30.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 440/83


P7_TA(2013)0022

Iraq

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2013 dwar il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Iraq (2012/2850(RSP))

(2015/C 440/12)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra (1),

wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-12 ta' Awwissu 1949 dwar il-Ħarsien ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra, u l-Protokolli Addizzjonali I u II tagħha,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-31 ta' Ottubru 2000 dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

wara li kkunsidra t-tibdiliet fl-istatut tal-QKI, adottati tul il-Konferenza ta' Rieżami f'Kampala tal-11 ta' Ġunju 2010, li jinkludu definizzjoni ta' “reat ta' aggressjoni”,

wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà intitolata “Ewropa sikura f'dinja aħjar” tat-12 ta' Diċembru 2003,

wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp tat-22 ta' Novembru 2005,

wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/190/PESK tas-7 ta' Marzu 2005 dwar “il-Missjoni Integrata tal-Unjoni Ewropea tal-Istat tad-Dritt għall-Iraq, EUJUST LEX”, adottata skont il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK), u l-azzjonijiet konġunti sussegwenti li jemendaw u li jipprorogaw il-mandat tal-missjoni,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2006 intitolata “Rakkomandazzjonijiet għal impenn imġedded tal-Unjoni Ewropea favur l-Iraq” (COM(2006)0283),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa f'kunflitti armati u r-rwol tagħhom fil-proċess ta' rikostruzzjoni u dak demokratiku f'pajjiżi li joħorġu minn sitwazzjoni ta' kunflitt (2),

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali għall-Iraq adottat f'Sharm el-Sheik (l-Eġittu) fit-3 ta' Mejju 2007,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-13 ta' Marzu 2008 dwar l-irwol tal-Unjoni Ewropea fl-Iraq (3) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar “L-Iraq: il-piena kapitali (speċifikament il-każ ta' Tariq Aziz) u l-attakki kontra l-komunitajiet Insara” (4),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Novembru 2010,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1956 (2010), 1957 (2010) u 1958 (2010) tal-15 ta' Diċembru 2010,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar is-sitwazzjoni tal-Insara fil-kuntest tal-libertà reliġjuża (5),

wara li kkunsidra d-Dokument Strateġiku Konġunt għall-Iraq (2011-2013) tal-Kummissjoni,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, mill-2005 r-Repubblika tal-Iraq organizzat tliet elezzjonijiet multipartitiċi, adottat kostituzzjoni permezz ta' referendum, ħolqot il-bażi għal stat federali u għamlet sforzi biex tipprova tibni istituzzjonijiet demokratiċi u tikseb rikostruzzjoni u normalizzazzjoni;

B.

billi l-Ewropa u l-Iraq huma marbuta permezz ta' storja komuni u eluf ta' snin ta' influwenzi kulturali reċiproċi;

C.

billi fil-21 ta' Diċembru 2010 l-forzi politiċi kollha fl-Iraq laqħu ftehim dwar il-formazzjoni ta' gvern ta' unità nazzjonali f'konformità mar-rieda tal-poplu tal-Iraq kif espressa fl-elezzjonijiet tas-7 ta' Marzu 2010; billi dan il-ftehim għadu ma ġiex implimentat mill-Gvern Iraqi; billi n-nuqqas ta' implimentazzjoni qed jikkontribwixxi għall-fraġilità u l-frammentazzjoni tal-Iraq;

D.

billi l-Iraq ilu jospita varjetà ta' gruppi reliġjużi, inklużi l-Musulmani Sunni u Xiti, l-Insara, il-Lhud, il-Mandjani u l-Yazidi, kif ukoll klassi medja sinifikanti sekulari u mhux settarja;

E.

billi fl-2003 fl-Iraq kienu jgħixu 800 000 ċittadin Iraqi Nisrani (Kaldej, Sirijaċi u membri ta' minoranzi Nsara oħrajn), u billi dawn jikkostitwixxu popolazzjoni nattiva antika li llum tinsab esposta ħafna għall-persekuzzjonijiet u għall-eżilju; billi mijiet ta' eluf ta' Nsara ħarbu mill-vjolenza li huma għadhom isofru, jew billi telqu minn pajjiżhom għalkollox jew billi ġew spustati fi ħdan il-fruntieri tiegħu;

