30.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 440/2


P7_TA(2013)0001

L-iżvilupp mill-ġdid urban bħala kontribut għat-tkabbir ekonomiku

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2013 dwar l-iżvilupp mill-ġdid urban bħala kontribut għat-tkabbir ekonomiku fil-qafas tal-Politika ta' Koeżjoni tal-UE (2011/2311(INI))

(2015/C 440/01)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 174 u 176 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxu l-objettiv tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u jiddefinixxu l-istrumenti finanzjarji strutturali biex dan l-objettiv jintlaħaq, u jipprovdu li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jkun maħsub biex jikkontribwixxi għall-korrezzjoni tal-iskwilibriji reġjonali prinċipali li jeżisti fl-Unjoni,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bl-isem “Ewropa 2020 Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar il-kontribut tal-Politika ta’ Koeżjoni għall-kisba tal-objettivi ta’ Lisbona u tal-UE 2020 (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2010 dwar il-ksib ta' koeżjoni territorjali, soċjali u ekonomika vera fi ħdan l-UE – kundizzjoni sine qua non għall-kompetittività dinjija? (2),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 intitolata “Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni” (COM(2010)0642),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Novembru 2010 bit-titolu “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta' impjiegi” (COM(2010)0682),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2010 bit-titolu “Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali” (COM(2010)0758),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2011 bl-isem “Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza – Inizjattiva ewlenija taħt l-Istrateġija Ewropa 2020” (COM(2011)0021),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ġunju 2011 dwar is-sitwazzjoni attwali u sinerġiji futuri għal effikaċja akbar bejn il-FEŻR u Fondi Strutturali oħra (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 bit-titolu “Il-PDG u lil hinn minnu – inkejlu l-progress f’dinja li dejjem tinbidel” (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar “Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva” (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2011 dwar il-Ħames Rapport ta’ Koeżjoni tal-Kummissjoni u l-istrateġija għall-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2013 (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Settembru 2011 dwar l-assorbiment tal-Fondi Strutturali u l-Fondi ta’ Koeżjoni: tagħlimiet meħuda għall-politika ta’ koeżjoni futura tal-UE (7),

wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Ottubru 2011, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (COM(2011)0615),

wara li kkunsidra l-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Ottubru 2011, dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u jirrevoka r-Regolament (EC) No 1080/2006 (COM(2011)0614),

wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Ottubru 2011, dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 (COM(2011)0607),

wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Ottubru 2011, dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni (COM(2011)0609),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2008 fuq it-tema “Lejn kultura ġdida għall-mobiltà urbana” (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Marzu 2009 dwar id-dimensjoni urbana tal-politika ta’ koeżjoni fil-perjodu ġdid ta’ programmar (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ April 2009 dwar pjan ta' azzjoni għall-mobilità fl-ibliet (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ġunju 2011 dwar l-Aġenda Urbana Ewropea u l-Futur tagħha fil-Politika ta’ Koeżjoni (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2005 dwar id-dimensjoni urbana fil-kuntest tat-tkabbir (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Settembru 2006 dwar l-Istrateġija Tematika dwar l-Ambjent Urban (14),

wara li kkunsidra l-Karta ta’ Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli, approvata fl-okkażjoni tal-Laqgħa Ministerjali Informali dwar l-Iżvilupp Urban u l-Koeżjoni Territorjali li saret fl-24 u l-25 ta' Mejju 2007 f'Leipzig,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Toledo għall-Iżvilupp Urban, approvata waqt il-Laqgħa Ministerjali Informali li saret f’Toledo fit-22 ta’ Ġunju 2010,

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0406/2012),

A.

billi 80 % taċ-ċittadini Ewropej jgħixu f’kuntesti urbani (din il-figura għadha qed tkompli tikber minħabba l-aċċelerazzjoni tal-flussi migratorji minn żoni rurali lejn dawk urbani), u huwa hemmhekk li huma kkonċentrati fil-biċċa l-kbira l-effetti tal-kriżi ekonomika u fejn jinsabu l-isfidi tal-ġlieda kontra t-tibdil tal-klima, tal-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol, tal-benesseri u tal-kwalità tal-ħajja;

