalunkwe wieħed tas-sieħba kummerċjali tagħha;

13.

Jistieden lill-Gvern taż-Żimbabwe biex jinforza l-identifikazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' dawk li jkunu implikati fl-esportazzjoni illegali jew fil-kummerċ tal-avorju, u, barra minn hekk, biex iżid it-trasparenza tal-industriji tal-estrazzjoni taż-Żimbabwe, sabiex jiżgura l-ġid miksub mill-isfruttament legali tar-riżorsi naturali tal-pajjiż ikun ġustifikat kif xieraq u jkun ta' benefiċċju għaċ-ċittadini kollha taż-Żimbabwe;

14.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Gvern u lill-Parlament taż-Żimbabwe u lill-gvernijiet tal-Komunità għall-Iżvilupp tal-Afrika tan-Nofsinhar.


(1)  ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 129.

(2)  ĠU L 54, 28.2.2012, p. 20.