F.

billi l-elezzjonijiet lokali għandhom isiru fl-2013, u l-elezzjonijiet parlamentari għandhom isiru fl-2014;

G.

billi, kuntrarjament għax-xejra dinjija lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, in-numru ta' eżekuzzjonijiet fl-Iraq qed jiżdied; billi qed jiġi espress tħassib kbir minn, fost oħrajn, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, dwar in-nuqqas li l-proċessi li jwasslu għall-piena tal-mewt ikunu konsistenti ma' salvagwardji internazzjonali għal proċessi ġusti, inklużi kwistjonijiet bħan-nuqqas ta' trasparenza fi proċedimenti tal-qrati u każijiet li fihom “konfessjonijiet” inkisbu bit-tortura u b'forom oħra ta' trattament ħażin tal-imputati; billi l-piena kapitali hija forma ta' piena krudili u inumana u għandha tingħata prijorità assoluta lil djalogu politiku mal-awtoritajiet Iraqin dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt;

H.

billi l-kriżi fis-Sirja ħolqot flussi sostanzjali ġodda ta' rifuġjati u persuni rimpatrijati lejn l-Iraq, li issa qed jaffaċċjaw inċertezza personali u ekonomika sinifikanti u kundizzjonijiet ta' vulnerabbiltà estrema fl-Iraq;

I.

billi huwa importanti li d-Delegazzjoni tal-UE f'Bagdad ikollha l-fondi u r-riżorsi neċessarji biex tkun kompletament operattiva u tkun f'pożizzjoni li twettaq rwol sinifikanti fl-appoġġ tal-proċess demokratiku, fil-promozzjoni tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem u fl-għajnuna lill-awtoritajiet Iraqin u lill-poplu Iraqi fil-proċess tar-rikostruzzjoni, l-istabbilizzazzjoni u n-normalizzazzjoni; u billi uffiċċju distakkat f'Erbil jista' jwassal għal żieda sinifikanti fl-effikaċja tal-operat tad-delegazzjoni tal-UE f'Bagdad;

J.

billi l-Iraq irnexxielu jerġa' jġib il-produttività taż-żejt tiegħu għal kważi l-kapaċità sħiħa; billi, madankollu, l-istat Iraqi għadu jesperjenza diffikultajiet kbar fl-għoti ta' servizzi bażiċi, inklużi provvista regolari ta' elettriku fis-sajf, ilma nadif u kura tas-saħħa deċenti; billi, fir-rigward tal-isfruttament tar-riżorsi taż-żejt tal-Iraq, l-għajnuna teknika, l-istat tad-dritt u l-implimentazzjoni sħiħa tal-istandards internazzjonali għall-kuntratti u l-akkwist pubbliku se jkunu essenzjali sabiex jiġi promoss proċess ta' inklużjoni u welfare soċjali;

K.

billi l-qgħad fost l-irġiel żgħażagħ huwa qrib it-30 %, li jagħmilhom rekluti faċli għall-gangs kriminali u l-fazzjonijiet tal-milizzji; billi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni għandha tibqa' objettiv ewlieni tal-awtoritajiet Iraqin; billi l-UE għandha tagħmel ħilitha kollha biex toħloq inċentivi b'saħħithom biex il-kumpaniji Ewropej jappoġġaw miżuri kontra l-korruzzjoni fl-Iraq; billi l-awtoritajiet Iraqin għandhom jużaw id-dħul tal-pajjiż miż-żejt bħala għodda u opportunità għal rikostruzzjoni soċjali u ekonomika sostenibbli li tkun ta' benefiċċju għas-soċjetà kollha tal-Iraq, u għandhom jippromwovu proċess ta' riformi demokratiċi;

L.

billi, wara l-irtirar tal-forzi militari tal-Istati Uniti mill-Iraq fl-aħħar tal-2011, il-forzi tas-sigurtà Iraqin għandhom rwol kruċjali x'jiżvolġu għall-istabbiltà u s-sostenibbiltà tal-pajjiż fuq perjodu twil ta' żmien;

M.