B.

billi ż-żoni urbani għandhom ifasslu pjanijiet ta’ azzjoni għall-futur fuq żmien medju u għal żmien fit-tul fl-oqsma tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali sostenibbli;

C.

billi l-ibliet jirrappreżentaw il-mutur tal-ekonomija, tal-produzzjoni u tal-impjiegi, madankollu fl-istess waqt jikkostitwixxu l-kuntest li fih wieħed jiltaqa’ mal-problemi tas-suburbanizzazzjoni, tal-qgħad u, b’mod aktar ġenerali, tal-esklużjoni soċjali u tas-segregazzjoni, u tat-tniġġis ambjentali;

D.

billi ż-żoni urbani b’saħħithom għandhom ukoll influenza pożittiva fuq il-kampanja tal-madwar, u dan jista’ jkollu effetti li jkomplu jinfirxu;

E.

billi jeħtieġ li l-kunċett ta’ periferija urbana jiġi kkunsidrat mill-ġdid biex titbiddel it-tendenza attwali li hemm lejn segregazzjoni spazjali, li twassal għal polarizzazzjoni soċjali;

F.

billi l-proċessi ta’ trasformazzjoni li qed iseħħu bħalissa fit-tessut urban jipproduċu aspettattivi u problemi dejjem akbar li għalihom l-istat tradizzjonalment jipprova jirriżolvi u, għalhekk, jeħtieġu mekkaniżmi għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali innovattivi u integrati;

G.

billi f’bosta bliet it-tibdil soċjodemografiku wassal għal ċaqliq tal-popolazzjoni mid-djar tagħhom fiż-żoni urbani aktar antiki lejn oqsma residenzjali ġodda u aktar periferiċi, żoni urbani fit-truf tal-bliet jew sempliċement bliet żgħar ġodda qrib agglomerazzjonijiet kbar;

H.

billi l-inugwaljanza soċjali hija sfida f’ħafna żoni urbani, u billi l-inugwaljanzi bejn il-qwartieri residenzjali spiss huma dovuti għal politiki dwar l-akkomodazzjoni li ma jkunux xierqa u għall-fatt li l-provvedimenti tas-servizzi spiss huma ristretti għaż-żoni li jkunu aktar għanja;

I.

billi konsiderazzjoni mill-ġdid tal-approċċi tradizzjonali tista’ ssir l-okkażjoni biex jiġi varat proċess ta’ sperimentazzjoni urbanistika u ta’ itinerarji proġettwali, imsejsa fuq interpretazzjoni mill-ġdid tal-azzjonijiet ta’ ppjanar tal-ispazji, il-ħtiġijiet komunitarji u l-involviment taċ-ċittadini;

1.

Jenfasizza li l-mudell ta’ żvilupp lokali jirrappreżenta punt ta’ saħħa ewlenija tal-politika ta’ koeżjoni peress li fatturi ta’ mobilità deċiżivi jinkoraġġixxi s-selezzjoni tal-aħjar għażliet li huma l-eqreb għaċ-ċittadini, l-azzjonijiet konġunti u l-miżuri l-aktar koerenti, effikaċi u effiċjenti, filwaqt li jagħti, barra minn hekk, viżibilità akbar lill-interventi komunitarji f’dawk iż-żoni tal-UE li jinsabu quddiem sfidi aktar diffiċli;

2.

Jitlob li jkun hemm fażi regolatorja ġdida tal-UE konnessa ma’ pjan għas-salvagwardja u r-riġenerazzjoni taż-żoni urbani, li – filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà – tkun tista’ tipprovdi l-bażi ġuridika meħtieġa, tiddefinixxi l-għanijiet komuni u kondiviżi fuq perjodu medju u fit-tul, u tagħmel l-aħjar użu possibbli mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni;

3.