billi, sal-lum il-ġurnata, skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR), ġew spustati 1 500 000 Iraqi fil-pajjiż, li 500 000 minnhom m'għandhomx dar, u 230 000 talbu r-rifuġju f'pajjiżi ġirien, l-aktar is-Sirja u l-Ġordan;

N.

billi l-Kurdistan Iraqi huwa reġjun tal-Iraq fejn ġie żgurat ċertu livell ta' paċi u ta' stabbiltà, fejn il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-iżvilupp u l-investimenti privati qed jiżdiedu;

O.

billi, minkejja titjib sinifikanti fis-sitwazzjoni tas-sigurtà, ir-rata attwali tal-attakki bil-bombi u ta' sparar għadha għolja u l-vjolenza sseħħ kuljum, ħaġa li tħalli ħafna Iraqin inċerti mill-futur tagħhom u tagħmilha impossibbli li tkun promossa integrazzjoni ekonomika u soċjali tal-popolazzjoni tal-Iraq inġenerali;

P.

billi, bil-għan li tiġi promossa l-istabbiltà fir-reġjun, l-Unjoni Ewropea għandha tassumi parti mir-responsabbiltà għall-bini ta' Iraq demokratiku u ġdid, u billi l-politika tal-UE għall-Iraq għandha tirrifletti l-kuntest usa' tas-sħubija strateġika tal-Unjoni mal-viċinat tan-Nofsinhar tagħha u mal-Lvant Nofsani;

Q.

billi l-isfidi ewlenin tar-rikostruzzjoni u tan-normalizzazzjoni huma istituzzjonali u soċjali, i.e. il-kompitu tal-bini tal-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva, il-konsolidament tal-istat tad-dritt u l-infurzar tal-liġi u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

R.

billi l-UE għandha tfassal l-użu tar-riżorsi tagħha skont l-isfidi interni, reġjonali u umanitarji speċifiċi li l-Iraq qed iħabbat wiċċu magħhom, u billi l-effikaċja, it-trasparenza u l-viżibbiltà huma kundizzjonijiet essenzjali għal rwol akbar tal-UE fl-Iraq;

S.

billi mill-2003 l-UE u l-Istati Membri tagħha kkontribwew b'aktar minn EUR 1 biljun f'għajnuna lill-Iraq, b'mod partikolari permezz tal-Fond Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni tal-Iraq (IRFFI), u billi mill-2005 l-Unjoni pparteċipat direttament fit-titjib tal-istat tad-dritt fil-pajjiż, bis-saħħa tal-missjoni PESD tagħha EUJUST LEX; billi l-mandat tal-missjoni EUJUST LEX ġie estiż sal-31 ta' Diċembru 2013;

T.

billi l-konklużjoni tal-ftehim ta' sħubija u ta' kooperazzjoni se tipprovdi lill-UE b'qafas kuntrattwali ġdid fejn jistgħu jiġu żviluppati relazzjonijiet ekonomiċi u politiċi għal tul ta' żmien mal-Iraq u jinħolqu pedamenti sodi għall-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

U.

billi l-Iraq huwa sieħeb potenzjalment importanti fl-iżgurar ta' diversifikazzjoni akbar tas-sorsi tal-enerġija u b'hekk jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa;

1.

Jilqa' l-konklużjoni tan-negozjati dwar il-ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Iraq, li jistabbilixxi l-ewwel relazzjonijiet kuntrattwali bejn iż-żewġ partijiet; jilqa' l-istabbiliment, permezz tal-ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni, ta' Kunsill ta' Kooperazzjoni, Kumitat ta' Kooperazzjoni u Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari u jistenna li dawn l-entitajiet jipprovdu impetus ġdid għall-involviment politiku tal-Unjoni fl-Iraq fl-ogħla livell, fil-forma ta' kuntatti politiċi regolari u l-iżvilupp tar-relazzjonijiet ekonomiċi mal-awtoritajiet Iraqin fl-ogħla livelli;

2.