Jittama li jittieħdu azzjonijiet immirati biex jitlestew għalkollox u jiġu restawrati l-partijiet li diġà jeżistu fl-ibliet, inklużi l-kwartieri residenzjali emarġinati, biex issir il-konverżjoni funzjonali ta' spazji li m'għadhomx jintużaw u żoni ta’ żvilupp mill-ġdid, it-tisħiħ, permezz ta’ proċess ta’ żvilupp dinamiku, tal-attrattiva tal-postijiet fejn jgħixu n-nies, u biex il-komunità tingħata lura spazji ta' simboliżmu qawwi u li jkunu storikament għanja li jkunu tilfu l-funzjoni oriġinali tagħhom u li ftit ftit ġew ittraskurati, filwaqt l jipprwovu l-wirt kulturali;

4.

Jitlob li jiġu mmobilizzati riżorsi kulturali u ekonomiċi, filwaqt li bħala prijorità wieħed jassumi s-sostenibilità soċjali tat-trasformazzjoni urbana, u b’hekk jingħata kontribut lis-solidarjetà urbana, lill-inklużjoni soċjlai u lill-integrazzjoni tal-gruppi vulnerabbli u emarġinati fiż-żoni urbani, bil-għan li jiġi sfruttat għalkollox il-potenzjal tal-iżvilupp fil-għarfien li l-proċessi ta’ riġenerazzjoni urbana għandhom ir-riskju li jobżqu ’l barra t-taqsimiet aktar dgħajfa tal-popolazzjoni; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li l-abitanti jiġu involuti mill-qrib mill-aktar stadju bikri possibbli;

5.

Jenfasizza r-rwol ewlieni li ż-żoni urbani għandhom iwettqu biex jintlaħqu l-objettivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-istrateġija Ewropa 2020, u jenfasizza l-fatt li l-Unjoni tista’ tkun kompetittiva globalment jekk il-politika ta’ koeżjoni tisfrutta għalkollox il-potenzjal ta’ żvilupp tar-reġjuni u ż-żoni urbani kollha tagħha;

6.

Jitlob li jkun hemm approċċ integrat li jipprevedi l-interkonnessjoni tas-sistema naturali u ambjentali ma’ dik storika-kulturali u ma' dik soċjo-produttiva, filwaqt li jiġi ggarantit l-iżvilupp tan-netwerk infrastrutturali, it-titjib tal-ispazji urbani u t-tkabbir tat-tessut ekonomiku u filwaqt li jiġi promoss użu mħallat tat-territorju, permezz tal-integrazzjoni tal-opri residenzjali u mhux residenzjali, infrastrutturi tanġibbli u sistemi ta' konnettività mhux tanġibbli;

7.

Jenfasizza li jinħtieġu forom ġodda ta’ riġenerazzjoni urbana, li jiffukaw fuq il-ħtieġa li l-komunitajiet ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom spazji pubbliċi, parkijiet, rikreazzjoni, kultura u sport;

8.

Jitlob li jkun hemm dinamika ta' proġettazzjoni fejn ikun hemm parteċipazzjoni u sħubijiet ma' assoċjazzjonijiet u ċittadini biex jiġi ggarantit il-kollegament meħtieġ bejn il-politiki ġenerali u l-ispazji territorjali speċifiċi, filwaqt li jiġi apprezzat il-valur tal-partikolaritajiet, l-identitajiet, il-memorja u l-istorja tagħhom u jiġi msaħħaħ is-sens ta’ appartenenza għall-komunità u l-fiduċja fl-istituzzjonijiet;

9.

Jenfasizza li r-riġenerazzjoni urbana u r-rivitalizzazzjoni ekonomika huma marbuta mill-qrib ħafna bejniethom u li l-kostruzzjoni ta’ lokal attraenti tista’ ssir fattur fil-proċess tal-irkupru ekonomiku; jirrimarka li bil-għan li dan jirnexxi li jsir, ir-riġenerazzjoni urbana għandha ssir flimkien ma' approċċ ġdid li jikkombina flimkien l-isforzi biex tiġi pprevenuta d-deġenerazzjoni urbana, jiġi promoss l-iżvilupp taż-żoni li jinsabu fil-bżonn u ta’ dawk emarġinati u jiġu appoġġjati t-tkabbir ekonomiku lokali u l-ħolqien tal-impjiegi, ikkumplementati minn miżuri soċjali;

10.