Huwa tal-fehma li d-dispożizzjonijiet politiċi u kummerċjali tal-ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni joħolqu l-bażi għal djalogu politiku regolari aktar mill-qrib dwar il-kwistjonijiet ta' sinifikat bilaterali, reġjonali u globali, filwaqt li fl-istess ħin jippruvaw itejbu r-reġim ta' skambji kummerċjali bejn l-Iraq u l-UE billi jsostnu l-isforzi ta' żvilupp u ta' riforma meħudin mill-Iraq bil-għan li jiffavorixxu l-integrazzjoni ta' dan il-pajjiż fl-ekonomija dinjija;

3.

Jappoġġa l-proċess ta' adeżjoni tal-Iraq mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni għandha tagħti kontribut importanti għal dan il-proċess;

4.

Jenfasizza li l-klawsola dwar l-“element essenzjali” fil-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-armamenti ta' qerda tal-massa tistieden lill-partijiet biex iwettqu rwol attiv fid-diżarmament nukleari u biex jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom fil-Konferenza tan-NU dwar il-Lvant Nofsani mingħajr Armi Nukleari;

5.

Jilqa' l-kwalsola fil-ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iraqli tirrigwarda l-adeżjoni tal-Iraq għall-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); jisħaq fuq l-importanza li l-UE tipprovdi l-akbar appoġġ possibbli għar-ratifika tal-Iraq tal-Istatut ta' Ruma u għall-adeżjoni għalih mill-aktar fis possibbli, u għall-implimentazzjoni tal-istandards u l-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem bħala kwistjoni prijoritarja jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-Iraq biex jirratifikaw it-tibdiliet fl-istatut tal-QKI, adottati fil-11 ta' Ġunju 2010; ifaħħar, il-klawsola fil-ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni dwar il-kooperazzjoni fil-promozzjoni u l-protezzjoni effikaċi tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq, bit-twissija li jekk l-Iraq jonqos milli jipproteġi, isaħħaħ u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem dan in-nuqqas se jaffettwa b'mod negattiv il-programmi ta' kooperazzjoni u ta' żvilupp ekonomiku; jisħaq fuq l-importanza li tinżamm kundizzjonalità stretta abbażi tal-prinċipju ta' “aktar għal aktar” u l-ħtieġa li ssir enfasi akbar fuq l-importanza ta' progress sostanzjali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq; jilqa' l-wegħda tal-Gvern Iraqi li jippromwovi djalogu effikaċi mas-soċjetà ċivili u li jippromwovi l-parteċipazzjoni effettiva tagħha;

6.

Jenfasizza li d-djalogu politiku bejn l-UE u l-awtoritajiet Iraqin għandu jiffoka l-aktar fuq kwistjonijiet relatati mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, kemm ċiviċi kif ukoll individwali, b'referenza partikolari għall-allegazzjonijiet kontinwi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi reliġjużi u etniċi kollha, u għandu jiffoka wkoll fuq it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, it-teħid trasparenti tad-deċiżjonijiet, il-proċess ġust u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali; iħeġġeġ lill-Gvern Iraqi biex jaħdem favur ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali ta' soċjetà estremament frammentata;

7.

Jenfasizza l-bżonn li tingħata prijorità assoluta lid-djalogu politiku mal-awtoritajiet Iraqin dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt u l-appoġġ għall-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Gvern Iraqi biex jabolixxi l-piena tal-mewt, bħala l-ewwel pass, u biex jiddikjara u jimplimenta immedjatament moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet;

8.

Jilqa' t-twaqqif mill-ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari, li jkun forum tal-Parlament Iraqi u tal-Parlament Ewropew biex jiltaqgħu u jiskambjaw il-fehmiet, jiġi mgħarraf bir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni u jagħmel rakkomandazzjonijiet lil dak il-Kunsill; jappoġġa din id-dimensjoni parlamentari importanti u huwa tal-fehma li kumitat bħal dan se jipprovdi opportunità siewja għal djalogu demokratiku u l-għoti ta' appoġġ għad-demokrazija fl-Iraq;

9.

Itenni l-impenn tiegħu favur l-iżvilupp ta' demokrazija parlamentari u jfakkar fl-inizjattiva tiegħu, fil-baġit 2008, li jappoġġa l-istabbiliment tad-demokrazija f'kooperazzjoni mal-parlamenti ta' pajjiżi terzi; itenni r-rieda tiegħu li jsostni b'mod attiv il-Kunsill Iraqi tar-Rappreżentanti billi jipproponi inizjattivi bl-għan li tissaħħaħ il-kapaċità tar-rappreżentanti eletti Iraqin biex ikunu jistgħu jiżvolġu r-rwol kostituzzjonali tagħhom u li jitħeġġeġ it-trasferiment ta' esperjenzi fl-oqsma tal-amministrazzjoni effikaċi u t-taħriġ tal-persunal;

10.

Jenfasizza l-importanza li jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji għal djalogu tekniku u kooperazzjoni msaħħa mal-Iraq u l-għoti ta' appoġġ kontinwu lill-amministrazzjoni tiegħu, sabiex jkunu jistgħu jiġu introdotti u implimentati bis-sħiħ standards internazzjonali adegwati għall-kuntratti u l-akkwist pubbliku, u sabiex jittejbu l-opportunitajiet ta' investiment;

11.

Jistieden lill-Iraq jirratifika malajr kemm jista' jkun it-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari;

12.

Jilqa' l-ftuħ ta' Delegazzjoni tal-UE għall-Iraq f'Bagdad u l-ħatra ta' Kap ta' Delegazzjoni tal-UE; ifakkar, madankollu, fil-bżonn li jiġu garantiti għad-Delegazzjoni tal-UE l-uffiċċji proprji adegwati tagħha u r-riżorsi umani u materjali neċessarji proporzjonalment mal-ambizzjoni ddikjarata tal-UE li tassumi rwol sinifikanti fit-tranżizzjoni tal-Iraq lejn id-demokrazija, u bl-għan li d-Delegazzjoni tkun kompletament operattiva; jenfasizza li huwa essenzjali li l-Kap ta' Delegazzjoni jkun f'kundizzjoni li jivvjaġġa f'sigurtà assoluta fiż-żoni kollha tal-pajjiż biex jimmonitorja l-implimentazzjoni xierqa tal-programmi ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-proċess ta' riforma;

13.

Jisħaq fuq l-importanza għall-futur tal-Iraq tal-ftehim politiku milħuq mill-mexxejja Iraqin dwar l-istabbiliment ta' gvern ta' unità nazzjonali li jirrappreżenta sew id-diversità politika, reliġjuża u etnika tas-soċjetà tal-Iraq u jirrifletti r-rieda tal-poplu Iraqi kif espressa fl-elezzjoni ġenerali tas-7 ta' Marzu 2010; jappella għall-implimetazzjoni sħiħa, mingħajr aktar dewmien, ta' dak il-ftehim u jitlob lill-forzi politiċi fl-Iraq jibqgħu impenjati, fi spirtu ta' unità ta' intenzjoni, fil-konfront tal-proċess ta' ħolqien ta' istituzzjonijiet demokratiċi b'saħħithom u sostenibbli, u jistabbilixxu l-kundizzjonijiet neċessarji għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti, kemm fil-livell lokali kif ukoll fil-livell internazzjonali, li huma essenzjali għall-proċess tat-tranżizzjoni demokratika; jinnota li l-implimentazzjoni ta' dak il-ftehim tista' tkun l-unika soluzzjoni vijabbli bl-għan li jinbeda proċess effikaċi ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali; itenni l-importanza li jinħatru ministri permanenti fil-ministeri tad-difiża u l-intern sabiex tiġi evitata l-konċentrazzjoni tal-poter u jiġu promossi d-djalogu demokratiku, is-sorveljanza, ir-responsabbiltà politika u l-obbligu li jingħata rendikont fir-rigward tal-għażliet politiċi marbuta mas-sigurtà;

14.

Jesprimi tħassib dwar it-tensjonijiet settarji li qed jiżdiedu u n-nuqqas profond ta' fiduċja bejn il-Gvern u l-oppożizzjoni tal-Iraq, li, jekk ma jinstabx rimedju għalih, jista' jwassal biex jerġa' jibda kunflitt vjolenti; jesprimi tħassib kbir dwar ir-riperkussjonijiet negattivi potenzjali tal-kunflitt Sirjan fl-Iraq, li jistgħu jwasslu sabiex it-tensjonijiet settarji fl-Iraq imorru għall-agħar, u jistieden lill-parteċipanti kollha fl-Iraq jaġixxu b'mod responsabbli u b'kawtela biex jevitaw xenarju bħal dan;

15.