Jitlob li jittieħdu azzjonijiet deċiżivi għall-ġlieda kontra l-ineffiċjenza enerġetika, permezz tar-riassenjament funzjonali ta' binjiet u l-kostruzzjoni ta' djar li jkunu effiċjenti fl-użu tal-enerġija, inkluż għall-akkomodazzjoni soċjali; it-tnaqqis tal-konġestjonijiet, il-kontaminazzjoni u l-istorbju b’tali mod li l-belt issir aktar kompetittiva f’dak li jirrigwarda l-problemi ambjentali;

11.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm strateġija għall-preservazzjoni u s-salvagwardja tal-wirt urban u tad-djar f’żoni klassifikati bħala li jinsabu f'riskju kbir ta' terremoti u għargħar;

12.

Itenni li hu meħtieġ li jiġi kkoordinat l-użu tal-fondi biex jiġi ggarantit approċċ integrat għall-funzjonament ħażin tal-iżvilupp demografiku, tat-tixjiħ progressiv u tal-konċentrazzjoni urbana; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-proġetti tal-fondi strutturali jistgħu jgħinu biex jiġu pprovduti soluzzjonijiet għal problemi serji u għandhom jiffukaw fuq in-nies u jagħtu attenzjoni partikolari lil dawk li huma żvantaġġati f’din is-soċjetà, pereżempju t-tfal, iż-żgħażagħ, in-nisa u x-xjuħ;

13.

Jilqa’ l-passi meħuda biex jiġu promossi n-netwerks bejn l-ibliet u l-iskambju ta’ esperjenzi u ta’ prattiki tajba; jirrimarka li dawn il-passi għandhom ikomplu jiġu msaħħa u estiżi aktar biex jinkludu ż-żoni urbani funzjonali; jitlob l-espansjoni tal-istrumenti eżistenti għal dan il-għan filwaqt li jenfasizza li l-programmi u l-korpi eżistenti għandhom jintużaw qabel ma jinħolqu strutturi ġodda;

14.

Jilqa’ d-dispożizzjoni li mill-anqas 5 % tar-riżorsi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jsiru disponibbli għall-azzjonijiet integrati għal żvilupp urban sostenibbli, li għandu jiġi ddelegat lill-bliet biex jiġu ġestiti minnhom; jenfasizza li din iċ-ċifra hija mira minima u għandha tintuża biex tappoġġja l-iżvilupp fiż-żoni urbani funzjonali; jistieden lil-livelli differenti ta' awtorità jagħmlu użu mill-istrumenti l-ġodda bħalma huma l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità;

15.

Jopponi r-riġidità fl-użu tar-riżorsi msemmija hawn fuq fl-implimentazzjoni tal-investimenti territorjali integrati (ITI); hu tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibilità li jimplimentaw l-azzjonijiet integrati għal żvilupp urban sostenibbli anke permezz ta’ programm operazzjonali speċifiku jew assi ta’ prijorità speċifika;

16.

Jenfasizza li, filwaqt li ż-żoni urbani jistgħu jagħtu kontribut vitali bħala ċentri ta' tkabbir u muturi tat-tkabbir, jeħtieġ li jiġu integrati l-ħtiġijiet ta' żvilupp lokali meta jkunu qed jiġu indirizzati l-problemi taż-żoni suburbani, ġirien u rurali, bil-għan li tiġi promossa relazzjoni li ma tkunx f'konflitt imma li tkun kumplementari u sinerġetika, u bil-għan li jiġi ttrattat b'mod deċiżiv u organizzat it-telf gradwali tal-periferiji rurali-urbani, minħabba t-tendenza tat-tifrix urban, u l-konverżjoni ta’żoni rurali f’art għall-bini, filwaqt li jiġu żviluppati l-aċċessibilità tas-servizzi pubbliċi;

17.

Jitlob li jsir titjib tal-kapaċità amministrattiva – pereżempju permezz ta’ użu akbar tal-għajnuna teknika – tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u tal-atturi ekonomiċi u soċjali, fl-immaniġġjar tal-fondi strutturali, għall-fini li jkun hemm governanza fuq diversi livelli reali, bil-għan li jiġi żgurat li l-objettivi jintlaħqu; iqis li huwa kruċjali li netwerks multifunzjonali sostenibbli, ibbażati fuq prattiki tajba, jiġu żviluppati u promossi b’tali mod li jistimula l-formazzjoni ta’ sħubijiet urbani-rurali li jkunu mimlija ħajja u integrati bbażati fuq il-ħtiġijiet tar-reġjuni individwali;

18.

Jenfasizza l-opportunità li jinħoloq netwerking bejn il-proġetti pilota dwar l-iżvilupp urban sostenibbli ffinanzjati mill-FEŻR u l-programm pluriennali l-ġdid Orizzont 2020, biex jiġu ggarantiti soluzzjonijiet innovattivi u strateġiji li jistgħu jiġu replikati fil-qasam tar-riġenerazzjoni urbana;

19.

Jinsab konvint li l-esperjenza tal-“Patt tas-Sindki” tista’ tirrappreżenta punt ta' tluq tajba għal żviluppi ulterjuri fis-segwitu tal-objettivi tal-Istrateġija UE 2020;

20.

Jitlob li jkun hemm mudell tal-mmaniġġjar tal-mobilità sostenibbli, integrat mal-ippjanar urban, li jkun jikkonsisti f’aktar faċilitajiet pubbliċi u netwerks loġistiċi sistemiċi li jkunu jixirqu lill-ħtiġijiet tad-distribuzzjoni urbana tal-beni u s-servizzi, filwaqt li tingħata attenzjoni xierqa lill-ħtiġijiet ta’ trasport ekoloġiku;

21.

Jinsab konvint li problemi ambjentali bħalma hu l-immaniġġjar tal-iskart jirrappreżentaw problema maġġuri li tmur lil hinn minn sempliċi aspetti tekniċi u għandhom impass fuq kwestjonijiet soċjali; iħeġġeġ, barra minn hekk, li jkomplu jittieħdu l-miżuri li jiżguraw servizzi ta’ kwalità ta’ provvista u purifikazzjoni tal-ilma fl-ibliet, minħabba li dawn huma ta' benefiċċju għall-pubbliku u għall-ambjent fl-istess ħin;

22.

Jenfasizza li ż-żieda fl-ispazji ħodor u fil-parkijiet urbani tikkostitwixxi element ta’ valur estremament għoli f’dak li hu patrimonju naturali, storiku u kulturali, tikkontribwixxi biex jiġu regolati l-effetti negattivi tal-mikroklima, għal baġit enerġetiku aqwa u tfaddil finanzjarju, tiżdied is-sostenibilità u l-kwalità tal-ambjent urban, u tippermetti li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet rikreattivi u soċjali;

23.

Jitlob li, fid-definizzjoni tal-proċessi ta’ żvilupp urban, tingħata prijorità lill-materjali u soluzzjonijiet tekniċi li jippermettu standards ta’ ffrankar enerġetiku f’konformità mal-objettivi tal-politiki Ewropej;

24.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.


(1)  ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 120.

(2)  ĠU C 169 E, 15.6.2012, p. 29.

(3)  ĠU C 390 E, 18.12.2012, p. 27.

(4)  ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 81.

(5)  ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 89.

(6)  Testi adottati, P7_TA(2011)0316.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2011)0403.

(8)  Testi adottati, P7_TA(2011)0495.

(9)  ĠU C 294 E, 3.12.2009, p. 42.

(10)  ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 73.

(11)  ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 43.

(12)  ĠU C 390 E, 18.12.2012, p. 10.

(13)  ĠU C 233 E, 28.9.2006, p. 127.

(14)  ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 182.