Jistieden lill-Gvern Iraqi jiżgura li r-riżorsi tal-pajjiż jintużaw b'mod trasparenti u responsabbli, għall-benefiċċju tal-poplu Iraqi kollu kemm hu;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni tabbozza klawsola vinkolanti dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpanniji (CSR) għall-eżami f'waħda mill-ewwel laqgħat tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni, abbażi tal-prinċipji tas-CSR kif definiti fil-livell internazzjonali, inkluż l-aġġornament tal-2010 tal-Linji Gwida tal-OECD u fl-istandards definiti min-NU, l-ILO u l-UE; jissuġġerixxi li din il-klawsola għandha tarmonizza l-istandards u l-kunċetti eżistenti, sabiex tiżgura l-kumparabilità u l-ekwità, u li għandha tistipula miżuri għall-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji fil-livell tal-UE, bħar-rekwiżiti għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-kumpanniji, is-sussidjarji u l-ktajjen ta' provvista tagħhom, u r-rekwiżit li tiġi applikata diliġenza dovuta;

17.

Jibqa' mħasseb ħafna, madankollu, dwar l-atti kontinwi ta' vjolenza fil-konfront tal-popolazzjoni ċivili, gruppi vulnerabbli u l-komunitajiet reliġjużi kollha, fosthom il-minoranzi Nsara, li jdaħħlu fil-popolazzjoni sens profond ta' biża' u inċertezza rigward il-futur tagħhom u dak ta' pajjiżhom; jinnota li sar xi progress f'dan il-qasam u jistieden lill-awtoritajiet Iraqin ikomplu jtejbu s-sigurtà u l-ordni pubbliku u jiġġieldu kontra t-terroriżmu u l-vjolenza settarja fil-pajjiż kollu; huwa tal-fehma li għandha tingħata prijorità wkoll lill-istabbiliment ta' qafas ġuridiku ġdid li jiddefinixxi biċ-ċar ir-responsabbiltajiet u l-mandat tal-forzi ta' sigurtà u jiffaċilita s-sorveljanza adegwata tal-forzi tas-sigurtà, kif mitlub fil-Kostituzzjoni; iqis li l-Kunsill tar-Rappreżentanti għandu jiżvolġi rwol xeiraq fit-tfassil ta' leġiżlazzjoni ġdida u fl-eżerċitar tal-iskrutinju demokratiku; jistieden lill-awtoritajiet Iraqin iżidu l-isforzi tagħhom biex jipproteġu l-minoranzi Nsara u l-minoranzi vulnerabbli kollha, jiggarantixxu liċ-ċittadini Iraqin kollha d-dritt li jipprattikaw l-fidi tagħhom jew li jaffermaw l-identità tagħhom fil-libertà u s-sikurezza, jieħdu miżuri aktar determinati biex jiġġieldu kontra l-vjolenza interetnika u interreliġjuża, jipproteġu l-popolazzjoni sekulari u jagħmlu ħilithom kollha biex iressqu lill-ħatja quddiem il-ġustizzja, f'konformità mal-istat tad-dritt u l-istandards internazzjonali; jemmen li l-ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni jipprovdi opportunità biex jiġu promossi aktar il-programmi ta' rikonċiljazzjoni u d-djalogu interreliġjuż bl-għan li jinħoloq mill-ġdid sens ta' koeżjoni u sħubija fis-soċjetà tal-Iraq;

18.

Jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn urġenti li jiġu riżolti l-problemi umanitarji li qed jiffaċċja l-poplu Iraqi; jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li tittieħed azzjoni koordinata bejn l-awtoritajiet Iraqin u l-organizzazzjonijiet ta' għajnuna internazzjonali li qed jaħdmu fil-post bil-għan li jgħinu lill-gruppi vulnerabbli, inklużi r-rifuġjati u l-persuni spustati, li dawk il-gruppi jiġu protetti u li jinħolqu kundizzjonijiet adegwati biex jiġu żgurati s-sigurtà u d-dinjità tagħhom;

19.

Jinnota bi tħassib li, skont il-UNHCR, 34 000 rifuġjat Sirjan talbu r-rifuġju fil-Kurdistan Iraqi mill-bidu tal-gwerra, u jitlob li tingħata assistenza lill-awtoritajiet Iraqin fil-ġestjoni tal-fluss tar-rifuġjati fl-Iraq, b'mod partikolari billi jiġi żgurat li r-rifuġjati jkunu aċċettati fit-territorju għal raġunijiet umanitarji u li jittieħdu f'kampijiet tar-rifuġjati; iħeġġeġ ukoll lill-UE twiegħed u tikkontribwixxi assistenza lill-Gvern tal-Iraq fl-iżgurar ta' kundizzjonijiet ta' għajxien umani f'dawn il-kampijiet tar-rifuġjati;

20.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Iraq, filwaqt li jirrikonoxxi l-impenn tagħhom biex jiżguraw is-sigurtà ta' u l-kundizzjonijiet ta' għajxien umani għar-residenti ta' Kamp Ashraf u Kamp Hurriya; jitlob lill-Istati Membri jonoraw l-Artikolu 105(3)(b) u (4) tal-ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq u jagħmlu dak kollu possibbli biex jiffaċilitaw ir-risistemazzjoni u r-rimpatriju tar-residenti ta' Kamp Hurriya fuq bażi individwali, u skont ir-rieda ħielsa tagħhom sabiex il-kwistjoni tal-preżenza tagħhom fit-territorju Iraqi tkun tista' tiġi finalment riżolta;

21.

Jitlob li jiġu riveduti l-Kostituzzjoni, il-Kodiċi Penali u l-Kodiċi tal-Proċedura Penali sabiex jiġi żgurat rispett sħiħ għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u għad-drittijiet tan-nisa; jerġa' jafferma r-rwol prinċipali li n-nisa jista' jkollhom fl-istabbiliment mill-ġdid tat-tessut soċjali u jenfasizza l-ħtieġa li jipparteċipaw b'mod sħiħ fil-politika, inkluż fl-iżvilupp ta' strateġiji nazzjonali, biex jitqiesu l-perspettivi tagħhom;

22.

Jinkoraġġixxi lill-NGOs jikkontribwixxu għat-tisħiħ tad-demokrazija u d-drittjiet tal-bniedem fl-Iraq billi jipprovdu assistenza speċifika għan-nisa li huma vittmi ta' vjolenza, żwiġijiet sfurzati, delitti tal-unur, traffikar tal-bnedmin u mutilazzjoni ġenitali;

23.

Iħeġġeġ lill-Parlament u lill-Gvern Iraqin biex idaħħlu leġiżlazzjoni kontra t-tħaddim tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u t-traffikar, u biex jiggarantixxu konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

24.

Jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess ta' rikostruzzjoni wara kunflitt u fil-ħajja politika u ekonomika fl-ogħla livelli, speċjalment għal nisa minn komunitajiet minoritarji, li ta' spiss jaffaċċjaw diskriminazzjoni doppja abbażi kemm tal-ġeneru kif ukoll tal-identità etnika jew reliġjuża; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iraqin jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-iżvilupp ta' soċjetà ċivili inklussiva li tista' tkun involuta bis-sħiħ fil-proċess politiku u jippromwovu settur tal-midja indipendenti, pluralista u professjonali;

25.

Jesprimi tħassib kbir dwar il-ħafna każijiet ta' suwiċidju ta' nisa u ta' qtil tal-unur marbuta maż-żwiġijiet sfurzati, u każijiet oħra komuni ta' vjolenza kontra n-nisa, bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili u l-abbuż domestiku; jenfasizza l-importanza li jiġi introdott korp ta' liġijiet adegwat u effikaċi li jirrispetta u jipproteġi d-drittijiet tan-nisa u tat-tfajliet u l-integrità soċjali, kulturali u fiżika tagħhom, li jiġi promoss l-aċċess sħiħ għall-integrazzjoni soċjoekonomika u li tiġi eliminata d-diskriminazzjoni kontra n-nisa fid-dritt bi qbil mal-Kostituzzjoni tal-Iraq u l-obbligi tal-Iraq skont it-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

26.

Jilqa' d-Dokument Strateġiku Konġunt (2011-2013) tal-Kummissjoni, li jimmarka t-tranżizzjoni lejn programmazzjoni pluriennali tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE abbażi ta' konsultazzjoni mal-awtoritajiet Iraqin u ta' koordinazzjoni mal-parteċipanti internazzjonali l-oħra (Bank Dinji, NU) li huma attivi fl-Iraq; jinnota li dan l-approċċ il-ġdid huwa konsistenti mal-linji gwida ewlenin li jinsabu fir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-13 ta' Marzu 2008;

27.

Ifaħħar is-suċċessi miksuba mill-missjoni EUJUST LEX u l-implimentazzjoni, għall-ewwel darba, ta' proġetti pilota fl-Iraq f'koordinazzjoni mal-proġett tal-Kummissjoni; jitlob li, fi tmiem din il-missjoni, l-UE għandha tuża l-esperjenza kollha miksuba billi jintużaw l-istrumenti kemm tal-PESD kif ukoll tal-Unjoni sabiex tkompli tipprovdi assistenza fil-post biex tissaħħaħ is-sistema penali u tal-pulizija tal-Iraq;

28.

Itenni t-talba tiegħu li jingħataw provi tat-trasparenza u l-effikaċja tal-għajnuna tal-Unjoni lill-Iraq, fil-forma ta' informazzjoni komprensiva, regolari u trasparenti rigward l-iżborż attwali ta' għajnuna tal-Unjoni u l-modi kif tintuża, b'mod partikolari fir-rigward tal-approprjazzjonijiet mgħoddija mill-IRFFI, li l-UE hija d-donatur ewlieni tiegħu;

29.

Jinnota li l-attivitajiet ta' kooperazzjoni tal-UE programmati fil-qasam tal-iżvilupp soċjali u uman għandhom l-għan li jikkumbattu l-faqar, jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta' saħħa, edukazzjoni u impjieg u jippromwovu l-libertajiet fundamentali għal kulħadd, inklużi l-aktar gruppi vulnerabbli, jiġifieri r-rifuġjati, il-persuni spustati u l-minoranzi reliġjużi kollha; jinsisti li dawn l-attivitajiet kollha għandhom jiġu implimentati b'tali mod li jsaħħu l-kapaċità u l-istituzzjonijiet, bi qbil mal-prinċipji tal-inklużjoni, it-trasparenza u l-governanza tajba;

30.

Jenfasizza l-pożizzjoni ġeopolitika sensittiva tal-Iraq, li għandu fruntieri mas-Sirja, l-Iran, it-Turkija, l-Arabja Sawdija u l-Ġordan; jistenna li l-Iraq ikollu rwol ta' stabbilizzazzjoni fir-reġjun, b'mod partikolari fid-dawl tal-gwerra ċivili li għadha għaddejja fis-Sirja; jistenna li l-Iraq jappoġġa tranżizzjoni demokratika u inklussiva fis-Sirja;

31.

Ifaħħar it-twaqqif riċenti tal-Kummissjoni Għolja tal-Iraq għad-Drittijiet tal-Bniedem bħala istituzzjoni indipendenti li tista' tagħti tifsira lid-drittijiet garantiti mill-Kostituzzjoni tal-Iraq u jkollha rwol ċentrali fil-protezzjoni ta' dawn id-drittijiet; jenfasizza l-importanza li tinżamm l-indipendenza ta' din l-istituzzjoni mill-influwenza politika u li jingħata appoġġ finanzjarju adegwat, fiż-żgur u indipendenti għall-operazzjonijiet tagħha; jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni regolari, trasparenti u kontinwa mill-entitajiet governattivi mal-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni; jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw l-iżvilupp tagħha permezz ta' assistenza teknika, djalogu kontinwu u l-kondiviżjoni tal-esperjenza b'rabta mal-isforzi ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

32.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Presidenti tal-Parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tar-Repubblika tal-Iraq.


(1)  ĠU L 204, 31.7.2012, p. 20.

(2)  ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 287.

(3)  ĠU C 66 E, 20.3.2009, p. 75.

(4)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 115.

(5)  ĠU C 136 E, 11.5.2012, p. 53.